KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
GIOVANNI PITRUZZELLA
ippreżentati fil‑21 ta’ Jannar 2021 (1)
Kawża C‑55/19 P
Prosegur Compañía de Seguridad, SA
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
“Appell – Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill‑impriżi b’domiċilju fiskali fi Spanja jamortizzaw l-avvjament riżultanti minn akkwisti ta’ azzjonijiet f’kumpanniji b’domiċilju fiskali barra mill-pajjiż – Kunċett tal-għajnuna mill-Istat – Selettività”
1. Din il-kawża għandha bħala għan l-appell ippreżentat minn Prosegur Compañía de Seguridad, SA (iktar ’il quddiem “Prosegur”) mis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2018, Prosegur Compañía de Seguridad vs Il‑Kummissjoni (2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ex Artikolu 263 TFUE ppreżentat minn Prosegur u intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/282/UE tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Jannar 2011 dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin implimentata minn Spanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (3) u, sussidjarjament, tal-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni.
2. Dan l-appell jagħmel parti minn serje ta’ tmien kawżi paralleli li għandhom bħala għan l-annullament tas-sentenzi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi ppreżentati minn ċerti kumpanniji Spanjoli kontra d-deċiżjoni kkontestata jew kontra d-Deċiżjoni 2011/5/KE tal-Kummissjoni dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin implimentata minn Spanja (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2009”) (4).
I. Il-fatti, il-miżura kontenzjuża u d-deċiżjoni kkontestata
3. Fl‑10 ta’ Ottubru 2007, wara diversi interrogazzjonijiet bil-miktub li sarulha matul l‑2005 u l‑2006 minn Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll denunzja ta’ operatur privat li kienet id-destinatarja tagħha matul l‑2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-attwali Artikolu 108(2) TFUE (5) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”), fir-rigward tad-dispożittiv previst mill-Artikolu 12(5) introdott fil-Ley del Impuesto sobre Sociedades (il-Liġi Spanjola dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji) mil-Ley 24/2001, de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social (il-Liġi 24/2001, li tadotta Miżuri Fiskali, Amministrattivi u ta’ Natura Soċjali), tas‑27 ta’ Diċembru 2001 (6), u riprodott fir-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004, li japprova t-Test Rivedut tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji, iktar ’il quddiem it-“TRLIS”), tal‑5 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem il-“miżura kontenzjuża”). Il-miżura kontenzjuża tipprevedi li, fil-każ ta’ akkwist minn impriża taxxabbli fi Spanja ta’ azzjonijiet f’“kumpannija barranija”, meta dan l-akkwist ta’ azzjonijiet ikun ta’ mill-inqas 5 % u meta l-azzjonijiet inkwistjoni jinżammu għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas sena, l-avvjament (7) finanzjarju (8) li jirriżulta minn dan jista’ jitnaqqas, fil-forma ta’ amortizzazzjoni, mill-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għaliha hija suġġetta l-impriża. Il-miżura kontenzjuża tippreċiża li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “kumpannija barranija”, kumpannija għandha tkun suġġetta għal taxxa identika għat-taxxa applikabbli fi Spanja u d-dħul tagħha għandu joriġina essenzjalment mit-twettiq ta’ attivitajiet barra mill-pajjiż.
4. Permezz tad-Deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-akkwisti ta’ azzjonijiet imwettqa fi ħdan l-Unjoni Ewropea. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq intern is-sistema ta’ għajnuna implimentata minn Spanja permezz tal-miżura kontenzjuża fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarji sabiex jitwettqu akkwisti intrakomunitarji.
