KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-13 ta’ Marzu 2008 1(1)

Kawża C‑454/06

pressetext Nachrichtenagentur GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesvergabeamt Awstrijak)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Aġenzija tal-istampa – Kunċett ta’ għoti ta’ kuntratt – Bidla kuntrattwali – Proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti – Drittijiet ta’ esklużività – Prova tal-kapaċità tal-fornitur li jipprovdi s-servizzi – ‘Faċilitajiet essenzjali’ – Ħarsien ġuridiku effettiv – Direttivi 92/50/KEE u 89/665/KEE”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża l-Bundesvergabeamt qiegħed jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sensiela wiesgħa ħafna ta’ domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jirrigwardaw il-kuntratti pubbliċi. Dawn id-domandi huma essenzjalment intiżi sabiex isir magħruf kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “għoti ta’ kuntratti” fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. B’mod partikolari għandu jiġi ċċarat taħt liema kundizzjonijiet bidla ta’ kuntratt eżistenti għandha tiġi kkunsidrata bħala għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, bil-konsegwenza li, f’dan il-każ, l-ewwel nett għandu jkun hemm proċedura għall-għoti u li l-impriżi li ma jintgħażlux jibbenefikaw minn protezzjoni legali.

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq kontroversja qalila dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija tal-istampa għall-awtortiajiet Federali Awstrijaċi, li fiha l-Pressetext Nachrichtenagentur – offerent relattivament ġdid fis-suq Awstrijak – fetħet kawża kontra relazzjonijiet kuntrattwali li kienu tradizzjonalment jeżistu bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-aġenzija – li ilha żmien topera fis-suq – Austria Presse Agentur u li kienu s-suġġett ta’ emendi fis-snin 2000, 2001 u 2005.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

3.        Il-kuntest ġuridiku Komunitarju tal-kawża inkwistjoni huwa stabbilit minn żewġ direttivi fil-qasam tad-dritt dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jiġifieri

–        Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (2) (iktar’il quddiem id-“Direttiva 92/50”) u

–        Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (3) fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Direttiva 92/50 (iktar’il quddiem id-“Direttiva 89/665”) (4).

1.      Dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/50

4.        Fost id-dispożizzjonijiet ġenerali fit-Titolu 1 tad-Direttiva 92/50, l-Artikolu 1(f) jipprovdi dan il-kunċett:

“[għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva] proċeduri negozjati għandhom ifissru dawk il-proċeduri nazzjonali li permezz tagħhom awtoritajiet jikkonsultaw lil dawk li jipprovdu servizz bl-għażla tagħhom u jinnegozjaw il-kondizzjonijiet tal-kuntratt ma’ wieħed jew iktar minnhom”

5.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/50, li jinsab ukoll fit-Titolu I tagħha, jipprovdi :

“1.      Fl-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] jew fl-organizzazzjoni ta’ kuntesti tad-disinn, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw proċeduri adattati għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2.       L-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti.

[…]”.

6.        Fit-titolu II tad-Direttiva 92/50 hemm, taħt l-intestatura “Applikazzjoni f’żewġ stadji” l-Artikoli 8 sa 10, li jipprovdu dan li ġej:

“Artikolu 8

Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI.

Artikolu 9

Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IB għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16

Artikolu 10

Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati kemm fl-Anness IA kif ukoll fl-Anness IB għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI meta l-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness IA huwa ikbar mill-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness IB. Meta dan m’huwiex il-każ, għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16”.

7.        It-titolu III tad-Direttiva 92/50 huwa intitolat “L-għażla ta’ proċeduri ta’ għoti u regoli li jirregolaw kuntesti tad-disinn”. Dan it-titolu jinkludi l-Artikolu 11(3) li jipprovdi:

“L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] bi proċedura negozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika ta’ kuntratt fil-każijiet li ġejjin:

[…].

(b) meta, għal raġunijiet tekniċi jew artistiċi, jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklussivi, is-servizzi jkunu jistgħu jiġu pprovduti biss minn fornitur partikolari ta’ servizz;

[…]”.

8.        L-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 92/50, li jinsab fit-Titolu IV tagħha, jipprovdi li:

“Jekk, għal kwalunkwe raġuni valida, il-formitur [fornitur] tas-servizz ma jkunx jista’, jipprovdi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti, huwa jista[’] jipprova l-qagħda ekonomika u finanzjarja tiegħu bi kwalunkwe dokument ieħor li l-awtorità kontraenti tikkonsidra approprjat”

2.      Dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 89/665

9.        Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE, 77/62/KEE u 92/50/KEE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn intrapriżi li jallegaw ħsara fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt bħala riżultat tad-distinzjoni magħmula b’din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-Komunità u regoli nazzjonali oħrajn.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet pubbliċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni”.

10.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 jistabbilixxi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:

[…]

b)      jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluża t-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji diskriminatorji fl-invit għal offerta, fid-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li jirrelata għall-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt;

c)      jagħtu kumpens lill-persuni milquta minn ksur.

2.      Il-poteri speċifikati fil-paragrafu 1 jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli għal aspetti differenti tal-proċedura tar-reviżjoni.

[…]

5.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi meta jintalbu danni fuq il-bażi li deċiżjoni kienet ittieħdet illegalment, id-deċiżjoni kontestata għandha l-ewwel tiġi mwarrba mill-korp li jkollu l-poteri meħtieġa.

[…]”.

B –    Id-dritt nazzjonali

11.      Fost id-dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak għandu jiġi enfasizzat l-Artikolu 331 tal-Bundesvergabegesetzes (liġi fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi), fil-verżjoni tiegħu li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2006 (5) (iktar’il quddiem il-“BVergG 2006”) li huwa l-bażi legali għall-proċedura dikjaratorja quddiem il-Bundesvergabeamt u li jipprovdi dan li ġej:

“1.      Imprenditur li kellu interess li jikseb il-konklużjoni ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi federali jista’, safejn il-ksur tad-dritt invokat ikun ikkawżalu dannu, jitlob li jiġi ddikjarat li

1.      l-għażla ta’ l-għoti dirett jew ta’ proċedura għall-għoti li ma kinitx ippreċeduta minn sejħa għal offerti preliminari hija illegali minħabba ksur ta’ din il-liġi federali jew tar-regolamenti ta’ eżekuzzjoni tagħha jew minħabba l-ksur ta’ regoli tad-dritt Komunitarju li japplikaw direttament jew

[…]

4.      l-għoti, magħmul direttament fil-konfront ta’ imprenditur, mingħajr parteċipazzjoni fil-proċedura min-naħa ta’ imprendituri oħrajn kien manifestament inammissibbli abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali”.

12.      Skont l-Artikolu 332 (2) u (3) tal-BVergG 2006, id-dritt għal dikjarazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 331 tal-BVergG 2006, jintemm mhux iktar tard minn sitt xhur wara li jkun sar l-għoti.

13.      Mill-Artikolu 132(3) tal-BVergG 2006 jirriżulta li talba skont l-Artikolu 331(1)(4) ta’ din il-liġi, jekk tintlaqa’, għandha twassal, fil-mument meta d-dikjarazzjoni tkun għaddiet inġudikat, għan-nullità tar-relazzjoni kuntrattwali.

14.      Għandha ssir distinzjoni bejn il-proċedura ta’ dikjarazzjoni u l-azzjoni għall-ħlas tad-danni li hija ta’ kompetenza tal-qrati ċivili Awstrijaċi u mhux tal-Bundesvergabeamt. Skont l-Artikolu 341(2) tal-BVergG 2006 azzjoni għall-ħlas tad-danni hija ammissibbli biss jekk qabel tkun inbdiet b’eżitu pożittiv proċedura ta’ dikarazzjoni.

III – Il-fatti u l-kawża prinċipali

15.      Il-kawża preżenti hija bbażata fuq fatti li, abbażi tal-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni ta’ rinviju, jistgħu jinġabru fil-qosor b’dan il-mod.

1.      L-aġenziji tal-istampa inkwistjoni

16.      L-Austria Presse Agentur (iktar’il quddiem l-“APA”) twaqqfet(6) fl-Awstrija wara t-Tieni Gwerra Dinjija taħt forma ta’ kooperattiva(7), u huma mseħbin magħha kważi l-gazzetti ta’ kuljum kollha Awstrijaċi u anki x-xandar Awstrijak ORF. Flimkien mal-kumpanniji li jiffurmaw il-grupp, l-APA hija kumpannija ewlenija fis-suq tal-aġenziji tal-istampa fl-Awstrija u tipprovdi tradizzjonalment lir-Repubblika tal-Awstrija diversi servizzi ta’ aġenzija tal-istampa.

17.      Il-Pressetext Nachrichtenagentur GmbH (iktar’il quddiem il-“PN”) ilha topera fis-suq Awstrijak tal-aġenziji tal-istampa sa mill-1999, imma sa issa ftit għamlet stqarrijiet għall-istampa għall-uffiċċji amministrattivi Federali. Il-PN għandha wkoll numru iżgħar ta’ kollaboraturi li jaħdmu bħala ġurnalisti meta pparagunata ma’ l-APA u l-arkivju tagħha m’huwiex kbir daqs dak tal-APA. Fl-2004 il-PN offra lir-Repubblika tal-Awstrija servizzi ta’ aġenzija tal-istampa, imma dik l-offerta ma waslitx biex jiġi konkluż kuntratt.

2.      Ir-relazzjonijiet kuntrattwali kkontestati bejn l-APA u r-Repubblika tal-Awstrija

18.      Fl-1994, għalhekk qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija kienet stipulat ma’ l-APA l-hekk imsejjaħ kuntratt qafas, li kien jistabbilixxi l-provvista bi ħlas ta’ servizzi partikolari (8). Dan il-kuntratt qafas kien essenzjalment jippermetti li l-Awtoritajiet Federali Awstrijaċi jiġu mgħarrfa b’informazzjoni attwali u jużawha (“servizz bażiku”), li jużaw informazzjoni storika u stqarrijiet għall-istampa storiċi minn database tal-APA msejħa “APA Dok” u li jużaw is-servizz ta’ testi oriġinali “OTS” tal-APA kemm għall-informazzjoni tagħhom kif ukoll sabiex ixandru l-istqarrijiet għall-istampa tagħhom stess. Id-database APA Dok fiha d-data tas-servizz bażiku mill-1 ta’ Jannar 1988 u tal-istqarrijiet OTS mill-1 ta’ Ġunju 1989.

19.      Il-kuntratt qafas kien ġie konkluż għall-perijodu indeterminat, u fih kienet ġiet miftiehma rinunzja għat-terminazzjoni li abbażi tagħha l-kuntratt ma setax jiġi tterminat qabel il-31 ta’ Diċembru 1999. Il-kuntratt qafas kien jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar id-data tal-ewwel żidiet fil-prezz, l-ammont massimu ta’ kull żieda, u għall-indiċjar tal-prezzijiet abbażi tal-indiċi tal-prezzijiet ta’ konsum tal-1986, li l-valur ta’ riferiment tiegħu kien in-numru tal-indiċi kkalkulat għas-sena l-1994.

20.      F’Settembru 2000 l-APA waqqfet is-sussisdjarja tagħha – 100% proprjetà tagħha – l-APA‑OTS Originaltext‑Service Gmbh (iktar’il quddiem l-“APA‑OTS”). Bejn iż-żewġ kumpanniji jeżisti kuntratt ta’ esklużjoni tal-qligħ u t-telf li minnu, skont l-informazzjoni tal-APA u tal-APA-OTS, jirriżulta li l-APA-OTS hija inkorporata mil-lat finanzjarju, organizzattiv u ekonomiku ma’ l-APA u li fl-amministrazzjoni azjendali u fin-negozju tagħha hija għandha timxi skont l-istruzzjonijiet tal-APA. Barra minn hekk l-APA-OTS hija obbligata li tittrasferixxi lill-APA l-eċċess tal-bilanċ annwali, filwaqt li, min-naħa tagħha l-APA għandha tikkumpensa kull żbilanċ eventwali fil-bilanċ tal-APA-OTS.

21.      L-APA ttrasferiet lill-APA-OTS l-attività tas-servizz tagħha ta’ testi oriġinali tal-OTS. Din il-bidla ġiet kkomunikata lir-Repubblika tal-Awstrija f’Ottubru 2000, u f’dan ir-rigward kollaboratur tal-APA bil-poter ta’ rappreżentanza żgura, fuq talba tal-Kanċellerija Federali, li l-APA wara t-trasferiment ta’ din l-attività kienet responsabbli in solidum ma’ l-APA-OTS, u ma kien ser ikun hemm l-ebda bidla fis-“servizz komplessiv fis-seħħ”. Il-Kanċellerija Federali għalhekk tat, skont l-informazzjoni tagħha, il-kunsens tagħha biex fil-futur is-servizzi OTS jingħataw mill-ATA-OTS, u wara dan l-ħlas għal dawn is-servizzi beda jsir direttament lill-APA-OTS.

22.      Fis-sena 2001 id-dispożizzjonijiet fuq il-ħlas li kien hemm fil-kuntratt qafas tal-1994 ġew emendati permezz tal-ewwel klawżola addizzjonali. Minbarra l-konverżjoni tal-ħlas f’euro mis-Schilling Awstrijak, din il-klawżola addizzjonali kienet tipprovdi, biex jiddaħħlu l-istqarrijiet tal-awtoritajiet Federali fl-OTS għas-snin 2002, 2003 u 2004, għal ħlasijiet massimi (9), li ma setgħux jogħlew. Barra minn dan il-klawżola tal-indiċjar ġiet adattata b’riferenza għall-indiċi ġdid li ssostitwixxa dak li kien hemm fil-kuntratt qafas.

23.      F’Ottubru 2005 klawżola ġdida addizzjonali wasslet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2006, għal żewġ emendi ulterjuri fil-kuntratt qafas fil-verżjoni tiegħu kif emendata mill-ewwel klawżola addizzjonali: it-tnaqqis tal-ħlas għall-konsultazzjonijiet b’mezz elettroniċi żdied minn 15% għal 25% u l-partijiet qablu li jġeddu r-rinunzja għat-terminazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2008.

3.      Il-proċeduri quddiem il-Bundesvergabeamt (proċedura ta’ dikjarazzjoni)

24.      Quddiem il-Bundesvergabeamt il-PN tinvoka protezzjoni legali kontra operazzjonijiet, li fil-fehma tagħha jmorru kontra r-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, inkonnessjoni mad-dħul fix-xena tal-APA-OTS bħala l-fornitur ta’ servizzi lir-Repubblika tal-Awstrija u kontra żewġ klawżoli addizzjonali fil-kuntratt qafas miftiehma bejn l-APA u r-Repubblika tal-Awstrija.

25.      Permezz ta’ domandi magħmulin fl-4 u fid-19 ta’ Lulju 2006, il-PN talbet lill-Bundesvergabeamt, skont l-Artikolu 331 tal-BVergG 2006, li jiġi ddikjarat li l-qsim tal-kuntratt permezz tar-ristrutturazzjoni tal-APA li sar fl-2000 kif ukoll il-klawżoli addizzjonali tal-2001 u tal-2005 għall-kuntratt qafas, li hija kkwalifikat bħala “għoti de facto”, kienu illegali; subordinatament, hija talbet li jiġi ddikjarat li l-għażla tal-proċeduri tal-għoti inkwistjoni kienet illegali (10).

