Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fil‑11 ta’ Jannar 2024 (1)
Kawża C‑22/23
“Citadeles nekustamie īpašumi” SIA
vs
Valsts ieņēmumu dienests
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Punt 7(c) tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘fornituri ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji’ – Sid ta’ proprjetà immobbli li kkonkluda kuntratti ta’ kiri ma’ persuni ġuridiċi – Kunsens sabiex jiġi rreġistrat uffiċċju reġistrat f’din il-proprjetà – Artikolu 4 – Estensjoni tal-kunċett ta’ ‘entitajiet marbutin b’obbligu’ għall-professjonijiet u għall-kategoriji ta’ impriżi minbarra dawk imsemmija fid-Direttiva (UE) 2015/849”
I. Introduzzjoni
1. Sid li jikri proprjetà immobbli li tappartjeni lilu lil kumpannija u li jagħti l-kunsens tiegħu sabiex din il-kumpannija tirreġistra l-uffiċċju reġistrat tagħha fiha għandu jkun ikkunsidrat bħala “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” skont id-Direttiva (UE) 2015/849 (2) u, għalhekk għandu jiġi kklassifikat bħala “entità marbuta b’obbligu” li għandha tosserva l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva?
2. Din hija, essenzjalment, il-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina f’din il-kawża li tikkonċerna talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849. Din it-talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn kumpannija u l-awtorità kompetenti Latvjana dwar multa imposta minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat‑terroriżmu.
3. Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tispjega l‑portata tal-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” skont id-Direttiva 2015/849, u tagħti indikazzjonijiet dwar il‑possibbiltà ta’ estensjoni mill-Istati Membri tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva lil entitajiet marbuta b’obbligu differenti minn dawk espressament imsemmija fiha.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
4. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/849 jistipula:
“Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat‑terroriżmu.”
5. Il-punt 3 tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(7) ta’ din id-direttiva jistipulaw:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-entitajiet marbutin b’obbligu li ġejjin:
[…]
3) il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin meta jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom:
a) awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti tat-taxxa, jew kwalunkwe persuna oħra li timpenja ruħha li tipprovdi, direttament jew permezz ta’ persuni oħra li magħhom hija relatata dik il-persuna l-oħra, għajnuna materjali, assistenza jew pariri dwar kwistjonijiet ta’ taxxa bħala l-attività ta’ negozju jew professjonali prinċipali;
b) nutara u professjonisti legali indipendenti oħra, fejn dawn jieħdu sehem, kemm jekk jaġixxu f’isem jew għan-nom tal‑klijent tagħhom fi kwalunkwe transazzjoni finanzjarja jew immobbiljarja, kif ukoll jekk jgħinu fl-ippjanar jew fit-twettiq ta’ transazzjonijiet għall-klijent tagħhom li jirrigwardaw:
i) ix-xiri u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jew ta’ entitajiet kummerċjali;
[…]
c) fornituri ta’ servizzi ta’ trust jew ta’ kumpanniji li mhumiex diġà koperti mill-punti (a) jew (b);
d) aġenti immobbiljari inkluż meta jaġixxu bħala intermedjarji fil-kiri ta’ proprjetà immobbli, iżda dan biss b’rabta ma’ tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-kera fix-xahar tammonta għal EUR 10 000 jew aktar;
[…]
7. Fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat‑terroriżmu għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikulari lil kwalunkwe attività finanzjarja li minħabba n-natura tagħha titqies li għandha probabbiltà għolja li tintuża jew tiġi abbużata għal finijiet ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat‑terroriżmu.
[…]”
6. Il-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 jistipula:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
7) ‘fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji’, tfisser kwalunkwe persuna li permezz tan-negozju tagħha jipprovdi xi wieħed mis‑servizzi li ġejjin lil partijiet terzi:
a) il-formazzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra;
b) taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala direttur jew segretarju ta’ kumpannija, jew bħala soċju f’soċjetà, jew f’xi pożizzjoni simili marbuta ma’ persuni ġuridiċi oħra;
c) il-forniment ta’ uffiċċju reġistrat, jew ta’ indirizz kummerċjali, jew ta’ indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv u servizzi oħra relatati lil xi kumpannija, soċjetà jew kwalunkwe persuna ġuridika jew arranġament legali ieħor;
d) taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala fiduċjarju ta’ express trust jew ta’ arranġament legali simili ieħor;
e) taġixxi bħala jew tirranġa biex persuna oħra taġixxi bħala azzjonist nominat għal persuna oħra li mhijiex kumpannija elenkata f’suq regolat li hija soġġetta għar-rekwiżiti ta’ żvelar f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew soġġetta għal standards internazzjonali ekwivalenti.”
7. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/849 jistipula:
“1. L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, jiżguraw li l-ambitu ta’ din id-Direttiva tiġi estiżi kollha kemm hi jew parzjalment għall-professjonijiet u għall-kategoriji tal-impriżi, minbarra l-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl‑Artikolu 2(1), li jidħlu f’attivitajiet li għandhom probabbiltà partikolari li jintużaw għal għanijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.
