KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ppreżentati fit-18 ta’ Lulju 2007 1(1)

Kawża C‑64/05 P

Ir-Renju ta’ l-Iżvezja

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej et

“Appell – Aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet – Dokumenti ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi dwar id-dekommissjonament ta’ sit protett mid-Direttiva dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali – Rifjut”





1.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tiddeċiedi dwar l-appell ippreżentat mir-Renju ta’ l-Iżvezja kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Novembru 2004, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni(2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li ċaħdet ir-rikors ta’ IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGbmH (iktar ’il quddiem “IFAW”) għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2002 li ċaħditilha l-aċċess għal ċerti dokumenti dwar id-dekommissjonament ta’ sit protett.

2.        Skond l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza inġustament ikkunsidrat li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), li fuqu d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, jobbliga istituzzjoni li tiċħad kull talba għal aċċess ta’ dokument li jkollha f’idejha li ġej minn Stat Membru, fil-każ fejn dan ta’ l-aħħar jopponi l-iżvelar tiegħu.

3.        Hekk kif l-analiżi tal-kawża turi, il-kwistjonijiet legali ta’ din il-kawża u d-diskussjonijiet mqajma juru d-differenzi kulturali fil-qasam tat-trasparenza u jikkonfrontawhom ma’ xulxin. Differenza bejn il-kultura Komunitarja li reċentement ikkonvertiet b’mod ftit jew wisq entużjast għar-rekwiżit ta’ trasparenza u l-kultura tal-pajjiżi Nordiċi li jgawdu minn tradizzjoni antika u partikolarment b’saħħitha f’dan il-qasam(4). Differenza oħra hija fil-kultura ta’ l-Istati Membri kif evidenzjat f’din il-kawża, peress li minn sitt Stati Membri involuti, erbgħa intervenew quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u/jew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jikkontestaw l-interpretazzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Prim’Istanza u tnejn sabiex jiddefenduha. Il-kawża u l-problema legali li hija tqajjem juru wkoll l-interazzjonijiet reċiproċi bejn is-sistemi legali differenti dwar it-trasparenza “it-trasparenza Ewropea, ibbażata mill-forom ta’ trasparenza nazzjonali, min-naħa tagħha teffettwa l-Istati Membri”(5). Fl-aħħar nett, il-kawża tinvolvi dispożizzjoni tar-Regolament li hija partikolarment suġġetta għal kontestazzjonijiet kontenzjużi: fis-sentejn li fihom ġie applikat dan ir-Regolament, fuq ħdax-il rikors imressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra deċiżjonijiet ta’ rifjut min-naħa tal-Kummissjoni, sitta kienu jirrigwardaw l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5)(6).

I –    Il-kuntest ta’ l-appell

4.        Sabiex tinftiehem din il-kawża, il-kwistjonijiet tagħha u s-soluzzjoni li tista’ tinstabilha, hemm bżonn li jiġu mfakkra d-dispożizzjonijiet prinċipali applikabbli, tal-fatti u tas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

A –    It-testi applikabbli

5.        L-Artikolu 255(1) u (2) KE jipprovdi li:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, soġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2.      Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam”.

6.        Id-Dikjarazzjoni Nru 35 annessa ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni Nru 35”) jipprovdi li:

“Il-Konferenza taqbel li l-prinċipji u l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu [255](1) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea jippermettu lill-Stat Membru li jitlob lil-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkomunikax ma’ partijiet terzi dokument li joriġina minn dak l-Istat mingħajr il-qbil preċedenti tiegħu”.

7.        Abbażi ta’ l-Artikolu 255(2) KE, il-Kunsill adotta r-Regolament. Ir-raba’, is-sitt, id-disa’ u l-ħmistax-il premessa ta’ dan ir-Regolament huma fformulati kif ġej:

“(4)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

[…]

(6)      Għandu jingħata aktar aċċess għad-dokumenti f’każijiet fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu fil-kapaċitajiet leġislattivi tagħhom, inklużi dawk taħt setgħat delegati, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm l-effettività tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jsiru direttament aċċessibbli bl-aktar mod possibbli.

[…]

(9)      Xi dokumenti għandhom jingħataw trattament speċjali, minħabba l-kontenut sensittiv ħafna tagħhom. Arranġamenti sabiex il-Parlament Ewropew jiġi avżat dwar il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti għandhom isiru permezz ta’ ftehim bejn l-instituzzjonijiet.

(10)      Aċċess għal dokmenti għandu jingħata mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni mhux biss għad-dokumenti miktuba mill-istituzzjonijiet, iżda wkoll għad-dokumenti li dawn jirċievu sabiex ikun hemm aktar trasparenza fix-xogħol ta’ l-istituzzjonijiet. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-Dikjarazzjoni Nru 35, mehmuża ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill li ma jikkommunikawx lil partijiet terzi dokument li ġej minn dak l-Istat mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel.

[…]

(15)      Għalkemm l-emenda ta’ liġijiet nazzjonali dwar aċċess għal dokumenti m’hijiex l-iskop jew l-effett ta’ dan ir-Regolament, permezz tal-prinċipju ta’ koperazzjoni leali li tirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jaraw li ma jfixklux l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament u għandhom iħarsu r-regoli ta’ sigurtà ta’ l-istituzzjonijiet”.

8.        L-Artikolu 1(a) tar-regolament jiddisponi li:

“Għan

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

a)      li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa “l-istituzzjonijiet”) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

9.        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li:

“Benefiċjarji u skop

1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3.      Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

5.      Dokumenti sensittivi mfissra fl-Artikolu 9(1) għandhom ikunu soġġetti għal trattament speċjali skond dak l-Artikolu.

[…]”

10.      Skond l-Artikolu 3(b) ta’ dan ir-regolament, għall-għan ta’ dan, “parti terza” tfisser, “kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji oħrajn, istituzzjonijiet oħra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi”.

11.      L-Artikolu 4 tar-Regolament jipprovdi li:

“Eċċezzjonijiet

1.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

a)      l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

–      is-sigurtà pubblika,

–      kwistjonijiet militari u ta’ difiża,

–      relazzjonijiet internazzjonali,

–      il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru;

b)      il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.      Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

4.      Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5.      Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

[…]

7.      L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu”.

12.      L-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li:

“Dokumenti fl-Istati Membri

Meta Stat Membru jirċievi talba għal dokument fil-pussess tiegħu, li l-oriġini tiegħu ġejja minn istituzzjoni, jekk m’hiex ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat, l-Istat Membru għandu jikkonsulta ma’ l-istituzzjoni involuta sabiex jieħu deċiżjoni li ma jipperikolax il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-Istat Membru jista’ minflok jirreferi t-talba lill-istituzzjoni”.

13.      Skond l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament:

“1.      Dokumenti sensittivi human dokumenti li ġejjin mill-istituzzjonijiet jew mill-aġenziji mwaqqfa minnhom, mill-Istati Membri, pajjiżi terzi jew Organizzazzjonijiet Internazzjonali, klassifikati bħala “TRÉS SECRET/TOP SECRET”, “SECRET” jew “CONFIDENTIEL” skond ir-regoli ta’ l-istituzzjoni rilevanti, li jħarsu l-interessi essenzali ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti mill-Artikolu 4(1)(a), partikolarment is-sigurtà pubblika, kwistjonijiet militari u tad-difiża.

2.      Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti sensittivi taħt il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 għandhom jiġu proċessatt biss minn persuni li għandhom dritt isiru jafu dwar dawk id-dokumenti. Dawn il-persuni għandhom ukoll, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(2), jagħmlu stima dwar liema referenzi għal dokumenti sensittivi jistgħu jsiru fir-reġistru pubbliku.

3.      Dokumenti sensittivi għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru jew żvelati biss bil-kunsens ta’ mingħand min ġejjin.

4.      Istituzzjoni li tiddeċiedi li ma tagħtix aċċess għal dokument sensittiv għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha b’mod li ma jagħmilx ħsara l-interessi mħarsa fl-Artikolu 4.

5.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw li fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal dokumenti sensittivi jitħarsu l-prinċipji f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 4.

6.      Ir-regoli ta’ l-istituzzjonijiet dwar dokumenti sensittivi għandhom isiru pubbliċi.

7.      Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom javżaw lill-Parlament Ewropew dwar dokumenti sensittivi skond l-arranġamenti miftiehma bejn l-istituzzjonijiet”.

B –    Il-fatti

14.      Fid-19 ta’ April 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ħarġet opinjoni li tawtorizza r-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tiddikommissjona s-sit ta’ Mühlenberger Loch, li sa dakinhar kienet żona protetta skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġa(7), għat-twettiq ta’ proġett li jikkonsisti fit-tkabbir tal-fabbrika ta’ Daimler Chrysler Aerospace Airbus u fir-reklamazzjoni ta’ parti mill-estwarju għat-titwil ta’ runway.

15.      Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001 indirizzata lill-Kummissjoni, IFAW, organizzazzjoni mhux governattiva li taħdem fil-qasam tal-preservazzjoni tal-benesseri ta’ l-annimali u l-protezzjoni tan-natura, talbet li jkollha aċċess b’mod partikolari għal korrispondenza bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-belt ta’ Hamburg dwar dan is-sit u l-proġett tiegħu, kif ukoll għall-korrispondenza tal-Kanċillier Ġermaniż.

