SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

13 ta’ Mejju 2020 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Settur tal-ajru – Għajnuna mogħtija mill-Italja favur l-ajruporti ta’ Sardegna – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Imputabbiltà lill-Istat – Irkupru – Benefiċjarji – Vantaġġ favur il-kumpanniji tal-ajru kontraenti – Prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq– Selettività – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Irkupru – Aspettattivi leġittimi – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑607/17,

Volotea, SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn M. Carpagnano u M. Nordmann, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Recchia, D. Grespan u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1861 tad‑29 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA 33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) – l-Italja – Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ) (ĠU 2017, L 268, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, J. Svenningsen (Relatur), V. Valančius, Z. Csehi u P. Nihoul, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Fuq il-miżuri kontenzjużi

1        Il-gżira ta’ Sardegna (l-Italja) għandha ħames ajruporti, fosthom l-ajruporti ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia.

2        L-ajruport ta’ Alghero huwa operat minn So.Ge.A.Al SpA (iktar ’il quddiem “SOGEAAL”) li l-kapital tagħha ġie kompletament sottoskritt minn organi pubbliċi lokali u li l-maġġoranza tiegħu hija miżmuma mir-Regione autonoma della Sardegna (ir-Reġjun Awtonomu ta’ Sardegna, l-Italja, iktar ’il quddiem ir-“Reġjun Awtonomu”), inkluż indirettament permezz ta’ Società Finanziaria Industriale Regione Sardegna (SFIRS). Min-naħa tiegħu, l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas huwa operat minn So.G.Aer SpA (iktar ’il quddiem “SOGAER”), kumpannija li l-maġġoranza tal-ishma tagħha hija miżmuma mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Cagliari, filwaqt li l-ajruport ta’ Olbia huwa operat minn GEASAR SpA (iktar ’il quddiem “GEASAR”), kumpannija rreġistrata f’Olbia li l-maġġoranza tal-ishma tagħha hija miżmuma minn impriża privata, Meridiana SpA.

1.      Fuq id-dispożizzjonijiet adottati mir-Reġjun Awtonomu

a)      Fuq l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010

3        Fit-13 ta’ April 2010, ir-Reġjun Awtonomu adotta l-legge regionale n. 10 – Misure per lo sviluppo del trasporto aereo (il-Liġi Reġjonali Nru 10 – Miżuri għall-Iżvilupp tat-Trasport bl-Ajru) (Bollettino ufficiale della Regione autonoma della Sardegna Nru 12, tas-16 ta’ April 2010) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 10/2010”).

4        L-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, intitolat “Inċentivi għall-aġġustamenti staġjonali tar-rotot tal-arju tal-gżira” (Incentivi alla destagionalizzazione dei collegamenti aerei isolani), jaqra kif ġej:

“1. Għandu jkun awtorizzat infiq ta’ [EUR] 19 700 000 għas-sena 2010 u ta’ [EUR] 24 500 000 għal kull waħda mis-snin 2011 sa 2013 għall-finanzjament tal-ajruporti tal-gżira għall-finijiet tat-tisħiħ u tal-iżvilupp tat-trasport bl-ajru bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, inkluż permezz tal-aġġustamenti staġjonali tar-rotot tal-ajru, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2005/C 312/01 dwar linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat tal-bidu lill-kumpanniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali.

2. Il-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll id-direttivi għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ attivitajiet min-naħa tal-kumpanniji ta’ amministrazzjoni ta’ ajruporti, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri dwar il-kontinwità territorjali previsti fl-Artikolu 2, għandhom ikunu ddefiniti permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Eżekuttiv Reġjonali, li għandha tiġi adottata fuq proposta tal-Kunsillier Reġjonali għat-trasport, bi qbil mal-Kunsilliera għall-ippjanar, għall-baġit, għall-kreditu u għall-iżvilupp reġjonali, għat-turiżmu, għall-artiġjanat u għall-kummerċ, għall-agrikultura u għar-riforma tal-agrikoltura u tat-trobbija tal-bhejjem, għall-patrimonju kulturali, għall-informazzjoni, għad-divertiment u għall-isport.

3. Ir-riżoluzzjoni prevista fil-paragrafu 2 u l-pjanijiet ta’ attivitajiet, inklużi dawk diġà ddefiniti mill-kumpanniji ta’ amministrazzjoni ta’ ajruporti fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, flimkien mal-atti u mal-kuntratti korrispondenti, għandhom ikunu ffinanzjati jekk ikunu stabbiliti skont il-kriterji, in-natura, it-tul tal-offerta ta’ trasport u d-direttivi previsti fil-paragrafu 2 u għandhom jiġu sottomessi minn qabel lill-kummissjoni kompetenti għal opinjoni vinkolanti.”

b)      Fuq l-atti ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010

5        Konformement mal-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 10/2010, l-Eżekuttiv tar-Reġjun Awtonomu adotta diversi atti ta’ implimentazzjoni tal-miżuri previsti f’dan l-Artikolu 3 (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ implimentazzjoni”), b’mod partikolari d-deliberazione della Giunta regionale n. 29/36 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 29/36), tad-29 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36”), id-deliberazione della Giunta regionale n. 43/37 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 43/37), tas-6 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 43/37”), u d-deliberazione della Giunta regionale n. 52/117 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali Nru 52/117), tat-23 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Reġjonali Nru 52/117”), (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, il-“miżuri kontenzjużi”).

6        Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni jiddefinixxu tliet tipi ta’ “attivitajiet” li għalihom l-operaturi tal-ajruporti setgħu jirċievu kumpens mingħand ir-Reġjun Awtonomu għas-snin 2010 sa 2013, jiġifieri:

–        iż-żieda fit-traffiku tal-ajru mill-kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“attività 1”);

–        il-promozzjoni tal-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika mill-kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“attività 2”);

–        attivitajiet oħra ta’ promozzjoni fdati mill-operaturi tal-ajruporti, f’isem ir-Reġjun Awtonomu, lil fornituri ta’ servizzi terzi li ma humiex kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“attività 3”).

7        Id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, minn naħa, kienet tispeċifika li, fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010, l-għan li titnaqqas in-natura staġjonali tar-rotot tal-ajru kien jikkonsisti fiż-żieda fil-frekwenza tat-titjiriet fix-xhur ta’ bejn l-istaġuni u fl-istaġun tax-xitwa kif ukoll fil-ftuħ ta’ rotot tal-ajru ġodda. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni kienet tindika li l-għan aħħari, li l-miżuri previsti fl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 10/2010 għall-promozzjoni ta’ politika reġjonali ta’ trasport bl-ajru kienu jfittxu li jilħqu, kien it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali, tat-turiżmu u tal-kultura tal-gżira ta’ Sardegna.

8        F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tiddefinixxi l-kriterji, in-natura u t-tul tas-servizzi ta’ trasport li għalihom seta’ jingħata kumpens matul il-perijodu 2010‑2013 kif ukoll linji gwida għat-tfassil u għall-evalwazzjoni tal-“pjanijiet ta’ attivitajiet” ifformulati mill-operaturi tal-ajruporti.

9        B’mod konkret, sabiex jirċievi finanzjament previst mil-Liġi Nru 10/2010, operatur tal-ajruport kellu jissottometti pjan ta’ attivitajiet iddettaljat għall-approvazzjoni lir-Reġjun Awtonomu. Dan il-pjan kellu jidentifika liema attivitajiet, minn fost l-attivitajiet 1 sa 3, l-operatur tal-ajruport kellu l-intenzjoni li jimplimenta sabiex jilħaq l-għanijiet tal-Liġi Nru 10/2010. Dan il-pjan kellu eventwalment jitwettaq permezz ta’ ftehimiet speċifiċi bejn l-operatur tal-ajruport u kumpanniji tal-ajru.

10      Meta operatur tal-ajruport kien jixtieq jirċievi finanzjament għall-attività 1, il-pjan ta’ attivitajiet li kien jippreżenta lir-Reġjun Awtonomu kellu jidentifika “rotot ta’ interess strateġiku” (nazzjonali u internazzjonali) u jiddefinixxi miri annwali fir-rigward ta’ frekwenza tat-titjiriet, ta’ rotot ġodda u ta’ numru ta’ passiġġieri.

11      Skont l-awtoritajiet Taljani, l-operat ta’ dawn ir-rotot ta’ interess strateġiku għaldaqstant kien jikkostitwixxi s-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEĠ”) li l-kumpanniji tal-ajru kienu jipprovdu inkambju għal kumpens.

12      Pjan ta’ attivitajiet li jimplimenta l-attività 2 kellu jiddefinixxi attivitajiet speċifiċi ta’ marketing u ta’ reklamar li kienu jfittxu li jżidu n-numru ta’ passiġġieri u li jippromwovu ż-żona moqdija mill-ajruport.

13      Id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprovdi li l-pjanijiet ta’ attivitajiet kellhom jiġu sostnuti minn previżjonijiet dwar il-prospetti ta’ profittabbiltà tal-attivitajiet identifikati minnhom.

14      Mid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 jirriżulta li l-pjanijiet ta’ attivitajiet kellhom josservaw ċerti prinċipji:

–        ir-rotot ta’ interess strateġiku ddeterminati mill-pjanijiet ma setgħux jikkoinċidu mar-rotot diġà operati fil-kuntest ta’ sistema ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku;

–        il-finanzjament mogħti għal kull rotta ssussidjata kellu jonqos maż-żmien;

–        il-ftehim finanzjarju konkluż mal-kumpanniji tal-ajru kellu jinkludi pjan ta’ promozzjoni tat-territorju.

15      Fil-każ li r-Reġjun Awtonomu kellu jikkonstata inkoerenzi bejn, minn naħa, il-pjanijiet ta’ attivitajiet ippreżentati mill-operaturi tal-ajruporti u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 10/2010 u l-atti ta’ implimentazzjoni tagħha, dan seta’ jeżiġi li dawn il-pjanijiet ta’ attivitajiet jiġu emendati.

16      Wara li jkun approva d-diversi pjanijiet ta’ attivitajiet li jkunu ġew sottomessi lilu mill-operaturi tal-ajruporti, ir-Reġjun Awtonomu kien iqassam ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għal kull waħda mis-snin 2010 sa 2013 bejn l-operaturi tal-ajruporti.

17      L-ammont ta’ dan il-kumpens kien ikkalkolat abbażi tad-differenza bejn, minn naħa, l-ispejjeż stmati sostnuti mill-kumpanniji tal-ajru sabiex joperaw ir-rotot strateġiċi u jilħqu l-miri annwali fir-rigward ta’ passiġġieri u, min-naħa l-oħra, id-dħul reali jew preżunt mill-bejgħ tal-biljetti lill-passiġġieri.

18      Meta t-total tal-kumpens mitlub mill-operaturi tal-ajruporti kien ikun ogħla mill-ammont previst mil-Liġi Nru 10/2010, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprevedi kriterji ta’ attribuzzjoni preferenzjali.

19      Fl-aħħar nett, l-atti ta’ implimentazzjoni kienu jipprovdu li l-operaturi tal-ajruporti kellhom jissorveljaw il-prestazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru. B’mod partikolari, dawn kienu jimponu li l-ftehimiet speċifiċi konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru jipprevedu l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq il-kumpanniji tal-ajru fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-miri ddefiniti minn qabel, b’mod partikolari fir-rigward ta’ frekwenza tat-titjiriet u ta’ numru ta’ passiġġieri.

2.      Fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri kontenzjużi

20      Ir-rikorrenti, Volotea SA, hija kumpannija tal-ajru stabbilita fi Spanja, li topera netwerk ta’ rotot ta’ distanza qasira lejn u minn ajruporti tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia.

a)      Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Olbia

21      L-operatur tal-ajruport ta’ Olbia ppubblika, fis-sit internet tiegħu, sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess bil-għan li jiġu konklużi kuntratti ta’ marketing u ta’ reklamar.

22      Bi tweġiba għal din is-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess, ir-rikorrenti ppreżentat pjan tal-operat għall-iżvilupp ta’ rotot tal-ajru minn u lejn Olbia kif ukoll programm ta’ marketing u ta’ reklamar. Il-kumpannija tal-ajru stiednet lil GEASAR tipparteċipa fl-investiment meħtieġ sabiex jiġi stabbilit il-programm ta’ marketing u ta’ reklamar.

23      GEASAR eżaminat il-pjan tal-operat tar-rikorrenti u pproduċiet il-pjan tal-operat tagħha stess li minnu kien jirriżulta li parteċipazzjoni fl-investiment kif propost mir-rikorrenti jkun profittabbli għall-operatur tal-ajruport.

24      GEASAR ippreżentat lir-Reġjun Awtonomu pjanijiet ta’ attivitajiet għas-sena 2010 u għall-perijodu ta’ tliet snin 2011‑2013, flimkien mal-applikazzjonijiet għal finanzjament korrispondenti. Ir-Reġjun Awtonomu approva dawn il-pjanijiet ta’ attivitajiet u ffissa l-ammonti mogħtija lil GEASAR għall-2010 u għall-perijodu 2011/2013 permezz tad-Deċiżjonijiet Reġjonali Nru 43/37 u Nru 52/117.

25      Fl-4 ta’ April 2012 u fil-31 ta’ Marzu 2013, GEASAR u r-rikorrenti kkonkludew żewġ ftehimiet dwar l-operat mir-rikorrenti ta’ rotot tal-ajru lejn Bordeaux (Franza), Genova (l-Italja), Nantes (Franza), Palermo (l-Italja) u Venezia (l-Italja), kif ukoll dwar servizzi ta’ marketing u ta’ reklamar li jirrigwardaw l-istabbiliment ta’ rotot tal-ajru ġodda u ż-żieda fil-kapaċità f’termini ta’ numru ta’ postijiet tal-passiġġieri.

b)      Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas

26      SOGAER, l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas, ippubblikat, fis-sit internet tagħha, avviż li jistieden lill-kumpanniji tal-ajru jippreżentawlha pjanijiet tal-operat għal rotot minn u lejn dan l-ajruport kif ukoll għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ marketing intiżi sabiex jiġi promoss ir-reġjun ta’ Sardegna.

27      Ir-rikorrenti ppreżentat lil SOGAER pjan tal-operat għall-iżvilupp ta’ rotot tal-ajru minn u lejn l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas u programm ta’ marketing u ta’ reklamar.

28      SOGAER ippreżentat lir-Reġjun Awtonomu pjanijiet ta’ attivitajiet għas-sena 2010 u għall-perijodu ta’ tliet snin 2011‑2013, flimkien mal-applikazzjonijiet għal finanzjament korrispondenti. Dawn il-pjanijiet ġew approvati u l-ammonti attribwiti lil SOGAER għall-2010 u għall-perijodu 2011‑2013 ġew iffissati permezz tad-Deċiżjonijiet Reġjonali Nru 43/37 u Nru 52/117, rispettivament.

29      Fis-26 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti u SOGAER ikkonkludew ftehim dwar attivitajiet ta’ marketing li jirrigwardaw l-istabbiliment ta’ rotot tal-ajru ġodda u ż-żieda fil-kapaċità f’termini ta’ numru ta’ postijiet tal-passiġġieri.

c)      Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010 f’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero

30      F’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero, kuntratti konklużi bejn SOGEAAL u l-kumpannija Ryanair Ltd, diġà fl-2003 u estiżi minn dak iż-żmien ’il quddiem, kienu s-suġġett ta’ lment imressaq minn kumpannija tal-ajru Taljana. Dan wassal għall-ftuħ, mill-Kummissjoni Ewropea, fit-12 ta’ Settembru 2007, tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE f’dak li kien jirrigwarda għajnuna mill-Istat allegatament mogħtija lil u mill-Ajruport ta’ Alghero favur Ryanair u trasportaturi bl-ajru oħrajn (ĠU 2008, C 12, p. 7). Fis-27 ta’ Ġunju 2012, din il-proċedura ġiet estiża, sabiex jiġu inklużi miżuri supplimentari meħuda mir-Repubblika Taljana li ma kinux is-suġġett tal-ilment inizjali (ĠU 2013, C 40, p. 15), li fosthom kien hemm “[i]l-miżuri kollha mogħtija lil Ryanair u s-sussidjarja tiegħu AMS, kif ukoll lill-kumpaniji tal-ajru li għamlu użu mill-ajruport sa mis-sena 2000 […] [li b’]mod partikolari […] jinkludu għotjiet ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija direttament minn SOGEAAL jew trażmessi minnha permezz ta’ bosta ftehimiet dwar servizzi tal-ajruport u ftehimiet dwar servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li saru ma’ Ryanair u ma’ trasportaturi oħra tal-ajru sa mis-sena -2000”.

31      L-imsemmija proċedura wasslet għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1584 tal‑1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.23098 (C 37/07) (ex NN 36/07) implimentata mill-Italja favur is-Società di Gestione dell’Aeroporto di Alghero So.Ge.A.AL S.p.A. u diversi trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta’ Alghero (ĠU 2015, L 250, p. 38, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ‘Alghero’”), li fiha l-Kummissjoni b’mod partikolari qieset, b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, li l-miżuri implimentati mir-Reġjun Awtonomu, b’mod partikolari l-kuntratti konklużi minn SOGEAAL, ikkontrollata mill-imsemmi reġjun, ma’ ċerti kumpanniji tal-ajru u li jirrigwardaw il-promozzjoni jew it-tnedija ta’ rotot tal-ajru ġodda minn u lejn l-ajruport ta’ Alghero kif ukoll attivitajiet ta’ marketing u ta’ reklamar ma kinux jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

B.      Fuq id-deċiżjoni kkontestata

32      Fit-30 ta’ Novembru 2011, ir-Repubblika Taljana, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, innotifikat lill-Kummissjoni l-Liġi Nru 10/2010, liema miżura ġiet eżaminata skont il-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

33      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-iskema nnotifikata (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna kontenzjuża”). Permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, C 152, p. 30), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-allegata skema ta’ għajnuna.

34      L-awtoritajiet Taljani kif ukoll partijiet interessati, inklużi l-operaturi tal-ajruporti ta’ Alghero, ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

35      Permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati bl-adozzjoni, fl-20 ta’ Frar 2014, ta’ komunikazzjoni intitolata “Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru” (ĠU 2014, C 99, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2014”), u bil-fatt li dawn il-linji gwida kienu ser japplikaw f’dan il-każ mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. Fil-15 ta’ April 2014, komunikazzjoni li tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-applikazzjoni għal dan il-każ tal-Linji gwida tal-2014, u dan f’terminu ta’ xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija linji gwida tal-2014, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 2014, C 113, p. 30).

36      Fid-29 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1861 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA 33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/N) – l-Italja – Kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku (SIEĠ) (ĠU 2017, L 268, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li d-dispożittiv tagħha jaqra kif ġej:

Artikolu 1

1. L-iskema li l-Italja stabbilixxiet bil-liġi [Nru 10/2010] ma tinvolvix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) [TFUE] favur SOGEAAL […], SOGAER […] u GEASAR […]

2. L-iskema li stabbiliet l-Italja permezz tal-Liġi 10/2010 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat favur Ryanair/AMS, easyJet, Air Berlin, Meridiana, Alitalia, Air Italy, [ir-rikorrenti], Wizzair, Norwegian, JET2.COM, Niki, Tourparade, Germanwings, Air Baltic u Vueling, għaliex din hija marbuta mal-operazzjonijiet ta’ dawn il-linji tal-ajru fl-ajruport Cagliari-Elmas u l-ajruport ta’ Olbia.

3. L-għajnuna tal-Istat imsemmija fil-Paragrafu 2 iddaħħlet fis-seħħ mill-Italja bil-ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE].

4. L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Paragrafu 2 hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1. L-Italja għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1(2).

2. Filwaqt li Ryanair u AMS jitqies li jikkostitwixxu unità ekonomika waħda għall-għan ta’ din id-deċiżjoni, dawn għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat li jkun irċieva xi wieħed minnhom.

3. Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru effettiv tagħhom.

[…]

5. L-Italja għandha tikkanċella l-ħlas kollu ta’ għajnuna pendenti kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) b’effett mid-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun immedjat u effettiv.

