SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (ir-Raba’ Awla Estiża)

19 ta’ Mejju 2021 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal‑ħadid fondut li joriġinaw miċ‑Ċina – Dazju antidumping definittiv – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Assoċjazzjoni – Locus standi – Interess ġuridiku – Determinazzjoni tad‑dannu – Kalkolu tal‑volum ta’ importazzjonijiet – Indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi – Teħid ta’ kampjuni – Kalkolu tal-ispejjeż tal‑produzzjoni tal‑industrija tal‑Unjoni – Prezzijiet mitluba bejn il‑grupp – Rabta kawżali – Analiżi ta’ imputazzjoni u nuqqas ta’ imputazzjoni – Assenza ta’ analiżi tad‑dannu għal kull parti – Evalwazzjoni tal‑importanza tat‑twaqqigħ tal‑prezz – Trattament kunfidenzjali tal‑informazzjoni – Drittijiet tad‑difiża – Metodu PCN b’PCN – Komparabbiltà tal‑prodotti – Kalkolu tal‑valur normali – Pajjiż analogu – Aġġustament fir‑rigward tal‑VAT – Determinazzjoni tal‑ispejjeż tal‑bejgħ, spejjeż ġenerali u spejjeż amministrattivi kif ukoll tal‑profitt”

Fil-Kawża T‑254/18,

China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products, stabbilita f’Pékin (iċ-Ċina), u l-partijiet rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-Anness I (1), irrappreżentati minn R. Antonini, E. Monard u B. Maniatis, avukati,

partijiet rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u P. Němečková, bħala aġenti,

parti konvenuta,

sostnuta minn

EJ Picardie, stabbilita f’Saint‑Crépin‑Ibouvillers (Franza), u l-partijiet l-oħra intervenjenti li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-Anness II (2), irrappreżentati minn U. O’Dwyer, B. O’Connor, solicitors u M. Hommé, avukati,

partijiet intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/140 tad‑29 ta’ Jannar 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm l-investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fl-Indja (ĠU 2018, L 25, p. 6), sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti,

Il‑QORTI ĠENERALI (ir‑Raba’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise, P. Nihoul (Relatur), R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Ilfatti li wasslu għallkawża

1        Fil‑31 ta’ Ottubru 2016, tressaq ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), quddiem il-Kummissjoni Ewropea, sabiex tibda proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mir-Repubblika tal-Indja.

2        Dan l-ilment kien tressaq minn seba’ produtturi tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri Fondatel Lecomte SA, Fonderies Dechaumont SA, Fundiciones de Odena, SA, Heinrich Meier Eisengießerei GmbH & Co. KG, Saint‑Gobain Construction Products UK Ltd, Saint‑Gobain PAM SA u Ulefos Oy (iktar ’il quddiem il-“lanjanti”). Huwa kien sostnut minn żewġ produtturi tal-Unjoni, jiġifieri EJ Picardie u Montini SpA.

3        Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑10 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, C 461, p. 22), il-Kummissjoni fetħet proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet inkwistjoni.

4        Il-prodott previst mill-investigazzjoni kien jikkonsisti f’ “ċerti oġġetti tal-ħadid fornut bil-grafit lamellari (ħadid griż) jew ħadid fondut bil-grafit sferojdali (magħruf ukoll bħala ħadid fondut duttili), u [l]-partijiet tagħhom, [d]awn l-oġġetti [kienu] ta’ tip użat biex ikopri u/jew jagħti aċċess għal sistemi tal-art jew taħt l-art, u jippermetti aċċess fiżiku u/jew viżwali għal dawn is-sistemi” (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”).

5        L-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kienet tirrigwarda l-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Ottubru 2015 u t‑30 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2013 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”).

6        Fis‑16 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1480 li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2017, L 211, p. 14, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Provviżorju”). Il-Kummissjoni ma kkonstatat provviżorjament ebda prattika ta’ dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Indja.

7        Fl-aħħar tal-proċedura antidumping, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/140 tad‑29 ta’ Jannar 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm l-investigazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw fl-Indja (ĠU 2018, L 25, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

8        China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products (iktar ’il quddiem iċ-“CCCME”) hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Ċiniż, li fost il-membri tagħha tinkludi produtturi‑esportaturi Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat. Iċ-CCCME pparteċipat fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

9        Il-persuni ġuridiċi l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-Anness I huma disa’ produtturi‑esportaturi Ċiniżi, li tnejn minnhom kienu magħżula mill-Kummissjoni sabiex jifformaw parti mill-kampjun ta’ produtturi‑esportaturi Ċiniżi meħud għall-finijiet tal-investigazzjoni.

 Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ April 2018, ir-rikorrenti, jiġifieri ċ-CCCME u l-persuni ġuridiċi l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-Anness I, ippreżentaw dan ir-rikors. Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika kienu ppreżentati, rispettivament, fit‑22 ta’ Awwissu 2018, fit‑12 ta’ Novembru 2018 u fit‑23 ta’ Frar 2019.

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Lulju 2018, EJ Picardie u l-persuni ġuridiċi l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-Anness II talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2018, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent.

12      Fit‑13 ta’ Diċembru 2018, l-intervenjenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nota ta’ intervent. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota fl‑24 ta’ Jannar 2019.

13      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat għar-Raba’ Awla, li għaliha ġiet allokata mill-ġdid din il-kawża.

14      Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tirrinvija l-kawża quddiem formazzjoni tal-qorti estiża.

15      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedua u fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbet lill-Kummissjoni tipproduċi dokument. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet u għal din it-talba għall-produzzjoni ta’ dokument fit-terminu mogħti.

16      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet instemgħu waqt is-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2020.

17      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannula r-Regolament ikkontestat sa fejn dan japplika għalihom u għall-membri taċ-CCCME msemmija fl-Anness A.2;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u l-intervenjenti għall-ispejjeż.

18      Ir-rikorrenti jitolbu wkoll lill-Qorti Ġenerali tordna, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-produzzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ kalkoli u ta’ data tal-istatistika dwar il-volum tal-importazzjonijiet, id-dannu u l-marġni ta’ dumping tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi u Indjani.

19      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala parzjalment ammissibbli;

–        iktar sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

 Fuq lammissibbiltà

20      Sostnuta mill-intervenjenti, il-Kummissjoni tagħmel, fil-konfront tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati fuq:

–        l-assenza ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors (l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, invokata prinċipalment);

–        l-impossibbiltà, għaċ-CCCME, li taġixxi f’isimha proprju u għan-nom tal-membri tagħha (it-tieni u t-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, invokati sussidjarjament);

–        l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa ippreżentat mill-persuni ġuridiċi l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-Anness I (ir-raba’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, invokata wkoll sussidjarjament).

21      Dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà huma analizzati fil-punti li ġejjin.

 Fuq lassenza ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tarrikors

22      Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel eċċezzjoni ta’ inammisibbiltà tagħha, li r-rikors huwa inammissibbli fl-intier tiegħu, għar-raġuni li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li l-iggruppjar tal-entitajiet li jikkontestaw ir-Regolament ikkontestat taħt l-istess isem ta’ “rikorrenti” ma jippermettix li jiġu identifikati t-talbiet imressqa minn kull waħda minnhom fir-rikors.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, l-isem tal-parti rikorrenti kif ukoll sunt tal-motivi invokati.

24      Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑444/11, EU:T:2014:773, punt 93).

25      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ssostnix li r-rikorrenti ma humiex debitament identifikati jew li l-motivi ma humiex suffiċjentement ċari, iżda targumenta li, fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti ma ppreċiżawx il-motivi invokati minn kull waħda minnhom, filwaqt li dawn il-preċiżjonijiet huma neċessarji sabiex jiġi evalwat l-effett tal-istatus tagħhom fuq l-ammissibbiltà tal-motivi invokati.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, l-elementi essenzjali li jirrigwardaw ir-rabta bejn ir-rikorrenti u l-motivi invokati jirriżultaw mir-rikors.

27      Fil-fatt, huwa ppreċiżat, fil-punt 1 tar-rikors, li r-rikors huwa ippreżentat, l-ewwel nett, miċ-CCCME f’isimha proprju fir-rigward ta’ ċerti talbiet, it-tieni nett, miċ-CCCME għan-nom tal-membri tagħha, u t-tielet nett, minn disa’ produtturi‑esportaturi Ċiniżi li jaġixxu individwalment mingħajr l-intermedjarja CCCME.

28      F’din il-preżentazzjoni, jirriżulta li hija biss it-talba għal annullament imressqa miċ-CCCME f’isimha proprju li hija limitata.

29      L-estensjoni tar-rikors ippreżentat miċ-CCCME f’isimha proprju hija identifikata, fil-punt 5 tar-rikors, bħala li tipprevedi s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li hija għandha, fis-sens li, f’dan il-kuntest, hija tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-drittijiet tad-difiża u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-Artikolu 6(7), l-Artikolu 19(1) sa (3) u l-Artikolu 20(2) u (4).

30      Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, tista’ tiġi stabbilita relazzjoni, abbażi tar-rikors, bejn il-motivi u r-rikorrenti li jinvokawhom.

31      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tippreżenta d-difiża tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni l-effett tad-differenzi fl-istatus tar-rikorrenti fuq l-ammissibbiltà tal-motivi kif ukoll li tikkonkludi dwar dawn il-punti u li l-Qorti Ġenerali tista’, min-naħa tagħha, teżerċita l-kontroll tagħha b’għarfien sħiħ tal-fatti, b’konformità mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq.

32      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

 Fuq lammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa ippreżentat miċ-CCCME f’isimha proprju

33      Fir-rikors tagħha, iċ-CCCME tindika li taġixxi f’isimha proprju sabiex tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li ngħataw lilha matul l-investigazzjoni b’applikazzjoni tar-Regolament bażiku.

34      Skont il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, ir-rikors huwa inammissibbli f’dan ir-rigward, għaliex iċ-CCCME ma hijiex assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interess tal-membri tagħha, iżda affiljata tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Għalhekk, hija ma tistax tinvoka d-drittijiet proċedurali mogħtija lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u lill-partijiet interessati mir-Regolament bażiku, iżda għandha tingħata, fid-dawl ta’ dan ir-regolament, l-istatus ta’ rappreżentant tal-pajjiż esportatur, li jagħtiha, l-iktar l-iktar, dritt ta’ informazzjoni.

35      Insostenn ta’ din il-pożizzjoni, li hija mressqa sussidjarjament u tikkostitwixxi t-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata fil-konfront tal-ammissibbiltà tar-rikors, il-Kummissjoni u l-intervenjenti jippreżentaw l-elementi li ġejjin.

36      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 4 tal-Istatuti taċ-CCCME, filwaqt li jistipula li hija taġixxi taħt is-superviżjoni, il-ġestjoni u l-gwida professjonali tal-Ministeru għall-Affarijiet Ċivili u tal-Ministeru għall-Kummerċ Ċiniż, jistabbilixxi li ċ-CCCME tikkostitwixxi grupp ta’ ħidma tal-amministrazzjoni Ċiniża, u mhux assoċjazzjoni professjonali.

37      Fit-tieni lok, l-Assemblea Ġenerali tal-membri taċ-CCCME tiltaqa’ darba biss kull ħames snin, kif indikat fl-Artikolu 16 tal-Istatuti tagħha, minkejja li l-imsemmija assemblea hija ppreżentata bħala l-ogħla awtorità tal-grupp u li hija mistennija jkollha, f’dan ir-rigward, is-setgħat elenkati fl-Artikolu 14 tal-Istatuti taċ-CCCME.

38      Fit-tielet lok, il-Kmamar tal-Kummerċ Ċiniżi huma riżultat ta’ riorganizzazzjoni tal-istituzzjonijiet governattivi u tal-Partit Komunist Ċiniż. Madankollu, ir-rwol tagħhom bħala estensjoni tal-Partit u tal-awtoritajiet pubbliċi ma nbidilx fundamentalment fl-okkażjoni ta’ din ir-riorganizzazzjoni. L-aġir tagħhom baqa’ ddeterminat mill-awtoritajiet pubbliċi, b’tali mod li ma għandhomx l-indipendenza meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala assoċjazzjonijiet rappreżentattivi.

39      Fir-raba’ lok, iċ-CCCME hija ġestita mill-uffiċċju nazzjonali kompetenti mill-ġestjoni tal-assoċjazzjonijiet, skont l-leġiżlazzjoni Ċiniża applikabbli għall-assoċjazzjonijiet, li jkollu bħala konsegwenza li hija ma tistax tieħu ebda inizjattiva u lanqas tiddefendi ebda pożizzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

40      Fil-ħames lok, l-eżistenza ta’ rabtiet stretti mal-Ministeru tal-Kummerċ Ċiniż hija kkonfermata mill-intervent ta’ deputat direttur ta’ dan il-ministeru waqt laqgħa miżmuma miċ-CCCME fid‑9 ta’ Diċembru 2016 għall-analiżi tal-investigazzjoni dakinhar ippjanata mill-Kummissjoni u li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. Fir-rigward ta’ dan l-intervent, li l-eżistenza tiegħu tirriżulta mill-proċess verbal tal-imsemmija laqgħa pprodott mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tippreċiża li dan jikkorrobora l-fatt li l-parteċipazzjoni taċ-CCCME fl-investigazzjoni kienet tikkostitwixxi mezz sabiex ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina tissorvelja l-iżvolġiment tagħha. Huwa sabiex teżerċita tali kontroll li ċ-CCCME kienet preżenti b’mod sistematiku waqt il-verifiki mwettqa mill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni fis-sede tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar ikkoppjawha fil-posta elettronika kollha skambjata mal-Kummissjoni, anki meta ma humiex membri taċ-CCCME.

41      Min-naħa tagħhom, l-intervenjenti jsostnu li fuq struzzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iċ-CCCME timplimenta strateġija intiża sabiex iddgħajjef il-leġittimità tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali meħuda mill-Unjoni u mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Dan joħroġ mill-fatt li, f’din it-tilwima, iċ-CCCME tinsisti sabiex tikseb żewġ tibdiliet fundamentali, jiġifieri, minn naħa, l-estensjoni tal-kontroll eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fuq il-legalità tar-Regolament ikkontestat, u min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ aċċess komplut għad-data kunfidenzjali kontenuta fil-fajl tal-investigazzjoni kkostitwiet mill-Kummissjoni.

42      Fis-sitt lok, l-intervenjenti jargumentaw li ċ-CCCME tippreżenta lilha nnifisha fuq is-sit internet tagħha bħala organizzazzjoni li għandha l-missjoni li taġġusta u li tirregola s-sistema nazzjonali ta’ ekonomija tas-suq. F’din il-linja ta’ ideat, jindikaw li kumitat ta’ ħidma għall-awtodixxiplina tal-industrija kien ġie implimentat, fi ħdan iċ-CCCME, sabiex tiġi evitata kompetizzjoni li tagħmel ħsara bejn intrapriżi Ċiniżi fil-qasam ta’ skambji esterni u ta’ inġinerija tas-swieq barranin.

43      Fis-seba’ lok, id-dikjarazzjonijiet pprovduti mir-rikorrenti juru li d-19-il intrapriża li għan-nom tagħhom tippretendi li taġixxi ċ-CCCME ma kinux membri ta’ din l-entità waqt l-investigazzjoni, iżda saru biss bejn Diċembru 2017 u Jannar 2018. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-CCCME ma tistax tippretendi li hija verament assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ dawn il-membri. Mill-bqija, is-sit internet taċ-CCCME ma jsemmix il-prodotti tal-ħadid fondut bħala parti mill-attivitajiet koperti minn din l-assoċjazzjoni.

44      Sabiex tittieħed pożizzjoni, għandu jitfakkar li l-funzjoni imposta fuq il-qorti tal-Unjoni, meta tiġi adita minn oġġezzjoni magħmula fil-konfront tal-ammissibbiltà ta’ rikors jew ta’ parti mir-rikors, tikkonsisti fid-determinazzjoni dwar jekk jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fil-ġurisprudenza fir-rigward ta’ din it-tip ta’ oġġezzjoni.

