Language of document : ECLI:EU:C:2024:227

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

14 ta’ Marzu 2024 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 91/676/KEE – Artikolu 3(4) – Artikolu 5(4) – Punti 2 u 5 tal-Parti tal-Anness II, ,– Punt 9 tal-Parti B tal-Anness II – Punti 2 u 3 tal-paragrafu 1 u l-paragrafu 2 tal-Anness III – Artikolu 5(5) – Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli – Reviżjoni tal-lista ta’ żoni vulnerabbli għan-nitrati – Miżuri obbligatorji previsti fil-programmi ta’ azzjoni – Miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa”

Fil-Kawża C‑576/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑30 ta’ Awwissu 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hermes u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Ballesteros Panizo, bħala aġent,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–        billi ma identifikax bħala żoni vulnerabbli fil-Comunidad de Castilla y León (il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León, Spanja), fil-Comunidad Autónoma de Extremadura (il-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, Spanja), fil-Comunidad Autónoma de Galicia (il-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, Spanja), fil-Comunidad Autónoma de las Islas Baleares (il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, Spanja), fil-Comunidad Autónoma de Canarias (il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji, Spanja), fil-Comunidad de Madrid (il-Komunità ta’ Madrid, Spanja) u fil-Comunidad Valenciana (il-Komunità ta’ Valencia, Spanja), iż-żoni għall-estrazzjoni tal-ilma permezz tat-tnixxija (ilma tal-wiċċ) jew permezz ta’ infiltrazzjoni (ilma ta’ taħt l-art) (iktar ’il quddiem iż-“żoni ta’ estrazzjoni”) li jikkorrispondu għal kull wieħed mill-punti ta’ kejl imniġġsa li ġejjin:

–        Il-Komunità Awtonoma ta’ Kastilja u León, CA 0233006, 4300412, 4300169, 4300165, 4300141, 4300026, 4300113, 4300083, 4300178, 4300177, TA 55707002, 4300518, 4300164, 4300073, 4300191 u 4300173;

–        Il-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, TA 67714001, TA 62312004, TA 64812005, TA 59810001, TA 67714102, TA 67812004, 400581, TA 65312005, TA 72914003, TA 57510009, TA 57410002, TA 59611005, TA 65212006, TA 67514001, TA 59611006, TA 70413001, TA 70414002, TA 72914001, TA 72914002 u TA 62309002;

–        Il-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, 14.RW.05.120, 14.RW.06.110, 14.RW.06.210, 14.RW.07.030, 14.RW.07.070, 14.RW.11.020, 14.RW.14.050, TW-54–10, TW-31–10, TW-31–20, TW-36–10, CW-10–10, CW-12–10, 16, CW-16–10, CW-16-20, TW-36-20, , TW-37–10, TW-37–20, TW-39–10, TW-39–20, TW-25–10, CW-49–10 u TW-25‑05;

–        Il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, 1801M1T 1, 53M0137, ES 53M1123, ES 53M1205, ES 53MA082, ES 53MA072, ES53ME132, ES53MA 19 u ES53MA 042;

–        Il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji, ES 120ESBT 1210008, ES 120ESBT 1210016, S 120ESBT 1210040, ES 120ESBT 1210048, ES 120ESBT 1211048, S 120ESBT 1211056, ES 120ESBT 1211063, S 120ESBT 1211117 u ES 125ESBT 1250015;

–        Il‑Komunità ta’ Madrid: TA 53306002, TA 53306008, 13–05 u 07–09;

–        Il-Komunità ta’ Valencia: JU210, JU209 u JU202;

–        billi ma pprovdix għall-miżuri obbligatorji kollha meħtieġa fil-programmi ta’ azzjoni tal-Comunidad Autónoma de Aragón (il-Komunità Awtonoma ta’ Aragón, Spanja), tal-Comunidad Autónoma de Castilla-La Mancha (il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, Spanja), tal-Comunidad autonome de Castille-et-León (il-Komunità Awtonoma ta’ Kastilja u León), u l-Comunidad autonome d’Estrémadura (tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura) u tal-Comunidad de Madrid (il-Komunità ta’ Madrid), u

–        billi ma ħax il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa fir-rigward tat-tniġġis min-nitrati, fir-rigward tal-komunitajiet awtonomi li juru tendenza ta’ żieda fit-tniġġis tal-punti ta’ kejl taż-żoni vulnerabbli, b’mod partikolari l-Komunità Awtonoma ta’ Aragón, il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-u-León u l-Comunidad Autónoma de la Region de Murcia (il-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, Spanja), u, fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni, fil-pajjiż kollu,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676, tat‑12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 311, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/676”), l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-Annessi II u III tagħha, u l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

2        Il-ħames, is-sitt, l-għaxar, il-ħdax-il u t-tlettax-il premessa tad-Direttiva 91/676 jistabbilixxu:

“Billi l-kawża prinċipali tat-tniġġis minn sorsi tat-tixrid li jaffettwaw l-ilmijiet Komunitarji hija n-nitrati minn sorsi agrikoli;

Billi huwa għalhekk meħtieġ, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u r-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi akwatiċi u sabiex jiġu salvagwardjati l-użi leġittimi l-oħra ta’ l-ilma, li jitnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma ikkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jiġi prevenut iktar tniġġis bħal dan; billi għal dan il-għan huwa importanti li jittieħdu miżuri dwar il-ħażna u l-applikazzjoni fuq l-art tal-komponenti kollha tan-nitroġenu u dwar il-prattiċi tal-ġestjoni ta’ ċerti artijiet;

[...]

Billi huwa meħtieġ illi l-Istati Membri jidentifikaw iż-żoni vulnerabbli u jistabilixxu u jimplimentaw programmi ta’ azzjoni għalbiex inaqqsu t-tniġġis ta’ l-ilma mill-komponenti tan-nitroġenu fiż-żoni vulnerabbli;

Billi dawn il-programmi ta’ azzjoni għandhom jinkludu miżuri sabiex tiġi limitata l-applikazzjoni fl-art tal-fertilizzanti kollha li fihom in-nitroġenu u b’mod partikolari li jiġu ffissati limiti speċifiċi sabiex jiġi applikat id-demel tal-bhejjem;

[...]

Billi huwa magħruf illi l-idroġeoloġija f’ċerti Stati Membri hija hekk illi jistgħu jgħaddu ħafna snin qabel ma miżuri ta’ protezzjoni jwasslu għal titjib fil-kwalità ta’ l-ilma”.

3        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha l-mira li:

–        — tnaqqas it-tniġġis ta’ l-ilma kkawżat jew imdaħħal bin-nitrati minn sorsi agrikoli u

–        — tipprevjieni aktar tniġġis minn dan. ”

4        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘ilma ta’ taħt l-art’: ifisser l-ilma kollu li jkun taħt il-wiċċ ta’ l-art fiż-żona tas-saturazzjoni u f’kuntatt dirett ma l-art jew mal-ħamrija tal-qiegħ;

(b)      ‘ilma ħelu’: ifisser ilma li jiġri b’mod naturali li għandu konċentrazzjoni baxxa ta’ mluħa, li huwa spiss aċċettabbli bħala tajjeb għalbiex jiġi sseparat u ttrattat biex isir ilma tax-xorb;

(ċ)      ‘komponent tan-nitroġenu’: ifisser kull sustanza li fiha jkun jinsab in-nitroġenu minbarra n-nitroġenu molekulari fil-għamla ta’ gass;

[...]

(g)      ‘demel tal-bhejjem’: ifisser il-prodotti ta’ l-iskart tal-ħmieġ ta’ l-intestini tal-bhejjem/annimali jew taħlita tat-tiben ta’ taħt il-bhejjem/annimali u prodotti ta’ l-iskart tal-ħmieġ ta’ l-intestini tal-bhejjem/annimali, saħansitra jekk fil-għamla pproċessata;

(h)      ‘applikazzjoni fuq l-art’: tfisser iż-żieda ta’ materjali mal-ħamrija sewwa bit-tixrid fuq il-wiċċ, sewwa bit-tidħil ġewwa l-ħamrija, sewwa bit-tqegħid taħt il-wiċċ u sewwa bit-taħlit mas-saffi tal-wiċċ;

(i)      ‘ewtrofikazzjoni’: tfisser il-għoti tas-sinjurija lill-ilma bil-komponenti tan-nitroġenu, li jwassal għat-tkabbir imgħaġġel ta’ l-alka u għamliet ogħla tal-ħajja tal-pjanti hekk li jipproduċu disturbanza mhix mixtieqa fil-bilanċ ta’ l-organiżmi li jinsabu fl-ilma u fil-kwalità ta’ l-ilma interessat;

(j)      ‘tniġġis’: ifisser l-iskarigu, b’mod dirett jew indirett, tal-komponenti tan-nitroġenu minn sorsi agrikoli fl-ambjent akwatiku, li r-riżultati tiegħu huma hekk illi jikkaġunaw perikli għall-ħajja tal-bniedem, ħsara għar-riżorsi ħajjin u għall-ekosistemi ta’ l-ilma, ħsara għall-amenitajiet jew interferenza fuq l-użi l-oħra leġittimi ta’ l-ilma;

(k)      ‘żona vulnerabbli’: tfisser żona ta’ art deskritta skond l-Artikolu 3(2).”

5        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis jekk ma titteħidx azzjoni skond l-Artikolu 5 għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri skond il-kriterji stabbiliti f’l-Anness I.

2.      L-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmin ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jinominaw bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha ta’ l-art fit-territorji tagħhom li jxaqilbu lejn l-ilmijiet identifikati skond il-paragrafu I u li jikkontribwixxu għat-tniġġis. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’din in-nominazzjoni inizjali fi żmien sitt xhur.

[...]

4.      L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jerġgħu jikkonsidraw jew iżidu man-nomini taż-żoni vulnerabbli kif aproprjat, u mill-inqas darba kull erba’ snin, sabiex iqisu t-tibdil u l-fatturi li ma setgħux ikunu previsti fin-nomini ta’ qabel. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull revjoni jew żieda man-nomini fi żmien sitt xhur.

5.      L-Istati Membri għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jidentifikaw żoni vulnerabbli speċifiċi, jekk jistabbilixxu u japplikaw il-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 skond din id-Direttiva fit-territorju kollu tagħhom.”

6        Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/676:

“Bil-għan li jipprovdu għall-ilmijiet kollha livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis, l-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva:

a)      jistabbilixxu kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba, li għandhom jiġu mħaddma mill-bdiewa fuq bażi volontarja, li għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru mill-inqas l-intestaturi msemmija f’L-Anness II A;

[...]”

7        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Fil-perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

2.      Programm ta’ azzjoni jista’ jkollu x’jaqsam maż-żoni vulnerabbli kollha fit-territorju ta’ Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jqisha ħaġa xierqa, jistgħu jiġu stabbiliti programmi differenti għal żoni vulnerabbli differenti jew partijiet ta’ żoni.

3.      Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

a)      l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

(b)      il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

4.      Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

a)      il-miżuri f’L-Anness III;

(b)      dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.

5.      L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibbli.

6.      L-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw programmi ta’ monitoraġġ xieraq sabiex jivvalutaw l-effiċjenza tal-programmi ta’ azzjoni stabbiliti skond dan l-Artikolu.

L-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 5 fit-territorju tagħhom kollu għandhom jimmonitorjaw il-kontenut tan-nitrat fl-ilma (l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art) f’lokalitajiet magħżula għall-kejl li jagħmluha possibbli li jiġi stabbilit l-ammont tat-tniġġis min-nitrat fl-ilmijiet minn sorsi agrikoli.

[...]”

8        L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Bil-għan tan-nominazzjoni u l-korrezzjoni tan-nomini taż-żoni vulnerabbli, l-Istati Membri għandhom:

a)      fi żmien sentejn min-notifika tad-Direttiva, jimmonitorjaw il-konċentrazzjoni tan-nitrat fl-ilma ħelu għall-perjodu taż-żmien ta’ sena:

i)      fl-istazzjonijiet tat-teħid ta’ kampjuni ta’ l-ilma tal-wiċċ, stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tad-[Direttiva tal-Kunsill 75/440 tas‑16 ta’ Ġunju 1975 dwar il-kwalità meħtieġa għall-ilma tal-wiċċ illi huwa maħsub għall-produzzjoni ta’ l-ilma tax-xorb fl-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 17)] u/jew fi stazzjonijiet oħra ta’ teħid tal-kampjuni li huma rappreżentattivi ta’ ilmijiet tal-wiċċ ta’ l-Istati Membri, mill-inqas darba fix-xahar u aktar spiss fil-perjodi taż-żmien ta’ l-għargħar;

ii)      fl-istazzjonijiet tat-teħid tal-kampjuni li huma rappreżentattivi ta’ l-akwiferi ta’ l-ilma ta’ taħt l-art ta’ l-Istati Membri, f’intervalli regolari u jagħtu kas tad-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1980 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU 1980, L 229, p. 11)];

(b)      jirrepetu l-programm ta’ monitoraġġ deskritt fil-qosor f’(a) mill-inqas kull erba’ snin, għajr għal dawk l-istazzjonijiet tat-teħid tal-kampjuni fejn il-konċentazzjoni tan-nitrat fil-kampjuni kollha ta’ qabel kienet taħt il-25 mg/l u fejn ma jkun deher l-ebda fattur ġdid li x’aktarx iżid il-kontenut tan-nitrat, fejn, f’dan il-każ, il-programm tal-monitoraġġ jeħtieġ jiġi mtenni biss kull tmien snin;

ċ)      jirrevedu l-istat ewtrofiku ta’ l-ilma ħelu tagħhom tal-wiċċ, l-ilmijiet estwarji u l-ilmijiet kostali kull erba’ snin.