26.      Fir-rigward tat-termini ta’ dekadenza tar-rikors, il-Bundesvergabeamt igħid li għalkemm l-atti kkontestati kienu jirriferu għas-snin 2000, 2001 u 2005, madankollu r-rimedju legali disponibbli fid-dritt nazzjonali kontra l-għoti illegali ta’ kuntratti ġie adottat biss wara, b’effett mill-1 ta’ Frar 2006. It-terminu stabbilit għal dan ir-rimedju legali huwa ta’ sitt xhur mid-data tal-għoti illegali. Il-Bundesvergabeamt madankollu tqis li huwa xieraq li jiġi applikat l-Artikolu 1496 tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili-ABGB) li jgħid li t-terminu ta’ dekadenza ma jibdiex jiddekorri fil-każ li r-rimedji legali stabbiliti ma jkunux disponibbli, sakemm din l-applikazzjoni tkun kumpatibbli mad-dritt Komunitarju.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.      B’deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2006, li ngħatat fl-10 ta’ Novembru 2006 u li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Novembru 2006, il-Bundesvergabeamt issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

1)      Il-kelma “għoti” (għoti ta’ kuntratti) użata fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/50/KEE u fl-Artikoli 8 u 9 tal-istess direttiva għandha tiġi interpretata bħala li tkopri wkoll il-każijiet fejn awtorità kontraenti taqbel li fil-futur taċċetta s-servizzi ta’ fornitur ta’ servizzi kkostitwit bħala kumpannija b’kapital azzjonarju, meta dawk is-servizzi kienu preċedentement jiġu pprovduti minn fornitur ieħor ta’ servizzi li huwa, minn naħa, l-uniku azzjonist tal-fornitur futur tas-servizzi, u min-naħa l-oħra, li jikkontrolla fl-istess ħin il-fornitur futur ta’ servizzi billi jagħtih struzzjonijiet? Jekk f’każ bħal dan huwiex legalment rilevanti l-fatt li l-awtorità kontraenti ma jkollha l-ebda garanzijja li l-ishma tal-kumpannija tal-fornitur futur tas-servizzi ma jiġux ittrasferiti lil terzi matul il-validità komplessiva tal-kuntratt oriġinali? Bl-istess mod, liema huma l-konsegwenzi legali li jirriżultaw min-nuqqas li jiġi ggarantit lill awtorità kontraenti li l-kompożizzjoni tal-kumpannija tal-fornitur oriġinali ta’ servizzi, organizzat bħala kooperattiva, ma tinbidilx matul il-validità kumplessiva tal-kuntratt?

2)      Għandu jiġi kkunsidrat li jkun hemm “għoti” fis-sens tal-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50/KEE anke fil-każ li awtorità kontraenti, matul il-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt konkluż għall-perijodu indeterminat għall-provvista ta’ servizz komuni, tiftiehem mal-fornituri tas-servizzi dwar il-ħlas għal ċerti servizzi u tifformula mill-ġdid klawżola ta’ indiċjar, meta dan it-tibdil iwasslax għal bdil fil-prezzijiet u jseħħ fl-okkażżjoni tal-introduzzjoni tal-euro?

3)      Għandu jiġi kkunsidrat li jkun hemm “għoti” fis-sens tal-Artikoli 3(1), 8 u 9 tad-Direttiva 92/50/KEE anke fil-każ li awtorità kontraenti, matul il-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt konkluż għall-perijodu indeterminat għall-provvista ta’ servizz komuni, permezz ta’ ftehim, tiftiehem mal-fornituri tas-servizzi li ġġedded għal tliet snin klawżola ta’ rinunzja għat-terminazzjoni li tkun skadiet meta ġie adottat il-ftehim, filwaqt li din l-emenda tal-kuntratt twassal għal skont akbar minn dak mogħti preċedentement fuq ċerti ħlasijiet skont il-kwantitajiet f’qasam partikolari ta’ servizzi?

4)      Fil-każ li jiġi kkunsidrat li jkun hemm għoti ta’ kuntratt, jiġifieri fil-każ ta’ risposta affermattiva għal xi waħda mill-ewwel tliet domandi, l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50/KEE jew dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt Komunitarju bħal, per eżempju, il-prinċipju ta’ trasparenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lill-awtorità kontraenti li tagħti servizzi, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ servizzi uniku permezz tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni bil-quddiem ta’ sejħa għal offerti meta parti mill-provvista tas-servizzi tkun tinkludi drittijiet esklużivi tat-tip indikat fl-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50/KEE? Jew, alternattivament, jekk il-prinċipju ta’ trasparenza jew dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt Komunitarju jeżiġux, fil-każ ta’ għoti ta’ kuntratt li fil-parti l-kbira tiegħu jikkonċerna servizzi li m’humiex riżervati, li għandu xorta waħda jkun hemm il-pubblikazjoni tas-sejħa għal offerti qabel ma jingħata kuntratt, sabiex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jivverifikaw jekk effettivament jingħatawx servizzi suġġetti għad-drittijiet esklużivi? Jew inkella jekk, alternattivament, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jimponux li, f’każ bħal dan, is-servizzi jingħataw fil-kuntest ta’ proċeduri għall-għoti separati skont jekk dawn ikunux jew le s-suġġett ta’ dritt ta’ esklużività, sabiex minn tal-anqas ikun hemm kompetizzjoni parzjali?

5)      Jekk ir-risposta għar-raba’ domanda tkun fis-sens li awtorità kontraenti tista’ tagħti s-servizzi koperti minn drittijiet ta’ esklużivita flimkien ma’ servizzi mhux koperti minn drittijiet ta’ esklużivita fil-kuntest ta’ kuntratt uniku, tista’ impriża, li ma jkolliex is-setgħa li tiżvela informazzjoni suġġetta għal dritt ta’ esklużivita li jkun ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq, tiġġustifika l-kapaċità tagħha li tipprovdi s-servizz sħiħ lill-awtorità kontraenti, fis-sens tad-dritt dwar il-kuntratti pubbliċi, billi tinvoka l-obbligu li l-operatur ewlieni fi-Stat Membru għandu, abbażi tal-Artikolu 82 KE, li jipprovdilha l-informazzjoni taħt kundizzjonijiet raġjonevoli?

6)      Jekk ir-risposta għall-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda tkun li t-trasferiment parzjali tal-kuntratt fl-2000 u/jew li waħda jew iż-żewġ bidliet kuntrattwali msemmija iktar’il fuq kienu jikkostitwixxu għoti ta’ kuntratti ġodda; u fil-każ li, barra minn dan, ir-risposta għar-raba’ domanda tkun li l-awtorità kontraenti kellha tagħti s-servizzi li m’humiex koperti minn dritt ta’ esklużività fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti separata, jew li setgħet tagħti l-kuntratt għas-servizzi kollha (stqarrijiet tal-istampa, servizz bażiku u drittijiet ta’ użu tad-database APA Dok) biss wara li tkun preċedentement ippubblikat sejħa għall-offerti sabiex tiggarantixxi t-trasparenza u li l-għoti tal-kuntratti inkwistjoni jkun jista’ jiġi mistħarreġ, il-kliem “ħsara” u “milquta” esposti rispettivament fl-Artikoli 1(3) u 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li imprenditur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti, isofri ħsara fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ li jkun ġie mċaħħad l-opportunità li jieħu sehem fi proċedura ta´ għoti ta’ kuntratt minħabba li l-awtorità kontraenti ma tkunx preċedentement ippubblikat sejħa għal offerti abbażi ta’ liema huwa seta’ jissottometti l-kandidatura tiegħu jew jagħmel offerta, jew jitlob li l-aworitajiet kompetenti jistħarrġu l-eżatezza tad-dikjarazjonijiet fir-rigward tal-allegati drittijiet ta’ esklużività?

7)      Il-prinċipji Komunitarji tal-ekwivalenza u tal-ħtieġa ta’ protezzjoni legali effettiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw, bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, li imprenditur jista’ jinvoka dritt suġġettiv u mingħajr kundizzjonijiet fil-konfront ta’ Stat Membru, liema dritt jippermettilu li jressaq, quddiem il-qrati nazzjonali, ir-rikorsi tiegħu għall-kumpens tad-danni li huwa jkun sofra minħabba ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, wara l-għoti tal-kuntratti u matul minn tal-anqas sitt xhur b’effett mid-data li huwa seta’ jsir jaf bl-għoti irregolari tal-kuntratt u fejn għandhom jingħataw termini addizzjonali fil-każ li tali azzjoni legali ma setgħetx tiressaq minħabba nuqqas ta’ bażi legali fid-dritt nazzjonali, f’ċirkustanzi fejn skont id-dritt nazzjonali rikorsi għal danni minħabba ksur tal-liġi huma suġġetti għat-terminu ta’ dekadenza ta’ tliet snin b’effett minn meta jiġi identifikat l-awtur tad-dannu u d-dannu nnifsu, u jekk, fin-nuqqas ta’ rmedju legali f’qasam partikolari jkomplix jidekorri t-terminu ta’ dekadenza?”

28.      Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-PN, l-APA u l-APA-OTS, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni ppreżentaw kemm osservazzjonijiet bil-miktub u kif ukoll trattazzjoni orali. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kanċellerija Federali Awstrijaka, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti, u l-Gvern Litwan ippreżentaw biss osservazjonijiet bil-miktub filwaqt li l-Gvern Franċiż għamel biss osservazzjonijiet orali matul is-seduta.

V –    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

29.      Qabel ma nittratta fil-mertu d-domandi preliminari, hemm bżonn li jsiru xi osservazzjonijiet preliminari fil-qosor fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

1.      Fuq id-dritt tal-Bundesvergabeamt li jagħmel talba għal deċiżjoni preliminari

30.      Il-Bundesvergabeamt Awstrijak huwa organu permanenti, imwaqqaf bil-liġi, li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija obbligatorja f’kawżi li jirrigwardaw ir-regolamenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma’ l-Istat Federali bħala awtorità kontraenti (11). Huwa jiddeċiedi fi proċedura kontenzjuża abbażi tar-regoli tal-ordinament ġuridiku Federali Awstrijak. F’dan ir-rigward huwa fl-istess ħin kompetenti fl-ewwel u fl-aħħar grad (12). Il-membri tiegħu m’huma marbutin mill- ebda xorta ta’ istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u jiġu nnominati għal minn tal-anqas ħames snin, u f’parti anki għal żmien indeterminat (13).

31.      Għalhekk il-Bundesvergabeamt huwa qorti skont l-Artikolu 234 KE (14) u jista’ legalment jagħmel talbiet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi f’dan is-sens (15) wara talbiet għal deċiżjonijiet preliminari magħmulin mill-Bundesvergabeamt (16).

2.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari inġenerali

32.      Il-kritika magħmula mill-APA u mill-APA-OTS fil-konfront tal-formulazzjoni kumplessa u diffiċli biex tinftiehem tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma tneħħi xejn mill-fatt li d-domandi preliminari kumplessivament jistgħu jinftehmu. Mill-kjarifiki pprovduti mill-Bundesvergabeamt id-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod preċiż biżżejjed taħt liema kuntest fattwali u ta’ dritt jaqgħu d-domandi u għaliex il-Bundesvergabeamt jikkunsidrahom bħala determinanti sabiex tingħata deċiżjoni fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

33.      B’mod partikolari mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk fil-proċeduri nazzjonali huwiex meħtieġ li jinġiebu elementi ta’ prova ddettaljati jew inkella jekk il-kawża prinċipali tistax tiġi deċiża mingħajrhom.

34.      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f'liema stadju tal-proċedura jeħtieġ, għal din il-qorti, li tistaqsi domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (17). Huwa deċiżiv li l-qorti tar-rinviju tesponi b’mod suffiċjenti l-kuntest legali li fuqu tkun ibbażata d-domanda tagħha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li hija tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja, anki b’mod ieħor, l-informazzjoni kollha li teħtieġ sabiex din tkun tista’ tagħti risposta utli għal dik id-domanda(18). Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-APA u l-APA-OTS, dan ġara fil-każ preżenti. Għaldaqstant xejn ma jipprekludi l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari inġenerali.

3.      Fuq l-ammissibbiltà tas-sitt domanda b’mod partikolari

35.      Madankollu hemm problema partikolari ta’ ammissibbiltà fir-rigward tas-sitt domanda preliminari, li għandha bħala suġġett l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ ħsara u ta’ persuna milquta esposti, rispettivament, fl-Artikolu 1(3) u fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665.

36.      Fil-kawża prinċipali, kawża istitwita abbażi tal-Artikolu 331 tal-BVergG 2006, il-Bundesvergabeamt hija kompetenti biss sabiex jikkonstata eventwali ksur tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, iżda mhux li jagħti kumpens għall-ħsara, ħaġa li hija rriżervat għall-qrati ċivili Awstrijaċi(19). Għaldaqstant, huwa ma jistax jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari dwar l-għoti ta’ kumpens għall-ħsara jew dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu (20).

37.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt domanda preliminari hija ammissibbli biss safejn din tirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665. Iżda s-sitt domanda hija inammisibbli safejn tirreferi għall-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tirrigwarda direttament ir-rikonoxximent ta’ kumpens għall-ħsara.

4.      Konklużjoni provviżorja

38.      Kumplessivament it-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni hija għalhekk ammissibbli, bl-eċċezzjoni tal-parti tas-sitt domanda li tirreferi għall-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665.

VI – Kunsiderazzjoni fil-mertu tad-domandi preliminari

39.      Fil-mertu, it-talba pjuttost twila għal deċiżjoni preliminari hija essenzjalment intiża sabiex jiġi ċċarat taħt liema kundizzjonijiet il-bidla ta’ kuntratt eżistenti għandha tiġi kkunsidrata bħala għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi, bil-konsegwenza li qabel dan għandu jkun hemm proċedura għall-għoti u li l-impriżi mhux magħżula jkunu jibbenefikaw minn protezzjoni legali..

40.      Id-domanda l-oħra dwar jekk il-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi jew regoli oħra tad-dritt Komunitarju jimponoux limiti fuq il-konklużjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, għalkemm interessanti ħafna, mhijiex is-suġġett tal-kawża preżenti. Safejn il-kuntratt qafas tal-1994 kien ġie konkluż għal żmien indeterminat qabel l-adeżjoni tal-Awstrija ma’ l-Unjoni Ewropea (21), m’hemmx bżonn li din il-kwistjoni tiġi kkunsidrata fil-fond, l-anqas bħala kwistjoni preliminari (22).

A –    Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi

41.      Permezz tal-ewwel tliet domandi l-Bundesvergabeamt jistaqsi taħt liema kundizzjonijiet bdil tar-relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti bejn awtorità kontraenti u fornitur ta’ servizz għandu jiġi kkunsidrat bħala għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi fis-sens tad-Direttiva 92/50.

42.      Din il-problema għadha ma ġietx ittrattata b’mod eżawrjenti mill-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji (23).

1.      Osservazzjoni preliminari: il-kriterju ta’ emenda sostanzjali tal-kuntratt

43.      L-ewwel nett f’dak li jirrigwarda l-kuntratti għal żmien indefinit u l-kuntratti għal żmien twil jista’ jkun meħtieġ li, waqt l-eżekuzzjoni tagħhom, jsir adattament tal-kontenut tal-kuntratt jekk id-dispożizzjonijiet kuntrattwali − per eżempju minħabba tibdil mhux mistenni taċ-ċirkustanzi esterni − ma jibqgħux iktar adattati. Adattament tal-kontenut tal-kuntratt sabiex jirifletti ċ-ċirkustanzi mibdulin jista’ jikkontribwixxi biex jitwettaq aħjar l-għan tal-kuntratt.

44.      Iżda meta s-suġġett ta’ kuntratt oriġinali jkun kuntratt pubbliku, emenda suċċessiva fil-kontenut tiegħu jqajjem dejjem il-kwistjoni ta’ jekk ikunx hemm bżonn li ssir (eventwalment mill-ġdid) proċedura għall-għoti. F’dan ir-rigward ġeneralment dejjem iqum il-kunflitt bejn, minn naħa, il-preokkupazzjoni li wieħed jimxi b’mod l-iktar effikaċi possibbli fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, u min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs lill-offerenti kollha attwali u potenzjali.

45.      Bħala prinċipju m’huwiex a priori eskluż li emendi suċċessivi fil-kontenut ta’ kuntratti eżistenti jistgħu (eventwalment mil-ġdid) jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal għoti ta’ kuntratt pubbliku, bil-konsegwenza li għandha ssir proċedura għall-għoti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċetti legali li jiddefinixxu l-kuntest ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom jiġu interpretati f’sens estensiv (24).

