Language of document :

Appell ippreżentat fl-1 ta' April 2011 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fl-20 ta' Jannar 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubblika fil-Kawża F-121/07, Strack vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-197/11 )

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: P. Costa de Oliveira u B. Eggers, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Guido Strack (Köln, il-Ġermanja)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-20 ta' Jannar 2011 fil-Kawża F-121/07, Strack vs Il-Kummissjoni, sa fejn fis-sentenza appellata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni;

tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka l-aggravju segwenti.

Ksur tad-dritt tal-Unjoni, u b'mod partikolari tas-separazzjoni tal-kompetenzi bejn il-Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bħala qorti speċjalizzata, kif din is-separazzjoni tirriżulta mill-Artikolu 270 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1, mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mal-Artikolu 62a u mal-Artikolu 1 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux kompetenza ġenerali fir-rigward tat-tilwim bejn l-Unjoni u persuna li għaliha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal, iżda din il-kompetenza hija limitata għal dak it-tilwim li jikkonċerna l-legalità ta' att li jikkawża preġudizzju lil tali persuna, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

Meta uffiċjal iressaq talba għal aċċess għal dokumenti, huwa jkun qiegħed jaġixxi bħala ċittadin ordinarju fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001. Bħala tali, skont dan ir-regolament, huwa jista' jirrekorri għal sistema partikolari ta' rimedji ġuridiċi billi jippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-rimedji previsti fir-Regolamenti tal-Persunal u fir-Regolament Nru 1049/2001 huma kompletament inkompatibbli.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).