[...]”

9        L-Artikolu 10 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom, rigward il-perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni u rigward kull perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin li jiġu wara, jissottometti rapport lill-Kummissjoni li jkun fih it-tagħrif deskritt fil-qosor f’l-Anness V.

2.      Għandu jiġi ssottomess lill-Kummissjoni rapport skond dan l-Artikolu fi żmien sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu taż-żmien li miegħu jkollu x’jaqsam.”

10      Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 91/676:

“Fuq il-bażi tat-tagħrif riċevut skond l-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapporti fil-qosor fi żmien sitt xhur minn meta jaslulha r-rapporti mill-Istati Membri u għandha tikkomunikahom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fid-dawl ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness III, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kunsill sa l‑1 ta’ Jannar 1998 rapport akkumpanjat meta jixraq bi proposti għal reviżjoni ta’ din id-Direttiva.”

11      L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-Kriterji sabiex jiġu identifikati l-ilmijiet imsemmija f’l-Artikolu 3(1)”, jipprovdi, fil-punt A tiegħu:

“L-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom jiġu identifikati billi jintużaw, fost ħwejjeġ oħra, il-kriterji li ġejjin:

1.      jekk l-ilma ħelu tal-wiċċ, b’mod partikolari dak użat jew maħsub għalbiex minnu jittieħed l-ilma tax-xorb, ikunx fih jew jistax ikun fih jew le, jekk ma titteħditx l-azzjoni skond l-Artikolu 5, aktar mill-konċentrazzjoni ta’ nitrati stabbiliti skond id-[Direttiva 75/440];

2.      jekk l-ilma ta’ taħt l-art ikunx fih jew le aktar minn 50 mg/l nitrati jew jistax ikun fih jew le aktar minn 50 mg/l nitrati jekk ma titteħidx l-azzjoni skond l-Artikolu 5;

3.      jekk l-għadajjar naturali ta’ l-ilma ħelu, korpi oħra ta’ l-ilma ħelu, l-estwarji, l-ibħra kostali u l-ilma baħar jinstabu li huma ewtrofiċi jew jistgħu jsiru ewtrofiċi fil-futur qrib jekk ma titteħidx l-azzjoni skond l-Artikolu 5.”

12      Skont l-Anness II tal-imsemmija direttiva intitolata “Il-Kodiċi(jiet) ta’ Prattika Agrikola Tajba”

“A.      Kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba bil-mira li jitnaqqas it-tniġġis min-nitrati u jingħata kas tal-kondizzjonijiet fir-reġjuni differenti tal-Komunità għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru l-intestaturi li ġejjin, sakemm ikunu rilevanti:

1.      il-perjodi taż-żmien meta l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fir-raba tkun barra minn lokha;

2.      l-applikazzjoni ta’ fertilizzant fuq art b’xaqliba wieqfa ħafna;

[...]

5.      il-kapaċità u l-kostruzzjoni tal-kontenituri li jaħżnu d-demel ta’ l-annimali, inklużi miżuri li jipprevjienu t-tniġġis ta’ ilma meta l-likwidi li jkun fihom id-demel tal-bhejjem tar-riezet u l-effluwenti mill-materjali tal-pjanti maħżuna bħall-għalf tal-ħaxix, jiskulaw jew inixxu fl-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ;

[...]

B.      L-Istati Membri jistgħu ukoll jinkludu fil-kodiċj/jiet ta’ prattiċi agrikoli tajba l-intestaturi li ġejjin:

[...]

9.      kif jiġu stabbiliti l-pjani tal-għoti tal-ferilizzant fuq il-bażi ta’ għalqa b’għalqa u ż-żamma tar-reġistrazzjonijiet dwar l-użu tal-ferilizzant;

[...]”

13      L-Anness III tal-istess direttiva, intitolat “Il-miżuri li għandhom jiġu [i]nklużi fil-programmi ta’ azzjoni skond l-Artikolu 5(4)(a)”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-miżuri għandhom jinkludu regoli li għandhom x’ jaqsmu ma’:

[...]

2.      il-kapaċità tal-kontenituri tal-ħażna tad-demel ta’ l-annimali; din il-kapaċità għandha taqbeż dik meħtieġa għall-ħażna matul l-itwal perjodu taż-żmien li matulu tkun ipprojbita l-applikazzjoni fir-raba fiz-zona vulnerabbli, għajr fejn jista’ jintwera lill-awtoritajiet kompetenti illi kull kwantità ta’ demel li taqbeż il-kapaċità attwali tal-ħażna tiġi disponuta b’manjiera li ma tikkawżax ħsara lill-ambjent;

3.      il-limitazzjoni ta’ l-applikazzjoni tal-fertilizzanti fir-raba, konsistenti mal-prattika agrikola tajba u li tqis il-karatteristiċi taż-żona vulnerabbli interessata, b’mod partikolari:

(a)      il-kondizzjonijiet tal-ħamrija, it-tip tal-ħamrija, u l-pendil;

(b)      il-kondizzjonijiet klimatiċi, ix-xita u t-tisqija;

(ċ)       l-użu ta’ l-art u l-prattiċi agrikoli, inklużi s-sistemi tan-newba;

u li jridu jkunu msejsai fuq bilanċ bejn:

(i)      il-ħtiġiet imbassra tan-nitroġenu ta’ l-uċuħ tar-raba’,

u

(ii)      il-forniment tan-nitroġenu lill-uċuh mill-ħamrija u mill-fertilizzant li jikkorrispondi għal:

–        l-ammont tan-nitroġenu li jkun jinsab fil-ħamrija fil-waqt meta l-prodott jibda jużah f’qies sinifikanti (f’ammonti konsiderevoli fit-tmiem tax-xitwa),

–        il-forniment tan-nitroġenu permezz tal-mineralizzazzjoni netta tar-riservi tan-nitroġenu organiku fil-ħamrija,

–        iż-żidiet tal-komposti tan-nitroġenu minn demel ta’ l-annimali,

–        iż-żidiet tal-komposti tan-nitrogenu minn fertilizzanti kimiċi u oħrajn.

2.      Dawn il-miżuri jridu jiżguraw illi għal kull razzett jew unità ta’ bhima, l-ammmont tad-demel ta’ l-annimali applikat kull sena fuq l-art, inkluż dak mill-annimali nfushom, ma għandux jaqbeż ammont speċifiku għal kull ettaru.

L-ammont speċifikat għal kull ettaru għandu jkun l-ammont tad-demel li jkun fih 170 kg N. [...]

[...]”

14      L-Anness V tad-Direttiva 91/676, intitolat “ It-Tagħrif li jrid ikun jinsab fir-rapporti msemmija f’l-Artikolu 10”, jipprevedi:

“[...]

3.      Sommarju tar-riżultati tal-monitoraġġ miksub skond l-Artikolu 6, inkluż prospett tal-konsiderazzjonijiet li wasslu għan-nomina ta’ kull żona vulnerabbli u ta’ kull reviżjoni tan-nomini taż-żoni vulnerabbli jew żieda magħhom.

4.      Sommarju tal-programmi ta’ azzjoni imfassla skond l-Artikolu 5 u, b’mod partikolari:

[...]

(ċ)      kull miżura addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa meħuda skond l-Artikolu 5(5);

[...]

(e)      is-suppożizzjonijiet magħmula mill-Istati Membri dwar iż-żmien li fih l-ilmijiet identifikati skond l-Artikolu 3(1) ikunu x’aktarx mistennija jwieġbu għall-miżura fil-programm ta’ azzjoni, flimkien ma’ indikazzjoni tal-livell ta’ inċertezza imdaħħla f’dawn is-suppożizzjonijiet.”

 Iddritt Spanjol

15      Id-Direttiva 91/676 ġiet trasposta fis-sistema legali Spanjola permezz tar-Real Decreto 261/1996, sobre protección de las aguas contra la contaminación producida por los nitrati procedentes de fuentes agrarias (Digriet Irjali 261/1996 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli), tas‑16 ta’ Frar 1996 (BOE Nru 61, tal‑11 ta’ Marzu 1996, p. 9734). Sadanittant, dan id-digriet ġie mħassar u ssostitwit bir-Real Decreto 47/2022, sobre protección de las aguas contra la contaminación difusa producida por los nitratos procedentes de fuentes agrarias (Digriet Irjali 47/2022 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis imxerred min-nitrati minn sorsi agrikoli), tat‑18 ta’ Jannar 2022 (BOE Nru 17, tal‑20 ta’ Jannar 2022, p. 5664).

16      Barra minn hekk, il-komunitajiet awtonomi kollha msemmija mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha adottaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, leġiżlazzjoni intiża sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 91/676.

 Ilproċedura prekontenzjuża

17      Fit‑3 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni, bir-referenza EU Pilot 7849/15/ENVI, intiża sabiex tikkontrolla n-nomina ta’ żoni vulnerabbli għan-nitrati u l-miżuri previsti fil-programmi ta’ azzjoni korrispondenti fi Spanja. Din l-investigazzjoni preliminari nfetħet wara l-evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli fir-rapport tagħhom ikkomunikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676 u li jinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Anness V ta’ din id-direttiva dwar il-perijodu 2008–2011.

18      Wara l-evalwazzjoni tar-risposti pprovduti mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tal-imsemmija investigazzjoni preliminari, li kienet tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-informazzjoni li tinsab fir-rapport sussegwenti għall-perijodu 2012–2015 (iktar ’il quddiem ir-“rapport 2012–2015”), il-Kummissjoni, billi qieset li minn dan kien jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ma kinitx konformi mal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 91/676, iddeċidiet li tibda proċedura ta’ ksur min-naħa tal-imsemmi Stat Membru.

19      Fid‑9 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja, li fiha allegat li dan tal-aħħar kiser l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 5(4) sa (6) tad-Direttiva 91/676.

20      Ir-Renju ta’ Spanja rrisponda għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittri tal‑21 ta’ Frar, tat‑13 ta’ Ġunju, tal‑31 ta’ Lulju, tat‑2 ta’ Settembru u tas‑17 ta’ Ottubru 2019 kif ukoll tat‑13 ta’ Frar 2020.

21      Fit‑2 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni, peress li ma kinitx konvinta b’dawn ir-risposti, ħarġet opinjoni motivata li fiha ddikjarat li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet iċċitati fl-ittra ta’ intimazzjoni.

22      F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ordnat lir-Renju ta’ Spanja jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu f’terminu ta’ tliet xhur mid-data li fiha jirċievi din l-opinjoni motivata.

23      Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-imsemmija opinjoni motivata permezz ta’ ittri tas‑27 ta’ Ottubru 2020 kif ukoll tad‑29 ta’ April, tas‑26 ta’ Mejju, tal‑25 ta’ Ġunju u tal‑5 ta’ Lulju 2021.

24      Fid-dawl ta’ dawn ir-risposti, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Renju ta’ Spanja kien temm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 91/676. Min-naħa l-oħra, peress li qieset li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien għadu jippersisti fir-rigward tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) kif ukoll taħt l-Artikolu 5(4) u (5) ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni, fit‑30 ta’ Awwissu 2022, ippreżentat dan ir-rikors.

 Fuq irrikors

25      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tressaq tliet ilmenti, ibbażati fuq ksur, l-ewwel wieħed, tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, it-tieni wieħed, tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Annessi II u III tagħha, u, it-tielet wieħed, tal-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva.

26      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li dan ir-rikors għandu jkun miċħud.

 Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq ksur talArtikolu 3(4) tadDirettiva 91/676

27      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma indikax bħala żoni vulnerabbli, fil-komunitajiet awtonomi ta’ Castilla y León, ta’ Extremadura, ta’ Galicia, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, fil-Komunità ta’ Madrid u fil-Komunità ta’ Valencia, iż-żoni ta’ ġbir tal-ilma permezz ta’ tnixxija (ilma tal-wiċċ) jew permezz ta’ infiltrazzjoni (ilma ta’ taħt l-art) li jikkorrispondu għal kull wieħed mill-punti ta’ kejl msemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676.

 Fuq lammissibbiltà

28      Ir-Renju ta’ Spanja jeċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan l-ewwel ilment, minħabba li, fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi, fis-sentenza li għandha tingħata, biss fuq it-talbiet ifformulati mill-Kummissjoni. Issa, l-ilment dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 ma jagħmilx parti minn dawn it-talbiet, peress li, minkejja li jissemma fil-motivi tar-rikors, dan ma ssemmiex mill-Kummissjoni fil-petitum tar-rikors tagħha, li jinsab fil-punt 145 tiegħu. Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mhux taħt l-Artikolu 3(4) iżda tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 91/676. L-ewwel ilment għalhekk għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

29      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

30      Minn naħa, mill-motivi tar-rikors jirriżulta b’mod ċar li l-ewwel ilment huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 u li r-riferiment magħmul, fil-punt 145 tar-rikors, għall-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva huwa dovut, kif spjegat il-Kummissjoni fir-replika tagħha, għal żball tipografiku. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jinkludi biss żewġ paragrafi. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li, fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑255/04, EU:C:2006:401, punt 25), invokata mir-Renju ta’ Spanja insostenn tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li lment li jissemma fil-motivi tar-rikors tiegħu, iżda li ma huwiex inkluż fit-talbiet tal-Kummissjoni huwa inammissibbli, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, u minkejja dan l-iżball tipografiku, l-ilment intiż sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 ġie inkluż fit-talbiet tal-Kummissjoni.