2. Fejn Stat Membru jestendi l-ambitu ta’ din id-Direttiva għal professjonijiet jew għal kategoriji ta’ intrapriżi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1), huwa għandu jinforma lill‑Kummissjoni b’dan.”
8. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/849 huwa redatt bil-mod segwenti:
“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva sabiex jipprevjenu l‑ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tal-liġi tal‑Unjoni.”
B. Id‑dritt Latvjan
9. Id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu fid-dritt Latvjan jinsabu fin-Noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas un terorisma un proliferācijas finansēšanas novēršanas likums (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni) tas‑17 ta’ Lulju 2008 (3) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal‑Flus”), li ġiet emendata sabiex, b’mod partikolari, tittrasponi d‑Direttiva 2015/849 fl-ordinament ġuridiku Latvjan.
10. Din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, fil-punt 10 tal-Artikolu 1 tagħha, tiddefinixxi l-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi għall-ħolqien u l-funzjonament ta’ arranġament legali jew persuna ġuridika”. Skont din id-dispożizzjoni, dan huwa persuna ġuridika jew fiżika li tistabbilixxi relazzjoni ta’ negozju ma’ klijent u tipprovdi, fost l-oħrajn, skont il-punt (c) ta’ din id‑dispożizzjoni, “lill-arranġamenti legali jew l-persuni ġuridiċi, uffiċċju reġistrat, indirizz postali, indirizz tal-post ta’ tranżazzjonijiet u servizzi oħra simili.”
11. L-Artikolu 3 tal-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus jistipula:
“(1) L-entitajiet marbutin b’obbligu huma l-persuni li jeżerċitaw attività kummerċjali jew professjonali:
[…]
4) in-nutara pubbliċi, l-avukati u l-fornituri indipendenti l-oħra ta’ servizzi legali, meta jaġixxu f’isem jew għan-nom tal-klijenti tagħhom, joffru assistenza għall-ippjanar jew għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet, jipparteċipaw fihom jew jeżerċitaw attivitajiet professjonali oħra marbuta ma’ tranżazzjonijiet għall-benefiċċju tal-klijent tagħhom f’dak li jirrigwarda:
a) ix-xiri jew il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli [jew] ta’ azzjonijiet f’kumpannija kummerċjali,
[…]
5) il-fornituri ta’ servizzi għall-ħolqien u l-funzjonament ta’ arranġament legali jew ta’ persuna ġuridika;
6) l-aġenti immobbiljari.”
III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
A. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑proċedura fil‑kawża prinċipali
12. Citadeles nekustamie īpašumi SIA (iktar ’il quddiem “Citadeles”), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija kumpannija kummerċjali rreġistrata fil-Latvja, li l-attività tagħha tikkonsisti b’mod partikolari fix-xiri u fil-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli li tagħhom hija l-proprjetarja kif ukoll fil-kiri u fil-ġestjoni ta’ dawn il-proprjetajiet.
13. Matul il-perijodu bejn l‑14 ta’ Settembru 2021 u l‑4 ta’ Frar 2022, il-Valsts ieņēmumu dienests (l-Amministrazzjoni Fiskali, Latvja) (iktar ’il quddiem il-“VID”) wettqet spezzjoni fuq Citadeles fil-qasam tal‑ġlieda kontra l-ħasil tal-flus li tat lok għal rapport ta’ spezzjoni.
14. F’dan ir-rapport ta’ spezzjoni, il-VID ikkonstatat li Citadeles kienet kriet proprjetà immobbli li tappartjeni lilha billi kkonkludiet kuntratti ta’ kiri ma’ kerrejja, inkluż ma’ persuni ġuridiċi u arranġamenti legali, li kienu rreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom f’postijiet li kienu jinsabu f’din il-proprjetà immobbli.
15. Skont il-konstatazzjonijiet tal-imsemmi rapport ta’ spezzjoni, Citadeles ma kinitx irreġistrat mal-VID attività bħala “fornitur ta’ servizzi għall-ħolqien u l-funzjonament ta’ arranġament legali jew persuna ġuridika” skont il-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus u naqset milli tosserva l-obbligi li jirriżultaw minn din il-liġi.
16. Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Marzu 2022, il-VID imponiet fuq Citadeles multa ta’ EUR 1 000 minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti stipulati fil-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus. Din id-deċiżjoni kienet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-VID tal‑15 ta’ Ġunju 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
17. Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq id-dikjarazzjoni tal-VID li l‑attività kummerċjali ta’ Citadeles tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi għall-ħolqien u għall-funzjonament ta’ arranġament legali jew ta’ persuna ġuridika peress li, fil-kuntratti tal-kiri inkwistjoni, din il‑kumpannija awtorizzat lill-kerrejja jirreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom fil-postijiet ikkonċernati. B’hekk, skont il-VID, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala entità marbuta b’obbligu skont il-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus.
18. Permezz ta’ rikors tal‑15 ta’ Lulju 2022, Citadeles talbet lill‑Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali), il-qorti tar-rinviju, tannulla d-deċiżjoni kkontestata.
