Language of document : ECLI:EU:C:2024:231

Kawża C516/22

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Marzu 2024

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Proċedura fil-kontumaċja – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika – Artikolu 127(1) – Perijodu ta’ tranżizzjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) – Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tagħti l-ħlas tad-danni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara li dan il-ħlas jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern – Artikolu 4(3) TUE – Kooperazzjoni leali – Obbligu ta’ sospensjoni tal-proċeduri – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE – Konvenzjoni internazzjonali konkluża bejn Stati Membri u Stati terzi qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni – Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħra (ICSID) – Applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 267 TFUE – Qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza – Obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 108(3) TFUE – Sospensjoni tal-implementazzjoni tal-għajnuna”

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Rikors ippreżentat kontra Stat Membru li ħareġ mill-Unjoni Ewropea – Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit – Artikolu 87 – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju Unit ippreżentati wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni – Kundizzjonijiet – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġie allegat qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni – Rikors ippreżentat matul perijodu delimitat

(Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Artikoli 2(e), 87(1), 126, 127 u 185; Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punti 50 sa 51, 53)

2.        Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet bejn Stati Membri – Ftehimiet preċedenti għall-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni – Projbizzjoni li jiġu mittiefsa d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija ftehimiet – Kundizzjonijiet – Eżistenza ta’ obbligi li l-eżekuzzjoni tagħhom tista’ tintalab minn Stati Terzi – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ tali obbligi – Obbligu ta’ Stat Membru li jeżegwixxi deċiżjoni ta’ arbitraġġ – Interpretazzjoni żbaljata minn qorti nazzjonali tad-dritt tal-Unjoni – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Artikoli 127(1); Artikolu 258 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE)

(ara l-punti 59 sa 65, 68 sa 87, 119 sa 128, u d-dispożittiv 1)

3.        Stati Membri – Obbligi – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Obbligu ta’ qorti nazzjonali li tissospendi l-proċeduri fil-każ ta’ riskju ta’ kunflitt bejn id-deċiżjoni tagħha u d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet – Ommissjoni ta’ sospensjoni tal-proċeduri – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Artikoli 127(1); Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punti 94 sa 98, 104, 116, 117 u d-dispożittiv 1)

4.        Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Domandi ta’ interpretazzjoni – Obbligu ta’ rinviju – Portata – Obbligu li ssir talba għal deċiżjoni preliminari fil-każ ta’ dubju raġonevoli – Qorti nazzjonali li kkonkludiet li ma kienx hemm dubju raġonevoli – Riskju ta’ interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni minn qorti li tagħti deċiżjoni li ma tistax tkun suġġetta għal azzjoni ġudizzjarja fid-dritt intern – Nuqqas ta' twettiq ta' obbligu

(Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Artikoli 127(1); Artikolu 258 TFUE u l-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 141 sa 144, 146 sa 154 u d-dispożittiv 1)

5.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kompetenzi u ġurisdizzjonijiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Qrati nazzjonali – Rwol tal-qrati nazzjonali – Obbligu li l-qrati nazzjonali joqgħodu lura milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni – Nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu minn qorti nazzjonali – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, Artikoli 127(1), Artikolu 4(3) TUE, Artikoli 108(3) u 258 TFUE)

(ara l-punti 159 sa 165, 168 sa 171 u d-dispożittiv 1)

Sunt

Adita b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni, f’sentenza mogħtija fil-kontumaċja, fl-assenza ta’ risposta, li, permezz ta’ sentenza tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1).

Hija tat deċiżjoni dwar il-kwistjoni ġdida ta’ jekk l-eżekuzzjoni, minn Stat Membru, ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fir-rigward ta’ Stat Membru ieħor bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħra (2), konkluża mill-parti l-kbira tal-Istati Membri li huma partijiet għaliha qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni u li għalhekk tikkostitwixxi, għalihom, konvenzjoni internazzjonali preċedenti, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, timplikax li dawn l-Istati għandhom “obbligi” fir-rigward tal-Istati terzi li kkonkludewha, b’tali mod li dawn tal-aħħar minnha jisiltu “drittijiet” korrelattivi li jiġu “affettwati” mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

