Language of document : ECLI:EU:T:2015:257

Kawża T‑131/12

Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali SPARITUAL — Trade marks Benelux verbali u figurattiva preċedenti SPA u LES THERMES DE SPA — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-5 ta’ Mejju 2015

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Kundizzjonijiet — Reputazzjoni tat-trade mark fl-Istat Membru jew fil-Komunità — Kunċett — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(2) u (5))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Kundizzjonijiet — Reputazzjoni tat-trade mark fl-Istat Membru jew fil-Komunità — Użu minn trade mark bħala parti minn trade mark irreġistrata oħra u li għandha reputazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009)

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Trade mark verbali SPARITUAL u trade marks verbali u figurattiva SPA u LES THERMES DE SPA

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

5.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Kundizzjonijiet — Rabta bejn it-trade marks

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

6.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Kundizzjonijiet — Vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti — Dannu lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(5))

7.      Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ appell — Appell minn deċiżjoni ta’ diviżjoni tal-Uffiċċju li tiddeċiedi fl-ewwel istanza mibgħut quddiem il-Bord tal-Appell — Kontinwità funzjonali bejn dawn iż-żewġ istanzi — Eżami tal-appell mill-Bord tal-Appell — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 76)

1.      Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, dwar oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti fis-sens tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi rreġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah it-trade mark preċedenti, u jekk tkun iddestinata sabiex tiġi rreġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbhux dawk li għalihom tkun irreġistrata t-trade mark preċedenti, meta, fil-kuntest ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, hija għandha reputazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, u li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jkun kiseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew ikun ta’ ħsara għalihom. Għal dak li jikkonċerna t-trade marks irreġistrati quddiem il-Bureau Benelux des marques, it-territorju tal-Benelux għandu jiġi assimilat mat-territorju ta’ Stat Membru. Għall-istess motivi bħal dawk li jirrigwardaw il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni fi Stat Membru, ma jistax għalhekk ikun meħtieġ minn trade mark Benelux li r-reputazzjoni tagħha testendi għat-territorju tal-Benelux kollu. Huwa biżżejjed li din ir-reputazzjoni teżisti f’parti sostanzjali tiegħu, li tista’ tikkorrispondi, skont il-każ, għal parti ta’ wieħed mill-pajjiżi Benelux.

(ara l-punti 19-21)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 22-24)

3.      Il-ksib tal-karattru distintiv ta’ trade mark jista’, b’mod partikolari, jirriżulta mill-użu tagħha bħala parti minn trade mark irreġistrata oħra. F’tali ċirkustanzi, il-kundizzjoni li għandha tiġi osservata, għat-trasferiment tal-karattru distintiv ta’ trade mark irreġistrata għal trade mark irreġistrata oħra li tikkostitwixxi parti minnha, hija li l-pubbliku kkonċernat ikompli jipperċepixxi l-prodotti inkwistjoni bħala li huma ġejjin minn impriża speċifika. Għalhekk, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata jista’, sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv partikolari u r-reputazzjoni tagħha, jinvoka provi tal-użu tagħha taħt forma differenti, bħala parti minn trade mark irreġistrata oħra u li għandha reputazzjoni, bil-kundizzjoni li l-pubbliku kkonċernat ikompli jipperċepixxi l-prodotti inkwistjoni bħala li huma ġejjin mill-istess impriża.

(ara l-punti 32, 33)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 35, 42-44, 58-62)

5.      Il-ħsarat imsemmija fl-Artikolu 8(5), tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, meta jinħolqu, huma l-konsegwenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, li minħabba f’dan il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn is-sinjali, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejn dawn is-sinjali anki jekk ma jħawwadhomx. L-eżistenza ta’ rabta bħal din għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami, b’mod partikolari, il-grad ta’ xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade marks kunfliġġenti huma rreġistrati rispettivament, inkluż il-grad ta’ xebh jew ta’ nuqqas ta’ xebh bejn dawn il-prodotti jew servizzi kif ukoll il-pubbliku kkonċernat, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku.

(ara l-punt 48)

6.      Il-kunċett ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark huwa ddenominat ukoll bit-terminu “parassitiżmu”. Dan ma huwiex marbut mal-ħsara sostnuta mit-trade mark, iżda mal-vantaġġ miksub mit-terzi mill-użu mingħajr dritt tas-sinjal li jixxiebah jew li huwa identiku għaliha. Dan jinkludi b’mod partikolari l-każijiet fejn, permezz ta’ trasferiment tal-immaġni tat-trade mark jew tal-karatteristiċi li hija tixħet lejn il-prodotti koperti mis-sinjal identiku jew li jixxiebah, ikun hemm sfruttament manifest minn fuq it-trade mark li għandha reputazzjoni.

Iktar mal-evokazzjoni tat-trade mark preċedenti mit-trade mark sussegwenti tkun immedjata u b’saħħitha, iktar ma tkun kbira l-probabbiltà li l-użu attwali jew futur tat-trade mark sussegwenti jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew ikun ta’ ħsara għalihom. Barra minn hekk, iktar mal-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jkunu sinjifikattivi, iktar l-eżistenza ta’ ħsara tkun faċilment aċċettata. Huwa possibbli, b’mod partikolari, fil-każ ta’ oppożizzjoni bbażata fuq trade mark li tgawdi minn reputazzjoni eċċezzjonalment għolja, li l-probabbiltà mhux ipotetika ta’ riskju futur ta’ ħsara jew ta’ vantaġġ indebitu miksub mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun tant evidenti li l-parti li qed topponi ma jkollhiex għalfejn tinvoka u lanqas li tipproduċi l-prova ta’ element fattwali ieħor għal dan il-għan. Minbarra dan, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat jipproduċi prova tal-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali għat-trade mark tiegħu. Huwa għandu biss jipproduċi provi li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi konkluż li prima facie teżisti probabbiltà futura, li ma tkunx ipotetika, ta’ vantaġġ indebitu jew ta’ ħsara.

(ara l-punti 51, 52)

7.      Mill-kontinwità funzjonali bejn id-diversi dipartimenti tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jirriżulta li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju huwa marbut illi jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi preżenti fid-deċiżjoni kkontestata quddiemu u fir-rigward ta’ dawk ippreżentati mill-parti jew partijiet fil-proċedimenti quddiem id-diviżjoni li ddeċidiet fil-prim’istanza, jew, suġġett biss għall-Artikolu 76(2), waqt il-proċedimenti ta’ appell. B’mod partikolari, il-portata tal-eżami li l-Bord tal-Appell għandu l-obbligu jwettaq fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata quddiemu ma hijiex, bħala regola ġenerali, iddeterminata esklużivament mir-raġunijiet invokati mill-parti jew mill-partijiet fil-proċedimenti quddiemu.

(ara l-punt 56)