45      F’dan il-każ, jidher li, skont il-ġurisprudenza, sabiex inkunu nafu jekk iċ-CCCME hijiex ammissibbli li tintroduċi rikors f’isimha proprju, għandu jiġi vverifikat jekk għandhiex, minn naħa, locus standi, u min-naħa l-oħra, interess ġuridiku, li huma meħtieġa mill-Artikolu 263 TFUE (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Għal dak li jirrigwarda llocus standi

46      Fir-rigward tal-locus standi, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jipprovdi li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ din l-istess dispożizzjoni, tippreżenta appell kontra l-atti indirizzati lilha jew li jirrigwardawha direttament u individwalment u kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

47      Peress li r-Regolament ikkontestat ma kienx indirizzat liċ-CCCME, għandu jiġi ddeterminat jekk, sa fejn hija tfittex li tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tagħha billi tippreżenta rikors f’isimha proprju, hija tistax tibbaża fuq it-tieni każ previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri dak fejn il-parti rikorrenti tista’ tistabbilixxi li hija, minn naħa, individwalment, u min-naħa l-oħra, direttament ikkonċernata mill-att ikkontestat.

48      Dawn iż-żewġ rekwiżiti (interess individwali u interess dirett) huma eżaminati suċċessivament fil-punti li ġejjin.

49      Skont il-ġurisprudenza, l-interess individwali jippreżupponi li l-att ikkontestat jilħaq lill-parti rikorrenti minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizaha meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra, u għalhekk, tindividwalizzaha b’mod analogu li bih ikun id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223).

50      Il-fatt li persuna jew entità tintervjeni b’mod jew ieħor fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ att ikkontestat ma huwiex suffiċjenti sabiex jindividwalizzaha fir-rigward tal-att inkwistjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni, 191/82, EU:C:1983:259, punt 31; tas‑17 ta’ Jannar 2002, Rica Foods vs Il‑Kummissjoni, T‑47/00, EU:T:2002:7, punt 55 u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il‑Kunsill, T‑276/13, EU:T:2016:340, punt 81).

51      Mill-banda l-oħra, l-interess individwali jista’ jiġi kkunsidrat stabbilit meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni timponi li sabiex jiġi adottat att tal-Unjoni tiġi segwita proċedura li fil-kuntest tagħha din il-persuna jew entità tista’ titlob drittijiet proċedurali, fosthom dak li tinstema’, u l-pożizzjoni ġuridika li minnha tibbenefika jkollha għalhekk effett li tindividwalizzaha fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il‑Kummissjoni, 191/82, EU:C:1983:259, punt 31, tas‑17 ta’ Jannar 2002, Rica Foods vs Il‑Kummissjoni, T‑47/00, EU:T:2002:7, punt 55 u tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il‑Kunsill, T‑276/13, EU:T:2016:340, punt 81).

52      F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, iċ-CCCME ngħatatx, mill-awtur ta’ dan tal-aħħar, drittijiet proċedurali li tagħhom hija tista’ tfittex il-protezzjoni billi taġixxi f’isimha proprju quddiem il-qorti tal-Unjoni.

53      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandu jiġi kkonstatat li ċ-CCCME rċeviet mill-Kummissjoni, wara li kienet talbitha, l-awtorizzazzjoni sabiex taċċedi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku, għall-fajl tal-investigazzjoni, peress li din l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat fis‑16 ta’ Diċembru 2016.

54      Sussegwentement, iċ-CCCME kienet indirizzata mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet provviżorji li hija kienet stabbilixxiet. Skont l-elementi tal-fajl, din il-komunikazzjoni seħħet fis‑17 ta’ Awwissu 2017. Iċ-CCCME ssottomettiet osservazzjonijiet bil-miktub dwar il-konklużjonijiet provviżorji fil‑15 ta’ Settembru 2017.

55      Ulterjorment, iċ-CCCME rċeviet, fit‑8 ta’ Novembru 2017, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet finali li fihom il-Kummissjoni pprevediet li tirrakkomanda l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi.

56      Għal dak li jirrigwarda dawn il-konklużjonijiet finali, iċ-CCCME ssottomettiet, fl‑20 ta’ Novembru 2017, osservazzjonijiet bil-miktub li għalihom il-Kummissjoni wieġbet, skont kif indikat fil-premessa 9 tar-Regolament ikkontestat.

57      Finalment, iċ-CCCME ngħatat, mill-Kummissjoni, id-dritt li tipparteċipa f’żewġ seduti organizzati fil-kuntest tal-investigazzjoni, kif jipprovdi l-Artikolu 6(5) tar-Regolament bażiku għall-persuni jew l-entitajiet li, fit-terminu stabbilit fin-notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għamlu talba bil-miktub għal udjenza li turi li huma effettivament parti interessata li x’aktarx tiġi affettwata mir-riżultat tal-proċedura u li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jiġu mismugħa.

58      Minn dawn l-elementi proċedurali, jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva kollha, iċ-CCCME kienet ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala parti interessata li għandha tingħata d-drittijiet proċedurali previsti mir-Regolament bażiku.

59      Ir-rikonoxximent ta’ dan l-istatus u tad-drittijiet li minnu jirriżultaw għaċ-CCCME ġie rreġistrat fir-Regolament ikkontestat, li fih il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 25, li b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kontenuti fir-Regolament bażiku, din l-entità għandha titqies bħala parti interessata li tirrappreżenta, b’mod partikolari, l-industrija Ċiniża tal-oġġetti tal-ħadid fondut.

60      Fuq din il-bażi, għandu jiġi kkunsidrat li, għalhekk ladarba kienet individwalizzata mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, iċ-CCCME tissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-ġurisprudenza sabiex tiġi kkunsidrata bħala individwalment interessata mir-Regolament ikkontestat għal dak li jirrigwarda r-rikors ippreżentat f’isimha proprju għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha.

61      Din il-konklużjoni hija kkontestata mill-Kummissjoni u l-intervenjenti, li mingħajr ma jikkontestaw il-fatt li matul l-investigazzjoni ċ-CCCME ngħatat drittijiet proċedurali u status partikolari b’applikazzjoni tar-Regolament bażiku, jargumentaw li din is-sitwazzjoni tirriżulta, fil-fatt, minn żball. Fil-preparazzjoni tad-difiża tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rrealizzat li, peress li hija affiljata tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iċ-CCCME ma tistax, fir-realtà, tingħata l-istatus u d-drittijiet proċedurali previsti mir-Regolament bażiku. Anki jekk seħħ fl-istadju tar-rikors quddiem il-qorti, ir-rikonoxximent ta’ tali żball għandu jwassal, skont din l-istituzzjoni, għall-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat miċ-CCCME f’isimha proprju.

62      Bi tweġiba għal dan l-argument, minn naħa, għandu jitfakkar li, adita minn oġġezzjoni li tirrigwarda l-ammissibbiltà, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika jekk humiex issodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw mit-Trattat u li din il-verifika wasslet sabiex jiġi kkunsidrat li dan kien verament il-każ f’dan il-każ.

63      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-Kummissjoni donnu jissuġġerixxi li l-pożizzjoni ġuridika li hija tat liċ-CCCME, b’applikazzjoni tar-Regolament bażiku, għandha tiġi injorata għall-bżonnijiet ta’ dan ir-rikors, għar-raġuni li din il-pożizzjoni kienet irriżultat minn żball magħmul minnha.

64      Madankollu, tali żball, preżunt li seħħ, ma jistax iħassar dak li kien irrikonoxxut u mogħti waqt il-proċedura amministrattiva, peress li l-awtur ta’ att ikkontestat għandu l-possibbiltà li jikkoreġi l-iżbalji mwettqa fil-kuntest tal-adozzjoni tiegħu. Għalhekk, dan l-awtur jista’, meta jinnota l-iżball, jiddeċiedi li d-drittijiet proċedurali u l-istatus irrikonoxxuti jiġu rtirati lill-parti kkonċernata, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li din imbagħad titlob lill-qorti tal-Unjoni tistħarreġ il-validità tad-deċiżjoni hekk meħuda (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2000, BEUC vs Il‑Kummissjoni, T‑256/97, EU:T:2000:21, punti 27 u 84). Jekk l-iżball jiġi identifikat wara l-għeluq tal-proċedura amministrattiva, kif kien il-każ f’dan il-każ skont l-argument imressaq mill-Kummissjoni, l-awtur tal-att ikkontestat iżomm il-possibbiltà li jirtira lil dan tal-aħħar u li jkompli l-proċedura, filwaqt li jikkoreġi l-iżball fl-istadju li fih ikun twettaq (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr preġudizzju, mill-ġdid, għall-possibbiltà li l-parti kkonċernata tikkontesta d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha.

65      Konsegwentement l-argument imressaq mill-Kummissjoni bis-sostenn tal-intervenjenti għandu jiġi miċħud.

66      Sa fejn huwa meħtieġ, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni ssostni wkoll li, preżunt li ċ-CCCME tista’ tippretendi drittijiet proċedurali li jirriżultaw mir-Regolament bażiku, din l-entità għandha tiġi rrikonoxxuta bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva fis-sens tal-imsemmi regolament, u mhux bħala parti interessata fis-sens tal-imsemmi regolament. Madankollu, l-istatus ta’ assoċjazzjoni rappreżentattiva jagħtiha aċċess għal drittijiet proċedurali iktar limitati minn dawk miftuħa għall-partijiet interessati, bil-konsegwenza li r-rikors ikollu jiġi ddikjarat inammissibbli għal ċerti drittijiet proċedurali invokati miċ-CCCME li r-Regolament bażiku jagħti biss lill-partijiet interessati.

67      Sabiex tingħata tweġiba għal dan l-argument, huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li din il-preżentazzjoni taċ-CCCME mogħtija mill-Kummissjoni ma tikkorrispondix għal dik imsemmija fir-Regolament ikkontestat, li l-motivazzjoni tagħha tikkostitwixxi l-element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

68      Fil-fatt, fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-istatus ta’ parti interessata liċ-CCCME, mingħajr ebda ambigwità, kif ġie indikat fil-punt 59 iktar ’il fuq. Hija esprimiet ruħha f’dawn it-termini wkoll fil-premessa 25:

“[I]l-Kummissjoni qieset li l-fajl miftuħ tal-każ imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet, inkluż għas-CCCME, kien fih l-informazzjoni rilevanti kollha għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u użata fl-investigazzjoni. Meta l-informazzjoni tqieset kunfidenzjali, il-fajl miftuħ kien fih sommarji sinifikattivi tagħha. Il-partijiet interessati kollha, inkluża ċ-CCCME, kellhom aċċess għall-fajl miftuħ u setgħu jikkonsultawh. Fir-rigward tas-CCCME, il-Kummissjoni osservat li għad li din tirrappreżenta, fost l-oħrajn, lill-industrija tal-fonderija taċ-Ċina, din ma kienet awtorizzata minn l-ebda produttur esportatur individwali fil-kampjun biex ikollha aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali tiegħu. B’hekk, id-divulgazzjoni kunfidenzjali mibgħuta lill-produtturi esportaturi Ċiniżi individwali fil-kampjun ma setgħetx tiġi pprovduta lis-CCCME”.

69      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 53 sa 58 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni rrikonoxxiet liċ-CCCME, matul il-proċedura, kemm drittijiet proċedurali li huma espressament previsti għall-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament bażiku li jippermettu l-kisba ta’ informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti miżuri provviżorji jew li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi, kif ukoll drittijiet proċedurali li jingħataw lill-partijiet interessati kollha mingħajr distinzjoni skont l-istess regolament, bħal dak li jiġu mismugħa skont l-Artikolu 6(5).

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li ċ-CCCME tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa sabiex tiġi kkunsidrata bħala individwalment interessata fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr preġudizzju tal-possibbiltà, għall-Kummisjoni, li tirrifjuta, jekk ikun il-każ, fil-futur, liċ-CCCME l-istatus u l-garanziji inkwistjoni, u dik li l-entità kkonċernata tikkontesta, f’dak il-każ, din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni.

71      Peress li l-interess individwali huwa stabbilit, għandu jiġi eżaminat jekk iċ-CCCME tistax tiġi kkunsidrata wkoll bħala interessata b’mod dirett, li jeħtieġ li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin b’mod kumulattiv.

72      Minn naħa, l-att ikkontestat għandu joħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-parti rikorrenti (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u l‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66).

73      Min-naħa l-oħra, l-att ikkontestat ma għandu jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu li għandhom jimplementawh, peress li dan huwa ta’ natura purament awtomatika u jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u l‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66).

74      Dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, f’dan il-każ, peress li ċ-CCCME tista’ tikseb ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha biss jekk hija jkollha l-possibbiltà li tikkontesta r-Regolament ikkontestat.

75      Għalhekk, peress li ċ-CCCME hija direttament interessata kif ukoll individwalment interessata, għandu jiġi konkluż li hija għandha locus standi f’isimha proprju sabiex tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punti 101 sa 109).

76      Sabiex l-analiżi tkun kompluta, huwa nnotat li fir-risposta, il-Kummissjoni sostniet li ċ-CCCME ma kinitx persuna ġuridika fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, waqt is-seduta hija rrinunzjat għal din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà wara li eżaminat id-dokumenti pprodotti mir-rikorrenti għal dak li jirrigwarda l-personalità ġuridika taċ-CCCME fid-dawl tad-dritt Ċiniż, li kien irreġistrat fil-proċess verbal tas-seduta.

–       Għal dak li jirrigwarda linteress ġuridiku

77      Għal dak li jirrigwarda l-interess ġuridiku, il-ġurisprudenza tippreċiża li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn il-parti rikorrenti jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, EU:T:2010:511, punt 41, digrieti tad‑9 ta’ Novembru 2011, ClientEarth et vs Il‑Kummissjoni, T‑120/10, mhux ippubblikata, EU:T:2011:646, punt 46 u tat‑30 ta’ April 2015, EEB vs Il‑Kummissjoni, T‑250/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:274, punt 14).

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-annullament tar-Regolament ikkontestat jimponi lill-Kummissjoni terġa’ tiftaħ il-proċedura antidumping, u jekk hija qieset li r-rekwiżiti previsti fir-Regolament bażiku f’dan ir-rigward kienu ssodisfatti, tippermetti liċ-CCCME tintervjeni fil-proċedura billi tiġbor l-osservazzjonijiet tagħha skont ir-Regolament bażiku.

79      Peress li jista’ joħloq dawn l-effetti, annullament jista’ jkollu konsegwenzi ġuridiċi għaċ-CCCME f’isimha proprju.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-CCCME għandha l-interess ġuridiku meħtieġ sabiex tippreżenta dan ir-rikors f’isimha proprju.

 Fuq lammissibbiltà tarrikors sa fejn huwa ppreżentat miċCCCME għannom talmembri tagħha u fuq lammissibbiltà talargumenti mressqa insostenn ta’ dan irrikors

81      Fit-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, invokata wkoll sussidjarjament, il-possibbiltà għaċ-CCCME li tippreżenta rikors għan-nom tal-membri tagħha hija kkontestata mill-Kummissjoni permezz ta’ erba’ argumenti.

–       Assenza ta’ status rappreżentattiv

82      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, targumenta li d-dritt għal azzjoni ġudizzjarji rikonoxxut lill-assoċjazzjonijiet meta jaġixxu għan-nom tal-membri tagħhom huwa rriżervat, fil-ġurisprudenza, għal dawk li għandhom status rappreżentattiv. Fit-tradizzjoni legali tal-Istati Membri, dan it-terminu jirrifletti n-natura ta’ entità rregolata mid-dritt privat li kapaċi tirrappreżenta l-interessi kollettivi tal-membri tagħha kif stabbiliti minn dawn tal-aħħar b’mod demokratiku fi ħdanha. L-imsemmi status rappreżentattiv huwa assenti fil-każ taċ-CCCME, li għandha tiġi kkunsidrata bħala affiljata tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u għalhekk ma tistax tibbenefika mill-ġurisprudenza inkwistjoni.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza, assoċjazzjoni hija ammissibbli li tippreżenta rikors għal annullament b’mod partikolari meta hija tirrappreżenta l-interessi ta’ intrapriżi li huma stess għandhom locus standi (digriet tat‑23 ta’ Novembru 1999, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, T‑173/98, EU:T:1999:296, punt 47, u s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill, T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:509, punt 33).