46.      Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għoti għandha madankollu tkun konformi ma’ l-għanijiet tad-direttiva inkwistjoni. Il-koordinazzjoni fuq livell Komunitarju tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ servizzi huma intiżi sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għalhekk sabiex jipproteġu l-interessi tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru (25). Hemm bżonn li jiġi eskluż li l-awtoritajiet kontraenti jippreferu offerenti jew kandidati nazzjonali u li fl-għoti ta’ kuntratti jiġu ggwidati minn kunsiderazzjonijiet mhux ekonomiċi (26).

47.      B’mod konformi ma’ dan anki d-Direttiva 92/50 tippersegwi, bħala l-għan ewlieni tagħha, it-twettiq tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-ftuħ tas-swieq għall-kompetizzjoni mhux distorta u wiesgħa kemm jista’ jkun(27). F’dan ir-rigward huwa meħtieġ li wieħed jipproċedi b’mod trasparenti u mingħajr diskriminazjoni fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi biex b’dan il-mod jiġi ggarantit li l-offerenti potenzjali ta’ servizzi jingħataw l-istess opportunitajiet.

48.      Fid-dawl ta’ dan l-għan mhux l-emendi kollha, ikunu kemm ikunu insinjifikanti, ta’ kuntratti li jirrigwardaw kuntratti pubbliċi ta’ servizzi jeħtieġu minn qabel proċedura għall-għoti. Hija biss emenda sostanzjali tal-kuntratt li tista’ effettivament tikkawża distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni u tiffavorixxi l-kontroparti kuntrattwali tal-awtorità kontraenti fil-konfront ta’ fornituri ta’ servizzi potenzjali oħrajn, ħaġa li tiġġustifika li terġa’ ssir proċedura għall-għoti (28).

49.      B’mod partikolari, emenda sostanzjali tal-kuntratt għandha dejjem tiġi preżunta jekk ma jistax jiġi eskluż li fornituri oħrajn ta’ servizzi ma kinux tħajru jressqu l-kandidatura tagħhom għall-kuntratt pubbliku minħabba l-kundizzjonijiet oriġinali anqas favorevoli u li dawn fid-dawl tal-kundizzjonijiet kontrattwali l-ġodda jkunu issa interessati f’kandidatura għall-kuntratt pubbliku jew li l-kandidatura ta’ offerent li kien ġie eskluż tista’ tiġi milqugħa fid-dawl tal-kundizzjonijiet kuntrattwali l-ġodda (29).

50.      Dawn il-kundizzjonijiet preliminari jikkostitwixxu l-bażi li fuqa hija msejsa t-trattazzjoni segwenti tiegħi fir-rigward tal-ewwel tliet domandi preliminari

2.      Fuq l-ewwel domanda

a)      L-ewwel parti tal-ewwel domanda: l-involviment tal-APA-OTS

51.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tiegħu l-Bundesvergabeamt jixtieq ikun jaf jekk għandux jiġi kkunsidrat bħala għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi li kien diġà jeżisti skont id-Direttiva 92/50 il-fatt li l-awtorità kontraenti taċċetta li l-eżekuzzjoni ta’ parti minn dan il-kuntratt tiġi ttrasferita lil kumpannija kkontrollata mill-offerent magħżul, li fil-konfront tagħha dan tal-aħħar jkollu d-dritt li jagħti istruzzjonijiet u li tagħha huwa għandu 100% tal-ishma, anki jekk din il-proprjetà ta’ 100% ma tiġix iggarantita għaż-żmien kollu tal-kuntratt.

52.      Din id-domanda tirrigwarda t-trasferiment, li APA effettwat fi-sena 2000, tas-servizzi OTS favur il-kumpannija sussidjarja tagħha APA-OTS. Irrispettivamentt mill-kwistjoni ta’ jekk wara din ir-ristrutturazzjoni fi ħdan il-grupp APA kienx hemm “qsim kuntrattwali”, trasferiment ta’ kuntratt, novazzjoni jew surroga (30), fi kwalunkwe każ jibqa’ l-fatt li dawn s-servizzi minn dak il-mument’il quddiem kienu jingħataw direttament mill-APA-OTS u anki l-ħlas ikkonċernat kien jiġi mgħoddi direttament lill-APA-OTS.

53.      F’kull każ, dan wassal sabiex fl-2000 jkun hemm, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni konkreta tal-kuntratt, bdil parzjali tal-fornitur tas-servizzi.

54.      Għalkemm bidla tal-fornitur ta’ servizzi matul il-perijodu ta’ validità ta’ kuntratt pubbliku twassal għas-suppożizzjoni a priori ta’ emenda sostanzjali tal-kuntratt, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku tiġi madankollu fdata għal kollox jew parzjalment lil impriża li ma kellhiex tikkompeti ma’ offerenti oħrajn u li l-għażla tagħha ma kinitx ibbażata fuq konfront ma’ offerenti eventwali oħrajn. Operazzjoni bħal din fiha l-periklu li jkun hemm evażjoni tar-regoli fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u tista’ tikkawża distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni kif ukoll tiffavorixxi l-fornitur il-ġdid ta’ servizzi fil-konfront ta’ fornituri ta’ servizzi potenzjali oħra.

55.      Madankollu ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża jistgħu jippruvaw li emendi fil-konfront tal-fornitur ta’ servizzi ma sarrfux, eċċezzjonalment, f’emenda sostanzjali tal-kuntratt. Dan jista’ jkun b’mod partikolari l-każ fiż-żewġ ġruppi ta’ każijiet li ġejjin.

56.      L-ewwel grupp ta’ każijiet huma dawk fejn l-offerent magħżul mill-awtorità kontraenti jinvolvi subkuntratturi. Sabiex ma tirrestrinġix iżżejjed il-grupp ta’ fornituri ta’ servizzi potenzjali, id-Direttiva 92/50 tipprovdi espliċitament li l-awtorità kontraenti għandha l-possibbiltà li taċċetta l-għoti ta’ subkuntratti lil terzi (31). Karatteristika li tiddistingwi lil dan il-grupp ta’ każijiet huwa l-fatt li dak li l-offerent ewlieni magħżul iżomm r-responsabbiltà sħiħa kuntrattwali għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ servizzi jew fi kwalunkwe każ ikun responsabbli in solidum f’dan ir-rigward.

57.      It-tieni grupp ta’ każijiet jirrigwarda tibdil ta’ natura purament interna magħmul mill-offerent magħżul mill-awtorità kontraenti. Dan jista’ wkoll jinkludi l-fatt li tiġi involuta waħda mill-kumpanniji sussidjarji tiegħu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Fil-kawża preżenti m’huwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat b’mod definittiv kemm għandha tkun stretta r-rabta bejn l-offerent magħżul u l-kumpannija sussidjarja tiegħu. Fi kwalunkwe każ huma inklużi l-kumpanniji sussidjarji li l-offerent magħżul jikkontrolla bl-istess mod kif jikkontrolla d-dipartimenti tiegħu stess. L-involviment ta’ kumpanniji sussidjarji fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt jixbah xi ftit operazzjoni interna (32) min-naħa ta’ fornituri ta' servizzi, fejn essenzjalment ma jinbidel xejn − fi kwalunkwe każ − abbażi ta’ evalwazzjoni ekonomika − f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku.

58.      Fiż-żewġ gruppi ta’ każijiet imsemmijin huwa ċert li l-bdil li seħħ min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi ma jikkawżax distorzjoni tal-kompetizzjoni u konsegwentement lanqas ma jikkawża emenda sostanzjali tal-kuntratt.

59.      Operazzjoni bħat-trasferiment ikkontestat tas-servizzi OTS lill-APA-OTS fis-sena 2000 tixbah, prima facie, l-għoti ta’ sub-kuntratt min-naħa tal-APA (l-ewwel grupp ta’ każijiet). Favur dan l-argument hemm il-fatt li dawn is-servizzi attwalment jingħataw minn persuna legali li mhijiex l-APA anki jekk madankollu l-APA stess hija responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku ta’ servizzi kollu, kif ukoll għax-xogħol meħud mill-APA-OTS.

60.      Madankollu, wara eżami iktar fil-fond, entita bħal ma hija l-APA-OTS ma tidhirx li hija daqshekk simili għal impriża awtonoma subkontraenti tal-APA imma aktarx bħala dipartiment tal-APA. Operazzjoni bħall-involviment tal-APA-OTS, li saret fis-sena 2000, fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku turi riorganizzazzjoni purament interna min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi APA (it-tieni grupp ta’ każijiet).

61.      Għalkemm huwa minnu li parti mis-servizzi dovuti mill-APA attwalment tiġi pprovduta minn persuna ġuridika oħra, jiġifieri l-APA-OTS. Madankollu mil-lat ekonomiku l-APA-OTS mhijiex terz peress li hija kkontrollata għal kollox minn APA, li hija l-kumpannija prinċipali tagħha. Mhux biss il-proprjetà ta’ 100% tal-ishma min-naħa tal-APA iżda wkoll id-dritt li hija għandha li tagħti istruzzjonijiet kif ukoll kuntratt ta’ esklużjoni tat-telf jiggarantixxu li l-APA-OTS tiġi kkontrollata mill-kumpannija prinċipali bħala dipartiment tagħha stess. Għaldaqstant abbażi ta’ evalwazzjoni ekonomika ma nbidel xejn essenzjali għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku.

62.      Għalhekk, operazzjoni bħal dik li saret fis-sena 2000 ma kienet tinvolvi l-ebda emenda sostanzjali tal-kuntratt u għalhekk ma kellhiex tiġi ttrattata bħala għoti (ġdid) ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi.

63.      Dan m’huwiex ikkonfutat mill-fatt li l-proprjetà ta’ 100% tal-ishma tal-APA-OTS min-naħa tal-APA mhijiex iggarantita għat-tul kollu tal-kuntratt pubbliku (33). Għalkemm huwa minnu li l-APA tista’ dejjem, teoretikament, tbiegħ lil terzi ishma tal-APA-OTS, madankollu, għall-finijiet tal-kwistjoni li trid tiġi ttrattata f’dan il-każ, jiġifieri dik ta’ jekk fis-sena 2000 kienx hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt u għalhekk għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi, huma ddeterminati biss dawk il-fatti li kienu konkretament prevedibbli dak iż-żmien.

64.      Il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeżiġi li għandha dejjem tittieħed deċiżjoni ex ante, jiġifieri fil-mument tal-konklużjoni tan-negozju ġuridiku, dwar jekk jeżistix jew le l-obbligu li ssir proċedura ta' għoti (34). Fil-fatt diġà b’effett mill-mument tal-istipulazzjoni tal-kuntratt, kemm l-awtorità kontraenti kif ukoll l-impriża kontraenti kif ukoll, finalment, l-impriżi li l-offerti tagħhom ma ġewx aċċettati għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jaċċertaw jekk kienx meħtieġ jew le li jkun hemm proċedura għall-għoti. Fi kwalunkwe każ iċ-ċirkustanzi li jiġru wara għandhom jiġu kkunsidrati jekk il-fatt li jistgħu jseħħu kien prevedibbli b’ċertezza diġà sa mill-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni.

65.      Mill-atti jirriżulta li fil-mument tal-involviment tal-APA-OTS fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku ma kienx hemm elementi konkreti li jissuġġerixxu, per eżempju, bejgħ imminienti ta' ishma min-naħa tal-APA. Konsegwentement insostni l-evalwazzjoni tiegħi li operazzjoni bħal dik magħmula fis-sena 2000 ma kienet tinvolvi l-ebda emenda sostanzjali tal-kuntratt u li għaldaqstant ma kienet meħtieġa l-ebda proċedura għall-għoti.

b)      It-tieni parti tal-ewwel domanda: il-kompożizzjoni tal-kumpannija APA

66.      Il-Bundesvergabeamt jixtieq jistabbilixxi wkoll jekk fir-rigward ta’ operazzjoni bħal dik magħmula fis-sena 2000 huwiex rilevanti l-fatt li l-grupp ta’ msieħba tal-kooperattiva APA seta’ jinbidel matul il-perijodi ta’ validità tal-kuntratt.

67.      Bidla bħal din tista’ tkun rilevanti mill-perspettiva tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi biss jekk ikollha bħala konsegwenza bidla tal-anqas parzjali tal-fornitur ta’ servizzi u jkollha, għalhekk, tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt.

68.      Jekk, per eżempju, il-fornitur ta’ servizzi huwa biss sempliċi assoċjazzjoni professjonali mingħajr personalità ġuridika, kull membru tal-assoċjazzjoni jakkwista d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt konkluż ma’ l-awtorità kontraenti. F’dan il-każ, bdil fil-kompożizzjoni tal-assoċjazzjoni tista’ twassal sabiex l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku tiġi fdata, kompletament jew parzjalment, f’idejn impriża li ma kellhiex għalfejn tikkompeti ma’ offerenti oħrajn u li l-għażla tagħha ma saritx wara paragun ma’ offerenti eventwali oħrajn. Dan iwassal − bla ħsara għall-eċċezzjonijiet esposti iktar’il fuq (35)− għal emenda sostanzjali tal-kuntratt (36).

69.      Min-naħa l-oħra, jekk il-fornitur tas-servizzi huwa persuna legali, hija biss din tal-aħħar li ssir l-offerent magħżul mill-awtorità kontraenti, u bdil eventwali fil-grupp ta’ proprjetarji tal-ishma tagħha ma jkun jinvolvi l-ebda emenda sostanzjali tal-kuntratt (37).

70.      F’din il-kawża mill-atti jirriżulta li l-APA hija “kooperattiva rreġistrata b’responsabbiltà limitata”. Għaldaqstant jista’ jiġi ammess li l-APA għandha personalità ġuridika. Bla ħsara għall-konstatazzjonijiet tal-Bundesvergabeamt f'dan ir-rigward għandu jiġi sostnut li l-offerent magħżul mir-Repubblika tal-Awstrija m’humiex, f’din il-kawża, l-imsieħeb tal-kooperattiva APA imma l-APA stess. F'każ bħal dan, eventwali bdil fil-grupp ta' msieħba fil-kooperattiva ma jwasslux għal emenda sostanzjali tal-kuntratt.

3.      Fuq it-tielet domanda

71.      Permezz tat-tielet domanda tiegħu l-Bundesvergabeamt essenzjalment jistaqsi jekk għandux jiġi kkunsidrat bħala għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi taħt id-Direttiva 92/50 il-fatt li matul il-perijodu ta’ validità tiegħu l-awtorità kontraenti u l-fornitur ta’ servizzi jemendaw, benjiethom, kuntratt ta’ servizzi fis-seħħ fis-sens li:

–        klawżola ta’ rinunzja għat-terminazzjoni li kienet preċedentement miftehma u li diġà skaduta, miftiehma minn qabel, tiġġedded għal tliet snin u

–        uħud mill-ħlasijiet jkunu differenti minn dawk preċedentement miftiehma minħabba li minn dak inhar’il quddiem dawn ser jingħataw skont ta’ għaxar punti perċentwali.

72.      Din id-domanda tirrigwarda t-tieni klawżola addizzjonali għall-kuntratt bażiku miftiehma fl-2005 bejn l-APA u r-Repubblika tal-Awstrija.

a)      L-ewwel parti tat-tielet domanda: tiġdid tar-rinunzja għat-terminazzjoni

73.      L-ewwel parti tat-tielet domanda tirrigwarda t-tiġdid, fl-2005, ta’ klawżola, li kienet diġà skadiet, ta’ rinunzja għat-terminazzjoni miftehma bejn il-partijiet kontraenti.