31      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ilmertu

–       L-argumenti tal-partijiet

32      Il-Kummissjoni ssostni li l-ilmijiet meħuda fil-livell tal-punti ta’ kejl koperti mill-ewwel ilment ġew iddikjarati, fir-rapporti pprovduti mir-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676, bħala mniġġsa jew ewtrofikati min-nitrati. Skont il-Kummissjoni, jeżistu għalhekk indizji suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, sakemm ir-Renju ta’ Spanja ma jippreżentax, għal kull żona ta’ ġbir ta’ ilma li tikkorrispondi għal dawn il-punti ta’ kejl, informazzjoni li turi li n-nitrati ta’ oriġini agrikola ma jikkontribwixxux b’mod sinjifikattiv għal dan it-tniġġis.

33      Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta dan l-argument, billi jenfasizza li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Huwa jsostni li l-komunitajiet awtonomi msemmija f’dan l-ilment issodisfaw l-obbligi tagħhom dwar in-nomina taż-żoni vulnerabbli, li jirriżultaw mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, jew li l-imsemmi lment jirrigwarda żoni li fihom in-nitrati ta’ oriġini agrikola ma jikkontribwixxux b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis, b’mod li ebda nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt din id-dispożizzjoni ma jista’ jiġi kkonstatat.

34      Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jipprovdi osservazzjonijiet iddettaljati dwar il-punti ta’ kejl imsemmija fl-ewwel ilment, inklużi, b’mod partikolari, il-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

35      F’dak li jirrigwarda l-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, il-Gvern ta’ din il-komunità beda, fl‑2022, ir-reviżjoni jew, skont il-każ, l-estensjoni tan-nomini taż-żoni vulnerabbli. Fi kwalunkwe każ, il-limiti ammissibbli ta’ konċentrazzjonijiet ta’ nitrati ta’ oriġini agrikola ma nqabżux fi tmien punti li jiddependu minn din il-komunità awtonoma msemmija fl-ewwel ilment. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġu identifikati ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl bħala żoni vulnerabbli.

36      Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Galicia, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, b’mod partikolari, li, fir-rigward ta’ ċerti punti ta’ kejl, inklużi l-punti ta’ kejl 14.RW.11.020 u 14.RW.14.050, għaddejjin eżamijiet sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini tat-tniġġis min-nitrati.

37      Fir-rigward tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li bħalissa għaddejja r-reviżjoni tan-nomina taż-żoni vulnerabbli u li abbozz ta’ digriet dwar in-nomina taż-żoni vulnerabbli jinsab fi stadju avvanzat ta’ trattament. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex neċessarju li jiġu nnominati, bħala “żoni vulnerabbli”, iż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal ħamsa mill-punti ta’ kejl li jiddependu fuq din il-komunità awtonoma, peress li l-ilmijiet ikkonċernati ma għandhomx jibqgħu jitqiesu bħala mniġġsa, kif jirriżulta mir-rapport mibgħut lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676 f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn l‑2016 u l‑2019 (iktar ’il quddiem ir- “Rapport 2016–2019”).

38      Fir-rigward tal-Komunità ta’ Madrid, lanqas ma jista’ jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-punt ta’ kejl TA 53306008, fih ġie rrilevat li t-tniġġis dovut għan-nitrati ta’ oriġini agrikola tnaqqas, peress li dan laħaq rata massima ta’ 17 % fl‑2021.

39      Fir-rigward tal-Komunità ta’ Valencia, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għall-punti ta’ kejl imsemmija f’dan ir-rikors ġew innominati bħala żoni vulnerabbli permezz ta’ digriet adottat mill-Gvern ta’ din il-komunità fl‑10 ta’ Ġunju 2022.

40      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tipprovdi l-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

41      L-ewwel nett, fir-rigward tas-sittax-il punt ta’ kejl li jiddependu mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León, mir-risposta tar-Renju ta’ Spanja jirriżulta li effettivament ma huwiex neċessarju li jiġu identifikati ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl bħala żoni vulnerabbli.

42      It-tieni nett, fir-rigward ta’ tlieta mid-disa’ punti ta’ kejl li jiddependu mill-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji, il-Kummissjoni tindika li mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Renju ta’ Spanja fir-risposta tagħha jirriżulta li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġie rrimedjat. Fir-rigward ta’ żewġ punti oħra ta’ kejl, il-Kummissjoni tqis, fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, li lanqas ma huwa neċessarju li jiġu identifikati ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl bħala żoni vulnerabbli.

43      Fir-rigward tal-erba’ punti ta’ kejl li jifdal, il-Kummissjoni tirrileva li r-Renju ta’ Spanja spjega, essenzjalment, fir-risposta tiegħu, li l-konċentrazzjoni ta’ nitrati kkonstatata f’dawn il-punti ta’ kejl ma kinitx ta’ oriġini agrikola iżda kienet ġejja mid-dranaġġ u mit-tankijiet settiċi. Għalkemm din l-ispjegazzjoni ma teskludix neċessarjament il-possibbiltà li n-nitrati ta’ oriġini agrikola jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis, għandu jiġi ammess, fl-assenza ta’ elementi oħra li jipprovaw tali kontribuzzjoni sinjifikattiva, li ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kampjunament ma jiġux innominati bħala żoni vulnerabbli.

44      It-tielet nett, fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Extremadura, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mir-Renju ta’ Spanja fir-risposta tiegħu, ma huwiex, fil-fatt, neċessarju li jiġu indikati ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal 8 mill‑20 punt ta’ kejl imsemmija fl-ewwel ilment bħala żoni vulnerabbli. Fir-rigward tat‑12-il punt ta’ miżura li jifdal, jiġifieri l-punti tal-kejl TA 67714001, TA 62312004, TA 67714102, TA 67812004, TA 65312005, TA 72914003, TA 65212006, TA 67514001, TA 70414002, TA 72914001, TA 72914002 u TA 62309002, il-Kummissjoni ttenni l-kritika tagħha li l-awtoritajiet Spanjoli ma spjegawx għaliex iż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl ma ġewx innominati bħala żoni vulnerabbli.

45      Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, fir-rigward ta’ 21 mit‑23 punt ta’ kejl msemmija fir-rikors mill-ewwel ilment, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Renju ta’ Spanja jirriżulta li ma huwiex neċessarju li jiġu identifikati ż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl bħala żoni vulnerabbli.

46      Fir-rigward taż-żewġ punti ta’ kejl li jifdal, jiġifieri l-punti ta’ kejl 14.RW.11.020 u 14.RW.14.050, il-Kummissjoni tqis li hemm lok li jiġu identifikati ż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl bħala żoni vulnerabbli, sa fejn ma jistax jiġi eskluż li t-tniġġis imkejjel f’dawn il-postijiet ġie kkawżat minn nitrati ta’ oriġini agrikola.

47      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreferi għal ħmistax-il punt ta’ kejl ieħor li jiddependu mill-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, jiġifieri l-punti ta’ kejl NO01880006, NO03010003, 14.RW.12.020, 14.RW.05.060, 14.RW.10.020, 14.RW.11.060, 14.RW.11.070, 14.RW.11.040, 14.RW.10.030, 14.RW.11.080, 14.RW.12.030, 14.RW.12.110, 14.RW.14.040, 14.RW.14.060 u 14.RW.05.090, li fil-livell tagħhom ġiet ikkonstatata ewtrofikazzjoni. Iż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl għandhom għalhekk, skont din l-istituzzjoni, jiġu nnominati wkoll bħala żoni vulnerabbli.

48      Il-ħames nett, fir-rigward tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, il-Kummissjoni tispjega li mill-informazzjoni li tinsab fir-risposta tar-Renju ta’ Spanja jirriżulta li ma huwiex neċessarju li jiġu nnominati bħala żoni vulnerabbli ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal ħamsa mid-disa’ punti ta’ kejl imsemmija fl-ewwel ilment.

49      Fir-rigward tal-erba’ punti ta’ kejl li jifdal, jiġifieri l-punti ta’ kejl 1801M1T 1, ES 53M0137, ES 53M1123 u ES 53M1205, il-Kummissjoni tqis li r-Renju ta’ Spanja rrikonoxxa li l-ewwel ilment huwa fondat fir-rigward tagħhom.

50      Is-sitt nett, il-Kummissjoni tirrileva li, fir-rigward ta’ tlieta mill-erba’ punti ta’ kejl imsemmija fl-ewwel ilment f’dak li jikkonċerna l-Komunità ta’ Madrid, ir-Renju ta’ Spanja pproduċa provi suffiċjenti sabiex juri jew li t-tniġġis ikkonstatat ma huwiex dovut għan-nitrati ta’ oriġini agrikola jew li ż-żoni vulnerabbli attwali jkopru ż-żoni kollha rilevanti ta’ ġbir tal-ilma.

51      Fir-rigward tal-punt ta’ kejl li jibqa’ f’din il-komunità, jiġifieri l-punt ta’ kejl TA 53306008, il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-pressjoni eżerċitata mill-agrikoltura fuq l-ilmijiet ikkonċernati minn dan il-punt ta’ kejl naqset b’mod kunsiderevoli, billi laħqet rata massima ta’ 17 % fl‑2021, ma jistax jiġi aċċettat. L-imsemmi punt ta’ kejl rreġistra ewtrofikazzjoni kemm għall-perijodu 2012–2015 kif ukoll għall-perijodu 2016–2019, u kontribuzzjoni ta’ 17 % għat-tniġġis, għalkemm limitata, ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkunsidrata bħala minoritarja.

52      Is-seba’ nett, fir-rigward tal-punti ta’ kejl JU210, JU209 u JU202 li jiddependu mill-Komunità ta’ Valencia, il-Kummissjoni, filwaqt li tirrikonoxxi li n-nuqqas ġie rrimedjat permezz ta’ digriet adottat mill-Gvern ta’ din il-komunità fl‑10 ta’ Ġunju 2022, tenfasizza li n-nomina taż-żoni vulnerabbli inkwistjoni seħħet wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

53      Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, fir-rigward tat-tnax-il punt ta’ kejl imsemmija fir-replika li jiddependu mill-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, li, fin-nuqqas, f’dan l-istadju, ta’ data li tipprova kontribuzzjoni sinjifikattiva tan-nitrati ta’ oriġini agrikola għat-tniġġis, il-Kummissjoni għandha taċċetta li ż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl ma jiġux innominati bħala żoni vulnerabbli, bħall-pożizzjoni li hija adottat fir-rigward tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji.

54      Skont ir-Renju ta’ Spanja, l-istess japplika, fir-rigward tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, fir-rigward taż-żewġ punti ta’ kejl imsemmija fir-rikors li għalihom il-Kummissjoni żammet l-ewwel ilment tagħha fir-replika tagħha.

55      Fir-rigward tal-ħmistax-il punt ta’ kejl addizzjonali msemmija minn din l-istituzzjoni fir-replika fir-rigward ta’ din il-komunità awtonoma, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex ċara u l-valuri tan-nitrati qatt ma kienu ogħla minn 25 mg/l. F’kull każ, dawn il-punti ta’ kejl ma jidhrux li ssemmew fit-talbiet tar-rikors. Konsegwentement, jidher li ma hemmx lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tagħhom.

56      Fir-rigward tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li digriet dwar in-nomina ta’ żoni vulnerabbli, inklużi ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għall-erba’ punti ta’ kejl imsemmija fir-replika tal-Kummissjoni, ġie adottat u ppubblikat minn din il-komunità awtonoma fis‑27 ta’ Marzu 2023.

57      Fir-rigward tal-Komunità ta’ Madrid, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li, f’deċiżjoni reċenti dwar deroga mitluba skont id-Direttiva 91/676, jiġifieri d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2069 tat‑30 ta’ Settembru 2022 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba min-Netherlands [mill-Pajjiżi l-Baxxi] skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676 (ĠU 2022, L 277, p. 195), din l-istituzzjoni qieset li, “[sabiex ikun sinjifikattiv,] l-kontribut mill-agrikoltura għat-tniġġis bin-nutrijenti [għandu jirrappreżenta] aktar minn 19 % tat-tagħbija totali tan-nutrijenti”. Kontribuzzjoni għat-tniġġis ta’ 17 %, bħal dik imsemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, ma tistax għalhekk tiġi kklassifikata bħala “sinjifikattiva”.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–        Fuq il-punti ta’ kejl li ma baqgħux jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni fir-replika tagħha

58      Mir-replika tal-Kummissjoni jirriżulta li hija tammetti, fid-dawl tal-provi prodotti fir-risposta tiegħu mir-Renju ta’ Spanja, li ma hemmx lok li jiġu nnominati bħala żoni vulnerabbli żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal 62 mill‑84 punt ta’ kejl msemmija fir-rikors, inklużi l-punti kollha ta’ kejl li jiddependu mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y Leon u tal-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Kanarji, u li hija ma għadhiex titlob il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’dan ir-rigward.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud sa fejn, permezz tiegħu, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta’ Spanja talli naqas milli jinnomina bħala żoni vulnerabbli ż-żoni tal-ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal dawn it‑62 punt ta’ miżura.