16.      Billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li ġiet ikkonsultata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din it-talba, opponiet li jiġu żvelati dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament jipprojbixxi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jingħata l-aċċess u, għaldaqstant, adottat fis-26 ta’ Marzu 2002, id-deċiżjoni kkontestata li tiċħad it-talba ta’ IFAW.

17.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Ġunju 2002, IFAW ressqet rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2002.

C –    Is-sentenza appellata

18.      In sostenn tal-konklużjonijiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti b’mod partikolari tqajjem il-motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament. Hija tqis li l-interpretazzjoni ta’ l-Kummissjoni ta’ l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-Regolament, skond liema hija għandha l-obbligu li tirrifjuta l-aċċess għal dokument li tkun irċeviet minn Stat Membru jekk dan jopponi l-iżvelar tiegħu, hija żbaljata. Għalhekk, il-fakultà, li skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, Stat Membru li minnu jkun ġej dokument jista’ jitlob lil istituzzjoni li żżomm dan id-dokument li ma tiżvelahx ma tistax jiġi analizzata bħala dritt ta’ veto, peress illi d-deċiżjoni finali hija ta’ l-istituzzjoni.

19.      Abbazi ta’ argument żviluppat fil-punti 50 sa 65 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza, ċaħdet dan il-motiv u, għaldaqstant, iddeċidiet li r-rikors għal annullament mhuwiex fondat.

20.      Skond is-sentenza appellata, il-fakultà mogħtija mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament lil Stat Membru li jitlob istituzzjoni li ma tagħtix aċċess għal dokument li ġej mingħandu mingħajr il-ftehim minn qabel tiegħu tikkostitwixxi inġunzjoni lil din l-istituzzjoni li ma tiżvelax id-dokument in kwisjtoni fil-każ fejn dan ikun kontra. L-Istat Membru m’għandux obbligu li jagħti raġuni għat-talba tiegħu u l-istituzzjoni hija obbligata li timxi skond l-inġunzjoni mingħajr ma tista’ teżamina jekk in-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkontestat huwiex iġġustifikat minħabba, b’mod partikolari, l-interess pubbliku.

21.      Minn dan il-lat, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Artikolu 4(5) tar-Regolament jagħti favur l-Istati Membri lex specialis fir-rigward ta’ l-Artikolu 4(4) ta’ dan it-test li jagħraf biss lill-partijiet terzi d-dritt li jiġu kkonsultati mill-istituzzjonijiet, sabiex jiġi stabbilit jekk id-dokument li ġie kkomunikat lilhom jaqax taħt waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) jew (2) tar-Regolament, u bil-kundizzjoni li ma jkunx ċar f’dak il-każ jekk id-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

22.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tibbaża l-interpretazzjoni tagħha ta’ l-Artikolu 4 (5) tar-Regolament fuq il-premessa li l-obbligu li jkollha l-ftehim minn qabel ta’ l-Istat Membru jirriskja li jkun inoperattiv, jekk l-Istat Membru ma jingħatax dritt ta’ veto. Hija tibbaża wkoll fuq id-Dikjarazzjoni Nru 35, li skond din il-Konferenza taqbel li l-prinċipji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 255 KE jippermettu lil Stat Membru li jitlob lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea li ma jikkomunikawx dokument li ġej minn dan l-Istat lil partijiet terzi mingħajr il-ftehim minn qabel tiegħu. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, minn dan jirriżulta li, il-fakultà prevista fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament hija spjegata mill-fatt li dan ir-Regolament la għandu l-għan u lanqas l-effett li jemenda l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ aċċess għad-dokumenti, kif wara kollox tfakkar il-ħmistax-il premessa ta’ dan ir-Regolament. Konsegwentement, meta Stat Membru jagħmel talba għal dokument skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, l-aċċess għal dan id-dokument mhuwiex irregolat mir-Regolament iżda mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ta’ l-Isati Membru kkonċernat, li ma jkunux inbidlu minħabba l-adozzjoni tar-Regolament.

23.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li, “sabiex tassigura għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament interpretazzjoni skond id-Dikjarazzjoni Nru 35 u sabiex tiffaċilita l-aċċess għad-dokument in kwistjoni billi tippermetti lill-Istat Membru, jekk ikun il-każ, li jagħti l-kunsens tiegħu għall-iżvelar tad-dokument, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta dan l-Istat Membru meta talba ta’ aċċes tirrigwarda dokument li ġej mingħandu. Jekk dan l-Istat Membru, wara li jkun ġie kkonsultat, ma jintroduċix talba skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, l-istituzzjoni dejjem tibqa’ obbligata li tevalwa, skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament, jekk id-dokument għandux jiġi żvelat jew le”(8).

24.      Peress illi d-dokumenti li l-komunikazzjoni tagħhom kienet ġiet mitluba mir-rikorrenti huma dokumenti li ġejjin minn Stat Membru fis-sens ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kient talbet lill-Kummissjoni li ma tiżvelax, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni mhijiex ivvizzjata bi ksur ta’ l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

II – L-analiżi ta’ l-appell

25.      Hija kontra din is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza mogħtija fit-30 ta’ Novembru 2004 li r-Renju ta’ l-Iżvezja, li kien diġà parti intervenjenti in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, appella quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. In sostenn tar-rikors tiegħu, l-appellant iqajjem motiv wieħed ibbażat biss fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju li jirriżulta minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-portata ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament: mhux talli ma jagħtix dritt ta’ veto favur l-Istati Membri kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda l-Artikolu 4(5) jagħrfilhom biss id-dritt li jiġu kkonsultati qabel dokument jiġi żvelat mill-istituzzjoni li huma jkunu kkomunikaw dan; mandankollu l-istituzzjoni żżomm ir-responsabbiltà li tiddeċiedi jekk għandhiex jew le tagħmlu dokument pubbliku, u deċiżjoni fejn ma tagħtix aċċess tista’ biss tkun iġġustifikata minn wieħed mill-każijiet eċċezzjonali li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament.

26.      Huwa ċar li hawnhekk qed jaffrontaw lil xulxin żewġ argumenti dijametrikament opposti fuq il-portata ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament. Sabiex tiġi ċċarata l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi pprovata r-rilevanza tagħha. F’din il-perspettiva, jiena ser nuri li la l-interpretazzjoni litterali ta’ l-Artikolu 4(5), la r-rispett tar-rieda ta’ l-Istati Membri espressa fid-Dikjarazzjoni Nru 35 m’għandhom, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, is-soluzzjoni li din waslet għaliha. Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika timponi soluzzjoni oħra.

A –    In-nuqqas ta’ risposta probatorja bbażata fuq l-interpretazzjoni litterali u tat-tfittxija ta’ l-intenzjoni tal-partijiet

1.      L-ifformular ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament

27.      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li taħt il-liġi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kien jirrigwarda biss id-dokumenti ġejjin mill-istituzzjonijiet(9). Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-dokumenti miżmuma minn istituzzjoni iżda mħejjija minn partijiet terzi, jiġifieri persuna fiżika jew legali, Stat Membru, istituzzjoni oħra jew korp Komunitarju jew kull korp nazzjonali jew internazzjonali ieħor, l-istituzzjoni kienet suġġetta għar-regola magħrufa bħala r-“regola ta’ l-awtur”. Għaldaqstant, istituzzjoni ma kinitx awtorizzata tiżvela d-dokumenti li ġejjin minn partijiet terzi, għalhekk l-applikant għal aċċess kien obbligat jindirizza t-talba tiegħu direttament lill-awtur tad-dokument(10). Għalkemm dan kien miftiehem mill-bidu mill-ġurisprudenza bħala limitu għall-prinċipju ġenerali tad-dritt ta’ aċċess u li għalhekk għandu jiġi interpretat u applikat strettament(11), din ir-regola ta’ l-awtur ġiet madankollu kkwalifikata bħala “deroga assoluta f’dak li jirrigwarda d-dokumenti li l-awtur huwa parti terza”(12).

28.      Għalhekk, waħda mill-kontribuzzjonijiet ewlenin tar-Regolament hija t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet billi telimina din ir-regola ta’ l-awtur. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-Regolament, id-dritt ta’ aċċess jirrigwarda “kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha”. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet jista’ jkollhom jikkomunikaw dokumenti li ġejjin minn partijiet terzi, li b’mod partikolari jistgħu jinkludu l-Istati Membri, skond id-definizzjoni tal-kunċett ta’ partijiet terzi fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament. Madankollu, it-tneħħija tar-regola ta’ l-awtur ġiet ikkumpensata, permezz ta’ trattament speċjali mogħti b’mod partikolari lid-dokumenti li ġejjin minn Stati Membri, permezz ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament. Il-kwisjtoni kollha ta’ din il-kawża hija li jiġi ddeterminat f’xiex jikkonsisti eżattament dan it-trattament speċjali.

