Language of document : ECLI:EU:T:2013:646

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi ta’ sostenn għall-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-informatika u ta’ servizzi ta’ eGovernment fl-Albanija — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Trasparenza — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T-165/12,

European Dynamics Luxembourg SA, stabbilita f’Ettelbrück (il-Lussemburgu),

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita fi Ateni (il-Greċja),

irrappreżentati minn V. Christianos, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. van Nuffel u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2012)/00008, tat-8 ta’ Frar 2012, li tiċħad l-offerta sottomessa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti limitata EuropeAid/131431/C/SER/AL,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, li qed jaġixxi bħala President, M. Kancheva (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, European Dynamics Luxembourg SA u Evropaïki Dynamiki –Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, huma, rispettivament, kumpannija taħt id-dritt Lussemburgiż stabbilita f’Ettelbrück (il-Lussemburgu) u kumpannija taħt id-dritt Grieg stabbilita f’Ateni (il-Greċja).

2        Fil-11 ta’ Mejju 2011 ġie ppubblikat fil-verżjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU/S 90) avviż ta’ informazzjoni minn qabel dwar is-sejħa għal offerti bir-referenza EuropeAid/131431/C/SER/AL (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti”). Fid-19 ta’ Lulju 2011 ġie ppubblikat, fil-verżjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU/S 136), avviż ta’ kuntratt dwar is-sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem l-“avviż tal-kuntratt”).

3        Is-sejħa għal offerti kellha bħala suġġett servizzi ta’ sostenn lill-Ministeru tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni Albaniż u lill-Aġenzija nazzjonali tas-soċjetà tal-informazzjoni Albaniża, bil-għan li jsir żvilupp tal-infrastrutturi tal-informatika u tas-servizzi ta’ eGovernment fl-Albanija. Il-perijodu inizjalment previst għall-implementazzjoni tal-kuntratt kien ta’ 18-il xahar u l-baġit massimu kien ta’ EUR 2 400 000.

4        Is-sejħa għal offerti tagħmel parti mill-istrument ta’ għajnuna ta’ preadeżjoni, stabbilit u rregolat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006, tas-17 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU L 210, p. 82).

5        L-IPA jipprovdi assistenza lil diversi pajjiżi, fosthom lill-Albanija, sabiex jikkonformaw ruħhom gradwalment mar-regoli u mal-politika tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mal-acquis tal-Unjoni, għall-finijiet tas-sħubija futura tagħhom. Din l-assistenza tingħata, b’mod partikolari, permezz tal-introduzzjoni u tal-attribuzzjoni mill-Kummissjoni Ewropea ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista ta’ servizzi, li l-konċessjonarji tagħhom jipprovdu l-imsemmija servizzi lill-pajjiż benefiċjarju, f’dan il-każ, lill-Albanija.

6        L-awtorità kontraenti kienet l-Unjoni rrappreżentata mill-Kummissjoni li kienet qiegħda taġixxi f’isem u għan-nom tal-pajjiż benefiċjarju, l-Albanija.

7        Il-kuntratt kellu jingħata lill-offerta li kienet l-iktar vantaġġuża ekonomikament fil-kuntest ta’ proċedura limitata li kienet tinkludi żewġt istadji, jiġifieri l-preselezzjoni u l-għoti.

8        Għall-finijiet tal-preselezzjoni, il-persuni kkonċernati kellhom jissottomettu l-kandidaturi tagħhom fit-terminu previst, jiġifieri sat-2 ta’ Settembru 2011, flimkien ma’ ċerta informazzjoni dwar il-kapaċitajiet finanzjarji, tekniċi u professjonali tagħhom li jwettqu l-għan tal-kuntratt. Fi tmiem l-evalwazzjoni tal-kandidaturi, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kellu jfassal lista ta’ kandidati eliġibbli, minn erba’ sa tmien kandidati, li kellhom jiġu mistiedna mill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw fit-tieni stadju tal-proċedura, jiġifieri l-għoti tal-kuntratt.

9        Fit-30 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti ssottomettew fajl ta’ kandidatura bil-għan li jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti, fil-forma ta’ konsorzju ma’ Performance SA.

10      B’ittra tat-12 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni informat lil European Dynamics Luxembourg SA, fil-kwalità tagħha ta’ direttur tal-konsorzju, li l-offerta ta’ din tal-aħħar kienet għaddiet mill-istadju ta’ preselezzjoni. Id-dokumenti kuntrattwali li kienu jistabbilixxu l-iżvolġiment tal-fażi tal-għoti kienu annessi mal-imsemmija ittra.

11      Dawn id-dokumenti kienu jinkludu l-“Istruzzjonijiet lill-offerenti”, il-“Proġett ta’ ftehim kuntrattwali u l-kundizzjonijiet partikolari” u s-sitt annessi tiegħu, intitolati rispettivament “Kundizzjonijiet ġenerali għall-kuntratti ta’ servizz”, “Speċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt”, “Organizzazzjoni u metodoloġija”, “Esperti prinċipali”, “Baġit” u “Formoli u dokumenti oħra rilevanti”. Dawn id-dokumenti kienu jinkludu wkoll informazzjoni oħra bħal “Tabella ta’ evalwazzjoni” li tinkludi kriterji ta’ evalwazzjoni u l-formola tal-offerta.

12      Skont il-punt 12 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti, l-evalwazzjoni tal-offerti kienet tinvolvi żewġ stadji suċċessivi, l-evalwazzjoni tal-offerta teknika u sussegwentement l-evalwazzjoni tal-offerta finanzjarja.

