Kawża C638/19 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

European Food SA et

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal25 ta’ Jannar 2022

“Appell  – Għajnuna mill-Istat  – Artikoli 107 u 108 TFUE  – Trattat bilaterali ta’ investiment  – Klawżola ta’ arbitraġġ  – Ir-Rumanija  – Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea  – Tħassir ta’ skema ta’ inċentivi fiskali qabel l-adeżjoni  – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tagħti l ħlas ta’ danni wara l adeżjoni  – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara li dan il-ħlas jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tiegħu  – Kompetenza tal-Kummissjoni  – Applikazzjoni ratione temporis tad-dritt tal-Unjoni  – Determinazzjoni tad-data li fiha l-benefiċjarju jingħata d-dritt li jirċievi l-għajnuna  – Artikolu 19 TUE – Artikoli 267 u 344 TFUE  – Awtonomija tad-dritt tal-Unjoni”

1.        Appell  – Aggravji  – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi  – Inammissibbiltà  – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-fatti u tal-provi  – Esklużjoni ħlief fil-każ ta' żnaturament  – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-klassifikazzjoni ġuridika mogħtija lill-fatti tal-kawża  – Ammissibbiltà

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

(ara l-punti 71 sa 74)

2.        Appell  – Aggravji  – Neċessità ta’ kritika preċiża ta’ punt tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali  – Aggravju li joriġina mis-sentenza appellata stess u li hu intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza tagħha  – Ammissibbiltà 

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 168(1)(d))

(ara l-punti 75 sa 79, 81)

3.        Għajnuna mogħtija mill-Istati  – Eżami mill-Kummissjoni  – Adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda mal-Unjoni Ewropea  – Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat mid-data tal-adeżjoni  – Kompetenzi tal-Kummissjoni  – Kontroll ta’ miżuri ta’ għajnuna adottati minn dik id-data  – Ħlas minn Stat Membru ta’ kumpens mogħti permezz ta’ sentenza ta’ arbitraġġ deċiża wara l-adeżjoni mal-Unjoni bħala kumpens għad-dannu kkawżat qabel dik id-data  – Miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni  – Determinazzjoni tad-data tal-għoti tal-għajnuna  – Kriterju  – Kisba mill-benefiċjarji ta’ dritt ċert sabiex jirċievu l-għajnuna  – Dritt ċert miksub mill-benefiċjarji tal-kumpens fid-data tal-għoti tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ  – Kummissjoni kompetenti sabiex tistħarreġ il-miżura skont l-Artikolu 108 TFUE

(Artikolu 107 u 108 TFUE)

(ara l-punti 109 sa 127)

4.        Ftehimiet internazzjonali  – Ftehimiet bejn Stati Membri  – Ftehimiet preċedenti għall-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni  – Trattat bilaterali ta’ investiment bejn ir-Renju tal-Isvezja u r-Rumanija  – Effetti ta’ dak it-trattat wara l-adeżjoni mal-Unjoni  – Dispożizzjoni li tippermetti lil investitur ta’ Stat Membru li jadixxi lill-tribunal ta’ arbitraġġ fil-każ ta’ kawża ma’ Stat Membru ieħor  – Klawżola ta’ arbitraġġ li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni  – Inammissibbiltà  – Konsegwenza  – Kunsens mogħti mill-Istat Membru f’sistema ta’ arbitraġġ li saret mingħajr skop 

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikoli 267 u 344 TFUE)

(ara l-punti 137 sa 144)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex teżamina, fid-dawl tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, il-kumpens imħallas lill-investituri Svediżi mir-Rumanija b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ

Għalkemm dik id-deċiżjoni kienet laqgħet l-argument ta’ dawn l-investituri li dan l-Istat Membru kien ħassar b’mod illegali skema ta’ inċentivi fiskali qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, il-miżura ta’ għajnuna msemmija mill-Kummissjoni madankollu ngħatat wara din l-adeżjoni

Fid‑29 ta’ Mejju 2002, ir-Renju tal-Isvezja u r-Rumanija ikkonkludew Trattat Bilaterali ta’ Investiment għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka ta’ Investimenti (iktar ’il quddiem il-“BIT”), li l-Artikolu 2(3) tiegħu jipprovdi li kull parti kontraenti għandha tiżgura f’kull mument trattament ġust u ekwu għall-investimenti ta’ investituri tal-parti kontraenti l-oħra. Il-BIT jipprovdi, barra minn hekk, li t-tilwimiet bejn l-investituri u l-pajjiżi firmatarji huma rregolati minn tribunal ta’ arbitraġġ.

Fl-2005, fil-kuntest tan-negozjati għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Rumen ħassar sistema nazzjonali ta’ inċentivi fiskali favur ċerti investituri f’reġjuni żvantaġġati (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ inċentivi fiskali”).

Peress li qiesu li, billi ħassret l-iskema ta’ inċentivi fiskali, ir-Rumanija kienet kisret l-obbligu tagħha li tiżgura trattament ġust u ekwu tal-investimenti tagħhom skont il-BIT, diversi investituri Svediżi talbu t-twaqqif ta’ tribunal ta’ arbitraġġ, bil-għan li jiksbu kumpens għad-dannu kkawżat. Permezz ta’ sentenza ta’ arbitraġġ tal‑11 ta’ Diċembru 2013, dak it-tribunal ikkundanna lir-Rumanija tħallas lill-imsemmija investituri, bħala danni, ammont ta’ madwar EUR 178 miljun.