2. L-Italja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1. Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Italja għandha tagħti l-informazzjoni li ġejja:

–        il-lista tal-benefiċjarji li rċevew l-għajnuna abbażi tal-iskema msemmija fl-Artikolu 1(2) u l-ammont totali tal-għajnuna li kull wieħed minnhom irċieva abbażi ta’ tal-iskema;

–        L-ammont totali (l-imgħax prinċipali u fuq l-irkupru) li jrid jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju;

–        Deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà ttieħdu u li huma ppjanati biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni;

–        Dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jroddu lura l-għajnuna.

2. L-Italja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 tkun irkuprata għal kollox. Hija għandha immedjatament tibgħat, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu diġà u li huma previsti għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħaxijiet fuq l-irkupru li diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.”

37      F’dak li jirrigwarda l-portata tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 344 sa 346 ta’ din id-deċiżjoni, li din tal-aħħar ma kellhiex tkopri l-miżuri ta’ għajnuna li diġà kienu s-suġġett tal-investigazzjoni separata li għaliha jirreferi l-punt 30 iktar ’il fuq. Fil-fatt, għalkemm mhux il-ħlasijiet kollha mwettqa minn SOGEAAL għall-attivitajiet 1 u 2 previsti abbażi tal-Liġi Nru 10/2010 mill-atti ta’ implimentazzjoni kienu twettqu skont il-kuntratti eżaminati fil-kuntest tal-investigazzjoni separata li tirrigwarda esklużivament l-ajruport ta’ Alghero, il-Kummissjoni qieset li l-maġġoranza kbira tagħhom kienet ġiet evalwata fil-kuntest ta’ dak il-każ l-ieħor. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li “mhux dejjem [kienet] xi ħaġa ovvja li fil-każijiet kollha ssir distinzjoni ċara minħabba li r-relazzjoni finanzjarja bejn SOGEAAL u linja tal-ajru partikolari fil-perjodu rilevanti [setgħet] tkun immexxija minn kuntratti varji li xi ftit minnhom biss [kienu] ġew ikkunsidrati [fl-imsemmi każ l-ieħor]”. Għaldaqstant, hija qieset li kellhom jiġu esklużi mill-portata tad-deċiżjoni kkontestata l-ftehimiet kollha konklużi bejn il-kumpanniji tal-ajru u SOGEAAL fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, jiġifieri, fi kliem ieħor, il-parti tal-miżuri kontenzjużi li tirrigwarda l-ajruport ta’ Alghero.

38      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-proċedura miftuħa f’dan il-każ ma kinitx tirrigwarda l-għajnuna potenzjali mogħtija mill-operaturi tal-ajruporti lil fornituri ta’ servizzi li ma humiex kumpanniji tal-ajru u li jaqgħu taħt l-attività 3. Għaldaqstant, hija qieset, fil-premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma setgħetx tieħu pożizzjoni fuq dan il-punt.

39      Fl-4 ta’ Awwissu 2016, ir-Reġjun Awtonomu bagħat lir-rikorrenti estratti tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet ġiet innotifikata mill-Kummissjoni lir-Repubblika Taljana, sabiex ir-rikorrenti tikkomunika l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-kunfidenzjalità ta’ ċerta data, ħaġa li hija għamlet fil-21 ta’ Awwissu 2016.

40      Fil-11 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni li tingħata aċċess għall-fajl dwar id-deċiżjoni kkontestata. Fis-27 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba billi indikat lir-rikorrenti li, peress li din id-deċiżjoni ma kinitx għadha ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, it-terminu tar-rikorrenti għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni ma kienx għadu beda jiddekorri.

41      Fit-30 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Sardegna, l-Italja) kontra d-deċiżjoni tar-Reġjun Awtonomu, tal-5 ta’ Ġunju 2017, li ordnatilha tirrimborsa ammont ta’ EUR 262 297.54. It-talba għal miżuri provviżorji mressqa fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2017, li fiha l-imsemmija qorti rrilevat li, fil-5 ta’ Ġunju 2017, ir-Reġjun Awtonomu kien bagħat id-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti. Din tal-aħħar appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

42      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

43      Fit-18 ta’ April 2018 u wara skambju doppju ta’ noti, ingħalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura.

44      Fit-18 ta’ Mejju 2018, il-Qorti Ġenerali, wara li semgħet lill-partijiet, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura sakemm tingħalaq il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kawżi konnessi Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni (T‑833/17) u easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni (T‑8/18), liema għeluq seħħ f’dawn il-kawżi fil-21 ta’ Settembru u fit-23 ta’ Lulju 2018, rispettivament.

45      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali sussegwentement iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Fid-dawl ta’ dan, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mistiedna jipproduċu dokumenti u jwieġbu bil-miktub għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll jieħdu pożizzjoni fuq l-opportunità li din il-kawża tingħaqad mal-kawża easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni (T‑8/18), tgħaqqid li l-Qorti Ġenerali fl-aħħar mill-aħħar iddeċidiet li ma twettaqx minħabba kwistjonijiet marbuta mal-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni kkonformaw ruħhom ma’ dawn il-miżuri fit-termini mogħtija.

46      Fid-19 ta’ Ġunju 2019, il-Qorti Ġenerali, waqt il-laqgħa plenarja tagħha, iddeċidiet, fuq proposta tal-Ewwel Awla u tal-Viċi President, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem l-Ewwel Awla kkostitwita minn kulleġġ ġudikanti estiż għal ħames Imħallfin.

47      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2019 li fi tmiemha ngħalqet il-fażi orali tal-proċedura.

48      Fis-7 ta’ Novembru 2019, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura. Fit-12 ta’ Novembru 2019, hija talbet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti, ħaġa li hija għamlet fit-terminu mogħti. Fl-20 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Fit-22 ta’ Jannar 2020, il-Qorti Ġenerali għalhekk għalqet il-fażi orali tal-proċedura.

49      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn:

–        tikkonstata, fl-Artikolu 1(2) tagħha, li l-iskema stabbilita mil-Liġi Nru 10/2010 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mogħtija lir-rikorrenti għall-attivitajiet tagħha fl-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia;

–        tikkonstata, fl-Artikolu 1(3) tagħha, li l-iskema stabbilita mil-Liġi Nru 10/2010 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur ir-rikorrenti, li hija illegali fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE;

–        tikkonstata, fl-Artikolu 1(4) tagħha, li l-imsemmija għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern;

–        tordna lir-Repubblika Taljana tirkupra l-għajnuna inkwistjoni mingħand ir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

50      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

51      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażati rispettivament:

–        l-ewwel nett, fuq żball fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE;

–        it-tieni nett, fuq żball dwar il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata l-għajnuna kontenzjuża;

–        it-tielet nett, fuq żball ta’ liġi fl-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna kontenzjuża;

–        ir-raba’ nett, fuq ġestjoni ħażina tal-investigazzjoni;

–        il-ħames nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq motivi kontradittorji.

A.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

52      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, li jinqasam f’erba’ partijiet, ir-rikorrenti tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, bħala “għajnuna mill-Istat” mogħtija favur tagħha.

53      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

1.      Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti

54      Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti esposti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv, li huma intiżi li jipprovaw li hija wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li l-operaturi tal-ajruporti ma kinux benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat, huma inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, ineffettivi. Fil-fatt, ir-rikors huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni kkontestata biss f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-konklużjoni li din tal-aħħar ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat ma kinitx ibbażata fuq il-fatt li l-operaturi tal-ajruporti tqiesu li ma kinux benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tqiegħed fid-dubju l-konstatazzjonijiet li jinsabu fit-Taqsima 7.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata.

55      Ir-rikorrenti tirribatti li hija volontarjament irrestrinġiet is-suġġett tar-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss f’dak li jikkonċerna lilha. Issa, f’din il-perspettiva, hija għandha dritt tipprova li l-operaturi tal-ajruporti kienu l-benefiċjarji tal-għajnuna mir-Reġjun Awtonomu, għaliex id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata preċiżament fuq il-fatt li l-fondi tar-Reġjun Awtonomu ġew ittrasferiti lill-kumpanniji tal-ajru permezz tal-operaturi tal-ajruporti. Għaldaqstant, il-kontestazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tippreżupponi neċessarjament il-prova li l-imsemmija operaturi ma aġixxewx bħala “pupazzi” tar-Reġjun Awtonomu, iżda għall-kuntrarju bbenefikaw minn għajnuna li naqqset l-ispejjeż ta’ marketing li normalment kien ikollhom isostnu.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti hija identifikata, fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, bħala benefiċjarja tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Għaldaqstant, hija kkonċernata direttament u individwalment kemm min dan l-Artikolu 1(2) kif ukoll mill-Artikolu 1(3) u (4) tal-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, hija obbligata tirrimborsa lill-awtoritajiet Taljani l-ammonti li hija rċeviet abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Għalhekk hija wkoll ikkonċernata direttament u individwalment minn dan l-Artikolu 2.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn huwa intiż għall-annullament, f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, tal-Artikolu 1(2) sa (4), kif ukoll tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ir-rikors huwa ammissibbli fid-dawl tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

58      Issa, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tista’ tqajjem, insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tal-imsemmija żewġ dispożizzjonijiet, kull motiv ta’ natura li jipprova li hija ma kinitx benefiċjarja tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, inklużi, f’dan il-kuntest, argumenti intiżi li jipprovaw li l-operaturi tal-ajruporti kienu l-benefiċjarji reali tal-imsemmija skema ta’ għajnuna kontenzjuża u mhux il-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti fuq l-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, filwaqt li għandu jiġi madankollu speċifikat li, fil-petitum, ir-rikors ma huwiex intiż għall-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata u li, fi kwalunkwe każ, peress li r-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija tal-ajru, ma hijiex f’kompetizzjoni mal-operaturi tal-ajruporti u, għaldaqstant, ma hijiex ikkonċernata direttament u individwalment minn dan l-Artikolu 1(1), hija ma jistax ikollha locus standi sabiex titlob l-annullament tiegħu.

2.      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar id-determinazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, u fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ vantaġġ għar-rikorrenti

60      Insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li huma l-operaturi tal-ajruporti li huma esklużivament il-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża filwaqt li, fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan l-istess motiv, hija tfittex li tipprova li hija ma bbenefikatx minn vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

61      Il-Kummissjoni titlob li ż-żewġ partijiet tal-ewwel motiv jiġu miċħuda bħala infondati.

62      Sa fejn l-argumenti esposti fil-kuntest taż-żewġ partijiet tal-ewwel motiv jikkoinċidu parzjalment, dawn għandhom jiġu ttrattati flimkien.

63      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, qabelxejn, billi tikkontesta li hija setgħet tkun benefiċjarja tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u billi tafferma li l-operaturi tal-ajruporti kienu l-uniċi benefiċjarji, ir-rikorrenti tikkontesta li, ladarba ngħataw lill-imsemmija operaturi tal-ajruporti, l-ammonti li kienu joriġinaw minn riżorsi tal-Istat, f’dan il-każ tar-Reġjun Awtonomu, setgħu jibqgħu jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat meta dawn sussegwentement intużaw mill-imsemmija operaturi sabiex jirremunerawha. Barra minn hekk, hija tikkontesta li r-rwol tal-operaturi tal-ajruporti kien limitat għal dak ta’ intermedjarji bejn ir-Reġjun Awtonomu u l-kumpanniji tal-ajru. B’dan il-mod, hija tikkontesta l-imputabbiltà lir-Reġjun Awtonomu tad-deċiżjonijiet kummerċjali tal-operaturi tal-ajruporti.

a)      Fuq l-użu ta’ “riżorsi ta’ l-Istat” mill-operaturi tal-ajruporti

64      Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippreżupponi li jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li dan l-intervent jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li dan l-intervent iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet sekondarji huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 48 u 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑351/02, EU:T:2006:104, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      F’dan ir-rigward, intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat ma għandux neċessarjament ikun miżura adottata mill-awtorità ċentrali tal-Istat ikkonċernat. Huwa jista’ daqstant ieħor jirriżulta minn awtorità infrastatali, bħar-Reġjun Awtonomu. Fil-fatt, miżura meħuda minn awtorità lokali u mhux mill-awtorità ċentrali tista’ tikkostitwixxi għajnuna meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, EU:C:1987:437, punt 17, u tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 55). Fi kliem ieħor, il-miżuri meħuda minn entitajiet infrastatali, deċentralizzati, federali, reġjonali jew oħrajn, tal-Istati Membri, ikun xi jkun l-istatus ġuridiku u d-denominazzjoni tagħhom, jaqgħu, bħall-miżuri meħuda mill-awtorità federali jew ċentrali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/00, EU:T:2002:61, punt 57, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il‑Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 108).

67      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-iskop li interventi statali jfittxu li jilħqu ma huwiex biżżejjed sabiex dawn ma jiġux ikklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 84 u 85 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑461/13, EU:T:2015:891, punt 39).

68      Għaldaqstant, vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni ġuridiċi oħra li huma impriżi (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 22 sa 35; tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 38 u 60 sa 66, u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, EU:T:2010:233).

69      F’dan il-każ, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, huwa paċifiku li r-Reġjun Awtonomu qiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti, indikati mil-Liġi Nru 10/2010 u mill-miżuri ta’ implimentazzjoni bħala “benefiċjarji”, fondi fuq perijodu ta’ diversi snin sabiex jieħdu azzjonijiet bil-għan li jippromwovu r-reġjun ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika, ħaġa li kienet tinvolvi kemm li jintlaħqu miri fir-rigward tas-servizz bl-ajru tal-gżira minn u lejn id-diversi ajruporti tagħha kif ukoll li jiġu pprovduti servizzi ta’ marketing. Ir-rikorrenti ma tikkontestax li dawn il-fondi, li kienu joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu u li tħallsu l-ewwel lill-operaturi tal-ajruporti, huma riżorsi tal-Istat u li d-deċiżjoni li tali fondi jingħataw lill-operaturi tal-ajruporti kienet imputabbli lill-Istat Taljan. Madankollu tqum il-kwistjoni jekk, kif tikkontesta r-rikorrenti, l-ammonti li hija rċeviet mingħand l-imsemmija operaturi b’eżekuzzjoni tal-kuntratti li hija kienet ikkonkludiet magħhom kellhomx jew kienx għad għandhom in-natura ta’ “riżorsi ta’ l-Istat” u kinux imputabbli lill-Istat Taljan, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

70      F’dan ir-rigward, kemm mill-mekkaniżmu stabbilit mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kif ukoll mill-implimentazzjoni tiegħu fil-prattika jirriżulta li l-fondi mħallsa mill-imsemmi reġjun lill-operaturi tal-ajruporti kienu dawk li ntużaw minn dawn tal-aħħar sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji kontraenti, bħar-rikorrenti.

71      Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet tipprevedi tip ta’ mekkaniżmu ta’ clearance. B’mod iktar partikolari, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 kienet tipprovdi li l-operaturi tal-ajruporti magħżula kellhom jirċievu ħlas bil-quddiem ta’ 20 % fuq il-fondi dovuti għas-sena ta’ referenza, segwit minn ħlas tat-tieni porzjon ta’ 60 %, fuq medda ta’ żmien u suġġett għall-preżentazzjoni ta’ rapporti kull tliet xhur, u, fl-aħħar nett, l-aħħar porzjon ta’ 20 % mal-preżentazzjoni tad-dokumenti li jippermettu lir-Reġjun Awtonomu jivverifika li l-attività kienet twettqet korrettament, li l-miri kienu ntlaħqu u li l-ispejjeż sostnuti kienu reali. Konsegwentement, dan il-mekkaniżmu ta’ kontroll kien intiż li jimpedixxi lil kull operatur tal-ajruport milli jikseb ir-rimbors ta’ ammonti li ma kinux dawk sostnuti minnu sabiex jirremunera lill-kumpanniji kontraenti, bħar-rikorrenti, u li huma s-suġġett tal-obbligu ta’ rkupru previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. L-eżistenza ta’ dan il-mekkaniżmu tikkonferma wkoll li s-servizzi tal-imsemmija kumpanniji tal-ajru kienu ffinanzjati mill-imsemmi reġjun, peress li l-ammonti mħallsa bil-quddiem mill-operaturi tal-ajruporti bħala remunerazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru kontraenti kienu jikkorrispondu għall-fondi li huma kienu jirċievu, fi tmiem il-proċess, mir-Reġjun Awtonomu.

72      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessi 242 sa 246 u 313, 314 u 317 tad-deċiżjoni kkontestata, li jesponu l-osservazzjonijiet li kienu ppreżentaw fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, l-operaturi tal-ajruporti ta’ Olbia u ta’ Cagliari-Elmas stess spjegaw li, effettivament, huma kienu ħallsu bil-quddiem l-ammonti li jikkorrispondu għall-ħlas lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti li kienu jipprovdu s-servizzi mixtieqa mir-Reġjun Awtonomu sabiex jiġi promoss it-turiżmu ta’ Sardegna u li, sussegwentement, kienu ppreżentaw lir-Reġjun Awtonomu r-rapporti ta’ kontabbiltà tagħhom li kienu jindikaw l-ispejjeż realment inkorsi sabiex jinkiseb ir-rimbors għal dan mingħand l-imsemmi reġjun. F’dan il-kuntest, l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas saħansitra afferma li r-Reġjun Awtonomu kien eżiġa mingħandu li jipprova li l-kumpanniji tal-ajru fornituri kienu rċevew it-totalità tal-kontribuzzjonijiet reġjonali u li għalhekk huwa kien biss intermedjarju li ttrasferixxa lilhom l-ammonti rċevuti mingħand ir-Reġjun Awtonomu. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana stess sostniet li, essenzjalment, l-operatur tal-ajruport ta’ Olbia kien ittrasferixxa lill-kumpanniji tal-ajru t-totalità tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet li dan l-operatur kien irċieva mingħand ir-Reġjun Awtonomu.

73      Għalhekk jidher ċar li l-fondi użati mill-operaturi tal-ajruporti sabiex jirremuneraw lir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti li dawn tal-aħħar kienu kkonkludew magħha oriġinaw mill-baġit tar-Reġjun Awtonomu u għalhekk kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-korrispondenza li tippermetti li jiġi stabbilit li l-ammonti li hija rċeviet kienu jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat hija element rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk hija bbenefikatx minn għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

74      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-fatt, irrilevat mir-rikorrenti, li, fl-2013, l-operaturi tal-ajruporti komplew jirremunerawha meta huma ma kinux għadhom qegħdin jirċievu fondi mir-Reġjun Awtonomu, għandu jiġi kkonstatat li, kif spjegat il-Kummissjoni, meta r-Reġjun Awtonomu waqqaf dawn il-ħlasijiet minħabba deċiżjoni tiegħu li jissospendi l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-operaturi tal-ajruporti ma għamlu xejn ħlief onoraw l-impenji kuntrattwali tagħhom meta l-kuntratti inkwistjoni ma kinux jipprevedu t-terminazzjoni ta’ dawn il-kuntratti fil-każ ta’ telf tal-finanzjament mir-Reġjun Awtonomu. Fi kwalunkwe każ, jekk, f’ċerti każijiet, huma kellhom isostnu l-ispejjeż marbuta mal-ħlas bil-quddiem bi flus kontanti, inkluż permezz ta’ SFIRS, fuq l-ammonti sussegwentement irrimborsati mir-Reġjun Awtonomu, dan xejn ma jnaqqas mill-fatt li, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom stess u skont dak li kienet tipprevedi l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-operaturi tal-ajruporti użaw it-totalità tal-fondi li kienu ngħataw lilhom mill-imsemmi reġjun sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti, bħar-rikorrenti, u li huma esklużivament is-suġġett tal-obbligu ta’ rimbors previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

75      Barra mid-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Taljan u tal-operaturi tal-ajruporti stess fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u barra mit-tabelli li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, il-korrispondenza bejn il-fondi pprovduti mir-Reġjun Awtonomu lill-operaturi tal-ajruporti u dawk użati minn dawn tal-aħħar sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru kontraenti hija kkorroborata, fil-każ partikolari tar-rikorrenti u kuntrarjament għal dak li hija ssostni, mill-kontenut stess tal-ftehimiet li hija ffirmat mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia.