13      L-evalwazzjoni tal-offerta teknika kienet ibbażata fuq it-tabella ta’ evalwazzjoni li tinkludi l-kriterji ta’ għoti u l-valur tagħhom. Għalhekk, l-ewwel kriterju, intitolat “Organizzazzjoni u metodoloġija”, kien ikopri sa 70 punt. Tali kriterju kien jinqasam fi tliet sottokriterji oħra, intitolati rispettivament “Analiżi argumentata tal-implementazzjoni tal-kuntratt”, “Strateġija” u “Skeda ta’ attivitajiet”. It-tieni kriterju, intitolat “Esperti prinċipali”, kien jikkonċerna l-kapaċitajiet ta’ tliet esperti li jispeċjalizzaw f’oqsma differenti. L-ewwel espert kien il-“Kap tat-tim”, it-tieni espert kien l-“Espert dokument tekniku u sistema ta’ arkivjar elettroniku” u t-tielet espert kien l-“Espert sit internet”. In-numru massimu ta’ punti li seta’ jiġi attribwit lil kull espert kien ta’ 14-il punt lill-kap tat-tim, 8 punti lill-espert dokument tekniku u sistema ta’ arkivjar elettroniku u 8 punti lill-espert sit internet, jiġifieri total ta’ 30 punt. Kull wieħed minn dawn l-esperti kellu jiġi evalwat abbażi ta’ tliet kriterji, intitolati rispettivament “Kwalifiki u kompetenzi”, “Esperjenza professjonali ġenerali” u “Esperjenza professjonali speċifika”.

14      L-evalwazzjoni tal-offerta finanzjarja, suġġetta għall-kisba ta’ medja ta’ 80 punt minn tal-inqas matul l-evalwazzjoni tal-offerta teknika, setgħet tattribwixxi 20 punt supplimentari.

15      Mill-punt 12(4) tal-istruzzjonijiet lill-offerenti jirriżulta li l-proċedura kollha ta’ evalwazzjoni kienet kunfidenzjali bla ħsara għal-leġiżlazzjoni tal-awtorità kontraenti dwar l-aċċess għal dokumenti. Id-deċiżjonijiet tal-kumitat tal-evalwazzjoni huma kollettivi u d-deliberazzjonijiet seħħew waqt sessjonijiet privati u l-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni huma marbuta bis-segretezza professjonali. Fl-imsemmi punt hemm stabbilit ukoll li r-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rapporti bil-miktub, b’mod partikolari, huma rriżervati għall-użu uffiċjali biss u la jistgħu jiġu kkomunikati lill-offerenti u lanqas lil kwalunkwe parti oħra għajr l-awtorità kontraenti, lill-Kummissjoni, lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea.

16      Il-punt 8 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti kien jipprovdi li l-offerti kellhom jiġu sottomessi sat-30 ta’ Novembru 2011.

17      Ir-rikorrenti ssottomettew l-offerta teknika tagħhom kif ukoll l-offerta finanzjarja tagħhom fit-terminu previst.

18      B’ittra tat-8 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni informat lil European Dynamics Luxembourg, fil-kwalità tagħha ta’ direttur tal-konsorzju, bis-segwenti:

–        l-offerta tal-konsorzju ma ġietx aċċettata, peress li ma kinitx l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament fost l-offerti teknikament ammissibbli;

–        il-kumitat ta’ evalwazzjoni rrakkomanda li l-kuntratt jingħata lill-konsorzju magħmul minn CSI-Piemonte u Infosoft Systems Sha;

–        il-konsorzju għandu l-possibbiltà jikkontesta din id-deċiżjoni skont il-punt 2.4.15 tal-gwida prattika tal-proċeduri kuntrattwali fil-kuntest tal-azzjonijiet esterni tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“Gwida prattika”).

19      Din l-ittra kienet tinkludi wkoll tabella li telenka l-marka globali miksuba rispettivament mir-rikorrenti u mill-konċessjonarju tal-kuntratt, kif ukoll il-marki tagħhom fir-rigward tal-offerta finanzjarja u tal-offerta teknika. Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, it-tabella kienet tinkludi l-marki miksuba mir-rikorrenti u mill-konċessjonarju tal-kuntratt għall-kriterji intitolati “Organizzazzjoni u metodoloġija”, “Espert prinċipali Nru 1”, “Espert prinċipali Nru 2”, u “Espert prinċipali Nru 3”.

20      B’ittra tal-10 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni tittrażmettilhom, b’mod partikolari, l-informazzjoni segwenti:

–        kopja dettaljata tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u tal-kompożizzjoni ta’ dan il-kumitat;

–        l-aspetti pożittivi u l-aspetti negattivi tal-offerta tagħhom fir-rigward tal-organizzazzjoni u tal-metodoloġija meta mqabbla ma’ dik tal-konċessjonarju tal-kuntratt;

–        il-marki preċiżi miksuba bl-offerta tagħhom u bl-offerta tal-konċessjonarju tal-kuntratt għal kull sottokriterju ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kriterju intitolat “Organizzazzjoni u metodoloġija” u tal-kriterju intitolat “Esperti prinċipali” kif ukoll tal-motivazzjoni ta’ dawn il-marki.