84      Il-possibbiltà li assoċjazzjoni taġixxi għan-nom tal-membri tagħha hija bbażata fuq il-vantaġġ sinjifikattiv li joħloq dan il-mod proċedurali, billi jippermetti li jiġi evitat li numru kbir ta’ rikorsi differenti jiġu ppreżentati kontra l-istess atti mill-membri tal-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tagħhom (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130, punt 60; tal‑15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill, T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:509, punt 35, u tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 25).

85      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 84 iktar ’il fuq, jirriżulta li sabiex dan il-vantaġġ isir konkret, għandu u huwa suffiċjenti, fl-ewwel lok, li l-assoċjazzjoni inkwistjoni taġixxi għan-nom tal-membri tagħha (li huma stess għandhom locus standi, li għandu jiġi vverifikat ulterjorment), u fit-tieni lok, li l-preżentazzjoni tar-rikors tkun permessa mis-setgħat mogħtija lilha fl-istatuti tagħha.

86      Għandu jiġi vverifikat jekk jistax jiġi kkunsidrat li dawn iż-żewġ rekwiżiti huma ssodisfatti għal dak li jirrigwarda ċ-CCCME.

87      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel rekwiżit, għandu jiġi kkonstatat, li sabiex jiġi stabbilit l-istatus tagħhom ta’ membri, iċ-CCCME pprovdiet lill-Qorti Ġenerali, għal kull waħda mill-intrapriżi li għan-nom tagħha hija ppreżentat ir-rikors, dokument li jiċċertifika l-kwalità tagħhom ta’ membru.

88      Għal dak li jirrigwarda t-tieni rekwiżit, jista’ jiġi rrilevat li l-istatuti pprodotti miċ-CCCME juru l-għan soċjali mfittex minn din l-assoċjazzjoni f’termini li jkopru azzjoni ġudizzjarja intiża sabiex tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha kontra miżuri ta’ difiża kummerċjali.

89      Din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 3 tal-istatuti taċ-CCCME, li jistabbilixxi l-għan soċjali tagħha bħala intiża sabiex “tipprovdi lill-membri tagħha koordinazzjoni, konsultazzjoni u servizz; iżżomm kundizzjonijiet ugwali kontra l-protezzjoniżmu; tissalvagwardja d-drittijiet u interessi leġittimi tal-membri tagħha; u tippromwovi l-iżvilupp b’saħħtu tal-industriji mekkaniċi u elettroniċi”.

90      Din il-konstatazzjoni hija bbażata wkoll fuq l-Artikolu 6(4), (5) u (9) tal-istatuti, li jagħti liċ-CCCME l-kapaċità li “torganizza l-intrapriżi għall-ġestjoni ta’ rikorsi kummerċjali u ta’ tilwim fil-qasam tal-proprjetà intellettwali fir-rigward tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi barranin ta’ prodotti mekkaniċi u elettroniċi taċ-Ċina, li tagħti pariri legali u sostenn legali lill-membri, li titlob lill-Gvern jinvestiga l-prattiċi ta’ kompetizzjoni żleali ta’ intrapriżi barranin[,] li torganizza l-iżvilupp tar-regolament tas-servizzi tal-industrija, li tippromwovi l-awtoregolazzjoni tal-industrija[,] li żżomm l-ordni kummerċjali normali tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, kif ukoll l-interessi komuni tal-membri […] u li twettaq xogħlijiet oħra skont il-bżonnijiet tal-membri”.

91      Sa fejn huwa meħtieġ, jista’ jiġi rrilevat li l-għan soċjali taċ-CCCME huwa deskritt fl-istatuti tagħha f’termini simili għal dawk użati fl-istatuti tal-assoċjazzjonijiet rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punti 60 sa 63), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit relattiv għal-locus standi tal-imsemmija assoċjazzjonijiet kien issodisfatt.

92      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li f’dan il-każ, iż-żewġ rekwiżiti previsti mill-ġurisprudenza għall-preżentazzjoni ta’ rikors minn assoċjazzjoni għan-nom tal-membri tagħha, huma ssodisfatti.

93      Madankollu, din il-pożizzjoni hija kkontestata fuq żewġ punti mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti.

94      Fl-ewwel lok, l-intervenjenti jinnotaw li d-dikjarazzjonijiet ipprodotti miċ-CCCME sabiex tistabilixxi l-kwalità ta’ membri tal-intrapriżi li jaqgħu fl-organizzazzjoni tagħha kienu ġew stabbiliti ftit żmien qabel il-preżentazzjoni tar-rikors, mingħajr ma din l-appartenenza ġiet murija waqt il-fażi amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

95      Madankollu, hija rappreżentazzjoni li tkopri l-proċedura kollha, inkluż il-fażi amministrattiva, li għandha tiġi stabbilita sabiex tapplika l-ġurisprudenza li tippermetti lill-assoċjazzjonijiet jaġixxu għan-nom tal-membri tagħhom, inkella r-rappreżentazzjoni tkun ta’ natura artifiċjali, marbuta esklużivament mal-preżentazzjoni tar-rikors.

96      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ azzjoni lill-assoċjazzjonijiet għan-nom tal-membri tagħhom huwa bbażat fuq raġuni proċedurali marbuta mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jiġifieri l-vantaġġ li jirriżulta mill-konċentrazzjoni, f’rikors wieħed, tal-azzjonijiet kollha li kieku kienu jitressqu mill-intrapriżi kkonċernati (ara l-punt 84 iktar ’il fuq), u li ma huwiex meħtieġ li r-rappreżentazzjoni tkopri l-proċedura kollha, inkluż il-fażi amministrattiva, sabiex l-assoċjazzjoni tkun tista’ tippreżenta rikors għan-nom tal-membri tagħha.

97      F’dan il-każ, tali vantaġġ huwa ferm preżenti peress li r-rikors ippreżentat miċ-CCCME għan-nom tal-membri tagħha jippermetti li tiġi evitata li titressaq azzjoni minn kull wieħed mill-membri li għan-nom tagħhom hija taġixxi. Barra minn hekk, huwa stabbilit li fid-data tal-preżentazzjoni tar-rikors, l-intrapriżi li għan-nom tagħhom iċ-CCCME taġixxi ġudizzjarjament kienu membri ta’ din l-assoċjazzjoni.

98      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, targumenta li lil hinn miż-żewġ rekwiżiti li għadhom kemm ġew eżaminati, ġie introdott it-tielet wieħed mis-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155), marbut mal-istatus rappreżentattiv tal-assoċjazzjoni inkwistjoni fis-sens tat-tradizzjoni legali komuni tal-Istati Membri.

99      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fis-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punti 120 sa 125), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-assenza ta’ dritt ta’ vot jew mezz ieħor sabiex l-intrapriżi jiddefendu l-interessi tagħhom fi ħdan assoċjazzjoni ma tostakolax l-preżentazzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ rikors għan-nom tal-membri tagħha.

100    Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il‑Kunsill (T‑276/13, EU:T:2016:340), li permezz tagħha, fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali, billi introduċiet rekwiżit addizzjonali għar-rekwiżiti eżaminati iktar ’il fuq, kienet ikkunsidrat li d-dritt ta’ azzjoni tal-assoċjazzjonijiet għandu jkun suġġett, meta dawn kienu jippretendu li jaġixxu għan-nom tal-membri tagħhom, għall-eżistenza ta’ dritt ta’ vot jew għal mezz ieħor li jippermetti lil dawn tal-aħħar jargumentaw l-opinjoni tagħhom fi ħdan l-organizzazzjoni.

101    Għalhekk għandha tiġi miċħuda l-interpretazzjoni tas-sentenza tat-28 ta’ Frar 2019,, Il-Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il‑Kunsill (C‑465/16 P, EU:C:2019:155), mogħtija mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti, li tipprovdi li d-dritt ta’ azzjoni ġudizzjarja tal-assoċjazzjonijiet għan-nom tal-membri tagħhom jeħtieġ rekwiżit addizzjonali marbut mal-istatus rappreżentattiv ta’ din l-assoċjazzjoni fis-sens tat-tradizzjoni legali komuni tal-Istati Membri.

102    Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni wera ċertu realiżmu billi ppreveda, fil-leġiżlazzjoni antidumping, is-sitwazzjoni li fiha l-importazzjonijiet kienu l-oġġett ta’ dumping minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq. Għalhekk, l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi regoli differenti għad-determinazzjoni tal-valur normali skont jekk il-produtturi‑esportaturi kkonċernati humiex stabbiliti f’pajjiż li għandu ekonomija tas-suq jew le.

103    Kieku kien meħtieġ rekwiżit ta’ rappreżentattività għal dak li kien jirrigwarda entità li tippreżenta ruħha bħala assoċjazzjoni, kien ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi evalwat jekk dan ir-rekwiżit huwiex issodisfat, minn naħa, il-partikolaritajiet tal-Istat terz li minnu hija ġejja, u min-naħa l-oħra, il-fatt li dan huwa Stat li ma għandux ekonomija tas-suq, u l-awtoritajiet pubbliċi jintervjenu iktar fil-funzjonament u fl-attivitajiet ta’ intrapriżi jew assoċjazzjonijiet attivi fit-territorju tagħhom.

104    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jista’ jiġi kkunsidrat li l-ewwel argument imressaq mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti fil-konfront tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat miċ-CCCME għan-nom tal-membri tagħha, għandu jiġi miċħud.

–       Natura tarRegolament ikkontestat

105    Il-Kummissjoni ssostni, dejjem sabiex tikkontesta l-possibbiltà li ċ-CCCME taġixxi għan-nom tal-membri tagħha, li n-natura tar-Regolament ikkontestat tostakola l-applikazzjoni, fil-kontenzjuż relattiv għall-miżuri ta’ difiża kummerċjali, tal-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn assoċjazzjonijiet.

106    Skont il-Kummissjoni, ir-Regolament ikkontestat jinkludi ġabra ta’ deċiżjonijiet li kull waħda tirrigwarda, produttur‑esportatur partikolari. Peress li l-effetti ta’ eventwali annullament ta’ dan ir-regolament jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal produttur‑esportatur li ppreżenta rikors biss, huwa essenzjali, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, li jiġu identifikati l-intrapriżi li qed jitolbu l-imsemmi annullament permezz tal-assoċjazzjoni li taġixxi għan-nom tagħhom. Issa din l-identifikazzjoni ma hijiex possibbli, abbażi tal-komunikazzjoni lil Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea relattiva għall-proċeduri ġudizzjarji introdotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta rikors jiġi ppreżentat minn assoċjazzjoni għan-nom tal-membri tagħha.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ma tippermettix li jiġi eskluż, lil assoċjazzjoni, id-dritt li taġixxi għan-nom tal-membri tagħha fil-kontenzjuż ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 126; tal‑21 ta’ Marzu 2012, Fiskeri og Havbruksnæringens Landsforening et vs Il‑Kunsill, T‑115/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:136, punt 29 u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill, T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:509, punt 63).

108    Il-vantaġġi proċedurali rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza lil dan it-tip ta’ rikors huma preżenti wkoll f’dan il-każ, għaliex ir-regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping jistgħu jaffettwaw numru kbir ta’ produtturi‑esportaturi identifikati f’dawn l-atti jew ikkonċernati mill-investigazzjoni preċedenti għall-adozzjoni tagħhom.

109    Huwa minnu li skont il-ġurisprudenza, regolament li jimponi dazji antidumping differenti jirrigwarda individwalment lil operatur partikolari biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jimponu dazju antidumping partikolari u li jistabbilixxu l-ammont tiegħu, u mhux fir-rigward ta’ dawk li jimponu dazji antidumping lill-kumpanniji oħra (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1992, Ricoh vs Il‑Kunsill, C‑174/87, EU:C:1992:108, punt 7).

110    Huwa għalhekk li jekk rikors għal annullament kontra regolament li jimponi dazji antidumping, jiġi milqugħ, iwassal għall-annullament ta’ dak ir-regolament sa fejn jimponi dazju antidumping fuq il-parti rikorrenti u li l-imsemmi annullament ma jaffettwax il-validità ta’ elementi oħra ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari dazju antidumping applikabbli għall-operaturi l-oħra (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 27).

111    Madankollu, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-produtturi‑esportaturi li ċ-CCCME taġixxi għan-nom tagħhom huma 19-il produttur‑esportatur Ċiniż identifikati fl-Anness A.2 tar-rikors bħala li huma Hebei Cheng’An Babel Casting Co. Ltd, Shanxi Jiaocheng Xinglong Casting Co. Ltd, Tianjin Jinghai Chaoyue Industrial and Commercial Co. Ltd, Qingdao Jiatailong Industrial Co. Ltd, Qingdao Jinfengtaike Machinery Co. Ltd, Shahe City Fangyuan Casting Co. Ltd, Shandong Heshengda Machinery Technology Co. Ltd, Baoding Shuanghu Casting Co. Ltd, Tang County Kaihua Metal Products Co. Ltd, Weifang Nuolong Machinery Co. Ltd, Laiwu Xinlong Weiye Foundry Co. Ltd, Handan Zhangshui Pump Manufacturing Co. Ltd, Zibo Joy’s Metal Co. Ltd, Dingxiang Sitong Forging and Casting Industrial, Jiaocheng County Honglong Machinery Manufacturing Co. Ltd, Laiwu City Haitian Machinery Plant, Lianyungang Ganyu Xingda Casting Foundry, Rockhan Technology Co. Ltd u Botou GuangTai Precision Casting Factory.

112    Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq, huma biss dawn il-membri li jistgħu jibbenefikaw minn annullament jekk ir-rikors ippreżentat għan-nom tagħhom miċ-CCCME jiġi milqugħ mill-Qorti Ġenerali.

113    Għal din ir-raġuni, għandu jiġi miċħud it-tieni argument ippreżentat mill-Kummissjoni sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat miċ-CCCME għan-nom tal-membri tagħha.

–       Membri mhux inklużi fil-kampjun

114    Il-Kummissjoni tfakkar li l-membri taċ-CCCME ma kinux inklużi fil-kampjun ta’ produtturi‑esportaturi Ċiniżi li hija għażlet matul l-investigazzjoni u ssostni li l-ġurisprudenza tirriżerva l-locus standi għall-operaturi li kienu l-oġġett ta’ din l-għażla biss.

115    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kif kien indikat fil-punt 46 iktar ’il fuq, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna għandha locus standi kontra l-atti li jikkonċernawha direttament u individwalment jew kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

116    L-ewwel u t-tielet każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni ma jirrigwardawx il-membri taċ-CCCME, peress li, minn naħa, dawn tal-aħħar ma humiex id-destinatarji tar-Regolament ikkontestat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill, T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:509, punt 39) u min-naħa l-oħra, ir-Regolament ikkontestat jinvolvi miżuri ta’ implimentazzjoni, peress li s-sistema stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2), li taħtha jaqa’ r-Regolament ikkontestat, tipprovdi, fil-fatt, li d-dazji stabbiliti minn dan tal-aħħar jinġabru abbażi ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali (ara f’dan is-sens, id-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2014, Bricmate vs Il‑Kunsill, T‑596/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:53, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Peress li l-ewwel u t-tielet każijiet previsti mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma humiex issodisfatti f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżiti previsti għall-applikazzjoni tat-tieni humiex issodisfatti għal dak li jirrigwarda l-membri taċ-CCCME, li jimplika l-eżami tal-interess dirett u individwali tagħhom.

118    F’dan il-każ, ir-rekwiżit li jirrigwarda l-interess dirett huwa ssodisfatt peress li r-Regolament ikkontestat joħloq effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-membri taċ-CCCME u li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, mingħajr ma jibbenefikaw minn xi marġni ta’ diskrezzjoni, huma obbligati jiġbru d-dazji imposti mir-Regolament ikkontestat (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 1979, ISO vs Il‑Kunsill, 118/77, EU:C:1979:92, punt 26 u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Molinos Río de la Plata et vs Il‑Kunsill, T‑112/14 sa T‑116/14 u T‑119/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:509, punt 62).