76      Fil-fatt, il-preambolu tal-kuntratt li hija kienet ikkonkludiet fis-26 ta’ Frar 2012 ma’ SOGAER kien jindika espressament li r-Reġjun Awtonomu kien iddeċieda li jżid l-investimenti ta’ marketing tiegħu fl-industriji tat-trasport u tat-turiżmu; li, għal dan il-għan, huwa kien ser jipprovdi ammont kull sena lil SOGAER li dan l-operatur tal-ajruport kellu jonfoq sabiex jilħaq dan il-għan, u li, fid-dawl tal-intenzjoni tar-Reġjun Awtonomu, SOGAER kienet ippubblikat avviż fis-sit internet tagħha sabiex tinvesti f’attivitajiet ta’ marketing maħsuba sabiex jippromwovu l-attrazzjonijiet turistiċi tan-nofsinhar ta’ Sardegna. F’dak li jirrigwarda l-kuntratt konkluż fil-31 ta’ Marzu 2013 bejn ir-rikorrenti u GEASAR, dan il-kuntratt kien jindika li dan l-operatur tal-ajruport, bi qbil mar-Reġjun Awtonomu, kien ser jippromwovi lil Olbia u lil Sardegna b’mod attiv bħala destinazzjoni għall-vaganzi, billi jimplimenta l-azzjonijiet xierqa kollha ta’ marketing, ta’ reklamar u ta’ komunikazzjoni, u li, għal dan il-għan, ir-Reġjun Awtonomu kien ser jipprovdi ammont kull sena lil GEASAR li dan l-operatur tal-ajruport kellu jonfoq sabiex jilħaq dawn l-għanijiet.

77      Għalhekk għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, hija ma ġietx irremunerata mill-operaturi tal-ajruporti permezz ta’ fondi li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu.

78      Ir-rikorrenti targumenta wkoll li l-allegata korrispondenza bejn iż-żewġ flussi finanzjarji ma hijiex prova suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li l-ħlasijiet imwettqa lilha kienu saru bħala korrispettiv reali għal servizzi li hija pprovdiet lill-operaturi tal-ajruporti.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar mill-ġdid li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-iskop li interventi statali jfittxu li jilħqu ma huwiex biżżejjed sabiex dawn ma jiġux ikklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi statali, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 84 u 85 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑461/13, EU:T:2015:891, punt 39).

80      Issa, peress li, meta teżamina miżura, il-Kummissjoni jista’ jkollha teżamina jekk vantaġġ jistax jitqies li jkun ingħata indirettament lil operaturi li ma jkunux il-persuna riċeventi immedjata tat-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 61 u 62), għandu jitqies li, sa fejn jista’ jiġi stabbilit, bħal f’dan il-każ, li vantaġġ li joriġina minn riżorsi tal-Istat ġie ttrasferit mill-persuna riċeventi immedjata lil benefiċjarju finali, huwa irrilevanti li dan it-trasferiment ikun twettaq mill-persuna riċeventi immedjata skont loġika kummerċjali jew, għall-kuntrarju, li dan it-trasferiment ikun laħaq għan ta’ interess ġenerali.

81      Dan huwa kkorroborat mill-ġurisprudenza li tistabbilixxi li vantaġġ mogħti direttament lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jikkostitwixxi vantaġġ indirett u, għalhekk, għajnuna mill-Istat għal persuni ġuridiċi oħra li huma impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punti 22 sa 35; tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punti 38 u 60 sa 66; tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, T‑445/05, EU:T:2009:50, punt 127, u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, EU:T:2010:233). Fil-fatt, fil-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi, it-trasferiment tal-vantaġġ minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li kienu persuni riċeventi immedjati ta’ riżorsi tal-Istat, kien jagħmel parti minn relazzjoni kummerċjali, ħaġa li tikkonferma li l-eżistenza ta’ raġuni kummerċjali li fuqha jkun ibbażat it-trasferiment hija irrilevanti għall-evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-passaġġ segwit mir-riżorsi ta’ oriġini statali sakemm jaslu għand il-benefiċjarju finali.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-attivitajiet 1 u 2 kienu jikkorrispondu għal riżorsi tal-Istat.

b)      Fuq l-imputabbiltà, lir-Reġjun Awtonomu, tad-deċiżjonijiet u tal-ħlasijiet magħmula lir-rikorrenti mill-operaturi tal-ajruporti

83      F’dak li jirrigwarda l-imputabbiltà lir-Reġjun Awtonomu tad-deċiżjonijiet tal-operaturi tal-ajruporti li jikkonkludu l-kuntratti kontenzjużi mar-rikorrenti, din tal-aħħar tikkontesta li l-imsemmija operaturi kellhom biss rwol ta’ intermedjarji. Fil-fatt, minkejja l-eżistenza ta’ proċedura għall-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ attivitajiet tagħhom mir-Reġjun Awtonomu, l-operaturi tal-ajruporti żammew setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-mod kif jiġu allokati l-fondi rċevuti mir-Reġjun Awtonomu.

84      F’dan ir-rigward, minkejja li tirrigwarda kawżi li fihom il-fondi inkwistjoni, kuntrarjament għall-każ inkwistjoni, ma kinux joriġinaw immedjatament mill-baġit tal-Istat jew ma kinux għaddew minnu, il-ġurisprudenza tikkonferma, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li l-kriterju deċiżiv huwa l-livell ta’ kontroll eżerċitat mill-Istat fuq l-għoti tal-vantaġġ, b’mod partikolari fuq il-kanal għat-trażmissjoni ta’ dan il-vantaġġ (sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il‑Kummissjoni, C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punt 50; tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 37, u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 33), u li dan japplika anki meta l-għoti tal-imsemmi vantaġġ ma jinvolvix trasferiment formali ta’ riżorsi tal-Istat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Għalkemm il-livell ta’ kontroll eżerċitat mill-Istat fuq l-għoti ta’ vantaġġ jippermetti li jiġi evalwat jekk dan tal-aħħar jistax jitqies li jimmobilizza “riżorsi ta’ l-Istat”, sabiex tiġi vverifikata l-kundizzjoni sekondarja dwar l-imputabbiltà tal-miżura kkonċernata lill-Istat, prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, dan il-livell ta’ kontroll għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-kwistjoni jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu li kienu involuti fl-adozzjoni tal-imsemmija miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 52, u tat-28 ta’ Marzu 2019, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), involviment li jista’ jiġi dedott minn serje ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih ittieħdet din il-miżura u, b’mod partikolari, mill-portata tagħha, mill-kontenut tagħha jew mill-kundizzjonijiet li din tinvolvi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 52 sa 56, u tas-17 ta’ Settembru 2014, Commerz Nederland, C‑242/13, EU:C:2014:2224, punti 31 sa 33).

86      F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti mir-Reġjun Awtonomu kellhom jintużaw u effettivament intużaw skont l-istruzzjonijiet adottati mill-imsemmi reġjun, f’dan il-każ bħala remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti mill-kumpanniji tal-ajru, jiġifieri l-ftuħ ta’ rotot tal-ajru ġodda, iż-żieda fi frekwenzi, il-fatt li jintlaħqu miri f’termini ta’ volum ta’ passiġġieri u l-estensjoni ta’ perijodi ta’ operat ta’ rotot eżistenti, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi ta’ marketing.

87      F’dak li jirrigwarda l-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fil-premessi 357 sa 359 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom l-aġir tal-operaturi tal-ajruporti kien iddeterminat mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-Liġi Nru 10/2010 u tal-pjanijiet ta’ attivitajiet, li kellhom jiġu approvati mir-Reġjun Awtonomu qabel ma jidħlu fis-seħħ, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li l-Liġi Nru 10/2010 tidentifika lill-operaturi tal-ajruporti bħala li huma formalment il-benefiċjarji tal-ħlasijiet previsti minn din il-liġi.

88      Madankollu, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 10/2010 kien jipprovdi espressament li l-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll id-direttivi għat-tfassil tal-pjanijiet ta’ attivitajiet mill-operaturi tal-ajruporti kellhom jiġu adottati permezz ta’ riżoluzzjonijiet tal-Eżekuttiv Reġjonali, filwaqt li l-Artikolu 3(3) ta’ din il-liġi kien jipprovdi, espressament ukoll, li l-pjanijiet ta’ attivitajiet stabbiliti mill-operaturi tal-ajruporti kellhom ikollhom magħhom l-atti u l-kuntratti korrispondenti u li kienu ser ikunu ffinanzjati biss jekk ikunu stabbiliti skont il-kriterji, in-natura, it-tul tal-offerta ta’ trasport u d-direttivi adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali u biss jekk ikunu ġew sottomessi minn qabel lill-kummissjoni kompetenti għal opinjoni vinkolanti.

89      F’dan ir-rigward, mill-mekkaniżmu stabbilit mil-Liġi Nru 10/2010 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandhom neċessarjament jinqraw flimkien mat-testi li din il-liġi kienet tipprevedi li jiġu adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali u li kienu jikkundizzjonaw il-ħlasijiet imwettqa mir-Reġjun Awtonomu lill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni f’dan il-każ. Issa, dawn it-testi, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, kienu jipprovdu espressament li l-operaturi tal-ajruporti kellhom jissottomettu l-pjanijiet ta’ attivitajiet tagħhom lir-Reġjun Awtonomu għall-approvazzjoni u li, sabiex ikunu jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament previst mill-imsemmi reġjun, l-imsemmija pjanijiet kellhom jitfasslu skont il-kriterji, in-natura u t-tul tal-offerta ta’ trasport kif ukoll skont id-direttivi adottati mill-Eżekuttiv Reġjonali.

90      Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa bil-quddiem mill-operaturi tal-ajruporti kien ta’ natura li jippermetti lir-Reġjun Awtonomu jikkontrolla l-inizjattivi tal-operaturi tal-ajruporti, għaliex kienu biss dawk stabbiliti skont id-direttivi tiegħu u sostnuti bil-produzzjoni tad-dokumenti kuntrattwali u ta’ kontabbiltà rilevanti li setgħu jagħtu lok għall-finanzjament previst mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, il-pjanijiet ta’ attivitajiet kienu sottomessi upstream tal-proċess għall-approvazzjoni mir-Reġjun Awtonomu u l-operaturi tal-ajruporti kellhom ukoll jipproduċu rapporti kull tliet xhur għall-finijiet tal-ħlas ta’ 60 % tal-għajnuna u setgħu biss jiksbu l-aħħar porzjon tal-ħlas, ta’ 20 %, wara li jkunu pprovaw li kienu osservaw l-istruzzjonijiet tar-Reġjun Awtonomu.

91      Il-kontroll tar-Reġjun Awtonomu fuq il-kontenut u l-portata tal-inizjattivi tal-operaturi tal-ajruporti huwa kkorroborat minn dawn tal-aħħar stess. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata, GEASAR indikat li kienet innegozjat il-proposti għal attivitajiet ta’ marketing, mal-kumpanniji tal-ajru li wieġbu għas-sejħa għal manifestazzjoni ta’ interess li dan l-operatur tal-ajruport kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-pjan ta’ marketing għat-turiżmu mfassal mir-Reġjun Awtonomu fost l-istrumenti ta’ ppjanar tagħha. Min-naħa tagħha, SOGAER sostniet, kif jirriżulta mill-premessa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-imsemmi reġjun kien jipprovdi kumpens li kien sempliċement mgħoddi mill-operatur tal-ajruport, u dan “bħala parti minn pjan deċiż, iffinanzjat u mmonitorjat mir-Reġjun [Awtonomu]”.

92      Huwa minnu li l-Liġi Nru 10/2010 ma kinitx issemmi l-azzjonijiet speċifiċi li kellhom jiġu proposti mill-operaturi tal-ajruporti fil-pjanijiet ta’ attivitajiet, u lanqas ma kienet tidentifika liema kumpanniji tal-ajru kellhom jiġu involuti. Barra minn hekk, l-inizjattiva li jiġu ppreżentati pjanijiet ta’ attivitajiet lir-Reġjun Awtonomu bil-għan li jintalbu l-fondi previsti fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kif ukoll, kif tenfasizza r-rikorrenti, l-għażla tal-kumpanniji tal-ajru kontraenti kienu jaqgħu formalment fuq l-operaturi tal-ajruporti, b’mod partikolari sa fejn il-Liġi Nru 10/2010 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħha ma kinux isemmu b’isimhom kumpanniji tal-ajru li magħhom kellhom neċessarjament jidħlu f’relazzjoni kummerċjali. Madankollu, ladarba ttieħdet mill-operaturi tal-ajruporti d-deċiżjoni li jipparteċipaw fil-programm ta’ finanzjament stabbilit mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fid-definizzjoni tal-pjanijiet tal-operat tagħhom u fl-għażla tal-fornituri kontraenti tnaqqas b’mod sinjifikattiv mill-kriterji u mid-direttivi ddefiniti mir-Reġjun Awtonomu.

93      B’mod partikolari, ir-riferiment, fl-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 10/2010, għall-kuntratti li għandhom jiġu prodotti mill-operaturi tal-ajruporti u r-riferiment, fid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, għall-każijiet li fihom il-pjanijiet ta’ attivitajiet jitwettqu minn kumpanniji tal-ajru jikkonfermaw, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li r-Reġjun Awtonomu kien jinċentiva lill-operaturi tal-ajruporti sabiex jużaw kumpanniji tal-ajru, peress li dawn huma l-uniċi entitajiet li jistgħu jimpenjaw ruħhom mal-kumpanniji tal-ajru dwar il-ftuħ jew iż-żamma ta’ rotot tal-ajru, il-frekwenzi tagħhom u miri fir-rigward ta’ passiġġieri, u li l-imsemmi reġjun kien jiddeċiedi liema rotot tal-ajru jitqiesu li huma eliġibbli. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ marketing, ir-Reġjun Awtonomu għamel distinzjoni bejn dawk li jiġu offruti minn kumpanniji tal-ajru, ħaġa li tikkonferma l-użu neċessarju ta’ tali kumpanniji mill-operaturi tal-ajruporti, u dawk li jiġu offruti minn fornituri differenti minn kumpanniji tal-ajru, liema kumpanniji, kif issostni l-Kummissjoni, ma humiex inkwistjoni f’dan il-każ u l-eżistenza tagħhom, fi kwalunkwe każ, ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-kwistjoni jekk il-fondi rċevuti mir-rikorrenti kinux joriġinaw mill-baġit tar-Reġjun Awtonomu u kinux imputabbli lilu.

94      Billi jikkontrolla strettament, upstream, il-pjanijiet ta’ attivitajiet ippreżentati mill-operaturi tal-ajruporti, b’mod partikolari r-rotot tal-ajru kkonċernati u s-servizzi ta’ marketing previsti, kif ukoll, downstream, l-ammonti inkorsi mill-operaturi tal-ajruporti għar-remunerazzjoni tal-imsemmija servizzi offruti mill-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-promozzjoni tal-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika, ir-Reġjun Awtonomu assuma kontroll suffiċjenti, fuq l-aġir kuntrattwali tal-operaturi tal-ajruporti li ddeċidew li jitolbu l-miżuri ta’ finanzjament previsti fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, sal-punt li għandu jitqies li l-imsemmi aġir kien imputabbli lilu.

95      Barra minn hekk, fid-Deċiżjonijiet tar-Reġjun Awtonomu Nru 300 u Nru 322, tas-16 ta’ Ġunju 2014 u tat-13 ta’ Ġunju 2013, rispettivament, li jiffissaw l-ammonti annwali definittivi, ir-Reġjun Awtonomu stess qies li “l-intervent previst fil-Liġi [Nru 10/2010] [twettaq] permezz tal-operaturi tal-ajruporti, li [kellhom] ir-rwol ta’ intermedjarji u ta’ prekursuri operattivi tat-trasferiment ta’ riżorsi lill-kumpanniji tal-ajru, skont ir-rotta ddeterminata mir-Reġjun stess, kif stabbilita mil-Liġi [Nru 10/2010] iċċitata iktar ’il fuq u l-miżuri ta’ implimentazzjoni” (che l’intervento di cui alla LR. n. 10/2010 si realizza attraverso le societa di gestione aeroportuale, che fungono da tramiti operativi e da soggetti anticipatori del trasferimento di risorse a favore dei vettori, secondo il percorso dalla Regione stessa disegnato con la sopraccitata legge regionale n. 10/2010 e con e delibere di attuazione della stessa) u li “il-kumpanniji tal-ajru għandhom jitqiesu li huma d-destinatarji reali u uniċi tal-flussi ta’ riżorsi finanzjarji skont il-Liġi [Nru 10/2010]” (che i vettori debbano considerarsi i reali ed unici destinatari dei flussi delle risorse di cui alla predetta legge regionale).

96      Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-preambolu tal-kuntratt tas-26 ta’ Frar 2012 konkluż bejn ir-rikorrenti u l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas jipprova, b’mod ċar, il-portata tal-kontroll eżerċitat mir-Reġjun Awtonomu, peress li, fil-fatt, jispeċifika li kien “[k]onformement mad-direttivi ppubblikati mir-Reġjun [Awtonomu li] SOGAER [kienet] fasslet pjan ta’ attivitajiet li jiddeskrivi l-istrateġija u l-azzjonijiet li [kellhom jiġu] implimentati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ żvilupp tat-traffiku”; li “[i]l-finanzjament tal-pjan ta’ attivitajiet [kien] suġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Kunsill Reġjonali skont l-Artikolu 3(3) tal-Liġi [Nru 10/2010]”; li “ir-Reġjun [Awtonomu] u SOGAER [kienu] jistennew żieda fir-reklamar ġenerali ta’ Cagliari, [tal‑]ajruport u [tan‑]nofsinhar ta’ Sardegna[; u li b’[riżultat ta’ dawn is-servizzi ta’ marketing, kemm ir-Reġjun [Awtonomu] kif ukoll SOGAER kienu jistennew żieda fit-traffiku ta’ passiġġieri u dħul ekonomiku pożittiv għall-ajruport ta’ Cagliari u għaż-żona moqdija minnu”.

97      F’dak li jirrigwarda l-fatt li l-imsemmija operaturi kkontrollaw it-twettiq tal-pjanijiet ta’ attivitajiet, dan ma jimplikax li huma kellhom awtonomija fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, l-introduzzjoni ta’ klawżoli penali fil-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-ajru msieħba hija spjegata fuq kollox mir-rieda tal-operaturi tal-ajruporti li josservaw l-obbligi tagħhom, kif previsti fid-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, sabiex jiżguraw li jiksbu effettivament il-finanzjament mitlub mingħand ir-Reġjun Awtonomu u li huma kienu ħallsu bil-quddiem b’eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti. Mill-perspettiva tal-interess tar-Reġjun Awtonomu u kif issostni l-Kummissjoni, l-obbligu impost fuq l-operaturi tal-ajruporti li jipprevedu mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet kien intiż li jipproteġi l-investiment pubbliku, billi jiggarantixxi li l-fondi mogħtija jintużaw korrettament u jagħtu lok għas-servizzi mistennija bil-għan li jiġi promoss it-turiżmu f’Sardegna. Dan japplika wkoll għall-mekkaniżmu ta’ segwitu, f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni mill-operaturi tal-ajruporti lir-Reġjun Awtonomu kemm ta’ rapporti kull tliet xhur kif ukoll tad-dokumenti kollha ta’ kontabbiltà u kuntrattwali ta’ sostenn bil-għan li jinkisbu l-aħħar porzjonijiet ta’ ħlas tal-finanzjament offrut mill-imsemmi reġjun.

