Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl‑14 ta’ Marzu 2024 (1)
Kawża C‑86/23
E.N.I.,
Y.K.I.
vs
HUK‑COBURG‑Allgemeine Versicherung AG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali – Regolament (KE) Nru 864/2007 – Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Inċident tat-traffiku – Drittijiet ta’ kumpens irrikonoxxuti lill-membri tal-familja tad-deċedut – Prinċipju ta’ ekwità għall-finijiet tal-kumpens tad-dannu morali – Kriterji ta’ evalwazzjoni”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) tqajjem il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għal talba għal kumpens imressqa minn individwi, ċittadini Bulgari, taħt l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, kontra kumpannija tal-assigurazzjoni għad-dannu morali kkawżat mill-mewt tat-tifla tagħhom f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-Ġermanja.
2. Din il-kwistjoni hija marbuta mal-problema klassika tar-“regoli mandatorji” u tippreżenta interess doppju mill-perspettiva tal-iżvilupp tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni. Hija toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità, minn naħa, li tippreċiża l-limiti tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 (2), u, min-naħa l-oħra, li tiddetermina l-kriterji li jippermettu li r-regoli li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet individwali jiġu kklassifikati bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” fis-sens ta’ dan l-artikolu, peress li dan l-aħħar aspett attwalment iqajjem dibattiti dottrinali intensi.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal‑Unjoni
1. Ir‑Regolament Ruma II
3. L-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, li jidher taħt it-titolu “Regola ġenerali” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“ Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.”
4. L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, intitolat, “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, jipprevedi:
“F’dan ir-Regolament xejn m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn huma jkunu obbligatorji irrispettivament mil-liġi li diversament kienet tkun applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali.”
2. Ir‑Regolament (KE) Nru 593/2008
5. L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 593/2008 (3), intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“ 1. Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament.
2. Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.”
B. Id‑dritt Bulgaru
6. Ir-responsabbiltà delittwali fid-dritt Bulgaru hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 45 sa 54 taż‑zakon za zadalzheniyata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) (4) (iktar ’il quddiem iż-“ZZD”).
7. L-Artikolu 45 taż-ZZD jipprevedi:
“ (1) Kull persuna għandha tikkumpensa d-danni kkawżati lil ħaddieħor.
(2) Fil-każijiet kollha ta’ fatt delittwali, il-ħtija hija preżunta fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja.”
8. L- Artikolu 52 taż-ZZD jipprovdi:
“ Il-kumpens għad-danni immaterjali għandu jiġi ddeterminat mill-qorti b’ekwità.”
C. Id‑dritt Ġermaniż
9. Taħt it-titolu “Dannu immaterjali”, l-Artikolu 253 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż) (iktar ’il quddiem il-“BGB”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej:
“ (1) Huwa possibbli li jintalab kumpens fi flus għal dannu mhux patrimonjali biss fil-każijiet speċifikati mil-liġi.
(2) Meta d-danni għandhom jitħallsu fir-rigward ta’ leżjoni fiżika, ta’ dannu għas-saħħa, għal-libertà jew għall-awtodeterminazzjoni sesswali, jista’ jintalab ukoll kumpens ekwu fi flus għad-dannu mhux patrimonjali.”
10. L-Artikolu 823 tal-BGB, intitolat “Obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu”, jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“ Kull min, meta jaġixxi intenzjonalment jew b’negliġenza, jagħmel ħsara b’mod illegali lill-ħajja, lill-ġisem, lis-saħħa, lil-libertà, lill-proprjetà jew kull dritt ieħor ta’ ħaddieħor, huwa obbligat, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, jikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn dan.”
11. Taħt it-titolu “Dritt ta’ azzjoni diretta”, l- Artikolu 115 tal-Gesetz über den Versicherungsvertrag (il-Liġi dwar il-Kuntratt ta’ Assigurazzjoni), tat‑23 ta’ Novembru 2007 (5), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“ It-terza persuna tista’ wkoll tinvoka d-dritt tagħha għal kumpens kontra l-assiguratur,
1. fil-każ ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li għandha bħala għan l-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ assigurazzjoni li jirriżulta mil-liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja […]
[… ]
Id-dritt joħroġ mill-obbligi tal-assiguratur li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ assigurazzjoni u, fin-nuqqas ta’ obbligu, mill-Artikolu 117(1) sa (4). L-assiguratur għandu jħallas il-kumpens fi flus. L-assiguratur u d-detentur tal-polza responsabbli għall-kumpens tad-dannu huma responsabbli in solidum.”
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
12. Fis‑27 ta’ Lulju 2014, bint E.N.I. u Y.K.I., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ċittadini Bulgari, mietet f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-Ġermanja. L-awtur tal-inċident kien assigurat taħt l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili ma’ HUK COBURG-Allgemeine Versicherung AG (iktar ’il quddiem “HUK COBURG”), kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fil-Ġermanja.
13. Fil‑25 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw azzjoni kontra HUK COBURG quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) intiża għall-ħlas ta’ BGN 250 000 leva Bulgara (BGN) (madwar EUR 125 000) lil kull wieħed minnhom bħala kumpens għad-dannu immaterjali kkawżat mill-mewt tat-tifla tagħhom.