74.      Jikkawża problemi, mil-lat tar-regoli rilevanti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-fatt li tiġi miftiehma, fir-rigward ta’ kuntratt b’eżekuzzjoni kontinwata, rinunzja għat-terminazzjoni oħra, għal perijodu itwal jew li tiġi eskluża għal kollox it-terminazzjoni min-naħa ta’ awtorità kontraenti. Ftehim bħal dan jeskludi effettivament kull kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi potenzjali u għalhekk ikun imur kunsiderevolment kontra l-għanijiet tad-direttivi fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

75.      Madankollu s-sitwazzjoni hija differenti fil-każ ta’ rinunzja għat-terminazzjoni bħal dik li ġiet miftiehma f’dan il-każ fl-2005, li hija limitata għal perijodu ta’ tliet snin. Rinunzja għat-terminazzjoni bħal din ma tistax, a priori, tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli mill-perspettiva tal-leġiżlazzjoni fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Madankollu għandu jiġi vverifikat jekk hija kellhiex tgħaddi minn proċedura għall-għoti. Dan jiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk rinunzja għat-terminazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt qafas eżistenti (38).

76.      Biex tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt, rinunzja għat-terminazzjoni limitata għal ftit snin għandha tkun ta’ natura tali li tista’ tikkawża distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat u tiffavorixxi l-offerent magħżul mill-awtorità kontraenti fil-konfront ta’ fornituri oħrajn ta’ servizzi potenzjali (39).

77.      Dan jista’ jiġri biss eċċezzjonalment jiġifieri jekk fil-mument tal-konklużjoni tal-klawżola ta’ rinunzja għat-terminazzjoni jkunu jeżistu elementi konkreti li jissuġġerixxu li fin-nuqqas ta’ tali klawżola l-awtorità kontraenti kienet, matul il-perijodu ta' validità ta’ tali klawżola, tittermina l-kuntratt eżistenti. Fil-fatt huwa biss f’dak il-każ li fornituri ta’ servizzi oħrajn potenzjali setgħu jittamaw serjament li jissostitwixxu għal kollox jew parzjalment matul dan il-perijodu l-fornitur ta’ servizzi attwali.

78.      L-ewwel nett f’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-awtorità kontraenti m’għandha l-ebda obbligu legali li tittermina b’mod antiċipat relazzjoni kuntrattwali li nħolqot mingħajr ksur tar-regoli fis-seħħ; l-adeżjoni tal-Awstrija fl-Unjoni Ewropea ma ħolqot l-ebda obbligu, għall-awtorità kontraenti, li tittermina jew tissuġġetta l-kuntratt qafas diġà eżistenti għal proċedura ġdida ta’ għoti (40). Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li b’effett mill-iskadenza tar-rinunzja għat-terminazzjoni miftiehma oriġinarjament (1994) it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ servizzi ma’ l-APA setgħet kienet legalment possibbli, madankollu din it-terminazzjoni bl-ebda mod ma kienet obbligatorja.

79.      Fit-tieni lok, għar-Repubblika tal-Awstrija – bla ħsara għal konstatazjonijiet ulterjuri li għadu jrid jagħmel il-Bundesvergabeamt – lanqas ma kien jeżisti, fis-sena 2005, xi stimolu ekonomiku sabiex wieħed jgħaddi għal offerent ieħor ta’ servizzi matul il-perijodu ta’ validità tar-rinunzja għat-terminazzjoni kkunsidrat, perijodu li kien relattivament limitat, jiġifieri sa’ l-aħħar tal-2008. Safejn wieħed jista’ jara, l-awtorità kontraenti setgħet raġjonevolment tqis li fil-perijodu minn dakinhar sa l-2008 ma kienx ser ikun hemm disponibbli offerti ekwivalenti b’kundizzjonijiet iktar konvenjenti, li kienu jiġġustifikaw l-oneru ta’ bidla.

80.      Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni pprovduta f’din il-kawża, ir-rinunzja għat-terminazzjoni miftiehma mill-ġdid fl-2005 għal perijodu ta’ validità ta’ tliet snin ma kienet tinvolvi l-ebda perikolu ta’ distorzjoni tal-kompetizzjoni u għalhekk m’għandhiex tiġi kklassifikata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt qafas.

b)      It-tieni parti tat-tielet domanda: ftehim fuq skontijiet iktar għoljin

81.      It-tieni parti tat-tielet domanda tirrigwarda l-iskontijiet iktar għoljin miftiehma fl-2005 għall-konsultazzjonijiet permezz ta’ mezzi elettroniċi tas-servizzi ta’ informazzjoni tal-APA. Filwaqt li f’dan ir-rigward il-kuntratt qafas kien jagħti lill-awtoritajiet amministrattivi Federali Awstrijaċi skont ieħor ta’ 15%, b’effett mit-tieni klawżola addizzjonali għal dak il-kuntratt daħal fis-seħħ skont ta’ 25%.

82.      Kif diġà ġie aċċennat (41), jista’ jkun hemm għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi eżistenti biss jekk ikun hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt. Dan jgħodd ukoll fir-rigward ta’ emendi fil-ħlas miftiehem kuntrattwalment. Anki jekk fil-fatt it-tibdil fil-ħlas, bħala tali, jirrappreżenta kontenut essenzjali tal-kuntratt (42), madankollu mhux kull emenda, żgħira kemm hi żgħira, tad-dispożizzjonijiet oriġinali li jirrigwardaw il-ħlas għandha tiġi awtomatikament ikkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt.

83.      L-ewwel nett għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk iż-żieda ta’ għaxar punti perċentwali fuq l-iskont mogħti oriġinarjament tikkostitwixxix emenda sostanzjali tad-dispożizzjonijiet fuq il-ħlas applikabbli għall-kuntratt pubbliku ta’ servizzi.

84.      L-APA u l-APA-OTS isostnu li skont ta’ 25% mogħti għall-futur huwa biss żvilupp loġiku ta’ dak li fi kwalunkwe każ kien applikat fil-kuntratt qafas. Fil-fatt il-kuntratt qafas kien diġà jirreferi għal tariffa bi skali tal-APA. L-iskont il-ġdid ogħla għandu jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għall-introduzzjoni ta’ skala ġdida, iktar baxxa fit-tariffa APA.

85.      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li huwa l-Bundesvergabeamt li għandu jivvaluta b’mod konkret l-elementi ta’ fatt rilevanti fit-tilwima li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, li tiddefinixxi l-uniku kuntest fattwali rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura(43), l-emenda tal-perċentwali minn 15 % għal 25 % hija ppreżentata bħala “skont akbar minn dak preċedenti”. Dan jagħti’l wieħed x’jifhem li kien hemm emenda sostanzjali fil-kontenut tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħlas.

86.      Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li anki l-iskont oriġinali ta’ 15 % kien jirreferi għall-“iskala l-iktar baxxa tat-tariffa”. Għalhekk, diġà minn meta ġie konkluż il-kuntratt qafas fis-sena 1994 kienet ġiet konċessa, lill-awtorità kontraenti, l-iktar skala ta’ tariffa favorevoli possibbli. Konsegwentement, f’dak il-mument il-partijiet kuntrattwali kienu’l bogħod milli jipproġettaw jew anki li jqisu possibbli li jkun hemm passaġġ għal skala ta’ prezzijiet iktar favorevoli. Jekk issa, fis-sena 2005, ingħata skont miżjud b’għaxar punti perċentwali, li jirreferi mill-ġdid għall-iskala ta’ tariffa l-iktar baxxa, dan jindika emenda vera u proprja fil-prezz u mhux biss żvilupp loġiku tal-kalkolu tal-ħlas kif kien diġà applikat fil-kuntratt qafas.

87.      Iżda tali emenda kuntrattwali għandha tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt biss jekk hija konkretament tista’ tikkawża distorzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat u li tiffavorixxi lill-offerent magħżul mill-awtorità kontraenti fil-konfront ta’ fornituri ta’ servizzi oħrajn potenzjali.

88.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ jeħtieġ li, minn naħa, tiġi kkunsidrata l-portata tal-emenda tal-prezz għal kull wieħed mis-servizzi u, min-naħa l-oħra, li din l-emenda fil-prezz tiġi evalwata fid-dawl tal-importanza tal-kuntratt pubbliku kkonċernat fit-totalità tiegħu.

89.      L-ewwel nett f’dak li jirrigwarda emenda ta’ prezz fiha nnifisha, il-periklu ta’ distorzjoni tal-kompetizzjoni fil-każ ta’ tnaqqis fil-prezz huwa żgħir ħafna meta mqabbel mal-każ ta’ żidiet fil-prezz. Fil-fatt it-tnaqqis tal-ħlas jaħdem favur l-awtorità kontraenti u normalment jtejjeb il-profitabbiltà tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

90.      Madankollu m’huwiex a priori eskluż li anki l-ftehim ta’ ħlas iktar baxx jista’, f’każijiet eċċezzjonali, jkollu l-effett li jikkawża distorzjoni tal-kompetizzjoni. Dan ġie ġustament osservat mill-Gvern Litwan.

91.      Il-fattur deċiżiv huwa dejjem dak li jiġi stabbilit liema kundizzjonijiet l-awtorità kontraenti setgħet tikseb fis-suq fil-mument tal-emenda kuntrattwali. Għalhekk, jekk il-prezzijiet għas-servizzi kkontemplati mill-kuntratt, ġeneralment, raħsu fis-suq wara l-għoti oriġinali tal-kuntratt pubbliku, is-sempliċi fatt li jiġi miftiehem ħlas iktar baxx minn qabel ma jagħti l-ebda garanzija tal-ħarsien tal-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa u tal-prinċipju tal-effiċjenza ekonomika. Dak li għandu jiġi vverifikat huwa jekk fil-mument tal-emenda kuntrattwali fornituri potenzjali oħrajn ta’ servizzi setgħux joffru lil-awtorità kontraenti s-servizz mixtieq bi prezz iktar baxx minn dak tal-offerent magħżul attwali.

92.      Madankollu, skont l-informazzjoni disponibbli, ma jeżisti l-ebda element konkret li juri li l-awtorità kontraenti fil-każ preżenti setgħet tikseb, billi timplimenta proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, prezz iktar favorevoli għal servizz ekwivalenti minn dak li kisbet fil-kuntest tat-tieni klawżola addizzjonali tal-kuntratt qafas stipulat ma’ l-APA bħala l-fornitur ta’ servizzi attwali.

93.      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-importanza tal-emenda fil-prezz li kien hemm fir-rigward tal-kuntratt pubbliku kkunsidrat globalment, għandu jinżamm amment li l-iskont akbar ġie miftiehem biss għal servizz parzjali – il-konsultazzjonijiet b’mezzi elettroniċi tas-servizzi ta’ informazzjoni tal-APA – u mhux per eżempju għas-servizzi kollha li l-APA kellha tipprovdi. Anki jekk skont miżjud b’għaxar punti perċentwali għas-servizz ikkonċernat jista’ jkun kunsiderevoli, meta mqabbel mal-kuntratt ikkunsidrat globalment, dan jitlef mill-piż tiegħu.

94.      Madankollu huwa l-Bundesvergabeamt li, fl-aħħar mill-aħħar, għandu jagħmel il-verifiki meħtieġa fir-rigward tal-importanza tal-emenda tal-prezzijiet, kemm fir-rigward tas-servizz parzjali kkonċernat kif ukoll fir-rigward tal-kuntratt pubbliku kkunsidrat globalment.

95.      Abbażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull każ ma jidhirlix li emenda fil-prezz bħal dik li rriżultat miż-żieda fl-iskont konċess fl-2005 permezz tat-tieni klawżola addizzjonali, għandha tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt.

4.      Fuq it-tieni domanda

96.      Permezz tat-tieni domanda tiegħu l-Bundesvergabeamt essenzjalment jistaqsi jekk għandux jiġi kkunsidrat bħala għoti ġdid ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi taħt id-Direttiva 92/50 il-fatt li l-awtorità kontraenti u l-fornitur ta’ servizzi jemendaw bejniethom, matul il-perijodu ta’ validità tiegħu, kuntratt ta’ servizzi fis-sens li

–        wara li tiġi adottata l-valuta l-ġdida, il-ħlas miftiehem kuntrattwalment ma jibqax jiġi espress fil-valuta nazzjonali imma f’euro,

–        il-klawżola ta’ indiċjar prevista fil-kuntratt tiġi riformulata b’riferiment għal indiċi li jissostitwixxi dak użat sa dakinhar u

–        fil-futur, ħlasijiet partikolari jkunu differenti minn dawk li kienu miftiehma sa dakinhar.

97.      Din id-domanda tirrigwarda l-ewwel klawżola addizzjonali tal-kuntratt qafas, miftiehma fis-sena 2001, li tat lok għal dawn l-emendi tad-dispozizzjonijiet fuq il-ħlas.

98.      Adattamenti kuntrattwali purament tekniċi, li m’għandhom l-ebda influwenza deċiżiva fuq ir-relazzjoni legali bejn fornitur u benefiċjarju tas-servizzi li teżisti bejn l-awtorità kontraenti u l-offerent magħżul minnha lanqas ma jikkostitwixxu emenda sostanzjali tal-kuntratt. Għalhekk, din bl-ebda mod ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala emenda sostanzjali tal-kuntratt li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt.

99.      Jekk kuntratt li jkun diġà jeżisti meta jkun hemm il-konverżjoni tal-valuta għall-euro jiġi emendat fis-sens li l-ħlasijiet miftiehma jiġu espressi fil-valuta l-ġdida, mingħajr ma jiżdiedu jew jitnaqqsu sostanzjalment, ma jkunx hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt, iżda sempliċement adattament tekniku ta’ kuntratt eżistenti għaċ-ċirkustanzi esterni li jkunu nbidlu (44). Parti minn dan l-adattament purament tekniku huwa, per eżempju, l-arrotondament,’il fuq jew’l isfel, ta’ ammonti ġodda kkaklulati f’euro skont ir-regoli fis-seħħ.

100. Bl-istess mod, riferiment għal indiċi ta’ garanzija ta’ valur differenti minn dak li inizjalment ġie miftiehem jista’ wkoll tkun adattament kuntrattwali purament tekniku, kemm il-darba ż-żewġ indiċi jkunu ekwivalenti. Tali ekwivalenza donnha tirriżulta mill-indikazjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju li tgħid li l-indiċi l-ġdid huwa indiċi sussegwenti għal dak użat preċedentement. Il-Bundesvergabeamt għandu madankollu jaċċerta ruħu mill-fatt li anki l-mod ta’ kif jaħdem l-indiċi l-ġdid huwa ekwivalenti għal dak tal-indiċi preċedenti. Dan jimplika b’mod partikolari li s-serje ta’ prodotti jew indikaturi oħrajn ta’ riferiment li fuqhom jistieħ kull indiċi għandhom ikunu sostanzjalment ekwivalenti.

101. Min-naħa l-oħra, jekk il-partijiet kontraenti jieħdu vantaġġ mill-bdil fil-valuta jew minn bdil ta’ indiċi sabiex jemendaw materjalment ukoll il-ħlasijiet oriġinalment miftehma, għaldaqstant din il-miżura tkun tmur lil hinn minn sempliċi adattament tekniku. Fil-fatt, f’każ bħal dan, ma jibqax sa mill-bidu eskluż li kien hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt li taffettwa l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi.

102. Fil-kawża preżenti, l-adattamenti tal-kuntratt qafas permezz tal-ewwel klawżola addizzjonali kienu jfissru li għall-ammissjoni ta' stqarrijiet partikolari tal-awtorità federali fis-servizz OTS għas-snin 2002, 2003 u 2004 kien hemm fis-seħħ ħlasijiet massimi li ma setgħux jogħlew.

103. Il-Bundesvergabeamt għandu jivverifka jekk dan kienx jinvolvi emenda sostanzjali f’dak li jirrigwarda l-ħlasijiet miftiehma fil-kuntratt qafas. Il-kwistjoni determinanti f’dan ir-rigward hija li jsir magħruf kif kienu, wara eżami oġġettiv abbażi tal-elementi disponibbli fl-2001, jiżviluppaw il-ħlasijiet indiċjati miftehma fil-kuntratt qafas.

