Language of document : ECLI:EU:C:2014:815

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Mejju 2014 (*)

“Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura — Direttiva 2003/4/KE — Validità — Aċċess pubbliku għat-tagħrif dwar l-ambjent — Eċċezzjoni għall-obbligu li jiġi żvelat tagħrif dwar l-ambjent meta l-iżvelar ikun jippreġudika l-possibbiltà ta’ kull persuna li tingħata smigħ xieraq — Natura fakultattiva ta’ din l-eċċezzjoni għall-Istati Membri — Artikolu 6 TUE — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta”

Fil-Kawża C‑329/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2013, fil-proċedura

Ferdinand Stefan

vs

Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F. Stefan, minnu stess,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn G. Karipsiadis, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn C. Diégo u S. Menez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn C. Meyer‑Seitz u C. Hagerman, bħala aġenti,

–        għall-Parlament Ewropew, minn L. Visaggio u P. Schonard, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Herrmann u M. Moore, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro‑Nolin u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għad-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità u l-interpretazzjoni tad- Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Dire[t]tiva tal-Kun[s]ill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Stefan u l-Bundesministerium für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (Ministeru Federali tal-Agrikoltura, tal-Foresti, tal-Ambjent u tal-Ġestjoni tal-Ilma, iktar ’il quddiem il-“Bundesministerium”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jikkomunikalu tagħrif dwar l-ambjent.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4, intitolat “Id-definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘Tagħrif dwar l-ambjent’ għandu jfisser kull tagħrif fil-għamla miktuba, li jidher, li jinsama’, bl-elettronika jew ta’ kull materjal ieħor dwar:

(a)      l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent, bħalma huma [...] l-ilma [...]

[...]”

4        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent fuq talba”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.”

5        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu (2) tiegħu li:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:

[...]

(ċ)      il-kors [l-iżvolġiment korrett] tal-ġus[t]izzja, l-abbiltà ta’ kull persuna li tirċievi proċess ġudizzjarju ġust [smigħ xieraq] [...]

[...]”

 Id-dritt Awstrijak

6        Il-Liġi Federali dwar l-aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent [Bundesgesetz über den Zugang zu Informationen über die Umwelt (Umweltinformationsgesetz), BGBl. 495/1993], fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UIG”), hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 2003/4.

7        Skont l-Artikolu 4(2) tal-UIG, it-tagħrif dwar, b’mod partikolari, l-istat tal-elementi tal-ambjent, bħall-ilma, huwa aċċessibbli liberament.

8        Skont l-Artikolu 6(2) tal-UIG:

“It-tagħrif dwar l-ambjent minbarra dak indikat fl-Artikolu 4(2) għandu jiġi kkomunikat sa fejn l-iżvelar tiegħu ma jippreġudikax:

[...]

7.      l-iżvolġiment korrett tal-ġustizzja, il-possibbiltà ta’ kull persuna li tingħata smigħ xieraq [...]”

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Matul l-ewwel nofs tax-xahar ta’ Novembru 2012, il-parti Awstrijaka tax-xmara Drau faret minħabba xita qawwija. Għargħar serju kkawża ħsarat materjali kunsiderevoli, b’mod partikolari fiż-żoni residenzjali viċin ix-xtut ta’ din ix-xmara.

10      Wara stqarrijiet fl-istampa, skont liema operat ħażin tal-mekkaniżmi tad-diżlivelli fix-xmara kellu rwol sinjifikattiv fl-ikkawżar tal-għargħar, l-iStaatsanwaltschaft Klagenfurt (Prosekutur Pubbliku ta’ Klagenfurt) beda investigazzjoni kriminali b’mod partikolari kontra l-gwardjan tal-mekkaniżmi tad-diżlivelli fix-xmara kkonċernati.