119    Fir-rigward tal-interess individwali, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping għandhom, min-natura u mill-portata tagħhom, natura normattiva peress li japplikaw għall-operaturi ekonomiċi interessati kollha (sentenzi tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 19 u tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Marquis Energy, C‑466/16, EU:C:2019:156, punt 47). Madankollu, din in-natura normattiva ma tostakolax il-fatt li l-imsemmija regolamenti jistgħu jikkonċernaw individwalment lil dawk il-produtturi‑esportaturi tal-prodott ikkonċernat li għalihom huma imputati l-prattiki ta’ dumping abbażi ta’ data relattiva għall-attività kummerċjali tagħhom. Dan huwa l-każ, b’mod ġenerali, ta’ intrapriżi produtturi u esportaturi li jistgħu juru li kienu identifikati fl-atti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jew ikkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association, C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punt 79; ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, BP Products North America vs Il‑Kunsill, T‑385/11, EU:T:2014:7, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-membri taċ-CCCME huma intrapriżi produtturi u esportaturi tal-prodott ikkonċernat li, minn naħa, ipprovdew lill-Kummissjoni informazzjoni billi wieġbu l-kwestjonarju kontenut fl-Anness I tal-avviż tal-bidu tal-investigazzjoni, u min-naħa l-oħra, huma identifikati fir-Regolament ikkontestat, b’mod iktar preċiż fl-Anness li għalih jirreferi l-Artikolu 1(2) tad-dispożittiv ta’ dan ir-regolament. Bħala kumpanniji oħra li kkoperaw identifikati f’dan l-anness, il-membri taċ-CCCME ġew applikati dazju antidumping ta’ ammont speċifiku, differenti mill-ammont applikabbli għall-kumpanniji l-oħra kollha mhux identifikati li għalihom japplika r-Regolament ikkontestat. Għalhekk, u kif targumenta l-Kummissjoni stess, kif indikat fil-punt 106 iktar ’il fuq, ir-Regolament ikkontestat jinkludi ġabra ta’ deċiżjonijiet, li kull waħda tirrigwarda produttur‑esportatur partikolari.

121    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza kif imfakkra fil-punt 119 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li minbarra li huma direttament interessati mir-Regolament ikkontestat, il-membri taċ-CCCME huma individwalment ikkonċernati minn dan ir-regolament.

122    Fl-aħħar nett, il-membri taċ-CCCME għandhom interess ġuridiku, peress li stante li huma suġġetti għad-dazji antidumping imposti mir-Regolament ikkontestat, huma għandhom interess li dan ir-regolament jiġi annullat.

123    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-membri taċ-CCCME u konsegwentement, din l-assoċjazzjoni nnifisha, jissodisfaw ir-rekwiżiti li jippermettu l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom u għalhekk it-tielet argument imressaq kontra din il-konklużjoni mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

–       Limitazzjoni talargumenti li jistgħu jiġu invokati

124    Il-Kummissjoni ssostni li ċ-CCCME ma tistax tinvoka, għan-nom tal-membri tagħha, ksur ta’ dispożizzjonijiet li fir-Regolament bażiku jirrigwardaw elementi oħra minbarra dawk dwar id-determinazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni.

125    Fil-fatt, il-Kummissjoni tirrileva li l-mandat fdat liċ-CCCME mill-produtturi‑esportaturi Ċiniżi matul l-investigazzjoni antidumping kien jestendi biss għad-difiża ta’ dawn l-intrapriżi kontra d-dikjarazzjonijiet tagħha li jirrigwardaw id-dannu. Minn dan jirriżulta li l-membri taċ-CCCME kienu taw lil din l-entità d-dritt li tirrappreżentahom matul l-investigazzjoni, u konsegwentement, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, sabiex tiddefendihom kontra l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dannu biss.

126    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kif ġie indikat fil-punti 88 sa 90 iktar ’il fuq, il-missjonijiet fdati liċ-CCCME mill-istatuti li jirregolaw il-ħolqien u l-organizzazzjoni tagħha jinkludu d-difiża tal-interessi tal-membri tagħha.

127    Permezz tan-natura ġenerali tagħha, tali missjoni tinkludi li titressaq azzjoni ġudizzjarja intiża għad-difiża tal-interessi tal-membri tagħha kontra miżuri ta’ difiża kummerċjali u li tqajjem, f’dan il-kuntest, kull motiv ta’ natura li jikkontesta l-legalità ta’ dawn il-miżuri, anki jekk il-mandat riċevut mill-membri kien limitat, matul l-investigazzjoni, għad-dannu.

128    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza, assoċjazzjoni li l-missjonijiet statutorji tagħha jinkludu d-difiża tal-interessi tal-membri tagħha, kif inhu l-każ taċ-CCCME, ma għandux ikollha mandat jew prokura speċifika, stabbiliti mill-membri li hija tiddefendi l-interessi tagħhom, sabiex jiġi lilha rikonoxxut locus standi quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Aiscat vs Il‑Kummissjoni, T‑182/10, EU:T:2013:9, punt 53), peress li min-natura, il-preżentazzjoni ta’ rikors huwa inerenti għad-difiża ta’ dawn l-interessi.

129    Għalhekk, għandu jiġi miċħud ir-raba’ argument imressaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-imposibbiltà li ċ-CCCME tinvoka, għan-nom tal-membri tagħha, ksur ta’ dispożizzjonijiet li ma jikkonċernawx id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà tarrikors sa fejn huwa ppreżentat millpersuni ġuridiċi loħra li isimhom jinsab fl-Anness I

130    Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa ppreżentat mill-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I.

131    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li għar-raġuni diġà esposta fil-punt 114 iktar ’il fuq, seba’ mill-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I, li huma produtturi‑esportaturi Ċiniżi mhux inklużi fil-kampjun, ma għandhomx l-locus standi meħtieġ.

132    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li bħall-membri taċ-CCCME, dawn l-intrapriżi, li huma produtturi‑esportaturi tal-prodott ikkonċernat, minn naħa, ipprovdew lill-Kummissjoni informazzjoni billi wieġbu l-kwestjonarju kontenut fl-Anness I tal-avviż tal-bidu tal-investigazzjoni, u min-naħa l-oħra, huma identifikati fir-Regolament ikkontestat bħala kumpanniji oħra li kkoperaw elenkati fl-anness tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, isimhom jidher fl-imsemmi anness u ġew applikati dazju antidumping ta’ ammont speċifiku, b’tali mod li għandu jiġi konkluż li r-Regolament ikkontestat jinkludi ġabra ta’ deċiżjonijiet li kull waħda tirrigwarda produttur‑esportatur partikolari. Għalhekk, għall-istess raġunijiet esposti fil-punti 118 sa 122 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li dawn is-seba’ persuni ġuridiċi għandhom interess ġuridiku u locus standi.

133    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-mandati mogħtija mill-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I jippreżentaw xi irregolaritajiet li jostakolaw l-ammissibbiltà tar-rikors, għar-raġuni li ma jidentifikawx b’mod ċar l-funzjoni tal-persuni li ffirmawhom u ma jistabbilixxux li dawn il-persuni kellhom is-setgħa jiffirmaw tali atti.

134    B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda seba’ mill-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I, il-funzjoni tal-persuna li ffirmat il-mandat hija indikata bħala dik ta’ “amministratur delegat”, ta’ “direttur ġenerali”, ta’ “kontrollur finanzjarju” jew ta’ “direttur”, mingħajr ebda preċiżjoni oħra u lanqas ġustifikazzjoni dwar jekk, skont id-dritt Ċiniż, din il-persuna kinitx awtorizzata tiffirma tali mandat.

135    Għal dak li jirrigwarda ż-żewġ persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I, dawn kienu pprovdew mandat li ma jindikax il-funzjoni tal-firmatarju, mingħajr, barra minn hekk, ma hemżu dokumenti li jistabbilixxu li dan tal-aħħar kellu s-setgħa jiffirma tali att.

136    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regoli tal-Proċedura ma jeħtiġux, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regoli tat‑23 ta’ April 2015 (ĠU 2015, L 105, p. 1), il-prova li l-mandat mogħti lill-avukat kien stabbilit minn rappreżentant kwalifikat għal dan il-għan, kif kien il-każ fir-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991 preċedentement fis-seħħ (ara f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Marzu 2016, Sopra Steria Group vs Il‑Parlament, T‑182/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:165, punti 26 sa 29; is-sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 2016, European Food vs L‑EUIPO - Société des produits Nestlé (FITNESS), T‑476/15, EU:T:2016:568, punt 19 u tas‑17 ta’ Frar 2017, Batmore Capital vs L‑EUIPO – Univers Poche (POCKETBOOK), T‑596/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:103, punti 19 u 20).

137    Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

138    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I għandhom locus standi fl-annullament tar-Regolament ikkontestat.

 Konklużjonijiet dwar lammissibbiltà

139    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż ammissibbli, fl-ewwel lok, ir-rikors sa fejn huwa ppreżentat miċ-CCCME f’isimha proprju sabiex tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha, fit-tieni lok, ir-rikors sa fejn huwa ppreżentat miċ-CCCME għan-nom tad‑19‑il membru li hija identifikat, u fit-tielet lok, ir-rikors sa fejn huwa ppreżentat mill-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I.

 Fuq ilmertu

140    Ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi insostenn tar-rikors tagħhom.

141    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2), (3) u (5) sa (7) tar-Regolament bażiku kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn il-Kummissjoni ma bbażatx il-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tad-dannu u r-rabta kawżali fuq provi pożittivi u lanqas fuq eżami oġġettiv.

142    It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, fl-analiżi tagħha tar-rabta kawżali.

143    It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur, mill-Kummissjoni, tad-drittijiet ta’ difiża kif ukoll tal-Artikolu 6(7), tal-Artikolu 19(1) sa (3) u tal-Artikolu 20(2) u (4) tar-Regolament bażiku, billi rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti aċċess għal informazzjoni utli għad-determinazzjoni tad-dumping u tad-dannu.

144    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10), tal-Artikolu 3(2)(a), tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, it-twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu.

145    Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 2(10)(b) u tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, billi wettqet l-aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), fil-kuntest tal-paragun bejn il-prezz tal-esportatazzjoni u l-valur normali.

146    Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fid-determinazzjoni tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż ġenerali u tal-ispejjeż amministrattivi (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż BĠA”) kif ukoll tal-profitti użati sabiex jiġi kkostruwiet il-valur normali.

 Fuq lestensjoni talistħarriġ ġudizzjarju

147    Preliminarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-istħarriġ ġudizzjarju dwar ir-Regolament ikkontestat għandu jkun komplut, mingħajr ma jkun limitat għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li ġeneralment ikun il-bażi tal-istħarriġ, mill-qorti, ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

148    Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li, billi għamlu din il-kunsiderazzjoni preliminari, huma ma ridux jeskludu l-ġurisprudenza eżistenti, iżda riedu biss jenfasizzaw li, fil-fehma tagħhom, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-koerenza tal-provi invokati mill-Kummissjoni stess fl-oqsma li fihom din tal-aħħar kellha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa.

149    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, meħuda inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li minnha jgawdu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, il-qorti tal-Unjoni għandha, fil-kontenzjuż ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, ikkaratterizzat mill-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li għandhom jiġu eżaminati, tillimita l-istħarriġ għall-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ abbuż ta’ poter (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Trace Sport, C‑251/18, EU:C:2019:766, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150    F’dan il-kuntest, hija l-qorti li għandha, kif jitolbu r-rikorrenti, minn naħa, tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, u min-naħa l-oħra, tivverifika jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u sabiex jiġi vverifikat jekk humiex ta’ natura li fuqhom tibbaża l-konklużjoni li tittieħed abbażi tagħhom (sentenza tas‑7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punt 36).

 Fuq lewwel motiv relattiv għaddeterminazzjoni tależistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali

151    L-ewwel motiv huwa maqsum f’sitt partijiet.

–       Fuq lewwel parti talewwel motiv li tirrigwarda lkalkolu talvolum talimportazzjonijiet

152    Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni użat data mhux affidabbli pprovduta mil-lanjanti sabiex tikkalkula l-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

153    Dan l-argument huwa kkontestat mill-Kummissjoni.

154    Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku kull prodott oġġett ta’ dumping jista’ jiġi suġġett għal dazju antidumping meta r-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni jikkawża dannu.

155    Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament bażiku, l-eżistenza ta’ dannu hija ddeterminata abbażi ta’ provi pożittivi u tinkludi eżami oġġettiv b’mod partikolari, tal-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

156    Id-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) hija użata għall-kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 30). Dawn huma kklassifikati skont kodiċi li jirriżultaw min-Nomenklatura Magħquda (NM). F’dan il-każ, il-prodott previst mir-Regolament ikkontestat jaqa’ taħt żewġ kodiċi: il-kodiċi NM ex 7325 10 00 (fondut mhux malleabbli) u l-kodiċi NM ex 7325 99 10 (fondut malleabbli), u l-“ex” quddiem il-kodiċi tindika, fiż-żewġ każijiet, li l-prodott previst mill-investigazzjoni jaqa’ biss taħt parti mill-kodiċi kkunsidrat.

157    Sabiex jiġi stabbilit il-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, għandhom jingħoddu t-tranżazzjonijiet oġġett ta’ reġistrazzjoni taħt dawn il-kodiċi matul il-perijodu kkunsidrat, jiġifieri bejn l‑1 ta’ Jannar 2013 u t‑30 ta’ Settembru 2016.

158    F’dan il-każ, kellhom isiru aġġustamenti sabiex jiġu solvuti tliet diffikultajiet li ppreżentaw ruħhom fil-kuntest tal-kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

159    L-ewwel diffikultà kienet tirrigwarda l-prodotti tal-ħadid fondut mhux malleabbli (NM ex 7325 10 00). Qabel l‑2014, dawn il-prodotti kienu jagħmlu parti minn sett ikbar (NM ex 7325 10), diviż f’subkodiċi li tlieta minnhom kienu jinkludu l-prodott ikkonċernat, madankollu, it-tielet minn dawn is-subkodiċi bin-numru NM ex 7325 10 99 ma kienx limitat għal dan il-prodott. Sa mill‑2014, din id-diviżjoni ma baqgħetx teżisti. Sabiex jiġi stabbilit il-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, il-Kummissjoni kellha biss data korrispondenti għall-kodiċi NM ex 7325 10 00 li taħtu jaqa’, flimkien ma’ prodotti oħra, il-prodott ikkonċernat. Sabiex issolvi d-diffikultà, hija kellha tiżola, minn dawn iċ-ċifri iktar ġenerali, dawk korrispondenti għall-importazzjonijiet imwettqa, għall-prodott ikkonċernat, matul il-perijodu kkunsidrat. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni bbażat fuq proposta, magħmula mil-lanjanti, li kienet timplika żewġ deċiżjonijiet metodoloġiċi. Qabel kollox, sabiex tistabbilixxi l-parti ta’ importazzjonijiet li tkopri l-prodott ikkonċernat fil-kategorija ġenerali, il-lanjanti ssuġġerew lill-Kummissjoni tibbaża fuq il-proporzjon li kien jirrappreżenta dawn l-importazzjonijiet fit-tliet subkodiċi li, qabel l‑2014, kienu jipprovdu data dwar dan il-prodott. Imbagħad, għat-tielet minn dawn is-subkodiċi, li ma jkoprix biss il-prodott ikkonċernat, iżda li kien iktar wiesa’, ġie propost li tqis il-proporzjon attribwibbli għall-prodott ikkonċernat għal 30 %.

160    Abbażi ta’ dan ir-raġunament, ġie osservat li qabel l‑2014, għal dak li kien jirrigwarda l-importazzjonijiet Ċiniżi, 60 % tal-volum irreġistrat bħala importazzjonijiet Ċiniżi taħt il-kodiċi NM ex 7325 10 kien ġej mit-tliet subkodiċi li jikkorrispondu għall-prodott kkonċernat. Għal dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet Indjani, dan il-proporzjon kien ta’ 73 %, filwaqt li għall-pajjiżi terzi l-oħra kien ta’ 50 %. Dawn il-perċentwali ġew għalhekk applikati għall-importazzjonijiet irreġistrati matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2014 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni taħt il-kodiċi NM ex 7325 10 00.

