Language of document : ECLI:EU:T:2014:686





Digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Lulju 2014 — Deza vs ECHA

(Kawża T‑189/14 R)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti miżmuma mill-ECHA li jinkludu informazzjoni mogħtija minn impriża fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha għall-użu ta’ sustanza kimika — Deċiżjoni li terz jingħata l-aċċess għal dokumenti — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Urġenza — Fumus boni juris — Ibbilanċjar tal-interessi”

1.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji (Artikoli 256(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2)) (ara l-punti 21-23, 99-105)

2.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Rikors kontra deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tagħti lil terz l-aċċess għal informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħha ta’ awtorizzazzjoni tal-użu ta’ sustanza kimika — Mezz li jaqa’ taħt il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali — Mezz li jiżvela l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi — Motiv li prima facie ma huwiex infondat (Artikoli 278 TFUE, 279 TFUE u 339 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2); Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2) u Nru 1907/2006, Artikolu 119) (ara l-punti 25, 54, 55, 60-63)

3.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tagħti lil terz l-aċċess għal informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħha ta’ awtorizzazzjoni tal-użu ta’ sustanza kimika — Neċessità li tinżamm l-effettività tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rikors fil-kawża prinċipali (Artikolu 15(3) TUE; Artikolu 278 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2)) (ara l-punti 65, 66, 68-70)

4.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Oneru tal-prova — Dannu gravi u irreparabbli għar-rikorrent — Dannu lill-interessi tiegħu stess (Artikolu 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2)) (ara l-punti 71, 72, 79)

5.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Dannu finanzjarju — Evalwazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ — Dannu marbut mal-iżvelar ta’ informazzjoni li taqa’ taħt sigriet professjonali — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Importanza ta’ informazzjoni għall-impriża kkonċernata u utilità tagħha għal impriżi oħra (Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001) (ara l-punti 80-83, 86, 88-93, 97)

Suġġett

Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni ECHA, tal‑24 ta’ Jannar 2014, li tiżvela ċerta informazzjoni, ippreżentata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura dwar it-talba għall-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tas-sustanza kimika Bis (2‑etileżil) ftalat (DEHP).

Dispożittiv

1)

Hija sospiża l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni AFA‑C‑0000004274‑77‑09/F tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), tal‑24 ta’ Jannar 2014, sa fejn hija tagħti lil terzi, taħt ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-aċċess għal verżjoni tar-rapport fuq is-sigurtà kimika u tal-analiżi tas-soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni tas-sustanza Bis (2‑etileżil) ftalat (DEHP), li hija iktar dettaljata mill-verżjoni li fiha dettalji mogħtija li tissemma fit-talba għal proċeduri għal miżuri provviżorji u li tidher fl-annessi A.4.5 u A.4.6 ta’ din it-talba, bl-eċċezzjoni, minn naħa, tal-informazzjoni li tirrigwarda l-klassifikazzjoni u l-ittikkettar tas-sustanzi u, min-naħa l-oħra, ta’ informazzjoni li tirrigwarda speċifikament u esklużivament lil Arkema France, Grupa Azoty Zakłady Azotowe Kędzierzyn S.A. u Vinyloop Ferrara S.p.A.

2)

L-ECHA ġiet ordnata li tastjeni mill-tikkomunika:

–        ir-rapport fuq is-sigurtà kimika u tal-analiżi tas-soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni tas-sustanza Bis (2‑etileżil) ftalat (DEHP) previst fil-punt 1 tad-dispożittiv preżenti, f’verżjoni li tkun iktar dettaljata minn dik definita fl-imsemmi punt 1;

–        ir-rapporti fuq is-sigurtà kimika u tal-analiżi tas-soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni tas-sustanza Bis (2‑etileżil) ftalat (DEHP) ippreżentati minn Arkema France, Grupa Azoty Zakłady Azotowe Kędzierzyn u Vinyloop Ferrara u li huma s-suġġett tad-deċiżjonijiet AFA‑C‑0000004280‑84‑09/F, AFA‑C‑0000004275‑75‑09/F u AFA‑C 0000004151‑87‑08/F tal-ECHA tal‑24 ta’ Jannar 2014, sa fejn dawn id-dokumenti huma identiċi għal dawk protetti b’mod konformi mal-punt 1 tad-dispożittiv preżenti.

3)     L-ispejjeż huma riżervati.