21      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni indikat li ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi iktar informazzjoni dwar il-konċessjonarju tal-kuntratt, peress li tali informazzjoni kienet kunfidenzjali u riżervata għall-użu professjonali biss. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat ukoll li r-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni”) la seta’ jiġi żvelat lill-offerenti u lanqas lil kwalunkwe parti barra mid-dipartimenti awtorizzati tal-awtorità kontraenti, tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza. F’dan ir-rigward, hija rreferiet lir-rikorrenti għall-Artikolu 3.3.10.5 tal-gwida prattika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, billi rreferiet għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2011, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), ippreċiżat li l-ismijiet tal-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ma setgħux jiġu żvelati minħabba l-protezzjoni tal-ħajja u l-preżervazzjoni tal-integrità tal-persuni.

22      L-ittra tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Frar 2012 kienet tinkludi wkoll tabella dwar il-marki medji miksuba mill-offerta teknika tar-rikorrenti għas-sottokriterji intitolati rispettivament “Analiżi argumentata tal-implementazzjoni tal-kuntratt”, “Strateġija” u “Skeda ta’ attivitajiet”, li jinkludu l-kriterju intitolat “Organizzazzjoni u metodoloġija”, kif ukoll għall-kriterji intitolati rispettivament “Kwalifiki u kompetenzi”, “Esperjenza professjonali ġenerali” u “Esperjenza professjonali speċifika”, li jinkludu l-kriterju intitolat “Esperti prinċipali”.

23      Fir-rigward tal-motivazzjoni tal-marki inklużi f’din it-tabella, il-Kummissjoni ppreċiżat f’din l-istess ittra li l-evalwazzjoni tat-tliet sottokriterji li jinkludu l-kriterju intitolat “Organizzazzjoni u metodoloġija” kienet is-segwenti:

–        analiżi argumentata tal-implementazzjoni tal-kuntratt: “Opinjoni ġenerali negattiva dwar il-problemi prinċipali, analiżi tar-riskju u mitigazzjoni mhux iddefiniti sew”;

–        strateġija: “Lista tal-attivitajiet dettaljata sew u lista ta’ esperti ta’ sostenn pożittiva ferm. Ftehim ta’ livell ta’ servizz kompetittiv ħafna”;

–        skeda tal-attivitajiet: “Skeda tal-attivitajiet ġenerali tajba”.

24      Fir-rigward tal-motivazzjoni tal-marki attribwiti mill-esperti, il-Kummissjoni indikat: “L-esperjenza, il-livell ta’ studju u l-kompetenzi lingwistiċi tal-kap tat-tim tagħkom, tal-espert dokument tekniku u sistema ta’ arkivjar elettroniku u tal-espert sit internet ġew evalwati kif ġej: ‘Profil ġenerali tajjeb’”.

25      Fil-21 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti indirizzaw lill-Kummissjoni talba konfermatorja, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, intiża sabiex il-Kummissjoni tikkomunikalhom il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kif ukoll kopja dettaljata tar-rapport ta’ evalwazzjoni li tinkludi l-marki komparattivi tagħhom u dawk li ngħataw lill-konċessjonarju tal-kuntratt għal kull kriterju ta’ evalwazzjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

27      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha.

28      Fil-mori tal-kawża, b’ittra tal-25 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni wieġbet parzjalment għat-talba konfermatorja ta’ aċċess għad-dokumenti li tressqet mir-rikorrenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ttrażmettiet lir-rikorrenti r-rapport tal-evalwazzjoni kif ukoll seba’ dokumenti oħra annessi mal-imsemmi rapport, jiġifieri r-reġistru, il-minuti tal-laqgħa preparatorja tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, ir-rapport tal-introduzzjoni tal-offerti, it-tabella ta’ evalwazzjoni, il-kummenti dwar kull offerta, il-korrispondenza mal-offerenti u t-tabella tal-konformità amministrattiva. Madankollu, il-Kummissjoni indikat li kienet irtirat ċerta informazzjoni mid-dokumenti kollha inkwistjoni għal raġunijiet tal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu abbażi tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni indikat ukoll li neħħiet informazzjoni oħra mir-rapport ta’ evalwazzjoni, mir-rapport tal-introduzzjoni tal-offerti, mit-tabella ta’ evalwazzjoni, mill-kummenti dwar kull offerta kif ukoll mill-korrispondenza mal-offerenti għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi kummerċjali, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

29      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw, fl-20 ta’ Awwissu u fit-12 ta’ Ottubru 2012 rispettivament, ir-replika u l-kontroreplika.

30      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet l-offerta tagħhom fil-kuntest tas-sejħa għal offerti inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

32      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu l-Kummissjoni ma awtorizzatx fir-rigward tar-rikorrenti aċċess għar-rapport ta’ evalwazzjoni li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward, minn naħa, tal-marki miksuba rispettivament mill-offerta tar-rikorrenti u minn dik tal-konċessjonarju tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi tal-offerta ta’ dan tal-aħħar. It-tielet motiv huwa essenzjalment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali li jipprekludi l-bidla tad-dokumenti kuntrattwali matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, sa fejn mir-rapport ta’ evalwazzjoni pprovdut mill-Kummissjoni, fil-25 ta’ Lulju 2012, jirriżulta li din tal-aħħar evalwat l-offerta tar-rikorrenti abbażi tas-sottokriterji mhux previsti mid-dokumenti kuntrattwali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

33      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza u t-tieni parti hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza

34      Ir-rikorrenti jsostnu essenzjalment li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trasparenza, li hemm referenza għalih fl-Artikolu 15 TFUE u fl-Artikolu 298 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), billi rrifjutat li tipprovdilhom, fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Frar 2012, kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni. Dan ir-rifjut la huwa ġġustifikat mid-dispożizzjonijiet tal-gwida prattika, u lanqas minn dawk tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”), u lanqas mill-istruzzjonijiet lill-offerenti.

