Language of document : ECLI:EU:T:2013:646

Kawża T‑165/12

European Dynamics Luxembourg SA

u

Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi ta’ sostenn għall-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-informatika u ta’ servizzi ta’ eGovernment fl-Albanija — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Trasparenza — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla)
tat-13 ta’ Diċembru 2013

1.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti — Neċessità li tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u li wieħed ikun konformi mal-prinċipju ta’ trasparenza — Portata — Obbligu li jiġi kkomunikat ir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni lil offerent matul il-proċedura prekontenzjuża — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 89(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 147)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Motiv imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2))

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta — Obbligu tal-awtorità kontraenti li tipprovdi kummenti suffiċjentement preċiżi li juru b’mod ċar il-ġustifikazzjoni taċ-ċaħda — Ksur — Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149)

4.      Rikors għal annullament — Rikors intiża kontra deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta — Annullament, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, tad-deċiżjoni inkwistjoni — Motiv sussidjarju ta’ annullament ibbażat fuq il-prinċipju li jipprekludi l-modifika ta’ dokumenti kuntrattwali matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti — Realtà tal-ksur li tiddependi mill-eżami tal-motivi li għandhom jiġu intiżi kontra d-deċiżjoni li tissostitwixxi d-deċiżjoni annullata — Motiv prematur

1.      L-awtorità kontraenti hija marbuta tosserva, f’kull fażi ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, konsegwentement, l-ugwaljanza tal-opportunitajiet tal-offerenti kollha. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimplika obbligu ta’ trasparenza sabiex ikun possibbli li jiġi vverifikat ir-rispett tiegħu. Il-prinċipju tat-trasparenza jimplika li l-informazzjoni teknika kollha li hija rilevanti għal fehim tajjeb tas-sejħa għal offerti jew tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, għandha titqiegħed mill-iktar fis possibbli għad-dispożizzjoni tal-impriżi kollha li jipparteċipaw fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod li, minn naħa, jagħti l-possibbiltà lill-offerenti kollha, raġonevolment informati u normalment diliġenti, jifhmu l-portata eżatta tagħhom u jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, ipoġġi lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika jekk effettivament l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni.

F’dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza li istituzzjoni tirrifjuta li tikkomunika r-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni lil offerent matul il-proċedura prekontenzjuża li ma kellux bħala effett li jrendi l-opportunitajiet tar-rikorrenti u tal-offerenti oħra inugwali fit-tfassil tat-termini tal-offerti tagħhom. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 147 tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-rapport ta’ evalwazzjoni ma għandux bħala għan li jesponi l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, iżda li jippreżenta r-riżultat ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-kumitat ta’ evalwazzjoni, li jinkludi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, l-isem tal-offerenti esklużi u l-motiv taċ-ċaħda tal-offerta tagħhom kif ukoll l-isem tal-appaltatur propost u l-ġustifikazzjoni ta’ din l-għażla.

(ara l-punti 45-51)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 55)

3.      Mill-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej, u mill-Artikolu 149 tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, jirriżulta li awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, qabelxejn, tinforma mill-iktar fis possibbli lil kull offerent mhux magħżul biċ-ċaħda tal-offerta tiegħu u tipprovdi, sussegwentement, lill-offerenti li jkunu ppreżentaw talba espressa, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-konċessjonarju fi żmien ħmistax-il jum b’effett min-notifika ta’ talba bil-miktub.

Madankollu, filwaqt li din id-dispożizzjoni ma teżiġix neċessarjament mill-awtorità kontraenti li tqiegħed ir-rapport ta’ evalwazzjoni għad-dispożizzjoni tal-offerent magħżul jew li twettaq analiżi komparattiva fid-dettall bejn l-offerta magħżula u l-offerta miċħuda, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni, il-kummenti tal-awtorità kontraenti għandhom madankollu jkunu suffiċjentement preċiżi sabiex jippermettu lir-rikorrenti jkunu jafu bil-punti ta’ fatt u ta’ liġi li abbażi tagħhom l-awtorità kontraenti ċaħdet l-offerta tagħhom u għażlet l-offerta ta’ offerent ieħor. Dawn il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti b’kummenti li jikkonċernaw biss l-offerta tar-rikorrenti u mhux l-offerta tal-konċessjonarju tal-kuntratt jew b’kummenti vagi li ma jirriflettux id-disparità tal-marki attribwiti għal kull wieħed mill-esperti tar-rikorrenti.

Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 100(2) tal-imsemmi regolament ma humiex sodisfatti fil-każ li l-Kummissjoni tikkomunika lir-rikorrenti l-marki attribwiti għall-kriterji u għas-sottokriterji tal-offerta tagħhom fil-forma ta’ tabella li ma tinkludix il-marki miksuba mill-konċessjonarju tal-kuntratt għall-istess kriterji u sottokriterji u li, għalhekk, ma tagħtix il-possibbiltà lir-rikorrenti jipparagunaw direttament il-marki attribwiti mill-Kummissjoni lill-offerta tagħhom ma’ dawk attribwiti lill-offerta tal-konċessjonarju tal-kuntratt. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta tali marki fihom infushom ma jippermettux lir-rikorrenti jkunu jafu bir-raġunijiet li għalihom ingħataw tali marki għall-offerta tagħhom. Dan japplika wkoll għall-kriterji ta’ għoti previsti fit-tabella ta’ evalwazzjoni li wkoll ma jagħtu ebda possibbiltà lir-rikorrenti jifhmu l-ġustifikazzjoni tal-marki attribwiti jew tal-kummenti tal-Kummissjoni dwar l-offerta tar-rikorrenti peress li ma jiżvelawx b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, b’mod li jistgħu jagħtu l-possibbiltà lir-rikorrenti jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet taċ-ċaħda tal-offerta tagħhom.

(ara l-punti 62, 78-82, 85-87, 89, 90)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 97)