29.      Jekk it-termini tad-dispożizzjoni in kwistjoni kienu ċari, ikun leġittimament possibbli li jiġi kkunsidrat li għandha tiġi applikata r-regola hekk kif stipulata: in claris non fit interpretatio. Madankollu, f’dan il-każ huwa impossibbli li wieħed jasal għal tweġiba mill-ifformular billi dan mhuwiex ċar. Huwa jipprovdi li “Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel”. Hekk kif l-istess Kummissjoni ammettiet, dan l-“ifformular ta’ l-Artikolu 4(5) ma jippreċiżax safejn l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jirrispettaw l-opinjonijiet negattivi ta’ Stat Membru għall-iżvelar ta’ wieħed mid-dokumenti tiegħu”(13). Fil-fatt, l-enfażi fuq il-fatt li kull żvelar minn istituzzjoni ta’ dokument li Stat Membru jkun għaddielu jista’ jkun suġġett, fuq talba ta’ dan, għal “ftehim minn qabel tiegħu” jargumenta favur ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ veto favur l-Istat Membru. Min- naħa l-oħra, l-użu tal-kelma “jitlob” iwassal sabiex jiġi konkluż li d-deċiżjoni ta’ l-iżvelar taqa’ b’mod definittiv fuq l-istituzzjoni li żżomm id-dokument billi, hekk kif ġustament qieset ir-rikorrenti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, it-terminu “talba” tista’ tiġi mfissra bħala l-att jew il-fatt li titlob xi ħaġa, li jfisser li l-parti li ppreżentat talba qed tistenna risposta għalija kif ukoll l-eżerċizzju ta’ setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni mill-parti li twieġeb. Din l-ambigwità fl-ifformular ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament hija enfasizzata mill-kuntrast mogħti mill-qari tat-termini ta’ l-Artikolu 9(3), li minnu jirriżulta mingħajr dubju d-dritt ta’ veto, peress li jipprovdi li “dokumenti sensittivi għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru jew żvelati biss bil-kunsens ta’ mingħand min ġejjin”. Għalhekk mhuwiex possibbli għalija li nsegwi l-Qorti tal-Prim’Istanza li, fis-sentenza li hija s-suġġett ta’ dan l-appell, ikkunsidrat li l-obbligu, impost lill-istituzzjoni li żżomm dokument li ġej minn Stat Membru, li tikseb il-kunsens minn qabel tiegħu qabel kull żvelar ta’ dan id-dokument, huwa “stabbilit b’mod ċar” fl-Artikolu 4(5) tar- Regolament(14).

30.      Minbarra dan, l-emendi għar-regoli ta’ proċedura tagħhom magħmula mit-tliet istituzzjonijiet, fit-twettiq ta’ l-obbligu tagħhom li jaddattaw għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament skond l-Artikolu 18 tiegħu, jikkonfermaw, jekk dejjem kien hemm il-bżonn, l-ekwivoku fil-kliem ta’ l-Artikolu 4(5). Mill-qari tagħhom, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet tidher li ma tipprojbixxix il-possibbiltà li tiżvela d-dokument li ġej minn Stat Membru kontra l-opinjoni espliċita ta’ l-awtur tagħhom, anki meta l-Istat Membru jkun talabha li dan ma tagħmilx dan mingħajr il-ftehim minn qabel tiegħu(15). Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, illimita ruħu li jirriproduċi l-kliem ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament(16). F’dak li jirrigwarda l-Parlament Ewropew, ir-regolita’ proċedura tiegħu m’għandhom l-ebda dispożizzjoni partikolari li tirrigwarda d-dokumenti li ġejjin mill-Istati Membri u jillimita ruħu li jipprovdi, fil-każ ta’ dokumenti li ġejjin minn partijiet terzi, konsultazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar “sabiex jiġi ddeterminat jekk waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament Nru 1049/2001 tapplikax”(17).

31.      L-istess duttrina tidher li hija maqsuma fuq is-sinjifikat li għandu jingħata lit-termini ta’ l-Artikolu 4(5), fuq il-portata li din id-dispożizzjoni għandha tingħata. Uħud jemmnu li mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni tirriżulta l-affermazzjoni espliċita ta’ dritt ta’ veto favur l-Istati Membri(18). Min-naħa l-oħra, oħrajn isostnu interpretazzjoni differenti, billi jħallu d-dritt ta’ l-aħħar kelma fuq talba għal aċċess lill-istituzzjoni li żżomm dan id-dokument(19).

32.      Fir-realtà, l-ambigwità tat-termini ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament tikkorrispondi, hekk kif il-Gvern Daniż b’mod rilevanti enfasizza “ekwivoku kostruttiv” li hekk biss seta’ jiġi adottat mil-leġiżlatur Komunitarju(20). Fil-fatt, dan huwa r-riżultat tat-tensjonijiet li kien hemm ma’ l-oriġini tar-Regolament, oppożizzjoni bejn dawk favur iż-żamma ta’ sigriet relattiv u dawk li jitolbu għal trasparenza ikbar, li qasmet il-protagonisti differenti tal-proċess leġiżlattiv(21). Il-Kummissjoni xtaqet iżżomm għall-Istati Membri kontroll fuq l-iżvelar tad-dokumenti li jittrażmettu lill-istituzzjonijiet. Minbarra dan, il-proposta inizjali tagħha tipprevedi, fl-Artikolu 4(d) tagħha, li “l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti meta l-iżvelar tagħhom jista’ jkun ta’ dannu sinjifikattiv għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità mitluba minn partijiet terzi li pprovdew id-dokument jew l-informazzjoni jew tal-kunfidenzjalità mitluba mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru”(22). Il-Parlament kien ta’ l-opinjoni, li d-deċiżjoni ta’ l-iżvelar ta’ dokument li ġej minn Stat Membru għandha tkun ta’ l-istituzzjoni li żżommu u, konsegwentement, kien issuġġerixxa emenda fis-sens tal-proposta ta’ regolament tal-Kumissjoni(23). Fil-Kunsill, l-Istati Membri kienu wkoll maqsuma, kif juri l-fatt li proposta tal-Presidenza Franċiża, ippreżentata f’Diċembru 2000, li b’mod ċar irrikonoxxiet lill-Istati Membri dritt ta’ veto, fl-aħħar mill-aħħar ma intlaqatx.

2.      Il-portata tad-Dikjarazzjoni Nru 35

33.      Għalhekk, il-kompromess kien li t-test tad-dikjarazzjoni Nru 35 jiġi inkluż fl-Artikolu 4(5) b’mod kważi litterali, kif l-istess Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat(24) u kif tindika l-għaxar premessa tar-Regolament, li sostanzjalment, permezz tagħha, l-estensjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li l-istituzzjonijiet jirċievu għandu jinftiehem fid-dawl tad-Dikjarazzjoni Nru 35.

34.      Għaldaqstant, kif tista’ tkejjel il-portata ta’ din ir-referenza għad-Dikjarazzjoni Nru 35? L-istatus tad-dikjarazzjonijiet annessi mat-Trattati jibqa’ relattivament vag. Għalkemm l-Artikolu 311 KE jiddisponi li l-Protokolli, li bi ftehim bejn l-Istati Membri, ġew annessi mat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet għandhom “jifformaw parti integrali” u għaldaqstant, għandhom l-istess valur legali(25), it-Trattat ma jsemmi xejn dwar id-dikjarazzjonijiet. Id-duttrina prominenti(26) tiċħad kull effett leġiżlattiv restrittiv għad-dikjarazzjonijiet inklużi fl-att finali tat-Trattati Komunitarji, peress illi tarhom biss bħala espressjoni ta’ obbligu politiku. Għal żmien twil, il-ġurisprudenza ma ħaditx pożizzjoni fir-rigward. Huwa biss reċentement li rrikonoxxiet lid-dikjarazzjonijiet portata interpretattiva(27). Din is-soluzzjoni tikkorrispondi għal dik aċċettata fid-dritt internazzjonali. L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati tat-23 ta’ Mejju 1969, jipprovdi li Trattat għandu jiġi interpretat billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest tiegħu, li jinkludi, “minbarra t-test, il-preambolu u l-annessi inklużi: […] kull strument stabbilit minn waħda jew iktar partijiet għall-konklużjoni tat-Trattat u aċċettat mill-partijiet l-oħra bħala strument relatat mat-trattat”. Għaldaqstant huma inklużi bħala bażi ta’ interpretazzjoni, id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet(28). L-interpretazzjoni ta’ trattat kif mogħtija bi ftehim bejn l-Istati li huma partijiet f’dikjarazzjoni tista’ tasal sabiex temenda dawn l-istipulazzjonijiet? Id-dritt internazzjonali diġà ta xi eżempji f’każ fejn l-Istati firmatarji huma l-interpreti awtentiċi tat-trattat(29), iżda dan ma jistax ikun il-każ fid-dritt Komunitarju, minħabba l-karatteristika riġida tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet li jikkostitwixxu l-karta kostituzzjonali tal-Komunitajiet(30).

35.      Peress illi d-Dikjarazzjoni Nru 35 tista’ leġittimament isservi bħala bażi ta’ interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, jibqa’ sabiex jiġi stabbilit jekk din tippermetti li tiċċara s-sens. Skond ir-Renju Unit, din id-dikjarazzjoni turi li, meta adottaw l-Artikolu 255 KE, li l-portata tiegħu tapplika għal dokumenti ta’ partijiet terzi u miżmuma minn istituzzjonijiet Komunitarji, l-Istat Membri kienu talbu għal garanzija sabiex id-dokumenti li ġejjin mingħandhom ma jiġux żvelati mill-istituzzjonijiet mingħajr il-kunsens tagħhom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tat lil din id-dispożizzjoni l-istess portata, peress li, wara li fakkret it-termini, hija waslet biex tagħraf li hemm dritt ta’ veto ta’ l-Istati Membri fuq kull talba ta’ aċċess għal dokument li huma jkunu ttrażmettew lill-istituzzjoni(31). Madankollu, id-Dikjarazzjoni Nru 35 li hija fformulata fl-istess termini bħall-Artikolu 4(5) tar-Regolament, għandha l-istess ambigwità. Għaldaqstant din ma tistax tkun ta’ għajnuna sabiex tiġi ppreċiżata t-tifsira: bħal fl-Artikolu 4(5), fil-kliem tagħha mhemmx affermazzjoni ċara, mingħajr dubju ta’ dritt ta’ veto favur l-Istati Membri.

