Language of document : ECLI:EU:T:2016:331

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

20 ta’ April 2016 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran – Restrizzjon ijiet għat-trasferimenti ta’ fondi li jinvolvu stabbilimenti finanzjarji Iranjani – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Rikors għal annullament – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni – Inċidenza diretta – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Garanziji legali msemmija fl-Artikolu 215(3) TFUE – Ċertezza legali – Projbizzjoni tal-arbitrarjetà – Ksur tad-drittijiet fundamentali”

Fil-Kawża T‑-160/13,

Bank Mellat, stabbilit f’Téhéran (l-Iran), inizjalment irrappreżentata minn S. Zaiwalla, P. Reddy, F. Zaiwalla, Z. Burbeza, A. Meskarian, solicitors, D. Wyatt, QC, R. Blakeley u G. Beck, barristers, sussegwentement minn M. Zaiwalla, P. Reddy, Z. Burbeza, A. Meskarian, D. Wyatt, R. Blakeley u G. Beck,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u I. Rodios, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Gauci u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

u minn

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer, L. Christie u C. Brodie, sussegwentement minn C. Brodie u V. Kaye, bħala aġenti, assistiti minn S. Lee, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikolu 1(15) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1263/2012 tal-21 ta’ 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 34), jew l-annullament tal-imsemmija dispożizzjoni sa fejn hija ma tipprevedix l-eċċezzjoni li tapplika fil-każ tar-rikorrent u talba għal dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, il-Bank Mellat, huwa bank kummerċjali Iranjan.

2        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi li ġew introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din ittemm l-attivitajiet nukleari b’riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        Fis-26 ta’ Lulju 2010, l-isem tar-rikorrent ġie inkluż fil-lista tal-entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/423/PESK, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 103, p. 1).

4        Peress li r-Regolament Nru 423/2007 kien tħassar bir-Regolament Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 281, p. 1), isem ir-rikorrent ġie inkluż fl-Anness VIII ta’ dan ir-regolament. Peress li r-Regolament Nru 961/2010 kien tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 88, p. 1), isem ir-rikorrent ġie inkluż mill-Kunsill fl-Anness IX ta’ dan ir-regolament.

5        Il-miżuri restrittivi fis-seħħ fir-rigward tal-Iran ġew emendati u ġew adottati miżuri restrittivi ġodda fir-rigward tiegħu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 282, p. 58), u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1263/2012 tal-21 ta’ Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 267/2012 (ĠU L 356, p. 34, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). B’mod partikolari, l-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635 emenda l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2010/413, filwaqt li l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat emenda l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 267/2012 u jżid l-Artikoli 30a u 30b ma’ dan tal-aħħar.

6        L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendat mill-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635, jipprevedi, b’mod partikolari, restrizzjonijiet għal operazzjonijiet finanzjarji bejn, minn naħa, l-istabbilimenti finanzjarji stabbiliti fl-Iran kif ukoll il-fergħat u sussidjarji tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-istabbilimenti finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

7        Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu10 tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata, jistgħu biss jitwettqu, l-ewwel nett, it-tranżazzjonijiet rigward oġġetti tal-ikel, il-kura tas-saħħa, tagħmir mediku, jew għal finijiet agrikoli jew umanitarji (iktar ’il quddiem it-“trasferimenti umanitarji”), it-tieni nett, it-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw it-trasferimenti ta’ fondi personali, it-tielet nett, it-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw l-implementazzjoni ta’ derogi previsti mid-Deċiżjoni 2010/413, ir-raba’ nett, it-tranżazzjonijiet marbuta ma’ kuntratt kummerċjali speċifiku mhux projbit mill-imsemmija deċiżjoni, il-ħames nett, l-operazzjonijiet li jirrigwardaw missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali u s-sitt nett it-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-pagamenti intiżi li jissodisfaw pretensjonijiet kontra l-Iran, persuni jew entitajiet Iranjani, u t-tranżazzjonijiet ta’ natura simili.

8        Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata, it-trasferimenti ta’ fondi lejn u mill-Iran permezz ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji Iranjani għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu għandhom ikunu, skont il-każ u l-għan tat-trasferimenti, kif ukoll skont limiti differenti, suġġetti għal obbligu ta’ notifika minn qabel u għal obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

9        L-Artikoli 30 sa 30b tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendat mill-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, jirriproduċu, essenzjalment, dawn ir-restrizzjonijiet u dawn l-obbligi ta’ notifika u ta’ awtorizzazzjoni.

10      Għalhekk, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendat, jipprevedi restrizzjonijiet għat-tranżazzjonijiet finanzjarji bejn, minn naħa, l-istabbilimenti finanzjarji u ta’ kreditu u l-uffiċċji ta’ skambju stabbiliti fl-Iran kif ukoll il-fergħat u sussidjarji tagħhom u l-istabbilimenti finanzjarji u ta’ kreditu u l-uffiċċji ta’ skambju kkontrollati minn persuni, entitajiet jew korpi ddomiċiljati fl-Iran, u, min-naħa l-oħra, l-istabbilimenti finanzjarji tal-Unjoni.

11      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendat, jistgħu jitwettqu biss, l-ewwel nett, it-trasferimenti umanitarji, it-tieni nett, it-trasferimenti ta’ fondi individwali, it-tielet nett, it-trasferimenti marbuta ma’ kuntratt kummerċjali speċifiku sakemm it-trasferiment inkwistjoni ma jkunx projbit mir-Regolament Nru 267/2012, ir-raba’ nett, it-trasferimenti li jirrigwardaw il-missjonijiet diplomatiċi jew konsulari jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-ħames nett, it-trasferimenti li jirrigwardaw il-pagamenti intiżi li jissodisfaw l-ilmenti mwettqa kontra persuna, entità jew korp Iranjan jew it-trasferimenti ta’ natura simili u, is-sitt nett, it-trasferimenti neċessarji għall-implementazzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw minn kuntratti msemmija fl-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 267/2012.

12      Skont l-Artikolu 30(3), (4) u (5) tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendat, it-trasferimenti ta’ fondi li jistgħu jiġu awtorizzati skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, skont il-każ u l-għan tagħhom, għal obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

13      L-Artikolu 30a tar-Regolament Nru 267/2012 jipprevedi, b’mod partikolari, ċerti restrizzjonijiet għat-trasferiment ta’ fondi bejn, minn naħa, ta’ persuni, ta’ entitajiet jew korpi Iranjani u, min-naħa l-oħra, ta’ residenti tal-Unjoni, li ma jissemmewx mill-Artikolu 30 tal-istess regolament.

14      Skont l-Artikolu 30b(1) tar-Regolament Nru 267/2012, ir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikoli 30 u 30a tal-istess regolament ma japplikawx meta awtorizzazzjoni tkun ingħatat konformement mal-Artikoli 24, 25, 26, 27, 28 jew 28a tal-imsemmi regolament.

15      Skont l-Artikolu 30b(3) tar-Regolament 267/2012, għall-finijiet tal-Artikolu 30(3)(b) u (c) u l-Artikolu 30a(1)(c) tal-istess regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu l-awtorizzazzjoni, skont il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, salv jekk ikollhom raġuni li ġġegħilhom jaħsbu li t-trasferiment ta’ fondi li għalih intalbet l-awtorizzazzjoni jista’ jikser xi waħda mill-projbizzjonijiet jew obbligi previsti mir-Regolament Nru 267/2012.

16      Permezz tas-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, Bank Mellat vs Il-Kunsill (T-496/10, Ġabra, EU:T:2013:39), il-Qorti Ġenerali annullat ir-reġistrazzjoni tal-isem tar-rikorrent fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, fuq dik tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, fuq dik tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 u fuq dik tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012. Il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, ikkonstatat li ċ-ċirkustanzi miżmuma mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-rikorrent ma jistabbilixxux li huwa appoġġja l-proliferazzjoni nukleari. Permezz tas-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Il-Kunsill vs Bank Mellat (C‑176/13 P, Ġabra, EU:C:2016:96), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell kontra s-sentenza Bank Mellat vs Il-Kunsill, iċċitata minn qabel (EU:T:2013:39), ippreżentat mill-Kunsill.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors, li fih talab lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat;

–        tannulla l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat sa fejn dan ma jipprevedix għal eċċezzjoni fil-każ tar-rikorrent;

–        tiddikjara l-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635 inapplikabbli għar-rikorrent;

–        tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

18      Fir-risposta tiegħu, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill talab lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

19      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 u fit-28 ta’ Mejju u fis-7 ta’ Ġunju 2010, rispettivament, il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talbu li jintervjenu fil-Kawża T-35/10 insostenn tal-Kunsill. Permezz ta’ digrieti tad-9 ta’ Settembru 2013, il-president tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

20      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

21      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2013.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet, fit-23 ta’ April 2015, li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, hija għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub u oralment lill-partijiet, filwaqt li talbithom b’mod partikolari sabiex jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq it-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrent intiż għad-dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà tal-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635. Il-partijiet irrispondew għal din l-istedina fit-terminu stabbilit mill-Qorti Ġenerali.

23      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2015. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrent ippreċiża, minn naħa, li l-ewwel u t-tieni kapi ta’ konklużjonijiet tiegħu kienu alternattivi u, min-naħa l-oħra, li t-tieni kap ta’ konklużjoni tiegħu kien intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat sa fejn din id-dispożizzjoni ma tipprevedix eċċezzjoni li tapplika għal każ tiegħu.

24      Qabel ma jiġi eżaminat il-mertu tal-kawża, għandha tiġi vverifikata ex officio l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi r-rikors kif ukoll fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel żewġ kapi ta’ konklużjonijiet tar-rikorrent, ikkontestati mill-Kunsill u mill-intervenjenti.

 Id-dritt

1.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

25      B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill u l-intervenjenti sostnew li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-tielet kap ta’ konklużjonijiet tar-rikorrent sa fejn l-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635, bħala dispożizzjoni dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), kienu jaqgħu taħt id-deroga għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea prevista fl-Artikolu 275 TFUE.

26      Barra dan, ir-Renju Unit jikkunsidra, li n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tivverifika l-legalità tal-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635 timplika li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kapi ta’ konklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, adottat fuq din il-bażi.

27      Ir-rikorrent jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors fl-intier tiegħu. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li, bħala deroga għall-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni, l-Artikolu 275 TFUE għandu jiġi interpretat strettament. Huwa jżid li l-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635 jinkludi persuni naturali u ġuridiċi, jiġifieri, b’mod partikolari, l-istabbilimenti finanzjarji Iranjani u l-persuni u entitajiet li jixtiequ jimplementaw it-tranżazzjonijiet li jinvolvu li dawn tal-aħħar, li fil-konfront tagħhom jiġi prodott effett legali. Skont ir-rikorrent, għal din ir-raġuni, hija deċiżjoni li tipprevedi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Barra dan, skont ir-rikorrent, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tivverifika l-legalità tal-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635 jibbaża ruħu wkoll fuq il-fatt li huwa abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, li tiegħu huwa ammissibbli li jitlob l-annullament, ġie adottat.

28      L-Artikolu 275 TFUE jipprevedi dan li ġej:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandiex tkun kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, u lanqas fir-rigward ta’ l-atti adottati abbażi tagħhom.

Madankollu, il-Qorti għandha tkun kompetenti sabiex timmonitorja r-rispett taa’ l-Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 ta’ dan it-Trattat dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

29      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, tippreżenta rikors kontra l-atti li hija d-destinatarja tagħhom jew li jirrigwardawha direttament u individwalment kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.

30      Barra dan, Skont l-Artikolu 277 TFUE, minkejja l-iskadenza tat-terminu stabbilit fis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 263, kwalunkwe parti tista’, fi proċedimenti li fihom ikun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tinvoka l-eċċezzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 263 sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

31      F’dan il-każ, permezz tat-tielet kap ta’ talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara inapplikabbli, fir-rigward tiegħu, l-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635, li hija dispożizzjoni dwar il-PESK fis-sens tal-Artikolu 275 TFUE. Fir-risposta tiegħu, ir-rikorrent jippreċiża li din it-talba tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE.

32      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 275 TFUE jdaħħal deroga għar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni ġenerali, mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mill-Artikolu 19 TUE sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-trattati, u għandu, għaldaqstant jiġi interpretat strettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-658/11, Ġabra, EU:C:2014:2025, punt 70).

33      Issa, minn naħa, f’dan il-każ, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635 huma miżuri ta’ natura ġenerali, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa stabbilit b’riferiment għal kriterji oġġettivi, u mhux permezz ta’ riferiment għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati. Konsegwentement, għal kuntrarju ta’ dak li jallega r-rikorrent, l-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635 ma jikkostitwixxix, fih innifsu, deċiżjoni li tipprovdi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ April 2012, Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il-Kunsill, T‑509/10, Ġabra, EU:T:2012:201, punt 37, ikkonfermata f’dan ir-rigward mis-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, Ġabra, EU:C:2013:776, punt 99).

34      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent qajjem l-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija fl-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635 insostenn tar-rikors ta’ annullament ippreżentat kontra l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat.

35      F’dan ir-rigward, mill-punti 5 sa 15 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat intiżi li jimplementa, fil-qasam tat-Trattat FUE, l-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635.

36      Madankollu, l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat ma jikkostitwixxix deċiżjoni li tipprovdi għal miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 tat-TFUE. Fil-fatt japplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li joħloq effetti legali fir-rigward tal-kategoriji ta’ persuni ddefiniti b’mod ġenerali u astratt, peress li japplika, b’mod partikolari, għat-trasferimenti kollha bejn kwalunkwe bank jew istituzzjoni finanzjarja Iranjana u kwalunkwe stabbiliment finanzjarju stabbilit fl-Unjoni, u li l-implementazzjoni tiegħu ma tirriżultax minn evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ stabbiliment mogħtija mill-Kunsill.

37      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija fl-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635, ifformulata mir-rikorrent fil-kuntest tat-tielet kap tat-talbiet tagħha, ma titqajjimx insostenn tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni li tipprovdi għal miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 tat-TFUE.

