Language of document : ECLI:EU:C:1974:82

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

11 ta' Lulju 1974 (*)

"Talba għal deċiżjoni preliminari - Tribunal de première instance de Bruxelles (il-Belġju)"

Fil-kawża C-8/74,

li għandha bħala suġġett talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mit-Tribunal de première instance de Bruxelles u intiża sabiex tikseb, fil-proċeduri kriminali pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Procureur du Roi (Prosekutur Pubbliku)

u

Benoît Dassonville u Gustave Dassonville

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 30 sa 33, 36 u 85 tat-Trattat KEE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn R. Lecourt, President, A. M. Donner, M. Sørensen, Presidenti ta' Awla, R. Monaco, J. Mertens de Wilmars, P. Pescatore, H. Kutscher, C. Ó Dálaigh, A. J. Mackenzie Stuart (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Trabucchi,

Reġistratur: A. Van Houtte,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Motivi tas-sentenza

1        B'sentenza tal-11 ta' Jannar 1974, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta' Frar 1974, it-Tribunal de Première Instance ressaq, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, żewġ domandi dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 30, 31, 32, 33, 36 u 85 tat-Trattat KEE, li jirrigwardaw il-ħtieġa ta' dokument uffiċjali maħruġ mill-Gvern tal-pajjiż esportatur għall-prodotti b'denominazzjoni ta' oriġini.

2        Permezz ta' l-ewwel domanda, qiegħed jiġi mistoqsi jekk dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' merkanzija b'denominazzjoni ta' oriġini, meta din il-merkanzija ma jkollhiex magħha dokument uffiċjali maħruġ mill-Istat esportatur li jiċċertifika li din il-merkanzija għandha d-dritt ikollha din id-denominazzjoni, tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat.

3        Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta' proċeduri kriminali li ttieħdu fil-Belġju kontra negozjanti li akkwistaw, b'mod regolari, kunsinna ta' Scotch whisky liberament disponibbli fis-suq fi Franza, u li importawha ġewwa l-Belġju mingħajr ma kellhom ċertifikat ta' oriġini mill-awtoritajiet doganali Brittanniċi, bi ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

4        Jirriżulta mill-proċess u mit-trattazzjoni orali li negozjant li jixtieq jimporta fil-Belġju Scotch whisky, li diġà jkun liberament disponibbli fis-suq fi Franza, jista' biss jikseb tali ċertifikat b'diffikultà kbira, għall-kuntrarju ta' l-importatur li jimporta direttament mill-Istat ta' produzzjoni.

5        Ir-regoli kummerċjali kollha ta' l-Istati Membri li, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, jistgħu jfixklu l-kummerċ intraKomunitarju għandhom jitqiesu bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi.

6        Sakemm ma tiġix stabbilita sistema Komunitarja li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-awtentiċità tad-denominazzjoni ta' oriġini ta' prodott, fil-każ li Stat Membru jieħu miżuri biex jevita li jseħħu prattiċi inġusti f'dan ir-rigward, dan jista' jagħmlu biss bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jkunu raġonevoli u li l-mezzi ta' prova rikjesti ma jkunux ta' tfixkil għall-kummerċ bejn l-Istati Membri u, konsegwentement, ikunu aċċessibli għaċ-ċittadini kollha ta' dawn l-Istati.

7        Anki mingħajr ma jiġi eżaminat jekk tali miżuri jaqgħux jew le taħt l-Artikolu 36, skond il-prinċipju msemmi fit-tieni sentenza ta' dan l-Artikolu, dawn f'ebda każ m'għandhom jikkostitwixxu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

8        Dan jista' jkun il-każ bil-formalitajiet rikjesti minn Stat Membru bħala prova ta' l-oriġini ta' prodott, li prattikament l-importaturi diretti biss huma f'qagħda li jissodisfaw mingħajr ma jiffaċċjaw diffikultajiet serji.