104. Jekk il-ħlasijiet massimi stabbiliti għas-snin 2002, 2003 u 2004 jikkorrespondu sostanzjalment mal-prezzijiet li kienu jirriżultaw skont kull previżjoni anki bl-applikazzjoni tal-klawżola ta’ indiċjar stabbilita fil-kuntratt qafas, ma jkun hemm l-ebda emenda sostanzjali tal-kuntratt (45). Iżda, jekk b’mod ċar ma jimxux max-xejra tal-prezzijiet stabbiliti prevedibbli fid-dawl ta l-kuntratt qafas, għandhom jiġu eżaminati l-effetti ta’ din il-bidla fuq il-kompetizzjoni, u għal dan l-eżami jgħoddu l-kriterji esposti iktar’il fuq fl-eżami tat-tieni parti tat-tielet domanda (46).

105. Abbażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli, madankollu, li emenda fil-prezz bħal dak miftiehem fl-ewwel klawżola addizzjonali taqa’ fil-kuntest taż-żidiet fil-prezz annwali kif prevedibbli fl-2001 u li, diġà għal dan il-motiv, ma tikkostitwixxix emenda sostanzjali tal-kuntratt.

B –    Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

106. Ir-raba’ u l-ħames domandi, li l-Bundesvergabeamt jiddedika għall-problema tal-proċedura għall-għoti applikabbli u għal dik tal-kapaċità ta’ fornitur ta’ servizzi, jippresupponu li l-operazzjonijiet bħal dawk li seħħew fis-snin 2000, 2001 u 2005 għandhom ġeneralment jiġu kkunsidrati bħala għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi.

107. Abbażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li l-ebda waħda minn dawn l-operazzjonijiet ma kienet tikkostitwixxi għoti ta’ dan it-tip (47). Għaldaqstant ser neżamina r-raba’ u l-ħames domandi biss b’mod sussidjarju.

1.      Fuq ir-raba’ domanda

108. Permezz tar-raba’ domanda tiegħu, il-Bundesvergabeamt essenzjalment jistaqsi jekk kuntratt pubbliku ta’ servizzi jistax jingħata bħala ħaġa waħda fi proċedura nnegozjata li mhijiex preċeduta minn pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti, jekk il-kuntratt għandu bħala suġġett servizzi li m’humiex, fil-biċċa l-kbira tagħhom, prijoritarji u fejn dritt ta’ esklużivita skont l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50, jeżisti biss fir-rigward ta’ wħud mis-servizzi li għandhom jiġu pprovduti.

a)      Servizzi prijoritarji u mhux prijoritarji

109. Id-Direttiva 92/50 tiddistingwi, abbażi tal-Artikoli 8 sa 10 tagħha, fost servizzi prijoritarji u mhux prijoritarji. Is-servizzi tal-ewwel kategorija huma ddefiniti fl-Anness IA tad-Direttiva filwaqt li dawk tat-tieni huma ddefiniti fl-Anness IB tagħha. L-isfond għal dawn ir-regoli huwa l-fatt li l-kuntratti li jirrigwardaw servizzi mhux prijoritarji, fid-dawl tan-natura speċifika tagħhom, m’għandhomx a priori interess transfruntaljier tali li jiġġustifika li l-għoti tagħhom isir wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti (48).

110. Il-Bundesvergabeamt, billi jibbaża ruħu fuq l-argumenti tal-APA u tal-APA-OTS iqis li s-servizzi ta’ aġenzija tal-istampa bħal dawk miftehmin fil-kawża preżenti jikkostitwixxu taħlita ta’ servizzi prijoritarji u oħrajn mhux prijoritarji (49), fejn is-servizzi mhux prijoritarji, b’mod ċar, huma fil-maġġoranza, abbażi tal-valur tagħhom.

111. Jekk jiġi preżunt li din l-evalwazzjoni hija korretta (50), hija kumplessivament is-sistema ta’ servizzi mhux prijoritarji li tapplika għall-kuntratt pubbliku ta’ servizzi mogħti lill-APA (l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50). Dan jikkostitwixxi kuntratt pubbliku li ma huwa suġġett għall-ebda proċedura speċifika ta’ għoti skont it-titolu III tad-Direttiva 92/50 (51).

b)      Applikabbiltà tal-prinċipju ta’ trasparenza

112. Skont ġurisprudenza stabbilita, anki fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ għoti li għalihom id-direttivi fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jipprevedu l-ebda proċedura speċifika ta’ għoti għandhom, madankollu, jiġu rrispettati l-prinċipji fundamentali tat-Trattat KE inġenerali u l-prinċipju tan-non diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza b’mod partikolari (52). Huwa biss reċentement li l-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li dan jgħodd anki għall-għoti ta’ kuntratti dwar servizzi mhux prijoritarji (53).

113. Għalhekk, jekk kuntratt dwar servizzi mhux prijoritarji jkollu element ċara transfruntaljier, fir-rigward tiegħu għandu japplika l-prinċipju ta’ trasparenza li jirriżulta mil-libertajiet fundamentali u konsegwentement il-kuntratt ma jistax jingħata mingħajr xi forma ta’ trasparenza(54).

114. Il-Bundesvergabeamt għandu jivverifika jekk il-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija tal-istampa bħal dawk li huma s-suġġett tal-kuntratt fil-kawża preżenti jinvolvix element ċar transfruntaljier(55). F’dan ir-rigward għandhom jiġu kkunsidrati, fost l-oħrajn, l-aspetti li ġejjin:

–        Jixhed favur l-eżistenza ta’ interess transfruntaljier il-fatt li diversi agenziji tal-istampa jwettqu l-attività tagħhom f'livell internazzjonali. Anki d-dħul fis-suq ta’ PN fis-sena 1999 juri li s-suq Awstrijak ma kienx għal kollox nieqes mill-interess għall-offerenti ġodda.

–        L-eżistenza f’dak iż-żmien ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni bejn diversi aġenziji tal-istampa li joperaw fis-swieq nazzjonali rispettivi tagħhom – ftehim imsemmija waqt it-trattazzjoni – ma teskludix a priori li wħud minn dawn l-aġenziji riedu jsaħħu fil-futur l-impenn tagħhom f’suq bħal dak Ġermaniż permezz tal-preżenza tagħhom in loco.

–        Jista’ jixhed kontra l-eżistenza ta’ interess transfruntaljier il-fatt li l-parti l-kbira ta’ servizzi meħtieġa milll-awtoritajiet Federali Awstrijaċi fiha referenzi speċifiċi għall-Awstrija, anki għall-ġrajjiet li ġraw fil-Länder ta’ dak il-pajjiż.

c)      Kontenut tal-prinċipju ta’ trasparenza

115. Fuq il-mertu mill-prinċipju ta’ trasparenza jirriżulta li għandu jiġi ggarantit livell adegwat ta’ pubbliċità (56). Sa issa għadha ma ġietx solvuta l-kwistjoni biex jiġi stabbilit liema rekwiżiti jirriżultaw għall-operazzjonijiet ta’ għoti li fil-konfront tagħhom id-direttivi fuq is-suġġett ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jipprevedu l-ebda proċedura għall-għoti speċifika. Huwa ċert biss li l-prinċipju ta’ trasparenza mhux bilfors jimplika l-obbligu ta’ sejħa għall-offerti (57).

116. Fl-aħħar hija l-awtorità kontraenti li għandha tevalwa, każ b’każ, x’inhu l-livell adegwat ta’ pubbliċità sabiex l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni jinfetaħ għal kompetizzjoni u sabiex ikun possibbli li wara tkun tista’ tiġi mistħarrġa l-imparzjalità tal-proċedura tal-għoti (58).

117. B’mod ġenerali l-prinċipju ta’ trasparenza m’għandux ikun interpretat fis-sens li dejjem għandha tiġi applikata proċedura għall-għoti li tikkorrespondi fid-dettalji kollha ma’ dik tad-direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (59). Kieku ma kienx hekk kienet tkun inutili d-distinzjoni bejn operazzjonijiet ta’ għoti li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi u dawk li ma jidħlux; anki l-limiti ta’ valuri massimi stabbiliti mill-leġiżlatur Komunitarju jispiċċaw mingħajr sinjifikat.

118. Iżda iktar minn hekk, mill-prinċipju ta’ trasparenza ma jirriżultawx, għall-operazzjonijiet ta’ għoti fir-rigward ta’ liema d-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jipprovdux proċeduri speċifiċi ta’ għoti, rekwiżiti li jaqbżu dawk fis-seħħ għall-operazzjonijiet ta’ għoti li għalihom huma previsti dawk il-proċeduri fid-direttivi (60). Fil-fatt id-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi m’humiex ħlief konkretizzazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza għal operazzjonijiet speċifiċi ta’ għoti li huma partikolarment importanti (61).

119. Fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huma, kompletament jew fil-biċċa l-kbira, servizzi mhux prijoritarji, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ trasparenza ma jistax jeħtieġ miżura ta’ pubbliċità akbar meta mqabbel mal-kuntratti li s-suġġett tagħhom huma, kompletament jew fil-biċċa l-kbira, servizzi prjoritarji.

120. F’dak li jirrigwarda l-kuntratti dwar servizzi li, minħabba raġunijiet ta’ ħarsien ta’ drittijiet ta’ esklużività (62), jistgħu jiġu eżegwiti biss minn fornitur partikolari ta’ servizzi dawn jistgħu dejjem jingħataw mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għall-offerti indipendentement mill-fatt jekk humiex servizzi prijoritarji jew mhux prijoritarji. Fil-fatt, jekk l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50 jippermetti li proċedura bħal din tintuża għal servizzi prijoritarji, iktar u iktar għandu jiġi permess li servizzi mhux prijoritarji jingħataw permezz ta’ din il-proċedura. F’dan ir-rigward il-valuri msemmijin fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 jistgħu jiġu trasposti anki għas-settur ta’ servizzi mhux prijoritarji. Jekk l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 ma jirrikjedi l-ebda pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ trasparenza ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi mod ieħor (63).

121. Trasparenza adegwata li tiggarantixxi li l-operazzjoni ta’ għoti tkun miftuħa għall-kompetizzjoni u li tippermetti li tkun tista’ tiġi mistħarrġa l-imparzjalità tal-eżekuzzjoni tal-proċedura għall-għoti tista’ tirriżulta, fil-każ ta’ servizzi skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50, anki permezz ta’ pubblikazzjoni ex post.

d)      Għoti ta’ kuntratt ta’ servizzi mħallat bħala kuntratt uniku

122. Fadal tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk kuntratt pubbliku ta’ servizzi jistax jingħata bħala kuntratt uniku bi proċedura nnegozjata ma tkunx ppreċeduta minn sejħa għal offerti fil-każ li dritt ta’ esklużività skont l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50 ma jkunx jeżisti fir-rigward tas-servizzi kollha iżda biss fir-rigward ta’ wħud mis-servizzi li għandhom jingħataw.

123. Bħala prinċipju, peress li l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 jidderoga mid-dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiggarantixxu l-effikaċja tad-drittijiet mogħtija mit-Trattat KE fis-settur tal-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi, dan l-Artikolu għandu jiġi interpretat f’sens restrittiv (64). Fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huma servizzi varji, dan jimplika li l-proċedura nnegozjata mingħajr sejħa preċedenti għal offerti tista’ tintuża biss għas-servizzi kkunsidrati konkretament fl-Artikolu 11(3).

124. Madankollu tali għoti separat ta’ servizzi skont l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50 jiġi kkunsidrat biss jekk il-kuntratt pubbliku jkun diviżibbli. Dan ma jiddependix biss fuq il-karattru, teoretikament, diviżibbli tal-kuntratt iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-użu u l-utilità prattika tas-servizzi skont jekk dawn jiġux ipprovduti separatament jew mill-istess fornitur.

125. Fil-każ preżenti l-APA u l-APA-OTS, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Gvern Federali esponew b’mod konvinċenti kemm huma marbutin ma’ xulxin id-diversi servizzi ta’ aġenzija tal-istampa miftiehma fil-kuntratt qafas. Għalhekk ma jkunx opportun li artikli tal-istampa jinkisbu mingħand fornitur filwaqt li r-reazzjonijiet għal dawn l-artikli jiġu mxandra minn fornitur differenti, għaliex, f’dan il-każ, ma jkunx ggarantit li ż-żewġ fornituri tas-servizzi jaqdu lill-istess klijent finali. Ma jkunx loġiku li stqarrija li tkun dehret f’gazzetta A titwieġeb b'dikjarazzjoni fil-gazzetta B. Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda l-faċilità tal-użu, huwa ta’ importanza deċiżiva l-fatt li jkun hemm aċċess għal-databases konnessi bejniethom permezz ta’ netwerk wieħed ta’ utenti.

126. Il-fatt li sadattant is-servizzi OST m’għadhomx jiġu pprovduti mill-APA iżda mill-APA-OST ma jixhidx favur il-karattru diviżibbli tal-elementi tal-kuntratt. Fil-fatt, kif diġà ġie espost, peress li kien hemm biss riorganizzazzjoni interna tal-fornitur tas-servizzi, mill-perspettiva ekonomika ma kienx hemm bdil tal-fornitur tas-servizzi, mhux talli hekk iżda talli l-APA tikkontrolla l-APA-OST bħal li kieku din kienet dipartiment tagħha stess (65). Barra minn hekk id-diversi servizzi jibqgħu relatati u jistgħu jinkisbu flimkien.

127. Bla ħsara għall-evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi fattwali magħmula mill-Bundesvergabeamt, dan kollu jixhed kontra l-karattru diviżibbli konkluż bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-APA u għalhekk kontra l-eżistenza ta’ obbligu li d-diversi elementi tal-kuntratt jingħataw separatament.

128. Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkonfutata mill-fatt li l-kuntratt ta’ servizzi jinvolvi kemm servizzi prijoritarji u kif ukoll servizzi mhux prijoritarji. Kif jirriżulta mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/50, m’huwiex assolutament meħtieġ li s-servizzi prijoritarji jingħataw b’mod separat minn dawk mhux prijoritarji (66).

129. Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti biss li kieku l-awtorità kontraenti kellha tgħaqqad flimkien f’kuntratt wieħed id-diversi servizzi b’mod arbitrarju jew bl-iskop li tevità d-dispożizzjonijiet tar-regoli fuq l-għoti ta' kuntratti pubbliċi (67). F’dan il-każ, madankollu, ma jeżisti l-ebda element li jindika dan. Bil-kontra ta’ dan skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, kien hemm raġunijiet oġġettivi favur li s-servizzi kollha kkontestati jingħataw permezz ta’ kuntratt uniku (68).

e)      Konklużjoni provviżorja

130. Fil-qosor jista’ jingħad dan li ġej fuq ir-raba’ domanda:

Kuntatt pubbliku ta’ servizzi jista’ jingħata bħala kuntratt uniku permezz ta’ proċedura negozjata mingħajr sejħa preċedenti għal offerti jekk is-suġġett prinċipali tal-kuntratt huma servizzi mhux prijoritarji u jekk jeżisti dritt ta’ esklużività, skont l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50, biss fir-rigward ta’ wħud mis-servizzi li għandhom jingħataw, sakemm is-servizzi individwali ma jkunux inġabru f’kuntratt wieħed ta’ servizz b’mod arbitrarju jew bl-iskop biss li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

2.      Fuq il-ħames domanda

131. Permezz tal-ħames domanda l-Bundesvergabeamt essenzjalment jistaqsi jekk imprenditur jistax jipprova l-kapaċità tiegħu li jeżegwixxi kuntratt pubbliku ta’ servizzi biss bis-sempliċi dikjarazzjoni li skont l-Artikolu 82 KE impriża oħra tkun obbligata li tpoġġi għad-dispożizzjoni tiegħu, taħt kundizzjonijiet ekwi, informazzjoni partikolari.