35      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 3.3.10.5 tal-gwida prattika, li jipprovdi li r-rapport ta’ evalwazzjoni la jista’ jiġi trażmess lill-offerenti u lanqas lil kwalunkwe parti oħra għajr lid-dipartimenti awtorizzati mill-awtorità kontraenti, mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza, huwa sempliċement informattiv.

36      It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, u l-Artikolu 149(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, ma jiddeterminawx b’mod eżawrjenti l-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa lill-offerenti. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtux il-possibbiltà lill-Kummissjoni tiġġustifika r-rifjut li jiġi trażmess lir-rikorrenti r-rapport tal-evalwazzjoni. Fi kwalunkwe każ, dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtux il-possibbiltà lill-Kummissjoni tidderoga minn prinċipju ta’ dritt primarju, bħall-prinċipju tat-trasparenza.

37      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li r-rifjut tal-Kummissjoni li tittrażmettilhom ir-rapport ta’ evalwazzjoni ma huwiex iġġustifikat mill-punt 12.4 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti. Din id-dispożizzjoni hija fil-fatt kontradittorja, sa fejn tipprekludi t-trażmissjoni tar-rapport tal-evalwazzjoni lill-offerenti filwaqt li tipprevedi li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti, li tikkostitwixxi konkretizzazzjoni tal-prinċipju tat-trasparenza.

38      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

39      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel motiv ma jikkonċernax il-possibbiltà tal-ksur tar-Regolament Nru 1049/2001, li l-Artikolu 8 tiegħu jindika f’liema ċirkustanzi persuna ġuridika li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru tista’ tippreżenta rikors ġudizzjarju kontra l-istituzzjoni li tirrifjutalha aċċess għal dokument mitlub abbażi tal-istess regolament, iżda tikkonċerna biss il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, in-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ kopja ta’ rapport tal-evalwazzjoni lir-rikorrenti tikkostitwixxix ksur tad-dispożizzjonijiet differenti invokati minn dawn tal-aħħar, jiġifieri l-Artikoli 15 u 298 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju. Madankollu, sa fejn il-motivi invokati mir-rikorrenti fir-rigward tan-nuqqas ta’ trażmissjoni tar-rapport tal-evalwazzjoni jistgħu wkoll jiġu interpretati fis-sens li jirreferu sewwasew għal motivazzjoni insuffiċjenti, dawn ser jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tieni motiv.

40      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni ġiet trażmessa lir-rikorrenti fis-27 ta’ Lulju 2012 wara li ġiet sottomessa talba konfermatorja minn dawn tal-aħħar skont ir-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi miċħud mill-bidu.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ittra tar-rikorrenti tal-10 ta’ Frar 2012, wara notifika tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni tittrażmettilhom, abbażi tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni, ir-rapport ta’ evalwazzjoni, liema talba ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-ittra ta’ din tal-aħħar tal-21 ta’ Frar 2012.

42      Għandu jiġi rrilevat ukoll, kif jirriżulta mill-ittra tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Lulju 2012, li l-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti verżjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni mingħajr ċerta informazzjoni allegatament kunfidenzjali bħala risposta għat-talbiet konfermatorji ta’ aċċess għal dokumenti ppreżentati minn dawn tal-aħħar fil-21 ta’ Marzu u fil-25 ta’ April 2012, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

43      Fid-dawl tan-natura awtonoma tal-proċeduri ddefiniti mir-Regolament Nru 1049/2001 fil-qasam tal-aċċess ta’ dokumenti lill-pubbliku u mir-Regolament Finanzjarju fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-fatt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wieġbet favorevolment għat-talba għal aċċess tar-rikorrenti fir-rigward tar-rapport ta’ evalwazzjoni, ma għandux effett fuq il-possibbiltà ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju tat-trasparenza bbażat fuq in-nuqqas ta’ trażmissjoni tal-imsemmi rapport fil-kuntest tal-proċedura tas-sejħa għal offerti inkwistjoni.

44      Fir-rigward ta’ tali ksur, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju, “[i]l-kuntratti kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-budget għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tat-trasparenza, l-proporzjonalità, it-trattament ugwali u nuqqas ta’ diskriminazzjoni”.

45      Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtorità kontraenti hija marbuta tosserva, f’kull fażi ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, konsegwentement, l-ugwaljanza tal-opportunitajiet tal-offerenti kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra p. I‑3801, punt 108, sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T-203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 85, u tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra p. II‑981, punt 75).

46      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, li huwa intiż li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni ġusta u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku, jirrikjedi li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fit-tfassil tat-termini tal-offerti tagħhom u għalhekk jimplika li dawn għandhom ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-offerenti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, Ġabra p. I‑7725, punt 34, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale‑Bau et, C‑470/99, Ġabra p. I‑11617, punt 93).

47      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimplika obbligu ta’ trasparenza sabiex ikun possibbli li jiġi vverifikat ir-rispett tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, HI, C‑92/00, Ġabra p. I‑5553, punt 45, u Universale‑Bau et, punt 46 iktar ’il fuq, punt 91).

48      Il-prinċipju tat-trasparenza għandu essenzjalment bħala għan li jiggarantixxi n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ aġir arbitrarju min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ikunu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, fis-sejħa għal offerti jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, punt 45 iktar ’il fuq, punt 111).