161    It-tieni diffikultà kienet tirrigwarda l-ħadid fondut malleabbli (NM ex 7325 99 10). Il-kodiċi korrispondenti għal dan il-prodott baqa’ ma nbidilx matul il-perijodu kkunsidrat kollu. Madankollu, dan il-kodiċi kien ikopri wkoll prodotti oħra minbarra l-prodott ikkonċernat. Sabiex issolvi d-diffikultà, il-Kummissjoni rrikorriet, kif kienet għamlet għall-ħadid fondut mhux malleabbli, għal metodu li kien ġie propost mil-lanjanti.

162    Qabel kollox, kif kienu għamlu l-lanjanti, il-Kummissjoni osservat li l-importaturi tal-prodott ikkonċernat ta’ ħadid fondut malleabbli mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienu bdew jużaw il-kodiċi NM ex 7325 99 10 fl‑2005, meta miżuri antidumping preċedenti kienu ġew stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1212/2005 tal‑25 ta’ Lulju 2005 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħadid fondut li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2006, L 164M, p. 325). Abbażi ta’ din l-osservazzjoni, sabiex twettaq il-kalkolu tal-importazzjonijiet ikkonċernati minn dan il-kodiċi, hija għażlet is-sena preċedenti, jiġifieri s-sena 2004, bħala sena ta’ riferiment. Għal din is-sena ta’ riferiment, hija kellha data li tirrigwarda, għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-importazzjonijiet korrispondenti għall-kodiċi NM ex 7325 99 10, iżda ma kinux jirrigwardaw il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, hija kkalkulat il-kwantità tal-prodott ikkonċernat mill-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina taħt dan il-kodiċi, billi naqqset mill-volum tal-importazzjonijiet tal-perijodu kkunsidrat it-tranżazzjonijiet li kienu twettqu fl‑2004. Għalhekk, fl-aħħar ta’ dan ir-raġunament, il-Kummissjoni qieset li, għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina t-tranżazzjonijiet li kienu jirrigwardaw il-prodott ikkonċernat, li kienu jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7325 99 10, fi proporzjon ta’ 100 % li minnu kellhom jitnaqqsu 14 645 tunnellata.

163    Imbagħad, sar kalkolu analogu għall-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Indja. Il-lanjanti osservaw li għall-prodott ikkonċernat, l-importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM ex 7325 99 10 minn dan il-pajjiż kienu bdew mill‑2010. Fil-fehma tagħhom, dan il-fenomenu jista’ jiġi spjegat mill-irtirar tal-impenn ta’ prezz minimu li minnu kienet tibbenefika ċ-CCCME u ċerti kumpanniji Ċiniżi fil-kuntest tal-miżuri antidumping preċedenti imposti mir-Regolament Nru 1212/2005. Wara dan l-irtirar, diversi operaturi kienu fittxew li jfornu mingħand produtturi Indjani. Dan kien li beda l-iżvilupp ta’ importazzjonijiet minn dan il-pajjiż għall-prodott ikkonċernat. Wara li għamlet din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni, billi segwiet is-suġġeriment magħmul mil-lanjanti, ikkalkulat il-kwantità tal-prodott ikkonċernat taħt il-kodiċi NM ex 7325 99 10 fl-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Indja, billi naqqset il-volum tal-importazzjonijiet tal‑2009 mill-volum tal-importazzjoni tal-perijodu kkunsidrat. Għalhekk, fl-aħħar ta’ dan ir-raġunament, hija qieset li t-tranżazzjonijiet li kienu jirrigwardaw il-prodott ikkonċernat li kienu jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7325 99 10 fi proporzjon ta’ 100 %, li minnu kellhom jitnaqqsu 6 074 tunnellata.

164    Fl-aħħar nett, l-investigazzjonijiet imwettqa mil-lanjanti kienu juru li l-probabbiltà li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra li jaqgħu taħt dan il-kodiċi kienu jinkludu l-prodott ikkonċernat, kienet żgħira. Għalhekk, billi segwiet lil-lanjanti, il-Kummissjoni kkunsidrat li għall-pajjiżi terzi l-oħra, it-tranżazzjonijiet li kienu jirrigwardaw il-prodott ikkonċenat li kienu jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7325 99 10 kienu ta’ 0 %.

165    It-tielet diffikultà kienet tirrigwarda l-ispralli tal-kanali. Dawn il-prodotti huma inklużi fid-data tal-Eurostat korrispondenti għall-kodiċi użati mill-prodott ikkonċernat. Madankollu, kif indikat fil-premessa 41 tar-Regolament ikkontestat, dawn ġew esklużi mill-investigazzjoni. Sabiex jiġi stabbilit il-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, kellhom għalhekk jitnaqqsu miċ-ċifri disponibbli dawk li setgħu jkunu attribwiti lill-ispralli tal-kanali.

166    Sabiex issolvi din id-diffikultà, il-Kummisjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, ibbażat fuq valutazzjoni tal-importazzjonijiet ta’ spralli tal-kanali. Sabiex tagħmel din il-valutazzjoni, hija ħadet il-bejgħ medju ta’ spralli tal-kanali mwettaq mill-produtturi‑esportaturi Ċiniżi meħud fil-kampjun matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Dan il-bejgħ kien jirrappreżenta 10 % tat-total tal-importazzjonijiet magħmula matul dan il-perijodu. Dan il-perċentwali kien applikat għaċ-ċifri miksuba għall-importazzjonijiet irreġistrati matul il-perijodu kkunsidrat.

167    Għalhekk wara li ġie ppreżentat il-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, għandu jiġi rrilevat li f’dan tal-aħħar, ir-rikorrenti jqajmu tliet ilmenti fir-rigward tal-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

168    Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni aċċettat mingħajr verifika d-data ppreżentata mil-lanjanti, b’kontradizzjoni għall-imparzjalità li għandha tiggwida l-attitudni tagħha f’din it-tip ta’ proċedura.

169    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, sabiex jiġi kkalkulat il-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, il-Kummissjoni ma kkuntentatx bl-użu ta’ data pprovduta mil-lanjanti, iżda rrikorriet, pjuttost, għal metodu li kien propost minn dawn tal-aħħar, filwaqt li żgurat, abbażi ta’ dan il-metodu, li fil-frattemp hija kienet ivvalidat, li twettaq hija stess it-tranżazzjonijiet li jwasslu għaċ-ċifri li sostnuti minnha finalment.

170    Tal-inqas f’żewġ dokumenti, il-Kummissjoni spjegat r-raġunijiet li wassluha tadotta l-metodu propost mil-lanjanti. Għalhekk, fil-premessa 122 tar-Regolament provviżorju, hija indikat li “fl-ilment, l-ilmentaturi [kienu] spjegaw il-metodu tagħhom biex [w]aslu għad-data dwar l-importazzjoni limitata għall-prodott ikkonċernat bl-użu tad-data tal-Eurostat” u li, “[f]in-nuqqas ta’ metodu u data aktar affidabbli”, hija kienet, ibbażat, “id-determinazzjoni tal-volum ta’ importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-[Repubblika Popolari taċ-Ċina] fuq dan il-metodu bl-użu ta’ data tal-Eurostat esklużi l-ispralli tal-kanali [peress li] iċ-CCCME ma provdiet l-ebda data alternattiva”. Barra minn hekk, fil-premessi 110 u 111 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari, li “[kienet] nnotat li l-metodu użat mill-ilmentaturi biex jaslu għad-dejta dwar l-importazzjonijiet kien relatat mal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kien ibbażat fuq dejta tal-Eurostat”, li mbagħad ġie deskritt fil-qosor, u speċifikat li, “[b]illi [hija] ma sabet ebda sors alternattiv ieħor ta’ informazzjoni li jkun jirrifletti b’mod aktar preċiż id-dejta dwar l-importazzjonijiet għall-prodott ikkonċernat, hi qieset il-metodu bbażat fuq id-dejta tal-Eurostat bħala l-aktar wieħed xieraq”.

171    Għalhekk, il-Kummissjoni analizzat il-metodu inkwistjoni qabel ma adottatu billi spjegat li, fil-fehma tagħha, kien jidhrilha xieraq. Għalhekk, fil-premessa 113 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tal-assoċjazzjoni ad hoc ta’ importaturi mhux relatati, Free Castings Imports (FCI), u taċ-CCCME li teskludi l-kodiċi NM 7325 99 10 jew li tieħu inkunsiderazzjoni perċentwali ta’ dan il-kodiċi għall-kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, billi indikat li “analiżi tal-importazzjonijiet taħt dan il-kodiċi NM mindu ġew imposti l-miżuri proviżorji sal-bidu ta’ Ottubru 2017 [kienet] uriet importazzjonijiet sinifikanti ta’ [6 796 tunnellata] taħt il-kodiċi TARIC 7325991051 mir-[Repubblika Popolari taċ-Ċina] li [kien] jirreferi b’mod esklużiv għall-prodott ikkonċernat” u li “[g]ħaldaqstant, [kien] ċar li l-prodott ikkonċernat [kien] importat taħt il-kodiċi NM 7325 99 10 ukoll”. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni speċifikat li hija “ma kellha ebda evidenza li l-importazzjonijiet ta’ prodotti oħra taħt dan il-kodiċi NM [kienu] segwew l-istess xejra bħall-prodott ikkonċernat mill-2005” u li “[k]onsegwentement, l-użu ta’ perċentwal fuq il-perjodu taħt kunsiderazzjoni ma [kienx ikun] kredibbli”.

172    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-metodu ta’ kalkolu propost mil-lanjanti ma ġiex aċċettat mingħajr verifika min-naħa tal-Kummissjoni. Fil-fatt, hija marret fil-bini tar-rappreżentanti tal-lanjanti fit‑30 ta’ Mejju 2017. Fl-aħħar ta’ din il-verifika, hija waslet għall-konklużjoni, minn naħa, li t-tqassim propost bejn il-kodiċi NM differenti kien l-iktar valutazzjoni affidabbli sabiex jiġi ddeterminat il-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, u min-naħa l-oħra, li din il-valutazzjoni kienet tikkostitwixxi approssimazzjoni oġġettiva ta’ din id-data fin-nuqqas ta’ data iktar dettaljata minn sors ieħor.

173    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-ewwel ilment imressaq mir-rikorrenti, li jipprovdi li l-Kummissjoni kienet aċċettat “awtomatikament” il-metodu propost mil-lanjanti.

174    Ir-rikorrenti jippreżentaw it-tieni lment, li jipprovdi li d-data użata mill-Kummissjoni hija bbażata fuq ipoteżijiet inġustifikati u irraġonevoli, li ma huma bbażati fuq ebda prova pożittiva, kif barra minn hekk irrikonoxxiet hija stess.

175    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għall-kuntrarju ta’ dak li jindikaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma rrikonoxxietx li l-metodu ta’ kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet li hija kienet sostniet jew li l-prezzijiet tal-importazzjoni li jirriżultaw minn dan il-metodu, kienu żbaljati, irraġonevoli jew mhux affidabbli.

176    Huwa minnu li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 126 tar-Regolament provviżorju, li għaliha jirreferu r-rikorrenti, li “[p]eress li din id-data [kienet] [i]bbażata fuq statistika tal-importazzjonijiet u l-komponenti dettaljati tat-tip ta’ prodott [ma kinux] magħrufa, l-evoluzzjoni tal-prezzijiet [ma kinitx] kompletament affidabbli”.

177    Madankollu, din l-ammissjoni tfisser biss li l-metodu użat ma tax lok, kif indikat il-Kummissjoni, għal riżultat daqstant iddettaljat daqs kemm xtaqet, mingħajr ma jimplika li, f’għajnejn din l-istituzzjoni, id-data miksuba minn dan il-metodu hija nieqsa minn kull affidabbiltà u bl-ebda mod ma tista’ sservi fl-iżvilupp tar-Regolament ikkontestat.

178    Għaldaqstant, jekk iridu jikkontestaw l-affidabbiltà tad-data użata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, huma r-rikorrenti li għandhom isostnu d-dikjarazzjonijiet tagħhom bi provi ta’ natura li jitfgħu dubju, b’mod konkret, fuq il-kredibbiltà tal-metodu jew tad-data użata minn din l-istituzzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Jinan Meide Casting vs Il‑Kummissjoni, T‑650/17, EU:T:2019:644, punt 357 (mhux ippubblikata)).

179    F’dan il-kuntest, jekk parti rikorrenti trid tirbaħ il-kawża, hija ma tistax tipproduċi biss ċifri alternattivi, pereżempju ċifri miksuba abbażi ta’ data li tirriżulta mill-awtoritajiet doganali li minnhom joriġinaw l-importazzjonijiet kontenzjużi, iżda għandha tipprovdi evidenza li tista’ tikkontesta dik ipprovduta mill-Kummissjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Jinan Meide Casting vs Il‑Kummissjoni, T‑650/17, EU:T:2019:644, punt 357 (mhux ippubblikata)).

180    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-analiżi tad-data, inkluż dik ipprovduta mill- Eurostat (sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2015, Schroeder vs Il‑Kunsill u l‑Kummissjoni, T‑205/14, EU:T:2015:673, punt 41).

181    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jikkontestaw ħames ipoteżijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat sabiex tipproċedi għall-kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet abbażi tad-data tal-Eurostat.

182    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fuq kull wieħed minn dawn il-punti ta’ kontestazzjoni, ir-rikorrenti kisbu matul l-investigazzjoni spjegazzjonijiet dwar il-metodu użat sabiex jiġu żviluppati l-valutazzjonijiet li huma l-bażi tal-aġġustamenti magħmulin mill-Kummissjoni fuq id-data tal-Eurostat relattiva għall-importazzjonijiet.

183    Għalhekk, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkontestaw li l-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fid-dawl tal-volum totali tal-importazzjonijiet iddikjarat taħt il-kodiċi NM ex 7325 10 99 l-antik (fondut mhux malleabbli) kien stabbli għal 30 % mill‑2009 sal‑2013, u mbagħad baqa’ ma nbidilx sa mill‑2013.

184    Dwar dan il-punt, ġie spjegat li mill-importazzjonijiet totali ddikjarati taħt il-kodiċi NM ex 7325 10 99 l-antik, madwar 30 % kienu mwettqa għall-prodott ikkonċernat. Skont il-Kummissjoni, din il-valutazzjoni tista’ tiġi kklassifikata prudenti meta l-miżuri antidumping tal‑2005 kienu daħlu fis-seħħ. F’dik l-epoka, kodiċi tat-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea (TARIC) b’għaxar ċifri kien ġie stabbilit għal dan il-prodott, li kien jippermetti lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet doganali jkunu jafu l-ammonti eżatti.

185    B’dan il-mod, ġie spjegat li l-perċentwali ta’ 30 % meħud mill-Kummissjoni kien jikkorrispondi għal dak li kien ikkonstatat wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1212/2005, meta kienu applikati għall-ewwel darba dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-ħadid fondut mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Imbagħad, dan il-perċentwali kien użat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura fl-assenza ta’ valutazzjoni iktar affidabbli.

186    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-applikazzjoni tal-perċentwali ta’ 30 % li jirriżulta minn valutazzjoni ta’ data li tirrigwarda l-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lejn il-pajjiżi kollha li minnhom kienu ġejjin l-importazzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

187    Dwar dan il-punt, ġie spjegat li l-valutazzjoni ta’ 30 % kienet ġiet applikata għall-pajjiżi terzi l-oħra għax ma kinitx teżisti data partikolari għal dawn il-pajjiżi, u l-unika informazzjoni li setgħet tiġi miksuba kienet dik miġbura grazzi għall-istabbiliment, mir-Regolament Nru 1212/2005, ta’ miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biss.

188    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-ipoteżi li l-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fir-rigward tal-volum totali tal-importazzjonijiet irreġistrati taħt il-kodiċi NM ex 7325 10 l-antik baqa’ ma nbidilx sa mill‑2013.

189    Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni spjegat li sabiex tikkalkula l-volum tal-importazzjonijiet li jkopri l-prodott ikkonċernat irreġistrat mill‑2014 taħt il-kodiċi ġenerali NM ex 7325 10, hija kienet ibbażat fuq il-perċentwali li kien jirrappreżenta dawn l-importazzjonijiet fit-tliet subkodiċi, li qabel l‑2014, kienu jipprovdu data iktar preċiża fir-rigward ta’ dan il-prodott, billi jieħdu separatament id-data li tirrigwarda r-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja u l-pajjiżi terzi l-oħra (ara l-punt 159 iktar ’il fuq).