14. Fis‑27 ta’ Settembru 2017, HUK COBURG ħallset lil kull wieħed mill-ġenituri s-somma ta’ EUR 2 500 bħala kumpens għad-dannu kkawżat mill-mewt tat-tifla tagħhom.
15. Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Diċembru 2019, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) laqgħet parzjalment it-talba billi tat lil kull wieħed mill-ġenituri kumpens fl-ammont ta’ BGN 100 000 (madwar EUR 50 000), li minnu tnaqqset is-somma ta’ madwar EUR 2 500 diġà mħallsa mill-assiguratur.
16. Din il-qorti kkonstatat li d-dritt applikabbli kien id-dritt Ġermaniż dwar ir-responsabbiltà ċivili, li jipprevedi l-kumpens għad-dannu immaterjali mġarrab minn vittmi indiretti bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġifieri meta l-uġigħ u t-tbatija jkunu wasslu għal dannu għas-saħħa tal-vittma indiretta. Hija qieset li l-uġigħ u t-tbatija mġarrba mill-ġenituri kellhom jagħtu lok għal kumpens, b’mod partikolari minħabba x-xokk emozzjonali gravi li wassal għal reazzjoni ta’ stress akuta u għaliex, għal madwar sena wara l-mewt tat-tifla tagħhom, huma sofrew dipressjoni, ansjetà, tensjoni, instabbiltà emozzjonali, problemi ta’ rqad, tnaqqis fl-aptit u aljenazzjoni emozzjonali. Sabiex timmotiva l-ammont mogħti, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) indikat li kien jeżisti prinċipju ta’ kumpens ekwu għad-dannu immaterjali kemm fid-dritt Bulgaru, skont l-Artikolu 52 taż-ZZD, kif ukoll fid-dritt Ġermaniż, skont l-Artikolu 253(2) tal-BGB. Madankollu, il-kriterji għad-determinazzjoni tal-kumpens ma humiex stabbiliti minn dawn il-liġijiet nazzjonali, iżda jirriżultaw mill-ġurisprudenza ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ pajjiżi.
17. Is-Sofiyski Apelativen sad (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija) annullat is-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza. Hija ċaħdet l-azzjoni tal-ġenituri kollha kemm hi, billi qieset li huma ma kinux urew li l-uġigħ u t-tbatija kienu kkawżaw danni patoloġiċi għal saħħithom, li, skont id-dritt Ġermaniż applikabbli, jikkostitwixxi kundizzjoni għall-għoti ta’ kumpens għal dannu immaterjali. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li l-argument tagħhom li l-Artikolu 52 taż-ZZD kellu jiġi applikat, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, minflok id-dritt Ġermaniż magħżul skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, kien infondat. Fil-fehma tagħha, l-ammonti diġà mħallsa minn HUK COBURG ma jikkostitwixxux rikonoxximent mill-assiguratur tal-pretensjonijiet tal-ġenituri. Il-ġenituri ma kellhomx dritt għal din is-somma li, minħabba l-ammont tagħha, tikkorrispondi għal “kumpens żgħir” għal dannu immaterjali, previst fl-Artikolu 253(2) tal-BGB.
18. Il-ġenituri ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni), il-qorti tar-rinviju.
19. Din il-qorti tosserva, qabelxejn, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli f’dan il-każ skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, jiġifieri l-Artikolu 253(2) u l-Artikolu 823(1) tal-BGB, moqrija flimkien mal-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 115(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratt ta’ Assigurazzjoni, hija identika għal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza HUK COBURG-Allgemeine Versicherung (6), li kienet tikkonċerna l-istess inċident tat-traffiku bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ.
20. Sussegwentement, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tirrileva li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni kienet taqa’ taħt id-dritt nazzjonali sostantiv tar-responsabbiltà ċivili, li għalih tirreferi d-Direttiva 2009/103/KE (7), u kienet tipprevedi kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġi identifikat id-dannu immaterjali li jista’ jagħti lok għal kumpens lil membru tal-familja qrib il-vittma ta’ inċident tat-traffiku. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-Direttiva 2009/103 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kriterji vinkolanti għad-determinazzjoni tad-danni immaterjali li jistgħu jiġu kkumpensati.
21. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni f’dan il-każ, li tissuġġetta d-dritt għal kumpens għad-dannu immaterjali għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li l-vittma tkun ġarrbet dannu għas-saħħa tagħha stess, li tkun membru tal-familja qrib il-vittma diretta u li teżisti relazzjoni kawżali bejn in-nuqqas imwettaq mill-persuna responsabbli għall-inċident u dan id-dannu, l-Artikolu 52 taż-ZZD jipprevedi li l-kumpens għad-dannu immaterjali għandu jiġi ddeterminat mill-qorti b’mod ekwu. Fil-fehma tagħha, minn ġurisprudenza vinkolanti tal-Varhoven sad (il-Qorti Suprema, il-Bulgarija) u tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) jirriżulta li, fid-dritt Bulgaru, l-uġigħ morali kollu u t-tbatijiet kollha mġarrba mill-ġenituri minħabba l-mewt tal-wild tagħhom wara inċident tat-traffiku kkawżat minn att delittwali jew kważi delittwali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens, mingħajr ma jkun neċessarju li d-dannu jkun ikkawża indirettament dannu patoloġiku għas-saħħa tal-vittma. Hija tindika li l-ammont tad-danni jiddependi miċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw dan il-każ, peress li l-ammont abitwali mogħti għal dannu immaterjali lil ġenitur għall-mewt ta’ wild f’inċident tat-traffiku li seħħ fl-2014 kien ta’ madwar BGN 120 000 (madwar EUR 61 000), filwaqt li l-ammont massimu mogħti fid-dritt Ġermaniż kien ta’ madwar EUR 5 000. Fil-fehma tagħha, jekk jitqies li l-ilment tal-ġenituri għandu jintlaqa’ u li huma pproduċew il-prova ta’ dannu patoloġiku, l-ammont massimu li għandu jitħallas ikun ta’ EUR 5 000.
22. Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirreferi għas-sentenza Da Silva Martins (8) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li qorti nazzjonali għandha tiddetermina, abbażi ta’ analiżi ddettaljata, jekk dispożizzjoni nazzjonali għandhiex tali importanza fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li tiġġustifika li titwarrab il-liġi applikabbli, indikata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, għandha dubju jekk l-Artikolu 52 taż-ZZD jistax jitqies bħala tali dispożizzjoni, minħabba li l-prinċipju ta’ ekwità huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Bulgaru u huwa parti mill-ordni pubbliku tal-Istat. Hija tindika li l-ġurisprudenza nazzjonali hija diverġenti fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.
23. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Frar 2023, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Istat Membru, bħalma huwa l-prinċipju ta’ ekwità, sabiex jiġi kkalkolat il-kumpens għad-dannu morali fil-każ tal-mewt ta’ qraba li jirriżulta minn delitt, tista’ titqies li hija dispożizzjoni obbligatorja prevalenti fis-sens ta’ dan l-artikolu?”
24. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ċek u dak Ġermaniż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali f’din il-kawża.
IV. Analiżi
A. Rimarki preliminari
25. Qabel ma neżamina l-problema ġuridika mqajma mid-domanda preliminari, jidhirli li huwa rilevanti li nagħmel il-preċiżazzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin dwar il-kuntest li fih tidħol din il-kawża. Madankollu, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha (9).
26. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-azzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra HUK‑COBURG intiża għall-ksib ta’ kumpens, abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għad-dannu immaterjali li huma sofrew minħabba l-mewt ta’ binthom ikkawżata minn inċident tat-traffiku tikkonċerna l-istess inċident tat-traffiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza HUK‑COBURG I.
27. F’dik il-kawża, it-tilwima fil-kawża prinċipali kienet bejn iż-żewġt itfal tal-istess vittma diretta bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża u HUK‑COBURG dwar il-kumpens minn din tal-aħħar, abbażi tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vettura bil-mutur, għad-dannu immaterjali li huma kienu ġarrbu minħabba l-mewt ta’ ommhom. L-azzjoni kienet saret minn dawn it-tfal, irrappreżentati minn missierhom (10). Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli (lex causae) f’dik il-kawża skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II kienet, bħal f’dan il-każ, l-Artikolu 253(2) u l-Artikolu 823(1) tal-BGB, moqrija flimkien mal-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 115(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratt ta’ Assigurazzjoni.
28. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, li jirreferu għas-sentenza HUK‑COBURG I, jirriżulta li din tissuġġetta l-kumpens għad-dannu immaterjali mġarrab minn vittmi indiretti ta’ inċident tat-traffiku għal tliet kundizzjonijiet (11). Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-vittma tkun ġarrbet dannu għas-saħħa tagħha stess, minn din is-sentenza jirriżulta li, skont id-dritt Ġermaniż, kif interpretat mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), id-dannu ta’ natura psikoloġika jista’ jitqies li huwa dannu għas-saħħa biss jekk jaqa’ taħt patoloġija u jmur lil hinn mill-dannu għas-saħħa li l-persuni kkonċernati huma ġeneralment esposti għalihom fil-każ ta’ mewt jew ta’ korriment gravi ta’ membru tal-familja qrib (12).
29. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni Bulgara (lex fori) tipprevedi min-naħa l-oħra li l-kumpens għad-dannu immaterjali għandu jiġi ddeterminat mill-qorti b’ekwità. Din il-qorti tippreċiża li, fid-dritt Bulgaru, l-uġigħ morali kollu u t-tbatija kollha mġarrba mill-ġenituri minħabba l-mewt tal-wild tagħhom wara inċident tat-traffiku kkawżat minn att delittwali jew kważi delittwali jistgħu jiġu kkumpensati, mingħajr ma jkun neċessarju li d-dannu jkun ikkawża indirettament dannu patoloġiku għas-saħħa tal-vittma (13).
30. F’dan ir-rigward, irrid ninnota li l-qorti tar-rinviju tidher li tqis li, kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni Bulgara, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens għad-danni immaterjali ma hijiex ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ekwità (14). Għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiġġudika jekk l-interpretazzjoni mogħtija lil dawn id-dispożizzjonijiet mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta (15), għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jindikaw HUK‑COBURG u l-Kummissjoni, mill-Artikolu 253(2) tal-BGB ma jirriżultax li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ ekwità, iżda sempliċement tipprovdi għall-possibbiltà li jintalab “kumpens ġust”, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika(16).
