Language of document : ECLI:EU:C:2016:379

Kawża C‑117/15

Reha Training Gesellschaft für Sport- und Unfallrehabilitation mbH

vs

Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Köln)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ – Installazzjoni ta’ settijiet ta’ televiżjoni mill-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni bil-għan li l-pazjenti jkunu jistgħu jaraw programmi televiżivi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-31 ta’ Mejju 2016

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttivi 2001/29 u 2006/115 – Avviż lill-pubbliku – Kunċett li għandu bħala prinċipju l-istess tifsira f’dawn id-direttivi – Xandir ta’ programmi televiżivi permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni installati fil-bini ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni mill-operatur tiegħu – Evalwazzjoni fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ direttivi fl-istess ħin u skont l-istess kriterji

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/115, Artikolu 8(2))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttivi 2001/29 u 2006/115 – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Xandir ta’ programmi televiżivi permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni installati fil-bini ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni mill-operatur tiegħu – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/115, Artikolu 8(2))

1.        L-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandha ssir bla ħsara għal dik tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. F’dan ir-rigward, xejn ma jippermetti li jiġi sostnut li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħti lill-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tifsira differenti fil-kuntesti rispettivi ta’ dawn id-direttivi. Fil-fatt, in-natura differenti tad-drittijiet protetti fil-kuntest ta’ dawn id-direttivi ma tistax taħbi l-fatt li, fi kliem dawn tal-aħħar, dawn id-drittijiet jirriżultaw mill-istess element li jagħti lok għal dan, jiġifieri l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti.

Minn dan jirriżulta li f’każ fejn jiġi allegat li x-xandir ta’ programmi televiżivi permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni li l-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni installa fil-bini tiegħu jaffettwa d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet protetti ta’ numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari ta’ kompożituri, awturi ta’ testi mużikali u edituri ta’ mużika, kif ukoll artisti li jinterpretaw jew idoqqu mużika, produtturi ta’ fonogrammi u awturi ta’ testi kif ukoll l-edituri tagħhom, jeħtieġ li jiġi applikat kemm l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, filwaqt li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, li jinsab f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, jingħata l-istess tifsira. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk sitwazzjoni bħal din tikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku kemm fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, u skont l-istess kriterji ta’ interpretazzjoni, sabiex, b’mod partikolari, jiġu evitati interpretazzjonijiet kontradittorji inkompatibbli bejniethom, skont id-dispożizzjoni applikabbli.

(ara l-punti 27, 31-34 u d-dispożittiv)

2.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li xandir ta’ programmi televiżivi permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni li l-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni installa fil-bini tiegħu jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, tali operatur iwettaq att ta’ komunikazzjoni meta jittrażmetti deliberatament xogħlijiet protetti lill-pazjenti tiegħu, permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni installati f’numru ta’ postijiet f’dan l-istabbiliment.

Fit-tieni lok, il-pazjenti kollha ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni jikkostitwixxu pubbliku, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn iċ-ċirku ta’ persuni kkostitwit minn dawn il-pazjenti ma jkunx żgħir wisq jew insinjifikattiv, ġaladarba, b’mod partikolari, l-imsemmija pazjenti jistgħu jgawdu mix-xogħlijiet imxandra parallelament f’numru ta’ postijiet fl-istabbiliment u li ma jistgħux, bħala prinċipju, igawdu minn xogħlijiet imxandra mingħajr l-intervent immirat tal-operatur ta’ dan iċ-ċentru. Barra minn hekk, sa fejn l-oriġini tat-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-pagament ta’ ħlasijiet fuq id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet protetti fil-bini tal-imsemmi ċentru, dawn il-pazjenti evidentement ma ttiħdux inkunsiderazzjoni meta ngħatat l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni oriġinali tax-xogħol protett, b’tali mod li dawn jikkostitwixxu pubbliku ġdid.

Fit-tielet lok, sa fejn ix-xandir ta’ programmi televiżivi permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni huwa intiż li jservi ta’ distrazzjoni għall-pazjenti ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni matul il-kura tagħhom jew il-ħin ta’ stennija li jippreċedi din il-kura, huwa jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi supplimentari li, minkejja li hija nieqsa minn kull interess mediku, tikkontribwixxi b’mod favorevoli għal-livell u l-attrazzjoni tal-istabbiliment, u tagħtih vantaġġ kompetittiv. Għalhekk, ix-xandir ta’ programmi ta’ televiżjoni mill-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni huwa suxxettibbli li jkollu skop ta’ lukru, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni dovuta, jekk ikun il-każ, għal tali xandir.

(ara l-punti 54-65 u d-dispożittiv)