Il-Konvenzjoni dwar l-ICSID daħlet fis-seħħ fir-rigward tar-Renju Unit u tar-Rumanija qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni. Din tipprevedi li kull Stat kontraenti għandu jirrikonoxxi deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni bħala vinkolanti u jiżgura li l-obbligi finanzjarji imposti b’dik id-deċiżjoni jiġu eżegwiti fit-territorji tiegħu daqs li kieku kienet sentenza finali ta’ qorti li topera fit-territorju tal-imsemmi Stat (3). Fl-2002, ir-Renju tal-Isvezja u r-Rumanija kkonkludew trattat bilaterali ta’ investiment (4) li jipprevedi li kull parti għandha tiżgura f’kull mument trattament ġust u ekwu għall-investimenti ta’ investituri tal-parti kontraenti l-oħra u ma tostakolax, permezz ta’ miżuri arbitrarji jew diskriminatorji, l-amministrazzjoni, il-ġestjoni, iż-żamma, l-użu, it-tgawdija jew it-trasferiment tal-imsemmija investimenti mill-imsemmija investituri (5).

Fid-dawl tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea, ir-Rumanija ħassret skema reġjonali ta’ għajnuna għall-investiment fil-forma ta’ inċentivi fiskali. B’konsegwenza ta’ dan, investituri Svediżi allegatament leżi kisbu, mingħand tribunal ta’ arbitraġġ ikkostitwit skont il-Konvenzjoni dwar l-ICSID, deċiżjoni ta’ arbitraġġ li kkundannat lir-Rumanija tħallashom, bħala danni, is-somma ta’ EUR 178 miljun u fittxew li jiksbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-Renju Unit.

Wara li ordnat lir-Rumanija tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, minħabba li tali azzjoni kienet tidher li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, il-Kummissjoni Ewropea adottat, fl-2014, deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”) (6). Fl-2015, hija adottat deċiżjoni ġdida li permezz tagħha, wara li kkonstatat li l-Artikolu 351 TFUE ma kienx applikabbli f’dan il-każ, peress li t-TBI kien trattat konkluż bejn żewġ Stati Membri tal-Unjoni, tant li ebda Stat terz li kkonkluda l-Konvenzjoni ICSID ma kien is-suġġett tal-proċedura inkwistjoni, hija qieset li l-ħlas tad-danni mogħtija bid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kien jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat” inkompatibbli mas-suq intern (7) li r-Rumanija b’mod partikolari kienet marbuta li ma tħallasx (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali”).

Fl-2019, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni finali (8), għar-raġuni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti ratione temporis sabiex tadottaha skont l-Artikolu 108 TFUE (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali”). Dik is-sentenza ġiet appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tagħti deċiżjoni dwar dan l-appell, il-Qorti Suprema tar-Renju Unit ordnat, fid-19 ta’ Frar 2020, fil-kawża Micula v Romania (iktar ’il quddiem is-“sentenza inkwistjoni”), l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Permezz tas-sentenza Il-Kummissjoni vs European Food et (9), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u bagħtet lura l-kawża quddiemha.

Wara proċedura prekontenzjuża mibdija f’Diċembru 2020, il-Kummissjoni ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 258 TFUE, intiż li jiġi kkonstatat li, permezz tas-sentenza inkwistjoni, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Għall-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ (10), hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, matul il-perijodu ta’ erba’ snin wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, li seħħ fl-31 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ tranżizzjoni”), meta hija tqis li r-Renju Unit jonqos milli jwettaq obbligu tiegħu taħt it-Trattati qabel tmiem ta’ dan l-aħħar perijodu. F’dan il-każ, peress li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirriżulta mis-sentenza inkwistjoni mogħtija matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, u peress li dan ir-rikors ġie ppreżentat mill-Kummissjoni matul il-perijodu ta’ erba’ snin wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-imsemmi rikors.

Fit-tieni lok, hija eżaminat u laqgħet l-erba’ lmenti mqajma mill-Kummissjoni, insostenn tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għal dan l-għan, hija qabel kollox osservat li r-Renju Unit, anki jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tiegħu seħħ wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni, filwaqt li kien qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, kellu jitqies li kien “Stat Membru” u li, barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni kien applikabbli għalih matul dan il-perijodu.

i) Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 351 TFUE

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fl-ewwel lok, li huwa stabbilit li l-Konvenzjoni dwar l-ICSID, li ma tagħmilx parti mid-dritt tal-Unjoni, hija trattat multilaterali li ġie konkluż mir-Renju Unit qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni kemm ma’ Stati Membri kif ukoll ma’ Stati terzi u li, għaldaqstant, din il-konvenzjoni internazzjonali tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE, li jipprevedi b’mod partikolari li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet konklużi qabel l-adeżjoni ma humiex affettwati mid-dritt tal-Unjoni.