–        Fuq il-punti ta’ kejl supplimentari mhux imsemmija fir-rikors promotur

60      Fil-motivi tar-replika tagħha, il-Kummissjoni sostniet li ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal ħmistax-il punt ta’ kejl li jiddependu mill-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, li ma kinux imsemmija fit-talbiet tar-rikors promotur tagħha, kellhom jiġu nnominati bħala żoni vulnerabbli.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Issa, il-Kummissjoni la sostniet u lanqas uriet li din l-eċċezzjoni tal-aħħar tista’ tiġġustifika estensjoni tas-suġġett tat-tilwima.

62      Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn jirrigwarda dawn il-ħmistax-il punt ta’ miżura addizzjonali.

–        Fuq il-punti l-oħra ta’ kejl

63      Fir-rigward tat‑22 punt ta’ kejl li jifdal u li jissemmew fir-rikors promotur, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma din l-istituzzjoni tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni. Huwa biss meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet biżżejjed elementi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Istat Membru għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat l-elementi hekk ippreżentati u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni Ewropea vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana) C‑559/19, EU:C:2021:512, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64      Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 91/676, l-Istati Membri għandhom jinnominaw, fi żmien sentejn min-notifika ta’ din id-direttiva, bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha magħrufa fit-territorju tagħhom li jalimentaw l-“ilmijiet mniġġsa” jew “li jistgħu jitniġġsu”, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 3 li jikkontribwixxu għat-tniġġis.

65      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, “(l)-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma ddefiniti skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-direttiva. B’hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 3(1) u tal-Anness I tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jiddefinixxu bħala “(l)-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis” l-ilma ħelu tal-wiċċ kollu u l-ilma ta’ taħt l-art li fih jew li hemm riskju li jkun fih kontenut ta’ nitrati ogħla mill-konċentrazzjonijiet imsemmija f’dan l-anness, kif ukoll l-ilma li jkun għadda minn jew jirriskja li jsofri minn ewtrofikazzjoni.

66      F’dan ir-rigward, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ilma jiġi kkunsidrat bħala “effettwat bit-tniġġis”, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, biex ikun hemm il-ħtieġa li jiġu nnominati bħala żona vulnerabbli, skond l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, mhuwiex meħtieġ li l-komponenti tan-nitroġenu li jkunu ġejjin mill-agrikoltura jikontribwixxu b’mod esklużiv għat-tniġġis. Huwa biżżejjed li dawn jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑149/14, EU:C:2015:264, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 jobbliga lill-Istati Membri, minn naħa, jeżaminaw mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, jirrevedu jew jikkompletaw fi żmien xieraq, mill-inqas kull erba’ snin, il-lista taż-żoni vulnerabbli msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva li jalimentaw l-ilmijiet iddefiniti skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva u li jikkontribwixxu għat-tniġġis min-nitrati, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bidliet u l-fatturi imprevedibbli fil-mument tal-klassifikazzjoni preċedenti u, min-naħa l-oħra, jinnotifikaw lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ sitt xhur, b’kull reviżjoni jew żieda ma’ din il-lista.

68      F’dan il-każ, għalkemm l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, li sempliċement jordna lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi li huwa jipprevedi “kif approprjat” u tal-inqas kull erba’ snin, ma jippreċiżax f’liema mument u f’liema ċirkustanzi tali eżami mill-ġdid għandu jsir, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax l-argument tal-Kummissjoni li, essenzjalment, dan l-Istat Membru kien obbligat li jissodisfa l-obbligi previsti minn din id-dispożizzjoni fir-rigward taż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għall-punti ta’ kejl imsemmija fir-rikors, peress li l-ilmijiet meħuda fil-livell ta’ dawn il-punti ta’ kejl kienu ġew iddikjarati, fir-rapporti pprovduti mill-awtoritajiet Spanjoli fil-kuntest tad-Direttiva 91/676, bħala mniġġsa jew ewtrofikati, sa fejn it-teħid minn dawn il-punti ta’ kejl kienu wrew jew li l-ilma ħelu tal-wiċċ u l-ilma ta’ taħt l-art ikkonċernati minn dawn iż-żoni ta’ ġbir tal-ilma kienu, jew kien hemm riskju li jkollhom, konċentrazzjoni ta’ nitrati ogħla minn dawk previsti fl-Anness I ta’ din id-direttiva, jew li dan l-ilma kien ġarrab jew kien jirriskja li fil-futur qarib jgħaddi minn ewtrofikazzjoni.

69      Ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma jikkontesta li l-ilmijiet meħuda fil-livell tat‑22 punt ta’ kejl li jifdal kienu b’hekk imniġġsa jew ewtrofikati min-nitrati.

70      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, l-indikazzjoni ta’ żona ta’ ġabra tal-ilma li tikkorrispondi għal punt ta’ kejl partikolari bħala żona vulnerabbli tapplika biss jekk il-komponenti tan-nitroġenu ta’ oriġini agrikola kkonstatati f’dan il-punt ta’ miżura jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis tan-nitrati. Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, peress li r-Renju ta’ Spanja jikkontesta li dan huwa l-każ, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova, fir-rigward ta’ dawn il-punti ta’ miżura, il-preżenza ta’ tali kontribuzzjoni sinjifikattiva għal tali tniġġis jew, tal-inqas, li tipproduċi provi addizzjonali li jistgħu jippermettu tali konstatazzjoni.

71      Issa, fir-rigward ta’ 14 mill-kumplament tat‑22 punt ta’ kejl li jibqgħu, li jinsabu fil-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura u l-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, il-Kummissjoni la stabbilixxiet li l-komponenti tan-nitroġenu ta’ oriġini agrikola jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għat-tniġġis min-nitrati li l-preżenza tagħhom ġiet ikkonstatata f’dawn il-punti ta’ kejl u lanqas ma pproduċiet provi li jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tali konsegwenza, li hija kkonstata mir-Renju ta’ Spanja. Fil-fatt, il-Kummissjoni essenzjalment sempliċement sostniet li r-Renju ta’ Spanja ma kienx ipprovda spjegazzjonijiet suffiċjenti fir-rigward ta’ dawn il-punti ta’ kejl.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud sa fejn jilmenta li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 billi ma indikax bħala żoni vulnerabbli ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn l-erbatax-il punt ta’ kejl.

73      Fir-rigward tal-punti ta’ kejl 1801M1T 1, ES 53M0137, ES 53M1123 u ES 53M1205, li jiddependu mill-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja sempliċement jindika li r-reviżjoni tan-nomina taż-żoni vulnerabbli hija attwalment pendenti u li abbozz ta’ digriet dwar in-nomina taż-żoni vulnerabbli jinsab fi stadju avvanzat ta’ pproċessar.

74      Għalkemm, fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li digriet li jindika żoni vulnerabbli, inklużi ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn l-erba’ punti ta’ kejl, ġie adottat u ppubblikat mill-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi fis‑27 ta’ Marzu 2023, għandu jiġi kkonstatat li dan il-fatt, minbarra li jikkonferma li ż-żoni inkwistjoni kellhom effettivament jiġu nnominati bħala żoni vulnerabbli, seħħ wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

75      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (Aġġornament tal-istrateġiji marittimi), C‑510/20, EU:C:2022:324, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Minn dan isegwi li l-ewwel ilment għandu jintlaqa’ sa fejn, permezz tiegħu, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676 billi ma indikax bħala żoni vulnerabbli ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għall-erba’ punti ta’ kejl imsemmija fil-punt 73 ta’ din is-sentenza.

77      L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-punti ta’ kejl JU210, JU209 u JU202, li jiddependu mill-Komunità ta’ Valencia. Fil-fatt, ir-Renju ta’ Spanja sempliċement jindika f’dan ir-rigward li ż-żoni fejn jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għal dawn il-punti ta’ kejl ġew innominati bħala żoni vulnerabbli permezz ta’ digriet adottat mill-Gvern ta’ din il-Komunità Awtonoma fl‑10 ta’ Ġunju 2022, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

78      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-punt tal-kejl TA 53306008, li jiddependi mill-Komunità ta’ Madrid, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment isostni li l-kontribuzzjoni tal-komponenti tan-nitroġenu ta’ oriġini agrikola għat-tniġġis naqset b’mod kunsiderevoli, billi laħqet rata massima ta’ 17 % fl‑2021. Issa, kif irrilevat il-Kummissjoni fir-replika tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑221/03, EU:C:2005:573, punti 86 u 87), li tali kontribuzzjoni ta’ 17 % għandha natura sinjifikattiva, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 ta’ din is-sentenza.

79      Fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja, imqajjem fil-kontroreplika tiegħu u bbażat fuq il-fatt li, f’deċiżjoni reċenti dwar deroga mitluba skont id-Direttiva 91/676, il-Kummissjoni kkunsidrat li, sabiex tkun sinjifikattiva, il-kontribuzzjoni tal-komponenti tan-nitroġenu ta’ oriġini agrikola għat-tniġġis għandha teċċedi 19 % tat-tniġġis, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ma tistax fi kwalunkwe każ torbot lill-Qorti tal-Ġustizzja meta hija jkollha tevalwa hija stess in-natura sinjifikattiva ta’ tali kontribuzzjoni għat-tniġġis.

80      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment huwa fondat sa fejn il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, sa fejn dan l-Istat Membru naqas milli jinnomina bħala żoni vulnerabbli ż-żoni li fihom jinġabar l-ilma li jikkorrispondu għall-punti ta’ kejl 1801M1T 1, ES 53M0137, ES 53M1123 u ES 53M1205, dipendenti fuq il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, fil-punti ta’ kejl JU210, JU209 u JU202, dipendenti fuq il-Komunità ta’ Valencia, u fil-punt ta’ kejl TA 53306008, dipendenti fuq il-Komunità ta’ Madrid.

 Fuq ittieni lment, ibbażat fuq ksur talArtikolu 5(4) tadDirettiva 91/676

81      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-Annessi II u III ta’ din id-direttiva, billi ma pprovdiex għall-miżuri obbligatorji kollha neċessarji fil-programmi ta’ azzjoni ta’ ċertu numru ta’ komunitajiet awtonomi.

82      Dan l-ilment jinqasam fi tliet partijiet li jirrigwardaw, l-ewwel waħda, il-programmi ta’ azzjoni tal-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha u ta’ Castilla y León, it-tieni waħda, il-programm ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, u t-tielet waħda, il-programm ta’ azzjoni tal-Komunità ta’ Madrid.

 Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-programmi ta’ azzjoni tal-komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha u ta’ Castilla y León

–       L-argumenti tal-partijiet

83      Fir-rigward tal-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha u ta’ Castilla y León, il-Kummissjoni ssostni, fir-rikors tagħha, li l-programmi ta’ azzjoni ta’ dawn il-komunitajiet awtonomi ma jinkludux il-miżuri obbligatorji neċessarji fir-rigward tal-kundizzjonijiet għat-tixrid tal-fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa ħafna, imsemmija fil-punt 2 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 91/676, minħabba l-fatt li l-miżuri li jinsabu f’dawn il-programmi ta’ azzjoni huma inqas stretti mir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fi studju, ippubblikat fl‑2011 u intitolat “Recommendations for establishing Action Programmes under Directive 91/676/EEC concerning the protection of waters against pollution caused by nitrates from agricultural sources” (Rakkomandazzjonijiet għat-twaqqif ta’ programmi ta’ azzjoni skont id-Direttiva 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, iktar ’il quddiem l-“istudju xjentifiku”).

84      L-istudju xjentifiku jirrakkomanda dan li ġej fir-rigward tat-tixrid tal-fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa ħafna:

–        kombina tal-użu ta’ fertilizzanti u demel fil-ħamrija f’xaqliba ta’ iktar minn 2 % ma’ miżuri ta’ prekawzjoni, bħall-inkorporazzjoni diretta (koltivazzjoni f’kurva ta’ livell), injezzjoni, kultivazzjoni permanenti, art imtarrġa, strixxi kbar ta’ tampuni mhux fertilizzanti, eċċ.;

–        projbizzjoni tat-tixrid fuq l-art ta’ demel tal-bhejjem u ta’ fertilizzanti N u P [ta’ fertilizzanti li jinkludu nitroġenu jew fosfru] fuq l-artijiet mhux maħduma b’xaqliba ta’ iktar minn 8 % u b’mod partikolari b’xaqliba twila ta’ iktar minn 100 metru;

–        projbizzjoni tat-tixrid fuq l-art u fis-sub-wiċċ (injezzjoni, inkorporazzjoni) ta’ demel tal-bhejjem u ta’ fertilizzanti N u P fuq l-artijiet kollha b’xaqliba ta’ iktar minn 15 % u b’mod partikolari b’xaqliba ta’ iktar minn 100 metru (projbizzjoni tat-tixrid ta’ fertilizzanti u ta’ demel tal-annimali).

85      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, filwaqt li tirrikonoxxi li dan l-istudju ma għandux valur legali vinkolanti u ma huwiex l-uniku kriterju xjentifiku validu sabiex jiġi evalwat jekk l-Istati Membri żgurawx traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 91/676 fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom, tfakkar li, skont l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, il-programmi ta’ azzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-“data xjentifika u teknika disponibbli”. Issa, l-istudju xjentifiku jagħmel parti minn din id-data u r-Renju ta’ Spanja ma pprovdiex data xjentifika oħra sabiex jiġġustifika li miżuri inqas stretti minn dawk previsti minn dan l-istudju huma suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti mill-imsemmija direttiva.