98      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegata awtonomija deċiżjonali tal-operaturi tal-ajruporti fid-definizzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mal-kumpanniji tal-ajru kontraenti abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża għandu jiġi miċħud bħala infondat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-premessi 355 sa 361 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-operaturi tal-ajruporti setgħu jitqiesu li kienu intermedjarji bejn ir-Reġjun Awtonomu u l-kumpanniji tal-ajru, li ttrasferixxew it-totalità tal-fondi rċevuti mir-Reġjun Awtonomu u li b’dan il-mod aġixxew skont l-istruzzjonijiet irċevuti mill-imsemmi reġjun permezz tal-pjanijiet ta’ attivitajiet approvati minn dan tal-aħħar.

c)      Fuq l-identifikazzjoni żbaljata tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u l-assenza ta’ vantaġġ għall-kumpanniji tal-ajru

99      Ir-rikorrenti ssostni li l-operaturi tal-ajruporti kienu l-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża sa fejn din taffitilhom l-ispejjeż li normalment kien ikollhom isostnu sabiex jiksbu s-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratti kontenzjużi, kemm dawk relatati ma’ miri ta’ frekwenza tar-rotot tal-ajru u ta’ volum ta’ passiġġieri kif ukoll dawk li jirrigwardaw servizzi ta’ marketing. Għaldaqstant, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża tikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ sussidju tal-operaturi tal-ajruporti bil-għan li dawn jiksbu mingħand kumpanniji tal-ajru servizzi relatati mal-attivitajiet 1 u 2. Dan il-mekkaniżmu jtaffi spejjeż li l-operaturi tal-ajruporti normalment kien ikollhom isostnu sabiex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom stess. Għaldaqstant, l-imsemmija operaturi tal-ajruporti kisbu dħul ekonomiku permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet mar-rikorrenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-estensjoni taż-żona moqdija minnhom u taż-żieda fit-traffiku ta’ passiġġieri.

100    Il-fatt li, bħala kumpannija tal-ajru, ir-rikorrenti, b’eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti, ipprovdiet attivitajiet ta’ marketing li jippromwovu r-rotot tal-ajru li hija kienet topera ma jeliminax l-interess ekonomiku tal-operaturi tal-ajruporti li jiksbu tali servizzi permezz ta’ kuntratti. Fil-fatt, il-kuntratti konklużi bejn dawn tal-aħħar u r-rikorrenti żvelaw interess ekonomiku reali tagħhom li jiksbu s-servizzi kontenzjużi, interess li l-Kummissjoni rrikonoxxiet f’deċiżjonijiet preċedenti u li jwassal lil diversi ajruporti sabiex jużaw servizzi analogi mingħand kumpanniji tal-ajru. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-ftehimiet huma komuni fil-qasam ajrunawtiku, kif jikkonferma l-fatt li, f’dan il-każ, l-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni ffinanzjaw dawn il-kuntratti parzjalment mill-fondi tagħhom stess. Għaldaqstant, is-servizzi li hija pprovdiet b’eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti kienu reali u, anki jekk l-attivitajiet previsti fihom kienu jikkorrispondu għall-interess ekonomiku tagħha stess, il-fatt li setgħet tislet vantaġġ ekonomiku mill-imsemmija ftehimiet kummerċjali ma jistax jipprova li r-rikorrenti rċeviet għajnuna mill-Istat illegali min-naħa tar-Reġjun Awtonomu.

101    Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-operaturi tal-ajruporti kienu benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, meta huma kienu d-destinatarji diretti tal-ħlasijiet mir-Reġjun Awtonomu, inqas u inqas bl-argument illoġiku li l-imsemmija skema ma kinitx maħsuba sabiex tittrasferixxi l-effetti sekondarji tagħha lill-ajruporti.

102    F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-operaturi tal-ajruporti kellhom interess li jipparteċipaw, bħala intermedjarji, fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, peress li t-twettiq mill-kumpanniji tal-ajru tal-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ frekwenza tar-rotot tal-ajru u ta’ miri fir-rigward ta’ volum ta’ passiġġieri kif ukoll il-provvista tas-servizzi ta’ marketing tagħhom kellhom l-effett li jżidu l-frekwentazzjoni tal-ajruporti kkonċernati u, neċessarjament, id-dħul mill-ajruporti u mhux mill-ajruporti tal-operaturi tagħhom.

103    Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni b’mod partikolari waqt is-seduta, ma huwiex probabbli li, fl-assenza tal-finanzjament mir-Reġjun Awtonomu, l-operaturi tal-ajruporti kien ikollhom fondi suffiċjenti, f’dan il-każ għexieren ta’ miljuni ta’ euro, sabiex iwettqu akkwisti ta’ tali portata, mingħand kumpanniji tal-ajru, ta’ obbligi li jiftħu rotot tal-ajru u li jilħqu miri ta’ traffiku ta’ passiġġieri kif ukoll ta’ servizzi ta’ marketing u lanqas ma kienu neċessarjament jikkonkludu, fl-istrateġiji ta’ espansjoni tagħhom, dawn it-tipi ta’ kuntratti. Għall-kuntrarju, jidher li l-imsemmija operaturi impenjaw ruħhom kuntrattwalment mal-kumpanniji tal-ajru biss bil-garanzija tar-Reġjun Awtonomu li jirċievu l-fondi korrispondenti mingħand dan tal-aħħar.

104    Dan huwa kkorroborat mill-fatt li, f’dan il-każ, l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia ma kinux użaw is-servizzi ta’ marketing tar-rikorrenti, u lanqas ma kkonkludew ftehimiet li jirrigwardaw frekwenzi tas-servizz bl-ajru jew miri fir-rigward ta’ passiġġieri, qabel l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u li, wara s-sospensjoni tal-imsemmija skema, l-imsemmija operaturi, fl-assenza ta’ finanzjament mir-Reġjun Awtonomu, ma ddeċidewx mar-rikorrenti li jikkonkludu kuntratti ġodda li jirrigwardaw servizzi analogi. Fl-aħħar mill-aħħar, kif osservat il-Kummissjoni, ix-xiri tal-imsemmija servizzi kien relatat inqas ma’ ħtieġa kummerċjali tal-operaturi tal-ajruporti milli mad-deċiżjoni ta’ dawn tal-aħħar li jipprovdu l-assistenza tagħhom fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża stabbilita mir-Reġjun Awtonomu. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li, permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu taffa spejjeż li l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia normalment kien ikollhom isostnu.

105    Din il-konklużjoni ma titqigħedx fid-dubju mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-operaturi tal-ajruporti rremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru wkoll mill-fondi tagħhom stess. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti tonqos milli tipprova x’ammonti ħallsu l-operaturi tal-ajruporti mill-fondi tagħhom stess mingħajr ma kisbu jew talbu r-rimbors sussegwenti tagħhom mingħand ir-Reġjun Awtonomu abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, minkejja li l-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma r-rikorrenti tipproduċi l-prova kuntrarja, li l-operaturi tal-ajruporti użaw fondi tagħhom stess biss fi proporzjonijiet żgħar ħafna u unikament bil-għan li jissodisfaw l-impenji kuntrattwali residwi tagħhom wara s-sospensjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża mir-Reġjun Awtonomu. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, dawn l-allegati investimenti tal-operaturi tal-ajruporti stess ma jaqgħux taħt l-obbligu ta’ rimbors previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u ma jirriflettux teħid ta’ riskji kummerċjali sinjifikattiv b’rabta mal-użu tal-fondi li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu.

106    F’dak li jirrigwarda s-servizzi li kienu s-suġġett tal-kuntratti kontenzjużi, barra mill-fatt, li ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, li l-kumpanniji tal-ajru kontraenti ma ntgħażlux wara proċedura ta’ natura li tiggarantixxi li r-Reġjun Awtonomu, permezz tal-operaturi tal-ajruporti, irremunerahom bil-prezzijiet tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li, wara li ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali tipproduċi dokumenti probatorji f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pproduċiet materjal ta’ reklamar u kuntrattwali li jikkonferma li, kif qieset il-Kummissjoni fil-premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata, il-promozzjoni ta’ ċerti bliet u reġjuni li sservi r-rikorrenti ġeneralment hija intrinsikament marbuta, fis-sit internet tagħha, mal-promozzjoni tat-titjiriet operati minnha stess. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, fl-assenza tal-kuntratti ta’ marketing iffirmati ma’ SOGAER u ma’ GEASAR, ma huwiex eskluż li r-rikorrenti xorta waħda kienet torganizza l-promozzjoni tar-rotot tal-ajru tagħha minn u lejn Sardegna bl-istess mod kif ma huwiex stabbilit li, b’eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti, ir-rikorrenti żviluppat attività promozzjonali sostanzjalment iktar sinjifikattiva minn dik normalment imwettqa bil-għan li tippromwovi direttament it-titjiriet tagħha stess.

107    Għalhekk il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta rrilevat, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ marketing inxtraw mill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni, f’dan il-każ bil-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Reġjun Awtonomu, sabiex jippromwovu l-operat tar-rotta jew tar-rotot tal-ajru operati mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti u li għall-ftuħ jew għaż-żamma tagħhom huma ġew irremunerati fil-kuntest tal-attività 1.

108    Bl-istess mod, il-Kummissjoni setgħet ukoll tikkonkludi li l-kumpanniji tal-ajru ġew irremunerati mir-Reġjun Awtonomu sabiex jippromwovu s-servizzi tagħhom stess bħala kumpanniji tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑53/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:943, punt 271; tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:952, punt 167; tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:953, punt 230, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑111/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:954, punt 232), minkejja li dawn kienu spejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar li l-kumpanniji tal-ajru inkwistjoni, inkluża r-rikorrenti, kellhom bħala prinċipju jsostnu.

109    Bl-istess mod, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-operaturi tal-ajruporti ma kinux benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, it-twettiq mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti tas-servizzi mixtieqa u ffinanzjati mir-Reġjun Awtonomu kellu l-effett li żied it-traffiku tal-ajru u l-volum ta’ passiġġieri lejn u mill-ajruporti kkonċernati, ħaġa li kienet timplika żieda fir-riżorsi mill-ajruporti u mhux mill-ajruporti tal-operaturi tagħhom. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, dan huwa effett sekondarju tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li minnha bbenefika s-settur turistiku ta’ Sardegna kollu kemm hu, inkluża, barra minn hekk, ir-rikorrenti, li, b’ċertu mod, kisbet ukoll tali vantaġġ sekondarju permezz ta’ żieda fil-bejgħ tas-servizzi offruti abbord l-ajruplani tagħha. Madankollu, il-vantaġġ immedjat li huwa s-suġġett tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u li ma nkisibx f’kundizzjonijiet normali tas-suq kien ikkostitwit mill-ħlasijiet imwettqa lill-kumpanniji tal-ajru.

110    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrenti dwar l-allegat żball tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u fil-konstatazzjoni ta’ vantaġġ favur ir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

d)      Fuq il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq

111    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma evalwatx korrettament l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, għaliex ma applikatx, kif messha għamlet, il-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq kemm fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu kif ukoll fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti. Bl-istess mod, hija tikkritikaha għal nuqqas ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkonstata li l-attivitajiet li hija pprovdiet ikkontribwixxew b’mod sinjifikattiv għall-iżvilupp tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia u li, fi kwalunkwe każ, peress li fl-2013 l-operaturi tal-ajruporti komplew jiffinanzjaw l-attivitajiet koperti mill-kuntratti inkwistjoni, dan jipprova li s-sena finanzjarja 2012 kienet daqstant ieħor konformi mal-kriterju tal-investitur privat.

112    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq kemm fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu kif ukoll fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, li jirriżulta mill-Artikolu 345 TFUE, tippreżupponi neċessarjament li l-awtorità pubblika inkwistjoni timpenja ruħha fi tranżazzjoni ekonomika u li jkollha rabta mal-benefiċjarju, billi tkun proprjetarja jew azzjonista tiegħu jew billi żżomm ishma f’din l-entità.

113    Minn naħa, il-Kummissjoni tirrileva li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-Repubblika Taljana ma kinitx issuġġerixxiet l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu u li fi kwalunkwe każ kien ċar li l-imsemmi reġjun kien qiegħed ifittex mhux li jagħmel profitt, iżda li jilħaq għanijiet ta’ politika pubblika, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-ekonomija b’mod ġenerali billi jiġu attirati iktar turisti. Issa, tali għan ma jittiħidx inkunsiderazzjoni minn operatur privat li jwettaq investiment. Fi kwalunkwe każ, ir-Reġjun Awtonomu ma setax jitqies li kien operatur tal-ajruport li jfittex li jinvesti, speċjalment peress li kien jikkontrolla biss l-ajruport ta’ Alghero, li ma huwiex inkwistjoni f’dan il-każ. Għaldaqstant, l-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma tistax titqies li tirriżulta minn deċiżjoni ta’ investiment tal-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist.

114    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li lanqas f’dak li jirrigwarda l-operaturi tal-ajruporti ma kienet iġġustifikata l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, peress li, meta kkonkludew id-diversi ftehimiet tagħhom mal-kumpanniji tal-ajru, huma sempliċement kienu qegħdin jimplimentaw l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża maħsuba mir-Reġjun Awtonomu sabiex tiżdied il-frekwentazzjoni tal-gżira mit-turisti li jivvjaġġaw bl-ajru. Għaldaqstant, huma ma mmobilizzawx il-fondi tagħhom stess għall-ħlas tas-servizzi koperti mill-imsemmija ftehimiet, iżda użaw il-fondi pprovduti mir-Reġjun Awtonomu, u b’dan il-mod ittrasferixxew riżorsi tal-Istat skont l-intenzjoni u d-direttivi tal-imsemmi Reġjun Awtonomu. Għaldaqstant, dawn it-tranżazzjonijiet ma twettqux f’kundizzjonijiet normali tas-suq mingħajr l-intervent inkwistjoni tal-Istat, filwaqt li għandu jitqies, barra minn hekk, li l-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni f’dan il-każ ma humiex miżmuma mill-awtorità pubblika.

1)      Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru

115    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat l-inapplikabbiltà tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tat-tranżazzjonijiet imwettqa bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru, għar-raġuni, essenzjalment, li l-miżuri eżaminati kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna stabbilita minn awtorità pubblika għal raġunijiet ta’ politika pubblika, li kienet tkopri diversi ajruporti, li minnhom wieħed biss kien miżmum mir-Reġjun Awtonomu, u mhux ftehim individwali bejn ajruport u kumpannija tal-ajru. Barra minn hekk, għall-Kummissjoni, kien ċar li l-operaturi tal-ajruporti ma kinux aġixxew bħala operaturi f’ekonomija tas-suq meta kienu kkonkludew id-diversi kuntratti mal-kumpanniji tal-ajru. Fil-fatt, huma sempliċement implimentaw skema ta’ għajnuna maħsuba mir-Reġjun Awtonomu sabiex jiżdied it-trasport bl-ajru għall-benefiċċju ġenerali tat-territorju tal-gżira ta’ Sardegna.

116    F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fid-dawl tal-awtonomija tal-operaturi tal-ajruporti fl-użu tal-fondi pprovduti mir-Reġjun Awtonomu u fid-definizzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mal-kumpanniji tal-ajru, dan għandu jiġi miċħud għall-motivi diġà esposti fil-punti 102 sa 110 iktar ’il fuq.

117    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti u kuntrarjament għal dak li kien il-każ fid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li hija ssemmi, iż-żewġ operaturi tal-ajruporti kkonċernati f’dan il-każ, jiġifieri dawk ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, fi kwalunkwe każ ma humiex miżmuma mir-Reġjun Awtonomu. Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, sabiex tista’ tiġi prevista l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għal tranżazzjoni finanzjarja bejn żewġ impriżi bil-għan li jsir magħruf jekk, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 345 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 29; tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, EU:C:1991:136, punt 20, u tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑358/94, EU:T:1996:194, punt 70), din it-tranżazzjoni tissodisfax razzjonalità ekonomika li teskludi li din tista’ tagħti lok għall-għoti ta’ vantaġġ mill-ewwel impriża lit-tieni waħda, huwa neċessarju li l-ewwel impriża tkun miżmuma mill-Istat u li dan tal-aħħar jista’ jitqies li qiegħed jaġixxi bħala investitur li jistenna dħul ekonomiku ftit jew wisq fit-tul mill-investiment tiegħu.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, indipendentement mill-istabbiliment ta’ pjanijiet tal-operat mill-kumpanniji tal-ajru u/jew ta’ analiżi ex ante tal-profittabbiltà tal-investimenti magħmula mill-operaturi tal-ajruporti, kif invokati mir-rikorrenti, jidher li, minn naħa, l-imsemmija operaturi ma kinux miżmuma mir-Reġjun Awtonomu u li, min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, dawn tal-aħħar sempliċement użaw il-flus imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Reġjun Awtonomu sabiex jakkwistaw servizzi skont l-istruzzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

119    Minn dan jirriżulta li, kif qieset ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-operaturi tal-ajruporti llimitaw ruħhom essenzjalment li jimplimentaw l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija operaturi ma kinux miżmuma mill-Istat, it-tranżazzjonijiet imwettqa bejn il-kumpanniji tal-ajru u l-operaturi tal-ajruporti ma kinux intiżi li jiġu eżaminati fid-dawl tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, minkejja li dawn it-tranżazzjonijiet twettqu permezz ta’ riżorsi tal-Istat, f’dan il-każ tar-Reġjun Awtonomu.

120    Din il-konstatazzjoni ma titqigħedx fid-dubju mill-fatt, anki jekk jitqies li ġie stabbilit, li l-operaturi tal-ajruporti rremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru wkoll mill-fondi tagħhom stess. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti tonqos milli tipprova x’ammonti ħallsu l-operaturi tal-ajruporti mill-fondi tagħhom stess mingħajr ma kisbu jew talbu r-rimbors sussegwenti tagħhom mingħand ir-Reġjun Awtonomu abbażi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, minkejja li l-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma r-rikorrenti tipproduċi l-prova kuntrarja, li l-operaturi tal-ajruporti użaw fondi tagħhom stess biss fi proporzjonijiet żgħar ħafna u unikament bil-għan li jissodisfaw l-impenji kuntrattwali residwi tagħhom wara s-sospensjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża mir-Reġjun Awtonomu. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, dawn l-allegati investimenti tal-operaturi tal-ajruporti stess ma jaqgħux taħt l-obbligu ta’ rimbors previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u ma jirriflettux teħid ta’ riskji kummerċjali sinjifikattiv b’rabta mal-użu tal-fondi li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu.

121    Għalhekk l-argument tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu

122    Fil-premessi 380 sa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabelxejn osservat li r-Repubblika Taljana ma kienet siltet ebda argument mill-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq; li xejn ma kien jindika li r-Reġjun Awtonomu aġixxa skont dan il-prinċipju meta kien stabbilixxa l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u li kien ċar li, permezz tal-istabbiliment tal-imsemmija skema, huwa kien fittex li jilħaq għanijiet ta’ politika pubblika, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-ekonomija reġjonali billi jiġu attirati iktar turisti, iktar milli jikseb profitti fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju. Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat l-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti u tar-Reġjun Awtonomu sabiex tikkonkludi li dan ma kienx japplika fil-każ inkwistjoni.

123    Ir-rikorrenti tqis li hija żbaljata l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha r-Reġjun Awtonomu ma aġixxiex bħala investitur privat f’ekonomija tas-suq.

124    Madankollu, f’dan il-każ, peress li r-Reġjun Awtonomu ma jżommx l-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, li huma biss huma inkwistjoni f’dan il-każ, ma jistax jitqies li dan tal-aħħar aġixxa bħala investitur. Għall-kuntrarju, jidher li r-Reġjun Awtonomu stabbilixxa l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża unikament għall-finijiet tal-iżvilupp ekonomiku tal-gżira ta’ Sardegna.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi, b’mod partikolari fil-premessi 380 sa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx obbligata tanalizza jekk, permezz tal-finanzjament li kien is-suġġett tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu kienx wettaq investiment paragunabbli ma’ dak ta’ investitur privat. Għaldaqstant, hija setgħet tqis li l-analiżijiet ex ante tal-profittabbiltà ekonomika tal-kuntratti ta’ servizzi konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u r-rikorrenti ma kinux rilevanti, peress li, f’dan il-każ, ir-Reġjun Awtonomu, li aġixxa esklużivament bħala awtorità pubblika, ma setax jistenna dividendi, qligħ kapitali jew kwalunkwe forma oħra ta’ profitt paragunabbli ma’ dawk li jikseb investitur privat.