38      Fid-dawl tal-kostatazzjonijiet magħmla fil-punti 33 u 37 iktar 'il fuq, hemm lok jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 275 TFUE, sabiex tiddeċiedi fuq it-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrent.

39      F’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq l-ewwel u t-tieni kapi ta’ talbiet, inkunsiderazzjoni wkoll tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 iktar ’il fuq, id-deroga għall-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 275 TFUE ma tistax tiġi interpretata bħala li testendi tant li teskludi l-verifika ta’ att adottat skont l-Artikolu 215 TFUE, bħall-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, li ma jaqax taħt il-PESK, biss minħabba l-fatt li l-adozzjoni valida tal-imsemmi att huwa suġġett għall-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt il-PESK. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tad-deroga inkwistjoni tikkonfliġġi kemm mal-ġurisdizzjoni ġenerali mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 19 TUE kif ukoll mal-ġurisdizzjoni speċifika mogħtija espressament fl-ewwel, it-tieni u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2014, Sina Bank vs Il-Kunsill, T-67/12, EU:T:2014:348, punt 41).

40      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE, sabiex tiddeċiedi fuq l-ewwel u t-tieni kapi ta’ konklużjonijiet tar-rikorrent.

2.      Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni kapijiet tat-talbiet tar-rikorrent

41      Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Renju Unit isostnu li t-talba ta’ annullament tal-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE.

42      Barra min hekk, il-Kunsill isostni li l-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet huma inammissibbli peress li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, ir-rikorrent ma kellux interess ġuridiku kontra l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat.

43      Ir-rikorrent isostni li r-rikors tiegħu huwa ammissibbli.

 Fuq l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 263:

44      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

45      L-ewwel nett, ir-Renju Unit isostni li r-regolament ikkontestat ma huwiex att regolatorju, iżda leġiżlattiv, u dan jimplika li r-rikorrent għandu juri li jirrigwardah direttament u individwalment. Madankollu, ma hemm ebda relazzjoni individwali f’dan il-każ.

46      Ir-rikorrent jikkunsidra li r-regolament ikkontestat huwa att regolatorju u li, barra minn hekk, huwa individwalment ikkonċernat mill-Artikolu 1(15).

47      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 289 TFUE jipprevedi dan li ġej:

“1.      Il-proċedura leġislattiva ordinarja tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ regolament, direttiva jew deċiżjoni b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni. Din il-proċedura hija ddefinita fl-Artikolu 294.

2.      Fil-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati, l-adozzjoni ta’ Regolament, Direttiva jew Deċiżjoni mill-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill jew mill-Kunsill bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew għandha tikkostitwixxi l-proċedura leġislattiva speċjali.

3.      L-atti legali adottati bil-proċedura leġislattiva jikkostitwixxu atti leġislattivi.

4.      Fil-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati, l-atti leġislattivi jistgħu jiġu adottati fuq inizjattiva ta’ grupp ta’ Stati Membri jew tal-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment.”

48      F’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat ġie adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, u skont il-proċedura prevista minn dan l-artikolu, jiġifieri mill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, u tal-Kummissjoni.

49      Għalhekk, minn naħa, ir-regolament ikkontestat ma ġiex adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, imsemmija fl-Artikolu 289(1)TFUE u ddefinita fl-Artikolu 294 TFUE.

50      Min-naħa l-oħra, inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ kull involviment tal-Parlament Ewropew fl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan tal-aħħar ġie adottat skont proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(2) TFUE.

51      Għaldaqstant, fid-dawl tal-Artikolu 289(3) TFUE, għandu jiġi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat ma jikkostitwixxix att leġiżlattiv u li konsegwentement, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-argument tar-Renju Unit skont liema r-rikorrent ma huwiex individwalment ikkonċernat mill-Artikolu 1(15) tal-imsemmi regolament.

52      It-tieni nett, il-Kunsill u l-intervenjenti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li jeżiġi r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat ma jirrigwardax lir-rikorrent direttament u jistabbilixxi miżuri ta’ implementazzjoni.

53      Fil-fatt, il-Kunsill u l-intervenjenti jesponu, li l-projbizzjoni ta’ trasferiment ta’ fondi, prevista fl-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, fiha numru ta’ eċċezzjonijiet li huma implementati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li għandhom setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Għalhekk, l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat ma jipprekludix neċessarjament li t-trasferimenti ta’ fondi jkunu ddestinati għar-rikorrent jew magħmula mir-rikorrent. Għaldaqstant, l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat ma jipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent.

54      Ir-rikorrent iqis li l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat jikkonċernah direttament u li l-implementazzjoni tiegħu ma tinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa jsostni, li din id-dispożizzjoni hija applikabbli mingħajr riferiment għal xi liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-obbligu li tintalab awtorizzazzjoni għat-trasferimenti kollha ta’ fondi kkonċernati.

55      F’dan ir-rigward, jirriżulta, minn naħa, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-punt 36 iktar 'il fuq, li l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat għandu portata ġenerali u, min-naħa l-oħra, mill-punt 51 iktar 'il fuq, li ma jikkostitwixxix att leġiżlattiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok jiġi konkluż li l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat jikkostitwixxi att leġiżlattiv fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 tat-TFUE (ara, b’analoġija, id-digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑18/10, Ġabra, EU:T:2011:419, punti 56 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Minn naħa, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat jirrigwarda direttament lir-rikorrent u ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-interess dirett ta’ individwu jeħtieġ li l-att tal-Unjoni kkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dan l-individwu u li ma tkun teżisti ebda setgħa diskrezzjonali mħollija għad-destinatarji ta’ dan l-att li għandhom ir-responsabbiltà tal-implementazzjoni tiegħu, peress li din l-implementazzjoni għandha natura awtomatika u tirriżulta esklużivament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara d-digriet Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 55 iktar ’il fuq, EU:T:2011:419, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kunċett ta’ “miżuri ta’ implementazzjoni”, l-għan tal-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkonsisti f’li jiġi evitat li individwu jkun kostrett li jikser id-dritt sabiex ikollu aċċess għall-qorti. Issa meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni, din tal-aħħar tirriskja li ma jkollhiex protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk hija ma jkollhiex rimedju ġudizzjarju dirett quddiem il-qrati tal-Unjoni għall-finijiet li tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, anki jekk direttament ikkonċernata mill-att inkwistjoni, tkun tista’ tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att biss wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fl-ambitu tal-proċeduri miftuħa kontra tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C-274/12 P, Ġabra, EU:C:2013:852, punt 27).

58      Min-naħa l-oħra, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat indipendentement mill-kwistjoni jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni att regolatorju tal-Unjoni, huma madankollu protetti kontra l-applikazzjoni fir-rigward tagħhom ta’ tali att mill-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implementazzjoni li dan l-att jinvolvi quddiem il-qorti tal-Unjoni jew quddiem il-qorti nazzjonali, skont il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Telefónica vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar 'il fuq, EU:C:2013:852, punti 28 u 29).

59      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li sa fejn ir-rikorrent huwa stabbiliment finanzjarju stabbilit fl-Iran, huwa ma huwiex kopert mir-restrizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 30a tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendat bl-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat. Konsegwentement, ir-rikorrent ma huwiex ikkonċernat direttament mill-Artikolu 30a tar-Regolament Nru 267/2012, dan jimplika li r-rikors tiegħu huwa inammissibbli sa fejn hija kkonċernata din id-dispożizzjoni.

60      Barra min hekk, il-Kunsill isostni ġustament, li meta, skont is-sistema ta’ restrizzjonijiet stabbilita fir-Regolament Nru 267/2012 mill-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem is-“sistema kkontestata”), titressaq talba għal awtorizzazzjoni ta’ trasferiment, lill-awtorità nazzjonali kompetenti, din tal-aħħar għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddetermina, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30b(3) tar-Regolament Nru 267/2012, jekk it-trasferiment inkwistjoni jistax jikser xi wieħed mill-projbizzjonijiet jew obbligi l-oħra previsti mir-Regolament Nru 267/2012. Bl-istess mod, skont din id-diskrezzjoni, l-awtorità kompetenti tadotta deċiżjoni li jew tawtorizza t-trasferiment ikkonċernat jew tipprojbixxih.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30b(3) tar-Regolament Nru 267/2012 ma jirrigwardax direttament lir-rikorrent u jistabbilixxi, barra minn hekk, miżuri ta’ implementazzjoni, u dan jimplika li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn jirrigwarda lil din id-dispożizzjoni.

62      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li s-sistema kkontestata, bħal dik stabbilita mill-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, tirrigwarda direttament lir-rikorrent u ma tistabbilixxix miżuri ta’ implementazzjoni fi tliet aspetti oħra.

63      Għalhekk, mill-bidu nett, skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendat bl-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, jistgħu jkunu suġġetti għal awtorizzazzjoni dawk it-trasferimenti li jikkorrispondu għal wieħed mill-għanijiet previsti mill-Artikolu 30(2) tal-istess regolament. It-trasferimenti li ma jikkorrispondux għal wieħed minn dawn l-għanijiet huma projbiti, sempliċement bl-effett tar-Regolament Nru 267/2012, u ma jistgħux jiġu awtorizzati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

64      Sussegwentement, skont l-Artikolu 30(3)(a) u tal-Artikolu 30(5) tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendat permezz tal-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, it-trasferimenti ddefiniti minn dawn id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu jew jaqbżu l-ammont ta’ EUR 10 000 huma suġġetti għal obbligu ta’ notifika minn qabel. L-obbligu ta’ notifika jirriżulta, b’mod awtomatiku, mis-sistema kkontestata, ma huwiex suġġett għall-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni.

65      Fl-aħħar nett, l-istess konstatazzjoni hija applikabbli għall-obbligu li tintalab l-awtorizzazzjoni minn qabel, previst fl-Artikolu 30(3)(b) u (c) u għall-Artikolu 30(5) tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendata bl-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, indipendentement mir-riżultat finali tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, l-obbligu li tinbeda, fir-rigward ta’ kull trasferiment li jaqbeż il-limiti determinati, jaffettwa l-pożizzjoni tar-rikorrent, mhux suġġett għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni.

66      Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat jikkonċerna direttament lir-rikorrent u ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens li emenda jew daħħal id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 267/2012 imsemmija fil-punti 63 sa 65 iktar ’il fuq.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kunsill u mill-intervenjenti għandha tinċaħad f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 267/2012 emendati jew imdaħħla mill-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, imsemmija fil-punti 63 sa 65 iktar ’il fuq, u li l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-eżistenza ta’ interess ġuridiku fil-mument tal-preżentata tar-rikors

68      Il-Kunsill isostni li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, ir-rikorrent ma kellux interess li jikkontesta l-legalità tal-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, peress li kien ġie diġà suġġett għall-miżuri individwali ta’ ffriżar tal-fondi adottati skont ir-Regolament Nru 267/2012.

69      Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat ma jipproduċix effetti legali addizzjonali fil-konfront tar-rikorrent. L-annullament tal-miżuri restrittivi individwali inkwistjoni, imwettaq mis-sentenza Bank Mellat vs Il-Kunsill, punt 16 iktar ’il fuq (EU:T:2013:39), huwa, għalhekk, mingħajr rilevanza f’dan ir-rigward, peress li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, il-fondi tar-rikorrent kienu ffriżati, skont l-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, pendenti d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-appell.

70      Konsegwentement, il-Kunsill iqis li t-talba ta’ annullament fir-rigward tal-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat hija inammissibbli.

71      Ir-rikorrent jirrispondi li huwa kellu interess ġuridiku fil-mument tal-preżentata tar-rikors, u speċjalment peress li l-miżuri restrittivi individwali li jirrigwardawh kienu ġew annullati mill-Qorti Ġenerali.

72      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ppreżentatu (ara d-digriet tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, T‑387/04, Ġabra, EU:T:2007:117, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      L-interess ġuridiku għandu jkun eżistenti u attwali (is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T-138/89, Ġabra, EU:T:1992:95, punt 33) għandu jiġi evalwat fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors (is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs L-Awtorità Għolja, 14/63, Ġabra, EU:C:1963:60, p. 748). Huwa għandu jibqa’ preżenti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan il-każ, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, ir-rikorrent kien suġġett għall-miżuri restrittivi individwali li jirriżultaw mill-inklużjoni ta’ ismu fil-lista tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 u marbuta mal-allegat involviment tiegħu fil-proliferazzjoni nukleari. Fil-fatt, jekk dawn il-miżuri restrittivi ġew annullati mis-sentenza Bank Mellat vs Il-Kunsill, punt 16 iktar ’il fuq (EU:T:2013:39), id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-annullament kien sospiż sakemm tittieħed deċiżjoni fuq l-appell, skont l-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

75      Għaldaqstant, huwa ċertament veru li l-adozzjoni tas-sistema kkontestata ma kellhiex impatt immedjatament effettiv fuq ir-rikorrent, peress li l-miżuri restrittivi individwali li ġie suġġett għalihom preċedentement kienu jipprevedu restrizzjonijiet iktar stretti. Dan huwa iktar il-każ li, kif ġie rrilevat fil-punt 14 iktar ’il fuq, l-Artikolu 30b(1) tar-Regolament Nru 267/2012 jipprevedi li, sakemm trasferiment kien suġġett għal awtorizzazzjoni mogħtija fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi individwali, ma jibqax suġġett għar-restrizzjonijiet previsti mis-sistema kkontestata.

76      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, li bħala tali, is-sistema kkontestata tapplika għall-istabbilimenti finanzjarji kollha stabbiliti fl-Iran, u, għaldaqstant, ukoll għar-rikorrent. Din il-konstatazzjoni timplika b’mod partikolari li, meta, sussegwentement, l-annullament tal-miżuri restrittivi individwali li jirrigwardaw lir-rikorrent jidħol fis-seħħ, wara ċaħda tal-appell tal-Kunsill kontra s-sentenza Bank Mellat vs Il-Kunsill, punt 16 iktar ’il fuq (EU:T:2013:39), ir-rikorrent ġie effettivament suġġett għall-imsemmija sistema, bir-restrizzjonijiet kollha li jirriżultaw minnha, bħala dritt, mingħajr l-intervent ta’ xi att legali addizzjonali.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li tiġi kkonstata f’din il-kawża, l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent kontra l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat għandu bħala konsegwenza ksur tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li, wara t-tmiem definittiv tal-miżuri restrittivi individwali li jikkonċernawh, huwa jkun suġġett għall-effetti tas-sistema kkontestata, iżda ma jkunx ammissibbli li jintalab l-annullament tal-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, minħabba l-iskadenza tat-terminu tar-rikors.