86      Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li l-istudju xjentifiku ma jistax jitqies li huwa l-kriterju uniku ta’ evalwazzjoni tat-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 91/676 u ma jistax jiġi rrikonoxxut lilu natura legalment vinkolanti. Barra minn hekk, huwa jsostni li, minkejja li din id-direttiva tipprevedi biss, fl-Artikolu 11 tagħha, il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tissottometti proposti ta’ reviżjoni tal-imsemmija direttiva, din l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni, billi tuża l-istudju xjentifiku bħala l-uniku kriterju ta’ evalwazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, li tintroduċi obbligi addizzjonali għall-Istati Membri li fir-realtà jeħtieġu li tiġi emendata l-istess direttiva. Issa, jidher li jeżistu programmi ta’ azzjoni fit-territorji differenti msemmija fir-rikors promotur li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

87      Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Aragón, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-unika kritika fformulata mill-Kummissjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-miżuri previsti mill-programm ta’ azzjoni ta’ din il-komunità awtonoma għall-artijiet fix-xaqliba huma inqas stretti minn dawk li jinsabu fl-istudju xjentifiku. Il-Kummissjoni ma tipproduċi ebda element li jippermetti li jiġi sostnut li dan il-programm ta’ azzjoni ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, peress li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix ċifra speċifika li fuqha tista’ tibbaża ruħha l-Kummissjoni.

88      Skont ir-Renju ta’ Spanja, l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fir-rigward tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha. Barra minn hekk, din il-Komunità Awtonoma tidher li emendat il-programm ta’ azzjoni tagħha permezz ta’ digriet adottat fit‑28 ta’ Settembru 2020, li żied fih dispożizzjonijiet dwar iż-żieda ta’ fertilizzanti b’komponent ta’ nitroġenu fuq l-artijiet b’xaqliba. Issa, dawn l-emendi saru mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha abbażi tal-abbozz tal-programm ta’ azzjoni ppreżentat mill-Komunità Awtonoma ta’ Navarra, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kkunsidrat, fl-opinjoni motivata tagħha, li kien konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676. Għaldaqstant, loġikament għandu jiġi kkunsidrat li l-programm ta’ azzjoni hekk emendat tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha huwa konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

89      Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla y Léon, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fir-rikors tagħha, l-Artikolu 10 tal-Kodiċi ta’ Prattika tajba ta’ din il-Komunità Awtonoma, adottat permezz tad-digriet tal‑25 ta’ Ġunju 2020, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tixrid tal-fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa ħafna. L-obbligi previsti fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676 jidhru li ġew għalhekk osservati f’din il-komunità awtonoma. Fi kwalunkwe każ, din tal-aħħar adottat, permezz ta’ digriet adottat fid‑29 ta’ April 2022, miżuri intiżi għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa sabiex issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.

90      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Renju ta’ Spanja. B’mod partikolari, hija żżomm il-pożizzjoni tagħha dwar il-Komunità Awtonoma ta’ Aragón.

91      Fir-rigward tal-allegata similarità tal-programmi ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha ma’ dak tal-Komunità Awtonoma ta’ Navarra, hija tippreċiża li hija teżamina l-miżuri ta’ kull programm ta’ azzjoni reġjonali skont il-kundizzjonijiet klimatiċi u pedoloġiċi tagħhom.

92      Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla y Leon, il-Kummissjoni żżid li jekk ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ din il-komunità awtonoma, regoli iktar permissivi minn dawk previsti fl-istudju xjentifiku huma suffiċjenti sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ tnixxija, dan l-Istat Membru kellu jipprovdi d-data xjentifika u teknika li fuqha huwa bbaża ruħu f’dan ir-rigward, ħaġa li huwa baqa’ ma għamilx. Fir-rigward tal-verżjoni tal-programm ta’ azzjoni ta’ din il-komunità awtonoma li tirriżulta mid-digriet tad‑29 ta’ April 2022, li, fi kwalunkwe każ, ġie adottat wara t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, din għadha ma tissodisfax ir-regoli xjentifiċi u tekniċi disponibbli, peress li hija tidher li tipprevedi l-possibbiltà, f’ċerti ċirkustanzi, li jiġu mxerrda fertilizzanti fuq artijiet b’inklinazzjoni ta’ iktar minn 15 %, mingħajr ma tiġi pprovduta data teknika li tiġġustifika din id-diverġenza meta mqabbla mar-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni.

93      Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jippreċiża, fir-rigward tal-Komunità Awtonoma ta’ Aragón, li, fl‑14 ta’ Diċembru 2022, ġiet adottata riżoluzzjoni li kienet intiża sabiex tiċċara l-kontenut tal-programm ta’ azzjoni ta’ din il-komunità awtonoma fir-rigward tal-kundizzjonijiet għat-tixrid ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa ħafna, filwaqt li jispeċifika b’mod preċiż u ddettaljat l-obbligi u l-miżuri li għandhom jiġu implimentati. Skont ir-Renju ta’ Spanja, din ir-riżoluzzjoni hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 91/676 jipprovdi li l-programmi ta’ azzjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika u teknika disponibbli. Dawn il-programmi ta’ azzjoni għandu jkun fihom għadd ta’ miżuri obbligatorji elenkati fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Għaldaqstant, sabiex jiġi vverifikat jekk programm ta’ azzjoni partikolari huwiex konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwa neċessarju, għall-Kummissjoni, li tieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika u teknika disponibbli. Issa, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li l-istudju xjentifiku, li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan il-każ, jagħmel parti mid-data xjentifika disponibbli li din l-istituzzjoni kellha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni.

95      Kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, billi bbażat ruħha fuq l-istudju xjentifiku, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma allegat li tagħtih natura legalment vinkolanti jew imponiet obbligi addizzjonali fuq dan l-Istat Membru.

96      Fil-fatt, ir-Renju ta’ Spanja seta’ jipproduċi studji u dokumenti xjentifiċi oħra sabiex jikkonfuta l-allegazzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑543/16, EU:C:2018:481, punt 77). Issa, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja ma pprovdiex tali studji jew tali dokumenti intiżi sabiex juru li l-kundizzjonijiet għat-tixrid ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa inqas stretti minn dawk previsti mill-istudju xjentifiku huma suffiċjenti sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-ilmijiet ipprovokat jew ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jiġi evitat kull tniġġis ġdid ta’ dan it-tip, konformement mal-għan imfittex mid-Direttiva 91/676, stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha.

97      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li l-kundizzjonijiet għat-tixrid ta’ fertilizzanti fuq l-artijiet b’xaqliba wieqfa stabbiliti fil-programmi ta’ azzjoni tal-komunitajiet awtonomi msemmija fl-ewwel parti tat-tieni lment huma inqas stretti minn dawk previsti mill-istudju xjentifiku.

98      Fit-tielet lok, għalkemm ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-miżuri adottati mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-Mancha kienu bbażati fuq il-miżuri meħuda mill-Komunità Awtonoma ta’ Navarra li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala sodisfaċenti, kif jirriżulta mill-opinjoni motivata tagħha, huwa ma jikkontestax li l-miżuri meħuda mill-Komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha huma inqas stretti minn dawk previsti mill-istudju xjentifiku, mingħajr ma jispjega għalfejn dawn il-miżuri inqas stretti għandhom jiġu kkunsidrati bħala konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676.

99      Fir-raba’ u l-aħħar lok, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jinvoka miżuri meħuda wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, dwar il-Komunitajiet awtonomi ta’ Castilla-u-Léon u ta’ Aragon, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-bidliet li jseħħu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkunsidrat.

100    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni lment għandha tintlaqa’.

 Fuq it-tieni parti, li tirrigwarda l-programm ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura

–       L-argumenti tal-partijiet

101    Il-Kummissjoni tikkunsidra, fir-rikors tagħha, li hemm tliet nuqqasijiet fil-programm ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, jiġifieri miżuri li jikkonċernaw il-ħażna temporanja tad-demel solidu tal-annimali fl-għelieqi imsemmija fil-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II u fil-punt 2 tal-Anness III(1) tad-Direttiva 91/676, tal-miżuri dwar ir-reġistru tal-użu tal-fertilizzanti, imsemmija fil-punt 9 tal-Anness IIB, u fil-punt 3 tal-Anness III(1) u (2) ta’ din id-direttiva, kif ukoll miżuri li jirrigwardaw il-kwantità massima annwali ta’ demel tal-annimali għal kull ettaru li għandu jiġi mxerred fuq l-art, imsemmija fl-Anness III(2) tal-imsemmija direttiva.

102    Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’din il-komunità awtonoma tipprekludi l-ħażna temporanja tad-demel solidu tal-bhejjem fl-irziezet. Dawn l-irziezet huma obbligati wkoll li jżommu reġistru aġġornat għal kull wiċċ tar-raba’, li jippreċiża, b’mod partikolari, id-dati tat-tixrid fuq l-art tal-fertilizzanti, it-tip ta’ fertilizzant u l-kwantità mxterrda fuq l-art. Fi kwalunkwe każ, il-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura tidher li tfassal programm ta’ azzjoni ġdid sabiex issegwi l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni.

103    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tirribatti li r-regoli invokati mir-Renju ta’ Spanja ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni korretta tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, li jeżiġi li l-miżuri inkwistjoni jiġu inklużi fil-programm ta’ azzjoni għaż-żoni vulnerabbli.

104    Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-impriżi agrikoli kollha huma obbligati jikkonformaw ruħhom mar-regoli dwar ir-reġistru tal-użu ta’ fertilizzanti u l-aspetti dwar il-miżuri ta’ ħażna temporanja tad-demel solidu tal-bhejjem fuq il-post, indipendentement mill-inklużjoni tagħhom fil-programm ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura, peress li dawn huma obbligi imposti minn Digriet Irjali applikabbli fit-territorju nazzjonali kollu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

105    Għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax, essenzjalment, li l-programm ta’ azzjoni tal-Komunità Awtonoma ta’ Extremadura ma jinkludix it-tliet elementi msemmija fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, kuntrarjament għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-Annessi II u III ta’ din id-direttiva.

106    Barra minn hekk, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jinvoka miżura leġiżlattiva li ma kinitx ġiet adottata fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, l-argument tiegħu għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 99 ta’ din is-sentenza.

107    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni lment għandha tintlaqa’.

 Fuq it-tielet parti, dwar il-programm ta’ azzjoni tal-Komunità ta’ Madrid

–       L-argumenti tal-partijiet

108    Fir-rigward tal-Komunità ta’ Madrid, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta’ Spanja bin-nuqqas, fil-programm ta’ azzjoni ta’ din il-Komunità, ta’ indikazzjonijiet ċari fuq il-miżuri dwar il-ħażna temporanja ta’ fertilizzanti solidi fuq l-art, imsemmija fil-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II u fil-punt 2 tal-Anness III(1) tad-Direttiva 91/676 b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perijodu massimu ta’ ħażna tad-demel tal-bhejjem fuq l-art.

109    Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jindika li l-programm ta’ azzjoni li kien qed jiġi żviluppat fiż-żmien tal-opinjoni motivata jinsab attwalment fl-istadju ta’ approvazzjoni. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-Digriet Irjali 47/2022 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis diffuż ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, imsemmi fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, u abbozz ta’ Digriet Irjali dwar in-nutrizzjoni fit-tul fl-artijiet agrikoli.

110    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tosserva li, peress li l-programm ta’ azzjoni ġdid tal-imsemmija komunità għadu qed jitħejja, il-programm ta’ azzjoni preċedenti jibqa’ applikabbli.

111    Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jippreċiża li l-kontrolli mwettqa kull sena fuq l-azjendi agrikoli preżenti fiż-żoni vulnerabbli mis-sena 2020 jinkludu, b’applikazzjoni tal-programm ta’ azzjoni fis-seħħ, il-verifika tal-faċilitajiet ta’ ħażna tal-fertilizzanti, tad-demel solidu u tad-demel likwidu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

112    Għandu jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa kkritikat bih fir-rigward tal-Komunità ta’ Madrid.

113    Barra minn hekk, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jinvoka miżura leġiżlattiva adottata wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, l-argument tiegħu għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li jinsabu fil-punt 99 ta’ din is-sentenza.

114    Minn dan isegwi li t-tielet parti tat-tieni lment u, għaldaqstant, dan l-ilment kollu kemm hu, għandhom jintlaqgħu.

115    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma pprovdiex għall-miżuri obbligatorji kollha neċessarji fil-programmi ta’ azzjoni tal-komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u ta’ Extremadura kif ukoll tal-Komunità ta’ Madrid, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-Annessi II u III ta’ din id-direttiva.

 Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 5(5) tadDirettiva 91/676

116    Permezz tat-tielet ilment tagħha, li jinqasam f’żewġ partijiet, il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħax il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa meħtieġa f’dak li jirrigwarda t-tniġġis ikkawżat min-nitrati, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. Hija ssostni li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni, jieħdu l-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa kollha li huma jqisu neċessarji jekk il-miżuri msemmija fl-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva ma jkunux biżżejjed sabiex inaqqsu t-tniġġis u jipprevjenu kwalunkwe tniġġis ġdid min-nitrati minn sorsi agrikoli.

 Fuq l-ewwel parti li tirrigwarda l-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u tar-Reġjun ta’ Murcia

–       L-argumenti tal-partijiet

117    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lir-Renju ta’ Spanja talli naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 billi ma ħax il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa meħtieġa fir-rigward tat-tniġġis min-nitrati fir-rigward tal-komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla-y-León u tar-Reġjun ta’ Murcia.