49      Il-prinċipju tat-trasparenza għaldaqstant jimplika li l-informazzjoni teknika kollha li hija rilevanti għal fehim tajjeb tas-sejħa għal offerti jew tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, għandha titqiegħed mill-iktar fis possibbli għad-dispożizzjoni tal-impriżi kollha li jipparteċipaw fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod li, minn naħa, jagħti l-possibbiltà lill-offerenti kollha, raġonevolment informati u normalment diliġenti, jifhmu l-portata eżatta tagħhom u jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, ipoġġi lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika jekk effettivament l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-50/05, Ġabra p. II‑1071, punt 59).

50      Għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 147 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, ir-rapport ta’ evalwazzjoni ma għandux bħala għan li jesponi l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, iżda li jippreżenta r-riżultat ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-kumitat ta’ evalwazzjoni, li jinkludi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, l-isem tal-offerenti esklużi u l-motiv taċ-ċaħda tal-offerta tagħhom kif ukoll l-isem tal-appaltatur propost u l-ġustifikazzjoni ta’ din l-għażla. Id-deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-għoti tal-kuntratt tittieħed sussegwentement mill-awtorità kontraenti, skont l-Artikolu 147(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, u għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni imposti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

51      Isegwi li, fil-każ ineżami, ir-rifjut mill-Kummissjoni li tikkomunika r-rapport ta’ evalwazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża ma kellux bħala effett li jrendi l-opportunitajiet tar-rikorrenti u tal-offerenti oħra inugwali fit-tfassil tat-termini tal-offerti tagħhom, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 45 sa 49 iktar ’il fuq, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tat-trasparenza.

52      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

53      Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li r-rifjut sħiħ u assolut tal-Kummissjoni li tittrażmetti kwalunkwe informazzjoni mir-rapport tal-evalwazzjoni jikser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

54      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li din il-parti tal-ewwel motiv ġiet invokata għall-ewwel darba mir-rikorrenti fir-replika tagħhom u għalhekk, għandha titqies li hija ġdida u, għaldaqstant, inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sa fejn ir-rikorrenti ma ġġustifikawx din it-tardività b’punti ta’ liġi u ta’ fatt li ġew irrivelati waqt il-proċedura.

56      Isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

57      Ir-rikorrenti jallegaw li essenzjalment il-Kummissjoni ma nnotifikathomx, minn naħa, bil-marki miksuba mill-offerta teknika tal-konċessjonarju tal-kuntratt għal kull sottokriterju li jinsab fit-tabella ta’ evalwazzjoni (ara punt 13 iktar ’il fuq) kif ukoll bil-ġustifikazzjoni tagħhom, u min-naħa l-oħra, bil-ġustifikazzjoni tal-marki attribwiti lill-offerta teknika tagħhom skont disa’ sottokriterji li jiddependu mit-tieni kriterju ta’ evalwazzjoni intitolat “Esperti prinċipali”. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għalhekk naqset mill-obbligu tagħha li tikkomunika lil offerent li ma ntgħażilx, li ressaq talba f’dan is-sens, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta li ntgħażlet u, għalhekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

58      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement motivata fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 149(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

59      Sa fejn il-motivi invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv huma intiżi li jsostnu li l-Kummissjoni kellha l-obbligu tittrażmettilhom ir-rapport ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-uniku obbligu li jeżisti f’dan is-sens għall-Kummissjoni huwa dak li jiġi ppreżentat lill-offerenti li jagħmlu talba għal dan il-għan, permezz ta’ dan id-dokument jew dokument ieħor, il-karatteristiċi u l-vantaġġi dwar l-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-konċessjonarju tal-kuntratt.

60      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, bħal istituzzjonijiet oħra, għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ teħid ta’ deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt wara li tkun saret sejħa għal offerti. L-istħarriġ ġudizzjarju li japplika għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa għalhekk limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni kif ukoll għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-użu ħażin ta’ poter (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T-148/04, Ġabra p. II‑2627, punt 47; ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1978, Agence européenne d’intérims vs Il-Kummissjoni, 56/77, Ġabra p. 2215, punt 20).

61      Għandu jitfakkar ukoll li, meta istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija saħansitra iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet tagħha. Huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx sodisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14 u sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑387/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

62      Għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 149 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li minnhom jirriżulta li awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, qabelxejn, tinforma mill-iktar fis possibbli lil kull offerent mhux magħżul biċ-ċaħda tal-offerta tiegħu u tipprovdi, sussegwentement, lill-offerenti li jkunu ppreżentaw talba espressa, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-konċessjonarju fi żmien ħmistax-il jum b’effett min-notifika ta’ talba bil-miktub (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑447/10, punt 71).

63      Dan l-approċċ huwa konformi mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, li jipprovdi li għandu jintwera’ b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att, b’mod li, min-naħa, jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bir-raġunijiet tal-miżura sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 1995, Koyo Seiko vs Il-Kunsill, T‑166/94, Ġabra p. II‑2129, punt 103, u tad-19 ta’ Marzu 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, point 49 supra, point 134).

64      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Għandu jiġi enfasizzat fl-aħħar nett li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li jkollha r-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Frar 2003, Strabag Benelux vs Il-Kunsill, T‑183/00, Ġabra p. II‑135, punt 58).