126    Fuq dan il-punt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-eventwali żieda fir-riżorsi fiskali ta’ entità pubblika, bħar-Reġjun Awtonomu, minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ politika pubblika, ma tistax tiġi assimilata, u lanqas ma tista’ tiġi pparagunata, mal-qligħ li investitur privat jistenna mill-investimenti tiegħu, peress li din ma hijiex tal-istess natura bħal vantaġġ finanzjarju li operatur jistenna minn wieħed mill-investimenti tiegħu. Fil-fatt, hawnhekk huma inkwistjoni benefiċċji makroekonomiċi mistennija mill-intervent pubbliku fil-kuntest ta’ politika ekonomika, li ma taqax taħt il-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, iżda taħt il-prinċipji ta’ razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku.

127    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jfittex li jitqies li r-Reġjun Awtonomu, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża adottata fil-kuntest ta’ politika ekonomika ġenerali, aġixxa bħala investitur b’mod li tkun iġġustifikata l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq.

128    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-ħlasijiet imwettqa mir-Reġjun Awtonomu lill-kumpanniji tal-ajru permezz tal-operaturi tal-ajruporti fil-kuntest tal-attività 1 u tal-attività 2 kellhom jitqiesu li kienu sussidji mogħtija lill-kumpanniji tal-ajru sabiex dawn joperaw iktar titjiriet lejn u mill-gżira ta’ Sardegna.

129    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, peress li r-Reġjun Awtonomu ma jżommx l-ajruporti kollha tal-gżira ta’ Sardegna, li huma l-uniċi entitajiet li jistgħu jiftiehmu kuntrattwalment dwar l-użu tal-infrastrutturi tal-ajruporti li huma jamministraw, b’mod partikolari dwar il-ftuħ tar-rotot tal-ajru ġodda, ir-Reġjun Awtonomu, bħala awtorità pubblika, ma setax jakkwista dan it-tip ta’ servizzi direttament mingħand il-kumpanniji tal-ajru. Issa, kif jirriżulta mill-premessi 312 u 314 tad-deċiżjoni kkontestata, l-operatur tal-ajruport ta’ Cagliari-Elmas ikkonferma li, minn naħa, ir-Reġjun Awtonomu, permezz tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, talab servizz li kien jikkonsisti fl-għażla ta’ kumpanniji tal-ajru li kienu kapaċi jilħqu l-miri annwali ffissati għall-frekwenza u għall-volum ta’ passiġġieri fuq rotot strateġiċi minn u lejn l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas u li, min-naħa l-oħra, dan is-servizz ġie pprovdut mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti magħżula mill-operaturi tal-ajruporti.

130    Mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża jirriżulta wkoll li s-servizzi ta’ marketing ipprovduti mill-kumpanniji tal-ajru kellhom l-għan li jippromwovu l-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika.

131    Għaldaqstant, għalkemm ma jistax jitqies li, meta adotta l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu aġixxa bħala investitur, għandu madankollu jitqies li l-imsemmi reġjun aġixxa bħala akkwirent ta’ servizzi, b’mod partikolari ta’ marketing. Dan huwa dak li, barra minn hekk, enfasizzat ir-rikorrenti, b’mod partikolari fir-replika, meta rrilevat li r-Reġjun Awtonomu “kien involva kumpannija orjentata lejn is-suq sabiex takkwista servizzi f’suq, jiġifieri servizzi ta’ marketing u postijiet tal-passiġġieri”.

132    Fil-fatt, minn naħa, l-ammonti li rċeviet ir-rikorrenti kienu jikkorrispondu għall-provvista ta’ servizzi bi tweġiba għal ordni tar-Reġjun Awtonomu li fir-rigward tagħha l-operaturi tal-ajruporti kellhom biss rwol ta’ intermedjarji bejn l-awtorità kontraenti u l-fornituri ta’ dawn is-servizzi. Min-naħa l-oħra, kif issostni r-rikorrenti, il-kumpanniji tal-ajru pprovdew servizzi, kemm fir-rigward tal-impenji dwar rotot tal-ajru u volum ta’ traffiku ta’ passiġġieri kif ukoll fir-rigward ta’ marketing, li jistgħu jiġu offruti lill-operaturi tal-ajruporti fis-settur tat-trasport bl-ajru.

133    F’dan ir-rigward, miżura statali favur impriża ma tistax tiġi eskluża a priori mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat previst fl-Artikolu 107 TFUE sempliċement minħabba li l-partijiet jimpenjaw ruħhom li jwettqu servizzi reċiproċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1999, BAI vs Il‑Kummissjoni, T‑14/96, EU:T:1999:12, punt 71).

134    F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-akkwist ta’ servizzi mill-awtorità pubblika, dan l-akkwist bħala prinċipju għandu jsir billi jiġu segwiti r-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-dritt sekondarju tal-Unjoni. F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ tali proċedura ta’ sejħa għal offerti, imwettqa qabel xiri ta’ servizzi minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru, normalment titqies li hija suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li dan l-Istat Membru jista’ jagħti vantaġġ lill-impriża fornitriċi magħżula li altrimenti hija ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, EU:T:2003:217, punt 118).

135    F’dan il-każ, l-akkwist tas-servizzi inkwistjoni ma sarx mir-Reġjun Awtonomu stess, li, bħala awtorità pubblika, kien ikun suġġett għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, dan l-akkwist sar permezz ta’ operaturi oħra, li f’din is-sitwazzjoni ma kinux suġġetti għall-imsemmija regoli, f’dan il-każ l-operaturi tal-ajruporti, li ġew inkarigati jiksbu fis-suq is-servizzi mixtieqa mir-Reġjun Awtonomu u li dan tal-aħħar iffinanzja.

136    F’tali sitwazzjoni, is-sempliċi fatt li Stat Membru jixtri servizzi li, kif issostni r-rikorrenti, ġew allegatament offruti bil-kundizzjonijiet tas-suq ma huwiex suffiċjenti sabiex din l-operazzjoni tikkostitwixxi tranżazzjoni kummerċjali mwettqa taħt kundizzjonijiet li operatur privat kien jaċċetta, jew, fi kliem ieħor, tranżazzjoni kummerċjali normali. Fil-fatt, f’sitwazzjoni ta’ dan it-tip, huwa neċessarju, minn naħa, li l-Istat kellu bżonn reali ta’ dawn is-servizzi u, min-naħa l-oħra, li l-akkwist ta’ dawn is-servizzi jkun sar permezz ta’ proċedura miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja ta’ natura li tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-fornituri li jistgħu joffru s-servizzi inkwistjoni u li tiggarantixxi li s-servizzi inkwistjoni jiġu akkwistati bil-prezz tas-suq, liema prezz jiżgura li, meta jiġu akkwistati l-imsemmija servizzi, l-awtorità pubblika ma tagħtix vantaġġ lill-fornitur magħżul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, EU:T:2003:217, punti 112 sa 120; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il‑Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 93 u 94, u tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 32).

137    F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-finanzjament ipprovdut mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kienx jikkostitwixxi remunerazzjoni għal prodotti jew għal servizzi li jissodisfaw bżonnijiet ġenwini tar-Reġjun Awtonomu u li ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa u trasparenti ma kienet ġiet segwita sabiex tiġi pprovduta l-għajnuna finanzjarja lill-kumpanniji tal-ajru kkonċernati.

138    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li qieset il-Kummissjoni, ir-Reġjun Awtonomu, bħala awtorità pubblika li tfittex li tilħaq għanijiet ta’ politika ekonomika, seta’ jqis li huwa kellu bżonn jippromwovi l-gżira ta’ Sardegna bħala destinazzjoni turistika sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżira.

139    Madankollu, minn naħa, kif issostni l-Kummissjoni, il-portata bla preċedent tas-servizzi ta’ marketing iffinanzjati fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża hija ta’ natura li tqiegħed fid-dubju l-fatt li dawn is-servizzi kienu jissodisfaw, b’mod proporzjonat u fid-dawl tal-prinċipji ta’ razzjonalizzazzjoni tal-infiq pubbliku, il-bżonnijiet reali tar-Reġjun Awtonomu bil-għan li jfittex li jilħaq l-għanijiet tiegħu ta’ żvilupp ekonomiku tal-gżira ta’ Sardegna.

140    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata indirizzat il-kwistjoni tal-organizzazzjoni ta’ sejħiet għal offerti bil-għan li jiġu konklużi ftehimiet mill-operaturi tal-ajruporti għaliex l-organizzazzjoni ta’ tali sejħiet għal offerti setgħet tipprova l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet tas-suq u, għaldaqstant, l-assenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

141    Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li, bil-għan li jiġu akkwistati s-servizzi ta’ żieda fit-traffiku tal-ajru u ta’ marketing, la r-Reġjun Awtonomu u lanqas l-operaturi tal-ajruporti, li aġixxew bħala intermedjarji, ma organizzaw proċeduri ta’ sejħa għal offerti miftuħa u trasparenti ta’ natura li jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn fornituri u l-akkwist tal-imsemmija servizzi, mir-Reġjun Awtonomu u permezz ta’ riżorsi tal-Istat imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-ajruporti, bi prezzijiet tas-suq.

142    Fil-fatt, huwa tabilħaqq paċifiku li l-operaturi tal-ajruporti ppubblikaw fis-siti internet rispettivi tagħhom sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess li fil-kuntest tagħhom il-kumpanniji tal-ajru interessati li jiftħu jew li jwettqu aġġustamenti staġjonali ta’ wħud mir-rotot tal-ajru tagħhom, barra minn dawk li diġà kienu s-suġġett ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, u li jipprovdu servizzi ta’ marketing, setgħu joffru s-servizzi tagħhom lill-operaturi tal-ajruporti.

143    Madankollu, dawn is-sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess ma jistgħux jitqiesu li huma ekwivalenti għal proċeduri ta’ sejħa għal offerti. Fil-fatt, wara li ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali tipproduċi dawn is-sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess kif ukoll l-offerti li hija kienet issottomettiet lill-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, ir-rikorrenti naqset milli tipproduċihom, billi spjegat li hija ma kinitx żammet dawn id-dokumenti. Lanqas il-Kummissjoni ma kienet f’pożizzjoni li tipproduċi l-imsemmija sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess. Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li kienu ġew iffissati kriterji preċiżi sabiex jintgħażlu l-kumpanniji tal-ajru kontraenti. Għall-kuntrarju, jidher li dawk kollha li kienu ssottomettew offerti ġew mistiedna jikkuntrattaw mal-operaturi tal-ajruporti kkonċernati u li, f’dak li jirrigwarda t-tarifikazzjoni tas-servizzi offruti, it-tariffi applikati mill-kumpanniji tal-ajru kienu jvarjaw. Issa, minkejja li kienu jidhru bħala evalwazzjonijiet finanzjarji approssimattivi u arrotondati, ir-rekwiżiti finanzjarji tal-kumpanniji tal-ajru madankollu taw lok għal rimborsi kważi sħaħ, mir-Reġjun Awtonomu, lill-operaturi li kienu għamlu ħlasijiet bil-quddiem fir-rigward tal-imsemmija servizzi.

144    F’dak li jirrigwarda r-realtà tas-servizzi offruti, ir-rikorrenti ma pprovatx realment b’liema mod hija kienet ipprovdiet b’mod konkret is-servizzi inkwistjoni, b’mod partikolari dawk ta’ marketing, marbuta speċifikament mal-kuntratti konklużi mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. Fil-fatt, il-materjal ta’ reklamar prodott fuq talba tal-Qorti Ġenerali ma huwiex speċifiku għall-kampanji ta’ reklamar inkwistjoni, iżda għal dawk tal-2015 li jirrigwardaw l-ajruporti tan-nofsinhar tal-Italja. F’dak li jirrigwarda l-fatturi tal-fornitur terz li hija ssostni li użat għat-tfassil tal-offerti bil-għan li tikseb il-kuntratti mal-imsemmija operaturi tal-ajruporti, l-ammonti ta’ kull xahar iffatturati minn dan il-fornitur huma biss ta’ xi eluf ta’ euro u, għaldaqstant, huma ammonti żgħar meta mqabbla mal-finanzjament miksub mir-Reġjun Awtonomu u, fi kwalunkwe każ, ma jippermettux li jiġi stabbilit li dawn kienu jirrigwardaw servizzi intiżi esklużivament għall-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia.

145    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata, fit-Taqsima 7.2.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Vantaġġ ekonomiku”, li l-ħlasijiet irċevuti mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti, bħar-rikorrenti, ma setgħux jitqiesu li kienu korrispettiv reali għas-servizzi ta’ marketing ipprovduti.

146    Barra minn hekk, barra mill-fatt li l-kumpanniji tal-ajru kontraenti ma ntgħażlux wara proċedura ta’ natura li tiggarantixxi li r-Reġjun Awtonomu, permezz tal-operaturi tal-ajruporti, irremunerahom bil-prezzijiet tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li, wara li ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali tipproduċi dokumenti probatorji f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pproduċiet materjal ta’ reklamar u kuntrattwali li jikkonferma li, kif qieset il-Kummissjoni fil-premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata, il-promozzjoni ta’ ċerti bliet u reġjuni li sservi r-rikorrenti ġeneralment hija intrinsikament marbuta, fis-sit internet tagħha, mal-promozzjoni tat-titjiriet operati minnha stess.

147    Għalhekk il-Kummissjoni kellha raġun tirrileva, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ marketing fil-kuntest tal-attività 2 inxtraw mill-operaturi tal-ajruporti inkwistjoni, f’dan il-każ bil-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Reġjun Awtonomu, sabiex jippromwovu l-operat tar-rotta jew tar-rotot tal-ajru operati mill-kumpanniji tal-ajru kontraenti u li għall-ftuħ jew għaż-żamma tagħhom huma ġew irremunerati fil-kuntest tal-attività 1.

148    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-kumpanniji tal-ajru ġew irremunerati mir-Reġjun Awtonomu sabiex jippromwovu s-servizzi tagħhom stess bħala kumpanniji tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑53/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:943, punt 271; tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:952, punt 167; tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑165/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:953, punt 229, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Ryanair u Airport Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, T‑111/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:954, punt 232), minkejja li dawn kienu spejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar li l-kumpanniji tal-ajru inkwistjoni, inkluża r-rikorrenti, kellhom bħala prinċipju jsostnu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatt li jintlaħqu l-miri fir-rigward ta’ frekwenzi tal-ajru u ta’ volum ta’ passiġġieri, li kienu s-suġġett tal-attività 1, kif ukoll il-provvista tas-servizzi ta’ marketing fil-kuntest tal-attività 2, kellhom l-effett li żiedu l-attività ekonomika tar-rikorrenti.

149    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, kif sostniet il-Kummissjoni, fl-assenza tal-finanzjament sinjifikattiv ipprovdut mir-Reġjun Awtonomu, l-operaturi tal-ajruporti, fl-istrateġiji ta’ espansjoni tagħhom, ma kinux neċessarjament jikkonkludu ftehimiet jew ftehimiet ta’ tali portata, jew saħansitra ma kinux ikunu f’pożizzjoni finanzjarja li jagħmlu dan. Dan huwa kkorroborat mill-fatt li, f’dan il-każ, l-operaturi tal-ajruporti ma kinux użaw is-servizzi ta’ marketing tar-rikorrenti qabel l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u li, wara s-sospensjoni ta’ din tal-aħħar, l-imsemmija operaturi, fl-assenza ta’ finanzjament mir-Reġjun Awtonomu, ma ddeċidewx li jikkonkludu kuntratti ġodda li jirrigwardaw servizzi analogi.

150    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi, fil-premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-finanzjament ipprovdut mir-Reġjun Awtonomu lill-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti, permezz tal-operaturi tal-ajruporti għall-finanzjament tal-attivitajiet 1 u 2 fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kien ta vantaġġ ekonomiku lill-kumpanniji tal-ajru kkonċernati, f’dan il-każ remunerazzjoni li huma ma kinux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

151    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tar-Reġjun Awtonomu għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3)      Fuq il-possibbiltà li l-finanzjament li jirrigwarda l-ajruport ta’ Olbia jitqies li huwa għajnuna għal attivitajiet ta’ marketing, għall-investiment jew għal ajruporti reġjonali

152    Ir-rikorrenti tistaqsi dwar ir-raġunijiet li għalihom “għajnuna indiretta mill-Istat għall-marketing permezz [tagħha]” issir għajnuna illegali meta “għajnuna diretta mill-Istat għall-marketing għall-operaturi tal-ajruporti ma hijiex illegali fid-dawl tal-iktar emendi reċenti” għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1). Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-għajnuna inkwistjoni setgħet titqies li hija għajnuna għall-investiment, peress li l-ajruport ta’ Olbia jilqa’ inqas minn tliet miljun passiġġier fis-sena.

153    Filwaqt li tidentifika l-argument tar-rikorrenti bħala li jirreferi għall-possibbiltà li tiġi eżentata l-għajnuna għall-attivitajiet ta’ marketing abbażi tar-Regolament Nru 651/2014, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li din il-possibbiltà hija limitata għall-ajruporti li jilqgħu inqas minn 200 000 passiġġier fis-sena, li ma huwiex il-każ tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, u, min-naħa l-oħra, li din hija għajnuna mogħtija lill-operaturi tal-ajruporti u mhux, bħal f’dan il-każ, lill-kumpanniji tal-ajru. Fl-aħħar nett, l-ammonti mħallsa għall-attivitajiet ta’ marketing ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “għajnuna għall-investiment”, peress li ma kinux intiżi li jiffinanzjaw assi fissi u, fi kwalunkwe każ, l-ilment huwa inammissibbli, għaliex tressaq għall-ewwel darba mir-rikorrenti fir-replika.

154    F’dan ir-rigward, fil-premessa 408 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li ebda regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ma kien ikopri l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, inkluż, konsegwentement, ir-Regolament Nru 651/2014 invokat mir-rikorrenti.

155    Barra minn hekk, huwa minnu li mill-Artikolu 14(1) sa (3) tar-Regolament Nru 651/2014 jirriżulta li l-miżuri ta’ għajnuna għall-investiment għal skopijiet reġjonali huma kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE u huma eżenti mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, sa fejn, b’mod partikolari, jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti minn dan l-artikolu, fosthom ir-rekwiżit li l-għajnuna tingħata f’żoni megħjuna, jiġifieri, skont l-Artikolu 2(27) tal-imsemmi regolament, lil “żoni speċifikati f’mappa tal-għajnuna reġjonali approvata għall-perjodu 1[ta’ Lulju]2014 – 31[ta’ Diċembru]2020 skont l- Artikoli 107(3)(a) u (c) tat-Trattat”. Issa, f’dak li jirrigwarda l-Italja, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014 ‑ 2020” (ĠU 2013, C 209, p. 1), kopriet biss ir-reġjuni ta’ Campania, ta’ Puglia, ta’ Basilicata, ta’ Calabria u ta’ Sicilia. Peress li r-reġjun ta’ Sardegna ma jidhirx fil-mappa tal-għajnuna għal skopijiet reġjonali għall-perijodu inkwistjoni, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 651/2014.

156    Bl-istess mod, l-għajnuna inkwistjoni ma tistax taqa’ taħt l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 651/2014 peress li din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss l-għajnuna għall-ajruporti li jinsabu f’reġjuni mbiegħda, li ma huwiex neċessarjament il-każ tal-ajruporti ta’ Sardegna, u peress li teżiġi li l-imsemmija għajnuna tibbenefika fit-totalità tagħha lill-konsumaturi finali li jkollhom ir-residenza normali tagħhom f’reġjun imbiegħed, ħaġa li manifestament ma tipprevedix l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

157    Anki jekk jitqies, kif tagħmel il-Kummissjoni, li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni tinvoka l-Artikolu 56a tar-Regolament Nru 651/2014, għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu ddaħħal permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1084 tal‑14 ta’ Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 651/2014 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna għal infrastruttura tal-port u tal-ajruport, livelli limitu ta’ notifika għal għajnuna għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u għajnuna għall-infrastrutturi għall-isport u għar-rikreazzjoni multifunzjonali, u l-iskemi ta’ għajnuna operatorja reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 702/2014 f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli (ĠU 2017, L 156, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 26, p. 53), u li għalhekk ma kienx applikabbli ratione temporis fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-investiment, peress li din ma kinitx tirrigwarda assi fissi tal-operaturi tal-ajruporti, iżda kienet tibbenefika lill-kumpanniji tal-ajru.