19. Insostenn tar-rikors tagħha, Citadeles issostni li hija ma tikkwalifikax bħala entità marbuta b’obbligu skont id-Direttiva 2015/849 u l-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus u li għalhekk ma hijiex obbligata tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti ta’ din il-liġi, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-VID. Fil-fatt, fil-kuntest tal-attività tagħha, hija tieħu ħsieb il-ġestjoni u l-kiri ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lilha u ma tipprovdix “servizzi għall-ħolqien u l-funzjonament ta’ arranġament legali jew ta’ persuna ġuridika” skont l-imsemmija liġi. Citadeles tiddikjara li l-kuntratti ta’ kiri konklużi jistipulaw biss l-possibbiltà li l-kerrejja jirreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom hija waħda mid‑drittijiet tal-kerrejja, u l-kera miftehma ma tiddependix mill-fatt li l-kerrej ikunx irreġistra jew le l-uffiċċju reġistrat tiegħu. Citadeles tiddikjara li hija ma ntrabtitx li tipprovdi, u li ma tipprovdix, lill-kerrejja servizzi oħra ħlief il-kiri tal-postijiet.
B. Id‑domandi preliminari
20. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-definizzjoni ta’ “fornitur ta’ servizzi għall-ħolqien u l-funzjonament ta’ arranġament legali jew persuna ġuridika” skont il-Liġi Latvjana Kontra l-Ħasil tal-Flus tikkorrispondi ma’ dik tal-“fornitur ta’ servizz lill-kumpanniji” li tinsab fil-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849.
21. Madankollu, la din id-dispożizzjoni u lanqas xi dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2015/849 ma tispeċifika jekk il-kunċett ta’ “servizz lill‑kumpanniji”, li jikkonsisti fil-provvista ta’ uffiċċju reġistrat, ta’ indirizz kummerċjali, ta’ korrispondenza jew amministrattiv u ta’ servizzi oħra relatati, għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda servizz partikolari li ma jirriżultax minn tranżazzjoni li tikkonsisti fil-kiri ta’ proprjetà immobbli mill-proprjetarju stess jew li ma huwiex relatat ma’ tali tranżazzjoni.
22. Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-dritt Latvjan, sal‑31 ta’ Lulju 2021, sabiex kumpannija tkun tista’ tiġi rreġistrata fir-reġistru tal‑kummerċ, hija obbligata li tippreżenta l-kunsens tas-sid tal-proprjetà immobbli fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-uffiċċju reġistrat fil-proprjetà. Peress li l-kuntratti ta’ kiri eżaminati mill-VID ġew konklużi qabel l‑1 ta’ Awwissu 2021, il-kunsens ta’ Citadeles li jidher f’dawn il-kuntratti ta’ kiri jista’ jiġi kkunsidrat bħala sempliċi kunsens mogħti sabiex jissodisfa r‑rekwiżiti tal-Liġi dwar il-Kummerċ, u mhux bħala servizz partikolari lill-kumpanniji. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2021, tali kunsens ma baqax meħtieġ. F’tali ċirkustanzi, dik il-qorti tqis li sid il-kera ta’ proprjetà immobbli ma għandux jiġi kkunsidrat bħala fornitur ta’ servizzi lill-kumpanniji fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849.
23. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiddistingwi l-każijiet li fihom l-uffiċċju reġistrat huwa mogħti bħala servizz partikolari sabiex jinkiseb indirizz li jikkorrispondi għal sempliċi “kaxxa tal-ittri” jew indirizz li fih jsiru ċerti tranżazzjonijiet, iżda li fih l-persuna ġuridika jew l‑arranġament legali ma jeżerċitax realment attività kummerċjali fil-ħajja ta’ kuljum.
24. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li l-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi lill-kumpanniji” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, ma jinkludix il-kiri ta’ proprjetajiet immobbli mill-proprjetarju stess huwa kkorroborat mill‑premessa 8 u minn dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva li minnhom jirriżulta li l-imsemmija direttiva tapplika għan-nutara u għall-membri l-oħra tal-professjonijiet legali indipendenti, u għall-aġenti immobiljari, filwaqt li, min-naħa l-oħra, il-fornituri ta’ servizzi lill-kumpanniji huma kkunsidrati bħala entitajiet distinti skont l-istess direttiva, mingħajr rabta mat-tranżazzjonijiet immobiljari.
25. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2015/849, Stat Membru jista’ jikkunsidra b’mod wiesa’ l‑attivitajiet eżerċitati minn persuni li jistgħu jwasslu għat-twettiq ta’ għan illeċitu. Għalhekk hija tqis li huwa possibbli li, meta jkun qed jikkonkludi kuntratti ta’ kiri, sid il-kera ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lilu jkun involut fil-ħasil tal-flus jew fil-finanzjament tat‑terroriżmu u li, sabiex titnaqqas il-probabbiltà ta’ tali każijiet, għandu jkun ikkunsidrat ukoll bħala fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji fil-każijiet fejn huwa jikri proprjetà immobbli li tappartjeni lilu lil kerrej li fiha huwa jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew fiha jeżerċita attività kummerċjali.
26. Barra minn hekk, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-persuni kollha li jikru proprjetà immobbli li tappartjeni lilhom għandhomx ikunu kkunsidrati bħala fornitur ta’ servizzi lill-kumpanniji b’tali mod li, meta proprjetà immobbli tinkera minn persuna fiżika, din għandha tkun suġġetta għall-istess rekwiżiti bħal dawk imposti fuq persuna ġuridika.
27. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administratīvā rajona tiesa (il‑Qorti Amministrattiva Distrettwali) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Il-kunċett ta’ ‘fornitur ta’ servizz lil kumpannija’ li jinsab [fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3] tad-[Direttiva 2015/849] […] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jagħmel riferiment għal servizz differenti li ma jirriżultax minn tranżazzjoni li tikkonsisti fil-kiri ta’ proprjetajiet immobbli li wieħed ikun il-proprjetarju tagħhom jew li ma huwiex marbut ma’ tali tranżazzjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-[sid tal-kera] tax il-kunsens tiegħu jew le sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fil-proprjetà immobbli mikrija u jwettaq tranżazzjonijiet hemmhekk?
2) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ ‘fornitur ta’ servizzi lil kumpannija’ li jinsab [fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3] tad-Direttiva 2015/849, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l‑kiri ta’ proprjetà immobbli jsir minn persuna fiżika, din tal-aħħar għandha tkun suġġetta għall-istess rekwiżiti bħal dawk imposti fuq persuna ġuridika jew fuq struttura legali, indipendentement miċ‑ċirkustanzi fattwali bħan-numru ta’ proprjetajiet immobbli li l‑imsemmija persuna fiżika għandha u tikri, mill-fatt li l-kiri tal-proprjetà immobbli ma jkunx relatat mal-attività kummerċjali, jew minn ċirkustanzi oħra?”
28. It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2023. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Citadeles, mill-VID u mill-Kummissjoni Ewropea. Fi tmiem il-fażi tal‑proċedura bil-miktub, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi mingħajr seduta.
IV. Analiżi
A. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
1. Osservazzjonijiet preliminari
29. Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” li jinsab fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2015/849 għandux ikun interpretat fis-sens li jkopri servizz speċifiku li ma jirriżultax minn – jew ma huwiex marbut ma’ – tranżazzjoni li tikkonsisti biss fil-kiri ta’ proprjetà immobbli mill-proprjetarju stess irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk sid il-kera tax il‑kunsens tiegħu sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil‑proprjetà mikrija u fiha jwettaq tranżazzjonijiet.
30. Preliminarjament, infakkar li, skont il-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2015/849, “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” jfisser “kwalunkwe persuna li permezz tan-negozju tagħha” toffri servizz li jikkonsisti fil-“forniment ta’ uffiċċju reġistrat, jew ta’ indirizz kummerċjali, jew ta’ indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv u servizzi oħra relatati lil xi kumpannija, soċjetà jew kwalunkwe persuna ġuridika jew arranġament legali ieħor”.
31. Il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex tistabbilixxi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, għandux jiġi kkunsidrat li operatur ipprovda “servizzi lill-kumpanniji” fis-sens tal‑imsemmija dispożizzjoni, minħabba l-fatt li huwa kera proprjetà immobbli li tappartjeni lilu lil xi kumpanniji, filwaqt li jagħti espliċitament, fil-kuntratti ta’ kiri, il-kunsens tiegħu sabiex il-kerrejja jirreġistraw l-uffiċċji reġistrati tagħhom fil-proprjetà immobbli mikrija. Jekk ikollu jiġi konkluż li, f’tali sitwazzjoni, dan l-operatur ipprovda “servizzi lill-kumpanniji” fis-sens tad-Direttiva 2015/849, allura dan l-operatur għandu jkun ikklassifikat bħala “entità marbuta b’obbligu” u b’hekk ikun obbligat josserva l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponuha fid-dritt intern.
32. Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “servizzi ta’ trusts jew kumpanniji” kif iddefinit fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2015/849.
2. Dwar l‑interpretazzjoni tal‑punt 7(c) tal‑Artikolu 3 tad‑Direttiva 2015/849
33. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti tfittex li tilħaq (4).
34. Fir-rigward, qabel kollox, tal-analiżi testwali tal-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, nirrileva li mill-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta espliċitament li d-definizzjoni tat-tip ta’ “servizzi ta’ trusts jew kumpanniji” (5) inkluża fiha tkopri servizz li jikkonsisti fil-provvista lil kumpannija jew kwalunkwe arranġament legali ieħor simili ta’ “uffiċċju reġistrat, jew ta’ indirizz kummerċjali, jew ta’ indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv u servizzi oħra relatati” (6).
35. Issa, servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ “uffiċċju reġistrat” jew “indirizz kummerċjali, jew ta’ indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv”, fl-opinjoni tiegħi, ma jikkoinċidix ma’ servizz li jikkonsisti fis-sempliċi kiri ta’ proprjetà immobbli. L-ewwel servizz għandu, fil-fatt, kontenut differenti u iktar wiesa’.
36. L-eżistenza ta’ uffiċċju reġistrat jew, tal-inqas, ta’ indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv, huwa element essenzjali ta’ kull attività ta’ impriża, u b’mod iktar ġenerali ta’ kull attività professjonali. Uffiċċju reġistrat huwa normalment meħtieġ sabiex tiġi stabbilita u ġestita kumpannija, peress li jippermetti lill‑awtoritajiet kif ukoll lil kwalunkwe persuna oħra li tidħol f’relazzjoni mal-kumpannija, li tikkomunika magħha, billi jkun hemm punt ta’ kuntatt u fejn tiġi rċevuta l-korrispondenza u kwalunkwe komunikazzjoni oħra.