78      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent għandu interess ġuridiku sabiex jitlob l-annullament tal-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, li jista’ jkollu konsegwenzi legali għalih u li għaldaqstant, tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa f’dan ir-rigward.

3.      Fuq il-mertu

79      Insostenn tal-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq is-sistema kkontestata ma għandhiex bażi legali fir-rigward tal-Artikolu 215 TFUE peress li ma hemmx rabta loġika mal-għan tal-PESK allegatament imfittex. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li s-sistema kkontestata ma għandhiex bażi legali fir-rigward tal-Artikolu 215 TFUE peress li hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan tal-PESK allegatament mixtieq. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li s-sistema kkontestata tmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll kontra l-Artikolu 215(3) TFEU, sa fejn tmur kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ arbitrarjetà, l-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rekwiżit li s-sanzjonijiet ikollhom il-garanziji ġuridiċi neċessarji kif ukoll kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-raba’ motiv, huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent, id-dritt għall-kummerċ u d-dritt għall-moviment liberu tal-kapital kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

80      Barra dan, fil-kuntest tad-diversi motivi elenkati fil-punt 79 iktar ’il fuq, ir-rikorrent iressaq argumenti dwar in-natura tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali u tal-oneru tal-prova.

81      Qabel ma jiġu indirizzati dawn l-argumenti u l-motivi, għandhom jiġu ppreċiżati l-portata u l-artikolazzjoni tal-kapijiet tat-talbiet u motivi tar-rikorrent.

 Fuq il-portata u l-artikolazzjoni tal-kapijiet tat-talbiet u l-motivi tar-rikorrent

82      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-artikolazzjoni u tal-portata tal-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet, ir-rikorrent ippreċiża, matul is-seduta, li, filwaqt li l-ewwel kap tat-talbiet hija intiża li tannulla l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, bħala tali, it-tieni kap tat-talbiet intiż li jannulla din id-dispożizzjoni biss sa fejn hija ma tipprevedix eċċezzjoni li tapplika għal każ tar-rikorrent bħala entità li ma hijiex involuta fil-proliferazzjoni nukleari u li teżerċita l-viġilanza meħtieġa sabiex ma ssirx tali entità.

83      Madankollu, sa fejn l-argument tar-rikorrent invokat insostenn taż-żewġ kapijiet tat-talbiet fil-biċċa l-kbira jikkoinċidu, hemm lok li jiġu eżaminati flimkien.

84      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-artikolazzjoni u tal-portata tal-motivi invokati insostenn tal-ewwel u t-tieni kapijiet tat-talbiet, mill-elenku li jidher fil-punt 79 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel u t-tieni motivi huma fformulati bħala li jirrigwardaw ksur tal-Artikolu 215(1) TFUE, skont liema, “[m]eta deċiżjoni, li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea [iddedikat għall-PESK], tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli ta’ l-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà u tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa”.

85      Fil-fatt, skont ir-rikorrent, sa fejn is-sistema kkontestata ma għandha l-ebda rabta loġika mal-għan tal-PESK allegatament imfittex u hija, barra minn hekk, sproporzjonata fir-rigward ta’ dan l-għan, l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat ma huwiex “meħtieġ” fis-sens tal-Artikolu 215(1) TFUE, dan jimplika li ma għandux bażi legali.

86      Għaldaqstant, ir-rikorrent jinterpreta l-kunċett ta’ neċessità msemmija fl-Artikolu 215(1) TFUE bħala li tirrigwarda n-natura xierqa u neċessarja tal-miżura adottata b’relazzjoni mal-għan mixtieq.

87      Din l-interpretazzjoni ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, mill-kliem, mill-istruttura u mill-finalità tal-Artikolu 215(1) TFUE jirriżulta li l-kunċett ta’ neċessità msemmi minn din id-dispożizzjoni ma jirrigwardax ir-relazzjoni bejn l-att adottat skont l-Artikolu 215 TFUE u l-għan tal-PESK mixtieq, iżda r-relazzjoni bejn l-imsemmi att u d-deċiżjoni PESK li fuqha huwa bbażat. Għalhekk, ir-riferiment għal “miżuri meħtieġa” intiżi li jiggarantixxu li l-Kunsill ma jadottax, skont l-Artikolu 215 TFUE, miżuri restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk adottati fid-deċiżjoni PESK korrispondenti.

88      Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent mhux qed jallega li l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat jipprevedi miżuri li jmorru lil hinn minn dawk adottati l-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635.

89      Din il-konklużjoni ma tirriżultax mill-analiżi komparattiva taż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni. Fil-fatt, jekk l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat huwa iktar iddettaljat mill-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2012/635 f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet prattiċi tal-implementazzjoni tas-sistema kkontestata, ma hemmx differenzi f’dak li jirrigwarda n-natura tar-restrizzjonijiet inkwistjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent sostna b’mod żbaljat, fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motivi, li l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat ma għandux bażi legali.

91      Madankollu, fid-dawl tal-argument tar-rikorrent imressaq fil-kuntest tal-imsemmija motivi, kif riassunti fil-punti 85 u 86 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija motivi jirrigwardaw, pjuttost milli l-eżistenza ta’ bażi legali, il-proporzjonalità tas-sistema kkontestata prevista mill-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat.

92      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità tal-projbizzjoni ta’ attività ekonomika hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-miżuri ta’ projbizzjoni jkunu adegwati u neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u dan dejjem bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati fir-rigward tal‑għanijiet mixtieqa (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, Ġabra, EU:T:2009:401, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jikkontesta l-eżistenza ta’ rabta oġġettiva bejn il-proliferazzjoni nukleari u s-sistema kkontestata u, għaldaqstant, in-natura xierqa ta’ din tal-aħħar sabiex tipprevjeni l-proliferazzjoni nukleari.

94      It-tieni motiv jirrigwarda essenzjalment in-natura suffiċjenti tal-miżuri restrittivi preeżistenti u l-portata allegatament eċċessiva tas-sistema kkontestata. Għalhekk l-imsemmi motiv jirrigwarda n-natura neċessarja tal-imsemmija sistema sabiex timpedixxi l-proliferazzjoni nukleari.

95      Barra minn hekk, fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li s-sistema kkontestata toħloq indħil sproporzjonat fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet tiegħu. Għaldaqstant, b’dan il-mod, ir-rikorrent isostni li l-inkonvenjenzi li huwa ġarrab minħabba l-adozzjoni tal-imsemmija sistema huma eċċessivi b’relazzjoni mal-għanijiet intiżi mill-Kunsill.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motivi, li huma kollha intiżi li jikkontestaw, b’mod definittiv, il-proporzjonalità tas-sistema kkontestata.

97      It-tieni nett, għandu jiġi ttrattat it-tielet motiv, li jirrigwarda l-motivazzjoni tal-adozzjoni tas-sistema kkontestata, il-garanziji legali applikabbli skont l-Artikolu 215(3) TFUE, iċ-ċarezza u l-prevedibbiltà tal-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali u l-oneru tal-prova

98      Ir-rikorrent jenfasizza li l-istħarriġ tal-legalità tal-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat sħiħ u rigoruż. F’dan ir-rigward, huwa sostna, li l-Kunsill għandu jistabbilixxi, permezz ta’ provi u informazzjoni, li l-entitajiet jew l-attivitajiet ikkonċernati minn miżura restrittiva huma effettivament involuti fil-proliferazzjoni nukleari, ir-riskju li dan ikun il-każ ma huwiex suffiċjenti. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi, għas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-kawżi li jirrigwardaw il-miżuri restrittivi individwali, b’mod partikolari s-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C-280/12 P, Ġabra, EU:C:2013:775), Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il-Kunsill, punt 33 iktar ’il fuq (EU:T:2012:201), u Bank Mellat vs Il-Kunsill, punt 16 iktar ’il fuq (EU:T:2013:39), li huwa jikkunsidra trasponibbli għal dan il-każ.

99      Il-Kunsill, appoġġjat mill-intervenjenti, isostni li huwa għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna sabiex jiddeċiedi jekk, f’każ partikolari, hemmx lok li jirrikorri għal miżuri restrittivi individwali jew ġenerali jew għal taħlita taż-żewġ tipi ta’ miżuri restrittivi kif ukoll sabiex jiġu ddefiniti l-kriterji li jippermettu l-implementazzjoni tagħhom. Huwa jsostni li, skont is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 92 iktar ’il fuq (EU:T:2009:401, punt 36), din is-setgħa diskrezzjonali hija suġġetta biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat.

100    Skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati tal-Unjoni għandhom, b’mod konformi mal-kompetenzi li huma għandhom taħt it-TFUE, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplut, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-Unjoni (is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra, EU:C:2008:461, punt 326, u Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 98 iktar ’il fuq, EU:C:2013:775, punt 58).

101    F’dan il-każ, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura partikolari tas-sistema kkontestata, li tiddistingwi ruħha kemm mill-miżuri restrittivi individwali, imsemmija mill-ġurisprudenza invokata mir-rikorrent, kif ukoll mill-kriterji ġenerali li jippermettu l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri fir-rigward tal-persuni u entitajiet determinati, imsemmija mill-ġurisprudenza ċċitata mill-Kunsill. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta fil-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 36 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, li daħħal is-sistema kkontestata, għandu portata ġenerali u ma jikkostitwixxix għalhekk att individwali. Min-naħa l-oħra, mill-punti 52 sa 67 iktar ’il fuq jirriżulta li, b’mod differenti mill-kriterji ġenerali li jippermettu l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi individwali, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 267/2012 emendati jew imdaħħla mill-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat jirrigwardaw ir-rikorrent direttament u ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali ma jistax jitqies li huwa limitat, inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 100 iktar ’il fuq, għandha tiġi rrikonoxxuta lill-Kunsill setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-opportunità tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi bħala tali u fir-rigward tad-determinazzjoni tal-miżuri ġenerali adottati sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq mill-qasam tal-PESK. Fil-fatt, l-imsemmi qasam huwa partikolarment sensittiv, peress li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali u s-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

103    Barra minn hekk, ma hemmx lok li jiġi sostnut l-argument tar-rikorrent dwar l-oneru tal-prova li allegatament għandu l-Kunsill.

104    Fil-fatt, is-sentenzi invokati mir-rikorrent u ċċitati fil-punt 98 iktar ’il fuq jirrigwardaw miżuri restrittivi individwali adottati mill-Kunsill abbażi tal-kriterju fir-rigward tal-entitajiet “parteċipanti, billi huma direttament assoċjati ma’ jew jipprovdu appoġġ” għall-proliferazzjoni nukleari. Għalhekk, fil-kawżi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja huma msejħa sabiex jivverifikaw il-fondatezza tal-allegazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet tal-Kunsill skont liema persuni jew entitajiet speċifiċi huma effettivament involuti fil-proliferazzjoni nukleari u jissodisfaw, għaldaqstant, il-kriterju previst għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi individwali. Din il-verifika tista’ titwettaq biss abbażi tal-provi u l-informazzjoni konkreti tal-attivitajiet tal-persuni jew entitajiet inkwistjoni.

105    Madankollu, peress li s-sistema kkontestata ma hijiex miżuri restrittivi individwali, iżda att ta’ portata ġenerali, ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw ma humiex ibbażati fuq evalwazzjoni jew allegazzjonijiet konkreti tal-Kunsill ibbażati fuq involviment ta’ persuni jew entitajiet determinati fil-proliferazzjoni nukleari, iżda fuq evalwazzjoni ġenerali fir-rigward ta’ mekkaniżmi li jippermettu l-finanzjament ta’ din tal-aħħar u fir-rigward ta’ miżuri ġenerali li jistgħu jipprevenuha.

106    Konsegwentement, ma hemmx lok li tiġi trasposta għal dan il-każ il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, b’tali mod li ma hemmx lok b’mod partikolari li jiġi impost fuq il-Kunsill li jistabbilixxi li l-entitajiet effettwati mis-sistema kkontestata huma effettivament involuti fil-proliferazzjoni nukleari.

107    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jibqa’ joġġezzjona li miżura restrittiva ġenerali, bħalma hija s-sistema kkontestata, ma tistax tiġi suġġetta għal rekwiżiti inqas stretti mill-miżuri restrittivi individwali inkwistjoni fis-sentenzi ċċitati fil-punt 98 iktar ’il fuq, sa fejn il-miżura jew iż-żewġ tipi ta’ miżuri jkollhom konsegwenzi komparabbli fuq il-persuni u entitajiet li jikkonċernaw.

108    Madankollu, minn naħa, din l-allegazzjoni ma hijiex fondata. Fil-fatt, ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw għal persuna jew l-entità kkonċernata mill-adozzjoni tal-miżuri restrittivi individwali huma kunsiderevolment ikbar. Għalhekk, il-fondi tal-persuna jew tal-entità kkonċernata huma ffriżati u teħtieġ deroga għal trasferiment li jinvolvihom, peress li l-kategoriji ta’ trasferimenti li jistgħu jkunu suġġetti għal deroga huma relattivament stretti. Is-sistema kkontestata, fir-rigward tagħha, ma timplika l-ebda ffriżar ta’ fondi, tipprevedi lista ta’ għanijiet awtorizzati ikbar minn dik fil-każ ta’ miżuri restrittivi individwali u tirriżerva l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni għat-trasferimenti li jaqbżu ċerti limiti.

109    Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-elementi li fuqhom għandu jiġi bbażat l-eżami tal-Qorti Ġenerali kif ukoll l-eżistenza eventwali ta’ oneru tal-prova speċifika u l-għan tagħha ma jiddependux fuq is-severità tal-konsegwenzi ta’ miżura restrittiva partikolari, iżda fuq il-kwistjoni ta’ jekk din il-miżura hija ta’ portata individwali jew ġenerali u, għaldaqstant, jekk hija ġietx adottata wara l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ persuna jew entità speċifika. Madankollu, kif jirriżulta mill-eżami magħmula iktar ’il fuq, is-sistema kkontestata hija miżura ta’ portata ġenerali.