132. Din id-domanda hija bbażata fuq il-fatt li l-provvista ta’ servizzi ta’ aġenzija tal-istampa, bħall dik meħtieġa f’din il-kawża mill-awtoritajiet Federali Awstrijaċi, tippreżupponi l-aċċess għal arkivju estensiv li minnu, fost l-oħrajn, tista’ tinkiseb informazzjoni u testi storiċi. Skont l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-PN m’għandhiex arkivju ta’ informazzjoni storika li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak tal-APA. Barra minn hekk, l-APA ma tagħti l-ebda aċċess lill-kompetituri tagħha għall-arkivji, minn tal-anqas mhux għall-iskop li tbiegħ l-informazzjoni li tista’ tinsab f’dan l-arkivju. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk il-PN, sabiex tiġġustifika li minkejja dan hija tista’ tipprovdi s-servizzi, skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/50, tistax tinvoka li hija għandha d-dritt li jkollha aċċess għall-arkivji tal-APA, b’mod partikolari għad-database APA Dok tagħha.

133. Dan huwa riferiment għall-“prinċipju tal-faċilitajiet essenzjali” diskuss fid-dritt tal-kompetizzjoni. Skont il-ġurisprudenza rilevanti, fil-kuntest tal-Artikolu 82 KE – f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss – jista’ jiġi kkunsidrat abbużiv il-fatt li impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq tirifjuta li tagħti lil impriża oħra l-aċċess għall-oġġetti, servizzi jew informazzjoni indispensabbli (“faċilitajiet essenzjali”) (69). F’dawn il-każijiet l-Artikolu 82 KE jista’ jservi bħala bażi għal obbligu vinkolanti fil-konfront tal-impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq sabiex din tikkonkludi kuntratt.

134. Madankollu, f’din il-kawża m’huwiex rilevanti wisq li jsir magħruf jekk database bħall-arkivju APA Dok użata mill-APA fijiex informazzjoni indispensabbli għall-kompetituri tagħha u jekk jeżistux ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jobbligaw lill-APA li tagħti aċċess, b’kundizzjonijiet ekwi, lill-kompetituri tagħha.

135. Fil-fatt, fornitur ta’ servizzi li, sabiex jiġi ammess jieħu sehem fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti, għandu l-intenzjoni li juża l-mezzi ta’ entitajiet jew impriżi oħra, għandu jipprova li huwa jista’ effettivament juża dawn il-mezzi (70). Fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx possibbli li l-awtorità kontraenti tipparaguna b’mod utli l-kapaċità ta’ dan l-offerent li jipprovdi s-servizz mal-kapaċità ta’ fornituri ta’ servizzi potenzjali oħrajn. Jekk l-awtorità kontraenti tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li l-fornitur jista’ potenzjalment ikollu l-mezzi inkwistjoni, ikun hemm ir-riskju li hija tagħti l-kuntratt lil impriża li iktar tard tirriżulta – per eżempju minħabba diffikultajiet ta’ aċċess għall-mezzi neċessarji – inadegwata sabiex tipprovdi s-servizzi. Fl-istess ħin hija tkun qiegħda eventwalment tiċħad il-kuntratt lil imprenditur ieħor li jkun kapaċi. B’dan il-mod la jkun hemm konformità ma’ l-għan li jiġu assigurati opportunitajiet indaqs għall-fornituri ta' servizzi kollha potenzjali u lanqas mal-prinċipju tal-effikaċja fil-proċeduri ta' għoti.

136. Għalhekk, aġenzija tal-istampa bħall-PN ma tistax sempliċiment issostni li għandha dritt ta’ aċċess għall-arkivji tal-APA, imma għandha tipprova konkretament li dan l-aċċess huwa effettivament mogħti lilha, per eżempju f’forma ta’ impenn espliċitu jew kuntratt ta’ liċenzja li jkun diġà ġie konkluż. Fin-nuqqas ta’ dan, hija ma tistax, fi proċedura għall-għoti, tipprova b’mod utli l-kapaċità tagħha biss billi tirreferi għall-arkivji tal-APA.

137. It-termini, normalment qosra, li fihom trid tittieħed deċiżjoni fi proċedura għall-għoti ma jippermettux li jkun hemm il-kjarifikazzjoni ta’ spiss twila u kumplessa tal-kwistjonijiet diffiċli ta’ dritt marbutin ma’ l-Artikolu 82 KE u mal-“prinċipju tal-faċilitajiet essenzjali”. F’dan ir-rigward l-imprenditur kkonċernat għandu jikseb deċiżjoni għall-eventwali tilwima qabel ma jippreżenta l-kandidatura tiegħu għal kuntratt pubbliku.

138. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-ħames domanda, għandu jiġi deċiż li impriża ma tistax tiġġustifika l-kapaċità tagħha li tipprovdi s-servizzi involuti fil-kuntest tat-twettieq ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi biss billi tillimita ruħha li tiddikjara li impriża oħra hija obbligata, abbażi tal-Artikolu 82 KE, li tpoġġi għad-dispożizzjoni tagħha, b’kundizzjonijiet ekwi, ċerta informazzjoni.

C –    Fuq is-sitt u s-seba’ domandi

139. Permezz tas-sitt u tas-seba’ domandi tiegħu Il-Bundesvergabeamt jitlob iktar indikazzjonijiet dwar il-portata tal-ħarsien legali li għandu jingħata lill-impriża li ma ġietx magħżula mill-awtorità kontraenti. Anki dawn id-domandi jippreżupponu, konsegwentement, li l-operazzjonijiet bħal dawk li seħħew fis-snin 2000, 2001 u 2005 jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, bħala prinċipju, għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi. Il-Bundesvergabeamt stess jikkonstata dan fid-deċiżjoni tar-rinviju.

140. Abbażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, nikkunsidra li, kif diġà ngħad, l-ebda waħda minn dawn l-operazzjonijiet ma jikkostitwixxu għoti ta’ kuntratt pubbliku (71). Konsegwentement, jiena ser nikkunsidra s-sitt u s-seba’ domanda biss b’mod sussidjarju.

1.      Fuq is-sitt domanda

141. Is-sitt domanda tal-Bundesvergarbeamt tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ ħsara u rispettivament tal-persuna milquta li hemm fl-Artikoli 1(3) u 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665. Kif ingħad diġà (72), din id-domanda hija ammissibbli biss mil-lat tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva.

142. Permezz ta’ din id-domanda l-Bundesvergarbeamt essenzjalment jistaqsi jekk sabiex ikun hemm proċedura ta’ reviżjoni huwiex biżżejjed li r-rikorrent sempliċement isostni li tilef il-possibbiltà li jipparteċipa fi proċedura għall-għoti minħabba li kien ġie inġustament deċiż li ma jkunx hemm pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti, jew inkella jekk ir-rikorrent għandux jipprova wkoll il-kapaċità tiegħu li jeżegwixxi l-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-proċeduri ta rikors jiġu deskritti f’iktar reqqa.

143. L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 jawtorizza lill-Istati Membri li jillimitaw l-aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (73) b’żewġ modi, jiġifieri permezz, minn naħa, tar-rekwiżit ta’ interess tar-rikorrenti li jikseb il-kuntratt pubbliku inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, permezz tar-rekwiżit li r-rikorrent ikun ġarrab ħsara jew li jkun hemm ir-riskju li huwa jġarrab tali ħsara. B’dan il-mod jistgħu jiġu esklużi azzjonijiet popolari jew inkella li dawn ir-rimedju legali jiġu invokati minn kandidati li manifestament ma kellhomx ċans li jingħażlu.

144. Madankollu dan ma jistax ikun ta’ ħsara għall-effikaċja prattika tad-Direttiva (74). Il-limiti imposti fuq l-aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom għalhekk jiġu interpretati fid-dawl tal-għan doppju ppersegwit mid-direttiva, jiġifieri, minn naħa, li jiġi assigurat li l-individju jingħata protezzjoni legali effettiv fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u, min-naħa l-oħra, li jkun possibbli li jkun hemm stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti.

145. Fil-fatt kif jirriżulta mill-ewwel u mit-tieni premessa tagħha, id-Direttiva 89/665 hija intiża biex issaħħaħ il-mekkaniżmi eżistenti, kemm fuq il-livell nazzjonali u kif ukoll fuq il-livell Komunitarju, biex tiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva tad-direttivi Komunitarji li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi; għal dan il-għan, l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija Direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu li deċiżjonijiet illegali tal-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effikaċi u kemm jista’ jkun malajr (75).

146. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi m’għandux jiġi llimitat b’mod eċċessiv. B’mod partikolari l-ammissibbiltà ta’ proċedura ta’ reviżjoni m’għandiex tiġi suġġetta għall-istess kundizzjonijiet meħtieġa għall-fondatezza tagħha (76).

147. Għalhekk il-persuna kkonċernata m’għandiex tintalab, sa mill-istadju ta’ meta jitressaq ir-rikors, li tressaq il-prova konkreta li hija effettivament ġarrbet il-ħsara jew li effettivament hemm ir-riskju li ġġarrab ħsara. Bil-kontra ta’ dan, sabiex individwu jkollu aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandu jkun biżżejjed li l-persuna kkonċernata, minbarra l-ksur tal-liġi min-naħa tal-awtorità kontraenti, tinvoka b’mod konklużiv l-interess tagħha li tikseb il-kuntratt pubbliku inkwistjoni u kif ukoll il-possibbiltà li jkun hemm ħsara.

148. Il-possibbiltà li l-persuna kkonċernata ġġarrab ħsara għandha tiġi preżunta jekk m’huwiex manifestament eskluż li, fin-nuqqas tal-allegat ksur min-naħa tal-awtorità kontraenti, ir-rikorrenti kien jikseb l-għoti tal-kuntratt. Fejn il-kuntratt pubbliku – bħal fil-każ tal-kawża preżenti – jingħata permezz ta’ għoti dirett (77), mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għall-offerti, minn dan il-fatt – allegatament illegali – li l-persuna kkonċernata ġiet prekluża milli eventwalment tipparteċipa fi proċedura għall-għoti jirriżulta li r-rikorrent probabbilment tilef kuntratt u għalhekk ġarrab ħsara (78).

149. Fil-fażi tat-talba tagħha għal proċedura ta’ reviżjoni, il-persuna kkonċernata la għandha tintalab li tressaq prova konkreta tal-kapaċità tagħha li tipprovdi s-servizz u lanqas m’għandha tintalab tipprova li, fin-nuqqas tal-allegat ksur, hija kienet tikseb l-għoti (79). Jekk dan ma jkunx hekk, ikun prattikament impossibbli jew minn tal-anqas diffiċli żżejjed li l-persuna kkonċernata jkollha aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni (80). B’mod partikolari, f’każijiet ta’ għoti dirett bħal dak inkwistjoni jkun prattikament impossibbli għall-persuna kkonċernata li tressaq prova konkreta tal-kapaċità tagħha li tipprovdi s-servizz minħabba li, fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti, hija jista’ ma jkollhiex informazzjoni preċiża dwar il-kundizzjonijiet rikjesti mill-awtorità kontraenti.

150. Huwa biss eċċezzjonalment li t-talba fi proċedura ta’ reviżjoni tista’ tiġi miċħuda in limine bħala inammissibbli minħabba li l-persuna kkonċernata m’għandiex il-kapaċità li tipprovdi s-servizz, jiġifieri biss fil-każ fejn in-nuqqas ta’ kapaċità tagħha hija tant evidenti fil-mument tat-talba li ma jkun meħtieġ l-ebda eżami fil-fond. Madankollu, l-aspetti l-oħra kollha jaqgħu taħt il-kwistjoni tal-fondatezza tat-talba.

151. Għalhekk, f’dak li jirrigwarda s-sitt domanda, għandu jiġi deċiż li talba, skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665, hija ammissibbli jekk ir-rikorrent jinvoka, b’mod konklużiv, l-interess tiegħu li jikseb il-kuntratt pubbliku, il-ksur u l-eventwali ħsara li huwa ġarrab jew li hemm ir-riskju li huwa jġarrab. Jekk il-kuntratt ingħata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għall-offerti, diġà abbażi tal-fatt li l-persuna kkonċernata ġiet prekluża milli tipparteċipa fil-proċedura għall-għoti jista’ jiġi dedott li r-rikorrent probabbilment sofra ħsara, sakemm ma jkunx evidenti li hija m’għandiex il-kapaċità li tipprovdi s-servizz.

152. 2. Fuq is-seba’ domanda

153. Permezz tas-seba’ domanda tiegħu l-Bundesvergabeamt essenzjalment jistaqsi jekk huwiex kumpatibbli mal-prinċipi ta’ ekwivalenza u ta’ effettività l-fatt li l-liġi nazzjonali tistabbilixxi, f’dak li jirrigwarda proċedura ta’ dikjarazzjoni li taqa’ taħt ir-regoli fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li hija l-kundizzjoni preliminari għal talba suċċessiva għal ħlas ta’ kumpens għad-danni, terminu ta’ dekadenza ta’ massimu ta’ sitt xhur mid-data tal-allegat għoti li jmur kontra r-regoli fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-Bundesvergabeamt jistaqsi wkoll jekk il-prinċipju ta’ effettività jimponix li jiġu kkalkulati, flimkien mat-terminu ta’ sitt xhur, perijodi eventwali fejn skont il-liġi nazzjonali ma kien hemm l-ebda rimedju legali effettiv.

154. Din id-domanda hija bbażata fuq il-fatt li l-PN ressqet ir-rikors tagħha quddiem il-Bundesvergabeamt biss fl-Lulju tal-2006, jiġifieri fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Frar 2006, tad-dispożizzjonijiet proċedurali l-ġodda pprovduti fl-Artikolu 331 tal-BVergG 2006, iżda wara iktar minn sitt xhur minn meta seħħew l-operazzjonijiet ikkontestati, jiġifieri dawk tal-2000, 2001 u 2005. Fil-fehma tal-Bundesvergabeamt l-għoti dirett (“għoti de facto”) seta’ jiġi “effettivament ikkontestat” biss b’effett mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 331 tal-BVergG 2006.

155. Id-Direttiva 89/665 ma tistabbilixxi l-ebda regola espressa fir-rigward tat-termini li japplikaw fil-proċedura ta’ reviżjoni indikata fl-Artikolu 1 tagħha.

156. Għaldaqstant, il-punt tat-tluq sabiex tinstab soluzzjoni għad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa l-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (81): skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tindika l-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, sakemm, minn naħa, dawn il-modalitajiet proċeduri ma jkunux anqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rimedji simili previsti mil-leġiżlazzjoni interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, sakemm ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) (82). Dawn iż-żewġ prinċipji huma stabbiliti wkoll fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665: il-prinċipju ta’ ekwivalenza fil-paragrafu (2) u l-prinċipju ta’ effettività fil-paragrafu (1).

157. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni (83), li jeħtieġ li sitwazzjonijiet simili ma’ jiġux ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (84).

158. F'dan ir-rigward kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-APA u l-APA‑OTS ġustament enfasizzaw dettall li jikkaratterizza l-proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tar-regoli fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jagħmlu mod li ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti għandu jiġi mistħarreġ mill-iktar fis possibbli. B’dan il-mod, minn naħa għandha tingħata protezzjoni legali effettiv, u min-naħa l-oħra għandha, kemm jista’ jkun malajr, tintlaħaq iċ-ċertezza legali. Dawn l-għanijiet jiġġustifikaw, f’dak li jirrigwarda r-rimedji pprovduti fid-Direttiva 89/665, il-fatt li eventwalment jiġu stabbiliti termini ta’ preskrizzjoni aqsar minn dawk previsti għat-talbiet ta’ kumpens għall-ħsara skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali ta’ portata ġenerali.

159. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jipprekludix terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur għal reviżjonijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 332 (2) u (3) tal-BVergG 2006, anki jekk abbażi tad-dritt nazzjonali t-terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali għal kumpens għal ħsara huwa itwal.

160. Madankollu għandha tiġi eżaminata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, il-kwistjoni ta’ jekk terminu ta’ dekadenza, bħal dak previst fil-liġi Awstrijaka, għal talbiet ta’ dikjarazzjoni jirrendix prattikament impossibbli jew diffiċli żżejjed li l-individwi kkonċernati jinvokaw d-dritt tagħhom għall-kumpens għall-ħsara skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665.