66      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kisritx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-każ inkwistjoni, ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni previsti mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regolament ta’ Implementazzjoni humiex osservati, għandha tiġi eżaminata l-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Frar 2012, kif ukoll dik tal-21 ta’ Frar 2012, trażmessa lir-rikorrenti wara t-talba għal informazzjoni supplimentari dwar iċ-ċaħda tal-offerta tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni indikat b’mod ċar waqt is-seduta li, minn naħa, l-ittra tal-21 ta’ Frar 2012 kienet tinkludi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-obbligi imposti mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regolament ta’ Implementazzjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rapport ta’ evalwazzjoni li hija kienet ipprovdiet lir-rikorrenti ma kienx jikkostitwixxi motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu jiġi osservat ukoll li r-rapport ta’ evalwazzjoni ġie trażmess għall-ewwel darba lir-rikorrenti mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Lulju 2012. Għaldaqstant, fir-rigward tal-prinċipju stabbilit fil-punt 65 iktar ’il fuq, id-dokument ippreżentat għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni.

 Fuq l-ittra tat-8 ta’ Frar 2012

67      Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti, bl-ittra tagħha tat-8 ta’ Frar 2012, l-ewwel nett, li l-offerta tagħhom ma kinitx intgħażlet, peress li ma kinitx l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament fost l-offerti teknikament ammissibbli, it-tieni nett, li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien irrakkomanda li l-kuntratt jingħata lill-konsorzju magħmul minn żewġ offerenti oħra li żvelat l-ismijiet tagħhom u, it-tielet nett, li r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà jikkontestaw din id-deċiżjoni skont il-punt 2.4.15 tal-gwida prattika.

68      Din l-ittra kienet tinkludi, barra minn hekk, it-tabella segwenti:

 

Organizzazzjoni u metodoloġija

Espert prinċipali 1

Espert prinċipali 2

Espert prinċipali 3

Marka teknika x 0.80

Marka finanzjarja x 0.20

Marka globali

L-offerta tiegħek

58.33

10.50

7.58

6.92

73.66

18.76

92.43

Offerent magħżul

65.83

12.83

6.67

5.17

80.00

19.71

99.71


69      Għandu jiġi kkonstatat li din l-ittra tfasslet skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju. Madankollu, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni teżiġi wkoll mill-awtorità kontraenti li hija tittrażmetti l-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula lil kull offerent li ma ntgħażilx li jkun għamel offerta ammissibbli u li jkun għamel din it-talba bil-miktub.

 Fuq l-ittra tal-21 ta’ Frar 2012

70      Wara t-talba tar-rikorrenti tal-10 ta’ Frar 2012 intiża li jiġu trażmessi, b’mod partikolari, l-aspetti pożittivi u l-aspetti negattivi tal-offerta tagħhom fir-rigward tal-organizzazzjoni u tal-metodoloġija meta mqabbla ma’ dik tal-konċessjonarju tal-kuntratt, kif ukoll il-marki eżatti miksuba mill-offerta tagħhom u minn dik tal-konċessjonarju tal-kuntratt għal kull sottokriterju ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kriterju intitolat “Organizzazzjoni u metodoloġija” u l-kriterju intitolat “Esperti prinċipali” u l-motivazzjoni ta’ dawn il-marki, il-Kummissjoni bagħtitilhom ittra oħra, fil-21 ta’ Frar 2012.

71      Fir-rigward ta’ din l-ittra, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni wieġbet għat-talba bil-miktub tar-rikorrenti tal-10 ta’ Frar 2012, b’osservanza tat-terminu massimu ta’ ħmistax-il jum b’effett min-notifika ta’ din it-talba, kif previst fl-Artikolu 149(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

72      Fit-tieni lok, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l-ittra tal-21 ta’ Frar 2012 tinkludix deskrizzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi tal-offerti magħżula li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju.

73      Din l-ittra kienet tinkludi t-tabella segwenti:

 

Massimu

Medja

Organizzazzjoni u metodoloġija

  

Analiżi argumentata tal-implementazzjoni tal-kuntratt

10

6.67

Strateġija

40

32.33

Skeda tal-attivitajiet

20

19.33

Marka globali għall-organizzazzjoni u għall-metodoloġija

70

58.33

Esperti prinċipali

  

Kap tat-tim

(Massimu 14-il punt)

 

Kwalifiki u kompetenzi

2

1.67

Esperjenza professjonali ġenerali

6

5.00

Esperjenza professjonali speċifika

6

3.83

  

10.50

Espert dokument elettroniku u sistema ta’ arkivjar elettroniku

(Massimu 8 punti)

 

Kwalifiki u kompetenzi

2

1.83

Esperjenza professjonali ġenerali

2

1.92

Esperjenza professjonali speċifika

4

3.83

  

7.58

Espert sit internet

(Massimu 8 punti)

 

Kwalifiki u kompetenzi

2

1.67

Esperjenza professjonali ġenerali

2

1.75

Esperjenza professjonali speċifika

4

3.50

  

6.92

Marka globali

100

83.33


74      F’din l-ittra, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-rikorrenti għall-fatt li l-kuntratti ta’ servizzi ngħataw fil-kuntest ta’ proċedura limitata abbażi ta’ kriterji stabbiliti fuq il-prinċipju tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament u li l-imsemmija kriterji kienu jikkonċernaw kemm il-kwalità teknika tal-offerta kif ukoll l-aspett finanzjarju tagħha. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li l-marka globali attribwita lill-offerta tar-rikorrenti kienet għolja ħafna, iżda ma kinitx l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament fost l-offerti teknikament ammissibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni li huma kienu talbu fl-ittra tagħhom tal-10 ta’ Frar 2012 dwar l-offerta tal-konċessjonarju tal-kuntratt, sa fejn din l-informazzjoni kienet kunfidenzjali u rriżervata għal użu uffiċjali.