5. Il-Kummissjoni madankollu żammet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa għal dak li jirrigwarda l-akkwisti ta’ azzjonijiet imwettqa barra mill-Unjoni, bi stennija ta’ elementi ulterjuri li l-awtoritajiet Spanjoli ntrabtu li jipprovdulha. Din il-parti tal-proċedura ngħalqet permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq intern is-sistema ta’ għajnuna implimentata minn Spanja permezz tal-miżura kontenzjuża “fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarji fir-rigward tal-akkwiżizzjonijiet minn barra l-Unjoni” (9). Il-punt 4 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li “jista’ jkompli japplika għall-perjodu sħiħ tal-amortizzazzjoni stabbilit mill-iskema tal-għajnuna” “it-tnaqqis fit-taxxa li jgawdu l-benefiċjarji taħt l-Artikolu 12(5) TRLIS fir-rigward tal-akkwiżizzjonijiet minn barra l-Unjoni mwettqa sad-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li huma relatati ma’ maġġoranza ta’ ishma li huma miżmuma direttament jew indirettament f’kumpaniji barranin stabbiliti fiċ-Ċina, fl-Indja jew f’pajjiżi oħra fejn l-eżistenza ta’ ostakli legali espliċiti għal kombinamenti tan-negozju transkonfinali ntwerew jew jistgħu jintwerew”. L-Artikolu 4(1) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi l-irkupru tal-“għajnuna inkompatibbli korrispondenti għat-tnaqqis fit-taxxa taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(1) mingħand il-benefiċjarji li d-drittijiet tagħhom f’kumpaniji barranin, miksuba fil-kuntest tal-akkwiżizzjonijiet ekstra-Komunitarji, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 1(2)-(5)”.
II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
6. Permezz ta’ att promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Lulju 2011, Prosegur ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-proċedura ġiet sospiża mit‑13 ta’ Marzu sas‑7 ta’ Novembru 2014, id-data li fiha l-Qorti Ġenerali tat id-deċiżjoni tagħha fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2014, Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni (10) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni”) li annullat id-deċiżjoni kkontestata, bil-motivazzjoni li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod żbaljat ir-rekwiżit tas-selettività previst fl-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Qorti Ġenerali annullat ukoll id-deċiżjoni tat‑28 ta’ Ottubru 2009 permezz tas-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il‑Kummissjoni (11) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Autogrill España vs Il‑Kummissjoni”).
7. Permezz ta’ att promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni. Dan l-appell, li ġie rreġistrat bin-numru C‑21/15 P, ġie magħqud mal-appell, irreġistrat bin-numru C‑20/15 P, li l-Kummissjoni kienet ippreżentat mis-sentenza Autogrill España vs Il‑Kummissjoni. Permezz tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Mejju 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju ta’ Spanja ġew ammessi sabiex jintervjenu fil-kawżi magħquda insostenn tat-talbiet ta’ WDFG u ta’ Banco Santander u Santusa. Permezz tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et (12) (iktar ’il quddiem is-“sentenza WDFG”), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza Banco Santander u Santusa vs Il‑Kummissjoni, u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u parzjalment irriżervat l-ispejjeż. Il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ukoll is-sentenza Autogrill España vs Il‑Kummissjoni.
8. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li ġiet sospiża mill-ġdid mid‑9 ta’ Marzu 2015, tkompliet fil‑21 ta’ Diċembru 2016 u ġiet konkluża bl-adozzjoni tas-sentenza appellata, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Prosegur u kkundannatha għall-ispejjeż.
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
9. Permezz ta’ att promotur ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Jannar 2019, Prosegur ippreżentat dan l-appell. Hija titlob l-annullament tas-sentenza appellata, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata flimkien mal-aċċettazzjoni tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-appell u li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
10. Għal eżami tal-istat attwali tal-ġurisprudenza fil-kwistjoni tas-selettività tal-miżuri fiskali, u, senjatament, sabiex jintwera l-metodu ta’ analiżi tas-selettività fi tliet fażijiet żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet magħmula u għall-kriterji mfakkra fil-punti minn 11 sa 21 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P, World Duty Free Group vs Il‑Kummissjoni, u C‑64/19 P, Spanja vs Il‑Kummissjoni, ippreżentati llum. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u kriterji li sejrin jiġu eżaminati l-ilmenti magħmula minn Prosegur. Dwar l-implikazzjonijiet tas-sentenza WDFG għall-għan tal-eżami ta’ dan l-appell, nirreferi pjuttost għall-punti minn 23 sa 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
B. Fuq l-appell
11. Prosegur tqajjem aggravju uniku insostenn tal-appell tagħha, relatat ma’ żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kriterju tas-selettività. Dan l-aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet prinċipali u tnejn sussidjarji.
1. Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku: żball fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza
12. L-ilmenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Prosegur huma bbażati fuq l-ewwel fażi tal-analiżi tas-selettività, intiża għad-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza. Dwar il-kunċett tas-“sistema ta’ referenza” u dwar il-kriterji applikabbli għall-għan tad-determinazzjoni tagħha, nirreferi għall-osservazzjonijiet magħmula fil-punti minn 37 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P, World Duty Free Group vs Il‑Kummissjoni, u C‑64/19 P, Spanja vs Il‑Kummissjoni, ippreżentati llum.
a) Fuq l-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku
13. Peress illi l-kontestazzjonijiet imressqa fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Prosegur, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi, mutatis mutandis, għall-punti minn 52 sa 59 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum, li minnhom jirriżulta li l-ilment inkwistjoni għandu jiġi miċħud.
b) Fuq it-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku
14. Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tat-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Prosegur, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tieni lment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis, għall-punti minn 62 sa 82 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum, li minnhom jirriżulta li l-ilment inkwistjoni għandu jiġi miċħud.
c) Fuq it-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku
15. Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tat-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ Prosegur, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tielet ilment tal-ewwel parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 85 sa 87 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum, li minnhom jirriżulta li l-ilment inkwistjoni għandu jiġi miċħud.
2. Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku: żball fid-determinazzjoni tal-għan li skontu jitwettaq l-eżami tal-komparabbiltà
16. L-ilmenti magħmula minn Prosegur fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju uniku tagħha huma bbażati fuq il-punti minn 133 sa 154 tas-sentenza appellata u huma intiżi sabiex jikkontestaw il-motivi ta’ din is-sentenza li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali identifikat l-għan tas-sistema ta’ referenza u qabblet, fid-dawl ta’ dan l-għan, is-sitwazzjoni tal-impriżi benefiċjarji tal-vantaġġ introdott mill-miżura kontenzjuża ma’ dawk li huma esklużi minnha.
17. Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ din il-parti tal-aggravju uniku ta’ Prosegur, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 91 sa 106 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum, li minnhom jirriżulta li dawn il-kontestazzjonijiet kollha għandhom jiġu miċħuda.
3. Fuq it-tielet parti tal-aggravju uniku: żball fid-dritt fit-tqassim tal-oneru tal-prova
18. Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tat-tielet parti tal-aggravju uniku ta’ Prosegur, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-konklużjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tielet parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 109 sa 110 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum, li minnhom jirriżulta li dawn il-kontestazzjonijiet kollha għandhom jiġu miċħuda.
4. Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju uniku: proporzjonalità
19. Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tar-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ Prosegur, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tar-raba’ parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti 112 u 113 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum, li minnhom jirriżulta li dawn il-kontestazzjonijiet kollha għandhom jiġu miċħuda.
5. Fuq il-ħames parti tal-aggravju uniku: rabta kawżali
20. Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tal-ħames parti tal-aggravju uniku ta’ Prosegur, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tal-ħames parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 114 sa 117 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum, li minnhom jirriżulta li dawn il-kontestazzjonijiet kollha għandhom jiġu miċħuda.
6. Fuq is-sitt parti tal-aggravju uniku: diviżibbiltà tal-miżura
21. Peress illi l-kontestazzjonijiet imqajma fil-kuntest tas-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ Prosegur, kif ukoll l-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, huma identiċi għal dawk imqajma fil-kuntest tas-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ World Duty Free Group fil-Kawża C‑51/19 P, ser nillimita ruħi, għall-għan tal-eżami tagħhom, li nirreferi mutatis mutandis għall-punti minn 119 sa 122 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑51/19 P u C‑64/19 P, ippreżentati llum, li minnhom jirriżulta li dawn il-kontestazzjonijiet kollha għandhom jiġu miċħuda. Fuq il-bażi ta’ dawn l-istess raġunijiet esposti f’dawn il-punti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-sitt parti tal-aggravju uniku ta’ Prosegur.
7. Konklużjonijiet fuq l-appell
22. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fit-totalità tiegħu.
V. Fuq l-ispejjeż
23. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell jiġi miċħud il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli, mutatis mutandis, għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha bħala għan appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-parti li tilfet tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk tkun saret talba għal dan. Peress illi nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell ta’ Prosegur, din għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talba f’dan is-sens imressqa mill-Kummissjoni.
VI. Konklużjoni
24. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil Prosegur għall-ispejjeż.