37. Is-servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ “uffiċċju reġistrat” jew ta’ “indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv” jimplika għalhekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ punt ta’ kuntatt għal finijiet professjonali jew amministrattivi għall-kumpannija jew l‑arranġament legali kkonċernat. Min-naħa l-oħra, l-għan ta’ sempliċi kiri ta’ proprjetà immobbli jikkonsisti esklużivament f’impenn li l-proprjetà titqiegħed għad-dispożizzjoni inkambju għall-ħlas ta’ kera għall-użu ta’ din il-proprjetà.
38. Ċertament, is-servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ “uffiċċju reġistrat” jew ta’ “indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv”, jista’, f’ċerti każijiet, jinkludi l-kiri tal-proprjetà immobbli użata sabiex jiġi stabbilit dan l-uffiċċju reġistrat jew dan l-indirizz. Madankollu, il-kiri tal-proprjetà ma huwa la element suffiċjenti u lanqas neċessarju għal dan it-tip ta’ servizz. Fil-fatt, minn naħa waħda, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-imsemmi servizz jippresupponi xi ħaġa iktar minn sempliċi kiri tal-proprjetà immobbli. Min-naħa l-oħra, huwa pjuttost possibbli li operatur jintrabat li jipprovdi uffiċċju reġistrat jew indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv lil arranġament legali mingħajr ma jikkonkludi miegħu kuntratt ta’ kiri li jikkonċerna l-proprjetà immobbli li fih l‑uffiċċju reġistrat jew l-indirizz huwa stabbilit.
39. Barra minn hekk, l-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “u” fit‑test tal-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 (7) juri, fl-opinjoni tiegħi, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiddefinixxi dan it-tip ta’ servizz lill‑kumpanniji mhux bħala li huwa esklużivament limitat għat-tqegħid għad-dispożizzjoni – bħala titolu ta’ kera jew kwalunkwe titolu ieħor – ta’ post li fih il-kumpannija jew l-entità legali tista’ tistabbilixxi l-uffiċċju reġistrat jew l-indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv, iżda li huwa talab ukoll il-provvista ta’ “servizzi oħra relatati”.
40. Din il-kunsiderazzjoni tikkonferma li s-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ proprjetà immobbli li fiha huwa stabbilit “uffiċċju reġistrat” jew “indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv” ma huwiex biżżejjed sabiex servizzi jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizz lill-kumpanniji” kif iddefinit fid-dispożizzjoni inkwistjoni. Għal dan il-għan, min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li jiġu pprovduti “servizzi oħra relatati”, jiġifieri servizzi kumplimentari li – kif jirriżulta b’mod ċar mill-verżjoni Ġermaniża tal-imsemmija dispożizzjoni (8) – għandhom ikunu servizzi relatati mal-provvista tal-uffiċċju reġistrat jew tal-indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv.
41. Minn din il-perspettiva wkoll, għalhekk, it-tip ta’ servizzi koperti bil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 jidher li għandhom natura differenti mis-sempliċi kiri ta’ proprjetà immobbli lil kumpannija. Fil‑fatt, dan is-servizz jirrikjedi, bħala regola, parteċipazzjoni iktar attiva min-naħa tas-sid il-kera, li għandu jipprovdi servizzi kumplimentari marbuta mal-provvista tal-post li fih l-uffiċċju reġistrat jew l-indirizz kummerċjali, l-indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv huwa stabbilit. Tali servizzi jistgħu, pereżempju, jinkludu servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ punt ta’ kuntatt għall-attivitajiet amministrattivi tal-entità, servizz ta’ ġestjoni tal-korrispondenza jew servizzi oħra simili (9).
42. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi kunsens mogħti minn sid il-kera fil‑kuntratt ta’ kiri sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil‑proprjetà immobbli mikrija u minnha jwettaq tranżazzjonijiet ma għandux jaqa’ fil-kunċett ta’ “servizz ieħor relatat” skont il-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849. Fil-fatt, kif tosserva korrettament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, fil-qafas ta’ kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli, id-dritt li jintuża l-indirizz tal-proprjetà mikrija, fost l-oħrajn bħala uffiċċju reġistrat jew indirizz kummerċjali, indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv, ma huwa xejn ħlief dritt relatat li jirriżulta mill-provvista prinċipali – jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din il-proprjetà –, li l-eżerċizzju tiegħu ma jirrikjedix il-parteċipazzjoni attiva ta’ sid il-kera. Fir-realtà, lanqas ma huwa servizz ipprovdut minn sid il-kera, iżda pjuttost sempliċi kunsens espliċitu għall-użu tal-proprjetà għal skop speċifiku (10).