11      Peress li xtaq jikseb tagħrif li jippermettilu jiċċara ċ-ċirkustanzi li fihom seħħ dan it-tifwir, F. Stefan ressaq, fis-26 ta’ Novembru 2012, talba lill-Bundesministerium sabiex jikseb tagħrif dwar il-livelli u l-flussi tad-Drau sal-impjanti tal-elettriku ta’ Rosegg-St Jakob, ta’ Feistritz-Ludmannsdorf, ta’ Ferlach-Maria Rain u ta’ Annabrücke għall-perijodu mit-30 ta’ Ottubru 2012 sat-12 ta’ Novembru 2012.

12      Permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2013, il-Bundesministerium irrifjuta li jikkomunika dan it-tagħrif. Dan ir-rifjut kien motivat b’mod partikolari mill-fatt li żvelar tat-tagħrif mitlub seta’ jkollu effett negattiv fuq il-proċeduri kriminali mibdija u jikkomprometti l-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jingħataw smigħ xieraq, b’tali mod li l-komunikazzjoni ta’ dan it-tagħrif dwar l-ambjent ma setax isir qabel l-għeluq ta’ dawn il-proċeduri kriminali.

13      Il-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressqet kawża kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ rifjut, tesponi li d-dritt Awstrijak ma jippermettix li l-motiv ta’ rifjut previst fil-punt 7 tal-Artikolu 6(2) tal-UIG jiġi applikat għat-talba għall-komunikazzjoni tat-tagħrif mitlub minn F. Stefan għaliex, skont din id-dispożizzjoni, il-motiv ta’ rifjut inkwistjoni ma japplikax għat-tagħrif dwar l-ambjent li jaqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tal-istess liġi, li għalih tirreferi t-talba mressqa minn F. Stefan fis-26 ta’ Novembru 2012. Skont din il-qorti, il-leġiżlatur Awstrijak għalhekk għamel biss użu limitat tal-possibbiltà li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 jagħti lill-Istati Membri sabiex jirregolaw ir-rifjut ta’ żvelar ta’ tagħrif dwar l-ambjent.

14      Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li, għalkemm l-Artikolu 4(2) tal-UIG jimponi fuq l-awtorità nazzjonali l-obbligu li tilqa’ t-talba ta’ F. Stefan, jirriżulta b’mod ċar li l-komunikazzjoni tat-tagħrif mitlub ikollha effetti negattivi fuq il-possibbiltà tal-gwardjan tal-mekkaniżmi tad-diżlivelli fix-xmara kkonċernati li jingħata smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jew tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

15      Issa, skont din il-qorti, peress li d-Direttiva 2003/4 ma tobbligax lill-Istati Membri jiċħdu talba għal aċċess għal tagħrif dwar l-ambjent fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dan it‑tagħrif jippreġudika l-possibbiltà ta’ kull persuna li tingħata smigħ xieraq, iżda tippermetti biss tali ċaħda fil-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha, din id-direttiva tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri li huma inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali protetti fl-Unjoni Ewropea, liema fatt jirrendi tali direttiva inkompatibbli mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Unabhängiger Verwaltungssenat Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fuq il-validità tad-Direttiva [2003/4]: [din id-direttiva] hija kompletament kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 47(2) [it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47] tal-[Karta]?

2)      Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva [2003/4]: Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-validità tad-Direttiva [2003/4] kollha kemm hi jew ta’ ċerti partijiet minnha, sa fejn u taħt liema premessi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-[Karta] u mal-Artikolu 6 TUE?”

 Fuq id-domandi preliminari

17      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta domanda preliminari magħmula tkun identika għal domanda li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

18      F’din il-kawża hemm lok li tiġi applikata l-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà

19      Il-Gvern Franċiż jesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li, skontu, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma humiex utli għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiem din tal-aħħar.

20      Skont l-imsemmi Gvern, l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma kienx ikun differenti li kieku il-leġiżlazzjoni Awstrijaka kienet tipprevedi li l-motiv ibbażat fuq il-possibbiltà ta’ kull persuna li tingħata smigħ xieraq huwa applikabbli għall-komunikazzjoni ta’ tagħrif ta’ natura ambjentali, bħal dak dwar il-livelli u l-flussi tax-xmara Drau, li dwaru tittratta l-kawża prinċipali.