158    Konsegwentement, indipendentement min-nuqqas ta’ ċarezza tiegħu, li kien jiġġustifika li jiġi miċħud bħala inammissibbli, għandu jiġi konkluż li, anki jekk isir tentattiv sabiex isir jinftiehem, l-argument tar-rikorrenti jista’ biss jiġi miċħud bħala manifestament infondat, peress li, kuntrarjament għall-premessa li fuqha tibbaża ruħha r-rikorrenti, għajnuna tat-tip ta’ dik inkwistjoni f’dan il-każ ma setgħetx tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tar-Regolament Nru 651/2014 anki li kieku tqies li ġiet attribwita lill-operaturi tal-ajruporti.

159    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

3.      Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ selettività tal-miżura ta’ għajnuna

160    Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv u jekk jitqies li hija tista’ titqies li hija benefiċjarja tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, ir-rikorrenti tikkontesta li din il-miżura tista’ tiġi kklassifikata bħala “selettiva”. Fil-fatt, il-kumpanniji tal-ajru li joperaw titjiriet minn jew lejn Alghero, Cagliari-Elmas u Olbia huma f’sitwazzjonijiet paragunabbli u f’kompetizzjoni ma’ xulxin. Huma kellhom aċċess indistintament għall-finanzjamenti mir-Reġjun Awtonomu sabiex jippromwovu t-trasport bl-ajru u kollha kemm huma setgħu jinnegozjaw mal-operaturi tal-ajruporti kuntratti dwar servizzi tal-ajruport u ta’ marketing. Barra minn hekk, il-kumpanniji tal-ajru li ma kinux benefiċjarji għażlu li ma jipparteċipawx u, konsegwentement, ma ġewx ittrattati b’mod diskriminatorju. F’dak li jirrigwarda l-kumpanniji tal-ajru li kkonkludew kuntratti mal-operaturi tal-ajruporti, dawn intgħażlu minn dawn tal-aħħar skont l-utilità tal-offerti tagħhom u mhux fid-dawl ta’ rekwiżiti stabbiliti mir-Reġjun Awtonomu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma pprovatx in-natura selettiva tal-għajnuna.

161    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala infondata, billi ssostni li l-argument tat-tip li tressaq mir-rikorrenti ġie miċħud diversi drabi mill-ġurisprudenza (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑379/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:422, punti 47 u 48). Peress li l-kumpanniji tal-ajru li joperaw mill-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia u li ma kkonkludewx kuntratti mal-operaturi tal-ajruporti rispettivi ma kinux jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, huwa stabbilit li l-imsemmija skema kienet selettiva. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-kumpanniji tal-ajru benefiċjarji ntgħażlu wara l-manifestazzjonijiet ta’ interess ippubblikati fuq l-internet ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li miżura tkun miftuħa għal kull impriża li tkun lesta tibbenefika minnha ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jipprekludi li din il-miżura tkun ta’ natura selettiva, mingħajr ir-riskju, jekk ikun il-każ, li jixxejjen totalment l-effett utli tal-Artikolu 107 TFUE. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma tidentifikax il-benefiċjarji tagħha abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. Fil-fatt, il-benefiċċju tal-miżura kien suġġett għal negozjati mal-operaturi tal-ajruporti b’mod li ma kienx jiggarantixxi li l-kumpanniji tal-ajru interessati jibbenefikaw mill-vantaġġ, u lanqas mill-ammont tiegħu, bl-istess mod kif ma żgurax li dawn il-kumpanniji jintgħażlu b’mod nondiskriminatorju.

162    Preliminarjament, għandu jitfakkar li n-natura speċifika ta’ miżura statali, jiġifieri n-natura selettiva ta’ din il-miżura, tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Sabiex jiġi vverifikat jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta, għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura statali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli fid-dawl tal-għan li l-miżura kkonċernata tfittex li tilħaq, filwaqt li għandu jiġi speċifikat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna mill‑Istat ma jirreferix għall-miżuri statali li jintroduċu differenzazzjoni bejn impriżi u li, għaldaqstant, huma a priori selettivi, meta din id-differenzjazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż li huma jagħmlu parti minnha (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza u France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, EU:T:2009:474, punti 228 u 229 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    F’dan il-każ, fil-premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat is-selettività tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża għar-raġuni li din ma setgħetx titqies li kienet skema ta’ applikazzjoni ġenerali u minħabba l-fatt li t-tfassil u l-implimentazzjoni tagħha kienu għall-benefiċċju esklużiv ta’ ċerti impriżi jew ċerti setturi ta’ attivitajiet, jiġifieri l-kumpanniji tal-ajru ffinanzjati mir-Reġjun Awtonomu permezz tal-operaturi tal-ajruporti. Għaldaqstant, hija rrilevat li l-kumpanniji tal-ajru li joperaw titjiriet minn u lejn l-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia u li ma kinux ikkonkludew ftehimiet mal-operaturi tal-ajruporti ma kinux jibbenefikaw mill-istess għajnuna finanzjarja tar-Reġjun Awtonomu jew, tal-inqas, ma kinux jibbenefikaw minn din l-għajnuna fil-kundizzjonijiet previsti mil-Liġi Nru 10/2010. Skont il-Kummissjoni, peress li l-benefiċċju tal-vantaġġ ekonomiku inkwistjoni kien irriżervat lil ċerti impriżi speċifiċi ta’ settur partikolari, jiġifieri t-trasport bl-ajru, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet selettiva.

164    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mhux il-kumpanniji tal-ajru kollha li joperaw titjiriet minn u lejn l-ajruporti ta’ Sardegna, b’mod partikolari dawk ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, qiesu li kien opportun li jippreżentaw offerta ta’ servizzi lill-operaturi tal-ajruporti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti ma kkonfermatx dan l-element, billi invokat is-sigriet kummerċjali tal-kumpanniji tal-ajru kkonċernati, ma huwiex eskluż li, fuq ir-rotot tal-ajru operati permezz ta’ titjiriet diretti mir-rikorrenti minn u lejn l-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia minn jew lejn ajruporti Ewropej, kumpanniji tal-ajru oħra kienu jew huma f’pożizzjoni li joffru trasport ekwivalenti b’konnessjoni minn ajruporti Ewropej oħra, ħaġa li timplika li dawn huma f’kompetizzjoni mar-rikorrenti. Bl-istess mod, din tal-aħħar hija f’kompetizzjoni ma’ kumpanniji tal-ajru li joperaw rotot li jaqgħu taħt obbligi ta’ servizz pubbliku minn u lejn l-ajruporti ta’ Sardegna, liema rotot kienu esklużi mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

165    Issa, peress li dawn il-kumpanniji kompetituri tar-rikorrenti ma kkonkludewx kuntratti mal-operaturi tal-ajruporti jew ma setgħux jikkonkludu tali kuntratti għar-raġuni li kienu joperaw rotot tal-ajru esklużi mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, dawn ma rċevewx il-vantaġġ allegat, minkejja li, fid-dawl tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u tal-miżuri meħuda fil-kuntest tal-attivitajiet 1 u 2, dawn il-kumpanniji tal-ajru li ma kinux benefiċjarji kkontribwixxew daqstant ieħor sabiex jiġu operati rotot tal-ajru għat-turisti, b’mod partikolari mill-Ewropa kontinentali, li xtaqu jżuru l-gżira ta’ Sardegna.

166    Għaldaqstant, peress li, barra minn hekk, in-natura selettiva ta’ miżura tiġi evalwata b’riferiment għat-totalità tal-impriżi, u mhux b’riferiment għall-impriżi benefiċjarji tal-istess vantaġġ fi ħdan l-istess grupp (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑222/04, EU:T:2009:194, punt 66), għandu jiġi kkonstatat li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ffavorixxiet ċerti impriżi meta mqabbla ma’ impriżi oħra li kienu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli fid-dawl tal-għan li l-miżura kkonċernata kienet qiegħda tfittex li tilħaq.

167    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-fatt li l-kumpanniji tal-ajru benefiċjarji kienu ntgħażlu wara sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess ippubblikati fuq l-internet, dan fi kwalunkwe każ ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, li kieku dan kien il-każ, kien ikun leġittimu għall-Istati Membri li jwettqu tali sejħiet għall-finijiet tal-għażla tal-benefiċjarji ta’ għajnuna sabiex ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE, ħaġa li tippreġudika l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

168    Huwa barra minn hekk għal din ir-raġuni li s-sempliċi fatt li miżura tista’ tibbenefika lill-operaturi kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti, jiġifieri li din tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha abbażi ta’ kriterji oġġettivi, ma jistabbilixxix fih innifsu n-natura ġenerali ta’ din il-miżura u ma jipprekludihiex milli tkun ta’ natura selettiva (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑379/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:422, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169    Barra minn hekk, fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-operaturi tal-ajruporti, li aġixxew bħala amministraturi tal-fondi pubbliċi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom mir-Reġjun Awtonomu, innegozjaw individwalment l-ammonti tal-inċentivi finanzjarji marbuta ma’ miri ta’ traffiku kif ukoll il-prezzijiet tas-servizzi ta’ marketing li huma kisbu r-rimbors tagħhom mingħand l-imsemmi reġjun. Bl-istess mod, huma ddeterminaw, taħt il-kontroll tar-Reġjun Awtonomu, il-volumi tas-servizzi li kellhom jiġu akkwistati, taħt dawn il-kundizzjonijiet tariffarji, mingħand il-kumpanniji tal-ajru. Din is-setgħa diskrezzjonali fil-modulazzjoni tal-ammonti individwalizzati hekk imħallsa, permezz ta’ kuntratti, lill-operaturi mill-fondi pprovduti mir-Reġjun Awtonomu tikkonferma, iktar u iktar, in-natura selettiva tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑241/94, EU:C:1996:353, punti 23 u 24, u tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, EU:T:2002:59, punt 154).

170    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

4.      Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv, dwar l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

171    Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-ħlasijiet magħmula favur tagħha mill-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia la wasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ma affettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, dawn jaqgħu taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal‑25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu [SIEĠ] (ĠU 2012, L 114, p. 8), b’mod partikolari għaliex jaqgħu taħt il-livell ta’ EUR 500 000 previst fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

172    Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala infondata.

173    Fid-dawl tal-intestatura tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, għandu jinftiehem li r-rikorrenti tqis li, peress li l-għajnuna kontenzjuża li tirrigwardaha kienet iktar baxxa minn dan il-livell ta’ EUR 500 000 previst mir-Regolament Nru 360/2012, ħaġa li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, din l-għajnuna ma setax ikollha l-effett li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, ħaġa li ser tiġi eżaminata fit-tieni lok.

a)      Fuq il-possibbiltà li l-għajnuna kontenzjuża li tirrigwarda lir-rikorrenti titqies li taqa’ taħt il-livell de minimis previst mir-Regolament Nru 360/2012

174    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 26) dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali, anness mat-Trattati UE u FUE (ĠU 2010, C 83, p. 308), jirrikonoxxi li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom rwol essenzjali u setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-SIEĠ b’mod li jissodisfaw kemm jista’ jkun il-ħtiġijiet tal-utenti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 106(2) TFUE jipprovdi b’mod partikolari li l-impriżi responsabbli sabiex joperaw SIEĠ għandhom ikunu suġġetti għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lilhom.

175    Għaldaqstant, l-Artikolu 106(2) TFUE jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, derogi mir-regoli ġenerali tat-Trattat u jfittex li jirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi, b’mod partikolari tas-settur pubbliku, bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali, mal-interess tal-Unjoni li jiġu osservati r-regoli tal-kompetizzjoni u li tiġi ppreżervata l-unità tas-suq intern. Fid-dawl tal-interess hekk iddefinit tal-Istati Membri, huma ma jistgħux jiġu pprojbiti milli jieħdu inkunsiderazzjoni, meta jiddefinixxu s-SIEĠ li bihom jinkarigaw lil ċerti impriżi, għanijiet speċifiċi għall-politika nazzjonali tagħhom u milli jfittxu li jwettquhom permezz ta’ obbligi u ta’ restrizzjonijiet li huma jimponu fuq l-imsemmija impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, EU:C:1997:501, punti 55 u 56, u tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, EU:C:1999:430, punti 103 u 104).

176    F’dan ir-rigward, bla ħsara b’mod partikolari għal regolament adottat f’dan il-qasam abbażi tal-Artikolu 14 TFUE, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-definizzjoni, b’mod ġenerali, ta’ dak li huma jqisu li huma SIEĠ, jiġifieri servizzi li għandhom karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla mal-interess ekonomiku ġenerali li għandhom attivitajiet ekonomiċi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 27, u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 45) u, b’mod partikolari, tal-funzjoni li huma jagħtu lil dawn is-SIEĠ (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il‑Kummissjoni, T‑137/10, EU:T:2012:584, punt 191). Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss f’każ ta’ żball manifest (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il‑Kummissjoni, T‑17/02, EU:T:2005:218, punt 216, u tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punti 166 u 169), b’mod partikolari meta l-Istat Membru jkun eżerċita din is-setgħa b’mod arbitrarju sempliċement sabiex jevita li settur partikolari jaqa’ taħt l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 168).

177    Madankollu, f’dak li jirrigwarda deroga mir-regoli fundamentali tat-Trattat, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-Artikolu 106(2) TFUE li għandu jipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, EU:C:1997:501, punt 94). L-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u li dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 89).

178    Ir-Regolament Nru 360/2012 invokat mir-rikorrenti sempliċement jimplimenta dawn il-kontribuzzjonijiet tal-ġurisprudenza. L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 360/2012 għaldaqstant ifakkar li hija biss “[g]ħajnuna mogħtija lil impriżi għall-forniment ta’ [SIEĠ] [li] għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa ta’ notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat”.

179    Fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod iktar partikolari fil-premessi 379 u 411, il-Kummissjoni rrilevat li r-rotot li huma s-suġġett ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU 2008, L 93, p. 3), li jeżistu f’Sardegna, kienu espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 10/2010, li kienet kjarament maħsuba bħala sistema parallela għas-sistema ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku skont ir-Regolament Nru 1008/2008. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li obbligi fil-kuntest ta’ SIEĠ setgħu jiġu imposti biss fir-rigward ta’ rotta speċifika jew grupp ta’ rotot speċifiċi, u ma jisgħux jiġu imposti b’mod ġeneriku fir-rigward ta’ kwalunkwe rotta regolari li toriġina minn ajruport, belt jew reġjun partikolari.

180    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tonqos milli tipprova li hija ġiet inkarigata b’SIEĠ fil-kuntest ta’ kull waħda mir-rotot tal-ajru li ntgħażlu u ġew iffinanzjati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

181    Fil-fatt, minn naħa, kif qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, id-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36 stess kienet teskludi li r-rotot ta’ interess strateġiku, iddeterminati mill-pjanijiet ta’ attivitajiet sottomessi fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, jistgħu jikkoinċidu mar-rotot diġà operati fil-kuntest ta’ sistema ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku. Min-naħa l-oħra, huwa l-fatt li jiġi pperikolat it-twettiq tal-funzjonijiet partikolari mogħtija lill-impriża inkarigata b’SIEĠ, kif speċifikati mill-obbligi ta’ servizz pubbliku li jaqgħu fuqha, li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, EU:C:1997:501, punt 95).

182    Issa, f’dan il-każ, fir-rigward tar-rotot tal-ajru operati mir-rikorrenti u li ġew iffinanzjati skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-rikorrenti ma tistax raġonevolment issostni li ġew imposti fuqha obbligi ta’ servizz pubbliku jew li ġiet inkarigata b’funzjonijiet speċifiċi fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE, inqas u inqas meta ma huwiex ikkontestat li, fil-perijodu kopert mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-parti l-kbira ta’ dawn ir-rotot tal-ajru kienu qegħdin jiġu offruti, inkluż mir-rikorrenti, taħt kundizzjonijiet normali tas-suq eżenti minn intervent tal-awtorità pubblika. Għaldaqstant, il-fatt li, fil-kuntest tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ir-Reġjun Awtonomu qies li l-operat ta’ dawn ir-rotot tal-ajru, ikklassifikati bħala ta’ interess strateġiku, kienu jikkostitwixxu SIEĠ, ma huwiex suffiċjenti, b’mod partikolari fl-assenza ta’ definizzjoni preċiża, mill-imsemmi reġjun, ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq ir-rikorrenti.

183    Fl-assenza ta’ SIEĠ mogħti lir-rikorrenti u lill-kumpanniji tal-ajru l-oħra benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni kellha raġun ma tindirizzax, fid-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni f’dan il-każ tar-Regolament Nru 360/2012. Għall-kompletezza, għandu jiġi kkonstatat li, abbażi tal-kuntratti kontenzjużi konklużi mal-operaturi tal-ajruporti u kif ikkonfermat mir-rikorrenti bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, hija kellha tirċievi ammont ta’ EUR 580 000 u, b’eżekuzzjoni ta’ dawn tal-aħħar, irċeviet ammont ta’ EUR 670 298.75, li għaldaqstant jeċċedi l-livell ta’ EUR 500 000 previst mill-imsemmi regolament.

b)      Fuq id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ intra-Komunitarju tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża

184    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda għandu jiġi eżaminat biss jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, EU:C:2005:768, punt 111, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 134).

185    B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa affettwat mill-għajnuna (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Barra minn hekk, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk, minħabba l-ammonti jew il-perċentwali għolja tal-għajnuna, il-karatteristiċi tal-investimenti sostnuti jew modalitajiet oħra previsti minn din l-iskema, din tal-aħħar tagħtix vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u hijiex ta’ natura li tibbenefika essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn Stati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex obbligata twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi tal-imsemmija skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li huwa neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, EU:C:1987:437, punt 18, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 63).

187    Fid-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ fil-premessi 390 sa 392, il-Kummissjoni spjegat b’mod suffiċjenti li l-kumpanniji tal-ajru, li jibbenefikaw mill-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, kienu attivi f’settur ikkaratterizzat minn kompetizzjoni intensa bejn operaturi li ġejjin minn Stati Membri differenti, u għalhekk kienu jipparteċipaw f’kummerċ fi ħdan l-Unjoni.

188    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, tali motivazzjoni hija fiha nnifisha suffiċjenti fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punti 88 u 89, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 114 u 121).

189    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma evalwatx b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, meta qieset li n-natura transkonfinali evidenti tal-attivitajiet inkwistjoni, jiġifieri servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, kienet timplika li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża setgħet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri billi ssaħħaħ il-pożizzjoni fis-suq tal-kumpanniji tal-ajru li bbenefikaw mill-imsemmija skema. Fil-fatt, it-trasportaturi bl-ajru, bħar-rikorrenti, huma f’kompetizzjoni fis-suq tal-ajru fuq livell Ewropew b’mod li l-għoti tal-għajnuna lill-kumpanniji tal-ajru, bħar-rikorrenti, li kkonkludew kuntratti mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, isaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn l-impriżi benefiċjarji meta mqabbla ma’ dik ta’ impriżi tal-ajru kompetituri fuq livell Ewropew, kemm jekk joperaw u kemm jekk ma joperawx rotot tal-ajru diretti mal-gżira ta’ Sardegna.

190    Fi kwalunkwe każ, minn naħa, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti, din tal-aħħar hija f’kompetizzjoni, fuq ir-rotot tal-ajru tagħha minn u lejn l-ajruporti ta’ Sardegna, ma’ kumpanniji tal-ajru Ewropej li jittrasportaw vjaġġaturi minn u lejn l-istess ajruporti kontinentali b’konnessjoni minn ajruporti oħra. Issa, dawn il-kumpanniji tal-ajru, f’dak li jirrigwarda dawn ir-rotot tal-ajru b’konnessjoni, li jikkompetu mar-rotot tal-ajru tar-rikorrenti, ma bbenefikawx mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li kienet tkopri biss rotot diretti (point-to-point), fi kwalunkwe każ mhux f’dak li jirrigwarda s-segmenti tat-titjira operati lil hinn mill-ajruport ta’ konnessjoni, b’mod li l-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarji, bħar-rikorrenti, neċessarjament issaħħet meta mqabbla ma’ dik ta’ tali kumpanniji tal-ajru li ma kinux benefiċjarji.