110    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kif ukoll tal-iżviluppi li jidhru fil-punti 82 sa 97 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali għandha, f’dan il-każ, minn naħa, tivverifika l-proporzjonalità tas-sistema kkontestata, u, għaldaqstant, teżamina jekk il-Kunsill jistax jikkunsidra, ġustament, li l-adozzjoni tiegħu kienet xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha u li ma tikkawżax inkonvenjenzi eċċessivi għall-persuni u entitajiet effettwati, bħalma huwa r-rikorrent.

111    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat huwiex effettwat mid-difetti invokati fil-kuntest tat-tielet motiv.

 Fuq l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motivi

 Fuq l-ewwel motiv, li jirrigwarda n-natura xierqa tas-sistema kkontestata

112    Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li s-sistema kkontestata mhix xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tal-PESK mixtieq mill-Kunsill, peress li ma għandha l-ebda konnessjoni loġika mal-proliferazzjoni nukleari jew il-finanzjament tagħha. L-argument tiegħu huwa bbażat fuq żewġ għanijiet li setgħu jiġu segwiti mill-Kunsill meta adotta s-sistema kkontestata.

113    Għalhekk, minn naħa, ir-rikorrent ma jikkontestax il-leġittimità ta’ għan li huwa intiż li jimpedixxi t-trasferimenti ta’ fondi, li bħala tali, jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari (iktar ’il quddiem l-“ewwel għan”), iżda jqis li ma huwiex segwit effettivament mill-adozzjoni tas-sistema kkontestata, peress li din tal-aħħar hija wisq ġenerali biex tilħqu. Konsegwentement, skont ir-rikorrent, ma teżisti ebda konnessjoni bejn is-sistema kkontestata u l-ewwel għan.

114    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent iqis li l-adozzjoni tas-sistema kkontestata ġiet effettivament immotivata minn għan ikbar, li jikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ pressjoni ekonomika fuq l-Iran billi jiġi ostakolat l-aċċess tal-istabbilimenti finanzjarji u, b’mod iktar ġenerali, tal-operaturi ekonomiċi Iranjani fis-suq finanzjarju tal-Unjoni, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk it-trasferimenti rrelatati kinux, bħala tali, marbuta mal-proliferazzjoni nukleari (iktar ’il quddiem it-“tieni għan”). huwa jsostni li dan l-għan ma huwiex leġittimu.

115    Barra dan, abbażi ta’ diversi provi, ir-rikorrent jallega, li, sabiex ikunu xierqa, il-miżuri restrittivi fir-rigward tal-proliferazzjoni nukleari għandu jkollhom il-mira speċifika tal-attivitajiet relatati ma’ din tal-aħħar.

116    Il-Kunsill appoġġjat mill-intervenjenti, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent. Huwa jikkunsidra, b’mod partikolari, li s-sistema kkontestata ssegwi kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni għanijiet u li dawn iż-żewġ għanijiet huma leġittimi. F’dan ir-rigward, l-intervenjenti jindikaw, li l-adozzjoni tas-sistema kkontestata hija mmotivata mill-falliment tal-miżuri restrittivi preċedenti, u b’mod partikolari tal-miżuri restrittivi individwali, u huwa intiż li jikkostrinġi lill-Iran sabiex jiftaħ negozjati dwar il-proliferazzjoni nukleari, jew li jabbandunaha minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi suffiċjenti biex isegwiha.

–       Fuq l-ewwel għan

117    Kif ġie rrilevat fil-punt 113 iktar ’il fuq, il-leġittimità tal-ewwel għan ma hijiex ikkontestata mir-rikorrent. Fi kwalunkwe każ, l-għan intiż li jipprevjeni t-trasferimenti tal-fondi li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari taqa’ b’mod ċar fil-kuntest tal-għan leġittimu intiż li jipprevjeni l-imsemmija proliferazzjoni bħala tali u l-finanzjament tagħha, li huwa l-bażi tad-dispożizzjonijiet kollha tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament Nru 267/2012.

118    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk is-sistema kkontestata segwita effettivament mill-ewwel għan, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li din ir-rabta bejn l-imsemmi għan u s-sistema kkontestata jirriżulta mill-kliem tal-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2012/635, li għaliha tirreferi l-premessa 7 tar-regolament ikkontestat. Il-premessa 12 tad-Direttiva 2012/635 hija redatta kif ġej:

“Sabiex jiġi impedut it-trasferiment ta’ assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari tal-Iran sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni, jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trasport ta’ armi nukleari, it-transazzjonijiet bejn il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u dawk Iranjani, għandhom ikunu pprojbiti, sakemm ma jkunux awtorizzati minn qabel mill-Istat Membru rilevanti. Dan m’għandux jipprevjeni l-kontinwazzjoni tal-kummerċ li mhuwiex ipprojbit taħt id-Deċiżjoni 2010/413/PESK.”

119    Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta espliċitament li sistema ġenerali li tipprevedi restrizzjonijiet għat-trasferimenti tal-fondi li jinvolvu l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u tal-Iran, jiġifieri l-adozzjoni tas-sistema kkontestata, issegwi l-ewwel għan.

120    Lil hinn minn din il-kunsiderazzjoni ġenerali, il-Kunsill invoka żewġ ċirkustanzi li huma, skont il-fehma tiegħu, rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta bejn is-sistema kkontestata u l-ewwel għan.

121    Għalhekk, minn naħa, il-Kunsill isostni li l-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari tiddependi b’mod obbligatorju mis-servizzi pprovduti mill-banek Iranjani, b’mod partikolari dawk li għandhom, bħar-rikorrent, preżenza internazzjonali. Min-naħa l-oħra, inkunsiderazzjoni tan-natura klandestina tal-attivitajiet ikkonċernati, ma jistax jiġi eskluż li l-bank inkwistjoni ma jkunx jaf li t-trasferimenti ta’ fondi li huwa jwettaq huma marbuta mal-proliferazzjoni nukleari.

122    Dawn iż-żewġ premessi, jekk jiġi preżunt li dawn ikunu pprovati, huma effettivament ta’ natura li jikkorroboraw l-eżistenza ta’ rabta bejn is-sistema kkontestata u l-ewwel għan. Fil-fatt, jekk jeżisti riskju mhux negliġibbli li l-istabbilimenti finanzjarji Iranjani jiġu użati, jekk ikun il-każ, mingħajr ma jkunu jafu, għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet marbuta mal-proliferazzjoni nukleari, stħarriġ iktar sistematiku tat-trasferimenti tal-fondi li fihom ikunu involuti, permezz ta’ sistema ta’ notifika u ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, għandu jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jiksbu l-informazzjoni rilevanti fuq it-trasferimenti inkwistjoni u jagħtihom opportunità li jidentifikaw u li jipprojbixxu dawk li huma jissuspettaw li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari. Dan il-mekkaniżmu għaldaqstant ikun jista’ jagħmilha iktar diffiċli sabiex jitwettaq il-finanzjament tal-proliferazzjoni nukleari.

123    Madankollu, ir-rikorrent jikkontesta li ż-żewġ ċirkustanzi mressqa mill-Kunsill jistgħu jiġu meħuda inkunsiderazzjoni. Huwa jsostni li dawn iċ-ċirkustanzi huma ipotetiċi u ma humiex sostnuti minn ebda prova konkreta, kuntrarjament għal dak li teżiġi l-ġurisprudenza, u b’mod partikolari s-sentenzi ċċitati fil-punt 98 iktar ’il fuq.

124    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li jirriżulta mill-punti 98 sa 109 iktar ’il fuq li s-sentenzi invokati mir-rikorrent jirrigwardaw miżuri restrittivi individwali, dan jimplika li r-regoli li jipprevedu fil-qasam tal-oneru tal-prova ma jistgħux jiġu trasposti f’dan il-każ.

125    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-fondatezza tal-premessi mressqa mill- Kunsill hija kkonfermata miċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bank Mellat vs Il-Kunsill, punt 16 iktar ’il fuq (EU:T:2013:39), li fuqha r-rikorrent qed jibbaża huwa stess il-pożizzjoni tiegħu.

126    Fil-fatt, wieħed mill-motivi mressqa mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrent matul l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi individwali li jirrigwardawh kien il-fatt li huwa kien jipprovdi servizzi ta’ ġestjoni tal-kontijiet ta’ Novin Energy Company (iktar ’il quddiem “Novin”), li hija stess destinatarja ta’ miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-“Kunsill ta’ Sigurtà”). F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jikkontesta li kien informat dwar l-involviment ta’ Novin fil-proliferazzjoni nukleari qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jolqtu lil din tal-aħħar mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-assenza ta’ provi jew informazzjoni preċiża u konkreta li tissuġġerixxi li r-rikorrent kien jaf jew seta’ raġonevolment jissuspetta li Novin ipparteċipat fil-proliferazzjoni nukleari preċedentement, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni din l-allegazzjoni tar-rikorrent fuq dan il-punt. Konsegwentement, huwa kkunsidra, li s-servizzi pprovduti mir-rikorrent lil Novin qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi indirizzati lejn din tal-aħħar ma jikkostitwixxux appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament Nru 267/2012 u ma jiġġustifikawx, konsegwentement, l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi individwali fir-rigward tar-rikorrent (is-sentenza Bank Mellat vs Il-Kunsill, punt 16 iktar ’il fuq, EU:T:2013:39, punti 119 sa 138).

127    Dawn il-fatti, stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, jikkonfermaw, minn naħa, li l-entitajiet Iranjani involuti fil-proliferazzjoni nukleari jużaw is-servizzi finanzjarji pprovduti mill-banek Iranjani u, min-naħa l-oħra, li dawn tal-aħħar jistgħu jipprovdu tali servizzi, li jinkludu l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment, mingħajr ma huma jkunu jafu, dan ifisser li huma jistgħu jwettqu trasferimenti ta’ fondi li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari.

128    Għalhekk, is-servizzi finanzjarji pprovduti mir-rikorrent lil Novin, li kienu s-suġġett tas-sentenza Bank Mellat vs Il-Kunsill, punt 16 iktar ’il fuq (EU:T:2013:39), jikkorroboraw iż-żewġ premessi invokati mill-Kunsill kif ukoll, konsegwentement, l-eżistenza ta’ rabta bejn l-ewwel għan u s-sistema kkontestata.

129    Sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ din ir-rabta, ir-rikorrent isostni ulterjorment, fl-ewwel lok, li s-sistema kkontestata ma hijiex xierqa sabiex tilħaq l-ewwel għan peress li hija eċċessivament ġenerali sa fejn hija ma tirrigwardax biss it-trasferimenti ta’ fondi li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari, iżda t-trasferimenti kollha bejn il-banek Iranjani u l-banek tal-Unjoni.

130    Madankollu, dan l-argument ma huwiex validu fil-kuntest ta’ dan il-motiv sa fejn ma jirrigwardax l-eżistenza stess ta’ rabta bejn l-ewwel għan u s-sistema kkontestata, u għaldaqstant in-natura xierqa ta’ din tal-aħħar, iżda l-kwistjoni ta’ jekk is-sistema kkontestata hijiex neċessarja sabiex tilħaq l-imsemmi għan jew jekk miżuri iktar ġenerali humiex suffiċjenti. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat l-argument inkwistjoni fil-kuntest tat-tieni motiv, mal-argumenti l-oħra li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema kkontestata (ara l-punti 187 sa 199 iktar ’il quddiem).

131    Fit-tieni lok, skont ir-rikorrent, is-sistema kkontestata ma hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-ewwel għan peress li hija ineffettiva sa fejn ma tirrigwardax ir-relazzjonijiet mal-istabbilimenti finanzjarji tal-Unjoni u ma hijiex suffiċjenti sabiex ittemm l-attivitajiet tal-persuni jew entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari.

132    L-ewwel nett, madankollu, iċ-ċirkustanza li miżura ma hijiex, fiha nfisha, suffiċjenti sabiex tilħaq għan ma timplikax bl-ebda mod li hija mhux xierqa sabiex tilħqu fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 92 iktar ’il fuq. Għalhekk, il-fatt li s-sistema kkontestata hija biss waħda mill-miżuri restrittivi, kemm ġenerali kif ukoll individwali, adottati mill-Kunsill sabiex tipprevjeni l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha ma timplikax li hija tkun illegali.

133    Sussegwentement, sakemm huwa mifhum ir-rikorrent isostni li s-sistema kkontestata kellha tiġi applikata wkoll għal trasferimenti ta’ fondi li ma jinvolvux ċittadini tal-Unjoni barra l-istabbilimenti finanzjarji jew ta’ kreditu, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 13 iktar ’il fuq, l-Artikolu 30a tar-Regolament Nru 267/2012 jipprevedi li dawn it-trasferimenti huma suġġetti għal restrizzjonijiet simili, anki jekk mhux strettament identiċi, għal dawk li jirriżultaw mis-sistema restrittivi.

134    Fl-aħħar nett, sakemm ikun hemm lok li l-argument tar-rikorrent jiġi interpretat fis-sens li l-Kunsill għandu l-obbligu li jadotta miżuri li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn l-istabbilimenti finanzjarji Iranjani u dawk ta’ pajjiżi terzi, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li l-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni a priori fir-rigward ta’ dawn ir-relazzjonijiet, lil hinn mill-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 267/2012, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

135    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li s-sistema kkontestata hija marbuta mal-ewwel għan, li huwa għan leġittimu tal-PESK, u li għaldaqstant hija xierqa sabiex tilħqu, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq.

–       Fuq it-tieni għan

136    Għalhekk, kif ġie osservat fil-punt 114 iktar ’il fuq, it-tieni għan jikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ pressjoni ekonomika fuq l-Iran billi jiġi limitat l-aċċess tal-istabbilimenti finanzjarji u, b’mod iktar ġenerali, tal-operaturi ekonomiċi Iranjani fis-suq finanzjarju tal-Unjoni, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk it-trasferimenti mwettqa jkunux, bħala tali, marbuta mal-proliferazzjoni nukleari.

