Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale civile di Padova (l-Italja) fit-28 ta’ Awwissu 2023 – AR vs Ministero dell’Istruzione e del Merito

(Kawża C-543/23, Gnattai 1 )

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale civile di Padova

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: AR

Konvenut: Ministero dell’Istruzione e del Merito

Domandi preliminari

Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jidher fl-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE 1 u l-prinċipju ġenerali tad-dritt [tal-Unjoni] ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġislazzjoni nazzjonali, bħal dik li tidher fl-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 li, fis-sens li attribwietlu s-Suprema Corte di cassazione (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, l-Italja) (ara s-sentenzi tal-Awla tax-Xogħol Nri. 32386/2019, 33134/2019 u 33137/2019) jipprevedi għall-impjegati b’kuntratt għal tul determinat tal-iskejjel assimilati previsti bil-Liġi Nru 62/2000 trattament inqas favorevoli, fil-kuntest tar-rikostruzzjoni tal-karriera tagħhom, meta mqabbla mal-impjegati b’kuntratt għal żmien indeterminat tal-Ministeru tal-Istruzzjoni u tal-Meritu, għal unika raġuni li huma ma humiex rebbieħa ta’ kompetizzjoni pubblika jew li għallmu fi skola assimilata legalment rikonoxxuta, minkejja li l-għalliema b’kuntratt għal żmien determinat tal-iskejjel assimilati jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-għalliema b’kuntratt għal żmien indeterminat tal-iskejjel tal-Istat għal dak li jikkonċerna t-tip ta’ xogħol u l-kundizzjonijiet għal taħriġ u għal impjieg, sa fejn iwettqu l-istess kompitu u għandhom l-istess kompetenzi fis-suġġett mgħallem, l-istess kompetenzi pedagoġiċi, metodoloġiċi u didattiċi, ta’ organizzazzjoni u relazzjonali u ta’ riċerka, miksuba bl-esperjenza tat-tagħlim, esperjenza li l-istess leġiżlazzjoni interna tirrikonoxxi bħala identika għall-finijiet tar-reklutaġġ għal tul indeterminat bl-effett tal-iżvolġiment tal-listi ta’ riżerva permanenti, issa validi sal-eżawriment (ara l-Artikolu 2(2) tad-Digriet-Liġi Nru 255/2001)?

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva 1999/70, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg, stabbiliti wkoll fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (li huma rilevanti bis-saħħa tal-Artikolu 52 tal-Karta), bil-Karta Soċjali Ewropea approvata fit-18 ta’ Ġunju 1961 u fl-Artikolu 157 TFUE u bid-Direttivi 2000/43/KE 1 u 2000/78/KE 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola bħala dik li tidher fl-Artikolu 485 tad-Digriet-Liġi Nru 297/1994, li timponi li għall-finijiet tar-remunerazzjoni, waqt ir-rikostruzzjoni tal-karriera, jitqiesu esklużivament il-perijodi ta’ tagħlim maħduma fis-servizz tal-istess Ministeru [tal-Istruzzjoni u tal-Meritu] jew l-iskejjel approvati, omologi, issussidjati jew sussidjarji, popolari u tal-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni ta’ bniet żgħar minn fejn ġejjin l-għalliema, li tittratta b’hekk b’mod inqas favorevoli u li tiddiskrimina, waqt ir-rikostruzzjoni tal-karriera (mwettqa wara r-reklutaġġ għal żmien indeterminat mill-Ministeru tal-Istruzzjoni u tal-Meritu), kontra l-għalliema b’kuntratt għal żmien determinat tal-iskejjel assimilati, li ma jingħatawx is-supplement tar-remunerazzjoni marbut mal-anzjanità, li bil-kontra jingħata lill-għalliema b’kuntratt għal żmien determinat tal-iskejjel tal-Istat, komunali, approvati, omologi, issussidjati jew sussidjarji, popolari u tal-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni tal-bniet żgħar, li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-għalliema tal-iskejjel assimilati għal dak li jikkonċerna n-natura tax-xogħol, il-funzjonijiet, is-servizzi u l-obbligi professjonali, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ impjieg meta mqabbla mal-għalliema tal-iskejjel assimilati stabbiliti bil-Liġi Nru 62/2000, li jwettqu l-istess kompiti u li jakkwistaw, bl-esperjenza didattika, l-istess kompetenzi fil-qasam mgħallem, l-istess kompetenzi pedagoġiċi, metodoloġiċi u didattiċi, ta’ organizzazzjoni u relazzjonali u ta’ riċerka bħall-għalliema tal-iskejjel assimilati?

Il-kunċett ta’ ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ li jidher fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jidher fl-anness tad-Direttiva 1999/70/KE, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tal-ugwaljanza, tal-ugwaljanza fit-trattament u tan-nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg, stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tar-rikonoxximent ta’ livelli ta’ anzjanità, is-servizzi pprovduti fi kwalità ta’ impjegat b’kuntratt għal żmien determinat fl-iskejjel assimilati għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħduma fl-iskejjel tal-Istat, fl-iskejjel approvati, fl-iskejjel omologi, fl-iskejjel popolari, fl-iskejjel issussidjati jew sussidjarji, kif ukoll fl-istituzzjonijiet għall-edukazzjoni ta’ bniet żgħar, fejn l-għalliema ta’ dawn l-iskejjel tal-aħħar iwettqu l-istess kompiti, għandhom l-istess obbligi professjonali u għandhom l-istess kompetenzi fil-qasam mgħallem, l-istess kompetenzi pedagoġiċi, metodoloġiċi u didattiċi, ta’ organizzazzjoni u relazzjonali u ta’ riċerka?

Fil-każ fejn tiġi kkonstatata l-kontrarjetà tal-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994 mad-dritt tal-Unjoni, il-valur legali ta’ trattat mogħti lill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jimponi fuq il-qorti nazzjonali li tħalli mhux applikat is-sors tad-dritt intern inkompatibbli?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3 p. 368).

1     Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).

1     Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).