161. Bħala prinċipju, l-fatt li d-drittijiet tal-eżerċizzju ta’ rimedji jiġu suġġetti għal-termini ta’ dekadenza ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività, minħabba li dan huwa każ ta’ applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali (85).

162. Il-karattru raġjonevoli ta’ terminu ta’ dekadenza għandu jiġi evalwat fid-dawl tan-natura u tal-konsegwenzi legali tar-rimedji legali inkwistjoni kif ukoll fid-dawl tad-drittijiet u tal-interessi tal-persuni kollha kkonċernati.

163. Għalhekk f’dak li jirrigwarda rikorsi intiżi sabiex tiġi ddikjarata n-nullità – kemm b’effett retroattiv kif ukoll għall-futur – ta’ kuntratti diġà konklużi, terminu ta’ dekadenza ta’ sitt xhur jidher li huwa, kollox ma’ kollox, raġjonevoli (86). Fil-fatt il-konsegwenza ġuridika partikolarment gravi tal-invalidità ta’ kuntratt diġà konkluż tiġġustifika li jiġi stabbiliti terminu ta’ dekadenza li jibda jidekorri anki indipendentement mill-fatt li r-rikorrenti jkun jaf bl-illegalità tal-għoti tal-kuntratt abbażi tal-leġiżlazzjoni fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew tal-anqas li messu kien jaf. Kemm għall-awtorità kontraenti kif ukoll għall-offerent magħżul teżisti eżiġenza – ċara u li timmerita ħarsien – ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-validità tal-kuntratt konkluż.

164. Madankollu, fir-rigward ta’ każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti għandu jiġi kkunsidrat li terminu ta’ dekadenza assoluta ta’ sitt xhur, kif stabbilit fl-Artikolu 332(2) u (3) tal-BVergG 2006 għal proċeduri ta’ dikjarazzjoni pprovduti fl-Artikolu 331(1) ta’ dik il-liġi, tolqot mhux biss lil dak li effettivament għandu l-għan li jikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ kuntratt diġà konkluż, imma anki lil dak li jrid sempliċement jibda proċess proċedurali indispensabbli biex jipprepara azzjoni suċċessiva ta’ ħlas ta’ kumpens għall-ħsara fil-qrati ċivili Awstrijaċi.

165. Konsegwentement, jekk ikun biss wara iktar min sitt xhur li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-ħsara li hija tkun ġarrbet minħabba l-għoti ta’ kuntratt li seħħ, bi ksur ta-regoli fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għall-offerti (għoti dirett jew għoti de facto), hija lanqas ma tkun iktar tista’ tinvoka drittijiet għal ħlas ta’ kumpens għall-ħsara fil-qrati nazzjonali, għaliex għal dak l-iskop, skont l-Artikolu 341(2) tal-BVergG 2006 hija kellha obligatorjament l-ewwel nett tagħmel talba għal dikjarazzjoni iżda fejn, f’dak l-istadju, t-termini ta’ dekadenza tagħha jkunu diġà skadew.

166. Għaldaqstant it-terminu ta’ dekadenza pprovdut fl-Artikolu 332(2) u (3) tal-BVergG għandu riperkussjonijiet mhux biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu stess iżda anki fuq proċedura suċċessiva li għaliha, minħabba l-karattru rigoruż tiegħu, huwa m’huwiex, madankollu, raġjonevoli. Fil-fatt, fir-rigward tas-sempliċi drittijiet ta’ kumpens għall-ħsara m’hemmx, min-naħa tal-awtorità kontraenti, l-istess eżiġenza ta’ ċertezza legali li teżisti fir-rigward tal-validità ta’ kuntratt konkluż.

167. Jekk Stat Membru juża l-fakultà pprovduta fl-Artikolu 2(2) u (5) tad-Direttiva 89/665 u jissuġġetta l-possibbiltà li jiġu invokati d-dritt għal kumpens għall-ħsara għal kundizzjoni li tkun, preliminarjament, ġiet konkluża b’suċċess proċedura ta’ dikjarazzjoni, it-termini ta’ żmien fis-seħħ f’dan l-Istat Membru għandhom ikunu strutturati u applikati b’tali mod li ma jirrendux l-eżerċiżżju tad-dritt għall-kumpens għall-ħsara prattikament impossibbli jew diffiċli żżejjed (87).

168. Kumplessivament il-prinċipju ta’ effettività jimponi li t-terminu ta’ żmien għal talba għal dikjarazzjoni, li permezz tagħha r-rikorrent sempliċiment jipprepara l-eżerċizzju ta’ drittijiet għall-kumpens għall-ħsara, ma jibdiex jiddekorri qabel ma r-rikorrent ikun jaf jew messu kien jaf bil-ħsara li ġrat. Min-naħa l-oħra, jekk permezz ta’ din il-proċedura r-rikorrent ikun irid ukoll jikseb dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt konkluż mill-awtorità kontraenti, jistgħu jiġu stabbiliti termini ta’ żmien iktar stretti li jibdew jidekorru indipendentement mill-għarfien jew mill-possibbiltà li jkun magħruf li hemm ħsara eventwali.

169. Il-qorti nazzjonali għandha, safejn possibbli, tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali b’tali mod li tiġi assigurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività li jirriżulta mid-Direttiva 89/665 u għandha, jekk ikun meħtieġ, tibqa’ lura milli tapplika kull dispożizzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha fil-każ inkwistjoni twassal għal riżultat li jmur kontra d-dritt Komunitarju (88).

170. Għal każ bħal dak inkwistjoni, li jirrigwarda l-għoti dirett mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti, dan ifisser li t-terminu applikabbli għat-talba ta’ dikjarazzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma l-persuna kkonċernata tkun taf jew messha saret taf bl-allegat ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, sakemm dik it-talba ssir bħala kundizzjoni preliminari meħtieġa għal azzjoni suċċessiva għall-kumpens għall-ħsara.

171. Fid-deċiżjoni tar-rinviju l-Bundesvergbeamt jindika li fil-fehma tiegħu riżultat li jkun konformi mad-dritt Komunitarju jista’ effettivament jintlaħaq fil-kawża preżenti, minn naħa, permezz tal-applikazzjoni tar-rimedju legali pprovdut fl-Artikolu 331(1)(4) tal-BVergG 2006, imdaħħal riċentement, għal operazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu u, min-naħa l-oħra, billi t-termini ta’ żmien applikabbli jiġu ddeterminati billi jintużaw ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili komuni b’tali mod li dawn it-termini ma jibdewx jiddekorru qabel ma r-rikorrent isir jaf bil-ħsara u billi dawn it-termini jiġu estiżi għal perijodi fejn ma kienx jeżisti rimedju legali effettiv.

172. Fil-qosor, fir-rigward tas-seba’ domanda għandu jingħad li:

173. Il-prinċipju tal-effettività jimponi li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda talba għal dikjarazzjoni li, abbażi tal-liġi nazzjonali, hija kundizzjoni obbligatorja għal azzjoni suċċessiva għall-kumpens għall-ħsara, jeżisti terminu ta’ żmien raġjonevoli li ma jistax jibda jiddekorri qabel ma l-persuna kkonċernata tkun taf jew imissha saret taf bl-allegat ksur tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li dawn it-terminu jestendi għal dawk il-perijodi fejn ma jkun hemm l-ebda rimedju legali effettiv. Il-qorti nazzjonali għandha, safejn possibbli, tinterpreta d-dritt proċedurali nazzjonali b’tali mod li jinkiseb dan ir-riżultat u, jekk ikun meħtieġ, għandha tibqa’ lura milli tapplika kull dispożizzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha fil-każ inkwistjoni twassal għal riżultat li jmur kontra d-dritt Komunitarju.

VII – Konklużjoni

174. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi biss għall-ewwel tliet domandi magħmulin lilha mill-Bundesvergabeamt Awstrijak u dawn ir-risposti għandhom ikunu li:

1)      ġeneralment fuq l-ewwel, fuq it-tieni u fuq it-tielet domanda:

jekk il-kontenut ta’ kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 jiġi emendat matul il-perijodu ta’ validità tiegħu, m’huwiex meħtieġ li jkun hemm proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, sakemm dan ma jkunx jinvolvi emenda sostanzjali tal-kuntratt;

2)      speċifikament fuq l-ewwel domanda:

a)      m’għandux jitqies li hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt fil-każ fejn l-awtorità kontraenti taċċetta li l-eżekuzzjoni ta’ parti mill-kuntratt pubbliku tiġi ttrasferita lil kumpannija sussidjarja li hija 100 % proprjetà tal-kumpannija li għandha l-kuntratt u li din l-aħħar kumpannija tikkontrolla bl-istess mod bħal ma tikkontrolla d-dipartimenti tagħha. Din il-konklużjoni mhijiex ikkonfutata mill-fatt li iktar’il quddiem il-kumpannija li għandha l-kuntratt tista’, teoretikament, tittrasferixxi lil terzi ishma tal-kumpannija sussidjarja;

b)      jekk il-kumpannija li għandha l-kuntratt hija persuna legali, tibdil eventwali fi ħdan il-grupp ta’ proprjetarji tal-ishma tagħha matul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt ma jikkostitwixxix emenda sostanzjali tal-kuntratt;

3)      Speċifikament fuq it-tieni u t-tielet domanda :

a)      M’għandux jitqies li hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt fil-każ li jiġu eżegwiti adattamenti purament tekniċi tal-kuntratt sabiex jiġu riflessi tibdiliet fiċ-ċirkustanzi esterni; fost dawn tal-aħħar hemm il-konverżjoni għall-euro ta’ ħlasijiet li oriġinarjament kienu fil-valuta nazzjonali u r-riferiment għal indiċi ġdid ta’ garanzija ta’ valur li jikkostitwixxi indiċi sussegwenti għal dak użat sa dak iż-żmien.

b)      bl-istess mod m’għandux jitqies li kien hemm emenda sostanzjali tal-kuntratt fil-każ li fir-rigward ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi tiġi miftiehma rinunzja għat-terminazzjoni limitata għal tliet snin, sakemm ma jkunx hemm elementi konkreti li jissuġġerixxu li fin-nuqqas ta’ tali klawżola l-awtorità kontraenti kienet, matul il-perijodu ta' validità ta’ tali klawżola, tittermina minħabba raġunijiet legali jew ekonomiċi l-kuntratt eżistenti;

ċ)      il-kwistjoni ta’ jekk il-bidla – fir-rigward tal-kontenut – fil-ħlasijiet għal parti mis-servizzi li għandhom jingħataw tikkostitwixxix emenda sostanzjali tal-kuntratt tiddependi, skond il-każ, fuq l-importanza tal-bidla fil-ħlas, kemm fir-rigward tas-servizz parzjali kkonċernat kif ukoll fir-rigward tal-kuntratt pubbliku fit-totalità tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU L 209, p. 1. Din id-Direttiva ġiet mħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114). Madankollu, l-aħħar emenda kellha tiġi trasposta fl-ordinament nazzjonali biss fil-31 ta’ Jannar 2006. Peress li lanqas biss ma ġiet trasposta fil-ħin fl-ordinament Awstrijak din hija irrilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali li jirrigwardaw is-snin 2000, 2001 u 2005.


3 – ĠU L 395, p. 33.


4 – Emendi oħrajn għal din id-Direttiva jinsabu fid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU L 335, p. 31; iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2007/66”). Iżda, l-aħħar emendi daħlu fis-seħħ biss fid-9 ta’ Jannar 2008 u għandhom jiġu trasposti sa’ l-20 ta’ Diċembru 2009; għaldaqstant huma irrilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.


5 – BGBl. I, nru 17/2006.


6 – Mill-atti tal-kawża jirriżulta li hija kooperattiva rreġistrata b’responsabbiltà limitata.


7 – Organizzazzjoni li ġiet qabel l-APA, l-“Österreichische Correspondenz” kienet diġà twaqqfet fl-1849 fi Vjenna.


8 – Skont informazzjoni mill-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kanċellerija Federali, li ħa sehem fil-proċeduri, kien hemm adattament ta’ relazzjoni kuntrattwali li kienet teżisti diġà mill-1946.


9 – Dawn il-ħlasijiet massimi japplikaw biss fil-każ fejn l-istqarrijiet jiġu trasmessi elettronikament.


10 – Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, t-talba ewlenija tal-PN hija bbażata fuq l-Artikolu 331(1)(4) tal-BVergG 2006 u d-domanda sussidjarja fuq l-Artikolu 331(1)(1) tal-istess liġi.


11 – Artikolu 291 BVergG 2006.


12 – Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 291(2) tal-BVergG 2006.


13 – Artikoli 292 u 295 tal-BVergG 2006.


14 – Għal l-ġurisprudenza stabbilita fuq il-kunċett ta’ qorti ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, Ġabra p. I‑4961, punt 23); tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C‑53/03, Ġabra p. I‑4609, punt 29), u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (C‑195/06, Ġabra p. I-8817, punt 19).


15 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2002, Felix Swoboda (C‑411/00, Ġabra p. I‑10567, u b’mod partikolari l-punti 25 sa 28); tat-18 ta’ Marzu 2004, Siemens u ARGE Telekom (C‑314/01, Ġabra p. I‑2549), u tat-2 ta’ Ġunju 2005, Koppensteiner (C‑15/04, Ġabra p. I‑4855). Il-forma attwali tal-organizzazzjoni tal-Bundesvergabeamt abbażi tal-BVergG 2006 tikkorrispondi sostanzjalment, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ma’ dik li kienet fis-seħħ matul il-kawża Koppensteiner.


16 – Bl-istess mod il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet Kummissjoni Federali ta’ Sorveljanza tal-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, kif kienet teżsti fil-Ġermanja, bħala qorti kompetenti fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. (Sentenza Dorsch Consult, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 38).


17 – Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (C‑72/83, Ġabra p. 2727, punt 10); tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 39), u tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET (C‑470/03, Ġabra p. I‑2749, punt 45).


18 – Sentenza Schmidberger (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 40 u 41).


19 – L-Awstrija għamlet użu mill-possibbiltà, pprovduta fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/665, li tagħti s-setgħat lil istanzi distinti responsabbli għal aspetti differenti tal-proċeduri għar-reviżjoni.


20  – Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT (C‑315/01, Ġabra p. I‑6351, punt 38).


21 – Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tat-24 Settembru 1998, Tögel (C‑76/97, Ġabra p. I‑5357, punti 53 u 54). B’mod differenti minn dak li jiġri għall-operazzjonijiet fis-snin 2000, 2001 u 2005, ikkontestati f’din il-proċedura, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dritt Komunitarju, id-direttivi fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi m’humiex applikabbli fil-kuntratt qafas, billi fl-1994 l-Awstrija kienet għadha mhijiex membru tal-Unjoni Ewropea.


22 – Fuq il-problema partikolari li tiddaħħal klawżola ta’ rinuzja għat-terminazzjoni f’kuntratt bi żmien indeterminat, ara iktar ’l isfel, il-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – Talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Ġermaniż ta’ Rostock ma spiċċatx f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (C‑50/03, imħassra mil-lista fid-9 ta’ Novembru 2004).


24 – Għall-interpretazzjoni estensiva ta’ diversi kunċetti li jiddefinixxu l-kuntest ta’ applikazzjoni tad-direttivi fuq is-suġġett ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ara s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C‑373/00, Ġabra p. I‑1931, punt 43); tat-8 ta’ Settembru 2005, Espace Trianon u Sofibail (C‑129/04, Ġabra p. I‑7805, punt 73), tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-119/06, Ġabra p. I-168, punt 43).


25 – Sentenzi tal-10 ta’ Novembru 1998, BFI Holding (C‑360/96, Ġabra p. I‑6821, punt 41); tat-3 ta’ Ottubru 2000, University of Cambridge (C‑380/98, Ġabra p. I‑8035, punt 16); tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, (C‑507/03, Ġabra p. I-9777, punt 27), u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Bayerischer Rundfunk et (C‑337/06, Ġabra p. I-11173, punt 38); ara wkoll it-tieni u s-sitt premessa tad-Direttiva 92/50.