21      Fil-fatt, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma hijiex il-komunikazzjoni fiha nnifisha ta’ dan it-tagħrif li tista’ tippreġudika l-possibbiltà tal-persuna inkwistjoni li tingħata smigħ xieraq, iżda l-użu ħażin ta’ dan it-tagħrif mill-mezzi tax-xandir.

22      Issa, skont dan l-istess Gvern, li f’dan ir-rigward jirreferi għal-punti 110 sa 112 tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Ressiot et vs France (Nri 15054/07 u 15066/07, 28 ta’ Settembru 2012), il-fatt li l-mezzi tax-xandir jistgħu jxerrdu informazzjoni affidabbli u preċiża, kif ukoll ibbażata fuq fatti eżatti, li hija relatata ma’ proċeduri kriminali pendenti, ma jmurx kontra l-prinċipju tad-dritt għal smigħ xieraq, bil-kundizzjoni li, fl-istqarrijiet tagħhom, dan il-prinċipju jittieħed inkunsiderazzjoni.

23      Issa, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ir-riskju li jiġi ppreġudikat id-dritt għal smigħ xieraq mill-iżvelar tat-tagħrif dwar l-ambjent inkwistjoni huwa iktar u iktar improbabbli peress li ma huwiex tagħrif, fih innifsu, li jippermetti l-inkriminazzjoni tal-persuna inkwistjoni.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali tista’ tiġi ddikjarata inammissibli biss jekk jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Belvedere Costruzioni, C‑500/10, EU:C:2012:186, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Issa, l-argument tal-Gvern Franċiż dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa bbażat fuq il-premessa li l-iżvelar ta’ tagħrif dwar l-ambjent, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

26      Madankollu, tali evalwazzjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk, l-istess evalwazzjoni tirrikjedi interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta, li dwarha din il-qorti ma għamlet l-ebda domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li jirriżulta b’mod ċar li d-domandi ma għandhom l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

28      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

29      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2003/4 hijiex valida fid-dawl tal-Artikolu 6 TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-drittijiet fundamentali żgurati minnha għandhom jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21).

31      Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati josservaw, b’mod partikolari, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta meta jimplementaw id-Direttiva 2003/4.

32      Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk din id-direttiva u, b’mod partikolari, il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha, tawtorizzax lill-Istati Membri ma josservawx dan l-obbligu li jirriżulta mid-dritt primarju tal-Unjoni, għandu jiġi mfakkar li test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens tal-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet tat-trattati u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Lietuvos geležinkeliai, C‑250/11, EU:C:2012:496, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Issa, billi jirreferi għall-possibbiltà ta’ kull persuna li tgawdi mid-dritt għal smigħ xieraq, il-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu eċċezzjoni għall-obbligu ta’ żvelar ta’ tagħrif dwar l-ambjent preċiżament sabiex ikunu jistgħu, jekk iċ-ċirkustanzi hekk jirrikjedu, jirrispettaw id-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

34      Barra minn hekk, anki fil-każ fejn Stat Membru ma jipprevedix tali eċċezzjoni fil-leġiżlazzjoni tiegħu intiża li tittrasponi d-Direttiva 2003/4, minkejja l-fatt li ċ-ċirkustanzi jkunu jirrikjedu tali eċċezzjoni sabiex jiġi osservat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma obbligati, f’kull każ, jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilhom mill-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmi artikolu tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 104).

35      Issa, peress li huma l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi l-organi amministrattivi u ġudizzjarji, li għandhom jiżguraw l-osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu, f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta huma ssodisfatti, jiżguraw ir-rispett tad-dritt fundamentali ggarantit mill-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Byankov, C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 64).

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni li tgħid li d-Direttiva 2003/4 tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw miżuri li huma inkompatibbli mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jew mal-Artikolu 6 TUE ma tistax tintlaqa’. Għaldaqstant, din id-direttiva ma hijiex, fuq din l-istess bażi, invalida fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-eżami tagħhom ma kixef ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2003/4.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-eżami tad-domandi magħmula ma kixef ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Dire[t]tiva tal-Kun[s]ill 90/313/KEE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.