Minkejja diversi twissijiet mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li jiġu osservati f’dan il‑każ ir-regoli u l-proċeduri applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Rumeni ħallsu l-kumpens mogħti mit-tribunal ta’ arbitraġġ favur investituri Svediżi.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) (1), il-Kummissjoni kklassifikat il-ħlas ta’ dak il-kumpens bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, ipprojbixxiet l-implimentazzjoni tiegħu, u ordnat l-irkupru tas-somom diġà mħallsa.

Adita b’diversi rikorsi, il-Qorti Ġenerali annullat dik id-deċiżjoni(2) għar-raġuni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod retroattiv il-kompetenzi tagħha għal fatti li seħħew qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni fl‑1 ta’ Jannar 2007. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali telqet mill-premessa li l-għajnuna inkwistjoni kienet ingħatat mir-Rumanija fid-data tat-tħassir tal-iskema ta’ inċentivi fiskali, jiġifieri fl-2005.

Fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala kulleġġ ġudikanti, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tikkonferma l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-motivi u l-argumenti mressqa quddiemha dwar il-fondatezza ta’ dik id-deċiżjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Peress li l-Kummissjoni kisbet il-kompetenza li tistħarreġ, skont l-Artikolu 108 TFUE, il-miżuri ta’ għajnuna adottati mir-Rumanija sa mill-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-għajnuna mill-Istat għandha titqies li tkun ingħatat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fid-data li fiha d-dritt li tirċievi din l-għajnuna jingħata lill-benefiċjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. L-element determinanti sabiex tiġi stabbilita dik id-data huwa marbut mal-kisba mill-benefiċjarji ta’ dritt ċert li jirċievu din l-għajnuna inkwistjoni u l-impenn korrelattiv, min-naħa tal-Istat, li jagħti dik l-għajnuna. Fil-fatt, huwa f’dan il-mument li tali miżura tista’ twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-dritt għall-kumpens tad-dannu allegat mill-investituri Svediżi, minkejja li joriġina mit-tħassir, allegatament bi ksur tal-BIT, tal-iskema ta’ inċentivi fiskali mir-Rumanija, ingħata biss permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal‑11 ta’ Diċembru 2013, li mhux biss ikkonstatat l-eżistenza ta’ dan id-dritt, iżda kkwantifikat ukoll l-ammont tiegħu. Fil-fatt, huwa biss fi tmiem il-proċedura ta’ arbitraġġ li dawn l-investituri setgħu jiksbu l-ħlas effettiv tal-kumpens, anki jekk dan huwa intiż li jikkumpensa, parzjalment, id-dannu li huma jallegaw li ġarrbu matul perijodu preċedenti għall-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni.

Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-miżura ta’ għajnuna kienet intiża li tingħata wara l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti ratione temporis sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 108 TFUE.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-kwistjoni dwar jekk il-kumpens mogħti permezz tas-sentenza ta’ arbitraġġ jistax jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma taqax fil-kompetenza tagħha fil-kuntest tal-appell, sa fejn din ma ġietx eżaminata mill-Qorti Ġenerali. Madankollu, il-kompetenza tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE ma tista’ bl-ebda mod tiddependi fuq l-eżitu tal-eżami ta’ din il-kwistjoni, peress li l-istħarriġ preventiv eżerċitat mill-Kummissjoni b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandu preċiżament l-għan li jiddetermina jekk il-kumpens inkwistjoni jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat jew le.

Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-sentenza Achmea(3) tal-Qorti tal-Ġustizzja hija irrilevanti f’dan il-każ.

Fis-sentenza Achmea, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-Artikoli 267 u 344 TFUE jipprekludu ftehim internazzjonali konkluż bejn żewġ Stati Membri li jipprevedi li investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jkun jista’, fil-każ ta’ kawża dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, iniedi proċedura kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem tribunal ta’ arbitraġġ, li dan l-Istat Membru ikun obbliga ruħu li jaċċetta l-kompetenza tiegħu. Fil-fatt, permezz tal-konklużjoni ta’ tali ftehim, l-Istati Membri jaqblu li jneħħu mill-ġurisdizzjoni tal-qrati proprji tagħhom u, għaldaqstant, mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbligahom li jistabbilixxu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, kawżi li jkunu jistgħu jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt.

Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li l-kumpens mitlub mill-investituri Svediżi kien jirrigwarda wkoll danni allegatament subiti wara d-data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, li minnha d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 107 u 108 TFUE, kien applikabbli għal dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, il-kawża mressqa quddiem it-tribunal ta’ arbitraġġ ma setgħetx titqies li hija limitata fl-elementi kollha tagħha għal perijodu li matulu r-Rumanija, li kienet għadha ma aderixxietx mal-Unjoni, kienet għadha ma hijiex marbuta bir-regoli u l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Achmea. Barra minn hekk, huwa stabbilit li dan it-tribunal ta’ arbitraġġ ma jinsabx fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, peress li dan it-tribunal ma jaqax taħt is-sistema ta’ rimedji li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsens tar-Rumanija għas-sistema ta’ arbitraġġ prevista mill-BIT ma għadx għandu skop wara l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-motivi u argumenti mressqa quddiemha li jikkonċernaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk il-miżura msemmija minnha tissodisfax, fuq livell materjali, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE.


1      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470 tat‑30 ta’ Marzu 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) et seq. implimentata mir-Rumanija – Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs Ir-Rumanija tal‑11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2015, L 232, p. 43).


2      Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2019, European Food et vs Il-Kummissjoni (T‑624/15, T‑694/15 u T‑704/15, EU:T:2019:423).


3      Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158).