26 – Sentenzi University of Cambridge (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 17), Felix Swoboda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 45) u Bayerischer Rundfunk et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 36).


27 – Sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle e RPL Lochau (C‑26/03, Ġabra p. I‑1, punti 44 u 47), u Bayerischer Rundfunk et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 39).


28 – F’dan is-sens ukoll ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑337/98, Ġabra p.  I‑8377, punti 46, 50 u 51), u tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta (Ġabra p. I‑3801, punt 117), fejn isir riferiment għal elementi tal-kuntratt essenzjali jew għal kundizzjonijiet importanti tal-għoti.


29 – Għandu jiġi ammess li fil-prattika mhux dejjem ikun faċli li wieħed jiddistingwi jekk emenda ta’ kuntratt tkunx waħda sostanzjali jew le, peress li f’dan ir-rigward hija meħtieġa evalwazzjoni każ b’każ taċ-ċirkustanzi partikolari. L-użu ta’ kunċetti legali indeterminati u li jkollhom bżonn ta’ interpretazzjoni ma jistax, madankollu jiġi evitat fl-ebda qasam tad-dritt. Anki fir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti dan mhux eskluż għal kollox.


30 – Il-partijiet fil-kawża ma jidhrux li jaqblu bejniethom fuq dan. Anki d-deċiżjoni tar-rinviju ma tużax terminoloġija unitarja. Madankollu huwa l-Bundesvergabeamt li għandu jikkjarifika kif għandha tiġi kkwalifikata l-operazzjoni mill-perspettiva tad-dritt ċivili.


31 – Ara l-Artikolu 25 u l-Artikolu 32(2)(ċ) u (h) tad-Direttiva 92/50 kif ukoll is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia (C‑176/98, Ġabra p. I‑8607, punti 26 u 27). Madankollu l-għoti ta’ subkuntratti għall-eżekuzzjoni ta’ partijiet essenzjali tal-kuntratt tista’ tiġi limitata taħt il-liġi nazzjonali (ara s-sentenza Siemens u ARGE Telekom, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 45).


32 – Fuq il-kundizzjonijiet biex jiġi kkunsidrat li hemm operazzjoni interna ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, p. 50), Stadt Halle u RPL Lochau (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 49); tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punt 62), tad-19 ta’ April 2007, Asemfo (C‑295/05, Ġabra p. I‑2999, punt 55); fuq il-kunċett ta’ operazzjoni interna ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-1 ta’ Marzu 2005 fil-kawża Parking Brixen, punti 1 u 2.


33 – L-istess jgħodd għall-possibbiltà li jinħall il-kuntratt ta’ esklużjoni tal-qligħ u tat-telf.


34 – Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi tal-1 ta’ Marzu 2005 fil-kawża Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 56). Il-kwistjoni tal-previdibbiltà konkreta ta’ bejgħ ta’ ishma lil terzi għandha rwol deċiżiv anki fis-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑29/104, Ġabra p. I-9705, punti 38 sa 41); tas-6  ta’ April 2006, ANAV (C‑410/04, Ġabra p. I‑3303, punti 30 sa 32), u Parking Brixen [iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 67 (ċ)].


35 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 55 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36 – Is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2003, Makedoniko Metro u Michaniki (C‑57/01, Ġabra p. I‑1091, punt 61) tindika biss li r-regoli fuq il-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ offerenti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. L-Istati Membri huma marbutin li jirregolaw il-kwistjoni ta’ jekk huwiex ammissibbli li jkun hemm varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ offerenti. Madankollu din għandha tiġi distinta mill-kwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri dik ta’ jekk dawn il-varjazzjonijiet li jseħħu wara l-għoti ta’ kuntratt għandhomx jiġu kkunsidrati bħala emendi sostanzjali tal-kuntratt u konsegwentement jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. Din tal-aħħar hija kwistjoni ta’ dritt Komunitarju.


37 – Li kieku kellu jiġi meqjus li kwalunkwe varjazzjoni fir-relazzjonijiet ta’ proprjetà ta’ persuna legali hija suffiċjenti sabiex ikun hemm proċedura għall-għoti, ikun prattikament impossibbli li kuntratti pubbliċi jingħataw lil kumpanniji b’ishma kkwotati fil-borża, fejn l-azzjonisti tagħhom jistgħu jinbidlu ta’ kuljum.


38 – Ara, iktar ’il fuq, il-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40 – F’dan is-sens is-sentenza Tögel (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 53 u 54).


41 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – F’dan is-sens is-sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 117).


43 – Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (kawżi maqgħuda C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257, punt 42), u tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg (C‑246/04, Ġabra p. I‑589, punt 21).


44 – Huwa veru li adattament kuntrattwali minħabba l-konverżjoni tal-valuta ma kienx ikun obbligatorjament meħtieġ, billi l-kundizzjonijiet qafas li kienu jeżistu legalment kienu jiggarantixxu li s-somom kollha li tfissru fil-valuta nazzjonali kellhom jinftehmu fil-futur bħala fformulati f’euro mingħajr ma dan iġib bidla fl-obbligazzjonijiet kuntrattwali eżistenti [ara wkoll l-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 tas-17 ta’ Ġunju 1997, dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni tal-euro, ĠU L 162, p. 1]. Iżda kif sostnew l-APA u l-APA‑OTS, adattament kuntrattwali espress jista’ jkun, madankollu, opportun, partikolarment f’relazzjoni obbligatorja li ddum għal tul ta’ żmien bħal f’dan il-każ, biex jiġu evitati ż-żidiet fl-ispejjeż amministrattivi ta’ konverżjoni tal-valuta ripetuta b’mod kostanti.


45 – Id-differenza bejn il-ħlasijiet massimi għal kull linja miftehma għas-snin 2002, 2003 u 2004 fl-ewwel klawżola addizzjonali hija minima. Bla ħsara għal eżami iktar preċiż min-naħa tal-Bundesvergabeamt dawn id-differenzi minimi fil-prezz minn sena għal sena jidher li qegħdin fil-kuntest tax-xejra ġenerali tal-prezzijiet prevedibbli fl-2001.


46 – Ara iktar ’il fuq, il-punti 81 sa 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47 – Ara f’dan ir-rigward dak li esponejt fl-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi (iktar ’il fuq, il-punti 41 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


48 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 25).


49 – L-APA u l-APA-OTS jikkunsidraw li s-servizzi tagħhom ta’ dokumentazzjoni għandhom jiġu kklassifikati fis-settur ta’ attività ta’ “servizzi tal-librerija” (“Library services”, referenza CPC nru 96311) u li s-servizzi OTS tagħhom għandhom jiġu kklassifikati fis-settur ta’ attivitajiet “servizzi ta’ informazzjoni elettronika” (“Electronic message and information services”, referenza CPC nru 75232).


50 – Id-deċiżjoni tar-rinviju tiddefinixxi l-kuntest fattwali li fid-dawl tagħha għandha tingħata r-risposta għad-domandi preliminari; ara fir-rigward il-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43.


51 – Skont il-qari flimkien tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 92/50 għal dawn il-kuntratti għandhom jiġu applikati (biss) l-Artikoli 14 u 16 ta’ din id-Direttiva, li huma irrilevanti għall-finijiet tad-domandi partikolari f’dan il-każ. Id-dispożizzjonijiet proċedurali l-oħrajn stabbiliti fid-Direttiva 92/50, b’mod partikolari dawk dwar l-għoti b’pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti, ma jgħoddux għal dawn il-kuntratti (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 23 u 24). Madankollu tapplika l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni taħt l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 [sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Contse et, (C-234/03 Ġabra p. I‑9315, punt 47)].


52 – Sentenza Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 46); ara wkoll s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, Ġabra p. I‑10745, punt 60); tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C‑231/03, Ġabra p. I‑7287, punt 16); tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑264/03, Ġabra p. I‑8831, punt 33); ANAV (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 18), u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Medipac-Kazantzidis (C‑6/05, Ġabra p. I‑4557, punt 33); ara wkoll id-Digriet tat-3 ta’ Diċembru 2001, Vestergaard (C‑59/00, Ġabra p. I‑9505, punt 20).


53 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 29).


54 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 30); ara, fuq il-prinċipju ta’ trasparenza anki s-sentenzi Telaustria u Telefonadress (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 62), Coname (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punti 16 e 17), Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 46 sa 49) u ANAV (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punti 18 sa 21).


55 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 29 u30); fl-istess sens is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, C-380/05, Centro Europa 7 (Ġabra p. I-349, punt 67).


56 – Sentenzi Telaustria u Telefonadress (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 62); Coname (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punti 16 u 17); Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 49), u ANAV (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 21).


57 – Sentenzi Coname (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 21); fir-rigward hemm malintiż fis-sentenza Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 50), li fil-verżjoni vinkolanti tagħha bil-Ġermaniż issemmi “Ausschreibung” [offerta], li tista’ tkun ibbażata fuq traduzzjoni infeliċi tal-espressjoni Franċiża “mise en concurrence”.


58 – Sentenza Telaustria u Telefonadress (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52, punt 62), Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punti 49 u 50) u ANAV (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 21). F’dan il-kuntest tagħti indikazzjonijiet utli anki l-istqarrija interpretattiva tal-Kummissjoni dwar id-dritt Komunitarju applikabbli fl-għoti ta’ kuntratti li m’humiex jew huma biss parzjalment irregolati mid-direttivi fuq l-kuntratti pubbliċi (ĠU 2006, C 179, p. 2).


59 – Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi għas-sentenza fil-kawża Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 37).


60 – Ara f’dan il-kuntest il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2005 għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑525/03, Ġabra p. I‑9405, punt 47), mill-Avukat Ġenerali Stix-Hackl, ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2006 għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑532/03, Ġabra p. I-11353, punt 111) u tal-Avukat Ġenerali Sharpston, ippreżentati fit-18 ta’ Jannar 2007, għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑195/04, Ġabra p. I‑3351, punti 76 u 77); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 46).


61 – F’dan is sens Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 27 sa 29); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 47).


62 – Huwa l-Bundesvergabeamt li għandu jivverifika jekk fil-każ partikolari jeżistix dritt esklużiv bħal dan.


63 – F’dan is-sens ukoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 58, punt 2.1.4).


64 – Sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑126/03, Ġabra p. I‑11197, punt 23), u tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (kawżi magħquda C‑20/01 u C‑28/01, Ġabra p. I‑3609, punt 58). Ara wkoll l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/50, li jgħid “fil-każijiet l-oħrajn kollha” għandha tiġi applikata proċedura miftuħa jew proċedura ristretta.


65 – Ara f’dan ir-rigward iktar ’il fuq, il-punti 20, 61 u 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66 – Ara wkoll is-sentenza Felix Swoboda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 56 u 60).


67 – Sentenza Felix Swoboda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 57 u 60).


68 – Ara iktar ’il fuq, il-punt 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


69 – Sentenzi tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, “Magill” (kawżi magħquda C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra I‑743, punti 49 sa 57); tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, Ġabra p. I‑7791, punti 38 sa 47), u tad-29 ta’ April 2004, IMS Health (C‑418/01, Ġabra p. I‑5039).


70 – Sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 29), Siemens u ARGE Telekom (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 44) u tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64, punt 22). Ara għall-każijiet futuri wkoll l-Artikolu 48(3), tad-Direttiva 2004/18, fejn din il-ġurisprudenza hija attwalment ikkodifikata.


71 – Ara f’dan ir-rigward il-kunsiderazzjonijiet tiegħi fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi (iktar ’l fuq punti 41 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet)


72 – Ara f’dan ir-rigward il-punti 35 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


73 – Ir-riferiment għall-kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet għandu jinftiehem, wara l-estensjoni tal-kuntest ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/665 min-naħa tad-Direttiva 92/50, fis-sens li din tinkludi l-kuntratti pubbliċi kollha, għalhekk anki l-kuntratti għal servizzi. Il-fatt li l-Artikolu 1(1) biss u mhux il-paragrafu (3) tad-Direttiva 89/665 kien jikkorrespondi b’mod xieraq, jidher li kien hemm żball editorjali mil-leġiżlatur Komunitarju li ġie korrett għall-każijiet futuri tad-Direttiva 2007/66.


74 – Sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2003, Fritsch, Chiari & Partner et (C‑410/01, Ġabra p. I‑6413, punti 31 sa 34); tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C‑470/99, Ġabra p. I‑11617, punt 72), u tat-12 ta’ Frar 2004, Grossmann Air Service (C‑230/02, Ġabra p. I‑1829, punt 42).


75 – Sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, Alcatel Austria et (C‑81/98, Ġabra p. I‑7671, punti 33 u 34); Fritsch, Chiari & Partner et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt  30), Universale‑Bau et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 74), u Grossmann Air Service (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 36).


76 – Is-sempliċi fatt li eventwalment ma jkunx jista’ jiġi stabbilit, fl-aħħar tal-proċedura ta’ reviżjoni li rikorrent kellu r-riskju li jġarrab ħsara mhux biżżejjed fih innifsu biex jeskludi l-ammissibbiltà tar-rikors, ara f’dan is-sens s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2003, Hackermüller (C‑249/01, Ġabra p. I‑6319, punt 27).


77 – Imsejjaħ ukoll “għoti liberu”.


78 – F’dan is-sens ukoll il-Bundesverfassungsgericht Ġermaniż, Digriet tad-29 ta Lulju 2004, (2 BVR 2248/03, punt nru 36, fl-aħħar).


79 – F’dan l-istess sens il-Bundesvergfassungsgericht (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 78, punti 26 u 29).


80 – Fl-istess sens – anki jekk b’riferiment għall-għoti ta’ kumpens għal ħsara – il-konkluzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed tal-10 ta’ Ottubru 2002 għas-sentenza fil-kawża GAT (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ 20, punt 66).


81 – Sentenza Universale-Bau (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ 74, punt 71); fuq il-kunċett ta’ awtonomija proċedurali ara s-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, Ġabra p. I‑723, punt 67); tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 95), u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Bonn Fleisch (C‑1/06, Ġabra p. I‑5609, punt 41).


82 – Sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 1968, Salgoil (13/68, Ġabra p. 601, partikolarment p. 615); tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5); tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, Ġabra p. I‑4599, punt 12); tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punti 39 u 43), u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Van der Weerd et (kawżi magħquda minn C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 28).


83 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tad-9 ta’ Jannar 2008 għas-sentenza fil-kawża Impact (C‑268/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 67); fuq il-prinċipju tat-trattament ugwali ara l-ġurisprudenza stabbilita, mhux tal-aħħar is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, Ġabra p. I‑8055, punt 57); tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punt 56), u tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Rat (C‑227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 63).


84 – F’dan is-sens ukoll, għalkemm b’riferiment għar-restituzzjoni tat-taxxi, ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C‑231/96, Ġabra p. I‑4951, punt 37).


85 – Ġurisprudenza stabbilita: ara per eżempju s-sentenzi Rewe-Zentralfinanz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 82, punt 5); Edis (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 84, punti 20 u 35), u tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio-Cash & Carry (C‑30/02, Ġabra p. I‑6051, punt 18); speċjalment fuq id-Direttiva 89/665 ara wkoll is-sentenzi Universale-Bau (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 76); tas-27 ta’ Frar 2003, Santex (C‑327/00, Ġabra p. I‑1877, punt 50), u tal-11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl (C‑241/06, Ġabra p. I-8415, punt 50).


86 – Ara f’dan ir-rigward ukoll il-qari flimkien tal-Artikolu. 2G(1)(b) u l-Artikolu 2E(1) tad-Direttiva 89/665 fil-verżjoni tad-Direttiva 2007/66.


87 – L-importanza tal-istruttura konkreta u tal-applikazzjoni prattika ta’ regoli fuq it-termini ġiet enfasizzata wkoll, per eżempju, fis-sentenza Lämmerzahl (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ 85, punti 52, 56 u 61).


88 – Sentenzi Santex (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punti 62 sa 64) u Lämmerzahl (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 85, punti 62 u 63).