Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' April 2012 - European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-165/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: European Dynamics Luxembourg SA (Ettelbrück, il-Lussemburgu) u Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (rappreżentant: V. Christianos, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni CMS/cms D(2012)/00008, tat-8 ta' Frar 2012, innotifikata lir-rikorrenti fid-9 ta' Frar 2012, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-offerta tagħhom fil-kuntest tas-sejħa għal offerti ristretta EuropeAid/131431/C/SER/AL;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni CMS/cms D(2012)/00008, tat-8 ta' Frar 2012, innotifikata lir-rikorrenti fid-9 ta' Frar 2012, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-offerta tagħhom fil-kuntest tas-sejħa għal offerti ristretta EuropeAid/131431/C/SER/AL.

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, skont l-Artikolu 263 TFUE, minħabba ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u, b'mod iktar preċiż, għat-tliet motivi segwenti:

Fl-ewwel lok, minħabba ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta' trasparenza, peress li, anki wara l-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta' Frar 2012, id-deċiżjoni appellata ma ppermettitx l-aċċess tal-offerenti għar-rapport tal-kumitat ta' evalwazzjoni.

Fit-tieni lok, minħabba ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta' motivazzjoni:

peress li, f'dak li jikkonċerna l-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta teknika tal-offerent magħżul, kemm il-punti mogħtija għall-offerta teknika tal-offerent magħżul kif ukoll il-motivazzjoni ta' dawn il-punti kienu kompletament neqsin fid-deċiżjoni kkontestata, anki wara l-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta' Frar 2012;

peress li, f'dak li jikkonċera l-offerta teknika tar-rikorrenti, id-deċiżjoni appellata, anki wara l-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta' Frar 2012, kienet tinkludi motivazzjoni tal-punti kompletament insuffiċjenti.

____________