190    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-ipoteżi li l-volum assolut tal-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mwettqa taħt il-kodiċi NM ex 7325 99 10 (fondut malleabbli) u li ma jirrigwardax il-prodott ikkonċernat, ma nbidilx sa mill‑2004.

191    Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni spjegat il-metodoloġija applikata sabiex tikkalkula l-volum tal-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mwettqa taħt il-kodiċi NM ex 7325 99 10, konsistenti fl-identifikazzjoni ta’ sena li matulha l-importazzjonijiet tal-prodott previst mill-investigazzjoni kienu bdew taħt dan il-kodiċi fil-pajjiż terz ikkonċernat u fil-paragun tan-numru ta’ importazzjonijiet irreġistrati taħt dan il-kodiċi fis-sena preċedenti għas-sena ta’ riferiment ma’ dak relattiv għall-perijodu kkunsidrat, b’mod li jiġi stabbilit il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat irreġistrat taħt il-kodiċi NM ex 7325 99 10 matul il-perijodu kkunsidrat, korrispondenti għad-differenza (ara l-punti 162 sa 164 iktar ’il fuq).

192    Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-ipoteżi li l-perċentwali tal-importazzjonijiet Ċiniżi tal-ispralli tal-kanali fir-rigward tat-total tal-importazzjonijiet Ċiniżi ma nbidilx sa mill‑2013 u kien identiku għall-perċentwali tal-importazzjonijiet tal-ispralli tal-kanali tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun fir-rigward tal-importazzjonijiet totali tagħhom. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll l-ipoteżi li l-pajjiżi terzi ma kinux jesportaw spralli tal-kanali, peress li sakemm mhumiex żbaljati, il-pajjiżi terzi donnhom ma kienu l-oġġett ta’ ebda esklużjoni. Li kieku kien hemm esklużjoni, l-ipoteżi, li skont ir-rikorrenti kienet tkun ukoll inġustifikata, kienet tkun li l-perċentwali tal-importazzjonijiet tal-ispralli tal-kanali minn pajjiżi terzi fir-rigward tal-importazzjonijiet totali tagħhom kienet tkun stabbli sa mill‑2013 u identika għall-perċentwali tal-importazzjonijiet tal-ispralli tal-kanali tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

193    Dwar dan l-aħħar punt ta’ kontestazzjoni, il-Kummissjoni spjegat li, peress li ma kellhiex informazzjoni dwar il-volum tal-importazzjonijiet tal-ispralli tal-kanali li kellu jiġi eskluż mill-prodott ikkonċernat, hija bbażat fuq il-perċentwali tal-ispralli tal-kanali importat minn ċerti produtturi kkunsidrati fil-kampjun matul l-investigazzjoni. Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni speċifikat li hija kienet ibbażat, f’dan il-kuntest, fuq id-data tal-kampjun tal-produttri‑esportatuti Ċiniżi u fuq dik tal-kampjun ta’ produtturi‑esportaturi Indjani relattiva għall-perijodu ta’ investigazzjoni. Din il-valutazzjoni kienet applikata, imbagħad, għall-importazzjonijiet kollha, jiġifieri għal dawk mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mir-Repubblika tal-Indja u mill-pajjiżi terzi l-oħra.

194    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li fil-punt ta’ kontestazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti ma ressqux evidenza li tippermetti li jitqajjem dubju dwar l-affidabbiltà ta’ dawn il-valutazzjonijiet, għaliex, essenzjalment, huma ma jikkontestawx l-affidabbiltà tal-valutazzjonijiet li fuqhom ibbażat il-Kummissjoni, iżda pjuttost l-applikazzjoni tagħhom għal perijodu sussegwenti għal dak li għalih d-data li tat lok għal dawn il-valutazzjonijiet tikkorrispondi (l-ewwel, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames ipoteżi msemmija rispettivament fil-punti 183, 188, 190 u 192 iktar ’il fuq) jew l-applikazzjoni tagħhom għal pajjiżi oħra minbarra dak li minnu tirriżulta d-data li tat lok għall-valutalzzjoni (it-tieni u l-ħames ipoteżi msemmija rispettivament fil-punti 186 u 192 iktar ’il fuq).

195    Issa, il-Kummissjoni indikat li hija ma kellhiex data iktar preċiża u iktar reċenti li kienet tirrappreżenta livell ta’ affidabbiltà simili jew ogħla.

196    F’tali kuntest immarkat, minn naħa, mill-assenza ta’ informazzjoni iktar preċiża u iktar reċenti li kienet tippreżenta livell ta’ affidabbiltà simili jew ogħla, u min-naħa l-oħra, min-natura raġonevoli u plawsibbli tal-valutazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni, li tirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din tal-aħħar sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mogħtija lilha, għandu jiġi miċħud it-tieni lment tar-rikorrenti, li jipprovdi li d-data użata mill-Kummissjoni kienet ibbażata fuq ipoteżijiet inġustifikati u irraġonevoli li ma kienu bbażati fuq ebda prova pożittiva.

197    Permezz tat-tielet ilment tagħhom, ir-rikorrenti jikkunsidraw, essenzjalment, li l-assenza ta’ data alternattiva iktar affidabbli hija dovuta għan-nuqqas ta’ diliġenza u għall-passività tal-Kummissjoni, li għandhom iwasslu, fil-fehma tagħhom, għall-annullament tar-Regolament ikkontestat.

198    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina ex officio l-informazzjoni kollha disponibbli peress li r-rwol tagħha f’investigazzjoni antidumping ma huwiex dak ta’ arbitru b’kompetenza limitata li tiddeċiedi biss fid-dawl tal-informazzjoni u l-provi prodotti mill-partijiet fl-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament bażiku, fl-Artikolu 6(3) u (4) tiegħu, jawtorizza lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipprovdulha informazzjoni kif ukoll li jwettqu l-verifiki u l-kontrolli kollha meħtieġa (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 32).

199    Madankollu, sabiex tiġi ddeterminata l-estensjoni tar-rekwiżiti li għandha l-Kummissjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-limiti li jaffettwaw iż-żmien li hija jkollha, b’mod partikolari, fid-dawl tat-termini proċedurali, li jistgħu jkunu insuffiċjenti sabiex isiru l-verifiki, kontrolli u investigazzjonijiet li jistgħu jkunu previsti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Jinan Meide Casting vs Il‑Kummissjoni, T‑650/17, EU:T:2019:644, punt 408 (mhux ippubblikata)).

200    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-data prevista twassal jew ma twassalx, bi probabbiltà suffiċjentement sinjifikattiva, għal riżultati iktar affidabbli minn dawk miksuba fit-termini applikabbli (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Jinan Meide Casting vs Il‑Kummissjoni, T‑650/17, EU:T:2019:644, punt 410 (mhux ippubblikata)).

201    F’dan il-każ, jidher li l-Kummissjoni ma marritx kontra l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 198 sa 200 iktar ’il fuq li jimponu li hija tikkonsulta s-sorsi kollha li kienu għad-dispożizzjoni tagħha.

202    Fil-fatt, fir-rigward tal-informazzjoni li skont ir-rikorrenti, setgħet kienet miksuba mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li kif indikat il-Kummissjoni, anki jekk ir-Regolament bażiku jawtorizzaha tagħmel dan, ikun sproporzjonat li din l-istituzzjoni tkun meħtieġa tiġbor il-lista ta’ importazzjonijiet, tranżazzjoni bi tranżazzjoni, min-naħa tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kollha, u tanalizzahom sabiex tiddetermina jekk dawn setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni u mbagħad tiġbor id-data tal-prodott ikkonċernat matul erba’ snin għall-Unjoni kollha.

203    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti jressqu żewġ argumenti sabiex jikkontestaw l-aġir tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda t-tiftix ta’ informazzjoni affidabbli.

204    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni setgħet tiġbor ċerta data iktar dettaljata mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali b’mod li tivverifika l-affidabbiltà tal-ipoteżijiet maħruġa u tiġġeneralizza, imbagħad, ir-riżultat ta’ din l-analiżi għad-data kollha.

205    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali informazzjoni ma hijiex immedjatament disponibbli, iżda għandha tinġabar, ukoll, b’mod ad hoc, mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati. Il-Kummissjoni għandha mbagħad tistenna t-tweġiba ta’ dawn l-awtoritajiet, b’komunikazzjoni tad-data mitluba, sabiex tkun tista’ tikkostitwixxi kampjun ta’ data. Issa, tali metodu ta’ proċediment jirrappreżenta investiment sinjifikattiv f’termini ta’ oneru ta’ xogħol u jeħtieġ żmien twil, liema żewġ aspetti għandhom jitqabblu mat-termini proċedurali stretti imposti lill-Kummissjoni, kif indikat fil-punt 199 iktar ’il fuq.

206    Mill-bqija, tali kampjun ta’ tranżazzjonijiet jista’ jqajjem ukoll mistoqsijiet għal dak li jirrigwarda r-rappreżentattività tat-tranżazzjonijiet magħżula, minbarra li jqajjem dubji dwar ir-rilevanza tiegħu, peress li ma jippermettix li jiġi kkalkulat bi preċiżjoni l-volum tal-importazzjonijiet li jkopri l-prodott ikkonċernat.

207    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni setgħet iddur fuq l-importaturi, billi tagħmlilhom kwestjonarji li t-tweġibiet tagħhom jippermettulha tivverifika l-affidabbiltà tad-data użata u li tagħmel korrezzjonijiet.

208    L-istituzzjonijiet tal-Unjoni użaw dan is-sors ta’ informazzjoni f’investigazzjonijiet antidumping oħrajn, bħal dik li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja (ĠU 2013, L 129, p. 1).

209    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kif indikat il-Kummissjoni, ma kienx possibbli, f’dan il-każ, li tiġi miksuba data iktar affidabbli min-naħa tal-importaturi. Qabel kollox, it‑28 importatur li resqu ’l quddiem waqt l-investigazzjoni pprovdew, fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju kontenut fl-Anness II tal-avviż tal-ftuħ tal-investigazzjoni, ċifra globali li tinkudi l-volum tal-importazzjonijiet li jkopri l-prodott ikkonċernat u li jirrigwarda biss l-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mir-Repubblika tal-Indja, li kienu ż-żewġ pajjiżi previsti mill-investigazzjoni. Imbagħad, din id-data, f’dan il-każ, ma kinitx maqsuma skont kodiċi NM tal-prodott previst mill-investigazzjoni. Fl-aħħar nett, dawn it-tweġibiet ma setgħux jiġu vverifikati ħlief għat-tliet importaturi inklużi fil-kampjun li wieġbu għall-kwestjonarju. Issa, ma huwiex stabbilit li dawn l-importaturi kienu suffiċjentement rappreżentattivi tal-importaturi kollha tal-prodott previst mill-investigazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat li s-suq kien frammentat u kkaratterizzat b’numru kbir ta’ intrapriżi żgħar u medji u li f’tali kuntest, ma kienx eskluż li diversi importaturi indipendenti oħra li joperaw fis-suq, li ma kellhomx interess dirett li jikkoperaw fl-investigazzjoni, ma resqux ’il quddiem.

210    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi llimitat l-evalwazzjoni tagħha, għall-kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet li jkopri l-prodott ikkonċernat, għad-data maħruġa mid-database tal-Eurostat, kif aġġustata abbażi ta’ ipoteżijiet ġustifikati u li jirriflettu valutazzjoni raġonevoli taċ-ċifri reali relattivi għall-imsemmija importazzjonijiet.

211    Għalhekk, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittieni parti talewwel motiv relattiva għallindikaturi makroekonomiċi użati millKummissjoni sabiex tistabbilixxi ddannu mġarrab millindustrija talUnjoni

212    Fit-tieni parti, ir-rikorrenti jikkontestaw l-affidabbiltà tal-indikaturi makroekonomiċi użati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

213    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li kif ġie kkjarifikat fit-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi għall-industrija tal-Unjoni kollha.

214    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni bbażat fuq tipi ta’ data differenti. Għall-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun (iktar ’il quddiem il-“produtturi inklużi fil-kampjun”), il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni data kkomunikata minn dawn il-produtturi, li hija vverifikat. Għall-produtturi tal-Unjoni l-oħra li ressqu l-ilment li wassal għall-investigazzjoni jew li sostnewh (iktar ’il quddiem, il-“lanjanti l-oħra”), hija bbażat fuq id-data li hija siltet mit-tweġibiet għall-kwestjonarji mibgħuta minn dawn l-intrapriżi. Fl-aħħar nett, għall-produtturi tal-Unjoni rimanenti (iktar ’il quddiem, il-“produtturi rimanenti”), il-Kummissjoni użat valutazzjonijiet ipprovduti, fir-rigward ta’ dawn il-produtturi, mil-lanjanti.

215    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jifformulaw sitt ilmenti li huma kkontestati mill-Kummissjoni.

216    Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma aġġornatx id-data li hija kellha dwar il-lanjanti l-oħra.

217    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont il-premessa 136 tar-Regolament ikkontestat, id-data li tirrigwarda l-lanjanti l-oħra toħroġ mit-tweġibiet ipprovduti minnhom fil-kwestjonarju li kien ġie indirizzat lilhom mill-Kummissjoni, b’dan illi li din id-data kienet miġbura mil-lanjanti u kienet “aġġornata sussegwentement sabiex tkopri l-perijodu ta’ investigazzjoni”. Il-Kummissjoni pprovdiet ittra, li hija bagħtet liċ-CCCME nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 2017 u li fiha hija indikat li l-ġbir tad-data mil-lanjanti kien sar abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju, ivverifikati minnha, kif ukoll ta’ informazzjoni miġbura permezz tal-posta elettronika min-naħa tal-produtturi li ppreżentaw jew sostnew l-ilment. Min-naħa tagħhom, l-intervenjenti speċifikaw li din id-data kienet ġiet aġġornata sabiex teskludi d-data relattiva għall-ispralli tal-kanali u sabiex tintegra l-aħħar data trimestrali disponibbli.

218    Peress li r-rikorrenti ma pproduċew ebda prova li tista’ tpoġġi dubju fuq dawn id-dikjarazzjonijiet, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

219    Fit-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-Regolament ikkontestat għar-raġuni li sabiex adottatu, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq valutazzjonijiet, u mhux fuq data reali, għall-produtturi rimanenti.

220    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament bażiku ma jagħtix lill-Kummissjoni setgħat investigattivi li jippermettulha ġġiegħel intrapriżi jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jipproduċu informazzjoni. Għalhekk, hija tiddependi mill-koperazzjoni volontarja tal-partijiet li jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja fit-termini mogħtija (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Yuanping Changyuan Chemicals vs Il‑Kunsill, T‑310/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:295, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

221    F’tali kuntest, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni fittxitx b’mod diliġenti li tiġbor data reali, qabel ma tibbaża fuq valutazzjonijiet mibnija abbażi ta’ informazzjoni li hija setgħet tikseb.

222    Fl-avviż tal-ftuħ tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni stiednet il-produtturi tal-Unjoni li jimmanifatturaw il-prodott ikkonċernat jipparteċipaw fil-proċedura antidumping u kull parti interessata tgħarraf, fil‑21 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-ftuħ, il-perspettiva tagħha dwar l-għażla tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni.

223    Imbagħad, il-Kummissjoni informat b’mod espress lil-lanjanti u lil produtturi oħra magħrufa fl-Unjoni bil-ftuħ tal-investigazzjoni u stidnithom jipparteċipaw fiha.

224    Permezz ta’ posta elettronika tas-16 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni talbet lir-rappreżentanti tal-lanjanti, wara li kkonstatat li d-data pprovduta minn dawn tal-aħħar kienet tirrigwarda biss is-sitwazzjoni tagħhom stess, jipprovdulha data makroekonomika għall-industrija kollha.

225    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li bbażat fuq il-valutazzjonijiet ipprovduti mil-lanjanti għal dak li jirrigwarda l-produtturi rimanenti, ladarba l-għan kien, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, li tikseb viżjoni tal-industrija tal-Unjoni kollha.