9        Għaldaqstant, il-fatt li Stat Membru jitlob ċertifikat ta' awtentiċità li huwa iktar diffiċli biex jinkiseb mill-importaturi ta' prodott li jkun liberament disponibbli, b'mod regolari, fis-suq fi Stat Membru ieħor, milli mill-importaturi ta' l-istess prodott li jkun ġej direttament mill-pajjiż ta' oriġini, jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva inkompatibbli mat-Trattat.

10      Permezz tat-tieni domanda, qiegħed jiġi mistoqsi jekk ftehim li jkollu l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u li jeffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri meta jitqies flimkien ma' regola nazzjonali dwar iċ-ċertifikati ta' oriġini, huwiex null meta tali ftehim sempliċement jawtorizza lill-importatur esklużiv juża din ir-regola sabiex jimpedixxi importazzjonijiet paralleli jew ma jipprojbixxihx milli jagħmel dan.

11      Ftehim ta' esklużività jaqa' taħt il-projbizzjoni ta' l-Artikolu 85 meta jimpedixxi, fid-dritt jew fil-fatt, li l-prodotti in kwistjoni jiġu importati minn Stati Membri oħra fit-territorju protett minn persuni oħra apparti l-importatur esklużiv.

12      B'mod iktar partikolari, ftehim ta' esklużività jista' jeffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u jista' jkollu l-effett li jfixkel il-kompetizzjoni, meta l-konċessjonarju jkun jista' jimpedixxi l-importazzjonijiet paralleli minn Stati Membri oħra fit-territorju kopert bil-konċessjoni bis-saħħa ta' l-effetti kkombinati tal-ftehim u ta' liġi nazzjonali li teżiġi l-użu esklużiv ta' mezz partikolari ta' prova ta' awtentiċità.

13      Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mhux biss id-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mill-klawżoli tal-ftehim, iżda wkoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jitħaddem dan il-ftehim, u b'mod partikolari, il-possibbiltà li jeżistu ftehim simili konklużi bejn l-istess produttur u konċessjonarji stabbiliti fi Stati Membri oħra.

14      F'dan ir-rigward, iż-żamma fi Stat Membru ta' prezzijiet konsiderevolment ogħla minn dawk fi Stat Membru ieħor tista' twassal biex jiġi eżaminat jekk il-ftehim ta' esklużività jkunx qed jiġi użat bil-għan li jimpedixxi lill-importaturi milli jiksbu l-mezzi ta' prova ta' l-awtentiċità tal-prodott in kwistjoni, meħtieġa mir-regola nazzjonali tat-tip li għalih tirreferi d-domanda.

15      Madankollu, il-fatt li ftehim sempliċement jawtorizza l-użu ta' tali regola nazzjonali, jew ma jipprojbixxix tali użu, mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, biex jagħmel il-ftehim null ipso jure.

 Fuq l-ispejjeż

16      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet tal-Belġju u tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura.

17      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem it-Tribunal de première instance de Bruxelles, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b'risposta għad-domandi mressqa quddiemha mit-Tribunal de première instance, permezz ta' sentenza tal-11 ta' Jannar 1974, taqta' u tiddeċiedi:

1)      Il-fatt li Stat Membru jitlob ċertifikat ta' awtentiċità li huwa iktar diffiċli biex jinkiseb mill-importaturi ta' prodott li jkun liberament disponibbli, b'mod regolari, fis-suq fi Stat Membru ieħor, milli mill-importaturi ta' l-istess prodott li jkun ġej direttament mill-pajjiż ta' oriġini, jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva inkompatibbli mat-Trattat.

2)      Il-fatt li ftehim sempliċement jawtorizza l-użu ta' tali regola nazzjonali, jew ma jipprojbixxix tali użu, mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, biex jagħmel il-ftehim null ipso jure.

Lecourt

Donner      Sørensen

Monaco

Mertens de Wilmars

Pescatore

Kutscher

Ó Dálaigh

Mackenzie Stuart

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta' Diċembru 1974.


A. Van Houtte

 

      R.. Lecourt

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.