75      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ttrażmettiet il-kummenti li jikkorrispondu mal-evalwazzjoni mill-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerta teknika tar-rikorrenti.

76      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kriterju intitolat “Organizzazzjoni u metodoloġija”, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni pprovdiet l-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti għal kull sottokriterju. Għalhekk, qabelxejn, għas-sottokriterju intitolat “Analiżi argumentata tal-implementazzjoni tal-kuntratt”, il-Kummissjoni indikat li l-evalwazzjoni kienet: “Opinjoni ġenerali negattiva dwar il-problemi prinċipali, analiżi tar-riskju u mitigazzjoni mhux iddefiniti sew”. Sussegwentement, il-Kummissjoni sostniet li l-evalwazzjoni tas-sottokriterju intitolat “Strateġija” kien: “Lista tal-attivitajiet dettaljata sew u lista ta’ esperti ta’ sostenn pożittiva ferm. Ftehim ta’ livell ta’ servizz kompetittiv ħafna”. Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, l-evalwazzjoni għas-sottokriterju intitolat “Skeda tal-attivitajiet” kien sempliċement: “Skeda tal-attivitajiet ġenerali tajba”.

77      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kriterju intitolat “Esperti prinċipali”, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti kienet: “L-esperjenza, il-livell ta’ studju u l-kompetenzi lingwistiċi tal-kap tat-tim tagħkom, tal-espert dokument tekniku u sistema ta’ arkivjar elettroniku u tal-espert sit internet ġew evalwati kif ġej: ‘Profil ġenerali tajjeb’”.

78      Għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni inkluża fl-ittra tal-21 ta’ Frar 2012 ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju.

79      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-marki inklużi fit-tabella msemmija fil-punt 73 iktar ’il fuq ma jikkostitwixxux fihom infushom motivazzjoni suffiċjenti, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta.

80      Huwa minnu li din it-tabella kienet tindika l-marki attribwiti lill-kriterji u għas-sottokriterji tal-offerta teknika tar-rikorrenti. Madankollu, sa fejn ma kinitx tinkludi l-marki miksuba mill-offerta tal-konċessjonarju tal-kuntratt għall-istess kriterji u sottokriterji, din ma kinitx tagħti l-possibbiltà lir-rikorrenti jipparagunaw direttament il-marki attribwiti mill-Kummissjoni lill-offerta tagħhom ma’ dawk attribwiti lill-offerta tal-konċessjonarju tal-kuntratt.

81      Barra minn hekk, dawn il-marki fihom infushom ma kinux jagħtu l-possibbiltà lir-rikorrenti jkunu jafu bir-raġunijiet li għalihom huma ġew attribwiti lill-offerta tagħhom.

82      Il-kriterji ta’ għoti previsti fit-tabella ta’ evalwazzjoni lanqas ma jagħtu l-possibbiltà lir-rikorrenti jifhmu l-ġustifikazzjoni tal-marki attribwiti, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta. Huwa minnu li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti setgħux jifhmu l-ġustifikazzjoni ta’ dawn il-marki billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet inklużi fid-dokumenti kuntrattwali, bħat-tabella ta’ evalwazzjoni. Madankollu, dawn il-kriterji jagħtu setgħa diskrezzjonali sostanzjali lill-Kummissjoni.

83      Kif ġie espost iktar ’il fuq, il-korollarju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tgawdi l-Kummissjoni fil-qasam tal-offerti pubbliċi hija motivazzjoni li turi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-punti li r-rikorrenti jistgħu tabilħaqq jifhmu r-raġunijiet li għalihom ġew attribwiti dawn il-marki. Għaldaqstant, hija biss tali motivazzjoni li tagħtihom il-possibbiltà jinvokaw id-drittijiet tagħhom u li tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 62 iktar ’il fuq, punt 92).

84      Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjonali sostanzjali li l-kriterji ta’ għoti previsti fit-tabella ta’ evalwazzjoni jagħtu lill-Kummissjoni, il-marki indikati fit-tabella ma jistgħux fihom infushom jikkostitwixxu motivazzjoni suffiċjenti.

85      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kummenti tal-Kummissjoni dwar l-offerta tar-rikorrenti ma jiżvelawx b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħhom, b’mod li jistgħu jagħtu l-possibbiltà lir-rikorrenti jkunu jafu bil-ġustifikazzjoni taċ-ċaħda tal-offerta tagħhom.

86      Huwa minnu li l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju ma jeżiġix neċessarjament mill-awtorità kontraenti li tqiegħed ir-rapport ta’ evalwazzjoni għad-dispożizzjoni tal-offerent magħżul jew li twettaq analiżi komparattiva fid-dettall bejn l-offerta magħżula u l-offerta miċħuda. Fil-fatt, l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju ma jipprekludix, fil-prinċipju, li awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha permezz ta’ kummenti qosra dwar l-offerta magħżula u l-offerta miċħuda (sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 62 iktar ’il fuq, punt 95). Huwa għalhekk li r-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li l-Kummissjoni ma nnotifikathomx bir-rapport ta’ evalwazzjoni kollu bħala risposta għat-talba tagħhom ippreżentata abbażi tar-Regolament Finanzjarju (ara, fir-rigward tal-evalwazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-ewwel motiv, punti 39 sa 52 iktar ’il fuq).