191    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar il-fatt li ċerti kumpanniji, b’mod partikolari l-kumpanniji tal-ajru regolari, ma kinux benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża unikament għaliex ma kinux issottomettew offerti ta’ kollaborazzjoni fil-kuntest ta’ sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess ippubblikati mill-operaturi tal-ajruporti, dan ukoll ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma jistax jiddependi f’dan il-każ mill-kwistjoni jekk il-kumpanniji tal-ajru kollha bbenefikawx jew kellhomx il-possibbiltà li jibbenefikaw mill-miżura inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies – ħaġa li ma hijiex stabbilita f’dan il-każ – li l-kumpanniji tal-ajru Ewropej kollha li joperaw titjiriet diretti minn u lejn l-ajruporti ta’ Sardegna kienu intitolati jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, dan il-fatt, li jirrigwarda s-selettività tal-miżuri kontenzjużi, ma kien ikollu ebda konsegwenza għall-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-effett tal-imsemmija skema fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri sa fejn din issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn il-kumpanniji tal-ajru meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom, fis-suq Ewropew, li ma jservux il-gżira ta’ Sardegna.

192    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u li, konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

B.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball dwar il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata l-għajnuna kontenzjuża

193    Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti qabelxejn issostni li s-servizzi li bihom hija ġiet inkarigata jaqgħu taħt il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, intitolata “Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011)” (ĠU 2012, C 8, p. 15). Għaldaqstant, l-iskema inkwistjoni setgħet titqies li kienet iġġustifikata bħala SIEĠ. Billi ma analizzatx din il-kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi jew, tal-inqas, din id-deċiżjoni hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

194    Sa fejn dan l-argument huwa analogu għal dak żviluppat fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, dan għandu, għall-istess motivi relatati mal-assenza ta’ SIEĠ mogħti b’mod tanġibbli lir-rikorrenti u kif talbet il-Kummissjoni, jiġi miċħud bħala infondat.

195    Sussegwentement, ir-rikorrenti issostni li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża taqa’ taħt il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2005/C 312/01 dwar linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat tal-bidu lill-kumpanniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU 2005, C 312, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2005”), liema linji gwida huma applikabbli ratione temporis u mhux dawk tal-2014. Issa, l-imsemmija skema tissodisfa d-diversi kriterji previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005. Fil-fatt, il-finanzjament previst mir-Reġjun Awtonomu kien jonqos maż-żmien, minn EUR 21 miljun fl-2012 għal EUR 17.5 miljun fl-2013. Bl-istess mod, il-pjanijiet ta’ attivitajiet u l-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-ajru kienu jipprovdu li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal kull waħda mir-rotot tal-ajru ssussidjati kellhom jonqsu maż-żmien. Barra minn hekk, il-fondi mogħtija skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża koprew spejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar li jirrigwardaw il-ftuħ ta’ rotot tal-ajru ġodda. Barra minn hekk, il-kundizzjoni prevista fil-punt 79(f) tal-Linji gwida tal-2005 “kważi” ġiet issodisfatta f’dan il-każ. F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni ta’ reklamar prevista fil-punt 79(h) tal-imsemmija linji gwida, din ukoll ġiet issodisfatta minħabba l-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess fis-siti internet tal-operaturi tal-ajruporti bil-għan li jiġu konklużi ftehimiet mal-kumpanniji tal-ajru. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-eżenzjoni prevista fil-punt 81 tal-Linji gwida tal-2005 ma tistax tiġi applikata jekk eżenzjoni skont il-punt 79 ma tkunx possibbli.

196    Il-Kummissjoni titlob li dan l-argument jiġi miċħud bħala infondat, billi ssostni li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti, la setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli bħala għajnuna għat-tnedija skont il-punt 79 u lanqas skont il-punt 81 tal-Linji gwida tal-2005.

197    F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, tista’ b’mod partikolari titqies li hija kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, meta din l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, liema kundizzjoni għandha tiġi evalwata skont il-kriterji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità (sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117, punt 80).

198    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali stabbilit mill-Artikolu 107(1) TFUE huwa dak tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat u d-derogi minn dan il-prinċipju, kif previsti fl-imsemmi Artikolu 107(3) TFUE, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 20; tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C‑346/03 u C‑529/03, EU:C:2006:130, punt 79, u tas-26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117, punt 81).

199    Barra minn hekk, ukoll skont ġurisprudenza stabbilita, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Kummissjoni tgawdi setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni kif ukoll għall-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati u tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, EU:C:2002:530, punt 74; tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 83, u tal-15 ta’ Diċembru 2016, Abertis Telecom Terrestre u Telecom Castilla-La Mancha vs Il‑Kummissjoni, T‑37/15 u T‑38/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:743, punt 160).

200    Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 24 tal-Linji gwida tal-2005, dawn tal-aħħar huma intiżi li jispeċifikaw il-każijiet li fihom finanzjament pubbliku għall-ajruporti u għall-kumpanniji tal-ajru jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, meta dan effettivament ikun għajnuna, il-kundizzjonijiet li taħthom hija tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

201    F’dan ir-rigward, kif tenfasizza r-rikorrenti u kif qieset il-Kummissjoni fil-premessi 412 sa 414 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, jekk jitqies li din tista’ tiġi analizzata bħala li tipprovdi għajnuna għat-tnedija ta’ rotot tal-ajru ġodda, effettivament kienet taqa’ taħt il-Linji gwida tal-2005. Fil-fatt, skont dak li jipprovdi l-punt 174 tal-Linji gwida tal-2014, l-għajnuna nnotifikata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-linji gwida tal-aħħar setgħet bħala prinċipju tiġi eżaminata, wara l-4 ta’ April 2014, fid-dawl ta’ dawn il-linji gwida. Madankollu, l-għajnuna, innotifikata jew le, implimentata, bħal f’dan il-każ, qabel ma l-Kummissjoni ddeċidiet fuq il-miżuri nnotifikati mir-Repubblika Taljana u li, konsegwentement, jirriżultaw li huma illegali fid-dawl tal-obbligu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, għandhom, min-naħa tagħhom, jiġu eżaminati fid-dawl tal-Linji gwida tal-2005.

202    F’dak li jirrigwarda l-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005, li huwa rilevanti f’dan il-każ, dan jaqra kif ġej:

“Fid-dawl tal-għanijiet iċċitati iktar ’il fuq u tad-diffikultajiet sinjifikattivi li tista’ toħloq it-tnedija ta’ rotta ġdida, il-Kummissjoni tista’ tapprova tali għajnuna meta din tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

[…]

d)      Vijabbiltà għal żmien twil u intensità li tonqos maż-żmien: ir-rotta [ġdida] għandha tirriżulta li tkun vijabbli għal żmien twil, jiġifieri tkopri tal-inqas l-ispejjeż tagħha, mingħajr finanzjament pubbliku. Għal din ir-raġuni, l-għajnuna għat-tnedija għandha tonqos maż-żmien u tkun limitata fiż-żmien.

e)      Kumpens għall-ispejjeż addizzjonali ta’ tnedija: l-ammont tal-għajnuna għandu jkun marbut strettament mal-ispejjeż addizzjonali ta’ tnedija li huma marbuta mat-tnedija tar-rotta jew tal-frekwenza ġdida u li l-operatur tal-ajru ma jkollux għalfejn isostni ladarba din tibda titħaddem. Dawn l-ispejjeż jinkludu b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ marketing u ta’ reklamar inkorsi fil-bidu sabiex tingħata pubbliċità lir-rotta l-ġdida; dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż ta’ installazzjoni sostnuti mill-kumpannija tal-ajru fis-sit tal-ajruport reġjonali kkonċernat sabiex titnieda r-rotta, jekk dan ikun tabilħaqq ajruport li jaqa’ fil-kategoriji C jew D u jekk ma tkunx diġà ngħatat għajnuna fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż. Bil-maqlub, l-għajnuna ma tistax tirrigwarda spejjeż operattivi standard bħalma huma l-kiri jew id-deprezzament tal-ajruplani, il-karburant, is-salarju tal-ekwipaġġi, l-ispejjeż marbuta ma’ ajruporti, l-ispejjeż ta’ catering. L-ispejjeż eliġibbli kkunsidrati għandhom jikkorrispondu għal spejjeż reali miksuba f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

f)      Intensità u tul: l-għajnuna li tonqos maż-żmien tista’ tingħata għal tul massimu ta’ tliet snin. L-ammont tal-għajnuna ma jistax jeċċedi, kull sena, 50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli ta’ dik is-sena u, għat-tul sħiħ tal-għajnuna, medja ta’ 30 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Għar-rotot minn reġjuni żvantaġġati, jiġifieri r-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni previsti fl-Artikolu 87(3)(a) [tat-Trattat KE] u r-reġjuni b’densità ta’ popolazzjoni baxxa, l-għajnuna li tonqos maż-żmien tista’ tingħata għal tul massimu ta’ ħames snin. L-ammont tal-għajnuna ma jistax jeċċedi, kull sena, 50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli ta’ dik is-sena u, għat-tul sħiħ tal-għajnuna, medja ta’ 40 % tal-ispejjeż eliġibbli. Jekk l-għajnuna effettivament tingħata għal ħames snin, l-għajnuna tista’ tinżamm għal 50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli għall-ewwel tliet snin.

Fi kwalunkwe każ, it-tul li matulu tingħata l-għajnuna għat-tnedija lil kumpannija għandu jibqa’ sostanzjalment inqas mit-tul li matulu din tal-aħħar timpenja ruħha li twettaq l-attivitajiet tagħha mill-ajruport ikkonċernat, kif indikat fil-pjan tan-negozju meħtieġ fil-paragrafu 79(i). Barra minn hekk, l-għajnuna għandha titwaqqaf malli jintlaħqu l-miri f’termini ta’ passiġġieri jew malli r-rotta ssir profittabbli, anki jekk dan iseħħ qabel ma jintemm it-tul inizjalment previst.

[…]

h)      Attribuzzjoni nondiskriminatorja: kull entità pubblika li tipprevedi li tagħti għajnuna għat-tnedija ta’ rotta ġdida lil kumpannija, kemm jekk permezz ta’ ajruport kemm jekk le, għandha tagħmel il-pjan tagħha pubbliku f’terminu suffiċjenti u permezz ta’ pubbliċità suffiċjenti sabiex il-kumpanniji tal-ajru interessati kollha jkunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom. Din il-komunikazzjoni għandha tinkludi b’mod partikolari d-deskrizzjoni tar-rotta, kif ukoll kriterji oġġettivi f’termini ta’ ammont u ta’ tul tal-għajnuna. Meta jkunu applikabbli, ir-regoli u l-prinċipji li jirrigwardaw il-kuntratti pubbliċi u l-konċessjonijiet għandhom jiġu osservati.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

203    Fid-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ fil-premessi 410 sa 421, il-Kummissjoni qieset li l-kumpens finanzjarju pprovdut mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma setax jitqies li kien kompatibbli mas-suq intern, għaliex il-kriterji ta’ kompatibbiltà msemmija fl-imsemmi punt 79 tal-Linji gwida tal-2005 ma kinux issodisfatti.

204    Permezz tat-tieni motiv invokat, ir-rikorrenti tfittex essenzjalment li tipprova li, fil-każ individwali tagħha, l-għajnuna li hija rċeviet, ikkostitwita mill-ammonti li ħallsuha l-operaturi ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia b’eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi magħha, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005 u li, kieku dan ma kienx il-każ, din xorta waħda setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont il-punt 81 tal-imsemmija linji gwida jew, indipendentement minn dawn il-linji gwida, bħala għajnuna għall-iżvilupp tat-turiżmu fl-ispirtu tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

205    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jinvalidaw il-konstatazzjoni tagħha, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tissodisfa l-kriterji previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005, li huma kumulattivi, ħaġa li timplika li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ wieħed minnhom kien suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li għajnuna tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna għat-tnedija” kompatibbli mas-suq intern skont dawn il-linji gwida.

206    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana stess sostniet li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tfasslet bħala skema sabiex tappoġġa t-tnedija ta’ rotot tal-ajru ġodda u li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005.

207    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 79(d) tal-Linji gwida tal-2005, anki jekk jitqies, ħaġa li ma ġietx ipprovata, li l-ftehimiet kummerċjali bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru ġew konklużi f’perspettiva ta’ profittabbiltà ekonomika, evalwata permezz ta’ evalwazzjoni ex ante tal-vijabbiltà u tal-profittabbiltà tal-pjanijiet tal-operat ippreżentati mill-kumpanniji tal-ajru u tal-analiżijiet ekonomiċi mfassla mill-operaturi tal-ajruporti, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma stabbilixxietx sistema ta’ għajnuna li tonqos maż-żmien għal kull waħda mir-rotot tal-ajru li huma s-suġġett tal-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru u li, fi kwalunkwe każ, ma humiex kollha “ġodda” fis-sens ta’ dawn il-linji gwida. B’mod partikolari, kull kumpannija tal-ajru rċeviet ammonti globali li jikkorrispondu għal perijodi ta’ attivitajiet, iżda, effettivament, il-finanzjament ma ġiex individwalizzat għal kull rotta tal-ajru kkonċernata minn u lejn kull ajruport ikkonċernat. Dwar dan il-punt, l-allegazzjoni li l-għajnuna mogħtija għas-snin 2012 u 2013 kienet tonqos maż-żmien, minn EUR 21 miljun għal EUR 17.5 miljun, hija ineffettiva, peress li l-intensità li tonqos maż-żmien, fil-kuntest tal-Linji gwida tal-2005, titqies għal kull rotta tal-ajru kkonċernata.

208    Fil-każ partikolari tagħha, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-għajnuna li rċeviet, għar-rotot tal-ajru kollha li hija topera mill-ajruport ta’ Olbia, ma kinitx tonqos maż-żmien f’dak li jirrigwarda dan l-ajruport, peress li, taħt l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, hija rċeviet jew kellha tirċievi mingħand l-operatur ta’ dan l-ajruport remunerazzjonijiet li għall-kuntrarju kienu jiżdiedu maż-żmien, f’dan il-każ ammont ta’ EUR 280 000 għall-perijodu minn Mejju 2012 sa Marzu 2013 u ammont ta’ EUR 300 000 għall-perijodu minn Ġunju sa Diċembru 2013. F’dak li jirrigwarda l-ajruport ta’ Cagliari-Elmas, kien previst li hija tirċievi ammont ta’ EUR 74 450 għall-perijodu minn Diċembru 2012 sa Jannar 2013. Madankollu, mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża jew mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti la jirriżulta li r-rotot tal-ajru li, globalment, kienu s-suġġett ta’ dawn l-ammonti kienu profittabbli mingħajr il-finanzjament inkwistjoni u lanqas li l-għajnuna tista’ tiġi individwalizzata għal kull waħda minn dawn ir-rotot sabiex jiġi kkonstatat, għal kull waħda minnhom, li l-għajnuna korrispondenti għar-rotta kkonċernata kienet tonqos maż-żmien.

209    F’dak li jirrigwarda l-mekkaniżmu ta’ segwitu, stabbilit mir-Reġjun Awtonomu, tal-ħlasijiet imwettqa skont l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, ma jidhirx li dan kien jiggarantixxi, fid-dawl tal-kriterju stabbilit fil-punt 79(e) tal-Linji gwida tal-2005, li l-finanzjament pubbliku pprovdut kien neċessarju sabiex ikopri parti mill-ispejjeż ta’ tnedija tar-rotot tal-ajru kkonċernati, li kien jirrappreżenta biss l-ispejjeż reali inkorsi mill-operaturi tal-ajruporti u li kien jirrigwarda biss dawn l-ispejjeż. Dan huwa inqas u inqas il-każ peress li ma sarx taqsim tal-għajnuna pprovduta lil kull kumpannija tal-ajru għal kull waħda mir-rotot tal-ajru operata minn u lejn kull wieħed mill-ajruporti ta’ Sardegna kkonċernati.

210    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-operaturi tal-ajruporti allegatament ħadu responsabbiltà mill-fondi tagħhom stess, barra minn hekk sa limitu mhux magħruf, għall-ispejjeż addizzjonali jew li r-rikorrenti ma kinitx tiftaħ jew iżżomm ir-rotot tal-ajru kkonċernati fl-assenza tal-għajnuna finanzjarja li rċeviet mingħand l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia. Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u l-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru ma jispeċifikawx, għar-rotot tal-ajru kkonċernati, x’kienu l-ispejjeż addizzjonali ta’ tnedija għal kull waħda minnhom.

211    Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 79(f) tal-Linji gwida tal-2005, din kjarament ma hijiex issodisfatta peress li huwa manifest li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u l-kuntratti konklużi bejn l-operaturi tal-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru ma jidentifikawx spejjeż eliġibbli. Fil-fatt, fl-assenza ta’ indikazzjoni ta’ spejjeż eliġibbli, ma huwiex possibbli li tiġi evalwata l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ finanzjament massimu ta’ 50 % tal-ammont tal-ispejjeż eliġibbli kull sena, b’massimu ta’ finanzjament medju ta’ 30 %. Għall-kuntrarju, mill-proċess jirriżulta li r-Reġjun Awtonomu rrimborsa fuq talba l-ħlasijiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru u li dawn kienu ffissati għal ammonti b’rata fissa, spiss arrotondati, mingħajr dettalji oħra u, fi kwalunkwe każ, b’mod mhux individwalizzat għal kull waħda mir-rotot tal-ajru kkonċernati.

212    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li Sardegna hija reġjun ekonomiku żvantaġġat tal-Unjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-punt 79(f) tal-Linji gwida tal-2005, għandu jiġi kkonstatat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li dan ir-reġjun ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mil-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali għall-perijodu 2007‑2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13).

213    F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni prevista fil-punt 79(h) tal-Linji gwida tal-2005 u li tirrigwarda l-attribuzzjoni nondiskriminatorja tal-għajnuna għat-tnedija, għall-motivi diġà esposti iktar ’il fuq insostenn taċ-ċaħda tat-tieni parti tal-ewwel motiv, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-operaturi tal-ajruporti organizzaw proċedura li kienet tiggarantixxi l-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji tal-ajru, li tiżgura t-trasparenza, pubbliċità suffiċjenti, l-assenza ta’ diskriminazzjoni u l-għażla tal-iktar offerti ekonomikament vantaġġużi.

214    Għaldaqstant, huwa manifest li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, inkluż f’dak li jirrigwarda l-għajnuna rċevuta individwalment mir-rikorrenti, ma kinitx tissodisfa l-kriterji previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005.

215    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni f’dan il-qasam kif ukoll tan-neċessità li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat jiġu interpretati b’mod strett, il-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi, minkejja t-talba mressqa f’dan is-sens mir-Repubblika Taljana matul il-proċedura amministrattiva, li lanqas ma kien hemm lok għal deroga mill-kriterji stabbiliti fil-Linji gwida tal-2005 abbażi tal-punt 81 tal-imsemmija linji gwida, li skontu l-Kummissjoni tista’ “teżamina każ b’każ għajnuna jew skema li ma tosservax kompletament il-kriterji [tal-punt 79], iżda li twassal għal sitwazzjoni paragunabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, fi kwalunkwe każ, peress li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma tosservax il-maġġoranza tal-kriterji previsti fil-punt 79 tal-Linji gwida tal-2005, din ma tistax titqies li twassal għal sitwazzjoni paragunabbli ma’ għajnuna li tosserva l-imsemmija rekwiżiti.

