DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

4 ta’ Novembru 2008

Kawża F‑87/07

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Rikors għad-danni – Aġir allegatament illegali min-naħa tas-servizz mediku tal-Kummissjoni – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli sabiex titressaq talba għad-danni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, prinċipalment, kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba aġir illegali mis-servizz mediku tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ tliet ċertifikati mediċi ppreżentati minnu matul is-sajf tal-2001.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir‑rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Termini – Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni – Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

2.      Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Suġġett – Deċiżjoni – Inammissibbiltà manifesta

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Huma l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal li għandhom, f’terminu raġonevoli, jippreżentaw quddiem l-istituzzjoni kull talba intiża sabiex jinkiseb kumpens mill-Komunità minħabba dannu attribwibbli lilha, u dan b’effett minn meta jkollhom għarfien tas-sitwazzjoni li fir-rigward tagħha jressqu lment. In‑natura raġonevoli tat-terminu għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari għal kull każ u, b’mod partikolari, l-interess fil-kawża għall-parti kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet involuti.

F’dan ir-rigward, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-punt ta’ paragun mogħti mit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst għal azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, it-terminu ta’ ħames snin ma jistax jikkostitwixxi limitu riġidu u intanġibbli li matulu kull talba tkun ammissibbli indipendentement miż-żmien li r-rikorrent ikun ħa sabiex jippreżenta t-talba tiegħu quddiem l-amministrazzjoni u miċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni.

(ara l-punti 27 sa 30)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Ottubru 1975, Meyer-Burckhardt vs Il‑Kummissjoni, 9/75, Ġabra p. 1171, punti 7, 10 u 11; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punti 65, 66 u 71; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Frar 2007, Tsarnavas vs Il‑Kummissjoni, F‑125/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 71, 76 u 77

2.      Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat minn uffiċjal, it-talbiet intiżi, fir-realtà, li tiġi rikonoxxuta, mill-qorti Komunitarja, il-fondatezza ta’ ċerti argumenti invokati insostenn tat-talbiet għad-danni huma manifestament inammissibbli peress li ma hijiex tali qorti li għandha tagħmel dawn id-dikjarazzjonijiet. Dan huwa l-każ ta’ talbiet intiżi sabiex il-qorti Komunitarja tistabbilixxi l‑eżistenza tal-atti, tal-fatti u tal-aġir inkwistjoni kif ukoll l-illegalità tagħhom.

(ara l-punt 36)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Lulju 1989, Jaenicke Cendoya vs Il‑Kummissjoni, 108/88, Ġabra p. 2711, punti 8 u 9