36.      Għandna nagħrfu li l-ifformular ta’ l-Artikolu 4(5) huwa milqut minn ekwivoku b’mod irriduċibbli. Huwa veru li dan ma jeskludix l-interpretazzjoni li tat il-Qorti tal-Prim’Istanza; it-termini ta’ din id-dispożizzjoni ma jnaqqsux espressament il-garanziji mogħtija lill-Istati Membri fil-każ ta’ talba għal żvelar ta’ dokument li ġej minnhom, li tkun indirizzata lil istituzzjoni, għal sempliċi konsultazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(5) ma jistax jiġi kkunsidrat, minn perspettiva purament litterali, bħal kif inhu fl-Artikolu 5 li jipprovdi li, “meta Stat Membru jirċievi talba għal dokument fil-pussess tiegħu, li l-origini tiegħu ġejja minn istituzzjoni, […] l-Istat Membru għandu jikkonsulta ma’ l-istituzzjoni involuta sabiex jieħu deċiżjoni li ma jipperikolax il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament”. Madankollu, il-kliem ta’ l-Artikolu 4(5) ma jimponux l-interpretazzjoni li ħadet il-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, il-fakoltà mogħtija lill-Istati b’din id-dispożizzjoni li jitolbu li ma jiġux żvelati dokumenti tagħhom lil partijiet terzi ħlief bi ftehim minn qabel min-naħa tagħhom kienet ġiet espressament ikkunsidrat milla-Qorti tal-Prim’Istanza bħala “eċċezzjoni” għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet(32). Skond ġurisprudenza stabbilita, kull eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandu tiġi interpretata u applikata strettament(33). L-interpretazzjoni li tirrikonoxxi lill-Istati Membri dritt ta’ veto mingħajr kundizzjonijiet fuq l-aċċess għad-dokumenti minnhom trażmessi lil istituzzjoni, għalhekk, setgħat biss tiġi aċċettata jekk setgħet issib biżżejjed sostenn fl-ifformular stess ta’ l-Artikolu 4(5).

B –    L-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika

37.      Fin-nuqqas ta’ tweġiba mhux kontestabbli kif jirriżulta minn interpretazzjoni litterali ta’ l-Artikolu 4(5) tar-Regolament, huwa xieraq li nippruvaw nippreċiżaw is-sens tad-dispożizzjoni in kwistjoni billi titqiegħed fil-kuntest legali globali li fih tinsab u billi ssir referenza għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni in kwistjoni tagħmel parti mill-kuntest legali kkaratterizzat minn żieda fis-saħħa bil-mod iżda li dejjem tiżdied tad-dritt Komunitarju tal-bżonn ta’ trasparenza b’mod ġenerali u b’mod partikolari tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet.

38.      Għal żmien twil, dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, kien kunċett li ma kellu l-ebda post fid-dritt Komunitarju. Iżda l-evoluzzjoni kienet waħda ta’ “affermazzjoni progressiva”(34) tad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi, li dwarha ser nillimita lili nnifsi li nfakkar fil-qosor l-passi l-iktar importanti. Il-ġibda lejn it-trasparenza fil-proċess għat-teħid ta’ deċiżjoni ġiet espressa għall-ewwel darba b’mod formali fid-Dikjarazzjoni Nru 17 dwar id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni annessa ma’ l-Att finali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, li għal dan il-għan jissuġġerixxi l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex itejbu l-aċċess tal-pubbliku għal informazzjoni li minnha jiddisponu l-istituzzjonijiet. Fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji ġenerali li jiddeterminaw il-portata ta’ dan id-dritt ta’ aċċess, kienu l-istituzzjonijiet li kellhom jinqatgħu mill-prinċipju tradizzjonali tas-sigriet amministrattiv billi jiddeċiedu huma stess jekk riedux jew le jagħtu aċċess għal dokument mitlub li huma kellhom f’idejhom. Wara li ftehmu fuq l-adozzjoni, fis-6 ta’ Diċembru 1993, ta’ kodiċi ta’ kondotta li jistipula l-prinċipji ta’ l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti li jżommu f’idejhom(35), il-Kunsill u l-Kummissjoni, abbażi tas-setgħa ta’ organizzazzjoni interna tagħhom(36), ħadu rispettivament deċiżjoni li jimplementaw dawn il-prinċipji(37) u deċiżjoni li jadottaw formalment dan il-kodiċi(38). Minkejja din l-affermazzjoni progressiva tad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, minkejja l-istedin magħmula mill-Avukati Ġenerali tagħha(39) jew ta’ xi membri tagħha(40), minkejja li mħeġġa minn ċertu teħid ta’ pożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza(41), u anki jekk hija stess irrikoxxiet li d-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi hija stabbilita, bħala prinċipji kostituzzjonali jew leġiżlattivi, fil-parti ’l kbira ta’ l-Istati Membri(42), il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilitix dan, b’mod formali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju(43).

39.      Madankollu, l-iżvilupp ma waqafx hemm. Il-pass li kien imiss kien li jiġi stabbilit mit-Trattat ta’ Amsterdam, minn naħa fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-UE ta’ “prinċipju ta’ ftuħ”, min-naħa l-oħra fl-Artikolu 255 KE tad-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Huwa minnu li dawn id-dispożizzjonijiet m’għandhomx effett dirett u għalhekk ma jistgħux ikunu ta’ sostenn għal talba għall-iżvelar ta’ dokument ta’ istituzzjoni; l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ aċċess jibqa’ soġġett għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura(44). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 255(2) KE, kif jirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam, jagħti bażi legali għal dan il-għan, billi jagħti lill-Kunsill, b’kodeċiżjoni mal-Parlament, l-obbligu li jippreċiża l-prinċipji ġenerali u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet. Huwa abbażi ta’ din il-bażi legali li ġiet adottatta l-leġiżlazzjoni Komunitarja ġenerali dwar id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet li jikkostitwixxu r-Regolament Nru 1049/2001. Jibqa’ l-fatt li minn issa ’l quddiem l-eżistenza ta’ dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet mhijiex iktar ibbażata fuq miżuri ta’ ordni interna adottati mill-istituzzjonijiet li dawn għandhom jirrispettaw skond il-massima “patere legem quam ipse fecisti”, jew inkella fuq ir-Regolament iżda fuq dispożizzjoni ta’ valur kostituzzjonali.

40.      Dan l-iżvilupp legali ta’ dritt għal aċċess ġie aċċellerat minn żvilupp materjali. Għaddejna minn sempliċi favur mogħti lill-konstituent mill-istituzzjonijiet fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom għal dritt suġġettiv reali ta’ natura fundamentali mogħti lill-individwu. Fil-fatt, filwaqt li l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet tħalla għad-diskrezzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar, il-miżuri li ħadu sabiex jippreċiżaw il-mod kif dawn it-talbiet jiġu ttrattati kien biss sabiex jiżgura l-funzjonament intern tagħhom fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba. Huma ma jagħtu l-ebda dritt suġġettiv lil individwi li jippermettilhom jiksbu l-informazzjoni mitluba, anki jekk setgħu jitolbu li dawn il-miżuri meħuda jiġu rrispettati(45). Bl-introduzzjoni ta’ l-Artikolu 255 KE mit-Trattat ta’ Amsterdam, l-aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet sar dritt suġġettiv mogħti lil “kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u [lil] kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru”. Dan id-dritt ta’ aċċess għandu n-natura ta’ dritt fundamentali hekk kif jikkonferma l-fatt li ġie adottat fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali(46).

41.      Dan it-tisħiħ ta’ l-istatus tad-dritt għal aċċess huwa strettament marbut mal-bidliet ta’ l-għanijiet imfittxija mill-“eżiġenza ta’ trasparenza”(47). Il-ftit obbligi ta’ l-istituzzjonijiet, li kienu marbuta mill-qrib jew mill-bogħod ma’ dan ir-rekwiżit, oriġinarjament kellhom it-tendenza li jassiguraw l-effettività ta’ l-azzjoni Komunitarja u l-kontroll tal-legalità tagħha. Wieħed jista’ jaħseb fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jew ta’ l-obbligi ta’ motivazzjoni u li l-atti Komunitarji jkunu aċċessibbli. Mal-wasla tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma għand l-awtoritajiet pubbliċi, it-trasparenza kienet iktar intiża sabiex issaħħaħ il-leġittimità demokratika ta’ l-azzjoni Komunitarja(48). Mingħajr dubju, jekk wieħed irid jipprovoka, nistgħu nqajmu dubju dwar ir-relazzjoni bejn trasparenza u demokrazija. Mhuwiex dan sintomu ta’ sentiment ġenerali ta’ suspett taċ-ċittadin fir-rigward tal-gvernijiet u tas-sistema demokratika rappreżentattiva? Għaldaqstant, jeżisti r-riskju li t-trasparenza ma tkunx użata bl-istess mod miċ-ċittadini kollha u li hija sservi sabiex tippromwovi aċċess privileġġat lil ċerti gruppi ta’ interess għas-sistema politika. Fi kwalunkwe każ, din ir-rabta mal-prinċipju tad-demokrazija, li fuqha hija bbażata l-Unjoni(49), ġiet enfasizzata mill-bidu. Diġà fid-Dikjarazzjoni Nru 17 dwar id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni annessa ma’ l-Att finali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huwa nnutat li “t-trasparenza fil-proċess deċiżjonali ssaħħaħ in-natura demokratika ta’ l-istituzzjonijiet”. Il-ġurisprudenza tfakkar bosta drabi t-termini ta’ din id-dikjarazzjoni(50), u sussegwentement spjegat li t-trasparenza intiża sabiex tagħti lill-pubbliku l-ikbar aċċess possibbli għad-dokumenti tiggarantixxi li “l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u responsabbli liċ-ċittadini f’sistema demokratika”(51), safejn din tippermetti lil dawn ta’ l-aħħar “li jeżerċitaw kontroll effettiv u effettiv fuq l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet Komunitarji”(52). “Fil-fatt, huwa biss fejn hemm reklamar adegwat ta’ l-attivitajiet tal-poter leġiżlattiv, ta’ l-eżekuttiv u ta’ l-amministrazzjoni pubblika in ġenerali, li huwa possibbli, minn naħa, li jiġi effettwat kontroll effettiv u effikaċji, ukoll fuq il-livell ta’ l-opinjoni pubblika, dwar il-funzjonament ta’ l-organizzazzjoni li qed tiggverna u, min-naħa l-oħra, ta’ l-iżvilupp, fir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni u l-kostituwenti, tal-mudelli ta’ organizzazzjoni li jiżguraw realment il-parteċipazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar”(53). Fl-aħħar nett, ir-rabtiet bejn it-trasparenza u d-demokrazija evidenzjati kienu mfakkra fit-tieni premessa tar-Regolament.

