Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fil-5 ta’ Novembru 2021 – Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

(Kawża C-663/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

Parti oħra fil-proċedura: AA

Domandi preliminari

Fl-evalwazzjoni ta’ jekk l-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil mogħti preċedentement mill-awtorità kompetenti lil refuġjat jistax jiġi rrevokat minħabba r-raġuni msemmija fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 1 , għandha ssir ponderazzjoni tal-interessi, bħala kriterju awtonomu, b’mod li l-interessi pubbliċi għal ritorn jipprevalu fuq l-interessi tar-refuġjat li jżomm il-protezzjoni mill-pajjiż tar-refuġju, fejn in-natura punibbli ta’ reat u l-perikolu potenzjali lis-soċjetà għandhom jiġu ponderati mal-interessi tal-persuna barranija fil-protezzjoni, inkluż l-estent u n-natura tal-miżuri mhedda fil-konfront tagħha?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment 1 , b’mod partikolari l-Artikoli 5, 6, 8 u 9 tagħha, jipprekludu sitwazzjoni ġuridika nazzjonali fejn tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, minħabba r-revoka tal-istatus ta’ ażil, il-permess ta’ residenza preċedenti tiegħu bħala refuġjat jiġi rtirat, anki jekk huwa stabbilit fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn li t-tneħħija għal perijodu indefinit hija illegali minħabba l-prinċipju ta’ non-refoulement, u dan huwa wkoll stabbilit minn deċiżjoni li tista’ ssir definittiva?

____________

1     ĠU 2011, L 337, p. 9.

1     ĠU 2008, L 348, p. 98.