43. Barra minn hekk, kif tesponi l-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, dan il-kunsens ġie mogħti minħabba l-eżistenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali – li sussegwentament ġiet abrogata – li tirrikjedi l-preżentazzjoni mandatorja tal-kunsens tas-sid tal-proprjetà immobbli sabiex kumpannija tiġi rreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ. Tali kunsens espliċitu kien għalhekk neċessarju de jure għal kull kiri ta’ proprjetà immobbli lil kumpanniji li jkollhom l-intenzjoni li jistabbilixxu l-uffiċċju reġistrat tagħhom fil-proprjetà mikrija. Kif tirrileva l-qorti tar‑rinviju, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tali kunsens jikkostitwixxi għalhekk forma ta’ awtorizzazzjoni mogħtija sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti stipulati mil-liġi u mhux servizz ipprovdut lill-kumpanniji. Barra minn hekk, il-fatt li, f’dan il-każ, il-proprjetà mikrija hija l-post li fih l-attività kummerċjali tal-kumpanniji kkonċernati effettivament isseħħ issaħħaħ in-natura reali tat-tranżazzjoni inkwistjoni.
44. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-analiżi letterali tal-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 timmilita favur interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li t-tip ta’ “servizzi lill-kumpanniji” msemmija fih jirrigwardaw servizzi li huma distinti minn sempliċi kiri ta’ proprjetajiet immobbli lil kumpannija u dan irrispettivament mill-kunsens tas-sid il-kera sabiex il-kerrej jirreġistra l‑uffiċċju reġistrat tiegħu fil-proprjetà mikrija. Dan it-tip ta’ servizz ma għandux b’hekk jikkoinċidi ma sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-proprjetà mikrija.
45. L-interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2015/849, tikkorrobora din l-interpretazzjoni tal-punt 7(c) tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.
46. Fil-fatt, kif korrettament tosserva l-qorti tar-rinviju, mill-punt 3(b)(i) u (d) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849 jirriżulta li, fost l‑“entitajiet marbutin b’obbligu” huma inklużi “nutara u professjonisti legali indipendenti oħra, fejn dawn jieħdu sehem […], fi kwalunkwe transazzjoni finanzjarja jew immobbiljarja, kif ukoll jekk jgħinu fl‑ippjanar jew fit-twettiq ta’ transazzjonijiet għall-klijent tagħhom li jirrigwardaw […] ix-xiri u l-bejgħ ta' proprjetà immobbli” u “l-aġenti immobbiljari inkluż meta jaġixxu bħala intermedjarji fil-kiri ta’ proprjetà immobbli, iżda dan biss b’rabta ma’ tranżazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-kera fix-xahar tammonta għal EUR 10 000 jew aktar”.
47. Kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għal dawn it-tipi ta’ entitajiet marbutin b’obbligu, il-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, ma jorbotx, u wisq inqas jissuġġetta, id-definizzjoni ta’ “fornituri ta’ servizzi ta’ trusts jew kumpanniji” għal tranżazzjonijiet immobiljari. Din il-konstatazzjoni timmilita wkoll favur interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li s-servizzi msemmija fih għandhom natura differenti minn sempliċi kiri ta’ proprjetajiet immobbli lil kumpannija.
48. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, id-Direttiva 2015/849 għandha bħala għan prinċipali l-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat‑terroriżmu, peress li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi sabiex jistabbilixxu għadd ta’ miżuri preventivi u dissważivi skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju sabiex jiġi evitat li l-flussi ta’ flus illegali jkunu jistgħu jippreġudikaw l-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni, jheddu s-suq intern tagħha u kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali (11).
49. F’dan ir-rigward, ir-riskju li sid il-kera jkun involut f’attivitajiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu fil-qafas tal-kiri ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lilu lil persuni ġuridiċi jew lil arranġamenti legali li fiha jirreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom ma jistax jiġi eskluż. Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, tali riskju jista’, b’mod partikolari, jeżisti fil-każijiet ta’ dawk l-imsejħa “kumpanniji tal-kaxxi tal-ittri”, jiġifieri persuni ġuridiċi jew arranġamenti legali li ma jeżerċitaw l-ebda attività kummerċjali fil-postijiet mikrija u li jużawhom biss sabiex jirreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ arranġament legali, li normalment issir għal raġunijiet leċiti, tista’ tintuża b’mod abbużiv, pereżempju sempliċement sabiex jinkiseb aċċess għas-sistema finanzjarja nazzjonali bil-ftuħ ta’ kont bankarju sabiex jintefgħu fih fondi, anki fl-assenza ta’ rabta reali mal-pajjiż ikkonċernat.