226    Barra minn hekk, kif jirrilevaw l-intervenjenti, l-użu ta’ valutazzjonijiet jista’ jkun neċessarju fil-kuntest ta’ proċeduri antidumping meta ċerti produtturi jagħżlu li ma jikkoperawx jew meta, kif kien il-każ f’dan il-każ, ċerti produtturi tal-Unjoni waqfu jipproduċu jew jeżistu fil-mument li fih inġabret id-data makroekonomika.

227    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-valutazzjonijiet ma humiex suppożizzjonijiet u li l-lanjanti segwew metodu ta’ kalkolu li kien l-oġġett ta’ verifika min-naħa tal-Kummissjoni, li talbet, wara l-imsemmija verifika, li jsiru modifiki. F’dan ir-rigward, l-intervenjenti rrilevaw li għall-kuntrarju tal-proposta tal-lanjanti li titqies il-produzzjoni effettiva tal-operaturi inkwistjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tqis, minflok, il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ dawn il-produtturi, li żied il-produzzjoni globali tal-Unjoni u naqqas iż-żieda tal-ishma tas-suq mirbuħa mill-produtturi‑esportaturi Ċiniżi. Minn dan l-intervenjenti ddeduċew, mingħajr kontestazzjoni, li din l-għażla magħmula mill-Kummissjoni ġibdet indikatur tad-dannu negattiv, għall-benefiċċju tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi.

228    Għalhekk it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

229    Fit-tielet ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-data użata mill-Kummissjoni kienet riveduta b’mod sostanzjali mingħajr spjegazzjoni.

230    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-fajl u mit-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-Kummissjoni rrivediet id-data makroekonomika kif ġej.

231    Fis‑7 ta’ April 2017, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ ittra, lir-rappreżentanti tal-lanjanti jipprovdulha, mhux iktar tard mit‑12 ta’ Mejju 2017, ċerta data makroekonomika għall-perijodu kkunsidrat. Fit‑12 ta’ Mejju 2017, ir-rappreżentanti tal-lanjanti pprovdew, permezz ta’ posta elettronika, tabella li tinkludi d-data makroekonomika.

232    Fil‑15 ta’ Mejju 2017, il-Kummisjoni talbet, permezz ta’ posta elettronika, verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dan id-dokument. Fis‑16 ta’ Mejju 2017, hija bagħtet posta elettronika oħra, li permezz tagħha talbet il-komunikazzjoni ta’ verżjoni li tinkludi data makroekonomika tal-industrija kollha tal-Unjoni u li teskludi l-ispralli tal-kanali. Fl‑24 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni reġgħet bagħtet posta elettronika lir-rappreżentanti tal-lanjanti, fejn talbithom jibagħtu d-data mitluba sa mhux iktar tard mid‑29 ta’ Mejju 2017 u jaċċettaw verifika ta’ din id-data fil-bini tagħhom fit‑30 ta’ Mejju 2017.

233    Fid‑29 ta’ Mejju 2017, ir-rappreżentanti tal-lanjanti pprovdew, permezz ta’ posta elettronika, verżjoni ġdida tat-tabella li tinkludi d-data makroekonomika (iktar ’il quddiem, it-“tieni verżjoni tal-indikaturi makroekonomiċi”). Il-Kummissjoni vverifikat din id-data fit‑30 ta’ Mejju 2017. Matul iż-żjara ta’ verifika, il-lanjanti ppreżentaw informazzjoni iktar kompluta dwar id-data relattiva għall-produtturi inklużi fil-kampjun, li tiġġustifika l-aġġornament taċ-ċifri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li d-data li tinsab fit-tieni verżjoni tal-indikaturi makroekonomiċi kienet turi data konsolidata għall-produtturi rimanenti, iżda li l-lanjanti ma kinux f’pożizzjoni li jivverifikaw il-korrelazzjoni bejn din id-data u d-dokumenti ta’ sostenn fit-terminu mogħti għaż-żjara ta’ verifika. Għalhekk, it-tim tal-verifika talab lil-lanjanti jaqsmu id-data skont il-produttur magħruf u konsegwentement jippreżentaw tabella aġġornata.

234    Fl‑1 ta’ Ġunju 2017, ir-rappreżentanti tal-lanjanti pprovdew, permezz ta’ posta elettronika, verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali tad-data makroekonomika (iktar ’il quddiem, it-“tielet verżjoni tal-indikaturi makroekonomiċi”), li fiha integraw it-talbiet tal-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, din il-verżjoni hija essenzjalment differenti mill-verżjoni preċedenti. Iċ-CCCME talbet lill-Kummissjoni, permezz ta’ posta elettronika, tispjega r-raġunijiet għal din id-differenza. Permezz ta’ posta elettronika, il-Kummissjoni wieġbet li dan kien aġġornament tad-data wara l-verifika li seħħet fit‑30 ta’ Mejju 2017. Fit‑2 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ posta elettronika, li tkun tista’ twettaq verifika tat-tabelli aġġornati fil-bini tar-rappreżentanti tal-lanjanti fl-istess jum. Dawn tal-aħħar aċċettaw, permezz ta’ posta elettronika.

235    Wara din il-verifika, il-lanjanti pprovdew lill-Kummissjoni, fl-istess jum, ir-raba’ verżjoni tal-indikaturi makroekonomiċi, fuq USB stick. Fit‑12 ta’ Ġunju 2017, ir-rappreżentanti tal-lanjanti bagħtu mill-ġdid ir-raba’ verżjoni tal-indikaturi makroekonomiċi, iżda, permezz ta’ posta elettronika, din id-darba, f’verżjoni kunfidenzjali u mhux kunfidenzjali. L-intervenjenti speċifikaw li t-tielet verżjoni ta’ indikaturi makroekonomiċi, li kienet ġiet eżaminata waqt iż-żjara ta’ verifika, kienet tinkludi bi żball id-data ta’ produzzjoni tal-ispralli tal-kanali ta’ żewġ produtturi u li din kienet ġiet modifikata fuq il-post. Barra minn hekk, huma jindikaw li r-raba’ verżjoni kienet tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-bqija tal-informazzjoni riċevuta mill-industrija tal-Unjoni dakinhar fir-rigward ta’ produtturi oħra.

236    Il-Kummissjoni żiedet ukoll li wara l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-FCI, fil‑21 ta’ Ġunju 2017, hija żiedet mar-raba’ verżjoni ta’ indikaturi makroekonomiċi d-data ta’ produttur tal-Unjoni li kienet ġiet maqbuża bi żball mil-lanjanti.

237    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti kisbu tweġiba għall-posta elettronika tagħhom imsemmija fil-punt 234 iktar ’il fuq, li fiha huma kienu talbu lill-Kummissjoni r-raġuni għaliex kien hemm differenza bejn it-tieni u t-tielet verżjoni ta’ indikaturi makroekonomiċi.

238    Mill-bqija, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-elementi tal-fajl u tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti fit-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, ir-reviżjonijiet magħmula kienu intiżi sabiex jikkompletaw, jirraffinaw u għalhekk itejbu l-affidabbiltà tad-data. Kif enfasizzaw l-intervenjenti, ċerti reviżjonijiet deskritti seħħew speċifikament sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni oġġezzjonijiet imqajma mill-partijiet interessati u aċċettati mill-Kummissjoni. Huwa għalhekk li kien neċessarju, minn naħa, li tiżdied id-data ta’ produttur tal-Unjoni addizzjonali, li l-lanjanti kienu qabżu, u min-naħa l-oħra, li tiġi eskluża d-data li kienet tirrigwarda l-ispralli tal-kanali, li l-Kummissjoni kienet aċċettat li teskludi mid-definizzjoni tal-prodott previst mill-investigazzjoni.

239    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

240    Fir-raba’ lment, ir-rikorrenti jsostnu li l-lista ta’ sorsi użati mill-Kummissjoni sabiex tikkalkula l-indikaturi makroekonomiċi hija vizzjata b’inkoerenza, għaliex tinkludi data li, bħall-investimenti, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni peress li ma tikkostitwixxix indikatur makroekonomiku.

241    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kif indikat fil-punt 214 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bbażat fuq tipi ta’ data differenti skont il-kategorija ta’ produtturi tal-Unjoni inkwistjoni. Għalhekk, jidher li l-lista inkwistjoni, li hija intitolata “Dokumenti ta’ sostenn addizzjonali”, ma tinkludix is-sorsi kollha użati, iżda tippreżenta biss natura komplimentarja fir-rigward tad-data kollha li ntużat.

242    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kontenut ta’ din il-lista, kif indikaw ir-rikorrenti, hija ssemmi tliet dokumenti intitolati “[isem tal-kumpannija] rigward investimenti”. Madankollu, dan in-numru ta’ dokumenti kkontestat mir-rikorrenti huwa limitat għal dawk kollha inklużi fil-lista inkwistjoni. Għalhekk, tal-inqas 13‑il dokument mit‑22 dokument elenkat, li wħud minnhom jirrigwardaw lil-lanjanti, u oħrajn, ta’ produtturi oħra tal-Unjoni, jirrigwardaw l-“attiv”, l-“attiv u investimenti”, il-“bilanċi finanzjarji”, ir-“rapporti finanzjarji”, l-“impjieg”, l-“impjiegi diretti” u l-“impjiegi”, li huma rilevanti sabiex tiġi stabbilita d-data makroekonomika.

243    Fl-aħħar nett, fl-osservazzjonijiet ippreżentati mil-lanjanti, matul l-investigazzjoni, dawn taw speċifikazzjonijiet addizzjonali dwar is-sorsi użati għall-kalkolu tal-indikaturi makroekonomiċi, billi indikaw dan li ġej:

“[A]ħna ġbarna d-data li tirrigwarda l-lanjanti u l-intrapriżi li sostnew l-ilment li tirriżulta mill-kontijiet tagħhom. Għall-intrapriżi l-oħra, il-lanjanti fformulaw valutazzjonijiet, abbażi ta’ data meħuda mill-bilanċi finanzjarji ta’ dawn l-intrapriżi l-oħra, minn siti internet, minn artikoli tal-gazzetta u mill-konoxxenza tagħhom tas-suq”.

244    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud.

245    Fil-ħames ilment, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li marret fl-uffiċċji tar-rappreżentanti tal-lanjanti sabiex tivverifika biss d-data pprovduta minn dawn tal-aħħar. Huma jindikaw li l-Kummissjoni setgħet, pereżempju, tikkuntattja l-produtturi rimanenti u titlobhom jikkonfermaw jew jikkummentaw dwar il-valutazzjonijiet sa fejn kienu jirrigwardawhom.

246    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku, l-eżattezza tal-informazzjoni li tkun ipprovduta mill-partijiet interessati tkun xi tkun, u li fuqha huma bbażati l-konklużjonijiet għandha tiġi vverifikata sa fejn ikun possibbli.

247    Diġà ġie rrilevat, bi tweġiba għall-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni li jippermettulha ġġiegħel lill-intrapriżi jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jipproduċu informazzjoni, iżda li hija kienet tiddependi mill-koperazzjoni volontarja tal-partijiet sabiex jipprovdulha l-informazzjoni (punt 220 iktar ’il fuq).

248    F’dan il-każ, il-Kummissjoni stiednet lill-produtturi tal-Unjoni li jimmanifatturaw il-prodott ikkonċernat jipparteċipaw fl-investigazzjoni (ara l-punti 222 u 223 iktar ’il fuq). Madankollu, il-lanjanti biss ipprovdew l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġu kkalkulati l-indikaturi makroekonomiċi. Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni indirizzat lil-lanjanti sabiex tikseb data li tirrigwarda l-produtturi tal-Unjoni li ma kkoperawx fl-investigazzjoni u li hija rċeviet, mingħand dawn tal-aħħar, il-valutazzjonijiet li jirrigwardawhom (punt 224 iktar ’il fuq).

249    L-Artikolu 16(1) tar-Regolament bażiku jippermetti lill-Kummissjoni twettaq żjarat, meta hija tikkunsidra xieraq, sabiex tivverifika l-informazzjoni pprovduta.

250    Għalhekk, minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kienet tista’, sabiex tivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta, tagħmel żjara ta’ verifika lill-awturi tal-informazzjoni inkwistjoni, b’dan li, f’dan il-każ, din l-informazzjoni kienet ġejja mil-lanjanti.

251    Fir-rigward tal-fatt li din il-verifika saret fil-bini tar-rappreżentanti tal-lanjanti, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni talbet lil-lanjanti, fil-bidu tal-proċedura, permezz tal-intervent tar-rappreżentanti tagħhom, iżommu “id-dokumenti ta’ sostenn u ta’ ħidma kollha użati għall-preparazzjoni ta’ mistoqsijiet dwar din l-ittra kif ukoll għad-data makroekonomika indikata fl-ilment għas-snin 2013‑2015”.

252    Għal raġunijiet prattiki, kien aċċettabbli, għall-Kummissjoni, li tmur fl-uffiċċji tar-rappreżentanti tal-lanjanti sabiex tikkonsulta, fid-dawl ta’ verifika, id-dokumenti li minnhom kienet ħarġet id-data pprovduta minn dawn tal-aħħar, minħabba n-neċessità li l-analiżi tiġi bbażata fuq data affidabbli u kredibbli.

253    Għalhekk, il-ħames ilment għandu jiġi miċħud.

254    Fis-sitt ilment, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma identifikatx bi preċiżjoni l-elementi li kienu l-oġġett ta’ verifiki.

255    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li matul il-proċedura, il-Kummissjoni speċifikat li l-verifika tat‑30 ta’ Mejju 2017 kienet tirrigwarda d-“data relattiva għall-indikaturi makroekonomiċi li [kienet] sottomessa (dokumenti sors użati għad-data ddikjarata, kif [kien] sar il-ġbir tad-data, kif [kienu] miksuba ċerti ċifri msemmija fl-ilment fir-rigward tal-konsum u l-importazzjonijiet, eċċ)” u għalhekk identifikat, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-elementi li lilhom kienu jirrigwardaw il-verifiki.

256    Peress li din l-informazzjoni kienet mgħarrfa lir-rikorrenti, l-ilment għandu jiġi miċħud, u għalhekk it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kollha.

–       Fuq ittielet parti talewwel motiv relattiva għall-profittabbiltà talprodutturi talUnjoni

257    Fit-tielet parti, ir-rikorrenti jikkontestaw iċ-ċifri sostnuti mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi d-deterjorazzjoni, li fil-fehma tagħha, tikkaratterizza l-iżvilupp tal-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni matul is-snin preċedenti għall-investigazzjoni.

258    Fil-premessa 162 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni indikat li l-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni kienet ta’ madwar 10 % fl‑2006, kienet biss ta’ 5.3 % matul l-ewwel sena tal-perijodu kkunsidrat, jiġifieri s-sena 2013, u baqgħet sejra lura matul dan il-perijodu kollu.

259    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jressqu tliet ilmenti li huma kkontestati mill-Kummissjoni.

260    Fl-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni ħabbret iċ-ċifri sostnuti għall-kalkolu tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni mingħajr bażi, peress li l-unika data li hija rċeviet min-naħa tal-industrija tal-Unjoni kienet ġiet ikkomunikata fit‑2 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri wara l-adozzjoni tar-Regolament provviżorju u iktar minn ħames xhur wara l-verifiki li saru fil-bini tar-rappreżentanti tal-lanjanti.

261    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ilment huwa nieqes fattwalment.

262    Fil-fatt, id-data relattiva għall-profittabbiltà għas-snin 2006 sa 2012 kienet, fi kwalunkwe każ, ikkomunikata lill-Kummissjoni fil‑11 ta’ Mejju 2017, jiġifieri qabel, minn naħa, l-adozzjoni tar-Regolament provviżorju, u min-naħa l-oħra, iż-żjarat ta’ verifika, li saru fit‑30 ta’ Mejju u fit‑2 ta’ Ġunju 2017. Il-posta elettronika li permezz tagħha d-data kienet ikkomunikata kienet prodotta mill-Kummissjoni, li spjegat li dan id-dokument kien ġie kkomunikat mil-lanjanti, fuq inizjattiva tagħhom stess, f’verżjoni kunfidenzjali, raġuni għaliex ma kienx imdaħħal fil-fajl aċċessibbli għall-partijiet interessati, iżda biss fil-parti tal-fajl li kienet riżervata għall-Kummissjoni. Din l-istituzzjoni speċifikat ukoll li d-dokument tat‑2 ta’ Ottubru 2017 mibgħut mil-lanjanti kien biss verżjoni aċċessibbli għall-partijiet interessati tad-dokument tal‑11 ta’ Mejju 2017.