31. F’dan il-każ, huwa madankollu evidenti li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża bis-saħħa l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II twassal għal riżultat differenti f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-kumpens, peress li din il-leġiżlazzjoni tissuġġetta l-kumpens għad-dannu immaterjali għall-kundizzjoni li l-membri tal-familja qrib ikunu ġarrbu dannu għas-saħħa tagħhom (17). Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-ġenituri tal-vittma diretta ma wrewx tali dannu u, konsegwentement, ma kellhomx dritt għal tali kumpens (18).
32. F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li huwa ovvju li s-sempliċi fatt li, bl-applikazzjoni tal-lex fori, wieħed jasal għal soluzzjoni differenti, fir-rigward tal-ammont tal-kumpens, minn dik li wieħed kien jasal għaliha bl-applikazzjoni tal-lex causae ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li d-dispożizzjoni Bulgara inkwistjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “dispożizzjoni obbligatorja prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, bla ħsara għall-fatt li l-applikazzjoni tal-lex causae tkun kompatibbli ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ ġustizzja. Fi kliem ieħor, fiha nnifisha, din id-differenza – jiġifieri l-fatt li l-ammont tal-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ġenituri huwa inqas minħabba s-sempliċi fatt li t-tifla tagħhom mietet f’inċident li seħħ fil-Ġermanja u mhux fil-Bulgarija – ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm tali klassifikazzjoni, sakemm din id-differenza ma tirriżultax mill-protezzjoni, b’mod partikolari, ta’ dritt fundamentali li jiġġustifika n-neċessità li tiġi applikata l-lex fori.
33. Barra minn hekk, nosserva, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, li l-ġurisprudenza tal-qrati Bulgari hija diverġenti fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 52 taż-ZZD jikkostitwixxix dispożizzjoni obbligatorja prevalenti fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, li twassal, fil-kawża prinċipali, għall-esklużjoni tad-dritt Ġermaniż. Ser nerġa’ lura għal dan il-punt iktar tard (19).
34. Wara li ngħad dan, issa ser nanalizza d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
B. Fuq id‑domanda preliminari
35. Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi, bħala kriterju għad-determinazzjoni tal-kumpens għad-dannu immaterjali mġarrab mill-membri tal-familja qrib ta’ persuna li mietet wara inċident tat-traffiku, l-applikazzjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt ta’ Stat Membru, bħalma huwa l-prinċipju ta’ ekwità, tistax titqies li hija dispożizzjoni obbligatorja prevalenti fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II.
36. HUK‑COBURG, il-Gvern Ċek u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li d-domanda preliminari għandha tingħata risposta fin-negattiv. HUK‑COBURG issostni, b’mod partikolari, li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali indikata mir-Regolament Ruma II tista’ tiġi eskluża skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament biss jekk din l-applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku tal-forum. Il-Gvern Ġermaniż isostni li, bħala prinċipju, id-dritt nazzjonali li jipprovdi li l-kumpens għad-dannu immaterjali għandu jiġi ddeterminat b’ekwità ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ċek, filwaqt li jirreferi għas-sentenza Da Silva Martins, isostni li l-approċċ li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ titqies li hija dispożizzjoni obbligatorja prevalenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, għas-sempliċi raġuni li hija bbażata fuq prinċipji fundamentali ta’ dan id-dritt jew tirreferi għalihom ma jikkorrispondix man-natura eċċezzjonali tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti u jikkostitwixxi mezz faċli sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-liġi magħżula skont dan ir-regolament. Il-Kummissjoni tirrileva, min-naħa tagħha, li l-identifikazzjoni ta’ dispożizzjoni obbligatorja prevalenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament, għandha ssir skont il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fis-sentenzi Unamar (20) u Da Silva Martins.
37. Sabiex nirrispondi b’mod utli għad-domanda preliminari, ser nesponi, fl-ewwel lok, xi kunsiderazzjonijiet qosra dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 4 u l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II (taqsima 1). Fit-tieni lok, ser nanalizza l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament (taqsima 2), filwaqt li nenfasizza, fit-tielet lok, l-importanza tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ rabtiet suffiċjentement stretti mal-pajjiż tal-lex fori fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (taqsima 3) qabel ma niddetermina, fir-raba’ u l-aħħar lok, il-kriterji li jippermettu li l-istandards li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet individwali jiġu kklassifikati bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni (taqsima 4).
1. Kunsiderazzjonijiet fil-qosor dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 4 u l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II
38. Preliminarjament, infakkar li mill-premessa 1 tiegħu jirriżulta li r-Regolament Ruma II jikkontribwixxi għaż-żamma u għall-iżvilupp ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għal dan l-għan, dan ir-regolament jipprevedi żewġ regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet, jiġifieri, minn naħa, ir-regola ġenerali ta’ rabta prevista fl-Artikolu 4 (21) tiegħu, li tinsab fil-Kapitolu II, intitolat “Delitti jew kważi-delitti ċivili” u, min-naħa l-oħra, dik li tintroduċi l-awtonomija tar-rieda prevista fl-Artikolu 14 tiegħu, li jinsab fil-Kapitolu IV, intitolat “Il-libertà ta’ l-għażla” (22). Fir-rigward ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, nirrileva li l-formulazzjoni tar-regola ġenerali ta’ rabta li hija tipprevedi kienet iggwidata minn rekwiżiti ta’ ċertezza legali u mir-rieda li jintlaħaq kompromess bejn l-interessi diverġenti tal-partijiet (23). Ser nerġa’ lura għal dawn l-għanijiet iktar tard (24).