42.      Għandu jiġi mfakkar li, anki meta l-prinċipju ta’ aċċess l-aktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti miżmuma għand l-istituzzjonijiet kien biss stabbilit f’miżuri ta’ organizzazzjoni interna, il-ġurisprudenza kienet iddeduċiet li l-eċċezzjonijiet u l-limiti imposti minn dawn il-miżuri kellhom jiġu interpretati u applikati strettament sabiex l-applikazzjoni tal-prinċipju ma tiġix imfixkla(54). Id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet sar dritt fundamentali ta’ valur kostituzzjonali marbut mal-prinċipji tad-demokrazija u ta’ ftuħ, fid-dawl tiegħu għandu jiġi interpretat b’mod partikolari kull att ta’ dritt sekondarju li għandu bħala għan li jirregola l-eżerċizzju, u l-limiti li jirriżultaw minn dan għandhom jiġu interpretati b’mod iktar strett(55). Jirriżulta b’mod partikolari li, filwaqt li għal żmien twil id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet kien rikonoxxut biss permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni interna, dawn setgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ċerti kategoriji ta’ dokumenti, b’mod partikolari dawk li tagħhom l-istituzzjonijiet ma kienux awturi, fejn b’hekk l-eżistenza ta’ dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet iggarantit minn dispożizzjoni ta’ valur superjuri minn issa ’l quddiem tipprojbixxi lil-leġiżlatur Komunitarju milli jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni(56). Madankollu, restrizzjoni simili tirriżulta minn interpretazzjoni li tikkunsidra l-Artikolu 4(5) tar-Regolament bħala li jirrikonoxxi dritt ta’ veto favur l-Istati Membri fuq l-iżvelar ta’ dokumenti maħruġa minnhom. Fil-fatt f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, li dokument li fir-rigward tiegħu Stat Membru jkun għamel talba sabiex dan ma jiġix żvelat mhuwiex irregolat mid-dritt Komunitarju iżda mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ta’ dan l-Isati Membru(57). Minbarra dan, u f’kull każ, ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ veto mingħajr kundizzjoni għall-Istati Membri fuq l-iżvelar mill-istituzzjonijiet ta’ dokumenti li jkunu ġew ikkomunikati lilhom jista jwassal għal dannu wisq sinjifikattiv għad-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti u ta’ trasparenza tal-proċess deċiżjonali Komunitarju li dan jiggarantixxi. L-ewwel nett, fil-fatt, numru kbir ta’ dokumenti li jservu għat-teħid ta’ deċiżjoni Komunitarja ġejjin mill-Istati Membri. It-tieni nett, il-parti ’l kbira tad-drittijiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ trasparenza jipprovdu eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess meta d-dokumenti mitluba jirrigwardaw il-politika barranija ta’ l-Istat, jiġifieri r-relazzjonijiet li dan għandu ma’ Stati oħra jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, u b’hekk hemm riskju li kważi b’mod sistematiku huma jinvokaw l-Artikolu 4(5) sabiex jimpedixxu l-iżvelar ta’ dokumenti li huma jkunu ttrażmettew lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni.

43.      Minbarra dan, għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta mir-rabta stabbilita fl-Unjoni Ewropea bejn il-prinċipju tat-trasparenza u s-sistema demokratika li l-aċċess għal dokument jew ieħor għandu jiġi stabbilit skond l-identità ta’ l-awtur, iżda l-aktar mill-importanza ta’ dan id-dokument għall-għarfien u għar-responsabbiltà tal-proċedura ta’ deċiżjoni Komunitarja.

44.      Minbarra dan, ir-Regolament għandu l-għan preċiż li jwettaq b’mod konkret id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit mill-Artikolu 255 KE billi jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali, il-kundizzjonijiet u l-limiti. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, moqri, b’mod partikolari, fid-dawl tar-raba’ premessa tiegħu, u hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja stess enfasizzat, huwa “intiż sabiex jagħti l-iktar effett wiesa’ possibbli lid-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti fil-pussess ta’ l-istituzzjonijiet”(58). F’dan id-dawl, kif diġà semmejt u kif il-Qorti tal-Prim’Istanza stess irrilevat fis-sentenza appellata(59), progress sinjifikattiv meta mqabbel mad-dritt preċedenti mogħti minn dan ir-Regolament jikkonsisti li ġiet imwarrba r-regola ta’ l-awtur. Għaldaqstant, ir-rikonoxximent lill-Istati Membri, hekk kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ dritt ta’ veto mingħajr kundizzjoni fuq l-iżvelar mill-istituzzjonijiet ta dokumenti lilhom trażmessi jwassal sabiex terġa tiddaħħal, għallinqas parzjalment, b’mod indirett din ir-regola ta’ l-awtur. Fl-opinjoni tiegħi, din l-interpretazzjoni mhijiex kompatibbli la mas-suġġett u lanqas ma’ l-għan tar-Regolament.

45.      Madankollu, skond il-Kummissjoni u r-Renju Unit, li tirrifjuta dritt ta’ veto ta’ l-Istat Membru li minnu ġej id-dokument mitlub billi l-istituzzjoni li qed iżżomm id-dokument titħalla tiddeċiedi dwar l-iżvelar tiegħu jwassal għal armonizzazzjoni b’mod indirett tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rilevanti għad-dritt ta’ aċċess kuntrarjament għall-għan stabbilit mir-Regolament u bi ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din kienet ukoll l-opinjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li bbażat is-soluzjoni tagħha fuq il-ħmistax-il premessa ta’ dan ir-Regolament, li skond din “la għandu l-għan u lanqas l-effett li jemenda l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ aċċess għad-dokumenti”(60). Sabiex ukoll tħares l-applikazzjoni tad-drittijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda trasparenza, stabbilixxiet bħala dritt li kull talba ta’ rifjut ta’ aċċess magħmula minn Stat Membru skond l-Artikolu 4(5) peress illi “tikkostitwixxi inġunzjoni lill-istituzzjoni li ma tiżvelax id-dokument in kwisjtoni” (61), għandha bħala effett li tneħħi d-dokument lilha trażmess minn taħt is-sistema tad-dritt Komunitarju għall-aċċess sabiex tkun suġġetta għad-dritt nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat(62).

46.      Madankollu, din l-analiżi hija inkompatibbli mat-termini speċifiċi ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, li skond dan ir-Regolament “għandu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha”. Din ukoll hija diffiċli li taqbel ma’ l-Artikolu 2(2) li jipprovdi li “l-istituzzjonijiet jistgħu […] jagħtu aċċess għad-dokumenti lil kull persuna naturali jew legali li m’hijiex residenti jew li m’għandhiex l-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru”. Mill-qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, jirriżulta li dokument trażmess minn awtorità nazzjonali lil istituzzjoni, huwa minn dan il-mument, esklużivament suġġett għad-dritt Komunitarju u taħt ir-responsabbiltà ta’ din l-istituzzjoni. Il-qari flimkien ma’ l-Artikolu 5 juri b’mod ċar il-loġika wara r-Regolament: id-dritt applikabbli għal talba għal aċċess u l-awtorità kompetenti sabiex jiġi deċiż dwar l-iżvelar tiegħu jiddependu mhux mill-oriġini tad-dokument jew mill-istatus ta’ l-awtur tiegħu, iżda mill-identità ta’ min qed iżomm id-dokument jew, iktar bl-eżatt, l-istatus tal-korp li lilu ntalab l-aċċess.