118    Il-Kummissjoni tqis li d-data pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli fir-rapport 2016–2019 turi li, fl-erba’ komunitajiet awtonomi inkwistjoni, il-kwalità tal-ilmijiet ma tjibitx meta mqabbla mal-perijodu preċedenti, li jindika li l-miżuri adottati skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676 ma kinux suffiċjenti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

119    Fir-rigward tal-komunità awtonoma ta’ Aragón, mir-rapport 2016–2019 jirriżulta wkoll li, l-ewwel nett, f’ 56.3 % tal-punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art, il-valuri tan-nitrati kienu ogħla minn 40 mg/l, u f’ 39.1 % ta’ dawn il-punti, dawn il-valuri kienu jaqbżu l-50 mg/l. Issa, fir-rapport 2012–2015, il-proporzjon ta’ punti ta’ kejl li juri valuri ta’ nitrati ogħla minn 40 mg/l jidher li kien ta’ 54.3 %, filwaqt li l-proporzjon ta’ punti ta’ kejl li juru valuri ta’ iktar minn 50 mg/l kien ta’ 42.3 %. It-tieni nett, 67.4 % tal-punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art li jindikaw valuri tan-nitrati ogħla minn 40 mg/l urew tendenza stabbli jew ogħla. It-tielet nett, l-istess japplika għal 53.8 % tal-punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art li jindikaw valuri ogħla minn 50 mg/l.

120    Fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ, il-perċentwali ta’ punti ta’ kejl li jindikaw valuri ta’ nitrati ogħla minn 40 mg/l żdiedet minn 7.7 % għal 8 % minn perijodu għal ieħor u l-perċentwali ta’ dawn il-punti li tindika valuri ogħla minn 50 mg/l żdiedet minn 0 % għal 4 %. Il-punti ta’ kejl kollha li jindikaw valuri tan-nitrati ogħla minn 50 mg/l juru xejra ta’ żieda jew stabbli.

121    Fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni, il-komunità awtonoma ta’ Aragón kellha biss żewġ punti ta’ kejl fiż-żoni vulnerabbli matul il-perijodu 2012–2015, fejn wieħed minnhom kien irrapporta ewtrofikazzjoni. Matul il-perjodu 2016–2019, l-għadd ta’ punti ta’ kejl li jimmonitorjaw l-istat trofiku naqas għal tmienja, u tnejn minnhom jindikaw tniġġis.

122    Fil-qosor, id-data dwar l-ilma ta’ taħt l-art ma tirreferix għal titjib fil-kwalità tal-ilma, l-informazzjoni dwar l-ilma tal-wiċċ tidher li turi deterjorament tal-kwalità tal-ilma u n-numru żgħir ta’ punti ta’ kejl li jindikaw l-ewtrofikazzjoni fiż-żoni vulnerabbli jirrendi diffiċli l-evalwazzjoni tal-evoluzzjoni tal-istat trofiku.

123    Filwaqt li tirrikonoxxi li l-miżuri meħuda mill-komunità awtonoma ta’ Aragón jinsabu fid-direzzjoni t-tajba, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-dawl tal-livell ta’ tniġġis tal-ilma u tan-nuqqas ta’ studji li jsostnu n-natura suffiċjenti ta’ dawn il-miżuri, ir-Renju ta’ Spanja jkompli ma josservax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676, fir-rigward ta’ din il-komunità awtonoma.

124    Fir-rigward tal-komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, il-proporzjon ta’ punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art fiż-żoni vulnerabbli li jindikaw konċentrazzjoni ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l jidher li naqas minn 32 % fil-kuntest tar-Rapport 2012–2015 għal 26.3 % fil-kuntest tar-Rapport 2016–2019. Madankollu, 57.8 % tal-punti ta’ kejl fejn matul dan l-aħħar perijodu ġie kkonstatat tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art juru tendenzi stabbli jew ogħla. Barra minn hekk, il-perċentwali ta’ punti ta’ kejl tal-ilma tal-wiċċ fiż-żoni vulnerabbli li juru ewtrofikazzjoni żdiedet minn 35.9 % fir-Rapport 2012–2015 għal 60 % fir-Rapport 2016–2019. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli rrikonoxxew id-deterjorament tal-kwalità tal-ilma fir-rigward ta’ din il-komunità awtonoma.

125    Fid-dawl tal-livell ta’ tniġġis tal-ilmijiet u tal-assenza ta’ studji u ta’ data teknika li jsostnu n-natura suffiċjenti tal-miżuri adottati, ir-Renju ta’ Spanja jkompli ma josservax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 f’dak li jirrigwarda l-imsemmija komunità awtonoma.

126    Fir-rigward tal-komunità awtonoma ta’ Castilla y Leon, id-data mibgħuta mill-awtoritajiet Spanjoli fir-Rapport tal‑2016‑2019 tidher li turi b’mod ċar li s-sitwazzjoni fiż-żoni vulnerabbli ma tjibitx. Għalhekk, f’dawn iż-żoni, il-perċentwali tal-punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art b’konċentrazzjonijiet ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l żdiedet minn 37.2 % għal 43 %. Barra minn hekk, iktar minn nofs il-punti ta’ kejl b’konċentrazzjonijiet ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l juru tendenza stabbli jew ogħla meta mqabbla mal-perijodu preċedenti.

127    Il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Spanjoli ma humiex biżżejjed sabiex itemmu n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Renju ta’ Spanja.

128    F’dak li jirrigwarda l-komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, id-data mibgħuta mill-awtoritajiet Spanjoli fir-Rapport 2016–2019 ma tippermettix li jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni fiż-żoni vulnerabbli tjiebet meta mqabbla mad-data li tirriżulta mir-Rapport 2012–2015. Fil-fatt, minkejja li l-perċentwali ta’ punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art li jiddikjaraw valuri ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l f’dawn iż-żoni naqas, minn 62.5 % għal 57.4 %, il-perċentwali ta’ punti ta’ kejl tal-ilma tal-wiċċ li jiddikjara valuri ogħla minn 50 mg/l fiż-żoni vulnerabbli żdied, minn 10 % għal 15.6 %.

129    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-imsemmija komunità awtonoma adottat diversi miżuri addizzjonali. Madankollu, dawn il-miżuri huma insuffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 91/676, kif jidhru li juru wkoll id-daqs u l-gravità tal-avvenimenti tal-kriżi ta’ anossija matul is-sena 2019 u fl-aħħar tas-sajf tal‑2021.

130    Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni, billi jsostni li l-obbligu impost mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 ma huwiex obbligu ta’ riżultat. Għall-kuntrarju, dan huwa obbligu li jittieħdu miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. Issa, fil-komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u tar-Reġjun ta’ Murcia ġew adottati miżuri addizzjonali u azzjonijiet imsaħħa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

131    Barra minn hekk, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 jeżiġi l-adozzjoni tal-miżuri li l-Istati Membri “jqisu meħtieġa” sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. Dan jippreżumi li r-riżultat tal-miżuri fis-seħħ seta’ jiġi eżaminat minn qabel, sabiex jittieħdu miżuri ġodda “fid-dawl tal-esperjenza miksuba”, kif jipprevedi l-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva. Issa, dan neċessarjament u inevitabbilment jeħtieġ li jkun għadda ċertu perijodu ta’ żmien. Kif tindika t-tlettax-il premessa tal-istess Direttiva, mhuwiex eskluż li jridu jgħaddu ħafna snin sabiex il-miżuri ta’ protezzjoni jwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ilma.

132    Barra minn hekk, mill-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 91/676 jirriżulta li, mill-inqas kull erba’ snin, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw mill-ġdid u, jekk ikun il-każ, jirrevedu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom, inkluża kull miżura addizzjonali meħuda skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 10 tagħha, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, kull erba’ snin, rapport li jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Anness V tal-imsemmija direttiva u li jirrigwarda, b’mod partikolari, kull miżura addizzjonali jew azzjoni msaħħa meħuda skont l-Artikolu 5(5) tal-istess direttiva. L-Istati Membri għandhom, fil-kuntest ta’ dan ir-rapport, jiddeċiedu, minn naħa, dwar it-termini approssimattivi li fihom huma jqisu li l-ilmijiet iddefiniti skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676 għandhom jirreaġixxu għall-miżuri previsti fil-programm ta’ azzjoni u, min-naħa l-oħra, dwar indikazzjoni tal-livell ta’ inċertezza ta’ dawn l-istimi. Għaldaqstant, ma jkunx eżatt li jiġi affermat, kif tidher li tagħmel il-Kummissjoni, li l-miżuri jew l-azzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva jidhru li ma ġewx adottati.

133    Fl-aħħar nett, l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali jew ta’ azzjonijiet imsaħħa fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni hija biss waħda mill-azzjonijiet possibbli li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu sabiex jilħqu l-għanijiet iddefiniti mid-Direttiva 91/676.

134    Fir-rigward tal-komunità awtonoma ta’ Aragón, ikun kontradittorju li l-awtoritajiet Spanjoli jiġu kkritikati li ma ħadux miżuri addizzjonali filwaqt li jiġi aċċettat li l-proporzjon ta’ punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art li juri valuri ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l naqas. Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat li punti ta’ kejl li fihom ġew irrilevati valuri ta’ nitrati ta’ inqas minn 50 mg/l huma invokati, kif tidher li tagħmel il-Kummissjoni, sabiex tiġi stabbilita n-neċessità ta’ miżuri addizzjonali jew ta’ azzjonijiet imsaħħa. Għaldaqstant, kien hemm titjib fil-kwalità tal-ilma f’din il-komunità awtonoma.

135    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li wieħed miż-żewġ atti leġiżlattivi adottati mill-Komunità Awtonoma ta’ Aragona f’dan ir-rigward jikkontribwixxi sabiex tiġi evitata aċċellerazzjoni taż-żieda tat-tniġġis u li l-oħra tillimita l-ftuħ ta’ impriżi ġodda u jista’ jkollha effetti pożittivi sabiex tnaqqas il-kontenut tan-nitroġenu.

136    F’dak li jirrigwarda l-komunità Awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, din qiegħda ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll tagħha bl-għan li tilħaq l-għanijiet iddefiniti mid-Direttiva 91/676. It-tisħiħ tal-miżuri inklużi fil-programmi ta’ azzjoni ta’ din il-komunità awtonoma għandu jsir biss meta jintwera li dawn il-miżuri mhumiex biżżejjed biex inaqqsu t-tniġġis.

137    Fir-rigward tal-komunità awtonoma ta’ Castilla y Leon, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-miżuri neċessarji ġew implimentati permezz ta’ digriet ta’ din il-komunità awtonoma, adottat fl‑2018 u li jiddetermina l-kundizzjonijiet ambjentali minimi għall-eżerċizzju tal-attivitajiet jew tal-installazzjonijiet tat-trobbija li jinsabu fit-territorju tiegħu. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija komunità awtonoma approvat, fl‑2022, programm ta’ azzjoni ġdid li jipprevedi miżuri ġodda intiżi sabiex jipprevjenu u, jekk ikun il-każ, inaqqsu t-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli.

138    F’dak li jirrigwarda l-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-avvenimenti tal-kriżi ta’ anossija matul is-sena 2019 u fl-aħħar tas-sajf tal‑2021, li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fir-rikors tagħha, huma sussegwenti u ma humiex relatati mal-kritika fformulata fil-kuntest tal-fażi amministrattiva tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-ilment tagħha fuq tali fatti.

139    Fuq il-mertu, bl-adozzjoni ta’ serje ta’ programmi u ta’ atti leġiżlattivi, inkluż, fl-aħħar lok, liġi tas‑27 ta’ Lulju 2020 dwar ir-restawr u l-protezzjoni tal-baħar Minuri, il-Komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia kkonformat ruħha mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. Ir-Renju ta’ Spanja jirreferi wkoll għal pjan ta’ spezzjoni tal-impriżi agrikoli għall-perijodu 2020–2021, approvat permezz ta’ digriet adottat fix-xahar ta’ Settembru 2020, u għal diversi atti leġiżlattivi oħra adottati fis‑27 ta’ Awwissu 2021, fis‑6 ta’ Settembru 2021, fit‑13 ta’ April 2022 u fl‑14 ta’ Lulju 2022.

140    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprekludi l-argument tar-Renju ta’ Spanja, imressaq fir-risposta tiegħu, li jgħid li huwa neċessarju li jgħaddi ċertu żmien sabiex jiġi evalwat ir-riżultat fit-tul tal-miżuri adottati mill-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, tali argument iċaħħad lill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 minn kull effett utli.

141    Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Aragón, kuntrarjament għal dak li deher li sostna r-Renju ta’ Spanja, is-sitwazzjoni fiż-żoni vulnerabbli li jiddependu minnha ma tjibitx matul il-perijodu 2016‑2019 meta mqabbla mal-perijodu 2012–2015. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżuri meħuda minn din il-komunità awtonoma, il-Kummissjoni tirreferi għat-talbiet li hija ppreżentat fir-rikors tagħha.

142    Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li s-sitwazzjoni fiż-żoni vulnerabbli li tiddependi minnha lanqas ma tjiebet matul il-perijodu 2016–2019 meta mqabbel mal-perijodu 2012–2015. L-argument ta’ dan l-Istat Membru li miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa għandhom jiġu implimentati biss meta jkun evidenti li l-miżuri attwali tal-programm ta’ azzjoni huma insuffiċjenti, ma jidhirx li huwa fondat. L-obbligu li jiġu adottati miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa previst fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 jitnissel minn meta jiġi kkonstatat matul perijodu partikolari li l-kwalità tal-ilma ma tjibitx meta mqabbla mal-perijodu preċedenti, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi pprovata l-ineffettività tal-miżuri diġà adottati.

