Rikors ippreżentat fit-3 ta' Frar 2021 – Bowden u Young vs Europol
(Kawża T-72/21)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Ian James Bowden (Den Haag, Il-Pajjiżi Baxxi) u Janey Young (Den Haag) (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)
Konvenut: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla d-deċiżjonijiet individwali tat-30 ta’ Marzu 2020 li ma tingħatalhomx deroga mill-kundizzjoni ta’ nazzjonalità prevista mill-Artikolu 12(2)(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, konsegwentement, li jintemmu l-kuntratti rispettivi tagħhom abbażi tal-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg permezz ta’ preavviż li jibda “mal-iskadenza tal-Perijodu ta’ Tranżizzjoni”, jiġifieri fil-31 ta’ Diċembru 2020 skont il-ftehim ta’ rtirar;
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-proċedura u tal-kriterji applikati, fuq l-iżball ta’ liġi u fuq l-iżball ta’ interpretazzjoni, fuq in-nuqqas ta’ trasparenza, ta’ kjarezza, ta’ ċertezza legali, ta’ prevedibbiltà u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ proċedura ta’ deroga.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi, fuq in-nuqqas ta’ eżami individwali u ddettaljat tal-fajl, fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet arbitrarji, fuq l-abbuż proċedurali u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ premura.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ effettiv.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.
____________