47.      Il-biża li jiġu kkontestati leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tat-trasparenza, fil-każ li l-istituzzjoni, li żżomm dan id-dokument, tingħata s-setgħa tiddeċiedi dwar l-iżvelar ta’ dokument li ġej minn Stat Membru, ma tidhirx fondata. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jibqgħu awtonomi, għaliex dawn jirrigwardaw oqsma differenti. Huwa minnu, li jistgħu jseħħu xi problemi fejn l-istess dokument jista’ jaqa’ kemm taħt id-dritt nazzjonali u taħt id-dritt Komunitarju. Anki f’dan il-każ, id-deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni abbażi tar-Regolament ma torbotx l-Istat Membru minn fejn ġej id-dokument mitlub jekk talba għall-ikkomunikar ta’ dan hija wkoll lilu indirizzat; din it-talba tkun eżaminata abbażi tad-dritt nazjonali. Hekk kif jimponi l-Artikolu 5 tar-Regolament, bla ħsara li ma jikkompromettix, meta jagħmel dan, l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru jkun jista’ b’hekk jiżvela dokument li l-istituzzjoni Komunitarja tkun irrifjutat l-aċċess, peress illi r-regoli nazzjonali tiegħu fil-qasam ta’ trasparenza huma iktar ġenerużi. Minn naħa l-oħra, istituzzjoni tista’, fil-kundizzjonijiet jew skond il-limiti ppreċiżati iktar ’il quddiem, tagħti aċċess għal dokument meta l-Istat Membru li jkun ittrażmettielu dan id-dokumnet ikun irrifjuta l-komunikazzjoni, peress li r-regoli Komunitarji li l-Istati Membri ftehmu flimkien li jimponu fuq l-istituzzjonijiet jagħtu aċċess aktar wiesgħa għad-dokumenti milli d-dritt nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Dawn id-diverġenzi ta’ evalwazzjoni m’għandhomx joffendu, hekk kif il-kawża Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, turi b’mod emblematiku(63). Dawn huma preċiżament is-sinjal u r-riżultat tal-fatt li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar id-dritt ta’ aċċess m’għandha la bħala għan u lanqas bħala effett li tarmonizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam.

48.      Hekk kif qed nesponi, għalkemm l-interpretazzjoni teleoloġika u sistematika timponi li wieħed ma jarax fl-Artikolu 4(5) ir-rikonoxximent lill-Istati Membri ta’ dritt ta’ veto, jibqa’ l-fatt li ċertu effett utli għandu jingħata lil din id-dispożizzjoni. F’dan id-dawl, wieħed għandu jaqbel mal-Qorti tal-Prim’Istanza(64) li l-Artikolu 4(5) jistabbilixxi lex specialis billi jqiegħed l-Istati Membri f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-partijiet terzi oħra, irregolata mill-Artikolu 4(4). Iżda huwa biżżejjed, sabiex jiġi assigurat effett utli għall-Artikolu 4(5), li jiġi rrikonoxxut dritt għal Stat Membru, jekk jitlob dan, li jkun hemm l-obbligu li jiġi kkonsultat mill-istituzzjoni li lilha tiġi indirizzata talba għall-iżvelar tad-dokument li huwa jkun ittrażmetta. L-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni li jinvoka l-Artikolu 4(5) għalhekk jinsab f’pożizzjoni privileġġata meta mqabbel ma’ partijiet terzi oħra, peress li għandu l-assigurazzjoni li jkun jista’ jesponi lill-istituzzjoni li żżomm id-dokument li ġej minnu r-raġunijiet li, skond huwa, jipprekludu l-iżvelar tiegħu, ukoll meta huwa ċar għall-istituzzjonijiet li d-dokument għandu jiġi jew m’għandux jiġi żvelat. Fi kliem ieħor, jew l-Istat Membru minn fejn ġej id-dokument mitlub ma jippreżentax talba skond l-Artikolu 4(5), u ma jiġix ikkonsultat mill-istituzzjoni li għandha d-dokument skond l-Artikolu 4(4), fejn f’dan il-każ, bħal fil-każ ta’ partijiet terzi, jiġi kkonsultat mill-istituzzjoni li għandha d-dokumnet skond l-Artikolu 4(4) biss jekk ma jkunx ċar li dan id-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat, jew l-Istat Membru jagħmel din it-talba, u f’dan il-każ għandu jiġi kkonsultat mill-istituzzjoni fil-każijiet kollha.

49.      Huwa minnu li r-Renju Unit joġġezzjona li t-tnaqqis ta’ l-Artikolu 4(5) għal sempliċi obbligu ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni sistematika ta’ l-Istat Membru li minnu ġej id-dokument mitlub fil-każ fejn issir talba għal dan ma jagħtix l-portata reali lil din id-dispożizzjoni meta mqabbla ma’ l-Artikolu 4(4) billi l-konsultazzjoni skond l-Artikolu 4(5), li ssir f’każijiet fejn huwa ċar li d-dokument in kwistjoni għandu jew m’għandux jiġi żvelat, mhuwiex ta’ interess. Din l-oġġezzjoni ma tistax tiġi aċċettata, minħabba li r-raġunijiet li Stat Membru jista’ jressaq sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ żvelar mill-istituzzjoni li żżomm id-dokument, li l-Istat Membru ttrażmettilha, mhumiex limitati għal eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3), li huma l-uniċi raġunijiet li fir-rigward tagħhom, jista’ jkun ċar għal din l-istituzzjoni li d-dokument in kwistjoni għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

50.      Huwa minnu li Stat Membru li minn għandu ġej id-dokument mitlub ma jistax jinvoka kwalunkwe raġuni sabiex jopponi l-iżvelar ta’ dan id-dokument mill-istituzzjoni li lilha t-talba għal aċċess hija indirizzata. Jirriżulta mill-Artikolu 255(2) KE li dawn ir-raġunijiet għandhom bilfors jirrigwardaw interessi pubbliċi jew privati. Iżda r-“raġuni ta’ interess pubbliku jew privat” li l-Istat Membru jista’ jressaq mhijiex biss limitata għal eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess stabbiliti mir-Regolament, peress li dawn jistgħu wkoll ikunu bbażati fuq id-dritt nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

51.      Fl-aħħar nett, hija madankollu l-istituzzjoni li żżomm dan id-dokument li għandha tiddeċiedi fuq it-talba għal aċċess, mingħajr ma tkun marbuta mill-opinjoni mogħtija mill-Istat Membru li minnu ġej id-dokument. F’dan ir-rigward, f’dan il-każ għadu mhux possibbli li tiġi segwita l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, skond liema l-Istat Membru m’għandux obbligu li jagħti raġuni għat-talba tiegħu sabiex dokument ma jiġix żvelat, ippreżentata skond l-Artikolu 4(5)(65). Jekk l-Istat Membru ma jagħtix ir-raġunijiet li, skond huwa, jiġġustifikaw rifjut għal aċċess, kif tista’ l-istituzzjoni tkun avżata u, a fortiori, tkun konvinta bl-eżistenza ta’ bżonn speċifiku ta’ kunfidenzjalità?

52.      Madankollu, jekk, fil-kuntest ta’ l-eżami tal-motivazzjoni mogħtija mill-Istat Membru, l-istituzzjoni tista’ tikkunsidra mill-ġdid l-evalwazzjoni minnu mogħtija ta’ bżonn speċifiku ta’ kunfidenzjalità taħt waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmija mir-Regolament, hija ma tkunx tista’ tagħmel dan, fil-każ fejn it-talba mill-Istat Membru sabiex ma jiġix żvelat tkun immotivata mill-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat previst mid-dritt nazzjonali.

53.      Madankollu, jiena ta’ l-opinjoni li l-istituzzjoni tista’ tirrifjuta t-talba għan-nuqqas ta’ żvelar ibbażata fuq il-bżonn speċifiku ta’ kunfidenzjalità li jirriżulta mid-dritt nazzjonali, jekk hija tqis li t-trasparenza fil-proċess għat-teħid ta’ deċiżjoni Komunitarja titlob dan. Fi kliem ieħor, jekk ftehim tajjeb tar-raġunijiet li kienu wasslu għat-teħid tad-deċiżjoni Komunitarja kkonċernata jirrikjedi dan, l-istituzzjoni għandha jkollha ‑ u fil-fatt għandha ‑ tagħti l-aċċess għad-dokument li ġej minn Stat Membru lil dak li jkun talab id-dokument, anki meta dan l-Istat Membru jkun oppona dan minħabba sigriet protett mid-dritt nazzjonali tiegħu. Dan huwa għar-rispett ta’ l-għan tat-trasparenza, li minnu jagħmel parti d-dritt fundamentali ta’ aċċess għad-dokumenti(66). Iktar ’il quddiem, dan japplika wkoll għall-effettività tal-prinċipju ta’ demokrazija li għalih, hekk kif rajna, it-trasparenza hija llum strettament marbuta miegħu. Fl-aħħar nett, dan japplika wkoll għall-bżonn ta’ kongruwenza strutturali, it-trasferiment ta’ kompetenzi lill-Komunità m’għandhomx iwasslu għal tnaqqis tal-kontroll demokratiku tas-setgħa miċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri. Madankollu, b’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ jekk Stat Membru għandu, għad-dokumenti kollha li jikkomunika lill-istituzzjonijiet għat-teħid ta’ deċiżjoni Komunitarja, jinvoka l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess ibbażat fuq id-dritt nazzjonali dwar l-politika barranija ta’ l-Istat. Jekk huwa biżżejjed għal Stat Membru li jinvoka eċċezzjoni ta’ din it-tip sabiex b’mod sistematiku jevita kull talba ta’ aċċess għal dokument relatat mal-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċess deċiżjonali tal-Komunità, ir-rwol li għandu l-prinċipju ta’ trasparenza fil-kontroll demokratiku tal-proċess politiku jista’ jiġi mdgħajjef. Fil-fatt, ma jkunx aċċettabbli li ċerti poteri, li kienu suġġetti għal mekkaniżmi ta’ kontroll demokratiku fuq livell nazzjonali jkunu, minħabba t-trasferiment tagħhom lill-Komunità, minn issa ’il quddiem, sistematikament eżentati minn mekkaniżmi ekwivalenti għal kontroll demokratiku, minħabba li issa jaqgħu fil-qasam tal-“politika barranija ta’ l-Istati”.