143    Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax li s-sitwazzjoni fiż-żoni vulnerabbli li jiddependi minnha lanqas ma tjiebet matul il-perijodu 2016–2019 meta mqabbel mal-perijodu 2012–2015. Fir-rigward tad-Digriet tal‑2018 imsemmi fil-punt 137 ta’ din is-sentenza, dan ma jistax jissostitwixxi l-eżami mill-ġdid tal-programm ta’ azzjoni. Fir-rigward tad-digriet tal‑2022 ta’ din il-komunità awtonoma msemmi fl-istess punt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan seħħ wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

144    F’dak li jirrigwarda l-Komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, il-Kummissjoni tenfasizza li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 huwa bbażat, fir-rigward ta’ din il-komunità awtonoma, fuq id-data ppreżentata mir-Renju ta’ Spanja dwar il-kwalità tal-ilma, li turi l-eżistenza ta’ problemi ta’ ewtrofikazzjoni u tipprova li l-miżuri adottati mill-imsemmija komunità awtonoma skont l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva ma tejbux is-sitwazzjoni. Din id-data hija esposta b’mod ċar fir-rikors u r-Renju ta’ Spanja ma kkontestax il-fondatezza tagħha fir-risposta tiegħu.

145    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li, fir-rikors tagħha, hija enfasizzat il-fatt li din is-sitwazzjoni kompliet sew wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u dan jidher li jikkonferma li l-miżuri fis-seħħ fl-iskadenza ta’ dan it-terminu ma kinux suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti mid-Direttiva 91/676. L-elementi fattwali mressqa minn din l-istituzzjoni fir-rigward tal-kriżi ta’ anossija matul is-sena 2019 u fl-aħħar tas-sajf 2021 jidhru li juru din il-persistenza. Madankollu, din ma hijiex l-unika prova prodotta mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tidher li elenkat ukoll fir-rikors tagħha ċertu numru ta’ dokumenti uffiċjali li joriġinaw mill-awtoritajiet Spanjoli li fihom dawn tal-aħħar irrikonoxxew id-deterjorament tal-kwalità tal-ilma u, għaldaqstant, l-insuffiċjenza tal-miżuri adottati fil-livell tal-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia.

146    Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li jidhru li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-miżuri meħuda mill-komunitajiet awtonomi kkonċernati, il-leġiżlazzjonijiet adottati sadanittant fuq il-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għal diversi atti leġiżlattivi adottati matul is-sena 2022.

147    Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Aragón, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-Kummissjoni stess tirrikonoxxi li l-miżuri adottati minn din il-komunità awtonoma jmorru fid-direzzjoni t-tajba.

148    Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, il-Kummissjoni tidher li tippersisti, b’mod żbaljat, li teżiġi riżultati immedjati.

149    Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla y Leon, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar il-miżuri msemmija fil-punt 137 ta’ din is-sentenza.

150    F’dak li jirrigwarda l-Komunità Awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li ttieħdu miżuri skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali jew ta’ azzjonijiet imsaħħa fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni tidher li hija biss waħda mill-azzjonijiet possibbli li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

151    Skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676, l-Istati Membri għandhom jieħdu, fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni, il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa kollha li huma jqisu neċessarji, jekk jirriżulta, mill-bidu jew fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, li l-miżuri obbligatorji msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu ma jkunux biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

152    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/676, din hija intiża sabiex tnaqqas it-tniġġis tal-ilma ipprovokat jew ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex tipprevjeni kull tniġġis ulterjuri ta’ dan it-tip.

153    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit li l-miżuri obbligatorji msemmija fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676 ma humiex suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-kwalità tal-ilma ma tjibitx, meta mqabbla mal-perijodu preċedenti (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑543/16, EU:C:2018:481, punti 55, 56, 59 u 71).

154    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa, imsemmija fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676, mill-bidu tal-ewwel programm ta’ azzjoni jew fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni u għalhekk mill-ewwel konstatazzjoni tal-bżonn tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑543/16, EU:C:2018:481, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk ir-Renju ta’ Spanja naqasx milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676.

156    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-provi invokati minn dan l-Istat Membru ma jippermettux li jiġu kkontestati ċ-ċifri li jinsabu fir-rapporti li huwa bagħat li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, li juru li l-kwalità tal-ilma ma tjibitx matul il-perijodu 2016–2019 meta mqabbla mal-perijodu 2012–2015 fil-Komunitajiet awtonomi ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u tar-Reġjun ta’ Murcia.

157    Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Aragón, huwa minnu li r-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha, f’dak li jirrigwarda l-ilma ta’ taħt l-art, fuq ir-riżultat tal-ġbir imwettaq fil-punti sa fejn ġew ikkonstatati valuri ta’ nitrati inqas minn 50 mg/l u li l-proporzjon ta’ punti ta’ kejl li juru valuri ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l naqas b’ 42.3 % matul il-perijodu 2012–2015 għal 39.1 % matul il-perijodu 2016–2019. Madankollu, b’dan il-mod, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta biss tnejn mit-tliet konstatazzjonijiet imsemmija fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kwalità ta’ ilma ta’ taħt l-art ma tjibitx fil-Komunità Awtonoma ta’ Aragón. Min-naħa l-oħra, huwa la jikkontesta l-konstatazzjoni l-oħra invokata mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, li tgħid li f’ 53.8 % tal-punti ta’ kejl tal-ilma ta’ taħt l-art fejn ġew ikkonstatati valuri ta’ nitrati ogħla minn 50 mg/l, dawn il-valuri jevolvu skont tendenza stabbli jew għolja, u lanqas il-konstatazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fir-rigward tal-ilma tal-wiċċ.

158    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-kwalità tal-ilma f’din il-komunità awtonoma ma tjibitx matul il-perijodu 2016–2019, meta mqabbla mal-perijodu preċedenti.

159    Fit-tieni lok, għalkemm mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 jirriżulta li l-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa msemmija minn din id-dispożizzjoni jistgħu jittieħdu “fid-dawl tal-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni”, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, dawn il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa jistgħu wkoll jittieħdu “mill-bidu” ta’ din l-implimentazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, u konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 154 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa għandhom jittieħdu sa mill-ewwel konstatazzjoni tal-bżonn tagħhom. Minn dan isegwi li l-argument tar-Renju ta’ Spanja li miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa għandhom jiġu adottati biss wara ċertu żmien, wara li jkun ġie kkonstatat li l-miżuri eżistenti ma humiex suffiċjenti, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tneħħi l-effett utli tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 u tidher li tikkomprometti l-għanijiet ta’ din id-direttiva, kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tagħha.

160    L-istess japplika għall-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676, billi jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa “li huma jqisu meħtieġa”, jidher li jippreżupponi li r-riżultat tal-miżuri fis-seħħ seta’ ġie eżaminat minn qabel, sabiex jittieħdu miżuri ġodda fid-dawl tal-esperjenza miksuba.

161    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 ma jistgħux jiġu kkontestati la minħabba l-eżistenza ta’ obbligi oħra imposti fuqhom skont l-Artikolu 5(7) u l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, u lanqas mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fit-tlettax-il premessa tagħha. Fil-fatt, dawn l-aħħar obbligi u dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jeżentaw lill-Istati Membri milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva.

162    Bl-istess mod, l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali jew ta’ azzjonijiet imsaħħa fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni hija biss waħda mill-azzjonijiet possibbli li l-Istati Membri jistgħu jieħdu sabiex jilħqu l-għanijiet tad-Direttiva 91/676 għandu jiġi miċħud, peress li dawn xorta waħda huma obbligati jassumu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676.

163    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-Renju ta’ Spanja ħax il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li huwa kien obbligat jadotta, fir-rigward tal-erba’ komunitajiet awtonomi inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 jirriżulta li dawn il-miżuri jew azzjonijiet għandhom jittieħdu meta l-miżuri obbligatorji msemmija fl-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva ma jkunux suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1 tagħha. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, ma huwiex biżżejjed, sabiex jitqies li Stat Membru ssodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva, li jkun adotta miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa. Fil-fatt, sabiex jitqies li ġew issodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, huwa barra minn hekk neċessarju li dawn l-azzjonijiet addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa jkunu biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/676, jiġifieri li jitnaqqas it-tniġġis tal-ilma ipprovokat jew ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u sabiex jiġi evitat kwalunkwe tniġġis ulterjuri ta’ dan it-tip.

164    Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Aragón, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-miżuri meħuda minn din il-komunità awtonoma kienu jinsabu fid-direzzjoni t-tajba, hija enfasizzat ukoll, ġustament, li r-Renju ta’ Spanja ma kienx ipprovda studji u lanqas provi ċirkustanzjali li juru li dawn il-miżuri huma suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti mid-Direttiva 91/676.

165    Fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet adottati sadanittant fuq il-livell nazzjonali, li għalihom irrefera r-Renju ta’ Spanja fil-kontroreplika tiegħu u li huma intiżi sabiex itejbu mhux biss is-sitwazzjoni tal-imsemmija komunità awtonoma, iżda wkoll dik tat-tliet komunitajiet awtonomi l-oħra kkonċernati mill-ewwel parti tat-tielet ilment, għandu jiġi rrilevat li dawn il-leġiżlazzjonijiet ġew adottati matul is-sena 2022, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-bidliet li jseħħu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkunsidrat.

166    F’dak li jirrigwarda l-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, ir-Renju ta’ Spanja sempliċement isostni li t-tisħiħ tal-miżuri inklużi fil-programmi ta’ azzjoni ta’ din il-komunità awtonoma għandu jsir biss jekk jiġi stabbilit li dawn il-miżuri ma humiex biżżejjed sabiex inaqqsu t-tniġġis min-nitrati. Issa, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 159 ta’ din is-sentenza, tali argument jista’ jiġġustifika biss li Stat Membru ma jissodisfax l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676.

167    Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla y Leon, kif jirriżulta mill-punt 137 ta’ din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja jillimita ruħu li jsemmi l-adozzjoni, minn din il-Komunità awtonoma, minn naħa, matul is-sena 2018, ta’ digriet li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ambjentali minimi għall-eżerċizzju tal-attivitajiet jew tal-installazzjonijiet tat-trobbija li jinsabu fit-territorju tagħha u, min-naħa l-oħra, matul is-sena 2022, ta’ digriet li japprova programm ta’ azzjoni ġdid li jidher li jipprevedi miżuri ġodda intiżi għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma min-nitrati minn sorsi agrikoli. Issa, minn naħa, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, l-adozzjoni ta’ tali digriet ma hijiex ta’ natura li teħles lir-Renju ta’ Spanja mill-obbligu tiegħu li jissorvelja r-reviżjoni tal-programm ta’ azzjoni ta’ din il-Komunità Awtonoma li huwa għandu taħt l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-digriet adottat mill-imsemmija komunità awtonoma matul is-sena 2022, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, il-bidliet li jseħħu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

168    F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, il-Komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, għalkemm huwa minnu li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni rreferiet għal avvenimenti li seħħew fl‑2019 u fl‑2021, u għalhekk għal fatti li ma kinux ikkonċernati mill-fażi amministrattiva tal-proċedura, din l-istituzzjoni spjegat, mingħajr ma ġiet kontradetta f’dan ir-rigward mir-Renju ta’ Spanja, li hija kienet semmiet dawn il-fatti fir-rikors tagħha sabiex turi li l-miżuri li kienu ġew adottati mill-awtoritajiet Spanjoli fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata ma kinux suffiċjenti. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-liġi msemmija fil-punt 139 ta’ din is-sentenza, adottata fis‑27 ta’ Lulju 2020, tirrikonoxxi espliċitament li l-miżuri tal-programm ta’ azzjoni eżistenti f’dak iż-żmien ma kinux biżżejjed sabiex jipprevjenu u jikkoreġu t-tniġġis ikkawżat min-nitrati fil-korp tal-ilma ta’ taħt l-art f’ċertu reġjun ta’ din il-komunità awtonoma. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fir-replika tagħha, li mill-programm ta’ azzjoni l-ġdid li kien qiegħed jiġi ppreparat fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kien jirriżulta espressament li kienu għadhom neċessarji miżuri addizzjonali u azzjonijiet imsaħħa oħra.

169    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet lment għandha tintlaqa’.

170    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħax il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa meħtieġa fir-rigward tat-tniġġis min-nitrati fir-rigward tal-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u tar-Reġjun ta’ Murcia, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li r-Renju ta’ Spanja ma adottax il-miżuri adegwati sabiex jirrimedja l-ewtrofikazzjoni fit-territorju kollu tiegħu

–       L-argumenti tal-partijiet

171    Permezz tat-tieni parti tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-Renju ta’ Spanja ma adottax il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa meħtieġa mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 91/676 sabiex jirrimedja l-ewtrofikazzjoni fit-territorju kollu tiegħu, filwaqt li d-data disponibbli kienet tistabbilixxi li l-miżuri previsti fil-programmi ta’ azzjoni ma kinux suffiċjenti sabiex inaqqsu u jipprevjenu t-tniġġis.