Madankollu, is-sempliċi fatt li konvenzjoni internazzjonali preċedenti ġiet konkluża minn Stat Membru ma’ Stati terzi ma huwiex biżżejjed sabiex tiskatta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Tali konvenzjonijiet internazzjonali jistgħu jiġu invokati fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri biss meta dawn l-Istati terzi jisiltu, minnhom, drittijiet li huma jkunu jistgħu jeżiġu l-osservanza tagħhom mill-Istat Membru kkonċernat.

Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-Konvenzjoni dwar l-ICSID timponix fuq ir-Renju Unit obbligi li dan tal-aħħar huwa marbut bihom fil-konfront ta’ Stati terzi u li dawn għandhom id-dritt li jinvokaw fil-konfront tar-Renju Unit. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li tribunal ta’ arbitraġġ stabbilit fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID, b’applikazzjoni tal-klawżola ta’ arbitraġġ prevista mit-TBI konkluż bejn ir-Renju tal-Isvezja u r-Rumanija qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, ikkundanna lir-Rumanija tħallas danni lill-investituri Svediżi. Issa, il-BIT għandu, sa mill-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, jitqies li huwa trattat li jikkonċerna żewġ Stati Membri.

F’dan il-każ, it-tilwima mressqa quddiem il-Qorti Suprema tar-Renju Unit kienet tikkonċerna l-allegat obbligu, għar-Renju Unit, li jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID, fir-rigward tar-Renju tal-Isvezja u taċ-ċittadini tiegħu u, korrelattivament, l-allegat dritt ta’ dawn tal-aħħar li jeżiġu li r-Renju Unit josserva dawn id-dispożizzjonijiet.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma kienx jidher li hemm Stat terz li kellu d-dritt li jista’ jeżiġi mir-Renju Unit, skont il-Konvenzjoni dwar l-ICSID, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Fil-fatt, din il-konvenzjoni internazzjonali, minkejja n-natura multilaterali tagħha, għandha l-għan li tirregola r-relazzjonijiet bilaterali bejn il-partijiet kontraenti b’mod analogu għal trattat bilaterali. F’dan ir-rigward, hija osservat li l-Qorti Suprema tar-Renju Unit sempliċement uriet, essenzjalment, li l-Istati terzi li kkonkludew il-Konvenzjoni dwar l-ICSID setgħu jkollhom interess li r-Renju Unit josserva l-obbligi tiegħu fil-konfront ta’ Stat Membru ieħor billi jeżegwixxi deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Issa, tali interess purament fattwali ma jistax jiġi assimilat ma’ “dritt”, fis-sens tal-Artikolu 351 TFUE, li jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Madankollu, fis-sentenza inkwistjoni, il-Qorti Suprema tar-Renju Unit baqgħet ma eżaminatx il-kwistjoni fundamentali dwar sa fejn Stat terz jista’ idaħħal fis-seħħ ir-responsabbiltà internazzjonali tar-Renju Unit minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tiegħu taħt din il-konvenzjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija wara tilwima bejn l-Istati Membri.

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 351 TFUE jikkostitwixxi regola li tista’ tippermetti derogi mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż tad-dritt primarju. Għalhekk, din id-dispożizzjoni jista’ jkollha effett kunsiderevoli fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, peress li tippermetti li jkun hemm deroga mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, jekk ikollha tiġi segwita s-sentenza inkwistjoni, l-Istati Membri kollha li kkonkludew il-Konvenzjoni dwar l-ICSID qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni jistgħu, billi jibbażaw ruħhom fuq dan l-artikolu, ikunu f’pożizzjoni li jieħdu tilwim li jikkonċerna d-dritt tal-Unjoni mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni billi jafdawhom lit-tribunali ta’ arbitraġġ. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji prevista mit-Trattati ssostitwixxiet il-proċeduri ta’ arbitraġġ stabbiliti bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, l-Artikolu 351 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett, sabiex ir-regoli ġenerali previsti mit-Trattati tal-Unjoni ma jiġux imċaħħda mis-sustanza tagħhom.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Suprema tar-Renju Unit kienet obbligata, qabel ma tagħti d-deċiżjoni tagħha, li teżamina fil-fond jekk tali obbligu jimplikax drittijiet li Stati terzi setgħu jinvokaw fil-konfront tagħhom. Issa, tali eżami fil-fond kien nieqes fis-sentenza inkwistjoni, b’tali mod li hija interpretat u applikat din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat billi tatha portata wiesgħa li l-għan u l-effett tagħha kien li teskludi deliberatament l-applikazzjoni tad-dritt kollu tal-Unjoni. Tali interpretazzjoni, li wasslet li jiġi eskluż il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li huwa wieħed mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu, kienet ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni l-koerenza, l-effett sħiħ u l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura nnifisha tad-dritt stabbilit bit-Trattati. Għalhekk, il-Qorti Suprema tar-Renju Unit ippreġudikat b’mod serju l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