54.      Meta tipproċedi għal evalwazzjoni ta’ l-imperattiv ta’ trasparenza tal-proċess deċiżjonali Komunitarju sabiex tiddeċiedi fuq it-talba ta’ aċċess għal dokument minn Stat Membru lilha indirizzata, l-istituzzjoni għandha madankollu wkoll tikkunsidra l-integrità tad-dritt nazzjonali, li fir-rispett tiegħu dan l-Istat Membru jkun talab li d-dokument ma jiġix żvelat skond l-Artikolu 4(5). Nirrepeti, li jagħmel aktar sens li l-Istat Membru jqiegħda fil-pożizzjoni, permezz tal-motivazzjoni tat-talba tiegħu li d-dokument ma jiġix żvelat, li tifhem għaliex il-kunfidenzjalità hija bżonnjuża għar-rispett tad-dritt nazzjonali u l-għanjiet tiegħu. Dan il-bilanċ, il-prinċipju ta’ koperazzjoni leali li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri, imfakkar fil-ħmistax-il premessa tar-Regolament jirrikjedi dan, b’mod li jimponi wkoll lill-Istati Membri li jikkomunikaw lill-istituzzjonijiet id-dokumenti meħtieġa għat-teħid tad-deċiżjoni Komunitarja u wkoll fuq kollox li jobbliga min-naħa l-oħra l-Istati Membri ma jikkompromettux it-twettiq ta’ l-għanjiet ta’ dan ir-Regolament meta, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament, jiddeċiedu abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom fuq talba ta’ aċċess għal dokument fil-possess tagħhom li ġej minn istituzzjoni.

55.      Nibqa’ ninsisti li, ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ l-aħħar kelma hekk stabbilit għal istituzzjoni li għandha dokument li ġej minn Stat Membru fuq talba għal aċċess lilha indirizzata, hija l-unika interpretazzjoni li taqbel mal-fatt li dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet huwa dritt fundamentali. Infakkar fil-fatt li kull restrizzjoni għal dritt fundamentali ma tistax tiġi ġġustifikata jekk mhux għal protezzjoni ta’ interess leġittimu u li dan, skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jaqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex(67).

56.      Fl-aħħar nett nosserva li, għalkemm neċessarju fid-dritt, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tar Regolament li jiena nissuġġerixxi ser ikun, jekk mhux fid-dritt, għallinqas fil-prattika, ta’ impatt limitat fuq il-portata tal-konsultazzjoni ta’ l-Istat Membru. Wieħed jista’ jipprevedi li bosta drabi, l-opinjoni li jagħti l-Istat Membru li minnu ġej dan id-dokument mitlub, tkun dik segwita mill-istituzzjoni(68).

57.      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ dritt peress li interpretat l-Artikolu 4(5) tar-Regolament bħala li jagħti lill-Istati Membri dritt ta’ veto fuq l-iżvelar mill-istituzzjoni li tkun qed iżżomm id-dokument u li lilha ġiet indirizzata talba ta’ aċċess għad-dokumenti li ġew trażmessi lilha.

58.      Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix l-opinjoni tiegħi, billi għal kuntrarju tqis li għandha tikkonferma s-sentenza appellata, xorta f’kull każ għandha ssir korrezzjoni tal-motivazzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, billi jiġu ssostitiwiti l-motivazzjonijiet. Jidhirli li l-interpretazzjoni(69) li tat lill-Artikolu 4(5) skond liema din id-dispożizzjoni tobbliga b’mod sistematiku l-istituzzjoni li żżomm id-dokument mitlub li tikkonsulta lill-Istat Membru li minn għandu ġej dan id-dokument qabel kull teħid ta’ deċiżjoni dwar l-iżvelar tiegħu, anki jekk l-Istat Membru ma jkunx minn qabel għamel talba għal kunfidenzjalità, sabiex, preċiżament ikun mistoqsi jekk jixtieqx jippreżenta talba skond l-Artikolu 4(5), jidher li tmur kontra t-test ċar ta’ din id-dispożizzjoni li tissuġġetta espliċitament l-obbligu ta’ konsultazzjoni ta’ l-Istat Membru fuq dak l-Istat li jkun għamel it-talba sabiex id-dokument ma jiġix żvelat. Huwa minnu, li f’din il-kawża, id-dokumenti nazzjonali mitluba kienu ġew trażmessi lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament. F’każ bħal dan, id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ dan ir-Regolament inklużi mill-Kummissjoni fir-regoli tal-proċedura tagħha(70) jipprovdu għal konsultazzjoni ta’ l-awtorità mingħand min ġejjin, indipendentement minn jekk kinitix saret talba skond l-Artikolu 4(5). Għalhekk huwa ta’ ftit importanza għal-legalità tas-sentenza appellata li l-konsultazzjoni ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi mill-Kummissjoni f’din il-kawża saret fin-nuqqas ta’ kwalunkwe talba minn qabel minn dawn ta’ l-aħħar. Iżda t-termini ġeneriċi użati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, iwasslu sabiex wieħed jaħseb li l-istedina li hija tindirizza lill-istituzzjonijiet sabiex jikkonsultaw l-Istat Membru li minnu ġej dan id-dokument mitlub sabiex isaqsuh jekk jixtieqx jagħmel użu mill-Artikolu 4(5) japplika kemm għad-dokumenti li huma kienu ttrażmettew qabel l-implementazzjoni tar-Regolament kif ukoll għad-dokumenti kkomunikati wara din id-data. F’dan ir-rispett, il-motivazzjoni tas-sentenza tikkontradiċi l-kliem stess ta’ l-Artikolu 4(5) u għalhekk ma tistax tintlaqa’. Għalhekk, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrettifika dan billi tillimita l-konsultazzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat mill-istituzzjoni li lilha ġiet ippreżentata talba ta’ aċċess għal dokument li ġej minn dan ta’ l-aħħar sabiex tiddetermina jekk jixtieqx jagħmel użu mill-Artikolu 4(5) fil-każ fejn ġie lilha trażmess dan id-dokument qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

III – Konklużjoni

59.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ l-motiv ta’ l-appell ibbażat fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju u, konsegwentement, li tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Novembru 2004, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (T‑168/02).


1 – Lingwa oriġinali: il-Portugiż.


2 – T‑168/02, Ġabra p. II‑4135.


3 – ĠU L 145, p. 43.


4 – Sabiex jintwera dan il-kuntrast, nirreferi għal Ragnemalm, H., “Démocratie et transparence: sur le droit général d’accès des citoyens de l’Union européenne aux documents détenus par les institutions communautaires”, Mél. G. F. Mancini, Volum II, edizzjoni Dott. A. Giuffrè, Milan, 1998, p. 809. Infakkar biss li d-dritt ta’ aċċess mill-pubbliku għad-dokumenti uffiċjali ġie inkluz fil-kostituzzjoni Żvediża sa mill-1766.


5 – J. Rideau, “Jeux d’ombres et de lumières en Europe”, fi La transparence dans l’Union européenne: mythe ou principe juridique?, LGDJ, Pariġi, 1998, p. 1.


6 – Ara r-rapport tal-Kummissjoni fuq l-implementazzjoni tal-prinċipji tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Jannar 2004 [COM (2004) 45 finali, punt 3.5.2].


7 – ĠU L 206, p. 7.


8 – Sentenza appellata, punt 60.


9 – Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ottubru 2000, JT’s Corporation vs Il-Kummissjoni (T‑123/99, Ġabra p. II‑3269, punt 53), u tal-11 ta’ Diċembru 2001, Petrie et vs Il-Kummissjoni (T‑191/99, Ġabra p. II‑3677, punt 47).


10 – Għal sunt, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill (T‑110/03, T‑150/03 u T‑405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 92).


11 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 1999, Rothmans vs Il-Kummissjoni (T‑188/97, Ġabra p. II‑2463, punt 55), u tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il-Kummissjoni, (T‑92/98, Ġabra p. II‑3521, punt 69).


12 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni (T‑47/01, Ġabra p. II‑4441, punt 59).


13 – Rapport tal-Kummissjoni fuq l-implementazzjoni tal-prinċipji tar-Regolament tat-30 ta’ Jannar 2004, punt 3.5.2.


14 – Punt 58 tas-sentenza appellata.


15 – Ara l-Artikolu 5(4)(b) u (6) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE, ECSC, Euratom tal-5 ta' Diċembru 2001, li temenda r-regoli ta’ proċedura (ĠU L 345, p. 94).


16 – Ara l-Artikolu 2(1)(b) ta’ l-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/840/KE tad-29 ta’ Novembru 2001 li temenda r-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill (ĠU L 313, p. 40).


17 – Ara l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni ta' l-Uffiċċju dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Novembru 2001 (ĠU C 374, p. 1).


18 – Ara b’mod partikolari f’dan is-sens, P. Cabral, “Access to Member State documents in EC law”, ELR Volum 31 (2006), Nru 3, p. 378, 385; ara wkoll, M. E. De Leeuw, “The regulation on public access to European Parliament, Council and Commission documents in the European Union: are citizens better off?” ELR Volum 28 (2003), Nru 3, p. 324, 337 u 338.