172    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punti 2 u 3 tal-Parti A tal-Anness I tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ilmijiet għandhom jitqiesu li huma affettwati mit-tniġġis, b’mod partikolari, meta l-lagi naturali ta’ ilma ħelu, il-korpi l-oħra tal-ilma ħelu, l-estwarji, l-ilmijiet kostali u marittimi jkunu sofrew ewtrofikazzjoni. Konsegwentement, f’każ bħal dan, l-Istati Membri jkunu obbligati jadottaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-programmi ta’ azzjoni, u, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri addizzjonali u l-azzjonijiet imsaħħa sabiex jipprovaw jirrimedjaw għal din il-forma ta’ tniġġis.

173    Minkejja li, fir-risposti tagħhom għall-opinjoni motivata, l-awtoritajiet Spanjoli sostnew li l-istat trofiku tal-ilma tjieb matul il-perijodu 2012–2015 meta mqabbel mal-perijodu 2008–2011, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li tali argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, jekk il-perċentwali tal-punti ta’ kejl fejn ġiet ikkonstatata ewtrofikazzjoni għaddiet minn 0.32 % għal 0.29 %, it-titjib żgħir li b’hekk jidher li ġie kkonstatat huwa bbażat fuq kampjun iżgħar (429 punti ta’ kejl għall-perijodu 2012–2015 kontra 476 punti ta’ kejl għall-perijodu 2008–2011), b’tali mod li ma jurix is-sitwazzjoni reali. Is-sottovalutazzjoni tal-problema tal-ewtrofikazzjoni li tirriżulta mid-data mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli tidher li hija spjegata, b’mod partikolari, mill-esklużjoni tax-xmajjar mill-eżami tal-ewtrofikazzjoni fir-rapport 2012–2015. Issa, din l-esklużjoni ma hijiex konformi mad-Direttiva 91/676.

174    Minħabba bidla fil-metodoloġija, id-data pprovduta fir-rapport 2016–2019 lanqas ma tidher li tista’ tintuża sabiex turi titjib fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni. Fil-fatt, f’dan ir-rapport, 68 punt ta’ kejl li jippreżentaw ewtrofikazzjoni jew riskju ta’ ewtrofikazzjoni kienu tneħħew meta mqabbla mal-perijodu preċedenti.

175    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-data disponibbli u ppreżentata fir-rikors tagħha tikkonferma li l-problema tal-ewtrofikazzjoni ma tjibitx, b’tali mod li l-awtoritajiet Spanjoli kienu obbligati jadottaw miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa f’dan ir-rigward. Issa, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jissodisfa dan l-obbligu.

176    Fir-risposta tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa kkritikat bih. L-argumenti kollha tal-Kummissjoni huma bbażati fuq l-esklużjoni, minn dan l-Istat Membru, tax-xmajjar mill-eżami mwettaq sabiex jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet ta’ ewtrofikazzjoni fit-territorju tiegħu. Issa, din l-istituzzjoni tillimita ruħha li tallega li din l-esklużjoni jista’ jkollha bħala konsegwenza li l-portata tal-fenomenu ta’ ewtrofikazzjoni fit-territorju Spanjol tidher li hija ssottovalutata fir-rapporti indirizzati lilha, mingħajr ma jipproduċi d-data neċessarja sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas allegat.

177    Barra minn hekk, mir-rapport 2016–2019 jirriżulta li l-ewtrofikazzjoni li taffettwa l-ilmijiet interni ġiet evalwata fuq il-bażi ta’ 468 punt ta’ kejl u 23.3 % ta’ dawn tal-aħħar urew tali forma ta’ tniġġis. Jekk din il-konstatazzjoni tiġi estiża għall-ilmijiet kollha ssorveljati fi Spanja, iċ-ċifra titla’ għal 172 punt sa fejn fenomenu ta’ ewtrofikazzjoni jkun ġie kkonstatat fuq total ta’ 1024 punt ta’ kejl, jiġifieri 16.8 % tat-total imkejjel, li ma jippermettix li jiġi konkluż, minkejja l-importanza ta’ din il-problema, li kien meħtieġ li jittieħdu miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa f’dan ir-rigward.

178    Fi kwalunkwe każ, skont il-punt B tal-Anness I tad-Direttiva 91/676, jidher li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti minn din id-direttiva, il-karatteristiċi fiżiċi u ambjentali tal-ilmijiet u tal-artijiet kif ukoll l-għarfien attwali dwar l-aġir tal-komponenti tan-nitroġenu fl-ambjent. Issa, ix-xmajjar Spanjoli huma suġġetti għal varjazzjonijiet staġjonali kunsiderevoli, b’tali mod li l-livell ta’ tiġdid tal-ilmijiet huwa għoli u li s-sitwazzjonijiet ta’ ewtrofikazzjoni mhumiex sejrin jippersistu matul iż-żmien.

179    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-data xjentifika disponibbli tirrakkomanda li x-xmajjar ma jiġux esklużi mill-analiżi tal-istat trofiku tal-korpi tal-ilma fi Spanja, peress li t-tkabbir tal-alka u l-fjorituri ta’ ċjanobatterji jistgħu jseħħu f’dawn ix-xmajjar u jibqgħu hemm għal xhur, għall-inqas fil-partijiet tax-xmajjar fejn il-fluss huwa l-iktar bil-mod.

180    Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ewtrofikazzjoni tidher li ma kinitx ser isseħħ fix-xmajjar kollha. Issa, dan huwa preċiżament dak li sostna r-Renju ta’ Spanja b’mod issostanzjat fir-risposta tiegħu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

181    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minn qari flimkien tal-Artikolu 3(1) u tal-punti 2 u 3 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 91/676 jirriżulta li l-ilmijiet għandhom jitqiesu li huma mniġġsa mhux biss meta l-ilmijiet ta’ taħt l-art ikollhom kontenut ta’ nitrat ta’ iktar minn 50 mg/l, iżda wkoll, b’mod partikolari, meta l-lagi naturali ta’ ilma ħelu, il-korpi l-oħra ta’ ilma ħelu, l-estwarji, l-ilmijiet tal-kosta u marittimi jkunu sofrew ewtrofikazzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑543/16, EU:C:2018:481, punt 60). Konsegwentement, f’każ ta’ ewtrofikazzjoni, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-programmi ta’ azzjoni u, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri addizzjonali u l-azzjonijiet imsaħħa, sabiex jirrimedjaw għal tali sitwazzjoni.

182    Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 153 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha turi, sabiex tistabbilixxi li l-miżuri obbligatorji msemmija fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/676 ma humiex biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li l-kwalità tal-ilmijiet matul perijodu partikolari ma tjibitx, meta mqabbla mal-perijodu preċedenti. Peress li, permezz tat-tieni parti tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Renju ta’ Spanja li ma adottax il-miżuri meħtieġa mill-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva sabiex jirrimedja għas-sitwazzjonijiet ta’ ewtrofikazzjoni preżenti fit-territorju kollu tiegħu, hija din l-istituzzjoni li għandha turi li l-kwalità tal-ilmijiet ma tjibitx, fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni, minn perijodu għall-ieħor.

183    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx tali assenza ta’ titjib. Fil-fatt, minn naħa, din l-istituzzjoni tirrikonoxxi li, skont ir-rapport 2012–2015, ġie kkonstatat titjib żgħir fir-rigward tal-perijodu 2008–2011, peress li l-perċentwali tal-punti ta’ kejl fejn ġiet ikkonstatata ewtrofikazzjoni għaddiet minn 0.32 % għal 0.29 %. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma wrietx li s-sitwazzjoni ma kinitx tjiebet, fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni, matul il-perijodu 2016–2019 meta mqabbel mal-perijodu 2012–2015, peress li f’dan ir-rigward din l-istituzzjoni ma ressqet l-ebda data konkreta f’dan ir-rigward.

184    Huwa minnu li l-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-Renju ta’ Spanja, li d-data li tidher fir-rapport 2012–2015 hija bbażata fuq kampjun ta’ korp tal-ilma inqas minn dak meħud in kunsiderazzjoni fir-rapport ikkomunikat lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Spanjoli, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676, u li fih l-informazzjoni msemmija fl-Anness V ta’ din id-direttiva dwar il-perijodu 2008–2011, peress li x-xmajjar ġew esklużi mill-metodoloġija intiża sabiex tidentifika s-sitwazzjonijiet ta’ ewtrofikazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr lanqas ma hija kontradetta mir-Renju ta’ Spanja, li, fir-Rapport 2016–2019, 68 punt ta’ kejl sa fejn ewtrofikazzjoni jew riskju ta’ ewtrofikazzjoni kien ġie kkonstatat matul il-perijodu preċedenti tneħħew.

185    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li Stat Membru ma jiħux in kunsiderazzjoni x-xmajjar sabiex jidentifika s-sitwazzjonijiet ta’ ewtrofikazzjoni preżenti fit-territorju tiegħu jista’ jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Parti A tal-Anness I tagħha, li minnu jirriżulta li ilmijiet għandhom jitqiesu li huma affettwati mit-tniġġis meta “l-għadajjar naturali tal-ilma ħelu, il-korpi l-oħra tal-ilma ħelu, l-estwarji, l-ilmijiet kostali u marittimi” sofrew ewtrofikazzjoni. Fil-fatt, ix-xmajjar għandhom jiġu kkunsidrati bħala “korpi oħra tal-ilma ħelu”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tat-tneħħija ta’ punti ta’ kejl li fihom ewtrofikazzjoni jew riskju ta’ ewtrofikazzjoni ġie kkonstatat matul il-perijodu preċedenti, għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri huma obbligati jipproċedu korrettament u kompletament għall-monitoraġġ u għar-reviżjoni tal-ilmijiet, b’mod partikolari skont l-Artikolu 6(1)(a) sa (c) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(6) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw programmi ta’ sorveljanza adegwati sabiex jevalwaw l-effettività tal-programmi ta’ azzjoni li huma jkunu stabbilixxew.

186    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tilmentax li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/676, moqri flimkien mal-punt 3 Parti A tal-Anness I tagħha. Din l-istituzzjoni lanqas ma tibbaża tali lment fuq l-Artikolu 5(6) ta’ din id-direttiva, la fuq l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, u lanqas fuq l-Artikolu 10 tal-istess direttiva, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Anness V tagħha, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, bir-riżultati tas-sorveljanza eżerċitata skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/676.

187    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet ilment għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

188    Mill-motivi kollha preċedenti jirriżulta li:

–        billi ma nnominax bħala żoni vulnerabbli fil-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, fil-Komunità ta’ Madrid u fil-Komunità ta’ Valencia ż-żoni ta’ ġbir tal-ilma li jikkorrispondu għal kull wieħed mill-punti ta’ kejl imniġġsa li ġejjin:

–        Il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi:  1801M1T 1, ES 53M0137, ES 53M1123 u ES 53M1205,

–        Il‑Komunità ta’ Madrid: TA 53306008, u

–        Il-Komunità ta’ Valencia: JU210, JU209 u JU202;

–        billi ma pprovdiex għall-miżuri obbligatorji kollha meħtieġa fil-programmi ta’ azzjoni tal-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla-u-León u ta’ Extremadura kif ukoll tal-Komunità ta’ Madrid, u

–        billi ma ħax il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa meħtieġa fir-rigward tat-tniġġis min-nitrati fir-rigward tal-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u tar-Reġjun ta’ Murcia,

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 91/676, l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Annessi II u III tagħha, u mal-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva.

 Fuq lispejjeż

189    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

190    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

191    F’dan il-każ, peress li kemm il-Kummissjoni u kemm ir-Renju ta’ Spanja tilfu fir-rigward ta’ ċerti lmenti, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)            billi ma nnominax bħala żoni vulnerabbli fil-Komunità Awtonoma tal-Islas Baleares (Komunità awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, Spanja), fil-Comunidad de Madrid (Komunità ta’ Madrid, Spanja) u fil-Comunidad Valenciana (Komunità ta’ Valencia, Spanja) ż-żoni ta’ ġbir tal-ilma mit-tnixxija (ilma tal-wiċċ) jew minn infiltrazzjoni (ilmijiet ta’ taħt l-art) li jikkorrispondu għal kull wieħed mill-punti ta’ kejl imniġġsa li ġejjin:

–        Il-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, 1801M1T 1, ES 53M0137, ES 53M1123 u ES 53M1205,

–        IlKomunità ta’ Madrid: TA 53306008, u

–        Il-Komunità ta’ Valencia: JU210, JU209 u JU202;

–        billi ma pprovdiex għall-miżuri obbligatorji kollha meħtieġa fil-programmi ta’ azzjoni tal-Comunidad autónoma de Aragón (il-Komunità awtonoma ta’ Aragón, Spanja), tal-Comunidad de Castilla-La Mancha (il-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, Spanja), tal-Comunidad Autónoma de Castille-et-León (il-Komunità awtonoma ta’ Kastilja u León, Spanja), u l-Comunidad Autónoma d’Estrémadura (tal-Komunità awtonoma ta’ Extremadura, Spanja) u tal-Comunidad de Madrid (il-Komunità ta’ Madrid), u

–        billi ma ħax il-miżuri addizzjonali jew l-azzjonijiet imsaħħa meħtieġa fir-rigward tat-tniġġis min-nitrati fir-rigward tal-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragón, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Castilla y León u tal-Comunidad Autonoma de la Région de Murcia (Komunità awtonoma tar-Reġjun ta’ Murcia, Spanja),

ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Ottubru 2008, l-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, kif emendata, moqri flimkien mal-Annessi II u III tagħha, u l-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva, kif emendata.

2.      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3.      IlKummissjoni Ewropea u rRenju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.