DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

8 ta’ Lulju 2009

Kawża F-62/08

Roberto Sevenier

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Tmiem definittiv tas-servizz – Riżenja – Talba għall-irtirar”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R. Sevenier jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Settembru 2007, li tiċħad it-talba tiegħu intiża, minn naħa, għall-irtirar tar-riżenja tiegħu tad-19 ta’ Ottubru 1983 u, min-naħa l-oħra, sabiex il-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. R. Sevenier huwa kkundannat għall-ispejjeż. Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal intervent ippreżentata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati mat-talba għal intervent.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Appell – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Terminu għall-preżentata ta’ lment – Kalkolu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1) u (2); Regolament tal-Kunsill Nru 1182/71, Artikolu 3)

2.      Uffiċjali – Appell – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ talba mhux ikkontestata fit-termini

(Regolamenti tal-Persunal, Articoli 90 u 91)

1.      Fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi li jirrigwardaw it-termini previsti fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jsir riferiment għar-Regolament Nru 1182/71, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien, li japplika, kif jippreċiża l-Artikolu 1 tiegħu, għall-atti kollha tal-Kunsill “[m]inn barra fejn hemm provdut mod ieħor”. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2)(ċ) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li terminu espress f’xhur “jibda mill-ewwel siegħa ta’ l-ewwel ġurnata tal-perjodu u għandu jispiċċa bit-tmiem ta’ l-aħħar siegħa ta’ dik il-ġurnata ta’ l-aħħar […] xahar […] li hija l-istess ġurnata tal-ġimgħa, jew li taħbat fl-istess data, bħall-ġurnata li minnha beda l-perjodu”. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’riferiment għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, li jipprovdi li l-ġurnata li fih jibda jiddekorri t-terminu hija l-ġurnata li fiha jkun seħħ l-avveniment, fis-sens li, jekk l-avveniment li jikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu jseħħ nhar ta’ Tnejn, it-terminu jintemm it-Tnejn ta’ wara.

(ara l-punti 27, 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Novembru 2004, Toeters u Verberk, C‑171/03, Ġabra p. I‑10945, punti 31 sa 37

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Ġunju 1998, Fichtner vs Il-Kummissjoni, T‑173/97, ĠabraFP p. I‑A‑293 u II‑873, punt 28

2.      Għalkemm l-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li “fejn ilment jiġi rifjutat b’deċiżjoni espressa wara li jiġi rifjutat b’deċiżjoni impliċita iżda qabel ma jkun skada l-perijodu biex isir appell, il-perijodu biex isir appell għandu jerġa’ jibda jitqies mill-ġdid”, din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika fil-fażi tat-talba u qabel il-preżentata tal-ilment. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni speċifika, li tirrigwarda l-modalitajiet ta’ kalkolu tat-termini tar-rikors, għandha tiġi interpretata litteralment u b’mod strett. Isegwi li ċ-ċaħda espliċita ta’ talba, wara li tingħata deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-istess talba, ikollha natura purament konfermattiva, u ma tistax tippermetti lill-uffiċjal interessat ikompli l-proċedura prekontenzjuża billi tistabbilixxi terminu ġdid għall-preżentata tal-ilment.

(ara l-punt 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Novembru 2000, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T‑200/99, ĠabraFP p. I‑A‑253 u II‑1161, punt 11, u l-ġurisprudenza ċċitata