50. Madankollu, minn naħa, kif jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 38 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sempliċi kiri ta’ proprjetà immobbli ma huwiex suffiċjenti sabiex jippermetti t-twaqqif ta’ “kumpannija tal-kaxxi tal-ittri”, peress li servizzi oħra kumplimentari – bħal dawk indikati fl-eżempji pprovduti fl‑imsemmi punt 41 – huma neċessarji għal dan il-għan. B’hekk, in‑nuqqas ta’ klassifikazzjoni bħala “entità marbuta b’obbligu” skont id‑Direttiva 2015/849 ta’ sid il-kera li sempliċement jikri l-proprjetà immobbli tiegħu lil kumpannija jew entità oħra ġuridika li tistabbilixxi fiha l-uffiċċju reġistrat tagħha, ma jidhirx, bħala regola, li jista’ jagħti lok għal riskji ta’ abbuż tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
51. Min-naħa l-oħra, u mingħajr preġudizzju għall-kunsiderazzjonijiet li ser nagħmel fil-punti 55 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, naqbel mal-pożizzjoni magħmula mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li tgħid li interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, fis-sens li kull sid ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lilu li jikriha lil kumpannija li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’din il-proprjetà u teżerċita fiha l-attività tagħha għandu jkun ikklassifikat bħala “entità marbuta b’obbligu” skont id‑Direttiva 2015/849 u jkun għalhekk suġġett għar-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni li tinsab f’din id-direttiva, mhux neċessarjament tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tagħha kif imsemmija fil-punt 48 hawn fuq. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tinkludi l-estensjoni tal-kunċett ta’ “entità marbuta b’obbligu” u ta’ obbligi li jirriżultaw minnha għal numru sinjifikattiv ħafna ta’ entitajiet, li l-attività tagħhom – jiġifieri s-sempliċi kiri ta’ proprjetajiet immobbli mill-proprjetarju stess – ma hijiex, bħala regola, partikolarment possibbli li tkun relatata mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu.
52. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun possibbli li jiġi mistoqsi jekk tali interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni hijiex kompatibbli mar‑rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jirrikjedi li miżura għandha tkun xierqa sabiex tiżgura, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u li din ma tkunx tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (12).
53. Mill-analiżi letterali, sistematika u teleoloġika preċedenti jirriżulta li, fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji”, li jinsab fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri servizz speċifiku li ma għandux jirriżulta minn tranżazzjoni li tikkonsisti sempliċement fil-kiri ta’ proprjetà immobbli mill-proprjetarju stess, u dan irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk is-sid tax il-kunsens tiegħu sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil-proprjetà mikrija u jwettaq tranżazzjonijiet minnha.
3. Fuq l‑estensjoni mill‑Istati Membri tal‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2015/849 għal professjonijiet u kategoriji ta’ impriżi oħra
54. Minkejja dan, għandu jiġi rrilevat ukoll li fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2015/849. Hija tqis li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-għan leġittimu ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu jippermetti lil Stat Membru li jkopri b’mod wiesa’ l-attivitajiet eżerċitati minn persuni li jistgħu jwasslu għat-twettiq ta’ għan illeċitu. B’hekk, sabiex inaqqas il-probabbiltà li meta jikkonkludi kuntratti ta’ kiri, is-sid ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lilu jiġi involut fil-ħasil tal-flus jew fil-finanzjament tat-terroriżmu, għandu jkun possibbli li jiġi kkunsidrat bħala fornitur ta’ servizzi lill‑kumpanniji.
55. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2015/849 twettaq biss armonizzazzjoni minima, peress li l-Artikolu 5 tagħha jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti, peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-ħasil tal‑flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni (13).
56. Fil-ġurisprudenza li llum hija stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-espressjoni “dispożizzjonijiet aktar stretti” msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2015/849 tista’ tikkonċerna s-sitwazzjonijiet kollha li fihom l-Istati Membri jqisu li jippreżentaw riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u tal‑finanzjament tat-terroriżmu. Barra minn hekk, peress li dan l-Artikolu 5 jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, tal-Kapitolu I, intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali” ta’ din id-direttiva, dan japplika għad-dispożizzjonijiet kollha li jaqgħu fil-qasam irregolat mill-imsemmija direttiva (14).
57. B’hekk, id-Direttiva 2015/849 tħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri, kemm fir-rigward tad-determinazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll tal-miżuri xierqa sabiex jipprevjenu, jevitaw jew tal-inqas jostakolaw dawn l‑attivitajiet (15).
58. Barra minn hekk, id-Direttiva 2015/849 tirrikonoxxi wkoll li l‑Istati Membri jistgħu jkunu kkonċernati b’mod differenti minn riskji differenti ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, li jistgħu jiddependu fuq is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru u jistgħu jvarjaw skont numru ta’ parametri bħas-sitwazzjoni ġeografika jew is‑sitwazzjoni ekonomika jew soċjali tiegħu (16).
59. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-qafas tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li ngħataw f’dan il-qasam, huwa possibbli li l-Istati Membri jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/849 billi jikkunsidraw bħala “entitajiet marbutin b’obbligu” professjonijiet u kategoriji ta’ impriżi, minbarra dawk imsemmija espliċitament fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, filwaqt li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari proprja ta’ kull Stat Membru.
60. Madankollu, id-dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva 2015/849 għal dan il-għan ma hijiex dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri, l-Artikolu 2(7) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kontenut tagħha, din id‑dispożizzjoni ma tirrigwardax l-identifikazzjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu, iżda tirrigwarda l-evalwazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu għall-finijiet tal-Artikolu 2 biss.
61. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni rilevanti hija l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/849 li tistipula li l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, jiżguraw li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jiġi estiż kollu kemm hu jew parzjalment għall-professjonijiet u għall-kategoriji tal-impriżi, minbarra l-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, li jeżerċitaw attivitajiet li għandhom probabbiltà partikolari li jintużaw għal għanijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.
62. Mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li, meta Stat Membru jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/849 għal professjonijiet jew għal kategoriji ta’ impriżi minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 2, għandu jinforma lill-Kummissjoni.
63. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/849, ma jispeċifikax il-modalitajiet ta’ tali estensjoni. B’hekk, fid-dawl tan‑natura dinamika kemm tar-relazzjonijiet ekonomiċi kif ukoll tal‑attivitajiet kriminali, fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat li d‑dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, ma jipprekludix li l-liġijiet nazzjonali ma jistabbilixxux b’mod eżawrjenti l-professjonijiet u kategoriji ta’ impriżi li jikkostitwixxu l‑entitajiet marbutin b’obbligu, sakemm l-entitajiet suġġetti minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2(1) tad‑Direttiva 2015/849 li għalihom il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huwa estiż, huma indikati ulterjorment f’atti li mhux neċessarjament għandhom l‑istatus ta’ liġi iżda jiġu ppubblikati b’mod xieraq (17).
64. Madankollu, estensjoni minn Stat Membru tal-kunċett ta’ “entità marbuta b’obbligu” lil entitajiet oħra minbarra dawk imsemmija fid‑Direttiva 2015/849 ma hijiex possibbli ħlief, minn naħa waħda – kif jirriżulta mit-test stess tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva –, jekk dawn “jidħlu f’attivitajiet li għandhom probabbiltà partikolari li jintużaw għal għanijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu” u, min-naħa l‑oħra, jekk tali estensjoni sseħħ bir-rispett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jiżgura l-libertajiet fundamentali.
65. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, in concreto, jekk, fl-ordinament ġuridiku Latvjan, operatur, bħal Citadeles, li sempliċement jikri proprjetà immobbli li tappartjeni lilu u, għal dan il-għan, ikkonkluda kuntratti ta’ kiri ma’ kerrejja, filwaqt li espliċitament ta l-kunsens tiegħu sabiex dawn jirreġistraw l-uffiċċju reġistrat tagħhom f’din il-proprjetà, għandux jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti minn professjoni jew kategorija ta’ impriżi minbarra l-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849, li għaliha r-Repubblika tal-Latvja, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/849, estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti kontra l-ħasil tal-flus previsti mill-imsemmija direttiva.
66. F’dan ir-rigward, madankollu jista’ jkun hemm dubju li dan huwa l-każ. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ddikjarat espliċitament li ma rċeviet l-ebda informazzjoni mill-Gvern Latvjan, skont l-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 2015/849, li tgħid li r-Repubblika tal-Latvja kienet estendiet l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal professjonijiet jew kategoriji ta’ impriżi oħra, jiġifieri għal persuni li jikru proprjetajiet immobbli li jappartjenu lilhom.
4. Konklużjoni fuq l‑ewwel domanda preliminari
67. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” li jinsab fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri servizz speċifiku li ma għandux jirriżulta minn tranżazzjoni li tikkonsisti sempliċement fil-kiri ta’ proprjetà immobbli mill-proprjetarju stess, u dan irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk is-sid tax il-kunsens tiegħu sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil-proprjetà mikrija u jwettaq tranżazzjonijiet fiha.
B. Fuq it‑tieni domanda preliminari
68. Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, jekk il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” li jinsab fil-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis‑sens li, meta l-kiri ta’ proprjetajiet immobbli jsir minn persuna fiżika, dan huwiex suġġett għall-istess rekwiżiti bħal dawk imposti fuq persuna ġuridika jew arranġament legali, irrispettivament mill-elementi ta’ fatt bħan-numru ta’ proprjetajiet immobbli li għandha u li huma mikrija, mill-fatt li l-kiri tal-proprjetà immobbli ma huwiex relatat mal‑attività kummerċjali jew minn ċirkustanzi oħra.
69. Peress li t-tieni domanda saret fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 fis-sens li jiena pproponejt fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.
70. Fi kwalunkwe każ, fl-opinjoni tiegħi, it-tieni domanda hija inammissibbli. Fil-fatt, mid-dokumenti tal-proċess li għandha l-Qorti tal‑Ġustizzja ma jirriżultax li l-kawża prinċipali tirrigwarda, anki parzjalment, il-kiri ta’ proprjetajiet immobbli magħmula minn persuna fiżika.
71. Minn dan isegwi li l-fatt li tingħata risposta għat-tieni domanda f’dawn iċ-ċirkustanzi jfisser b’mod ċar li tingħata opinjoni konsultattiva fuq domanda ipotetika, kuntrarjament għall-funzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita bl‑Artikolu 267 TFUE (18).
V. Konklużjoni
72. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja) bil-mod segwenti:
Il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpanniji” li jinsab fil- punt 7(c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ikopri servizz speċifiku li ma għandux jirriżulta minn tranżazzjoni li tikkonsisti sempliċement fil-kiri ta’ proprjetà immobbli mill-proprjetarju stess, u dan irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk is-sid tax il-kunsens tiegħu sabiex il-kerrej jirreġistra l-uffiċċju reġistrat tiegħu fil-proprjetà mikrija u jwettaq tranżazzjonijiet fiha.