137    Ir-rikorrent jikkunsidra li s-sistema kkontestata ssegwi t-tieni għan u jqis li dan tal-aħħar ma huwiex leġittimu, għalhekk, b’mod partikolari, li ma jirrigwardax il-proliferazzjoni nukleari, iżda li għandu motivazzjoni ekonomika u li ma huwiex, konsegwentement, ikkonċernat mid-Deċiżjoni 2010/413 u mir-Regolament Nru 267/2012. Huwa jżid li t-tieni għan għandu natura li jiġġustifika kull miżura intiża li tikkawża ħsara lill-Iran, lill-ekonomija tiegħu u lill-gvern tiegħu, kif ukoll kull projbizzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali.

138    Il-Kunsill appoġġjat mill-intervenjenti, iqis li, jekk is-sistema kkontestata ssegwi effettivament it-tieni għan, wara l-falliment tal-miżuri restrittivi preċedenti, l-imsemmi għan huwa, madankollu, leġittimu, peress li jikkostrinġi lill-Iran sabiex jidħol f’negozjati dwar il-proliferazzjoni nukleari, jew saħansitra li jabbandunaha.

139    Madankollu, jekk il-partijiet, inkluż il-Kunsill bħala l-awtur tad-Deċiżjoni 2012/635 u tar-regolament ikkontestat, jaqblu fuq il-fatt li s-sistema kkontestata ssegwi t-tieni għan, il-kunsiderazzjoni tagħhom f’dan is-sens ma hijiex madankollu sostnuta mill-eżami tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn it-testi.

140    Fil-fatt, il-kliem tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2012/635, li hija implementata mir-regolament ikkontestat, jirreferi, ċertament, b’mod ġenerali, għall-fatt li l-Iran ma daħalx serjament f’negozjati dwar il-programm nukleari tiegħu, bħala raġuni għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi addizzjonali.

141    Madankollu, kif diġà ġie espost fil-punt 118 iktar ’il fuq, il-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2012/635, li tirrigwarda speċifikament is-sistema kkontestata, tirreferi għall-fatt li għandu jiġi “impedut it-trasferiment ta’ assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari”, waqt li jkun mifhum li “m’għandux jipprevjeni l-kontinwazzjoni tal-kummerċ li mhuwiex ipprojbit taħt id-Deċiżjoni 2010/413”. Dan il-kliem ma jirreferix għall-volontà li tiġi eżerċitata pressjoni ekonomika ġġeneralizzata fuq l-Iran u jsemmi anki espliċitament li l-kummerċ leġittimu ma għandux jiġi impedut.

142    Il-fatt li s-sistema kkontestata ma ssegwix it-tieni għan huwa kkonfermat, fuq il-livelli kuntestwali u teleoloġiku, permezz tal-analiżi tan-natura u tal-impatt tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw minnha. Fil-fatt, l-imsemmija sistema ma tipprevedix il-konfiska jew l-iffriżar tal-fondi tal-istabbilimenti finanzjarji Iranjani jew ta’ entitajiet oħra Iranjani, iżda tillimita ċerti għanijiet permissibbli tat-trasferimenti ta’ fondi li jinvolvuhom u tissuġġetta dawn it-trasferimenti għal obbligi ta’ notifika u ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Bl-istess mod, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30b(3) tar-Regolament Nru 267/2012, imdaħħal permezz tal-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, l-unika ipoteżi li tippermetti r-rifjut ta’ trasferiment li jsegwi l-għan permissibbli hija li huwa probabbli li jikser il-projbizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 267/2012. Għalhekk, jekk is-sistema kkontestata għandha oneri amministrattivi addizzjonali għall-entitajiet ikkonċernati u jekk tirrestrinġi eventwalment il-possibbiltà li jitwettqu ċerti trasferimenti, ma jidhirx li hija intiża, bħala tali, li teżerċita pressjoni ekonomika fuq l-Iran billi timpedixxi ġeneralment l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi Iranjani għas-suq finanzjarju tal-Unjoni.

143    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li, minkejja l-allegazzjonijiet tal-partijiet, li ma jistgħux jipprevalu fuq interpretazzjoni litterali, kuntestwali u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet rilevanti, it-tieni għan ma huwiex segwit mis-sistema kkontestata. Konsegwentement, dan l-għan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sussegwentement, għall-eżami ta’ dan ir-rikors u l-argument tar-rikors li jirrigwardah, invokat fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

–       Fuq ir-rekwiżit ta’ rabta speċifika bejn is-sistema kkontestata u l-attivitajiet dwar il-proliferazzjoni nukleari

144    Ir-rikorrent isostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, kif ukoll mid-dikjarazzjoni Nru 25, intitolata “Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 75 u l-Artikolu 215 tat-trattat [FUE]”, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernementali li adottat it-Trattat ta’ Lisbona ffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2008, C 115, p. 346), li l-miżuri restrittivi li jirrigwardaw il-proliferazzjoni nukleari għandhom jimmiraw speċifikament attivitajiet dwar din tal-aħħar.

145    L-istess konstatazzjoni tirriżulta mir-rakkomandazzjonijiet ta’ metodi ta’ xogħol fid-dawl tal-adozzjoni ta’ sanzjonijiet awtonomi tal-Unjoni, adottati mill-Kunsill fil-21 ta’ Diċembru 2011 (dokument 18920/11, iktar ’il quddiem ir-“rakkomandazzjonijiet”), u l-Linji gwida dwar l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni ta’ miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni ta’ l-UE, tal-15 ta’ Ġunju 2012 (dokument 11205/12, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”). Fil-fatt, skont dawn id-dokumenti, il-miżuri mmirati huma iktar effettivi u għandhom konsegwenzi negattivi inqas kbar għal terzi milli r-restrizzjonijiet ġenerali. Konsegwentement, il-miżuri restrittivi adottati għandhom jirrigwardaw il-politiki u l-attivitajiet li huma fl-oriġini tad-deċiżjoni tal-Unjoni u tal-persuni u l-entitajiet responsabbli ta’ dawn il-politiki u azzjonijiet, u ma għandux ikollhom motivazzjoni ekonomika. Madankollu, skont ir-rikorrent, is-sistema kkontestata ma tirrigwardax speċifikament la l-proliferazzjoni nukleari u lanqas il-persuni li huma responsabbli minnha, iżda s-settur finanzjarju Iranjan kollu. Bl-istess mod, l-imsemmija sistema hija mmotivata minn kunsiderazzjonijiet essenzjalment ekonomiċi.

146    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, mill-bidu nett, li jirriżulta mill-punti 98 sa 109 iktar ’il fuq li, jekk hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika li s-sistema kkontestata hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha, din ma timplikax, madankollu, li l-Kunsill għandu juri li l-entitajiet effettwati mis-sistema kkontestata huma effettivament involuti fil-proliferazzjoni nukleari.

147    Imbagħad, jirriżulta mill-eżami li wassal għall-punti 117 sa 135 iktar ’il fuq li s-sistema kkontestata hija intiża li tilħaq l-ewwel għan, jiġifieri li timpedixxi t-trasferimenti ta’ fondi li jistgħu, bħala tali, jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari. Għalhekk l-imsemmija sistema tirrigwarda l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha u ma hijiex immotivata minn kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, għalhekk b’mod partikolari, li ma ssegwix it-tieni għan.

148    Sakemm ir-rikorrent isostni, f’dan il-kuntest, li s-sistema kkontestata tirrigwarda s-settur finanzjarju Iranjan kollu u li tirrigwarda miżura adottata “mingħajr diskriminazzjoni”, l-argumenti tiegħu għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tieni motiv, flimkien mal-argumenti l-oħra li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema kkontestata (ara l-punti 187 sa 199 iktar ’il quddiem).

149    Fl-aħħar nett, id-Dikjarazzjoni Nru 25, intitolata “Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 75 u l-Artikolu 215 tat-trattat [FUE]”, teżiġi, b’mod partikolari, li d-deċiżjonijiet li jissuġġettaw persuna jew entità għal miżuri restrittivi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ċari u distinti. Madankollu, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 36 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat, li daħħal is-sistema kkontestata, ma jikkostitwixxix deċiżjoni fis-sens tad-dikjarazzjoni inkwistjoni, peress li ma jirrigwardax persuni jew entitajiet determinati, iżda jipprevedi sistema ta’ portata ġenerali. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet li jipprevedu sistema kkontestata humiex suffiċjentement ċari għandha tkun eżaminata fil-kuntest tat-tielet motiv iktar ’il quddiem.

150    Ir-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida, fir-rigward tagħhom, ċertament jispeċifikaw, li miżuri restrittivi mmirati jippermettu li jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi għall-persuni li ma humiex responsabbli għall-politiki u azzjonijiet li wasslu għall-azzjoni tal-Unjoni u huma iktar effettivi mill-miżuri imposti mingħajr diskriminazzjoni. Madankollu, din il-konstatazzjoni ġenerali bl-ebda mod ma timplika li miżuri restrittivi ġenerali ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit mill-Kunsill jew li l-Kunsill ma jistax, taħt ebda ċirkustanza, jadotta tali miżuri restrittivi ġenerali, minkejja l-kompetenza li ġiet mogħtija lilu permezz tal-Artikolu 215(1) TFUE.

151    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrent dwar ir-rekwiżit ta’ rabta speċifika bejn is-sistema kkontestata u l-attivitajiet dwar il-proliferazzjoni nukleari għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

152    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li s-sistema kkontestata li ssegwi l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija sistema hija xierqa fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 92 iktar ’il fuq, dan jimplika li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, li jirrigwarda n-natura neċessarja tas-sistema kkontestata

153    Ir-rikorrent isostni li, anki jekk jiġi preżunt li s-sistema kkontestata għandha rabta loġika mal-għan tal-PESK segwit mill-Kunsill, ma hijiex neċessarja sabiex jintlaħaq, dan jimplika li hija sproporzjonata.

154    Insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet ilmenti. L-ewwel nett, huwa jsostni li l-miżuri restrittivi li kienu jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tas-sistema kkontestata kienu suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan segwit mill-Kunsill. It-tieni nett, huwa jsostni li s-sistema kkontestata ma hijiex neċessarja sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa eċċessivament ġenerali peress li jinkludi wkoll trasferimenti u entitajiet li ma għandhomx relazzjoni mal-proliferazzjoni nukleari. It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li s-sistema kkontestata għandha effetti ħżiena sproporzjonati fuq l-ekonomija u l-popolazzjoni kollha Iranjana.

155    Il-partijiet kollha jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

156    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-tielet ilment tar-rikorrent huwa, essenzjalment, ineffettiv fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, jekk jiġi preżunt li s-sistema kkontestata hija għall-oriġini tal-effetti ħżiena eċċessivi, din iċ-ċirkustanza ma timplikax li ma hijiex neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan segwit, iżda li, indipendentement mill-kwistjoni tan-neċessità tagħha, hija tikkawża inkonvenjenzi eċċessivi lill-persuni u l-entitajiet li tikkonċerna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat it-tielet argument fil-kuntest tar-raba’ motiv, iddedikat għall-gravità tal-inkonvenjenzi kkawżati (ara l-punti 204 sa 214 iktar ’il quddiem).

–       Fuq in-natura suffiċjenti tal-miżuri restrittivi li jeżistu fil-mument tal-adozzjoni tas-sistema kkontestata

157    Skont ir-rikorrent, fil-mument tal-adozzjoni tas-sistema kkontestata, il-miżuri restrittivi individwali fir-rigward tal-entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari kienu diġà fis-seħħ u miżuri individwali ġodda li jirrigwardaw entitajiet oħra setgħu, jekk ikun il-każ, jiġu adottati. Skont is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 92 iktar ’il fuq (EU:T:2009:401, punt 68), tali miżuri jistgħu wkoll jiggarantixxu li l-fondi tal-entitajiet ikkonċernati ma jintużawx iktar għall-promozzjoni tal-proliferazzjoni nukleari.

158    F’dan il-kuntest, ir-rikorrent iqis li l-allegazzjoni tal-Kunsill li persuni oħra huma involuti fil-proliferazzjoni nukleari barra dawk identifikati fil-kuntest tal-miżuri restrittivi individwali ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li din tippermetti li jiġi evitat l-obbligu stabbilit mill-ġurisprudenza, impost fuq il-Kunsill li jistabbilixxi l-involviment ta’ persuni u entitajiet ikkonċernati fl-imsemmija proliferazzjoni.

159    Ir-rikorrent iżid li, qabel l-adozzjoni tas-sistema kkontestata, ir-Regolament Nru 267/2012 jipprevedi diġà sistema ta’ notifika u ta’ kontroll kumplessa li tirrestrinġi t-trasferimenti ta’ fondi kif ukoll il-provvista ta’ servizzi finanzjarji li huma ddestinati jew li joriġinaw minn persuni u entitajiet Iranjani. Fil-fehma tar-rikorrent, skont dawn ir-regoli, il-banek Ewropej huma diġà obbligati, għall-inqas impliċitament, li jikkontrollaw il-pagamenti u r-relazzjonijiet kummerċjali inkwistjoni, dan jimplika li ma huwiex neċessarju li tiġi adottata s-sistema kkontestata.

160    Barra minn hekk, l-effettività tal-miżuri restrittivi, kemm ġenerali kif ukoll individwali, implementati qabel l-adozzjoni tas-sistema kkontestata ma tista’ qatt tiġi kkontestata u saħansitra ġiet ikkonfermata mis-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 92 iktar ’il fuq (EU:T:2009:401). Bl-istess mod, mil-linji gwida jirriżulta li l-miżuri restrittivi individwali huma iktar effettivi u jikkawżaw ħsara inqas serja għall-kummerċ leġittimu mill-miżuri ġenerali adottati mingħajr diskriminazzjoni.

161    L-ewwel nett, fir-rigward tal-miżuri restrittivi individwali, għandu jiġi nnotat, kif isostni l-Kunsill li l-implementazzjoni tagħhom tippreżumi li l-persuna jew entità inkwistjoni kienet ġiet identifikata, minn qabel, bħala li tissodisfa wieħed mill-kriterji previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli. Għalhekk jekk, kif jirriżulta mill-punt 68 tas-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 92 iktar ’il fuq (EU:T:2009:401), l-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet li huma rrikonoxxuti bħala li jipparteċipaw, u li huma direttament assoċjati jew li jagħtu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari għandu jiggarantixxi wkoll li l-iffriżar tal-fondi ta’ dawn l-entitajiet ma jiġux iktar użati sabiex jippromwovu l-proliferazzjoni nukleari, min-naħa l-oħra, ma jkunx jista’ jimpedixxi tali użu ta’ fondi minn persuni u minn entitajiet li l-involviment tagħhom fil-proliferazzjoni nukleari jkun għadu mhux magħruf. Madankollu, kif jirriżulta mill-ispjegazzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom ir-rikorrent ipprovda s-servizzi finanzjarji lil Novin, li jissemmew fil-punti 125 sa 128 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ dawn il-persuni u entitajiet ma hijiex ipotetika, iżda għall-kuntrarju, ġiet stabbilita fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

162    It-tieni nett, huwa, ċertament, minnu li, fil-mument tal-adozzjoni tas-sistema kkontestata, kienu ġew diġà previsti fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem is-“sistema preċedenti”) miżuri restrittivi ġenerali li jirregolaw it-trasferimenti ta’ fondi li jinvolvu persuna jew entità Iranjana. Is-sistema preċedenti kienet tipprevedi, b’mod partikolari, obbligu ta’ notifika minn qabel li tibda minn limitu ta’ EUR 10 000 u obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għat-trasferimenti tal-istess ammont jew iktar minn EUR 40 000 barra trasferimenti umanitarji. L-awtorizzazzjoni inkwistjoni setgħet tiġi rrifjutata jekk l-awtorità kompetenti kellha raġuni għaliex taħseb li t-trasferiment ta’ fondi inkwistjoni seta’ jikser xi waħda jew l-oħra mill-projbizzjonijiet jew obbligi previsti mir-Regolament Nru 267/2012.

163    F’dan ir-rigward, jirriżulta minn paragun tas-sistema preċedenti mas-sistema kkontestata li din tal-aħħar ma tikkostitwixxix sistema kwalitattivament ġdida, kif jissuġġerixxi indirettament ir-rikorrent, iżda tistrieħ fuq aġġustamenti parzjali intiżi li jsaħħu s-sistema preċedenti.

164    Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-istabbilimenti finanzjarji Iranjani, fosthom ir-rikorrent, l-adozzjoni tas-sistema kkontestata saħħet ir-restrizzjonijiet eżistenti previsti mis-sistema preċedenti biss fir-rigward ta’ tliet aspetti, jiġifieri, l-ewwel nett, billi elenkat limitattivament il-kategoriji ta’ trasferimenti li jistgħu jitwettqu, sussegwentement, billi introduċiet limitu ta’ awtorizzazzjoni għat-trasferimenti umanitarji u, fl-aħħar nett, billi baxxiet il-limitu ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti kategoriji ta’ trasferimenti. Barra minn dan, l-effett tal-ewwel emenda ġiet attenwata mill-fatt li l-elenkar tal-għanijiet permissibbli huwa kbir, b’mod partikolari peress li jinkludi t-trasferimenti marbuta ma’ kuntratt kummerċjali speċifiku.

165    Din l-analiżi komparattiva tikkontesta l-allegazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tan-natura eċċessivament ġenerali u, għaldaqstant, mhux neċessarja, tas-sistema kkontestata. Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrent ma jikkontestax espliċitament in-natura neċessarja tas-sistema preċedenti u jiddikjara wkoll li din stess tista’, flimkien ma’ miżuri oħra, tilħaq l-għan mixtieq mill-Kunsill huwa ma jistax jallega ġustament, l-assenza ta’ neċessità tas-sistema kkontestata, li ma hijiex distinta, fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tagħha, mis-sistema preċedenti.

166    It-tielet nett, sakemm l-argument tar-rikorrent għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkontesta n-neċessità kemm tas-sistema kkontestata kif ukoll, impliċitament, tas-sistema preċedenti, billi tissuġġetta ż-żewġ trasferimenti bejn l-istabbilimenti finanzjarji Iranjani u dawk tal-Unjoni għas-sorveljanza sistematika tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, pjuttost milli għal sorveljanza interna tal-imsemmija stabbilimenti, prevista wkoll mir-Regolament Nru 267/2012, il-Kunsill jinvoka żewġ ċirkustanzi sabiex jiġġustifika din l-għażla.

167    Huwa jsostni, minn naħa, li ma jistax jafda lill-banek Iranjani sabiex jeżerċitaw il-kontrolli minn qabel, minħabba l-lakuni fis-sistema Iranjani fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, ikkonstatati mill-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), organizzazzjoni intergovernattiva li għandha r-responsabbiltà li tiddetermina l-istandards u li tippromwovi l-applikazzjoni effettiva ta’ miżuri leġiżlattivi, regolamentari u operattivi sabiex jiġi miġġieled il-ħasil ta’ flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u theddid ieħor marbut li joħolqu riskju għall-integrità tas-sistema finanzjarja internazzjonali.

168    Min-naħa l-oħra, il-Kunsill iqis li, minkejja l-obbligu ta’ sorveljanza impost fuq l-istabbilimenti finanzjarji tal-Unjoni, dawn tal-aħħar jistgħu ma jkunux f’qagħda li jidentifikaw u jittrattaw it-trasferimenti suspettużi, u speċjalment peress li l-entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari jippruvaw jaħbu l-identità tal-partijiet għall-operazzjonijiet konċernati.

169    Fir-rigward tal-ewwel argument tal-Kunsill, ir-rikorrent ma jikkontestax il-konklużjonijiet tal-FATF. Huwa jsostni, madankollu, li dawn ma humiex rilevanti, sa fejn is-sistema kkontestata ma tirrigwardax la l-ħasil ta’ flus u lanqas il-finanzjament tat-terroriżmu, iżda l-proliferazzjoni nukleari.

170    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, jekk l-oqsma inkwistjoni huma ċertament distinti, huma, madankollu strettament marbuta billi jinvolvu, it-tlieta li huma, l-użu ta’ fondi finanzjarji bil-għan li jintlaħqu għanijiet klandestini. Dan il-fatt huwa, barra minn hekk, rifless fid-definizzjoni tal-kompiti tal-FATF kif ukoll fil-fatt li d-diskussjonijiet magħmula fi ħdan din l-organizzazzjoni jirrigwardaw ukoll il-finanzjament tal-proliferazzjoni tal-armi ta’ distruzzjoni ta’ massa.

171    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-konklużjonijiet tal-FATF jistgħu jiġu trasposti f’dan il-każ u jippermettu għaldaqstant li jiġi konkluż li, inkunsiderazzjoni tal-lakuni fis-sistema Iranjani tal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-entitajiet Iranjani, u b’mod partikolari l-istabbilimenti finanzjarji, jirriskjaw ukoll iktar li jipparteċipaw volontarjament jew mingħajr ma jafu, għal trasferimenti li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari. Dan huwa saħansitra iktar il-każ li, sa fejn l-attivitajiet marbuta mal-proliferazzjoni nukleari huma ġestiti mill-gvern Iranjan, ma huwiex realistiku li wieħed jistenna li dan l-istess gvern jieħu miżuri leġiżlattivi jew amministrattivi sabiex jimpediha.

172    Fir-rigward tat-tieni argument tal-Kunsill, għandu jiġi rrilevat li l-estratt tar-rapport tal-FATF joffrilu stedina b’mod partikolari sabiex, minbarra sorveljanza msaħħa mwettqa mill-istabbilimenti finanzjarji, il-qrati membri tal-FATF li japplikaw kontromiżuri effettivi sabiex jipproteġu s-setturi finanzjarji tagħhom kontra r-riskji li joriġinaw mill-Iran. Din il-konstatazzjoni timplika li, fil-fehma tal-FATF, l-istabbilimenti finanzjarji ma humiex kapaċi, waħidhom, li jaffrontaw ir-riskju inkwistjoni b’mod adegwat.

173    F’dan il-kuntest, tfakkar fil-punt 161 iktar ’il fuq li r-rikorrent stess ipprovda, mingħajr ma jaf, servizzi ta’ ġestjoni tal-kontijiet lil entità Iranjani involuta fil-proliferazzjoni nukleari, minkejja s-sistemi ta’ kontroll intern tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li stabbiliment finanzjarju tal-Unjoni, anki jekk involontarjament, jiġi mġiegħel jipparteċipa fi trasferiment ta’ fondi li jista’ jikkontribwixxi għall-proliferazzjoni nukleari.

174    Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi mressqa mill-Kunsill jistabbilixxu sistema bħas-sistema kkontestata huma neċessarji, minkejja l-obbligi paralleli ta’ sorveljanza interna imposti fuq l-istabbilimenti finanzjarji tal-Unjoni.

175    Fl-aħħar nett, l-argumenti tar-rikorrent miġbura fil-punt 160 iktar ’il fuq, ibbażati fuq il-fatt li l-effettività tal-miżuri restrittivi implementati qabel l-adozzjoni tas-sistema kkontestata ma setgħu qatt jiġu kkontestati u ġew ikkonfermati mil-linji gwida, ma jistgħux jinżammu.

176    Għalhekk, l-ewwel nett, jekk il-Kunsill ma ressaqx provi speċifiċi li juri li l-effettività tal-miżuri restrittivi kienet is-suġġett ta’ oġġezzjonijiet jew riżervi, minn dan ma jirriżultax lanqas li, mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 423/2007, li kien l-ewwel regolament li jirrigwarda l-proliferazzjoni nukleari, dawn il-miżuri ġew progressivament estiżi, imsaħħa u saru iktar speċifiċi, dan jissuġġerixxi li l-Kunsill ipprova kostantement iżid l-effettività tagħhom.

177    Sussegwentement, kif jirriżulta mill-punt 161 iktar ’il fuq, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 92 iktar ’il fuq (EU:T:2009:401), ikkonferma biss l-effettività tal-miżuri restrittivi individwali fil-konfront tal-fondi tal-persuni u l-entitajiet indirizzati minn dawn l-istess miżuri. Min-naħa l-oħra, ma jippermettix li jinġibdu konklużjonijiet validi fuq l-effettività b’mod ġenerali tas-sistema ta’ miżuri restrittivi indirizzati lejn il-proliferazzjoni nukleari.

178    Fl-aħħar nett, il-konstatazzjoni, li tissemma fil-linji gwida, skont liema, essenzjalment, il-miżuri restrittivi individwali huma ġeneralment iktar effettivi u jikkawżaw ħsara inqas serja lill-kummerċ leġittimu mill-miżuri restrittivi adottati mingħajr diskriminazzjoni, minn naħa, mhux implikat bl-ebda mod li l-miżuri restrittivi ġenerali ma humiex neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq mill-Kunsill b’mod partikolari meta l-miżuri restrittivi individwali juru, minnhom infushom, li huma biżżejjed għal dan il-għan, kif inhu l-każ hawnhekk. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-eżami tal-argumenti fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema kkontestata mwettqa fil-punti 187 sa 199 iktar ’il quddiem, ir-rikorrent jikklassifika b’mod żbaljat is-sistema kkontestata bħala miżura adottata “mingħajr diskriminazzjoni”.

179    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-argumenti tar-rikorrent ma jurux li l-adozzjoni tas-sistema kkontestata jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ sistema li tissuġġetta t-trasferimenti bejn l-istabbilimenti finanzjarji Iranjani u dawk tal-Unjoni għas-sorveljanza sistematika tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma hijiex neċessarja minħabba l-eżistenza ta’ miżuri restrittivi oħra implementati fil-kuntest tar-Regolament Nru 267/2012.

180    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema kkontestata

181    Ir-rikorrent isostni li s-sistema kkontestata ma tirrigwardax trasferimenti ta’ fondi li jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari, iżda tikkostitwixxi, fir-realtà, embargo ġenerali, li timpedixxi kull attività ekonomika u t-trasferimenti kollha ta’ fondi bejn l-istabbilimenti finanzjarji tal-Unjoni u l-Iran. Fil-fatt, sa fejn is-sistema kkontestata tirrigwarda s-settur finanzjarju Iranjan kollu kemm hu, il-Kunsill kien jimponi b’mod żbaljat projbizzjonijiet globali abbażi ta’ ġeneralizzazzjonijiet li jirrigwardaw il-banek kollha ta’ pajjiż. Għalhekk, is-sistema kkontestata twassal għas-suspett, b’mod mhux iġġustifikat, lejn prattikament il-banek kollha Iranjani ta’ involviment fil-proliferazzjoni nukleari u fil-ħasil ta’ flus.

182    F’dan il-kuntest, l-allegazzjoni tal-Kunsill skont liema persuni barra dawk identifikati fil-kuntest tal-miżuri restrittivi individwali jiġu involuti fil-proliferazzjoni nukleari ma tiġġustifikax il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema kkontestata, skont ir-rikorrent. Fil-fatt, din l-allegazzjoni ma tirrigwardax speċifikament il-banek, li huma għaldaqstant l-iktar effettwata mis-sistema kkontestata, iżda persuni jew entitajiet b’mod ġenerali. Konsegwentement, is-sistema kkontestata ma hijiex adattat għall-għan mixtieq, peress li tista’ taffettwa, b’ċertezza, ħafna entitajiet mhux involuti fil-proliferazzjoni nukleari u trasferimenti li ma humiex marbuta, bil-għan li jiġu effettwati, eventwalment, oħrajn li huma marbuta.

183    Ir-rikorrent isostni, f’dan ir-rigward, li l-kriterju previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30b(3) tar-Regolament Nru 267/2012, imdaħħal mir-regolament ikkontestat, skont liema jista’ jiġi pprojbit kull trasferiment ta’ fondi li “jista’ jikser” xi waħda jew l-oħra mill-projbizzjonijiet jew obbligi previsti mir- Regolament Nru 267/2012, hija spekulattiva u wisq ġenerali. Fil-fehma tar-rikorrent, sabiex tkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-projbizzjoni inkwistjoni għandha biss tindirizza t-trasferimenti ta’ fondi li “jiksru” l-projbizzjoni jew l-obbligi inkwistjoni.

184    Ir-rikorrent iżid li l-każ tiegħu jippermetti l-kamp ta’ applikazzjoni eċċessiv tas-sistema kkontestata. Fil-fatt, jekk jiġi preżunt li huwa kien effettivament involut fil-proliferazzjoni nukleari, kif jallega l-Kunsill il-miżuri restrittivi individwali li jirrigwardawh kienu kemm xierqa u suffiċjenti biex jiġi evitat ir-riskju marbut mat-trasferimenti ta’ fondi li huwa jwettaq u ta’ miżuri addizzjonali ma kinux meħtieġa. Madankollu, sa fejn jirriżulta mis-sentenza Bank Mellat vs Il-Kunsill, punt 16 iktar ’il fuq (EU:T:2013:39), li huwa ma kienx involut fil-proliferazzjoni nukleari, huwa ma huwiex, a fortiori, neċessarju li jiġu limitati l-attivitajiet tiegħu leġittimi permezz tas-sistema kkontestata. Dan ikun partikolarment il-każ, kif jirriżulta mis-sentenza tal-United Kingdom Supreme Court (qorti suprema tar-Renju Unit) li jirrigwarda l-miżuri restrittivi tar-Renju Unit li jirrigwardawh, huwa implementa sistema li tippermetti li jiġi evitat kull ksur ta’ miżuri restrittivi implementati mill-Kunsill ta’ Sigurtà.

185    F’dan il-kuntest, ir-rikorrent isostni, sussidjarjament, li l-Kunsill kellu l-obbligu, li minn tal-inqas, jeskludih mill-applikazzjoni tas-sistema kkontestata, sa fejn huwa bank li, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u l-qrati Brittaniċi, ma huwiex involut fil-proliferazzjoni nukleari u jeżerċita d-diliġenza rikjesta sabiex ma jiġix involut.

186    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jenfasizza, li huwa manifestament sproporzjonat li s-sistema kkontestata timpedixxi pagamenti u investimenti leċiti fi ħdan l-Unjoni.

187    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrent dwar l-interpretazzjoni tal-kriterju previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30b(3) tar-Regolament Nru 267/2012, imressqa matul is-seduta u rijassunta fil-punt 183 iktar ’il fuq, huwa inammissibbli għar-raġunijiet esposti fil-punti 60 u 61 iktar ’il fuq.

188    Fir-rigward tal-argumenti l-oħra, l-ewwel nett, ir-rikorrent jallega b’mod żbaljat, permezz tal-argument tiegħu mfakkar fil-punt 181 iktar ’il fuq, li s-sistema kkontestata hija “embargo ġenerali” li jimpedixxi kull attività ekonomika u t-trasferimenti kollha ta’ fondi bejn l-istabbilimenti finanzjarji tal-Unjoni u l-Iran. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendat bir-regolament ikkontestat, is-sistema kkontestata tippermetti espliċitament li jitwettqu t-trasferimenti li jikkorrispondu għall-għanijiet li jiddefinixxi, li jinkludu, b’mod partikolari, it-trasferiment ta’ fondi individwali kif ukoll it-trasferimenti ta’ fondi marbuta ma’ kuntratt kummerċjali speċifiku.

189    Barra minn hekk, jekk is-sistema kkontestata, ċertament, hija intiża li timpedixxi t-trasferimenti li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari mwettqa minn stabbilimenti finanzjarji Iranjani, l-adozzjoni tagħha ma jinvolvi, għaldaqstant, ebda suspett tal-Kunsill fir-rigward għall-involviment volontarju jew koxxenti ta’ dawn tal-aħħar fl-imsemmija proliferazzjoni.

190    It-tieni nett, fir-rigward tal-obbligi ta’ natura proċedurali, huwa, ċertament minnu li l-obbligu ta’ notifika japplika għat-trasferimenti ddefiniti fl-Artikolu 30(3)(a) tar-Regolament Nru 267/2012. Bl-istess mod, li tintalab l-awtorizzazzjoni minn qabel japplika għat-trasferimenti kollha msemmija fl-Artikolu 30(3)(b) u (c) tar-Regolament Nru 267/2012. Għalhekk, dawn iż-żewġ obbligi japplikaw kemm għat-trasferimenti li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari kif ukoll għal dawk li ma jistgħux.

191    Madankollu, din iċ-ċirkustanza hija inevitabbli fid-dawl tal-għan tal-obbligi inkwistjoni, li huwa intiż li jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu identifikati minn qabel it-trasferimenti li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari u li jiġu projbiti. Fil-fatt, fin-nuqqas jew ta’ notifika minn qabel ta’ trasferiment, jew ta’ talba għal awtorizzazzjoni minn qabel li jikkonċernaha, l-imsemmija awtoritajiet ma jistgħux jevalwawh sabiex jiddeterminaw jekk tistax titwettaq jew le.

192    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-obbligu ta’ notifika u l-obbligu ta’ talba għall-awtorizzazzjoni jikkonċernaw trasferimenti li ma jistgħux jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari ma jimplikax li l-imsemmija obbligi ma humiex neċessarji. Barra minn hekk, sa fejn id-dispożizzjonijiet li jipprevedu dawn l-obbligi ma jipprojbixxux, bħala tali t-twettiq ta’ trasferimenti, huma ma jistabbilixxux xi “embargo ġenerali”.

193    It-tielet nett, peress li r-rikorrent isostni, fil-punt 182 iktar ’il fuq, li l-Kunsill jibbaża ruħu fuq l-allegazzjonijiet li ma jikkonċernawx speċifikament il-banek, iżda persuni jew entitajiet b’mod ġenerali, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 13 iktar ’il fuq, l-Artikolu 30a tar-Regolament Nru 267/2012, imdaħħal bir-regolament ikkontestat, jipprevedi restrizzjonijiet simili fir-rigward tal-persuni, entitajiet jew korpi Iranjani li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema kkontestata.

194    Barra minn hekk, l-għażla tal-Kunsill li tipprevedi li s-sistema kkontestata għandha tapplika għat-trasferimenti li jinvolvu l-istabbilimenti finanzjarji Iranjani, filwaqt li t-trasferimenti l-oħra jkunu suġġetti għal sistema ristrettiva jiddistingwu ruħhom fuq ċerti aspetti, taqa’ taħt setgħa li għandha tiġi rrikonoxxuta lilha f’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 102 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, din l-għażla hija ġġustifikata mir-riskju partikolari maħluq mill-istabbilimenti finanzjarji Iranjani, kif ġie rrilevat fil-punt 171 iktar ’il fuq.

195    Ir-raba’ nett, iċ-ċirkustanzi partikolari tar-rikorrent, invokati minnu fil-punt 184 iktar ’il fuq, jikkorroboraw in-natura neċessarja tas-sistema kkontestata, pjuttost milli jannullawha. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 125 sa 127 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ipprovda servizzi finanzjarji ta’ ġestjoni ta’ kont, li jinkludu l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment, lil entità involuta fil-proliferazzjoni nukleari, qabel ma dan l-involviment sar magħruf pubblikament. B’hekk, ir-rikorrent ġie mġiegħel mingħajr ma jaf, iwettaq trasferimenti li setgħu kkontribwixxew għall-proliferazzjoni nukleari, minkejja s-sistema interna ta’ kontroll li huwa juża.

196    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li t-trasferimenti ta’ fondi bejn ir-rikorrent u l-istabbilimenti finanzjarji tal-Unjoni ġew suġġetti għas-sistema kkontestata ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu impeduti t-trasferimenti ta’ fondi li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari, minkejja l-fatt li l-Kunsill ma weriex l-involviment tiegħu f’din tal-aħħar, kif ikkonstataw ukoll kemm il-Qorti Ġenerali kif ukoll il-qrati tar-Renju Unit.

197    Konsegwentement, ir-rikorrent isostni b’mod żbaljat li l-Kunsill kellu l-obbligu li jeskludi speċifikament il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema kkontestata.

198    Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument li jirrigwarda l-pagamenti u l-investimenti fi ħdan l-Unjoni, imfakkar fil-punt 186 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi osservat li jirriżulta mill-punti 141 u 142 iktar ’il fuq is-sistema kkontestata ma hijiex intiża li timpedixxi l-kummerċ leġittimu u, għaldaqstant, li tipprojbixxi t-trasferimenti leċiti.

199    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud dan l-ilment u, konsegwentement, it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, li jirrigwarda l-inkonvenjenzi kkawżati mis-sistema kkontestata

200    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-inkonvenjenzi kkawżati mis-sistema kkontestata b’mod ġenerali, ir-rikorrent isostni li din tal-aħħar hija ġeneralizzata, ma tiddifferenzjax u mhux immirata, peress li tirrigwarda s-settur finanzjarju Iranjan fl-intier tiegħu. Għalhekk, l-imsemmija sistema tista’ ddgħajjef sinjifikattivament l-ekonomija Iranjana u, għalhekk, inevitabbilment tagħmel ħsara lil persuni Iranjani li ma humiex la marbuta mal-proliferazzjoni nukleari u lanqas jistgħu jinfluwenzaw il-politika segwita mill-gvern Iranjan. Madankollu, dan l-effett ħażin, li jista’ jilħaq, lil hinn mis-settur ekonomiku, il-qasam umanitarju, pereżempju f’dak li jirrigwarda d-disponibbiltà tal-mediċinali vitali, huwa manifestament sproporzjonat u jmur kontra n-neċessità li jiġu evitati tali konsegwenzi, imfakkra kostantement mill-Unjoni.

201    Ir-rikorrent iżid, f’dan il-kuntest, li l-eċċezzjonijiet previsti mis-sistema kkontestata ma humiex suffiċjenti sabiex jagħmluha proporzjonata, peress li huma estremament limitati, u li jingħataw b’mod kompletament diskrezzjonali mill-awtoritajiet kompetenti u li, kif jirriżulta mit-tielet motiv, imorru kontra r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà.

202    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-inkonvenjenzi kkawżati lilu stess, ir-rikorrent isostni li ma hemm l-ebda dubju li l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet tiegħu ġie limitat b’mod kunsiderevoli, peress li s-sistema kkontestata tipprojbixxi, b’mod definittiv, it-trasferimenti ta’ fondi kollha bejnu u l-Unjoni. Madankollu, sa fejn is-sistema kkontestata ma hijiex neċessarja sabiex timpedixxi l-proliferazzjoni nukleari jew il-finanzjament tagħha, hija ma tikkostitwixxix la l-miżura l-inqas stretta u lanqas l-inqas preġudizzju għad-drittijiet tiegħu, u iktar u iktar li huwa qatt ma ta xi appoġġ għal proliferazzjoni nukleari, kif jirriżulta mis-sentenza Bank Mellat vs Il-Kunsill, punt 16 iktar ’il fuq (EU:T:2013:39).

203    Il-partijiet l-oħra jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

204    Skont il-ġurisprudenza, kull miżura restrittiva ekonomika jew finanzjarja tinvolvi, minnha nnifisha, effetti li jistgħu jippreġudikaw lill-partijiet li r-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni ma tkunx ġiet stabbilita. L-importanza tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill, T-246/08 u T-332/08, Ġabra, EU:T:2009:266, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

205    Fir-rigward tal-inkonvenjenzi kkawżati mis-sistema kkontestata lill-ekonomija Iranjana inġenerali, huwa, ċertament, minnu li s-sistema kkontestata jista’ jkollha ċertu impatt fuq l-ekonomija Iranjana, sa fejn tissuġġetta t-trasferimenti ta’ fondi kkonċernati għal formalitajiet addizzjonali u fejn l-applikazzjoni tagħha tista’ tirriżulta fil-projbizzjoni ta’ ċerti trasferimenti. Madankollu, dan l-impatt huwa limitat għal żewġ aspetti.

206    Minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punt 164 iktar ’il fuq, l-elenku ta’ għanijiet permissibbli fil-kuntest tas-sistema kkontestata huwa kbir, peress li jinkludi b’mod partikolari t-trasferimenti umanitarji, it-trasferimenti ta’ fondi individwali u t-trasferimenti marbuta ma’ kuntratt kummerċjali speċifiku.

207    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan il-kuntest, li t-trasferimenti umanitarji, li jikkostitwixxu għan permissibbli, jinkludu speċifikament it-trasferimenti li jirrigwardaw kura tas-saħħa jew tagħmir mediku. Għalhekk, in-nuqqas ta’ mediċinali essenzjali fl-Iran, invokat mir-rikorrent, ma jistax jiġi attribwit lis-sistema kkontestata bħala tali.

208    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 187 sa 199 iktar ’il fuq, is-sistema kkontestata ma hijiex embargo ġeneralizzat, mhux differenzjali u mhux immirat, b’mod partikolari peress li ma hijiex intiża li timpedixxi kummerċ leċitu, konformement għal dak impost mill-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2012/635 li hija timplementa.

209    Barra minn hekk, mill-eżami tat-tielet motiv iktar ’il quddiem jirriżulta li s-sistema kkontestata ma tmurx kontra r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali u tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà peress li l-implementazzjoni tagħha hija mħollija kompletament għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

210    Fir-rigward tal-inkonvenjenzi allegatament ikkawżati lir-rikorrent stess, għandu jiġi ammess li l-attività ekonomika tiegħu, bħala stabbiliment finanzjarju, jista’ jsir iktar diffiċli bl-implementazzjoni tas-sistema kkontestata, li tissuġġetaha għal formalitajiet addizzjonali.

211    Madankollu, minn naħa, ir-rikorrent ma jressaq ebda prova konkreta li tista’ tistabbilixxi l-portata tal-inkonvenjenzi li huwa jista’ jbati minħabba s-sistema kkontestata.

212    Min-naħa l-oħra, dawn l-inkonvenjenzi jistgħu jiġu kkontrobilanċjati mill-provi evokati fil-punti 206 sa 208 iktar ’il fuq.