39. L-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, li jaqa’ taħt il-Kapitolu V, intitolat “Regoli komuni”, jipprovdi li “[f]’dan ir-Regolament xejn m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn huma jkunu obbligatorji irrispettivament mil-liġi li diversament kienet tkun applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali”. Għalhekk, filwaqt li l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jindika l-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu (lex loci damni), l-Artikolu 16 tiegħu jipprevedi deroga mill-applikazzjoni tal-liġi indikata minn dan il-kriterju ta’ rabta sabiex tiġi applikata dispożizzjoni obbligatorja prevalenti tal-forum. Din id-deroga għar-regola ta’ kunflitt tal-liġijiet hija madankollu ta’ natura eċċezzjonali, li jimplika li l-applikazzjoni tagħha għandha tkun debitament iġġustifikata, sa fejn “[l]-osservanza [ta’ din id-deroga tkun] neċessarja għas-salvagwardja tal-organizzazzjoni politika, soċjali u ekonomika” (25) [traduzzjoni libera].
40. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni legali mqajma minn din il-kawża hija għalhekk dwar jekk huwiex possibbli li titwarrab il-leġiżlazzjoni applikabbli, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, għal obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn delitt jew kważi delitt sabiex jiġu applikati, skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, dispożizzjonijiet tal-liġi tal-forum “f’sitwazzjoni fejn huma jkunu obbligatorji”.
41. Ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet permezz tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” hija s-suġġett ta’ ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, imnedija mis-sentenzi Unamar, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (26), kif ukoll Da Silva Martins.
2. Fuq il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il‑kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal‑Artikolu 16 tar‑Regolament Ruma II
42. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, il-qrati tar-rinviju riedu jkunu jafu, b’mod partikolari, kif kellhom jiġu interpretati r-Regolamenti Ruma I u Ruma II sabiex tiġi ddeterminata l-liġi jew il-liġijiet applikabbli għall-azzjoni ta’ rkupru mressqa mill-assiguratur ta’ vettura li tirmonka, li kien ikkumpensa lill-vittma ta’ inċident ikkawżat mix-xufier ta’ din il-vettura, kontra l-assiguratur tal-karru rmunkat f’dan l-inċident. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fir-rigward tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II, il-kunċetti ta’ “obbligu kuntrattwali” u ta’ “obbligu mhux kuntrattwali” li jinsabu fihom għandhom jiġu interpretati mhux biss b’mod awtonomu, billi jsir riferiment prinċipalment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dawn ir-regolamenti, iżda wkoll billi jittieħed inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-premessi 7 tal-imsemmija regolamenti, l-għan ta’ koerenza fl-applikazzjoni reċiproka tal-istess regolamenti (27).
43. Fis-sentenza Da Silva Martins (28), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat għall-ewwel darba l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, hija, fl-ewwel lok, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-punt 43 tas-sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, iddeċidiet li, peress li r-rekwiżit ta’ koerenza fl-applikazzjoni tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II huwa favur armonizzazzjoni sa fejn possibbli tal-interpretazzjoni tal-kunċetti funzjonalment identiċi użati minn dawn iż-żewġ regolamenti, għandu jiġi kkunsidrat li, indipendentement mill-fatt li ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Ruma II jużaw terminoloġija differenti minn dik tar-Regolament Ruma I, “dispositions impératives dérogatoires” (“dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”), fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “lois de police” (“dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”), fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I, b’tali mod li l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ dan l-aħħar kunċett tapplika wkoll għal dik ta’ “dispositions impératives dérogatoires” (“dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”), fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II (29). Infakkar li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Ruma I jiddefinixxi d-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti bħala “dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament” (30).
44. Filwaqt li rreferiet għas-sentenza Unamar (31), il-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tieni lok, fakkret li, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, hija kienet diġà enfasizzat li l-eċċezzjoni dwar l-eżistenza ta’ “regola mandatorja”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, għandha tiġi interpretata b’mod strett (32). B’mod partikolari, fir-rigward ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tidentifika “dispożizzjoni obbligatorja prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, il-qorti tar-rinviju għandha tikkonstata, abbażi ta’ analiżi ddettaljata tal-kliem, tal-istruttura ġenerali, tal-għanijiet kif ukoll tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li hija għandha tali importanza fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li tiġġustifika li titwarrab il-liġi applikabbli, indikata skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament (33). B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju għandha tidentifika raġunijiet partikolarment importanti, bħal ksur manifest tad-dritt għal rimedju effettiv u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-liġi indikata bħala applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament (34).
45. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni f’dik il-kawża, li tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għall-kumpens għad-danni li jirriżultaw minn inċident huwa ta’ tliet snin, ma tistax titqies li hija dispożizzjoni obbligatorja prevalenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, sakemm il-qorti adita ma tikkonstatax, abbażi ta’ analiżi ddettaljata tat-termini, tal-istruttura ġenerali, tal-għanijiet kif ukoll tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li hija għandha tali importanza fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li tiġġustifika li titwarrab il-liġi applikabbli, indikata skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament (35).
46. B’dan premess, jidhirli li huwa importanti li jiġi rrilevat li, sa fejn, kif diġà indikajt, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, għandha l-effett li teskludi l-applikazzjoni tal-liġi applikabbli bis-saħħa ta’ dan ir-regolament billi tidderoga mill-mekkaniżmu stabbilit mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet previsti minnu, il-qorti nazzjonali għandha tirrikorri għad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss bħala l-aħħar għażla.