216    Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti, esposta għall-ewwel darba fir-replika u, għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, inammissibbli, li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża tiġi awtorizzata, indipendentement mil-Linji gwida tal-2005, abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, sa fejn kienet tfittex li tippromwovi t-turiżmu f’Sardegna u l-attivitajiet kummerċjali tal-imsemmija operaturi tal-ajruporti, minn naħa, ir-Repubblika Taljana ma talbitx il-benefiċċju ta’ din id-deroga matul il-proċedura amministrattiva, liema deroga għandha tiġi applikata b’mod strett. Min-naħa l-oħra, ma kienx probabbli li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, minħabba l-portata tal-finanzjament li kienet tipprovdi, ma kinitx ser tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

217    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna kontenzjuża

218    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tagħha meta ordnat lir-Repubblika Taljana, fid-deċiżjoni kkontestata, tirkupra l-għajnuna kontenzjuża mingħand ir-rikorrenti. Issa, fid-dawl tan-numru żgħir ta’ każijiet ta’ għajnuna rrikonoxxuti li ngħataw indirettament u tal-inċertezzi tal-Kummissjoni stess fir-rigward tal-mod kif kellu jiġi ttrattat il-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti tista’ tinvoka aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li l-mekkaniżmu stabbilit mil-Liġi Nru 10/2010 ma kienx ser jiġi kklassifikat bħala “għajnuna mill-Istat” imħallsa lill-kumpanniji tal-ajru. F’dan ir-rigward hija tenfasizza li ma setgħetx tkun taf li l-kuntratti li jorbtuha mal-operaturi tal-ajruporti kienu jinvolvu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

219    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala infondat. B’mod partikolari, il-fatt li, skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna indiretta ftit li xejn hija ċara fil-kuntest tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat assolutament ma huwiex element li jista’ jipprekludi lill-Kummissjoni milli tordna l-irkupru ta’ għajnuna, speċjalment peress li, f’dan il-każ, l-għajnuna kienet kjarament illegali għar-raġuni li r-Repubblika Taljana ma kinitx innotifikat minn qabel l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u peress li r-rikorrenti tqieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li kienet benefiċjarja diretta tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ dubji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna ma toħloqx aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarju tagħha.

220    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull parti f’kawża li fiha istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi fondati. Barra minn hekk, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑506/03, mhux ippubblikata, EU:C:2005:715, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs Il‑Kummissjoni, 265/85, EU:C:1987:121, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

221    Fid-dawl tar-rwol fundamentali li għandu l-obbligu ta’ notifika sabiex jippermetti l-effettività tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat min-naħa tal-Kummissjoni, liema stħarriġ huwa ta’ natura imperattiva, il-benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-imsemmija għajnuna biss jekk din tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE u operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura li l-imsemmija proċedura tkun ġiet osservata. B’mod partikolari, kif enfasizzat il-Kummissjoni, meta għajnuna tiġi eżegwita mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni jew, bħal f’dan il-każ, mingħajr ma wieħed ikun stenna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura, b’mod li din tkun illegali fid-dawl tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għoti ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Producteurs de légumes de France vs Il‑Kummissjoni, T‑328/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:498, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

222    F’dan il-każ, kif issostni l-Kummissjoni, din tal-aħħar, f’ebda mument, ma tat assigurazzjonijiet lir-rikorrenti dwar il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża mas-suq intern, inqas u inqas peress li r-Repubblika Taljana implimentat l-imsemmija skema mingħajr ma stenniet lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni fuq din tal-aħħar skont l-Artikolu 108 TFUE, ħaġa li, konsegwentement, timplika l-illegalità tal-imsemmija skema.

223    Fir-rigward tal-allegati aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fin-natura strettament kummerċjali tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha mal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, li ma setgħetx tqajjem suspetti dwar l-oriġini statali tal-aġir u tal-fondi użati mill-imsemmija operaturi, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-oriġini statali tal-fondi miksuba mill-operaturi tal-ajruporti ma jidhirx li nħbiet fis-sejħiet għal manifestazzjoni ta’ interess ippubblikati minnhom fis-siti internet tagħhom u, min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, li l-kuntratt li kien jorbot lir-rikorrenti mal-operatur ta’ Cagliari-Elmas kien jispjega, f’termini partikolarment espliċiti, li r-Reġjun Awtonomu kien qiegħed jiffinanzja l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, bl-istess mod kif il-kuntratt tal-31 ta’ Marzu 2013 konkluż mal-operatur ta’ Olbia kien jagħmel riferiment għal dan.

224    Barra minn hekk, peress li l-Liġi Nru 10/2010 ġiet ippubblikata fil-Bollettino ufficiale della Regione autonoma della Sardegna, ir-rikorrenti, bħala operatur avżat attiv fis-suq tat-trasport bl-ajru fl-Italja, la setgħet ma tkunx taf bl-eżistenza tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading vs Il‑Kummissjoni, C‑38/07 P, EU:C:2008:641, punt 61) u lanqas, konsegwentement, bil-mekkaniżmi ta’ finanzjament li din kienet tipprevedi u bir-riskju, minn naħa, li dawn tal-aħħar setgħu jitqiesu li kienu skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589 u, min-naħa l-oħra, li l-kumpanniji tal-ajru jitqiesu li kienu l-benefiċjarji reali tal-imsemmija skema.

225    F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-diffikultà li tifhem il-kunċett ta’ benefiċjarji indiretti jew finali ta’ għajnuna mill-Istat ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, minn naħa, tnejn mit-tliet kuntratti li hija kkonkludiet mal-operaturi tal-ajruporti kienu jsemmu espressament il-finanzjament mir-Reġjun Awtonomu tas-servizzi ordnati mill-imsemmija operaturi. Min-naħa l-oħra, bħal kull operatur ekonomiku diliġenti, ir-rikorrenti messha kienet taf li n-natura indiretta tal-għajnuna ma għandha ebda effett fuq l-irkupru tagħha (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, EU:T:2010:233, punt 177) u konsegwentement b’ebda mod ma tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li tippermettilha tevita l-effett dirett tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, il-punt 79(h) tal-Linji gwida tal-2005, invokat mir-rikorrenti, isemmi espressament il-possibbiltà li entità pubblika tista’ tagħti għajnuna lil kumpannija tal-ajru “permezz ta’ ajruport” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u b’dan il-mod jikkonferma li l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali ma kinitx tipprekludi per se l-possibbiltà li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat favur kumpanniji tal-ajru inkompatibbli mas-suq intern.

226    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ġestjoni ħażina tal-investigazzjoni

227    Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni għal nuqqas ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità fit-tmexxija tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan huwa pprovat b’mod partikolari bir-rifjut tal-Kummissjoni li teżamina fid-dettall l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.

228    Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud bħala inammissibbli, billi tirrileva li, bi ksur tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, dan il-motiv bilkemm huwa sostnut f’punt wieħed biss tar-rikors. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni applikat ħażin il-prinċipju tal-investitur privat, dan ma jipprovax li l-investigazzjoni amministrattiva ma tmexxietx korrettament.

229    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din l-espożizzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑267/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:69, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Ġunju 2019, Strabag Belgium vs Il‑Parlament, T‑299/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:411, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

230    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma sostniet ir-raba’ motiv li hija tinvoka u li huwa biss is-suġġett ta’ punt wieħed fir-rikors.

231    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, filwaqt li jiġi enfasizzat, għall-kompletezza, li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni analizzat b’mod suffiċjentement iddettaljat il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq għall-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

E.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq motivi kontradittorji

232    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’diversi aspetti kif ukoll b’motivi kontradittorji.

233    Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud bħala infondat, billi tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija osservat ir-rekwiżiti ġurisprudenzjali dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fir-realtà, diversi lmenti fformulati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kienu jirrigwardaw iktar il-fondatezza tad-deċiżjoni fuq id-diversi aspetti invokati fil-kuntest tal-motivi preċedenti.

234    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun adatta għan-natura tiegħu u għandha turi b’mod ċar ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tiegħu, b’mod li tippermetti, minn naħa, lill-partijiet interessati jifhmu l-bażi tiegħu u, jekk ikun il-każ, jikkontestaw il-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tistħarreġ il-fondatezza tiegħu, mingħajr madankollu ma jkun meħtieġ li l-istituzzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti, peress li l-kwistjoni jekk hija tissodisfax l-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl kemm tal-formulazzjoni ta’ dan l-att kif ukoll tal-kuntest ġuridiku u fattwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑501/00, EU:C:2004:438, punt 73, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑200/04, mhux ippubblikata, EU:T:2005:460, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

235    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, l-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata huma ineffettivi u irrilevanti (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

236    F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ttrattat fid-dettall il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, f’dan il-każ fil-premessi 362 sa 388 tad-deċiżjoni kkontestata.

237    F’dak li jirrigwarda s-selettività tal-miżura, huwa minnu li l-Kummissjoni ddedikat premessa waħda biss tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-premessa 389, għall-kwistjoni jekk din il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, kinitx issodisfatta. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, tali motivazzjoni hija fiha nnifisha suffiċjenti fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punti 88 u 89, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 114 u 121), b’mod partikolari għaliex ir-rikorrenti kienet assolutament f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunament tal-Kummissjoni u li tikkontestah fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv.

238    Dan japplika wkoll għall-eżami tal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, li huwa s-suġġett tal-premessi 390 sa 392 tad-deċiżjoni kkontestata.

239    Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-livell de minimis previst għas-SIEĠ, b’mod partikolari mir-Regolament Nru 360/2012, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tindirizza din il-kwistjoni, peress li, fil-premessi 379 u 411, hija kienet ikkonstatat, filwaqt li pprovdiet, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-motivazzjoni neċessarja fuq dan l-aspett, li r-rikorrenti ma kinitx ġiet inkarigata b’SIEĠ abbażi tal-ewwel kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 106 TFUE u tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

240    F’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ta’ assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-irkupru tal-għajnuna allegatament illegali, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tindirizza din il-kwistjoni, peress li, minn naħa, ir-rikorrenti ma kinitx ippreżentat osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u għalhekk ma kinitx qajmet din il-kwistjoni u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet affaċċjata bi skema ta’ għajnuna illegali, għaliex kienet ġiet implimentata qabel ma hija ddeċidiet fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Issa, skont il-ġurisprudenza mfakkra qabel fil-kuntest taċ-ċaħda tat-tielet motiv, minħabba l-illegalità tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-benefiċjarji fi kwalunkwe każ ma setgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi.

241    F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-kwistjoni ġiet eżaminata. Fil-fatt, fil-premessi 380 sa 387 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom hija eskludiet l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, inkluż il-kriterju tal-investitur privat, u għaldaqstant qieset li r-rikorrenti kienet irċeviet vantaġġ ekonomiku. F’dawn il-premessi, hija spjegat b’mod partikolari r-raġunijiet li għalihom, skontha, ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti ma kienet ġiet segwita għall-finijiet tal-għoti, mill-operaturi tal-ajruporti, tal-kuntratti ta’ servizzi lill-kumpanniji tal-ajru. Issa, kif tenfasizza l-Kummissjoni, minn din il-kunsiderazzjoni seta’ jiġi dedott li l-prezzijiet imħallsa mill-operaturi tal-ajruporti lill-kumpanniji tal-ajru għas-servizz ta’ marketing ma kinux dawk tas-suq. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni spjegat, b’mod partikolari fil-premessa 382 tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex hija qieset li r-Reġjun Awtonomu ma setax jistenna dħul, paragunabbli ma’ dak li jistenna investitur, meta adotta l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

242    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk is-servizzi pprovduti kinux jissodisfaw bżonnijiet ġenwini tar-Reġjun Awtonomu, il-Kummissjoni spjegat, f’dan il-każ fil-premessi 386 u 387 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tissodisfa bżonnijiet ġenwini tar-Reġjun Awtonomu, anki jekk, meta għamlet dan, waslet għal konklużjoni żbaljata, irrilevata mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv. Bl-istess mod, il-Kummissjoni spjegat, b’mod partikolari taħt it-Titolu 7.2.1.3 tad-deċiżjoni kkontestata, għalfejn hija qieset li l-ħlasijiet magħmula lill-kumpanniji tal-ajru ma setgħux jitqiesu li kienu korrispettiv reali għas-servizz ta’ marketing, għaliex, skont il-Kummissjoni, dawn is-servizzi ta’ marketing kienu intiżi li jippromwovu fuq kollox ir-rotot tal-ajru tal-kumpanniji tal-ajru.

243    F’dak li jirrigwarda l-portata tal-klawżoli penali introdotti fil-kuntratti konklużi mal-operaturi tal-ajruporti, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 359 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-mekkaniżmu ta’ segwitu stabbilit, kif deskritt fit-Taqsima 2.7.3 tal-imsemmija deċiżjoni u li kien jinkludi, fil-premessa 80, l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet mill-operaturi tal-ajruporti fuq il-kumpanniji tal-ajru, kien jiggarantixxi l-osservanza tal-obbligi imposti mir-Reġjun Awtonomu fuq l-operaturi tal-ajruporti. Peress li l-Kummissjoni kienet qieset li dan il-mekkaniżmu, inklużi l-klawżoli penali introdotti mill-operaturi tal-ajruporti sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Deċiżjoni Reġjonali Nru 29/36, kienu jikkontribwixxu sabiex l-aġir kuntrattwali tal-operaturi tal-ajruporti jiġi imputat lir-Reġjun Awtonomu, hija ma kinitx obbligata tevalwa din il-kwistjoni mill-ġdid fl-eżami tagħha tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, inqas u inqas fuq il-livell tal-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia, peress li, f’dak li jirrigwarda lil dawn tal-aħħar, dawn ma kinux miżmuma mir-Reġjun Awtonomu.

244    F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżaminaha ex officio peress li r-Repubblika Taljana ma kellhiex l-intenzjoni li tiġġustifika l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża abbażi tad-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni.

245    Fir-rigward tal-punt jekk l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kinitx tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni setgħet tqis, fil-premessa 349 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan kien il-każ mill-mument li fih ebda impriża individwali li hija kienet tqis li kienet benefiċjarja, f’dan il-każ kumpannija tal-ajru, ma kienet indikata fil-qafas ġuridiku, deskritt fit-Taqsima 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet tqis li jikkostitwixxi l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Din il-motivazzjoni kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti tifhem li d-deskrizzjoni tal-iskema, li tinsab f’din it-taqsima, kienet tissodisfa, skont il-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel sitwazzjoni koperta mid-definizzjoni ta’ skema ta’ għajnuna li tinsab fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

246    Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Kummissjoni li ma spjegatx għaliex l-analiżi ex ante tal-profittabbiltà inkrementali, kif prevista fil-punti 61 sa 66 tal-Linji gwida tal-2014, ma kinitx applikabbli fil-każ inkwistjoni. Madankollu, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fil-premessi 381 sa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġġustifikat l-assenza ta’ rilevanza tal-analiżi ex ante, kif prevista fl-imsemmija punti 61 sa 66, bil-fatt, minn naħa, li r-Repubblika Taljana ma kinitx ipproduċiet analiżijiet ex ante tal-profittabbiltà inkrementali u, min-naħa l-oħra, li r-Reġjun Awtonomu kien iżomm wieħed biss mit-tliet ajruporti kkonċernati, jiġifieri dak ta’ Alghero. Barra minn hekk, peress li hija kienet qieset li l-operaturi tal-ajruporti ta’ Cagliari-Elmas u ta’ Olbia kienu sempliċement implimentaw l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, l-assenza ta’ rilevanza ta’ dan it-tip ta’ analiżi kienet tapplika wkoll f’dak li kien jirrigwarda l-applikazzjoni tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq fuq il-livell tal-imsemmija operaturi.

247    F’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li l-Kummissjoni la pprovat li l-fondi rċevuti mill-kumpanniji tal-ajru mingħand l-operaturi tal-ajruporti kienu dawk li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu, u lanqas b’liema mod l-operaturi tal-ajruporti kienu biss intermedjarji fit-trasferiment tal-fondi tar-Reġjun Awtonomu lill-kumpanniji tal-ajru bħala benefiċjarji, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 357 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom qieset li l-operaturi tal-ajruporti kellhom rwol ta’ intermedjarji li permezz tagħhom il-fondi li joriġinaw mir-Reġjun Awtonomu kienu ġew ittrasferiti lill-kumpanniji tal-ajru. Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, huwa ċar li l-fondi użati mill-operaturi tal-ajruporti sabiex jirremuneraw lill-kumpanniji tal-ajru kienu dawk li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-imsemmija operaturi mir-Reġjun Awtonomu.

248    F’dak li jirrigwarda l-kritika magħmula lill-Kummissjoni li hija ma ħaditx jew ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa mill-kumpanniji Ryanair u easyJet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari dawk esposti fil-premessi 116, 118, 131, 136, 145, 152, 166, 172, 177 u 199 tad-deċiżjoni kkontestata, minbarra li dawn tal-aħħar kienu jirrigwardaw essenzjalment is-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ dawn il-kumpanniji tal-ajru, li, għaldaqstant, huma f’pożizzjoni aħjar sabiex jevalwaw is-suffiċjenza tal-motivazzjoni mogħtija bi tweġiba mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kritika tar-rikorrenti hija fattwalment żbaljata, għaliex il-Kummissjoni wieġbet għall-imsemmija argumenti fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna, hija ma kinitx obbligata, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, teżamina fid-dettall il-kontenut tal-kuntratti kollha konklużi mill-operaturi tal-ajruporti mal-kumpanniji tal-ajru kollha.

249    Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’motivi kontradittorji, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Linji gwida tal-2005 u tal-2014 u fir-rigward tal-għanijiet tas-servizzi ta’ marketing offruti mill-kumpanniji tal-ajru lill-operaturi tal-ajruporti.

250    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, sa fejn din kienet tikkostitwixxi għajnuna lill-kumpanniji tal-ajru, kienet taqa’ taħt il-Linji gwida tal-2005 u mhux taħt dawk tal-2014. Għaldaqstant hija eżaminat il-legalità ta’ din l-għajnuna, fil-premessi 407 sa 420 tal-imsemmija deċiżjoni, fid-dawl tal-Linji gwida tal-2005. Huwa minnu li, fil-premessi 379 sa 387 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal ċerti elementi ta’ metodoloġija li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, li kienu diġà ġew esposti minn din l-istituzzjoni fil-Linji gwida tal-2014. Madankollu, billi għamlet dan, il-Kummissjoni sempliċement applikat kunċetti li fi kwalunkwe każ setgħu jiġu applikati anki fl-assenza tal-imsemmija linji gwida. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment għal-Linji gwida tal-2014, fl-eżami tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq, ma kienx jidħol f’kontradizzjoni man-neċessità li l-għajnuna favur kumpanniji tal-ajru tiġi eżaminata fid-dawl tal-Linji gwida tal-2005 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Transavia Airlines vs Il‑Kummissjoni, T‑591/15, EU:T:2018:946, punti 157 sa 163).

251    Fir-rigward tal-għanijiet tas-servizzi ta’ marketing offruti mill-kumpanniji tal-ajru lill-operaturi tal-ajruporti, ir-rikorrenti tinvoka inkoerenza f’dan ir-rigward. Madankollu, il-formulazzjoni ta’ dan l-ilment ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali tifhmu, b’mod li dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

252    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata la hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u lanqas b’motivi kontradittorji u li, fir-rigward tal-kumplament, l-ilmenti u l-argumenti li jfittxu li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata huma ineffettivi u irrilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

253    Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti li jiġi impost fuq il-Kummissjoni obbligu ta’ motivazzjoni msaħħaħ meta hija tordna l-irkupru ta’ għajnuna, din għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jitfakkar f’dan ir-rigward li, skont il-ġurisprudenza, it-tneħħija ta’ għajnuna statali mogħtija illegalment permezz ta’ rkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha. Permezz ta’ dan il-ħlas lura, li ma jistax jitqies li huwa sanzjoni, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li huwa kien ibbenefika minnu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u dan jippermetti ritorn għas-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑75/97, EU:C:1999:311, punti 64 u 65). Minn dan isegwi li, wara li kkonstatat, fil-premessa 421 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-kumpanniji tal-ajru mir-Reġjun kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali inkompatibbli mas-suq intern, il-motivazzjoni li tinsab fil-premessi 422 sa 426 tad-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti sabiex jiġi ordnat l-irkupru tal-għajnuna, inkluż fil-każ tar-rikorrenti.

254    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

IV.    Fuq l-ispejjeż

255    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Volotea, SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Papasavvas

Svenningsen

Valančius

Csehi

 

      Nihoul

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Mejju 2020.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.