ii) Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 4 TUE

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li meta s-soluzzjoni tat-tilwima tiddependi mill-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4 TUE jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm il-qrati tal-Unjon jagħtu deċiżjoni definittiva dwar ir-rikors għal annullament, ħlief jekk hija tqis li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun iġġustifikat li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Issa, f’dan il-każ, il-proċeduri pendenti quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u quddiem il-Qorti Suprema tar-Renju Unit kienu jirrigwardaw l-istess kwistjoni, kienu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-istess dispożizzjonijiet u kienu jirrigwardaw il-validità jew l-effettività tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni. Għalhekk, fid-data li fiha l-Qorti Suprema tar-Renju Unit tat is-sentenza inkwistjoni, il-kwistjoni tal-effett tal-Artikolu 351 TFUE fuq l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet is-suġġett ta’ eżami provviżorju mill-Kummissjoni u kienet għadha tista’ tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien jeżisti riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji. Barra minn hekk, dan ir-riskju kkonkretizza ruħu, peress li d-deċiżjoni ta’ ftuħ, bħad-deċiżjoni finali, li l-legalità tagħha kienet suġġetta għal appell fid-data li fiha ngħatat dik is-sentenza, kienet waslet għal konklużjoni kompletament opposta meta mqabbla mas-sentenza inkwistjoni.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-motivi li l-Qorti Suprema tar-Renju Unit semmiet sabiex teskludi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

Fir-rigward tal-motiv li jgħid li l-kwistjonijiet dwar l-eżistenza u l-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali preċedenti ma humiex irriżervati għall-qrati tal-Unjoni, jew saħansitra ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali impost fuq il-qrati nazzjonali jippreżumi li l-istess kwistjoni tista’ taqa’ fl-istess ħin taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni u tal-qrati nazzjonali, b’tali mod li jeżisti riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji.

Issa, il-kwistjoni li tressqet, f’dan il-każ, kemm quddiem il-Qorti Suprema tar-Renju Unit u quddiem il-Kummissjoni kif ukoll quddiem il-qrati tal-Unjoni, kienet relatata mal-portata tal-Artikolu 351 TFUE, li huwa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-interpretazzjoni definittiva tagħha għalhekk taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan l-artikolu ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri jew għad-dritt internazzjonali, b’tali mod li l-espressjonijiet tiegħu għandhom jitqiesu li huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeterminaw jekk il-Konvenzjoni dwar l-ICSID timponix obbligi li l-osservanza tagħhom tista tintalab bi dritt minn Stat terz u jekk dawn id-drittijiet u dawn l-obbligi jkunux affettwati mit-Trattati tal-Unjoni. Dan ikun il-każ, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew anki ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. F’dan l-aħħar każ, il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali ma tistax iċċaħħad lill-Qorti tal-Ġustizzja minn kull ġurisdizzjoni sabiex teżamina dawn l-istess kwistjonijiet. Dan huwa inqas u inqas il-każ meta l-applikazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE għal tali konvenzjoni internazzjonali tista’ teżerċita effett determinanti fuq l-eżitu ta’ rikors għal annullament parallel, intiż li jinkiseb l-annullament ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

Fil-fatt, meta l-qorti tal-Unjoni tintalab tagħti deċiżjoni dwar il-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni, ikun konformi mat-tqassim tar-rwoli bejn il-qrati nazzjonali u l-qorti tal-Unjoni li hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-konvenzjoni internazzjonali preċedenti rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 351 TFUE jipprekludix jew le l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-imsemmi att, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tikkonstata l-invalidità ta’ att tal-Unjoni.