47. Fil-fatt, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li l-għan imfittex mir-Regolament Ruma II jikkonsisti, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessi 6 (36), 14 (37) u 16 (38) tiegħu, f’li tiġi ggarantita s-sigurtà fir-rigward tad-dritt applikabbli irrispettivament mill-pajjiż li fih titressaq l-azzjoni kif ukoll li tittejjeb il-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u li jiġi żgurat bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna li r-responsabbiltà tagħha hija invokata u dawk tal-persuna leża (39).
48. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja impliċitament aċċettat fil-ġurisprudenza tagħha dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, li l-klassifikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħala “dispożizzjoni obbligatorja prevalenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tkun operazzjoni awtomatika, iżda teħtieġ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami li twassal sabiex l-applikazzjoni tal-liġi tal-forum titqies li hija neċessarja għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi ta’ pajjiż (40).
49. F’dan ir-rigward, mhux biss għandu jirriżulta minn analiżi ddettaljata li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti hija meħtieġa fl-ordinament ġuridiku tal-forum, iżda tali applikazzjoni għandha tkun ukoll l-iktar mezz effettiv biex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri li jiġi protett l-interess tal-Istat. Jekk dan ma jkunx il-każ, u sal-punt li l-interessi pubbliċi tal-Istat jistgħu jiġu protetti bl-istess mod, jew aħjar, bl-applikazzjoni tal-liġi ġeneralment applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali bis-saħħa tal‑Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, il-qorti tar-rinviju għandha toqgħod lura milli tapplika l-mekkaniżmu ta’ deroga previst fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament (41).
50. Barra minn hekk, ninnota punt importanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II li ma jirriżultax b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-importanza tal-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib biżżejjed mal-pajjiż tal-lex fori. Fil-fatt, ma nistgħux nikklassifikaw a priori ċerti regoli bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, peress li din il-klassifikazzjoni tiddependi, f’ċerti każijiet, fuq iċ-ċirkustanzi fattwali li minnhom jirriżultaw rabtiet mill-qrib biżżejjed mal-pajjiż tal-forum.
3. Fuq l‑eżistenza ta’ rabtiet mill‑qrib biżżejjed mal-pajjiż tal‑lex fori
51. Kif inhu magħruf, mill-qari tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma semmiex kundizzjonijiet oħra li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex il-qorti adita tkun tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet obbligatorji tal-liġi tal-forum billi tidderoga mil-liġi ġeneralment applikabbli. B’mod partikolari, ma tissemmiex in-neċessità li jintwera li s-sitwazzjoni kkonċernata għandha rabta mill-qrib mal-pajjiż tal-forum, rabta li tiġġustifika l-applikazzjoni eċċezzjonali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (42). Madankollu, kif enfasizzaw ċerti awturi tad-duttrina, dan is-silenzju ma għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti jistgħu jiġu applikati mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit ta’ rabta stretta mal-pajjiż tal-lex fori (43).
52. Tabilħaqq, fid-dawl tal-fatt li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji tidderoga mill-applikazzjoni tal-liġi ġeneralment applikabbli bis-saħħa tar-Regolament Ruma II, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx applikazzjoni awtomatika u l-qrati nazzjonali għandhom l-ewwel nett jivverifikaw jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni għandhiex rabtiet mill-qrib mal-pajjiż tal-forum (44). Fi kliem ieħor, u fuq kollox fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li ma jipproteġux esklużivament l-interess pubbliku jew Statali, il-qorti tista’ tirrikorri għall-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament biss jekk l-Istat Membru tal-forum jista’ jiġġustifika l-interess imperattiv li tiġi rregolata din is-sitwazzjoni (45).
53. Barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ rabta mill-qrib tippermetti l-ġlieda kontra l-forum shopping. Dan il-fenomenu jirriskja li jimmanifesta ruħu speċjalment fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Inkreal (46).
54. Minn dan isegwi li ma huwiex possibbli li regoli jiġu kklassifikati in abstracto bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” u lanqas li jingħad, ukoll in abstracto, jekk, f’dan il-każ, għandux jintuża l-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II. B’mod partikolari, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha li s-sitwazzjoni inkwistjoni għandha rabtiet suffiċjentement mill-qrib mal-pajjiż tal-lex fori.
55. B’dan premess, għadni rrid nikkjarifika l-kriterji li jippermettu li r-regoli li jipproteġu d-drittijiet individwali jiġu kklassifikati bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, moqri flimkien mal-premessa 32 tiegħu.
4. Fuq il‑kriterji li jippermettu li r‑regoli li jipproteġu d‑drittijiet u l‑libertajiet individwali jiġu kklassifikati bħala “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis‑sens tal-Artikolu 16 tar‑Regolament Ruma II
56. Nirrileva, fl-ewwel lok, li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “dispositions impératives dérogatoires” (“dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”), fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, kif tirriżulta mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “lois de police” (“dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”), fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I u tal-ġurisprudenza kkonsolidata tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta iktar ’il fuq (47), għandha tinqara flimkien mal-premessa 32 tar-Regolament Ruma II. Din il-premessa tiddikjara b’mod partikolari li “konsiderazzjonijiet ta’ l-interess pubbliku jiġġustifikaw il-possibbiltà mogħtija lill-qrati ta’ l-Istati Membri li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, japplikaw eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta’ l-ordni pubbliku u fuq dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” (48).
