Language of document : ECLI:EU:T:2013:215

Kawża T-526/10

Inuit Tapiriit Kanatami et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kummerċ tal-prodotti mill-foki — Regolament (KE) Nru 1007/2009 — Modalitajiet ta’ applikazzjoni — Regolament (UE) Nru 737/2010 — Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija — Eċċezzjoni favur il-komunitajiet Inuit — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Bażi legali — Sussidjarjetà — Proporzjonalità — Użu ħażin ta’ poter”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-25 ta’ April 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Eżami tal-mertu qabel eżami tal-ammissibbiltà — Ammissibbiltà

2.      Eċċezzjoni ta’ illegalità — Portata — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita — Att ta’ natura ġenerali li huwa l-bażi tal-att ikkontestat

(Artikoli 263 TFUE u 277 TFUE)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Kriterji — Att tal-Unjoni li għandu skop doppju jew li għandu komponent doppju — Riferiment għall-iskop jew għall-komponent prinċipali jew predominanti — Regolament fuq il-kummerċ tal-prodotti mill-foki — Għan uniku ta’ titjib tal-funzjonament tas-suq intern — Assenza ta’ skop doppju jew ta’ komponent doppju

(Artikoli 95 KE u 133 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1007/2009, Artikolu 3(1))

4.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Miżuri intiżi biex itejbu l-funzjonament tas-suq intern — Bażi legali — Artikolu 95 KE — Kamp ta’ applikazzjoni

(Artikolu 95 KE)

5.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Kummerċ tal-prodotti mill-foki — Regolament Nru 1007/2009 — Bażi legali — Artikolu 95 KE — Titjib tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern — Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija — Natura determinanti tal-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali fl-għażla tal-miżuri ta’ armonizzazzjoni — Assenza ta’ effett

(Artikolu 95 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1007/2009)

6.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità — Applikazzjoni għall-atti adottati bil-għan tat-twettiq tas-suq intern — Stħarriġ tal-osservanza tal-prinċipji msemmija — Kriterji

(Artikolu 95 KE)

7.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Kummerċ tal-prodotti mill-foki — Regolament Nru 1007/2009 — Modalitajiet ta’ applikazzjoni — Tfassil ta’ kundizzjonijiet iddettaljati għall-importazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-prodotti msemmija — Użu ħażin ta’ poter — Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1007/2009; Regolament tal-Kummissjoni Nru 737/2010)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 20)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 24)

3.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ kompetenzi tal-Unjoni, l-għażla tal-bażi legali ta’ att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Fost tali elementi jidhru, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att. Jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li għandu skop doppju jew li għandu komponent doppju, u jekk wieħed minn dawn huwa identifikabbli bħala dak prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa biss aċċessorju, l-att irid ikun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-iskop jew komponent prinċipali jew predominanti. Eċċezzjonalment, jekk jiġi stabbilit, min-naħa l-oħra, li l-att ikkonċernat ikollu iktar minn għan wieħed fl-istess ħin jew jekk ikollu iktar minn komponent wieħed, li jkunu marbuta b’mod li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta pparagunat mal-ieħor, tali att irid ikun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti.

Dan ma huwiex il-każ tar-Regolament Nru 1007/2009, dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki, li għandu bħala għan uniku, b’mod partikolari stabbilit fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(1) tiegħu, dak li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri intiżi sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, mingħajr ma huwa mfittex ukoll għan marbut mal-implementazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. B’hekk ir-Regolament Nru 1007/2009 ma jistax ikollu bħala bażi legali l-Artikoli 95 KE u 133 KE fl-istess ħin.

(ara l-punti 27, 66, 67, 72)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28-30, 32, 54)

5.      Ir-Regolament Nru 1007/2009, dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki, għandu bħala għan it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-funzjonament tas-suq intern u, għalhekk, ġie adottat abbażi tal-Artikolu 95 KE.

Fil-fatt, meta jeżistu ostakoli għall-kummerċ, jew ikun probabbli li fil-futur jista’ jkun hemm tali ostakoli, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw, fir-rigward ta’ prodott jew ta’ kategorija ta’ prodotti, miżuri diverġenti, b’tali mod li jiġi żgurat livell differenti ta’ protezzjoni u li, minħabba f’hekk, il-prodott jew prodotti kkonċernati jiġu preklużi milli jiċċirkolaw liberament fl-Unjoni, l-Artikolu 95 KE jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jintervjeni billi jadotta l-miżuri xierqa fl-osservanza, minn naħa, tal-Artikolu 95(3), u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat jew identifikati mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont iċ-ċirkustanzi, dawn il-miżuri xierqa jistgħu jikkonsistu fl-obbligu fuq l-Istati Membri kollha li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew prodotti kkonċernati, liema obbligu ta’ awtorizzazzjoni għandu jkun suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jew inkella l-projbizzjoni, b’mod provviżorju jew definittiv, tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott wieħed jew ta’ ċerti prodotti.

F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ regoli ġodda li jirriflettu t-tħassib dejjem jikber taċ-ċittadini u tal-konsumaturi marbuta mal-kwistjoni tal-benesseri tal-foki, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonkluda korrettament li, fl-assenza ta’ azzjoni fuq livell tal-Unjoni, kien probabbli li fil-futur jista’ jkun hemm ostakoli għall-kummerċ tal-prodotti li fihom jew li jista’ jkun fihom prodotti mill-foki, jew inkella jeżistu diġà. B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni aġixxa bil-għan li jarmonizza r-regoli inkwistjoni u b’hekk jevita tfixkil fis-suq intern tal-prodotti kkonċernati.

Minbarra dan, ladarba l-kundizzjonijiet tal-użu tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali jiġu ssodisfatti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi pprojbit milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali hija fattur deċiżiv fl-għażliet li għandhom isiru.

(ara l-punti 31, 33, 40, 41, 52, 64)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 84, 87-89)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 121-129)