19 – Ara b’mod partikolari, I. Harden, “Citizenship and Information”, European Public Law Volum 7 (2001), Nru 2, p. 165, 192; Peers, S., “The new regulation on access to documents: a critical analysis”, YEL 21 (2001-2002), p. 385, 407 u 408.


20 – Ara wkoll f’dan l-istess sens, J. Heliskoski, P. u Leino, “Darkness at the break of noon: the case law on Regulation No 1049/2001 on access to documents”, CMLR Volum 43 (2006), Nru 3, p. 735, 771 u 772.


21 – Għal diskussjoni dwar id-diviżjonijiet bejn l-atturi differenti involuti fil-proċess leġiżlattiv, nistgħu nirreferu għal B. Bjurulf, u O. Elgström, “Negociating transparency: the role of institutions”, JCMS Volum 42 (2004), Nru 2, p. 249.


22 – Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2000, C 177 E, p. 70).


23 – Ara emenda Nru 36, fir-Rapport A5 – 0318/2000 tas-27 ta’ Ottubru 2000.


24 – Punt 57 tas-sentenza appellata; ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 2003, Messina vs Il-Kummissjoni (T‑76/02, Ġabra p. II‑3203, punt 41), u tas-17 ta’ Marzu 2005, Scippacercola vs Il-Kummissjoni (T‑187/03, Ġabra p. II‑1029, punt 56).


25 – Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet żmien ilu (sentenza tat-23 ta’ April 1956, Groupement des industries sidérurgiques luxembourgeoises vs L-Awtorità Għolja, 7/54 u 9/54, Ġabra p. 53, 90): “skond l-Artikolu 84 tat-Trattat, il-kliem ‘dan it-Trattat’ għandhom jinfitehmu bħala li jkopru l-klawżoli tat-Trattat u ta’ l-Annessi tiegħu, dawk tal-Protokolli annessi u tal-Konvenzjoni dwar dispożizzjonijiet transitorji; […]minħabba dan il-fatt, id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dawn it-testi għandhom ukoll saħħa vinkolanti.”.


26 – Ara A. Thot,, “The legal status of the declarations annexed to the Single european act”, CMLR 1986, p. 803; V. Constantinesco, “La structure du Traité instituant l’Union européenne”, CDE 1993, Nru 3-4, p. 251, 261; Y. Petit, “Commentaire de l’article R”, fi V. Constantinesco, R. Kovar, u D. Simon, Traité sur l’Union européenne:commentaire article par article, edizzjoni. Economica, Pariġi, 1995, p. 913, 922 sa 924, u D. Simon, Le système juridique communautaire, it-3 edizzjoni, PUF, 2001, p. 306.


27 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2001, Agrana Zucker und Stärke vs Il-Kummissjoni, (T‑187/99, Ġabra p. II‑1587), u d-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Novembru 2002, Agrana Zucker und Stärke vs Il-Kummissjoni (C‑321/01 P, Ġabra p. I‑10027).


28 – Ara J. Combacau, u S. Sur, Droit international public, is-seba’ edizzjoni, Pariġi: Montchrestien, 2006, p. 174‑175.


29 – Ibid.


30 – Sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, Ġabra p. 1339, punt 23).


31 – Ara s-sentenza appellata, punti 57 u 58.


32 – Sentenza Messina vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55.


33 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2000, L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni (C‑174/98 P u C‑189/98 P, Ġabra p. I‑1, punt 27); tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala (C‑353/99 P, Ġabra p. I‑9565, punt 25); tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni (C‑41/00 P, Ġabra p. I‑2125, punt 48); ta’ l-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (C‑266/05 P, Ġabra p. I-1233, punt 63), u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 1997, WWF UK vs Il-Kummissjoni (T‑105/95, Ġabra p. II‑313, punt 56).


34 – Fi kliem l-istess Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-30 ta’ April 1996, L-Olanda vs Il-Kunsill, C‑58/94, Ġabra p. I‑2169, punt 36), u tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).


35 – Kodiċi ta’ kondotta 93/730/CE, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 340, p. 41).


36 – Il-legalità ta’ din il-bażi ġie rrikonoxxut (ara s-sentenza L-Olanda vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq).


37 – Deċiżjoni tal-Kunsill 93/731/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill (ĠU L 340, p. 43).


38 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom tat-8 ta’ Frar 1994, dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 46, p. 58).


39 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża L-Olanda vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, u ta’ l-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il-Kunsill vs Hautala, iċċitata iktar ’il fuq.


40 – Ara b’mod partikolari, H. Ragnemalm, “Démocratie et transparence: sur le droit général d’accès des citoyens de l’Union européenne aux documents détenus par les institutions communautaires”, iċċitat iktar ’il fuq, p. 826‑827.


41 – Li b’mod partikolari jfakkar fi “prinċipju ta’ dritt għall-informazzjoni” (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 1999, Hautala vs Il-Kunsill, (T‑14/98, Ġabra p. II‑2489, punt 87) jew il-“prinċipju ta’ trasparenza” (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill (T‑211/00, Ġabra p. II‑485, punt 52).


42 – Ara s-sentenza L-Olanda vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34.


43 – Ara b’mod partikolari s-sentenza Il-Kunsill vs Hautala (iċċitata iktar ’il fuq, punt 31), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra inutli li tagħti deċiżjoni dwar l-”eżistenza ta’ prinċipju ta’ dritt għall-informazzjoni”, u l-konstatazzjoni magħmula mill-Avukat Ġenerali Léger (konklużjonijiet fil-kawża Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 75 sa 80).


44 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza Petrie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 sa 38.


45 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża L-Olanda vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq, punti 18 sa 20).


46 – Fuq il-valur tal-Karta bħala kriterju ta’ interpretazzjoni ta’ l-istrumenti ta’ protezzjoni tad-drittjiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-UE, ara l-konklużjonijiet tiegħi ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006 fil-kawża Ordre des barreaux francophones et germanophone et (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, C‑305/05, Ġabra p. I-5305, punt 48).


47 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, (T‑264/04, Ġabra p. II-911, punt 61).


48 – Sabiex jiġu evidenzjati r-rabtiet bejn it-trasparenza u demokrazija, ara Ch. Lequesne, “La transparence, vice ou vertu des démocraties?”, fi La transparence dans l’Union européenne, mythe ou principe juridique?, xogħol iċċitat iktar ’il fuq, p. 11; E. Meisse, “La démocratie administrative dans le traité établissant une Constitution pour l’Europe”, fi V. Constantinesco, Y. Gautier, u V. Michel, (taħt id-direzzjoni ta’), Le traité établissant une Constitution pour l’Europe, Analyses et commentaires, PUS, 2005, p. 397.


49 – Hekk kif ifakkar l-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-UE.


50 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill (T‑174/95, Ġabra p. II‑2289, punt 66); ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni (T‑309/97, p. II‑3217, punt 36), u Petrie et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).


51 – Sentenzi Kuijer vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq, punt 52) u tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).


52 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).


53 – Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tesauro fis-sentenza L-Olanda vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14.


54 – Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, WWF UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56; tas-6 ta’ Frar 1998, Interporc vs Il-Kummissjoni (T‑124/96, Ġabra p. II‑231, punt 49); Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 110; Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39; Kuijer vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55; WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, L-Olanda u van der Wal vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27; Il-Kunsill vs Hautala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48.


55 – Għal sunt ta’ l-obbligu ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja b’mod kompatibbli mad-drittjiet fundamentali garantiti fis-sistema legali Komunitarja, ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punt 12), u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger fis-sentenza Il-Kunsill vs Hautala, iċċitata iktar ’il fuq.


56 – Dan jirriżulta minn qari a contrario tal-ġurisprudenza: ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 sa 43, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il-Kummissjoni, punt 66; JT’s Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 53, u Petrie et vs Il-Kummissjoni, punt 47.


57 – Sentenza appellata, punt 61.


58 – Sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).


59 – Punti 53 u 54 tas-sentenza appellata.


60 – Punt 57 tas-sentenza appellata.


61 – Punt 58 tas-sentenza appellata.


62 – Punt 61 tas-sentenza appellata.


63 – Infakkar biss li f’din is-sentenza, l-awtoritajiet Żvediżi kienu kkomunikaw 18 mill-20 dokument tal-Kunsill mitluba dwar it-twaqqif tal-Europol, filwaqt illi l-Kunsill kien żvela biss 4.


64 – Punt 58 tas-sentenza appellata.


65 – Punt 59 tas-sentenza appellata.


66 – Għal konferma, fl-aħħar nett nirreferi għall-qari li jiċċara l-Artikolu I-50 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.


67 – Ara bħala eżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punt 38).


68 – Hekk kif jirriżulta mill-ewwel r-rapport tal-Kummissjoni (ara r-rapport tal-Kummissjoni fuq l-implementazzjoni tal-prinċipji tar-regolament, punt 3.5.1), diġà, huma rari l-każijiet fejn l-istituzzjonijiet ma kkunsidrawx l-opinjoni mogħtija minn partijiet terzi skond l-Artikolu 4(4).


69 – Punt 60 tas-sentenza appellata.


70 – Ara l-Artikolu 5(4)(a) tad-Deċiżjoni 2001/937. Għal sunt ta’ dan ir-rekwiżit, ara s-sentenza Messina vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42.