57. Fil-fehma tiegħi, minn qari konġunt ta’ din il-ġurisprudenza u tal-premessa 32 tar-Regolament Ruma II jirriżulta li l-qrati tal-Istati Membri jistgħu jirrikorru għall-mekkaniżmu derogatorju tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, f’“ċirkustanzi eċċezzjonali”, meta huma jqisu l-applikazzjoni tal-lex fori “kruċjali” abbażi ta’ “kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku”. Fi kliem ieħor, kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku jikkundizzjonaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-lex fori “li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali” mill-qrati nazzjonali. B’mod partikolari, il-premessa 32 tal-imsemmi regolament tgħid li “l-applikazzjoni, ta’ dispożizzjoni tal-liġi indikata minn dan [l-istess regolament], li jkollha l-effett li tikkawża l-impożizzjoni ta’ danni, eżemplari jew punittivi, mhux kompensatorji ta’ natura eċċessiva tista’, skond iċ-ċirkostanzi tal-każ u s-sistema ġuridika ta’ l-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressqet it-talba, tiġi meqjusa bħala kuntrarja għall-ordni pubbliku (‘ordre public’) tal-forum”.
58. Fit-tieni lok, nirrileva li l-protezzjoni prevista mill-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II ma tikkonċernax awtomatikament l-interessi pubbliċi kollha ta’ Stat. Sabiex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dawn l-interessi għandhom ikunu tant sinjifikattivi li jaffettwaw, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tal-Istat ikkonċernat (49). Għalhekk huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest tal-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, ir-riferiment tal-leġiżlatur tal-Unjoni għall-għanijiet ta’ interess pubbliku għandux jiġi interpretat stricto sensu jew jekk jistax jiġi estiż ukoll għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipproteġu l-interessi individwali. Din il-kwistjoni hija s-suġġett ta’ dibattitu qawwi bejn l-awturi tad-duttrina sa fejn il-linja bejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi u dik tal-interessi individwali ma hijiex faċli li tiġi identifikata (50). Il-kjarifika ta’ din il-linja ser tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-regolament imsemmi. Fil-fatt, il-possibbiltà li jiġu protetti wkoll l-interessi individwali għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tal-istess regolament fid-dawl tal-premessa 32 tiegħu.
59. Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ argumenti favur din l-interpretazzjoni.
60. L-ewwel argument huwa marbut mal-interazzjoni bejn l-interessi kollettivi u l-interessi individwali. B’hekk, fil-qasam tar-responsabbiltà delittwali, ir-regoli li Stat Membru jistabbilixxi sabiex jipproteġi kategorija ta’ persuni leżi, billi jimmodifika, b’mod partikolari, l-oneru tal-prova jew billi jistabbilixxi limitu minimu ta’ kumpens, jista’ jkollhom bħala għan prinċipali tagħhom li jerġa’ jinġieb bilanċ bejn l-interessi konkorrenti ta’ partijiet privati. Indirettament, jistgħu minħabba dan jikkontribwixxu wkoll għall-protezzjoni tal-ordni soċjali u ekonomiku tal-Istat Membru billi jnaqqsu l-impatt tal-inċidenti fuq ir-riżorsi pubbliċi (51).
61. It-tieni argument, fl-istess sens, jirrigwarda l-osservazzjoni li l-premessa 32 tar-Regolament Ruma II ssemmi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-kumpens, li tinkludi, konsegwentement, il-possibbiltà li dan il-kumpens ikun dovut bejn ċerti kategoriji ta’ persuni fiżiċi. F’dan ir-rigward, irrid nispeċifika li, anki jekk din il-premessa tgħid li l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet tista’ titqies “kuntrarja għall-ordni pubbliku (‘ordre public’) tal-forum”, mingħajr ma jissemma wkoll il-mekkaniżmu tar-regoli mandatorji, l-istess jgħodd, fil-fehma tiegħi, għar-rigward ta’ dan l-aħħar mekkaniżmu.
62. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li d-dispożizzjonijiet immirati fuq kollox biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet individwali jistgħu jiġu kklassifikati bħala “prevalenti”, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, jekk, lil hinn mill-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet jirrikonċiljaw l-interessi individwali, tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti ma’ interessi pubbliċi meqjusa kruċjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat ikkonċernat.
63. F’dan ir-rigward, fit-tielet lok, jidhirli importanti li ninnota, bħalma jagħmel il-Gvern Ġermaniż, li l-protezzjoni speċjali mogħtija minn dispożizzjoni obbligatorja derogatorja għandha tidher li hija l-espressjoni neċessarja ta’ prinċipji legali fundamentali.
64. Huwa ċertament minnu li r-regoli previsti mill-Istati biex jipproteġu ċerti kategoriji ta’ drittijiet individwali, bħad-dritt li jinkisbu danni għall-vittmi ta’ reati kriminali jew inċidenti tat-traffiku, jistgħu jingħataw, fi ħdan ordinament ġuridiku nazzjonali partikolari, tali importanza li jitqiesu bħala prinċipji legali fundamentali, li minnhom jagħmel parti wkoll il-prinċipju ta’ ekwità.
65. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-prinċipju ta’ kumpens ekwu stabbilit fl-Artikolu 52 taż-ZZD jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Bulgaru, fejn il-prinċipju ta’ ekwità jagħmel parti mill-ordni pubbliku tal-Istat. Kif diġà osservajt, din il-qorti madankollu kkonstatat li l-ġurisprudenza tal-qrati Bulgari hija diverġenti dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 52 taż-ZZD, li jimplika li mhux biss it-tbatijiet li kkawżaw ħsara patoloġika, iżda t-tbatijiet kollha mġarrba, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali kumpens, jikkostitwixxi dispożizzjoni obbligatorja prevalenti, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, li jwassal, fil-kawża prinċipali, għall-esklużjoni tad-dritt Ġermaniż (52). Il-fatt li din il-ġurisprudenza tal-qrati Bulgari hija, kif tindika l-qorti tar-rinviju, diverġenti twassalni, mad-daqqa ta’ għajn, biex niddubita jekk il-prinċipju ta’ ekwità huwiex prinċipju fundamentali fl-ordinament ġuridiku Bulgaru. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.
66. Fi kwalunkwe każ, għandi nenfasizza, fir-raba’ u l-aħħar lok, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, moqri flimkien mal-premessa 32 tiegħu, il-possibbiltà li jintużaw dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti sabiex jiġu protetti interessi kemm kollettivi kif ukoll individwali għandha titqiegħed f’relazzjoni mad-dritt sostantiv tal-Unjoni, li jista’ jikkostitwixxi l-liġi applikabbli skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.
67. Fis-sentenza HUK‑COBURG I, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-Direttiva 2009/103 ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kriterji vinkolanti sabiex jiġi ddeterminat id-dannu immaterjali li jista’ jiġi kkumpensat. Hija għalhekk iddeċidiet li din id-direttiva ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kumpens, mill-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta miċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, tad-danni immaterjali mġarrba mill-membri tal-familja qrib tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku għall-kundizzjoni li dawn id-danni wasslu għal ħsara patoloġika f’tali membri tal-familja qrib (53). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II, dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2009/103 (54) fid-dritt nazzjonali, tkun konformi ma’ din id-direttiva sakemm tipprovdi kriterju għal kumpens ġust għad-dannu immaterjali.
68. F’tali ċirkustanzi, meta d-Direttiva 2009/103 tipprevedi ammonti minimi ta’ kopertura bl-assigurazzjoni obbligatorja, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-lex fori, b’mod partikolari fil-każ fejn hija tipprovdi għal ammonti ogħla ta’ kopertura, jista’ jiġi kkunsidrat biss jekk il-protezzjoni li hija meqjusa bħala kruċjali għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tal-Istat tal-forum, fis-sens tal-Artikolu 16 tar-Regolament Ruma II, titqies, fi ħdan l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat, li tmur lil hinn mill-istandards minimi żgurati mid-dritt tal-Unjoni, indipendentement minn dak li huwa previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri l-oħra.
69. Madankollu, kif jirriżulta wkoll mis-sentenza HUK‑COBURG I, l-obbligu ta’ kopertura permezz ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili għad-danni kkawżati lil terzi minn vetturi bil-mutur huwa distint mill-portata tal-kumpens għal dawn id-danni taħt ir-responsabbiltà ċivili tal-assigurat. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed huwa ddefinit u ggarantit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, it-tieni wieħed huwa rregolat, essenzjalment, mid-dritt nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li, fil-fatt, mill-għan tad-Direttiva 2009/103 u mill-kliem tagħha jirriżulta li din, bħad-direttivi li hija tikkodifika, ma hijiex intiża li tarmonizza s-sistemi ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri u li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi li jiddeterminaw is-sistema ta’ responsabbiltà ċivili applikabbli għall-inċidenti li jirriżultaw miċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur (55). Konsegwentement, u b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/103, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, liema dannu kkawżat minn vetturi bil-mutur għandu jkun b’mod obbligatorju s-suġġett ta’ kumpens, il-portata tad-dritt għal kumpens u l-persuni li għandhom ikunu intitolati għalih(56).
70. F’din il-kawża, il-liġi li hija applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II u li ser titwarrab favur il-liġi tal-forum, applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, taqa’ taħt id-dritt sostantiv dwar ir-responsabbiltà ċivili li għalih tirreferi d-Direttiva 2009/103 (57).
V. Konklużjoni
71. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) kif ġej:
L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”)
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, bħala kriterju sabiex jiġi ddeterminat il-kumpens għad-danni immaterjali mġarrba minn membri tal-familja qrib ta’ persuna li mietet f’inċident tat-traffiku, l-applikazzjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt ta’ Stat Membru, bħalma huwa l-prinċipju ta’ ekwità, tista’ titqies bħala dispożizzjoni obbligatorja prevalenti, fis-sens ta’ dan l-artikolu, sakemm il-qorti adita ma ssibx, fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ rabtiet biżżejjed mill-qrib mal-pajjiż tal-forum u ta’ analiżi ddettaljata tat-termini, tal-istruttura ġenerali, tal-għanijiet kif ukoll tal-kuntest tal-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li hija għandha importanza tali fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li tiġġustifika li titwarrab il-liġi applikabbli indikata skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.