iii) Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 267 TFUE

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, l-ewwel nett, il-kwistjoni tal-portata tal-Artikolu 351 TFUE, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, kienet kwistjoni ġdida fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li l-portata tal-espressjoni “jintlaqtu [jiġu affettwati] mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati ”, li tinsab f’dan l-istess artikolu, kienet għadha ma ġietx ippreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, dan l-artikolu jista’ jkollu effett kunsiderevoli fuq l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

It-tieni nett, fid-deċiżjoni tal-ftuħ u fid-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni kienet adottat interpretazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE li tikkontradixxi dik adottata mill-Qorti Suprema tar-Renju Unit fis-sentenza inkwistjoni. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni kienet kkontestata mill-investituri insostenn tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali li kien intiż għall-ksib tal-annullament tad-deċiżjoni finali. Fid-dawl tal-appell ippreżentat minn dik is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni tal-effett tal-Artikolu 351 TFUE fuq l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienet għadha għalhekk pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni.

It-tielet nett, kemm l-High Court of England and Wales (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)) kif ukoll il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell), aditi preċedentement mill-investituri, kienu rrifjutaw li jagħtu deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE, għar-raġuni li kien jeżisti riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji.

Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li n-Nacka tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Nacka, l-Isvezja) kienet iddeċidiet li l-Artikolu 351 TFUE ma kienx japplika għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u, għaldaqstant, kienet irrifjutat li teżegwixxi din id-deċiżjoni fl-Isvezja.

Il-ħames nett, il-kwistjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ kienet pendenti quddiem il-qrati Belġjani fil-mument meta l-Qorti Suprema tar-Renju Unit tat is-sentenza tagħha.

Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, f’dan il-każ, kien hemm biżżejjed elementi ta’ natura li jqajmu dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE. Dawn id-dubji, fid-dawl tal-effett ta’ din id-dispożizzjoni fuq waħda mill-karatteristiċi essenzjali tad-dritt tal-Unjoni u tar-riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji fi ħdan l-Unjoni, kellhom iwasslu sabiex il-Qorti Suprema tar-Renju Unit tqis li l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx tant evidenti li ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ddeċiediet li l-Qorti Suprema tar-Renju Unit, bħala qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali, kellha tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE, sabiex tevita r-riskju ta’ interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni, interpretazzjoni żbaljata li hija effettivament adottat fis-sentenza inkwistjoni.

iv) Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 108 TFUE

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-sentenza inkwistjoni teżiġi li r-Rumanija tħallas id-danni mogħtija minn din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ bi ksur tal-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 108 TFUE, li ma timplimentax proġett ta’ għajnuna qabel l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni finali. Ir-Rumanija kienet għalhekk ikkonfrontata b’deċiżjonijiet kontradittorji f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, is-sentenza inkwistjoni, billi kienet tordna lil Stat Membru ieħor jikser l-imsemmija dispożizzjoni, kisret din id-dispożizzjoni.

F’dan ir-rigward, kien irrilevanti li l-artikolu ċċitat iktar ’il fuq jimponi obbligu fuq l-“Istat Membru interessat”, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-Rumanija. Fil-fatt, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali kien jimponi fuq il-qrati nazzjonali tar-Renju Unit l-obbligu li jiffaċilitaw l-osservanza mir-Rumanija tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 108 TFUE, taħt piena li din id-dispożizzjoni tiġi mċaħħda mill-effett utli tagħha.


1      Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), adottat fis-17 ta’ Ottubru 2019, approvat f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 (ĠU 2020, L 29, p. 1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.


2      Il-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħra, konkluża f’Washington fit-18 ta’ Marzu 1965 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-ICSID”).


3      L-Artikolu 54(1) tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID:


4      It-Trattat Bilaterali ta’ Investiment, konkluż fid-29 ta’ Mejju 2002, bejn il-Gvern tar-Renju tal-Isvezja u r-Rumanija għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka ta’ Investimenti (iktar ’il quddiem it-“TBI”), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003.


5      L-Artikolu 2(3) tat-TBI.


6      Skont l-Artikolu 108(2) TFUE.


7      Ara l-Artikolu 107(1) TFUE.


8      Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, European Food et vs Il-Kummissjoni (T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15, EU:T:2019:423).


9      Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et (C‑638/19 P, EU:C:2022:50).


10      Artikolu 87(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ.