Language of document : ECLI:EU:T:2008:585

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

17 ta’ Diċembru 2008 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Ftehim konklużi mir-Reġjun tal-Vallonja u Brussels South Charleroi Airport mal-kumpannija tal-ajru Ryanair – Eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku – Applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq”

Fil-Kawża T‑196/04,

Ryanair Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), inizjalment irrappreżentata minn D. Gleeson, A. Collins, SC, V. Power u D. McCann, solicitors, u sussegwentement minn V. Power, D. McCann, solicitors, J. Swift, QC, J. Holmes, barrister, u G. Berrisch, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn N. Khan, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn

Association of European Airlines (AEA), irrappreżentata minn S. Völcker, F. Louis u J. Heithecker, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/393/KE tat-12 ta’ Frar 2004 dwar il-vantaġġi mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja u Brussels South Charleroi Airport lill-kumpannija tal-ajru Ryanair meta hija stabbilixxiet ruħha f’Charleroi (ĠU L 137, p. 1),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, D. Šváby, S. Papasavvas, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Ryanair Ltd, hija l-ewwel u l-ikbar kumpannija tal-ajru bi prezzijiet baxxi tal-Ewropa. Hija kienet pijuniera tal-mudell kummerċjali msejjaħ “low cost” fl-Ewropa, li jikkonsisti fit-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-ispejjeż u fiż-żieda kemm jista’ jkun tal-effiċjenza fl-oqsma kollha tal-attività tagħha sabiex toffri l-iktar prezzijiet baxxi f’kull suq u b’hekk tattira volumi kbar ta’ passiġġieri.

2        Ryanair bdiet topera mill-ajruport ta’ Charleroi (il-Belġju) f’Mejju 1997 bil-ftuħ ta’ rotta bl-ajru għad-destinazzjoni ta’ Dublin.

3        Matul is-sena 2000, inbdew negozjati dwar l-istabbiliment minn Ryanair tal-ewwel bażi kontinentali tagħha f’Charleroi.

4        Fil-bidu tax-xahar ta’ Novembru 2001, Ryanair ikkonkludiet żewġ ftehim separati (iktar ’il quddiem il-“ftehim inkwistjoni”), wieħed mar-Reġjun tal-Vallonja, proprjetarju tal-ajruport ta’ Charleroi u l-ieħor ma’ Brussels South Charleroi Airport (BSCA), impriża pubblika kkontrollata mir-Reġjun tal-Vallonja li, sa mill-4 ta’ Lulju 1991, tiġġestixxi u tuża dan l-ajruport bħala konċessjonarja.

5        Skont it-termini tal-ewwel ftehim, ir-Reġjun tal-Vallonja, minbarra bidla fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-ajruport, ikkonċeda lil Ryanair tnaqqis li jammonta għal 50 % tat-tariffi għall-inżul meta mqabbel mal-livell regolamentari u ntrabat li jikkumpensa lil Ryanair għal kull telf ta’ qligħ li jirriżulta direttament jew indirettament minn tibdil permezz ta’ digriet jew ta’ regolament fit-taxxi kollha tal-ajruport jew fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-ajruport.

6        Skont it-tieni ftehim, Ryanair intrabtet li tibbaża bejn żewġ u erba’ ajruplani fl-ajruport ta’ Charleroi u li tagħmel, fuq perijodu ta’ ħmistax-il sena, minimu ta’ tliet rotot kuljum u għal kull ajruplan. Barra minn hekk, hija ntrabtet, f’każ ta’ “irtirar sostanzjali” mill-ajruport min-naħa tagħha, li tħallas lura l-ħlasijiet kollha li jkunu saru minn BSCA jew parti minnhom (ara l-punti 7 u 9 iktar ’il quddiem).

7        F’dak li jirrigwarda lil BCSA, hija ntrabtet li tikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ Ryanair għall-istabbiliment tal-bażi tagħha. Din il-kontribuzzjoni tinqasam kif ġej:

–        ħlas li jista’ jammonta sa EUR 250 000 għall-ispejjeż ta’ lukanda u ta’ sussistenza tal-persunal ta’ Ryanair;

–        ħlas ta’ EUR 160 000 għal kull rotta ġdida li tinfetaħ sa massimu ta’ tliet rotot għal kull ajruplan ibbażat f’Charleroi, jiġifieri massimu ta’ EUR 1 920 000;

–        ħlas ta’ EUR 768 000 bħala spejjeż għar-reklutaġġ u għat-taħriġ tal-ekwipaġġ assenjat għad-destinazzjonijiet il-ġodda li jużaw l-ajruport ta’ Charleroi;

–        ħlas ta’ EUR 4 000 għax-xiri ta’ tagħmir għall-uffiċċju;

–        it-tqegħid għad-dispożizzjoni “bi prezz minimu jew b’xejn” ta’ diversi postijiet għal użu tekniku jew uffiċċji.

8        Barra minn hekk, skont dan il-ftehim, BSCA titlob EUR 1 għal kull passiġġier ta’ Ryanair għall-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza fuq l-art, minflok EUR 10 li jikkorrispondu għat-tariffa stabbilita għall-utenti l-oħrajn.

9        Fl-aħħar nett, BSCA u Ryanair waqqfu kumpannija komuni, Promocy, li l-għan tagħha huwa li tiffinanzja l-promozzjoni tal-attivitajiet ta’ Ryanair f’Charleroi u dawk tal-ajruport ta’ Charleroi. Iż-żewġ partijiet intrabtu li jipparteċipaw fl-istess proporzjonijiet fit-tħaddim ta’ Promocy, minn naħa, permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ EUR 62 500 bil-ħsieb li jinħoloq il-kapital azzjonarju tal-kumpannija u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ kontribuzzjoni annwali għall-baġit ta’ Promocy ekwivalenti għal EUR 4 għal kull passiġġier li jitlaq.

10      Dawn il-miżuri ma ġewx innotfikati lill-Kummissjoni.

11      Wara li tressqu lmenti quddiemha u wara informazzjoni li ġiet ippubblikata fl-istampa, il-Kummissjoni informat lir-Renju tal-Belġju, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2002 [SG (2002) D/233141], bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE kontra dawn l-istess miżuri. Barra minn hekk, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-25 ta’ Jannar 2003 (ĠU C 18, p. 3), hija stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

12      Kien wara li analizzat il-kummenti tal-partijiet interessati u tar-Renju tal-Belġju li l-Kummissjoni adottat, fit-12 ta’ Frar 2004, id-Deċiżjoni 2004/393/KE dwar il-vantaġġi mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja u Brussels South Charleroi Airport lill-kumpannija tal-ajru Ryanair meta hija stabbilixxiet ruħha f’Charleroi (ĠU L 137, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

13      L-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li tiddeskrivi l-proċedura amministrattiva segwita (premessi 1 sa 6), tipproċedi billi tfakkar fil-qosor il-fatti u l-evalwazzjoni li saret fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (premessi 7 sa 15). Sussegwentement, hija tesponi l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati (premessi 16 sa 75) u l-kummenti tar-Renju tal-Belġju (premessi 76 sa 136).

14      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni vera u proprja tal-miżuri inkwistjoni, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tevalwa jekk hemmx għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) (premessi 137 sa 250).

15      F’dan ir-rigward, hija teskludi l-applikazzjoni għar-Reġjun tal-Vallonja tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Hija tqis, essenzjalment, li l-iffissar tat-tariffi għall-inżul jaqa’ taħt il-kompetenza leġiżlattiva u regolamentari tar-Reġjun tal-Vallonja u mhuwiex attività ekonomika li tista’ tiġi analizzata fid-dawl tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Minflok jaġixxi fil-kuntest tal-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika, ir-Reġjun tal-Vallonja, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, aġixxa b’mod illegali u diskriminatorju meta kkonċeda lil Ryanair, għal terminu ta’ ħmistax-il sena u permezz ta’ kuntratt irregolat mid-dritt privat, tnaqqis fil-livell tat-tariffi tal-ajruport li ma ngħatax lill-kumpanniji tal-ajru l-oħrajn. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li t-tnaqqis fit-tariffi tal-ajruport u l-garanzija ta’ kumpens jikkostitwixxu vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (premessi 139 sa 160).

16      Madankollu, minkejja d-diffikultajiet sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni tgħaddi sabiex tevalwa jekk il-kriterju tal-investitur privat jistax jiġi kkunsidrat li ġie sodisfatt fir-rigward tal-miżuri meħuda minn BSCA (premessi 161 sa 170). Wara li kkunsidrat li din tal-aħħar ma kinitx aġixxiet skont il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-vantaġġi mogħtija minn BCSA lil Ryanair jikkostitwixxu vantaġġi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (premessi 161 sa 238). Hija ssostni b’mod partikolari li, fil-mument meta hija ħadet id-deċiżjoni ta’ investiment, “[BSCA] ma wettqitx analiżi konsistenti mal-ipoteżijiet kollha tal-kuntratt previst ma’ Ryanair u magħha biss”. B’dan il-mod, BSCA ħadet riskji li ma kinux jittieħdu minn investitur privat li jaġixxi f’ekonomija tas-suq. Dawn ir-riskji jirrigwardaw kemm id-data intrinsika għall-pjan tan-negozju kif ukoll data oħra dwar ir-relazzjonijiet bejn BSCA u r-Reġjun tal-Vallonja (premessi 184 u 185).

17      Billi, skont il-Kummissjoni, il-kriterji l-oħra li jikkostitwixxu għajnuna, jiġifieri dawk relatati mal-ispeċifiċità (premessi 239 sa 242), mat-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat favur Ryanair (premessi 243 sa 246) u mal-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u fuq il-kompetizzjoni (premessa 247 sa 249), ġew sodisfatti, hija tikkonkludi li “il-vantaġġi mogħtija lil Ryanair mir-Reġjun tal-Vallonja u minn BSCA huma għajnuna mill-Istat”.

18      Il-Kummissjoni tirrileva b’mod partikolari li l-vantaġġi inkwistjoni, kemm dawk mogħtija minn BSCA kif ukoll dawk mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja, ingħataw biss lil Ryanair u li għalhekk huma speċifiċi. Barra minn hekk, hija tindika li dawn il-vantaġġi, li ngħataw direttament mir-Reġjun tal-Vallonja fil-forma ta’ garanzija ta’ kumpens (li timplika, jekk ikun il-każ, mobilizzazzjoni ta’ riżorsi reġjonali) u ta’ tnaqqis fl-imposti għall-inżul (li jimplika tnaqqis ta’ profitti għall-Istat) u, indirettament, permezz tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi tal-BSCA, jinvolvu t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat favur Ryanair. Fl-aħħar nett, hija tispeċifika li l-imsemmija vantaġġi, mogħtija fil-forma ta’ teħid ta’ responsabbiltà mill-Istat għall-ħlas tal-ispejjeż tal-operat li normalment tkun trid tħallas kumpannija tal-ajru, mhux biss joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq rotta waħda jew iżjed u fuq parti partikolari mis-suq, imma fuq n-netwerk kollu servut minn Ryanair.

19      It-tieni nett, il-Kummissjoni teżamina jekk din l-għajnuna tistax tiġi ddikjarata kompatibbli fuq il-bażi tad-derogi previsti mit-Trattat KE. Hija tasal, essenzjalment, għall-konklużjoni li skontha l-għajnuna mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja hija inkompatibbli mas-suq komuni. L-iskonti mogħtija lil Ryanair huma diskriminatorji u jmorru kontra d-dritt Belġjan u kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (premessi 263 sa 266).

20      Rigward l-għajnuna mogħtija minn BSCA, il-Kummissjoni tikkunsidra kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna għall-ftuħ ta’ rotot ġodda li l-ammont tagħha ma jissuperax il-50 % tal-ispejjeż tal-bidu u li tingħata għal inqas minn ħames snin. Fejn dawn il-limiti ma jiġux osservati, hija teżigi l-irkupru tal-għajnuna mogħtija lil Ryanair minn BSCA (premessi 267 sa 344).

21      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar il-linji gwida għall-politika tagħha rigward il-finanzjament tal-ajruporti u tar-rotot bl-ajru (premessi 345 sa 356).

22      Il-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna implementata mi[r-Renju tal-]Belġju, permezz ta’ kuntratt tas-6 ta’ Novembru 2001 konkluż bejn ir-Reġjun tal-Vallonja u Ryanair, fil-forma ta’ tnaqqis fl-imposti għall-inżul fl-ajruport li jmur lil hinn mit-tariffa uffiċjali stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Digriet tal-Gvern tal-Vallonja tas-16 ta’ Lulju 1998 li jistabbilixxi t-tariffi li għandhom jinġabru għall-użu tal-ajruporti fir-Reġjun tal-Vallonja, u mill-iskonti ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmi digriet, hija inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

Artkolu 2

L-għajnuna implementata mi[r-Renju tal-]Belġju, permezz ta’ kuntratt tat-2 ta’ Novembru 2001 konkluż bejn l-impriża Brussels South Charleroi Airport (BSCA) u l-kumpannija tal-ajru Ryanair, fil-forma ta’ skonti fuq il-prezzijiet għas-servizzi ta’ assistenza fuq l-art meta mqabbla mat-tariffa uffiċjali tal-ajruport, hija inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

[Ir-Renju tal-]Belġju għandu jiddetermina l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata billi jikkalkola d-differenza bejn l-ispejjeż tal-operat sostnuti minn BSCA u relatati mas-servizzi ta’ assistenza fuq l-art pprovduti lil Ryanair u l-prezz iffatturat lill-kumpannija tal-ajru. Sakemm il-limitu ta’ żewġ miljun passiġġier previst fid-Direttiva 96/67/KE ma jintlaħaqx, [ir-Renju tal-]Belġju jista’ jnaqqas minn dan l-ammont l-eventwali profitti magħmula minn BSCA mill-attivitajiet l-oħrajn tagħha li huma strettament kummerċjali.

Artikolu 3

[Ir-Renju tal-] Belġju għandu jiżgura li l-garanziji ta’ kumpens mogħtija permezz tal-kuntratt tas-6 ta’ Novembru 2001 mir-Reġjun tal-Vallonja f’każ ta’ telf għal Ryanair minħabba l-eżerċizzju, mir-Reġjun tal-Vallonja, tas-setgħa regolamentari tagħha, ikunu bla effett. Ir-Reġjun tal-Vallonja għandu fil-konfront ta’ Ryanair bħal fil-konfront tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra l-libertà kollha neċessarja sabiex jistabbilixxi l-imposti tal-ajruport, il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ajruport jew dispożizzjonijiet oħra ta’ natura regolamentari.

Artikolu 4

It-tipi l-oħra ta’ għajnuna mogħtija minn BSCA, fost l-oħrajn fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet għall-marketing, ta’ inċentivi ‘one-shot’ u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ uffiċċji, huma ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni bħala għajnuna sabiex jinbdew rotot ġodda taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)      il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu relatati mal-ftuħ ta’ rotta ġdida u għandhom ikunu limitati fiż-żmien. Fid-dawl tad-destinazzjonijiet intra-Ewropej koperti, dan il-perijodu m’għandux jeċċedi ħames snin mill-ftuħ ta’ rotta. Dawn il-kontribuzzjonijiet ma jistgħux jitħallsu għal rotta li tinfetaħ sabiex tissostitwixxi l-għeluq ta’ rotta oħra minn Ryanair fil-ħames snin preċedenti. Għall-futur, l-għajnuna lanqas ma tista’ tingħata għal rotta li Ryanair ipprovdiet b’sostituzzjoni għal rotta oħra li kienet isservi qabel minn ajruport ieħor li qiegħed fl-istess żona ta’ attrazzjoni ekonomika jew ta’ popolazzjoni;

(2)      il-kontribuzzjonijiet għall-marketing, attwalment stabbiliti għal EUR 4 għal kull passiġġier, għandhom ikunu ġġustifikati permezz ta’ pjan ta’ żvilupp imħejji minn Ryanair u kkonvalidat minn BSCA għal kull rotta kkonċernata. Dan il-pjan għandu jispeċifika l-ispejjeż inkorsi u eliġibbli, li għandhom jikkonċernaw direttament il-promozzjoni tar-rotta, bil-għan li jirrendiha vijabbli mingħajr għajnuna wara l-ewwel perijodu ta’ ħames snin. BSCA għandha tikkonvalida wkoll a posteriori l-ispejjeż tal-bidu effettivament inkorsi għal kull rotta bl-ajru fi tmiem il-perijodu ta’ ħames snin; jekk ikun il-każ, BSCA tista’ tkun megħjuna minn awditur indipendenti f’dan il-kompitu;

(3)      rigward il-parti minn dawn il-kontribuzzjonijiet li diġà tħallset minn BSCA, għandu jitwettaq eżerċizzju simili sabiex jikkonvalida din l-għajnuna fuq l-istess prinċipji;

(4)      il-kontribuzzjonijiet ‘one-shot’ imħallsa bħala somma fissa meta Ryanair stabbilixxiet ruħha f’Charleroi jew mal-ftuħ ta’ kull linja għandhom jiġu rkuprati, ħlief għall-parti li [r-Renju tal-]Belġju jista’ jiġġustifika bħala direttament relatata mal-ispejjeż inkorsi minn Ryanair fuq il-pjattaforma tal-ajruport ta’ Charleroi u li hija ta’ natura proporzjonali u li tagħti inċentiv;

(5)      l-għajnuna kollha li minnha tibbenefika rotta ġdida m’għandha qatt taqbeż il-50 % tal-ispejjeż tal-bidu, ta’ marketing u ‘one-shot’, meħuda flimkien għaż-żewġ destinazzjonijiet inkwistjoni, inkluż Charleroi. Bl-istess mod, il-kontribuzzjonijiet imħallsa għal destinazzjoni ma jistgħux jaqbżu l-50 % tal-ispejjeż effettivi ta’ din id-destinazzjoni. Attenzjoni speċifika għandha tingħata f’dawn l-evalwazzjonijiet lir-rotot li jikkollegaw Charleroi ma’ ajruport maġġuri, bħal dawk li jaqgħu taħt il-katergoriji A u B kif definiti fl-opinjoni prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-2 ta’ Lulju 2003 dwar il-kapaċitajiet ta’ ajruporti reġjonali, u kif identifikati f’din id-deċiżjoni, u/jew ma’ ajruport ikkoordinat jew totalment ikkoordinat fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 95/93;

(6)      il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn BCSA u li jsiru fi tmiem il-perijodu ta’ ħames snin tal-bidu li jeċċedu l-kriterji hekk stabbiliti għandhom jitħallsu lura minn Ryanair;

(7)      il-kontribuzzjonijiet imħallsa, jekk ikun il-każ, għar-rotta Dublin-Charleroi skont il-[ftehim inkwistjoni] għandhom jiġu rkuprati;

(8)      [ir-Renju tal-]Belġju għandu jwaqqaf skema ta’ għajnuna mhux diskriminatorja maħsuba sabiex tiżgura trattament ugwali tal-kumpanniji tal-ajru li jixtiequ jiżviluppaw servizzi bl-ajru ġodda mill-ajruport ta’ Charleroi, skont il-kriterji oġġettivi stabbiliti permezz ta’ din id-deċiżjoni.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

24      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Novembru 2004, l-Association of European Airlines (AEA) talbet li tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tal-Kummissjoni.

25      B’ittra ppreżentata fl-14 ta’ Jannar 2005 fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti talbet li, skont l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ċerti elementi kunfidenzjali jkunu esklużi mill-komunikazzjoni tal-atti tal-proċess lill-intervenjenti u, għall-finijiet ta’ din il-komunikazzjoni, ipproduċiet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti jew tad-dokumenti inkwistjoni.

26      B’digriet tal-20 ta’ April 2005, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza lill-AEA tintervjeni u rriżerva d-deċiżjoni fuq il-mertu tat-talba għal trattament kunfidenzjali. L-intervenjenti ippreżentat in-nota tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din tal-aħħar fit-termini stabbiliti. L-intervenjenti informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma kinitx se tqajjem oġġezzjonijiet għat-talba għal kunfidenzjalità.

27      B’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, wara li semgħet lill-partijiet skont l-Artikolu 51 tal-imsemmija Regoli, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

28      Wara li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet immodifikata, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla Estiża, li lilha din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lill-partijiet prinċipali jirrispondu bil-miktub għal serje ta’ domandi. Il-partijiet wieġbu għal dawn id-domandi fit-termini stabbiliti.

30      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2008.

31      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE. Bit-tieni motiv tagħha, hija tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat u, f’dan ir-rigward, tinvoka ksur tal-Artikolu 87(1) KE.

34      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-ewwel nett għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni b’mod partikolari talli naqset milli tapplika jew applikat ħażin il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, li huwa l-kriterju approprjat sabiex jiġi evalwat jekk miżuri jikkostitwixxux għajnuna, għall-miżuri inkwistjoni kollha u f’dan ir-rigward tqajjem diversi lmenti. Hija ssostni, essenzjalment, diversi argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni, l-ewwel nett, ma ħaditx inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-miżuri inkwistjoni l-fatt li r-Reġjun tal-Vallonja u BSCA kellhom ikunu kkunsidrati bħala entità waħda, it-tieni nett, wettqet żball meta rriffjutat li tapplika l-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għall-miżuri meħuda mir-Reġjun tal-Vallonja u, it-tielet nett, applikat ħażin l-imsemmi prinċipju għall-BSCA.

35      Qabel ma jiġi eżaminat dan il-motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li jkun opportun li tagħmel, preliminarjament, numru ta’ preċiżazzjonijiet rigward il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u rigward in-natura u l-portata tal-istħarriġ li għandu jitwettaq f’dan il-każ.

 Osservazzjonijiet preliminari

36      Il-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti. Fl-ewwel lok, irid ikun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Fit-tieni lok, dan l-intervent irid ikun jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fit-tielet lok, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju billi jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Fir-raba’ lok, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T-34/02, Ġabra p. II-267, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, ikollu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni relattiva għall-eżistenza ta’ vantaġġ biss hija kkontestata mir-rikorrenti.

38      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li t-terminu “għajnuna”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jindika neċessarjament vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew li jikkostitwixxu piż addizzjonali għall-Istat jew għall-korpi inkarigati jew imwaqqfa minnu għal dan l-iskop (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1998, Viscido et, C-52/97 sa C-54/97, Ġabra p. I-2629, punt 13, u tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring, C-53/00, Ġabra p. I-9067, punt 16).

39      B’partikolari ġie deċiż li, sabiex jiġi evalwat jekk miżura ta’ Stat tikkostitwixxix għajnuna, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 60, u tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, Ġabra p. I-2459, punt 41).

40      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li billi l-kunċett ta’ għajnuna, kif iddefinit fit-Trattat, għandu natura ġuridika u li għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, il-qorti Komunitarja għandha, bħala regola u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża li jkollha quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, twettaq stħarriġ komplet fuq il-kwistjoni jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000, France vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C-83/98 P, Ġabra p. I-3271, punt 25, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ottubru 2002, Linde vs Il-Kummissjoni, T-98/00, Ġabra p. II-3961, punt 40).

41      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kwistjoni jekk miżura tissodisfax il-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq tinvolvi evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Il-Kummissjoni, meta tadotta att li jinvolvi evalwazzjoni bħal din, tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tal-motivazzjoni, tan-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, tal-eżattezza materjali tal-fatti li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni u tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtur tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ April 2002, DSG vs Il-Kummissjoni, C-323/00 P, Ġabra p. I-3919, punt 43, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T-152/99, Ġabra, p. II-3049, punt 127, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet u, l-ewwel nett, il-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għall-miżuri adottati mir-Reġjun tal-Vallonja.

 Fuq l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għall-miżuri adottati mir-Reġjun tal-Vallonja

43      Ir-rikorrenti ssostni essenzjalment, l-ewwel nett, li BSCA u r-Reġjun tal-Vallonja jikkostitwixxu entità ekonomika waħda. Għalhekk il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq kien imissu ġie applikat għalihom flimkien. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-ftehim inkwistjoni kienu ġew ikkunsidrati mill-partijiet bħala assjem wieħed ta’ miżuri finanzjarji. Il-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat miżuri relatati bħala parti mill-assjem wieħed, sabiex teżamina jekk dawn kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

44      Barra minn hekk, hija ssostni li, anke kieku kellu jitqies li l-approċċ dupliċi adottat mill-Kummissjoni kien immotivat mill-fatt li l-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq ma setax jiġi applikat għar-Reġjun tal-Vallonja, il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet, sabiex teskludi l-applikazzjoni tiegħu, li dan ma aġixxiex bħala operatur ekonomiku f’dan il-każ, imma bħala awtorità regolatorja.

45      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk ir-Reġjun tal-Vallonja u BSCA kellhomx jiġu kkunsidrati bħala entità ekonomika waħda għall-finijiet tal-eżami tal-miżuri inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, li jiġi eżaminat jekk, minkejja l-eżistenza ta’ interessi identiċi tar-Reġjun tal-Vallonja u ta’ BSCA, il-Kummissjoni setgħetx ġustament teskludi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għall-vantaġġi mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja billi tikkunsidra li l-intervent tiegħu kien jaqa’, f’dan il-każ, fl-ambitu tal-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika.

 Fuq l-eżistenza ta’ entità ġuridika waħda “Reġjun tal-Vallonja-BSCA”

–       L-argumenti tal-partijiet

46      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, ikkunsidrat lir-Reġjun tal-Vallonja u lil BSCA bħala entitajiet distinti. Din id-distinzjoni hija artifiċjali minħabba li r-Reġjun tal-Vallonja jikkontrolla lil BSCA, li magħha huwa jikkostitwixxi entità ekonomika waħda. Barra minn hekk, din id-distinzjoni għandha konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-mertu tal-analiżi, minħabba li ppermettiet lill-Kummissjoni li tikklassifika l-vantaġġi mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja bħala għajnuna mingħajr ma tirrikorri għall-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq.

47      Hija tispeċifika li iktar minn 95 % tal-kapital ta’ BSCA huwa miżmum, direttament jew indirettament [permezz tas-Société wallonne des aéroports (Sowaer) u tas-Société de développement et de participation du bassin de Charleroi (Sambrinvest)], mir-Reġjun tal-Vallonja. Barra minn hekk, il-membri kollha tal-bord tad-diretturi ta’ BSCA huma nnominati mir-Reġjun tal-Vallonja, u huma responsabbli lilu. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, matul in-negozjati li ppreċedew il-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni, ir-Reġjun tal-Vallonja u BSCA aġixxew bl-istess mod bħal kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha.

48      Sa fejn l-ajruport ta’ Charleroi huwa miżmum mir-Reġjun tal-Vallonja, għandu jiġi kkunsidrat li dan tal-aħħar u BSCA jifformaw entità waħda f’dak li jirrigwarda l-“azzjonijiet” tagħhom fil-konfront tal-ajruport.

49      Għalhekk, l-approċċ meħud mill-Kummissjoni huwa artifiċjali, għaliex jiċħad ir-rabtiet stretti li jeżistu bejn ir-Reġjun tal-Vallonja u BSCA. Fil-kwalitajiet rispettivi tagħhom ta’ proprjetarju u ta’ operatur tal-ajruport ta’ Charleroi, dawn tal-aħħar joperaw, fil-fehma tar-rikorrenti, bħala entità ekonomika waħda. Għalhekk, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat flimkien il-miżuri li huma kienu ħadu fil-konfront ta’ Ryanair (ara sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni, T-137/02, Ġabra p. II-3541, punt 50, li tistrieħ fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs Il-Kummissjoni, T-234/95, Ġabra p. II-2603, punt 124). Li kieku l-Kummissjoni segwiet din it-triq, ma kienx ikun hemm lok għall-kritika tagħha rigward il-pjan tan-negozju ta’ BSCA.

50      Ir-rikorrenti tenfasizza f’dan ir-rigward li l-affermazzjoni, fil-premessi 153 u 161 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm ċertu grad ta’ konfużjoni f’dak li għandu x’jaqsam mar-rwoli rispettivi tar-Reġjun tal-Vallonja u ta’ BSCA juri unità fil-komportament.

51      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-ilmenti huma irrilevanti; l-applikazzjoni globali tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għar-Reġjun tal-Vallonja u għal BSCA ma tistax tqiegħed fid-dubju l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-ftehim konklużi kemm mar-Reġjun tal-Vallonja kif ukoll ma’ BSCA meta analizzat il-pjan tan-negozju. B’hekk hija evalwat il-vantaġġi li jirriżultaw mit-tnaqqis mogħti fuq it-tariffi għall-inżul fid-dawl tal-prinċipju tal-investistur privat f’ekonomija tas-suq. Il-Kummissjoni ssostni li identifikat biżżejjed in-nuqqasijiet intrinsiċi tal-pjan tan-negozju. B’hekk, il-kwalità ta’ proprjetarju tal-ajruport tar-Reġjun tal-Vallonja m’għandha l-ebda effett fuq din l-analiżi, b’mod partikolari fir-rigward tat-teħid ta’ responsabbiltà minn dan tal-aħħar għall-ispejjeż tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tan-nar u fir-rigward tal-limitu tal-kontibuzzjonijiet ta’ BSCA għall-fond ambjentali. Bl-istess mod, il-kunsiderazzjoni tar-Reġjun tal-Vallonja u ta’ BSCA bħala entità waħda f’kull każ ma kellha l-ebda impatt fuq id-dħul mistenni skont il-pjan tan-negozju, minħabba li t-tnaqqis fit-tariffi għall-inżul ma ta l-ebda vantaġġ lir-Reġjun tal-Vallonja.

52      Fl-istadju tal-kontroreplika, il-Kummissjoni ressqet dokumenti ġodda li ġejjin mill-awtoritajiet tal-Vallonja li jsostnu l-evalwazzjoni li skontha, anke jekk ir-Reġjun tal-Vallonja jiġi ekwiparat ma’ investitur privat, id-dħul mistenni kien insuffiċjenti fid-dawl tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

53      Għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-proċess, BSCA hija impriża pubblika kkontrollata mir-Reġjun tal-Vallonja. Il-kapital tagħha huwa fil-parti l-kbira tiegħu kompost minn kapital pubbliku. Iktar speċifikament, u saħansitra skont il-Kummissjoni, ir-Reġjun tal-Vallonja, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża, kellu direttament jew indirettament 96,28 % tal-ishma ta’ BSCA. Fit-2 ta’ Novembru 2001, ġie ffirmat kuntratt bejn BSCA u Ryanair li jipprevedi obbligi reċiproċi.

54      Min-naħa tiegħu, ir-Reġjun tal-Vallonja huwa proprjetarju tal-infrastruttura tal-ajruport ta’ Charleroi. Fis-6 ta’ Novembru 2001, huwa kkonkluda ftehim ma’ Ryanair, li skontu huwa ntrabat li jagħti lil din tal-aħħar, minn naħa, skont fuq it-tariffi għall-inżul u, min-naħa l-oħra, kumpens f’każ ta’ telf li l-imsemmija kumpannija setgħet issostni b’riżultat ta’ tibdil, permezz ta’ digriet jew regolament, fit-taxxi tal-ajruport jew fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-ajruport ta’ Charleroi. Għandu jiġi enfasizzat li, kif barra minn hekk indikat il-Kummissjoni fil-punt 21 tal-ittra li tistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), dan il-ftehim jipprovdi biss għal obbligi tar-Reġjun tal-Vallonja fil-konfront ta’ Ryanair.

55      Il-Kummissjoni rrikonoxxiet kemm fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata r-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi li jgħaqqdu lir-Reġjun tal-Vallonja ma’ BSCA u b’mod partikolari l-fatt li BSCA kienet entità ekonomikament dipendenti mir-Reġjun tal-Vallonja.

56      Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 80 tal-ittra li tistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom rigward il-miżuri inkwistjoni (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), fir-rigward tal-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għal dan il-każ, li “[i]r-rwoli tar-Reġjun [tal-Vallonja] bħala awtorità pubblika u tal-BSCA bħala impriża li tiġġestixxi ajruport ġew konfużi sew, ħaġa li rrendiet diffiċli ħafna l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju”. F’din l-ittra, il-Kummissjoni rrilevat ukoll, fil-punt 101, li “[l]-influwenza dominanti tar-Reġjun tal-Vallonja fuq BSCA kienet [tidher] l-ewwel nett mill-istruttura tal-ishma” u li “[l-]mod ta’ organizzazzjoni ta’ BSCA, skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha ta’ Ġunju 2001, [kien] jirriżerva l-kontroll tal-kumpannija lill-azzjonisti ta’ klassi A, jiġifieri lir-Reġjun [tal-Vallonja] u lill-kumpanniji speċjalizzati tiegħu”. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li “[ħ]add ma [seta’] jiċħad l-influwenza dominanti tar-Reġjun tal-Vallonja fuq BSCA meta jiġi kkunsidrat il-mod li bih l-awtoritajiet pubbliċi ddisinjaw l-ambjent globali tagħha sa mit-twaqqif tagħha fl-1991”.

57      Il-konklużjoni li r-Reġjun tal-Vallonja u BSCA għandhom rabtiet stretti toħroġ ukoll mid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni fil-fatt indikat li l-istruttura finanzjarja ta’ BSCA kienet isserraħ strettament fuq dik tar-Reġjun tal-Vallonja (ara b’mod partikolari l-premessi 161 sa 166 u l-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod partikolari rigward it-teħid ta’ responsabbiltà, skont il-konċessjoni, għall-ispejjeż tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tan-nar (ara l-premessi 208 sa 216 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija rrilevat ukoll, fil-parti ddedikata għall-eżami tal-eżistenza f’dan il-każ ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, li “BSCA [kienet] impriża pubblika li r-Reġjun tal-Vallonja [kien] jikkontrolla, li fuqha huwa [kien] jeżerċita influwenza dominanti u [li] dawn il-miżuri [kienu] imputabbli lilu” (ara l-premessa 246 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Minkejja dawn id-diversi konstatazzjonijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat il-miżuri inkwistjoni separatament skont jekk ingħatawx mir-Reġjun tal-Vallonja jew minn BSCA.

59      Issa huwa neċessarju, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, li t-tranżazzjoni kummerċjali tiġi kkunsidrata fl-intier tagħha sabiex jiġi vverifikat jekk l-entità tal-Istat u l-entità kkontrollata minn din tal-aħħar, meħuda flimkien, aġixxewx bħal operaturi razzjonali f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, l-elementi kollha rilevanti u l-kuntest tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, punt 270), inklużi dawk relattivi għas-sitwazzjoni tal-awtorità jew awtoritajiet li jipprovdu l-miżuri inkwistjoni.

60      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rabtiet ekonomiċi li jorbtu lir-Reġjun tal-Vallonja ma’ BSCA mhumiex irrilevanti billi ma jistax jiġi eskluż a priori li r-Reġjun tal-Vallonja mhux biss ħa parti fl-attività eżerċitata minn BSCA (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C-222/04, Ġabra p. I-289, punt 112), imma wkoll kiseb korrispettiv finanzjarju għall-għoti tal-miżuri inkwistjoni.

61      F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi konkluż li r-Reġjun tal-Vallonja u BSCA kellhom jiġu kkunsidrati bħala entità waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-Kummissjoni rrifjutatx ġustament li tapplika l-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għall-miżuri adottati mir-Reġjun tal-Vallonja minħabba r-rwol speċifiku li kellu dan tal-aħħar, jiġifieri l-allegat rwol tiegħu ta’ regolatur.

 Dwar l-assimilazzjoni tar-Reġjun tal-Vallonja ma’ awtorità leġiżlattiva jew regolatorja u fuq l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għall-miżuri adottati minn dan tal-aħħar

–       L-argumenti tal-partijiet

62      Ir-rikorrenti tikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li teżamina l-miżuri mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja fid-dawl tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Hija tikkonfuta r-raġunament invokat f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni (premessi 139 sa 160 tad-deċiżjoni kkontestata), li skontu r-Reġjun tal-Vallonja ma kienx qiegħed jeżerċita attività ekonomika meta taha tnaqqis fit-taxxi fuq l-inżul u garanzija ta’ kumpens, imma kien qiegħed jeżerċita l-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika billi rrikorra għall-kompetenzi leġiżlattivi u regolamentari tiegħu.

63      L-ewwel nett, dan ir-raġunament imur kontra l-ġurisprudenza. Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq tiddependi min-natura tal-attività ekonomika affettwata mill-miżuri tal-Istat u mhux mill-kwalità tal-korp li jieħu l-miżuri jew mill-mezzi li jħaddem sabiex jikseb vantaġġ ekonomiku għal impriża. Ir-rikorrenti tispeċifika li, għalkemm il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq jista’ ma jkunx applikabbli meta awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha bħala awtorità pubblika, b’mod partikolari meta timponi taxxi jew imposti soċjali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Mejju 2003, Freskot, C-355/00, Ġabra p. I-5263, punti 55 sa 58 u 80 sa 87), huwa jista’, għall-kuntrarju, ikun applikabbli f’sitwazzjoni fejn awtoritajiet pubbliċi jiġbru taxxa parafiskali.

64      F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tirriproduċi d-dispożizzjonijiet legali li bis-saħħa tagħhom ir-Reġjun tal-Vallonja jista’ jiddetermina t-tariffi tal-ajruport. Madankollu, xejn ma jippermetti li jinftiehem għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Reġjun tal-Vallonja ma kienx aġixxa fil-kwalità ta’ proprjetarju tal-ajruport, imma fil-kwalità ta’ awtorità regolatorja.

65      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tfakkar li kienet sostniet matul il-proċedura amministrattiva li l-indħil tal-Kummissjoni fil-politika tal-iffissar tal-prezzijiet tal-ajruport ta’ Charleroi jammonta għal diskriminazzjoni bejn ajruporti pubbliċi u privati li tmur kontra l-Artikolu 295 KE. B’risposta għal dan l-argument, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ir-Reġjun tal-Vallonja seta’ [...] ddeċieda li kienet responsabbiltà ta’ BSCA li tiffissa tariffa inkambju għas-servizzi mogħtija lill-utenti, bil-kundizzjoni li ċerti prinċipji u kundizzjonijiet jiġu osservati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa skont il-Kummissjoni, kieku r-Reġjun tal-Vallonja aġixxa hekk, l-iffissar minn BSCA tat-taxxi fuq l-inżul kien jikkostitwixxi attività kummerċjali u mhux l-eżerċizzju ta’ poteri regolatorji. Huwa għalhekk kellu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni skont il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni, f’dak li jirrigwarda n-natura tal-attivitajiet inkwistjoni u għalhekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, li dawn l-attivitajiet ma jinbidlux minn “regolatorji” għal “kummerċjali” jew “ekonomiċi” sempliċement għaliex ġew fdati minn gvern reġjonali lil impriża pubblika li tappartjeni lilu u li huwa jikkontrolla.

66      Rigward aktar preċiżament it-tnaqqis mit-taxxi fuq l-inżul, ir-rikorrenti tallega li t-tqegħid ta’ faċilitajiet tal-ajruport għad-dispożizzjoni ta’ trasportaturi bl-ajru jikkostitwixxi attività ekonomika rregolata mid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-163/99, Ġabra p. I-2613, punt 45, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, T-128/98, Ġabra p. II-3929, punti 108 sa 124). L-għoti ta’ skonti fuq it-tariffi għall-inżul sabiex jiġu attirati klijenti ġodda huwa prassi komuni fis-settur [Għajnuna mill-Istat NN 109/98, Ir-Renju Unit (Manchester Airport, 14 ta’ Ġunju 1999, punt 8].

67      Ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-fatt li hija kienet l-unika kumpannija stabbilita f’Charleroi li bbenefikat minn tnaqqis fit-tariffi għall-inżul u minn garanzija ta’ kumpens. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li “[l]-Artikolu 87 tat-Trattat [seta’] għalhekk ikun applikabbli għall-każ fejn il-benefiċċju li joħroġ mill-għoti ta’ deroga mis-sistema tat-tariffi tad-dritt komuni ma jkunx iġġustifikat b’raġunijiet ekonomiċi oġġettivi” (premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

68      Issa skont ir-rikorrenti, dan ir-raġunament huwa żbaljat għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, il-kundizzjonijiet offerti lil Ryanair mhumiex ir-riżultat ta’ “deroga” mogħtija unilateralment mill-awtoritajiet pubbliċi imma r-riżultat ta’ negozjati kummerċjali. Ryanair tenfasizza li l-livell ta’ tnaqqis li rnexxielha tikseb (bejn wieħed u ieħor 36 %) jissupera l-marġni ta’ tnaqqis (bejn 5 u 25 %) li r-Reġjun tal-Vallonja jista’ normalment jagħti skont id-dispożizzjonijiet regolamentari lokali. It-tieni nett, it-tnaqqis mogħti lil Ryanair huwa ġġustifikat b’kunsiderazzjonijiet ekonomiċi oġġettivi evidenti. Sabiex itejjeb l-attività tiegħu, l-ajruport ta’ Charleroi kkuntattja diversi kumpanniji tal-ajru. Finalment Ryanair kienet l-unika waħda li ħadet ir-riskju li tistabbilixxi servizzi tal-ajru regolari minn dan l-ajruport. Minħabba l-obbligi meħuda, is-sitwazzjoni ta’ Ryanair ma kinitx tal-istess tip bħal dik tat-trasportaturi bl-ajru l-oħra li kienu diġà preżenti f’Charleroi. Inkambju għat-tnaqqis fil-prezzijiet, Ryanair obbligat ruħha li timmultiplika b’sebgħa l-volum totali ta’ passiġġieri ttrasportati kull sena mill-ajruport, li dak iż-żmien kien ta’ madwar 20 000 persuna. Ryanair assumiet ir-riskju li tkun l-ewwel kumpannija li toffri li tittrasporta volum daqshekk kbir ta’ passiġġieri u li ssir għalhekk l-okkupant prinċipali ta’ dan l-ajruport reġjonali, li ma kienx użat biżżejjed u ma kienx magħruf wisq. Fid-dawl tat-tul ta’ żmien li għalih assumiet l-obbligi tagħha, Ryanair irrinunzjat ukoll għall-possibbiltà li titlaq minn Charleroi fl-ipoteżi fejn id-dħul mill-attivitajiet tagħha ma jkunx biżżejjed. It-tielet nett, il-modifiki deċiżi mir-Reġjun tal-Vallonja għall-benefiċċju ta’ Ryanair la huma selettivi u lanqas limitati, imma huma aċċessibbli għal terzi, taħt kundizzjonijiet non-diskriminatorji. Il-ftehim konkluż ma’ BSCA jipprovdi espressament li “xejn f’dan il-kuntratt ma jżomm lil BSCA milli tinnegozja ma’ kumpanniji tal-ajru oħra jew milli taċċetta ajruplani bbażati minn kumpanniji oħra” (punt 4.2 tal-imsemmi ftehim). Barra minn hekk, ir-Reġjun tal-Vallonja kkonferma permezz ta’ stqarrija għall-istampa f’Lulju 2001 li l-vantaġġi mogħtija lil Ryanair huma aċċessibbli għal kumpanniji oħrajn li jixtiequ jibdew attivitajiet komparabbli.

69      Rigward il-garanzija ta’ kumpens offerta mir-Reġjun tal-Vallonja bħala kumpens għal eventwali tibdiliet eventwali fil-leġiżlazzjoni tagħha, ir-rikorrenti ssostni li lanqas din ma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Din hija arranġament ta’ natura kummerċjali, li tista’ titqabbel ma’ “klawżola ta’ stabbilizzazzjoni” u li tikkonforma mal-prassi fis-settur. Fil-fatt, ma kienx ikun raġonevoli li Ryanair tintrabat b’obbligi għal żmien daqshekk twil u tassumi riskji kummerjċali daqshekk kbar mingħajr ma tirċievi, bħala korrispettiv, l-assigurazzjoni min-naħa tar-Reġjun tal-Vallonja li dan ma kienx se jibdel it-termini tal-ftehim mingħajr kumpens għal danni. Il-projbizzjoni tar-Reġjun tal-Vallonja milli jidħol għal tali obbligi kienet iċċaħħadha minn mezz ta’ azzjoni għad-dispożizzjoni ta’ operaturi kummerċjali oħra. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-garanzija ta’ kumpens hija limitata fl-applikazzjoni tagħha u bl-ebda mod ma tnaqqas il-kompetenza leġiżlattiva sovrana tar-Reġjun tal-Vallonja. Għalhekk dan huwa biss obbligu ta’ natura kummerċjali maħsub sabiex jiżgura l-kontinwità fit-tul tal-operazzjoni ekonomika proġettata.

70      It-tieni nett, l-approċċ meħud mill-Kummissjoni huwa inkoerenti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza kontradizzjoni: il-Kummissjoni, minn naħa, iddikjarat li l-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx applikabbli għar-Reġjun tal-Vallonja u, min-naħa l-oħra, ħadet inkunsiderazzjoni l-vantaġġi mogħtija minn dan tal-aħħar sabiex tevalwa l-vijabbiltà tal-pjan tan-negozju ta’ BSCA fid-dawl tal-imsemmi prinċipju. Bil-fatt li attribwiet lir-Reġjun tal-Vallonja l-vantaġġi li jirriżultaw mill-iskonti fuq it-tariffi għall-inżul u tal-garanzija ta’ kumpens, il-Kummissjoni rrnexxielha tevita l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq u d-diffikultajiet ta’ analiżi li dan jinvolvi.

71      Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-oġġezzjonijiet.

72      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza adottata mir-rikorrenti. Hija tqis li s-sentenza Freskot, punt 63 iktar ’il fuq, issostni d-deċiżjoni kkontestata. Hija tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kontribuzzjoni għal skema ta’ assigurazzjoni agrikola obbligatorja ma kinitx tikkostitwixxi “servizz” fis-sens tat-Trattat, b’mod partikolari għaliex l-imposta miġbura taħt din l-iskema “[kellha] essenzjalment in-natura ta’ imposta stabbilita mil-leġiżlatur”, għaliex “[kienet] tinġabar mill-awtorità tat-taxxa”, għaliex “[i]l-karatteristiċi ta’ din l-imposta, inkluża r-rata tagħha, [kienu] ukoll determinati mil-leġiżlatur” u għaliex “[kienu] l-ministri kompetenti li kellhom jiddeċiedu dwar eventwali varjazzjoni fir-rata”. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu trasposti direttament għal dan il-każ.

73      It-tieni nett, il-Kummissjoni tfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija applikat, għall-ewwel darba, il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għal għajnuna relata ma’ ajruport. Hija ssostni li l-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq huwa inkompatibbli mal-linji gwida tagħha tal-10 ta’ Diċembru 1994 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni (ĠU C 350, p. 5), li skonthom l-investimenti pubbliċi fl-infrastruttura ta’ ajruport jikkostitwixxu miżura ta’ politika ekonomika ġenerali. Issa l-Istat ma jistax jaġixxi simultanjament kemm bħala awtorità pubblika kif ukoll bħala investitur privat. Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-distinzjoni magħmula bejn l-infrastruttura tal-ajruport u l-ġestjoni tagħha hija konformi mal-approċċ dupliċi tal-analiżi tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-ajru li jikkonsisti fid-distinzjoni bejn l-infrastruttura tal-arjuport u s-servizzi tal-ajruport.

74      It-tielet nett, il-Kummissjoni tenfasizza kontradizzjoni fl-argument tar-rikorrenti. Hija tfakkar li ma ġietx ikkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispiża tal-investimenti neċessarji min-naħa tar-Reġjun tal-Vallonja sabiex ittejjeb l-infrastruttura tal-ajruport u sabiex taffronta ż-żieda fit-traffiku li tirriżulta mill-istabbiliment ta’ Ryanair. Dawn l-investimenti huma kbar (EUR 93 miljun fir-rigward biss ta’ dawk li huma marbuta direttament mal-implementazzjoni tal-pjan tan-negozju). Huwa illoġiku li l-Kummissjoni tiġi kkritikata talli ma applikatx il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għar-Reġjun tal-Vallonja meta d-deċiżjoni kkontestata mhijiex dwar l-investimenti ta’ infrastruttura ta’ dan tal-aħħar. Jekk dawn l-ispejjeż tal-infrastruttura kellhom jiġu integrati fl-evalwazzjoni taħt il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, kulma jagħmlu huwa li jżidu n-nuqqasijiet tal-pjan tan-negozju.

75      Il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Prim’Istanza titlob lir-rikorrenti tirtira l-motivi tagħha bbażati fuq il-kuntest tal-analiżi ta’ miżuri adottati mir-Reġjun tal-Vallonja jew tispjega għalfejn dan, bħala investitur f’ekonomija tas-suq, għamel l-investimenti neċessarji għall-implementazzjoni tal-pjan tan-negozju u tipprova li twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata.

76      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kwistjoni jekk il-valur tal-ajruport kellux jittieħed inkunsiderazzjoni kienet ċertament issemmiet fir-rikors, imma b’mod wisq fil-qosor sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-argumenti ddedikati lil din il-kwistjoni fir-replika ma kellhomx jiġu interpretati bħala motivi ġodda, li huma inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

77      Rigward, iktar preċiżament, it-tnaqqis tat-taxxi fuq l-inżul, il-Kummissjoni tqis li l-iffissar tat-tariffi għall-inżul għall-aċċess għall-infrastruttura jaqa’ fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi tal-awtorità pubblika. Ir-Renju tal-Belġju ma kkontestax il-fatt li l-għoti ta’ skonti fuq ir-rata tat-tariffi għall-inżul kien jirrikjedi l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv. Issa f’dan il-każ, l-analiżi wriet li r-Reġjun tal-Vallonja ma kienx aġixxa inkonformità mad-dritt applikabbli, u lanqas irrispetta l-kompetenzi tiegħu meta ta skont lil Ryanair permezz ta’ kuntratt.

78      Dawn l-elementi huma sostnuti mir-rabta inseparabbli li teżisti bejn it-tariffi għall-inżul u l-fond ambjentali mwaqqaf mir-Reġjun tal-Vallonja li BSCA tikkontribwixxi għalih. L-iżvilupp tal-ajruport kellu effetti detrimentali fuq l-ambjent li r-Reġjun tal-Vallonja ma jistax jinjora. Il-fond ambjentali jfittex li jwettaq dan il-għan. Skont il-Kummissjoni, dan juri li l-iffissar tat-tariffi għall-inżul huwa attività regolatorja.

79      Skont il-Kummissjoni, ir-Reġjun tal-Vallonja dar mal-ostakoli regolatorji billi kkonkluda kuntratt li kien jipprovdi għal skont fuq it-tariffi tal-ajruport għall-benefiċċju esklużiv ta’ Ryanair. Kieku l-ġestjoni tal-ajruport kienet ġiet konċessa lil impriża privata, Ryanair ma kinitx tkun tista’ tingħata tnaqqis fl-imposti komparabbli ma’ dak li bbenefikat minnu.

80      Rigward il-garanzija ta’ kumpens, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li din turi l-fatt li r-Reġjun tal-Vallonja ma aġixxiex bħala impriża imma bħala awtorità pubblika li tuża l-poter regolatorju tagħha sabiex tikkontrolla attività ekonomika. Impriża ma kinitx tkun tista’ tagħti garanzija bħal din u lanqas ma kienet tħoss il-bżonn tagħmel dan. Din il-garanzija ma għandha ebda relazzjoni ma’ modifika unilaterali tal-kuntratt, li f’kull każ hija eskluża minħabba li l-kuntratt ma’ Ryanair ma kienx jipprovdi għal din il-possibbiltà. Hija toħroġ direttament mill-poteri regolametari tar-Reġjun tal-Vallonja, li ma jaqgħux taħt il-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, kif juri l-Artikolu 2 tal-ftehim konkluż bejn Ryanair u r-Reġjun tal-Vallonja.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

81      Għandu jiġi mfakkar li l-ftehim konkluż bejn ir-Reġjun tal-Vallonja u Ryanair jipprovdi, minn naħa, għal skont fuq it-taxxi fuq l-inżul, u min-naħa l-oħra, għal garanzija ta’ kumpens f’każ ta’ tibdil fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-ajruport jew fil-livell tat-“taxxi” tal-ajruport.

82      Il-Kummissjoni tindika dan li ġej fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Il-Kummissjoni tikkonkludi […] li l-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq mhwiex applikabbli għall-aġir tar-Reġjun tal-Vallonja, u li t-tnaqqis fl-imposti tal-ajruport u l-garanzija ta’ kumpens jikkostitwixxu vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE]. Dawn il-vantaġġi jippermettu lil Ryanair tnaqqas l-ispejjeż tal-operat tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

83      Sabiex tasal għal din il-konklużjoni l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi segwenti:

–        l-iffissar tat-taxxi tal-ajruport jaqa’ taħt il-kompetenza leġiżlattiva u regolamentari tar-Reġjun tal-Vallonja (premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        meta ffissa l-livell tat-taxxi tal-ajruport dovuti mill-utenti għall-użu tal-ajruporti tal-Vallonja, ir-Reġjun tal-Vallonja irregola attività ekonomika, imma ma aġixxiex bħala impriża (premessi 145 u 158 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-“imposti tal-ajruport” iffissati mir-Reġjun tal-Vallonja jippermettu l-finanzjament ta’ trasferiment ta’ riżorsi partikolari: 65 % minnhom jiġu assenjati lill-konċessjonarju tal-ajruport (BSCA) u 35 % minnhom lil fond ambjentali (premessi 146 sa 150 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        ir-Reġjun tal-Vallonja kiser id-dispożizzjonijiet regolamentari nazzjonali applikabbli billi ta skont lil Ryanair permezz ta’ kuntratt irregolat mid-dritt privat u b’hekk poġġa lilu nnifsu f’sitwazzjoni ta’ “konfużjoni ta’ poteri” (premessa 151 sa 153 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-affermazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata tammonta għal diskriminazzjoni bejn l-“ajruporti privati” u l-“ajruporti pubbliċi” mhijiex fondata, fid-dawl tad-diversi modi ta’ ffissar tat-tariffi li jeżistu fl-Ewropa (premessi 154 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata).

84      Qabel ma teżamina l-fondatezza ta’ dawn il-motivi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li huwa importanti li jiġi mfakkar li, sabiex jiġi determinat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligi li l-Istat għandu jassumi bħala impriża li teżerċita attività ekonomika u l-obbligi li jista’ jkollu bħala awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-distinzjoni li għandha ssir bejn is-sitwazzjoni fejn l-awtorità li tagħti l-għajnuna taġixxi bħala azzjonarju f’kumpannija u s-sitwazzjoni li fiha taġixxi fil-kwalità ta’ awtorità pubblika, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 22, u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-334/99, Ġabra p. I-1139, punt 134).

85      Għalkemm jidher li jkun neċessarju, fil-każ fejn l-Istat jaġixxi fil-kwalità ta’ impriża li topera bħala investitur privat, li l-aġir tiegħu jiġi analizzat fid-dawl tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju għandha tkun eskluża fl-ipoteżi fejn dan jaġixxi bħala awtorità pubblika. Fil-fatt, f’din l-aħħar ipoteżi, l-aġir tal-Istat ma jista’ qatt jitqabbel ma’ dak ta’ operatur jew investitur privat f’ekonomija tas-suq.

86      Ghandu għalhekk jiġi deċiż jekk l-attivitajiet ikkonċernati f’dan il-każ humiex ta’ natura ekonomika jew le.

87      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ beni jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 118/85, Ġabra p. 2599, punt 7, u s-sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 107).

88      Issa kuntrarjament għal dak li indikat il-Kummissjoni fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li r-Reġjun tal-Vallonja aġixxa fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, l-iffissar tal-ammont tat-tariffi għall-inżul, kif ukoll il-garanzija ta’ kumpens relattiva hija attivita direttament marbuta mal-ġestjoni tal-infrastruttura tal-arjuport, li tikkostitwixxi attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punti 107 sa 109, 121, 122 u 125).

89      Fuq dan il-punt għandu jiġi rrilevat li l-imposti tal-ajruport iffissati mir-Reġjun tal-Vallonja għandhom jiġu kkunsidrati bħala remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi mogħtija fi ħdan l-ajruport ta’ Charleroi, minkejja l-fatt, imsemmi mill-Kummissjoni fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rabta diretta u manifesta li teżisti bejn il-livell tal-imposti u s-servizz mogħti lill-utenti hija dgħajfa.

90      Kuntrarjament għas-sitwazzjoni fis-sentenza Freskot, punt 63 iktar ’il fuq, l-imposti tal-ajruport għandhom jiġu analizzati bħala korrispettiv tas-servizzi mogħtija mill-proprjetarju jew mill-konċessjonarju tal-ajruport. Il-Kummissjoni tammetti hija stess, fil-premessi 147 sa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, li, kemm f’dan il-każ kif ukoll fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, kien xieraq li l-imsemmija imposti jiġu kkunsidrati bħala “tariffi” u mhux bħala “taxxi”.

91      Barra minn hekk, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-kumpanniji tal-ajru, minn awtorità pubblika, ta’ faċilitajiet ta’ ajruport, kif ukoll il-ġestjoni tagħhom, permezz tal-ħlas ta’ tariffa li r-rata tagħha hija stabbilita liberament minn din tal-aħħar, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ta’ natura ekonomika, billi għalkemm tali attivitajiet huma ċertament eżegwiti fis-settur pubbliku, huma ma jaqgħux, minħabba f’hekk biss, taħt l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Fil-fatt, dawn l-attivitajiet mhumiex marbuta, minħabba n-natura tagħhom, l-għan tagħhom u r-regoli li huma suġġetti għalihom, mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi li huma tipikament prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, a contrario, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C-364/92, Ġabra p. I-43, punt 30).

92      Il-fatt li r-Reġjun tal-Vallonja huwa awtorità pubblika u li huwa proprjetarju ta’ faċilitajiet ta’ ajruport li jaqgħu taħt is-settur pubbliku ma jistax għalhekk fih innifsu jeskludi li huwa jkun jista’, f’dan il-każ, jiġi kkunsidrat bħala entità li teżerċita attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 109).

93      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, waqt is-seduta, li l-proprjetarju ta’ ajruport pubbliku jista’ jaġixxi fl-istess ħin kemm bħala regolatur kif ukoll bħala investitur privat. Hija indikat ukoll li kieku BSCA ma aġixxietx fil-kwalità ta’ intermedjarju bejn ir-Reġjun tal-Vallonja, bħala proprjetarju tal-ajruport ta’ Charleroi, u Ryanair, bħala klijenta tal-imsemmi ajruport, kien ikun possibbli li r-Reġjun tal-Vallonja jiġi kkunsidrat bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq. Il-Kummissjoni madankollu tenfasizza li, f’dan il-każ, ir-Reġjun tal-Vallonja aġixxa biss bħala regolatur billi għamel użu mill-poteri regolamentari u fiskali tiegħu. Hija tirrileva b’mod partikolari li, fiż-żmien meta ġraw il-fatti, is-setgħat tar-Reġjun tal-Vallonja fil-qasam tal-iffissar tat-taxxi tal-ajruport, fosthom it-tariffi għall-inżul ta’ inġenji tal-ajru, li huma biss huma kkonċernati f’dan il-każ, kienu previsti mid-Digriet tal-Gvern tal-Vallonja tas-16 ta’ Lulju 1998 li jistabbilixxi t-tariffi li għandhom jinġabru għall-użu tal-ajruporti fir-Reġjun tal-Vallonja (Moniteur belge tal-15 ta’ Settembru 1998, p. 29491), kif emendat bid-Digriet tal-Gvern tal-Vallonja tat-22 ta’ Marzu 2001 (Moniteur belge tal-10 ta’ April 2001, p. 11845). Skont l-Artikolu 8 ta’ dan id-Digriet, hija kummissjoni konsultattiva tal-utenti, komposta minn rappreżentant tal-ministru responsabbli għat-trasport, minn żewġ rappreżentanti tal-kumpannija konċessjonarja tal-ajruport, minn rappreżentant tad-direttorat ġenerali tat-trasport tal-ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport u minn rappreżentant tal-utenti tal-ajruport, li għandha tagħti opinjoni fuq il-proposti għat-tibdil fis-sistema tat-tariffi. Dawn l-elementi jindikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

94      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, madankollu, li dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat billi dan ma jqiegħedx fid-dubju l-fatt li l-attività kkonċernata f’dan il-każ, jiġifieri l-iffissar tat-taxxi tal-ajruport, hija strettament relatata mal-użu u l-ġestjoni tal-ajruport ta’ Charleroi, attività li għandha tkun kklassifikata bħala ekonomika.

95      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni indikat dan li ġej fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Ajruport dejjem jaqdi funzjoni ta’ utilità pubblika, li jispjega l-fatt li huwa ġeneralment suġġett għal ċerti forom ta’ regolamentazzjoni, anke jekk ikun jappartjeni għal u/jew ikun ġestit minn impriża privata. Il-ġesturi privati ta’ ajruport jistgħu jiġu suġġetti għal din ir-regolamentazzjoni u l-poteri tagħhom li jistabbilixxu t-tariffi sikwit ikunu ċirkoskritti minn dak li jippreskrivu r-regolaturi nazzjonali minħabba l-pożizzjoni monopolistika tagħhom. Il-pożizzjoni ta’ forza tal-ajruporti fil-konfront tal-utenti tagħhom tista’ għalhekk tiġi kkontrollata mir-regolaturi nazzjonali li jistabbilixxu livelli tat-tariffi li m’għandhomx jinqabżu (‘price caps’). L-affermazzjoni li ajruport privat huwa liberu li jistabbilixxi t-tariffi tiegħu mingħajr ma jkun suġġett għal ċerti forom ta’ regolamentazzjoni fi kwalunkwe każ mhuwiex eżatt.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

96      Għalhekk, il-Kummissjoni, filwaqt li rrifjutat li tapplika l-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għall-miżuri adottati mir-Reġjun tal-Vallonja, fid-dawl tan-natura regolamentari tal-poteri li huwa jeżerċita, hija stess irrilevat li ajruport kien ġeneralment suġġett għal ċerti forom ta’ regolamentazzjoni, u dan filwaqt li speċifikat “anke jekk ikun jappartjeni għal u/jew ikun ġestit minn impriża privata”. Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ diversi modi ta’ ffissar tat-tariffi tal-ajruport minnu nnifsu ma jidhirx li jeskludi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għall-vantaġġi mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja.

97      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjoni li r-Reġjun tal-Vallonja kiser id-dispożizzjonijiet regolamentari nazzjonali applikabbli billi ta skont lil Ryanair permezz ta’ kuntratt irrigolat mid-dritt privat u b’hekk poġġa lilu nnifsu f’sitwazzjoni ta’ “konfużjoni ta’ poteri” (premessi 151 sa 153 tad-deċiżjoni kkontestata), lanqas din ma tista’ tiġi aċċettata.

98      Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li fl-investigazzjoni tagħha tal-miżuri inkwistjoni għandha tiddistingwi l-attivitajiet ta’ natura ekonomika minn dawk li jaqgħu stricto sensu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Barra minn hekk, il-konformità mad-dritt nazzjonali tal-aġir ta’ dak li jagħti l-għajnuna mhuwiex element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi deċiż jekk dan tal-aħħar aġixxiex inkonformità mal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq jew tax vantaġġ ekonomiku li jmur kontra l-Artikolu 87(1) KE. Il-fatt li attività tikkorrispondi ġuridikament għal deroga minn skala ta’ tariffi stabbilita f’dispożizzjoni regolamentari ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li din l-attività għandha tkun ikklassifikata bħala non-ekonomika.

99      Il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha, sabiex issostni l-approċċ adottat fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-linji gwida tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE u tal-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni. Fil-fatt, dawn il-linji gwida huma limitati sabiex jipprovdu li “[i]t-twettiq ta’ proġetti ta’ infrastruttura jikkostitwixxi miżura ta’ politika ekonomika ġenerali li l-Kummissjoni ma tistax tikkontrolla taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat”, filwaqt li jindikaw li “[i]l-Kummissjoni tista’ [...] tevalwa l-attivitajiet imwettqa ġewwa l-ajruporti li jistgħu jibbenefikaw direttament jew indirettament lill-kumpanniji”. Minflok ma jsostnu l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, dawn il-linji gwida jfakkru li l-użu tal-ajruporti u l-iffissar tat-tariffi relattivi, anke minn korpi pubbliċi, jikkostitwixxu attività ekonomika għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.

100    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, meta tindika li “ir-Reġjun tal-Vallonja seta’ [...] ddeċieda li kienet responsabbiltà ta’ BSCA li tiffissa tariffa inkambju għas-servizzi mogħtija lill-passiġġieri, bil-kundizzjoni li ċerti prinċipji u kundizzjonijiet jiġu osservati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata) jew meta tammetti li sistema ta’ skonti promozzjonali fuq l-imposti tal-ajruport fiha nfisha ma kinitx tmur kontra d-dritt Komunitarju (premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata), tirrikonoxxi hija stess li l-fatt li jingħataw tnaqqis fit-tariffi tal-ajruport u garanzija ta’ kumpens bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ ma jistax jintrabat ma’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

101    Is-sempliċi fatt li, f’dan il-każ, ir-Reġjun tal-Vallonja għandu poteri ta’ natura regolamentari fil-qasam tal-iffissar tat-tariffi tal-ajruport ma jeskludix li l-eżami ta’ sistema ta’ skonti fuq l-imsemmija tariffi għandu jsir fid-dawl tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, billi sistema bħal din tista’ tiġi implementata minn operatur privat.

102    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li r-rifjut tal-Kummissjoni li teżamina flimkien il-vantaġġi mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja u minn BSCA u li tapplika l-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għall-miżuri adottati mir-Reġjun tal-Vallonja minkejja r-rabtiet ekonomiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

103    Billi l-eżami tal-miżuri inkwistjoni flimkien kien jeżiġi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, mhux biss għall-miżuri adottati minn BSCA imma ukoll għall-miżuri adottati mir-Reġjun tal-Vallonja, m’hemmx għalfejn tiġi eżaminata l-aħħar parti tal-motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għal BSCA. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju għall-assjem magħmul mir-Reġjun tal-Vallonja u minn BSCA kien iwassal għal riżultati differenti.

104    L-argument tal-Kummissjoni li evalwazzjoni mill-ġdid tal-miżuri inkwistjoni kollha fid-dawl tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq kienet twassal għal riżultati inqas favorevoli għar-rikorrenti ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, kif tindika r-rikorrenti, l-eżami separat tal-miżuri inkwistjoni, skont jekk ingħatawx mir-Reġjun tal-Vallonja jew minn BSCA, affettwa sostanzjalment l-analiżi tal-Kummissjoni sa fejn ippermettielha tikklasssifika l-miżuri adottati mir-Reġjun tal-Vallonja bħala għajnuna mill-Istat mingħajr ma tirrikorri għall-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq. Issa jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq għat-tranżazzjoni globali timplika eżami u evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex il-kompitu li tagħmel. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ kawża għal annullament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq il-legalità tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest ta’ tali kawża, li tevalwa mill-ġdid jekk investiment kienx għaqli u li tiddeċiedi jekk investitur privat kienx jasal sabiex jagħmel l-investiment prospettat fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-296/97, Ġabra p. II-3871, punt 170, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Għaldaqstant, fid-dawl tal-iżball ta’ liġi magħmul mill-Kummissjoni, għandhom jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti u għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr lanqas ma jkun hemm bżonn li jkunu eżaminati l-argumenti esposti insostenn tal-ewwel motiv.

 Fuq l-ispejjeż

106    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

107    Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmiem Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/393/KE, tat-12 ta’ Frar 2004, dwar il-vantaġġi mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja u Brussels South Charleroi Airport lill-kumpannija tal-ajru Ryanair meta hija stabbilixxiet ruħha f’Charleroi hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk ta’ Ryanair Ltd.

3)      L-Association of European Airlines (AEA) għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Šváby

Papasavvas

Wahl

 

      Dittrich

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Diċembru 2008.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.