213    F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba fl-importanza primordjali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, li huma l-għanijiet aħħarija marbuta mal-miżuri intiżi li jwaqqfu l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha, l-inkonvenjenzi kkawżati kemm lill-ekonomija Iranjana inġenerali kif ukoll lir-rikorrent, ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti.

214    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv

215    Ir-rikorrent isostni li s-sistema kkontestata tikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, il-prinċipju tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà, l-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rekwiżit skont liema kull sanzjoni għandu jkollha l-garanziji ġuridiċi neċessarji u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

216    L-ewwel nett, huwa jispeċifika li l-Kunsill ma indikax ir-raġunijiet li minħabba fihom l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ġenerali hija neċessarja u xierqa għat-twettiq tal-għanijiet segwiti.

217    It-tieni nett, huwa jsostni li s-sistema kkontestata, min-natura tagħha, ma tippreżentax il-garanziji legali kemm sostantiva u kif ukoll proċedurali stabbiliti mill-Artikolu 215(3) TFUE u li jitqiesu essenzjali mill-Qorti Ġenerali sabiex jiġu protetti l-persuni u entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi. B’mod partikolari, skont ir-rikorrent, sa fejn l-imsemmija sistema teżonera lill-Kunsill mill-obbligu li jiddetermina jekk l-impożizzjoni ta’ miżura fir-rigward ta’ bank speċifiku hija ġġustifikata, neċessarja u proporzjonata, hija topera inverżjoni tal-oneru tal-prova. Bl-istess mod, is-sistema kkontestata tipprevedi biss eċċezzjonijiet eċċessivament limitati għall-projbizzjoni li tipprevedi.

218    Ir-rikorrent iżid, f’dan il-kuntest, li l-miżuri restrittivi individwali li jirrigwardaw il-banek Iranjani, fosthom b’mod partikolari hu stess, ġew annullati mill-Qorti Ġenerali minħabba l-ksur tad-drittijiet u l-garanziji ġuridiċi li jgawdu dawn tal-aħħar, stabbiliti fl-Artikolu 215(3) TFUE. Madankollu, bis-sostituzzjoni tal-miżuri restrittivi individwali mis-sistema kkontestata, il-Kunsill ma ħax miżuri addizzjonali sabiex jirrimedja għan-nuqqasijiet allegati mill-Qorti Ġenerali, minkejja l-fatt li s-sistema kkontestata, fl-assjem tagħha, għandha effetti ħżiena simili għal dawk tal-miżuri restrittivi individwali.

219    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent iqis li, sa fejn il-kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta miżuri restrittivi ġenerali mhux usa’ mill-kompetenza tiegħu sabiex jadotta miżuri individwali, l-illegalità tal-miżuri restrittivi individwali li jirrigwardawh, ikkonstatati fis-sentenza Bank Mellat vs Il-Kunsill, punt 16 iktar ’il fuq (EU:T:2013:39), timplika l-illegalità tas-sistema kkontestata fir-rigward tiegħu.

220    It-tielet nett, skont ir-rikorrent, is-sistema kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza, ċertezza legali u l-projbizzjoni ta’ arbitrarjetà stabbiliti mill-ġurisprudenza.

221    Fil-fatt, ebda dispożizzjoni ma tillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali li jirrifjutaw trasferiment partikolari, peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti jillimitaw ruħhom li jirreferu għal fondi “li jistgħu jikkontribwixxu” għall-proliferazzjoni nukleari jew għall-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom “raġunijiet validi li jiddeterminaw” li trasferiment “jista’ jikser xi waħda jew l-oħra mill-projbizzjonijiet jew obbligi” previsti. Xi kriterji hekk iddefiniti, huma, skont ir-rikorrent, arbitrarji u każwali.

222    Ir-raba’ nett, ir-rikorrent isostni li s-sistema kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’żewġ aspetti.

223    Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmija sistema hija diskriminatorja sa fejn hija tirrigwarda biss il-banek Iranjani, filwaqt li l-banek stabbiliti fi Stati oħra għandhom l-istess riskju li jiġu mġiegħla jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-proliferazzjoni nukleari. Fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni pprovduta mill-Kunsill ir-rikorrent iqis li tali differenza fit-trattament tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

224    Min-naħa l-oħra, fl-assenza tal-kriterji suffiċjentement preċiżi u ċari, l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel previst mis-sistema kkontestata huwa diskriminatorju, kif jirriżulta mis-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle (C-302/97, Ġabra, EU:C:1999:271, punt 49).

225    Il-partijiet l-oħra jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

226    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li jiġi mmotivat att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C-417/11 P, Ġabra, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

227    Il-motivazzjoni mitluba permezz tal-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuna kkonċernata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri adottati u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 226 iktar ’il fuq, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

228    F’dan il-każ, mill-premessa 12 tad-Deċiżjoni 2012/635 li tirreferi għalih il-premessa 7 tar-regolament ikkontestat jirriżulta “[s]abiex jiġi impedut it-trasferiment ta’ assi finanzjarji jew assi jew riżorsi oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari tal-Iran sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni, jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trasport ta’ armi nukleari, it-transazzjonijiet bejn il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u dawk Iranjani, għandhom ikunu pprojbiti, sakemm ma jkunux awtorizzati minn qabel mill-Istat Membru rilevanti”.

229    Din il-motivazzjoni hija suffiċjenti fir-rigward tal-adozzjoni ta’ att ta’ portata ġenerali bħalma hi s-sistema kkontestata. Fil-fatt, hija ġiet mifhuma mir-rikorrent, li setgħet tikkontesta b’mod iddettaljat, il-legalità tas-sistema kkontestata, u b’mod partikolari l-allegata inkompatibbiltà tagħha mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kienet f’qagħda li tikkontrolla l-legalità tas-sistema kkontestata.

230    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment tar-rikorrent għandu jiġi miċħud.

231    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-garanziji ġuridiċi imposti mill-Artikolu 215(3) TFUE, l-argument tar-rikorrent dwar l-allegata rabta bejn l-illegalità tal-miżuri restrittivi individwali u s-sistema kkontestata ma tistax tinżamm.

232    Fil-fatt, bħal fis-sentenza Bank Mellat vs Il-Kunsill, punt 16 iktar ’il fuq (EU:T:2013:39), kif ukoll fis-sentenzi l-oħra li jannullaw il-miżuri restrittivi individwali li jirrigwardaw il-banek Iranjani, invokati mir-rikorrent, l-annullament kien ibbażat fuq l-assenza ta’ prova li l-entità kkonċernata tissodisfa effettivament il-kriterju implementat fir-rigward tagħha mill-Kunsill kif ukoll fuq ċertu ksur tad-drittijiet proċedurali rrikonoxxuti lill-imsemmija entità fil-kuntest ta’ din l-implementazzjoni. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 36 u 105 iktar ’il fuq, bħala miżura ta’ portata ġenerali, is-sistema kkontestata prevista mill-Artikolu 1(15) tar-regolament ikkontestat ma huwiex ibbażat fuq l-applikazzjoni ta’ xi kwalunkwe kriterju għall-każ speċifiku tar-rikorrent jew ta’ entità oħra, dan jimplika li ma hijiex implementata bl-istess mod li huma l-miżuri restrittivi individwali.

233    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tal-miżuri restrittivi individwali fir-rigward tar-rikorrent jew ta’ banek oħra Iranjani, bħala tali, ma għandux impatt fuq il-legalità tas-sistema kkontestata, u dan speċjalment peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 108 iktar ’il fuq, l-effetti tas-sistema kkontestata huma kunsiderevolment inqas estiżi minn dawk ta’ ffriżar tal-fondi.

234    Fir-rigward tal-garanziji allegatament applikabbli għas-sistema kkontestata nfisha, minn naħa, jirriżulta mill-punti 98 sa 109 iktar ’il fuq li ma hemmx lok li tiġi trasposta f’dan il-każ il-ġurisprudenza dwar il-miżuri restrittivi individwali, dan jimplika li b’mod partikolari ma hemmx lok li jiġi impost fuq il-Kunsill li jistabbilixxi li l-entitajiet effettwati mis-sistema kkontestata huma effettivament involuti fil-proliferazzjoni nukleari. Għall-istess raġunijiet, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jevalwa din l-istess ċirkustanza fil-mument tal-adozzjoni tas-sistema kkontestata.

235    Pjuttost, kellu jkun il-Kunsill, fl-istadju tal-adozzjoni tas-sistema kkontestata, li kellu jivverifika l-proporzjonalità tagħha u, għaldaqstant, jeżamina jekk l-adozzjoni tagħha kinitx xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fl‑impediment tal-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha u li din ma tikkawżax inkonvenjenzi eċċessivi lill-persuni u entitajiet effettwati, fosthom ir-rikorrent.

236    Madankollu, l-eżami mwettaq fil-kuntest tal-ewwel, it-tieni u r-raba’ motivi iktar ’il fuq, li huwa bbażat ukoll fuq il-portata tal-għanijiet permissibbli ta’ trasferimenti, ma rrivelatx li s-sistema kkontestata hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

237    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma jressaqx argumenti speċifiċi fir-rigward tal-garanziji proċedurali li għandhom japplikaw għas-sistema kkontestata. Fi kwalunkwe każ, kif tfakkar fil-punt 232 iktar ’il fuq, bħala miżura ta’ portata ġenerali, is-sistema kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-applikazzjoni individwali ta’ kriterju speċifiku għal każ speċifiku tar-rikorrent jew ta’ entità oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bid-differenza tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi individwali, il-garanziji ġuridiċi imposti mill-Artikolu 215(3) TFUE ma jinkludux l-obbligu għall-Kunsill li jagħti motivi konkreti u speċifiċi għal kull persuna u entità effettwata, l-obbligu li jingħata l-aċċess għall-proċess la l-possibbiltà għall-persuni u entitajiet effettwati li jressqu l-osservazzjonijiet u l-obbligu għall-Kunsill li jieħu inkunsiderazzjoni dawn l-osservazzjonijiet.

238    Fil-fatt, fir-rigward ta’ att ta’ portata ġenerali bħas-sistema kkontestata, il-garanzija ġuridika proċedurali essenzjali hija kkostitwita mill-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-legalità tal-att inkwistjoni.

239    Madankollu, din il-garanzija hija ggarantita, minn naħa, permezz ta’ dan ir-rikors u, min-naħa l-oħra, mill-possibbiltà li tiġi kkontestata ċ-ċaħda ta’ awtorizzazzjoni ta’ trasferimenti individwali adottati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti, li jista’, jekk ikun il-każ, jagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-validità jew l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 267/2012.

240    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li s-sistema kkontestata ma tmurx kontra l-Artikolu 215(3) TFUE, dan jimplika li t-tieni lment tar-rikorrent għandu jiġi miċħud.

241    Fit-tielet lok, sakemm l-argumenti tar-rikorrent dwar ir-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ ċertezza legali u tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà li jirrigwardaw il-kriterju previst fl-ewwel subparagrafu Artikolu 30b(3) tar-Regolament Nru 267/2012, huma inammissibbli għar-raġunijiet esposti fil-punti 60 u 61 iktar ’il fuq.

242    F’dak li jirrigwarda l-aspetti l-oħra tal-iskema kkontestata, għandu jiġi rrilevat li,l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li b’mod partikolari jeħtieġ li l-liġijiet ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn jistgħu jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u fuq l-impriżi (is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C-158/07, Ġabra, EU:C:2008:630, punt 67), huwa, ċertament, applikabbli f’dak li jikkonċerna l-miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ li jaffettwaw ħafna d-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni u entitajiet ikkonċernati.

243    Madankollu, f’dan il-każ, l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 267/2012, kif emendat mir-regolament ikkontestat, jelenka b’mod limitat l-ipoteżijiet li fihom jista’ jiġi awtorizzat trasferiment, filwaqt li l-Artikolu 30(3) u (4), jipprevedi l-limiti li taħtu notifika jew awtorizzazzjoni minn qabel mhux meħtieġa. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu, b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjonijiet u l-obbligi li jipprevedu.

244    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv tar-rikorrent għandu jiġi miċħud.

245    Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt u jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattamenti ma jkunux oġġettivament iġġustifikati (sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 92 iktar ’il fuq, EU:T:2009:401, punt 56).

246    Madankollu, minn naħa, fir-rigward tal-allegata diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, ġie kkonstatat fil-punt 171 iktar ’il fuq li l-entitajiet Iranjani, u b’mod partikolari l-istabbilimenti finanzjarji, għandhom riskju ikbar li jiġu involuti, volontarjament jew mingħajr ma jafu, għal trasferimenti li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari. Din iċ-ċirkustanza tiġġustifika t-trattament differenti tal-istabbilimenti finanzjarji Iranjani previst mis-sistema kkontestata.

247    Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel previst fil-kuntest tas-sistema kkontestata huwa applikabbli għall-assjem tat-trasferimenti bejn kwalunkwe stabbiliment finanzjarju stabbilit fl-Iran u kwalunkwe stabbiliment finanzjarju fl-Unjoni, li jaqbeż il-limiti determinati, indipendentement mill-identità ta’ dawn l-entitajiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent jallega b’mod żbaljat li dan l-obbligu huwa diskriminatorju, u speċjalment peress li d-dispożizzjonijiet li jippreveduhom huma suffiċjentement ċari u preċiżi, kif ġie kkonstatat fil-punt 243 iktar ’il fuq.

248    Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni tista’ tiġi kkontestata mis-sentenza Konle, punt 224 iktar ’il fuq (EU:C:1999:271), iċċitata mir-rikorrent. Fil-fatt, din is-sentenza hija bbażata fuq sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-akkwist tal-beni immobbli u għaldaqstant ingħatat f’ċirkustanzi fattwali li jiddifferixxu sostanzjalment minn dawk inkwistjoni f’dan il-każ, dan jimplika li mhux rilevanti.

249    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jinċaħad ir-raba’ lment u, konsegwentement, it-tielet motiv fl-intier tiegħu.

250    Għaldaqstant, peress illi l-ebda raġuni ma kienet fondata, dan l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

251    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

252    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom isostnu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bank Mellat għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, l-ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kanninen

Pelikánová

Buttiġieġ

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ April 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.