87      Madankollu, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-kummenti tal-awtorità kontraenti għandhom ikunu suffiċjentement preċiżi sabiex jippermettu lir-rikorrenti jkunu jafu bil-punti ta’ fatt u ta’ liġi li abbażi tagħhom l-awtorità kontraenti ċaħdet l-offerta tagħhom u għażlet l-offerta ta’ offerent ieħor (sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 62 iktar ’il fuq, punt 96).

88      Fil-kawża ineżami, il-kummenti tal-Kummissjoni ma ppermettewx lir-rikorrenti jsiru jafu b’din l-informazzjoni.

89      Fil-fatt, minn naħa, dawn il-kummenti kienu jikkonċernaw biss l-offerta tar-rikorrenti u mhux l-offerta tal-konċessjonarju tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija kummenti lanqas ma kienu ta’ natura li jippermettu lir-rikorrenti jifhmu l-marki attribwiti lill-offerta tagħhom.

90      Għalhekk, fir-rigward tal-kriterju intitolat “Esperti prinċipali”, l-uniku kumment ipprovdut mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti dwar it-tliet esperti prinċipali, jiġifieri “Profil ġenerali tajjeb”, huwa vag u ma jirriflettix id-disparità tal-marki attribwiti għal kull wieħed mill-esperti tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-offerta tar-rikorrenti kisbet marka ta’ 10.50 minn 14-il punt possibbli għall-“Kap tat-tim”, hija kisbet marka ta’ 7.58 minn 8 punti possibbli għall-“Espert dokument tekniku u sistema ta’ arkivjar elettroniku” u ta’ 6.92 minn 8 punti possibbli għall-“Espert sit internet”. Għaldaqstant, tali kumment ma kienx jippermetti lir-rikorrenti jifhmu l-marki attribwiti lill-offerta tagħhom għall-kriterju intitolat “Esperti prinċipali”.

91      Bl-istess mod, fir-rigward tal-kriterju intitolat “Organizzazzjoni u metodoloġija”, il-kumment “Lista tal-attivitajiet dettaljata sew u lista ta’ esperti ta’ sostenn pożittiva ferm. Ftehim ta’ livell ta’ servizz kompetittiv ħafna”, dwar is-sottokriterju intitolat “Strateġija”, jidher li huwa pożittiv ħafna. Min-naħa l-oħra, il-kumment “Skeda tal-attivitajiet ġenerali tajba”, dwar is-sottokriterju intitolat “Skeda tal-attivitajiet”, jirrivela sempliċement evalwazzjoni pożittiva vaga. Tali kummenti ma jippermettux lir-rikorrenti jifhmu r-raġuni li għalija l-offerta tagħhom kisbet biss marka ta’ 32.33 minn 40 punt possibbli għas-sottokriterju intitolat “Strateġija”, filwaqt li kisbet marka ta’ 19.33 minn 20 punt possibbli għas-sottokriterju intitolat “Skeda ta’ attivitajiet”.

92      Barra minn hekk, il-kumment “Opinjoni ġenerali negattiva dwar il-problemi prinċipali, analiżi tar-riskju u mitigazzjoni mhux iddefiniti sew”, dwar is-sottokriterju intitolat “Analiżi argumentata tal-implementazzjoni tal-kuntratt”, huwa vag. B’mod partikolari, dan ma jippermettix lir-rikorrenti jifhmu għalfejn id-deskrizzjoni ta’ “Problemi prinċipali” fl-offerta tagħhom tqieset li hija negattiva mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, dan il-kumment lanqas ma jippermetti lir-rikorrenti jifhmu kif l-“Analiżi tar-riskju” u l-“Mitigazzjoni” ma humiex iddefiniti sew fl-offerta tagħhom.

93      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-kummenti tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxux motivazzjoni suffiċjenti, anki moqrija flimkien mal-marki inklużi fit-tabella.

94      L-ittra tal-21 ta’ Frar 2012 għalhekk ma tinkludix l-informazzjoni li tippermettilha tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerti tar-rikorrenti.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata.

96      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, b’mod li hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-prinċipju ġenerali li jipprekludi l-modifika tad-dokumenti kuntrattwali matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti

97      Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħhom, invokat għall-ewwel darba fir-replika, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni essenzjalment kisret il-prinċipju ġenerali li jipprekludi l-modifika tad-dokumenti kuntrattwali matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti billi introduċiet, wara s-sottomissjoni tal-offerti, evalwazzjoni bejn is-sottokriterji ta’ attribuzzjoni u billi eżaminat l-offerta tagħhom abbażi ta’ din l-evalwazzjoni. Bla ħsara għall-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv ġdid, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-eżami tagħha jkun prematur. Fil-fatt, minħabba l-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma setgħux jinvokaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv u l-Qorti Ġenerali ma tistax tagħti deċiżjoni b’mod definittiv dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-użu mill-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-evalwazzjoni inkwistjoni setax kellu effett fuq l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni. Għaldaqstant, talba għal annullament possibbli bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali li jipprekludi l-modifika tad-dokumenti kuntrattwali matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma tistax, skont il-każ, tiġi eżaminata fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni li ser tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ottubru 2011, Alfastar Benelux vs Il-Kunsill, T‑57/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 38 sa 41 u 51, u Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, punt 62 iktar ’il fuq, punt 116).

 Fuq l-ispejjeż

98      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

99      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni CMS/cms D(2012)/00008, tat-8 ta’ Frar 2012, li tiċħad l-offerta sottomessa minn European Dynamics Luxembourg SA u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE fil-kuntest tas-sejħa għal offerti limitata EuropeAid/131431/C/SER/AL hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Kancheva

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2013.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Grieg.