Language of document : ECLI:EU:T:2012:105

Kawża T-230/10

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FAEGG — Sezzjoni ‘Garanzija’ — Infiq eskluż mill-finanzjament — Frott u ħxejjex — Obbligu ta’ ġustifikazzjoni tal-infiq — Kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi”

Sommarju tas-sentenza

1.      Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Frott u ħxejjex — Organizzazzjonijiet ta’ produtturi — Finanzjament mill-FAEGG — Kundizzjoni — Prova li l-infiq ġie effettivament sostnut

(Regolament tal-Kunsill Nru 2200/96, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(5); Regolament tal-Kummissjoni Nru 1433/2003, Artikolu 18(2)(c))

2.      Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Frott u ħxejjex — Organizzazzjonijiet ta’ produtturi — Finanzjament mill-FAEGG — Rikonoxximent ta’ dawn l-organizzazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali — Kundizzjoni — Funzjonament demokratiku

(Regolament tal-Kunsill Nru 2200/96, Artikolu 11(1)(d); Regolament tal-Kummissjoni Nru 1432/2003, Artikoli 4, 13(2)(b) u 14(2))

1.      Mill-qari flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 2200/96, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex u tal-Artikolu 18(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1433/2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2200/96 dwar il-fondi operattivi, programmi operazzjonali u għajnuna finanzjarja, jirriżulta li għajnuna finanzjarja tal-Unjoni tista’ tingħata biss lil organizzazzjoni ta’ produtturi, fir-rigward ta’ programm operazzjonali, bil-kundizzjoni li tiġi prodotta prova li l-infiq fl-imsemmi programm ġie effettivament sostnut.

Din ir-regola ma teskludix teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż li jinbtu minn ġestjoni ambjentali tal-imballaġġi meta l-imsemmija spejjeż huma sostnuti direttament mid-distributuri u indirettament mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi. Fil-fatt, l-unika prova meħtieġa hija dik li l-ispejjeż inkwistjoni jkunu sostnuti, direttament jew indirettament, mill-organizzazzjonijet ta’ produtturi.

(ara l-punti 19, 20, 22)

2.      Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-organizzazzjonijet ta’ produtturi hija intiża li tiggarantixxi l-funzjonament demokratiku tagħhom, u dan permezz ta’ żewġ prinċipji. Minn naħa, il-membri produtturi tal-organizzazzjoni ta’ produtturi għandhom jikkontrollaw l-organizzazzjoni tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, organizzazzjoni ta’ produtturi għandha tinkludi, fost il-membri tagħha, minn tal-inqas ħames produtturi u ebda mill-imsemmija membri ma jista’, fil-prinċipju, ikollu iktar minn 20 % tad-drittijiet tal-vot.

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament demokratiku tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-identità tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom il-kapital tal-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi. Fin-nuqqas ta’ tali verifika, l-istess persuna fiżika jew ġuridika, li għandha l-maġġoranza, jew anki t-totalità, tal-kapital ta’ diversi membri ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi, b’mod li hija teżerċita fuq dawn tal-aħħar, setgħa ta’ kontroll, b’mod partikolari, fuq il-proċess deċiżjonali, tista’ tinħeba wara l-imsemmija membri. F’tali ċirkustanzi, jista’ jkun hemm ksur tat-tieni prinċipju msemmi iktar ’il fuq sa fejn in-numru evidenti ta’ membri ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi ma huwiex rappreżentattiv tan-numru tal-membri tagħha li huma ġenwinament indipendenti.

Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1432/2003, li jistabbilixxi r-regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 2200/96 li jirrigwarda l-kondizzjonijiet għall-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-għarfien preliminari tal-gruppi tal-produtturi, iż-żieda mill-Istat Membru tal-perċentwali massimu ta’ 20 % tad-drittijiet tal-vot miżmuma minn membru wieħed għandhom ikunu proporzjonati mal-kontribuzzjoni tal-imsemmi membru għall-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata mill-organizzazzjoni ta’ produtturi. Konsegwentement, l-Istat Membru huwa marbut jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jevita li membru wieħed jikkontrolla iktar minn 20 % tad-drittijiet tal-vot fi ħdan l-organizzazzjoni ta’ produtturi.

(ara l-punti 47-51, 53, 57, 59)