263    Fir-rigward tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu kkunsidrat, jidher li din kienet ikkalkulata abbażi tat-tweġibiet tal-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni għall-kwestjonarju li kien indirizzat lilhom mill-Kummissjoni, li kellu jintbagħat lilha mhux iktar tard mit‑22 ta’ Frar 2017, jiġifieri qabel l-adozzjoni tar-Regolament provviżorju.

264    Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

265    Fit-tieni lment, ir-rikorrenti jiddikjaraw li d-dokument tat‑2 ta’ Ottubru 2017, imsemmi fil-punt 260 iktar ’il fuq, ma jipprovdi ebda informazzjoni dwar is-sorsi użati.

266    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li s-sorsi użati mil-lanjanti sabiex jistabbilixxu l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni mill‑2006 sal‑2012 fid-dokument tal‑11 ta’ Mejju 2017, mitluba mir-rikorrenti, ma humiex rilevanti għall-analiżi tal-legalità tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-indikaturi makroekonomiċi. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni, minkejja li semmiet il-livell ta’ profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fl‑2006 fil-premessa 162 tar-Regolament provviżorju, hija bbażat biss fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu kkunsidrat (mill‑1 ta’ Jannar 2013 sat‑30 ta’ Settembru 2016) sabiex tevalwa l-iżvilupp tagħha, kif jirriżulta mill-premessa 168 tal-imsemmi regolament.

267    Għaldaqstant dan l-ilment huwa ineffettiv, kif inhu wkoll, għall-istess raġuni, it-tielet ilment imqajjem mir-rikorrenti, li jipprovdi li ċ-ċifri sostnuti mill-Kummissjoni kienu kontradittorji għal dawk imsemmija fit-talba għal reviżjoni mressqa mill-industrija tal-Unjoni fl‑2010 fir-rigward tal-iskadenza tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament Nru 1212/2005.

268    Fil-fatt, id-data li tirrigwarda l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni li kienet inkwistjoni f’din it-talba għal reviżjoni kienet tirrigwarda neċessarjament is-snin preċedenti għall‑2010. Issa, kif indikat fil-punt 266 iktar ’il fuq minkejja li l-Kummissjoni kienet semmiet is-sena 2006 fil-premessa 162 tar-Regolament provviżorju, hija d-data tal-perijodu kkunsidrat, jiġifieri l-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2013 u t‑30 ta’ Settembru 2016, li kienet rilevanti u li kienet il-bażi tat-teħid ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni.

269    Fi kwalunkwe każ, kif jargumentaw l-intervenjenti, il-profittabbiltà meqjusa fil-kuntest tal-investigazzjoni saret abbażi ta’ data tal-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni, filwaqt li l-profittabbiltà medju kkomunikata mill-industrija tal-Unjoni fit-talba tagħha għal reviżjoni mressqa fir-rigward tal-iskadenza tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament Nru 1212/2005 kienet ibbażata fuq id-data ta’ sitt produtturi addizzjonali.

270    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq irraba’ parti tal-ewwel motiv relattiva għallkampjun talprodutturi talUnjoni

271    Fir-raba’ parti, ir-rikorrenti jikkontestaw l-għażla mwettqa, mill-Kummissjoni, fost il-produtturi tal-Unjoni, sabiex tibni l-kampjun li abbażi tiegħu hija evalwat l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

272    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jressqu żewġ ilmenti li huma kkontestati mill-Kummissjoni.

273    Fl-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni ma stidnitx, b’mod effettiv, lill-partijiet interessati jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kampjun provviżorju.

274    Fil-fatt, iċ-CCCME kellha aċċess, fit‑18 ta’ Jannar 2017, wara li kienet ikkuntattjat lill-Kummissjoni dwar dan il-punt, minn naħa, għal dokument datat 12 ta’ Diċembru 2016, intitolat “Proposta ta’ kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni”, li kien jinkludi l-kampjun ta’ tliet produtturi tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, għall-kwestjonarji mibgħuta fis‑16 ta’ Jannar 2017 mill-Kummissjoni lil “EJ Picardie + 4 oħra” produtturi tal-Unjoni kif kien jindika t-titolu ta’ dan id-dokument.

275    Skont ir-rikorrenti, dawn id-dokumenti jagħtu l-impressjoni li l-kampjun provviżorju kien, f’ċertu punt, estiż għal produtturi oħra tal-Unjoni. Madankollu, fl‑20 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni kienet daħħlet fil-fajl mhux kunfidenzjali l-kampjun finali ta’ produtturi tal-Unjoni, datat 16 ta’ Jannar 2017, li fih kienet ikkonfermat l-għażla inizjali ta’ tliet produtturi.

276    Għar-rikorrenti, dawn iċ-ċirkustanzi juru li l-Kummissjoni kkomunikat il-kampjun provviżorju lill-partijiet interessati wara li l-kampjun finali kien ġie deċiż u li l-kwestjonarji kienu ntbagħtu lill-produtturi inklużi fil-kampjun, li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li għandha tingħata preferenza għall-għażla ta’ kampjun f’konsultazzjoni ma’ u bil-kunsens tal-partijiet interessati.

277    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, “[l]-għażla finali ta’ partijiet, tipi ta’ prodotti jew transazzjonijiet magħmula taħt dawn id-dispożizzjonijiet tal-kampjunament għandha tibqa’ f’idejn il-Kummissjoni, għalkemm għandha tingħata preferenza għall-għażla ta’ kampjun f’konsultazzjoni ma’, u bil-kunsens ta’, il-partijiet konċernati, sakemm tali partijiet jagħmlu lihom infushom magħrufin u jagħmlu biżżejjed informazzjoni disponibbli, fi żmien tliet ġimgħat mill-bidu tal-investigazzjoni, sabiex jagħmluha possibbli li jiġi magħżul kampjun rappreżentattiv”.

278    Sabiex il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku tkun effettiva, din għandha ssir fi stadju fejn il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati, u jekk ikun il-każ, timmodifika l-kampjun.

279    Għandu jiġi rrilevat li f’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fl-avviż tal-ftuħ tal-investigazzjoni, li hija kienet iddeċidiet li tillimita għal numru raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni koperti mill-investigazzjoni billi tagħżel kampjun, u li għal dan il-għan, hija kienet ikkostitwixxiet kampjun provviżorju li l-kompożizzjoni tiegħu kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati għall-konsultazzjoni. F’dan l-avviż, il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, ħlief f’każ ta’ indikazzjoni kuntrarja, il-partijiet interessati li jixtiequ jipprovdu iktar informazzjoni utli dwar l-għażla tal-kampjun kellhom jagħmlu dan fil‑21 jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-imsemmi avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

280    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni targumenta li r-raġuni li għaliha d-dokument tat‑12 ta’ Diċembru 2016, intitolat “Proposta ta’ kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni”, ma kienx inizjalment imdaħħal fil-fajl mhux kunfidenzjali, kif kien imħabbar fl-avviż tal-ftuħ, hija dovuta għal żball klerikali min-naħa tat-tim responsabbli mill-investigazzjoni. Id-dokument kien aċċidentalment immarkat bħala “kunfidenzjali”, filwaqt li kellu jkollu l-indikazzjoni “mhux kunfidenzjali” sabiex jippermetti li l-partijiet interessati kollha jkollhom aċċess għalih. Hekk kif, fit‑18 ta’ Jannar 2017, iċ-CCCME informat lill-Kummissjoni bl-assenza ta’ dan id-dokumenti fl-informazzjoni li għaliha kellha aċċess din l-entità, l-imsemmi dokument ġie mmarkat bħala “mhux kunfidenzjali” fis-sistema sabiex tiġi żgurata l-konsultazzjoni tiegħu mill-partijiet interessati, inkluż iċ-CCCME.

281    Minn dan isegwi li ċ-CCCME ġiet ikkonsultata fit‑18 ta’ Jannar 2017, jew ftit iktar minn xahar wara l-ftuħ tal-investigazzjoni, jiġifieri f’mument fejn l-osservazzjonijiet tagħha setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-għażla tal-kampjun.

282    Madankollu, minkejja li sa minn dan il-mument kellha l-possibbiltà, iċ-CCCME ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar il-kompożizzjoni ta’ dan il-kampjun.

283    Ċertament ir-rikorrenti jsostnu li n-numru ta’ intrapriżi inkluż fl-għażla tal-kampjun kien ġie modifikat, u mbagħad finalizzat, qabel ma huma kienu kkonsultati, li kellu bħala riżultat, fil-fehma tagħhom, in-nuqqas ta’ effettività tal-konsultazzjoni, peress li l-kompożizzjoni tal-kampjun kienet ġiet deċiża qabel ma setgħu jiddikjaraw ruħhom.

284    Preżunt li l-Kummissjoni kienet effettivament ikkunsidrat li timmodifika l-kampjun provviżorju, u mbagħad reġgħet lura għall-pożizzjoni tagħha qabel maċ-CCCME setgħet tikkonsulta l-kompożizzjoni tal-kampjun propost, huwa suffiċjenti, fi kwalunkwe każ, li jiġi rrilevat, bi tweġiba għal dan l-argument, l-ewwel nett, li l-partijiet interessati kienu tqiegħdu f’pożizzjoni li jiddikjaraw ruħhom, f’dan il-każ, dwar il-kompożizzjoni proposta għall-kampjun mill-Kummissjoni, fit-tieni lok, li l-kompożizzjoni li kienet l-oġġett tal-konsultazzjoni kienet tinkludi tliet intrapriżi, u t-tielet nett, li l-kampjun finali kien jirrigwarda effettivament dawn it-tliet intrapriżi.

285    Għalhekk, ir-rikorrenti setgħu jargumentaw, dwar il-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni, osservazzjonijiet li l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, li jimplika li, għall-kuntrarju ta’ dak li huma jsostnu, id-drittijiet tad-difiża tagħhom kif ukoll l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku kienu ġew irrispettati.

286    Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

287    Fit-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-kampjun magħżul mill-Kummissjoni ma jirrappreżentax id-diversità tas-sitwazzjonijiet li fihom jinsabu l-produtturi ġewwa l-Unjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni speċifika esperjenzata mill-produtturi tal-Ewropa tal-Lvant.

288    Skont il-Kummissjoni, l-argument imressaq mir-rikorrenti dwar dan il-punt ma huwiex fondat minbarra li ma huwiex ammissibbli, għaliex ġie fformulat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

289    F’dan ir-rigward, dwar il-mertu, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, l-analiżi tal-Kummissjoni għandha tkun ibbażata fuq l-industrija tal-Unjoni kollha sabiex tikseb rappreżentazzjoni affidabbli tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija fit-territorju kollu tal-Unjoni.

290    Madankollu, fil-kummerċ ta’ daqs sinjifikattiv, il-Kummissjoni hija awtorizzata tillimita l-investigazzjoni għal numru raġonevoli ta’ partijiet, billi tirrikorri għall-metodu ta’ teħid ta’ kampjun previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

291    L-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament bażiku jipprovdi żewġ metodi sabiex jinbena kampjun li jista’ jiġi kkunsidrat rappreżentattiv skont l-imsemmi regolament. L-ewwel metodu jikkonsisti, li l-Kummissjoni tibbaża fuq kampjun ta’ partijiet, prodotti jew tranżazzjonijiet li huma statistikament rappreżentattivi abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għal dak li jirrigwarda t-tieni metodu ta’ teħid ta’ kampjuni previst fl-Artikolu 17(1) tal-istess regolament, ir-rappreżentattività tal-kampjun hija bbażata fuq il-fatt li jinkludi l-ikbar volum ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ esportazzjonijiet li jistgħu b’mod raġonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, T.KUP, C‑349/16, EU:C:2017:469, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

292    Barra minn hekk, mill-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-għażla finali tal-kampjun tibqa’ tal-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relattivi għat-teħid ta’ kampjuni (sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Fliesen‑Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 87 u tal‑15 ta’ Marzu 2018, Caviro Distillerie et vs Il‑Kummissjoni, T‑211/16, EU:T:2018:148 punt 48).

293    Barra minn hekk, għandha titqies iċ-ċirkustanza li, meta tirrikorri għal kampjuni, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa, konsegwentement, limitat bil-mod indikat fil-punti 149 u 150 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Fliesen‑Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 93).

294    Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza tispeċifika li meta tagħżel it-tieni metodu ta’ teħid ta’ kampjuni, il-Kummissjoni għandha ċerta diskrezzjoni, fir-rigward tal-evalwazzjoni prospettiva ta’ dak li huwa raġonevolment possibbli li twettaq fit-terminu impost fuqha għall-investigazzjoni tagħha (sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2017, T.KUP, C‑349/16, EU:C:2017:469, punt 31 u tal‑15 ta’ Marzu 2018, Caviro Distillerie et vs Il‑Kummissjoni, T‑211/16, EU:T:2018:148, punt 41).

295    F’tali kuntest, immarkat bl-eżistenza ta’ marġni diskrezzjonali wiesa’ tal-Kummissjoni u limitazzjoni tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, huma r-rikorrenti, li skont il-ġurisprudenza, għandhom jipproduċu l-provi li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni, minħabba l-kompożizzjoni tal-kampjun tal-industrija tal-Unjoni magħżul, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kunsiderazzjoni tad-dannu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Caviro Distillerie et vs Il‑Kummissjoni, T‑211/16, EU:T:2018:148, punt 49).

296    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, billi applikat it-tieni metodu msemmi fil-punt 291 iktar ’il fuq, għażlet il-kampjun abbażi tal-ogħla volumi ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ, kif jawtorizzaha l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku.

297    Skont il-premessa 13 tar-Regolament provviżorju, dan il-kampjun jirrappreżenta 48 % tal-volum tal-produzzjoni totali u 43 % tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata l-importanza tal-volum tal-produzzjoni u tat-totali tal-bejgħ ta’ dawn il-produtturi mir-rikorrenti.

298    Għalhekk, l-għażla ta’ dan il-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni tostakola l-possibbiltà ta’ kontestazzjoni bbażata fuq rappreżentattività ġeografika insuffiċjenti, peress li l-volumi ta’ produzzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ esportazzjonijiet inklużi fil-kampjun huma meqjusa, jekk inhuma għoljin, li jipprovdu bażi adegwata għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija kollha.

299    Għalhekk, huwa żbaljat li r-rikorrenti jikkunsidraw li l-kampjun tal-Kummissjoni ma kienx suffiċjentement rappreżentattiv fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku għar-raġuni li ma kienx jinkludi produtturi tal-Ewropa tal-Lvant.

300    Għalhekk, it-tieni lment għandu jiġi miċħud fil-mertu mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu deċiżi l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fuq il-livell ta’ ammissibbiltà.

301    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-ħames parti tal-ewwel motiv relattiva għall-inklużjoni ta’ prezz intragrupp filkalkolu talispejjeż talindustrija talUnjoni

302    Fil-ħames parti, ir-rikorrenti jsostnu li, għall-kalkolu tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni użat, fil-każ ta’ Saint‑Gobain PAM, prezzijiet mitluba għal bejgħ mill-ġdid fi ħdan il-grupp ta’ kumpanniji li minnu kien jifforma parti dan il-produttur (użu ta’ prezzijiet ta’ trasferiment), mingħajr ma evalwat in-natura awtonoma ta’ dawn il-prezzijiet ta’ xiri.

303    Madankollu, sabiex tevalwa l-profittabbiltà effettiva, il-Kummissjoni kellha tqabbel, minn naħa, il-valur tal-bejgħ magħmul lil klijenti indipendenti, u min-naħa l-oħra, l-ispejjeż sostnuti għall-produzzjoni tal-prodotti u l-ispejjeż BĠA tal-grossisti, inkella l-analiżi tagħha tad-dannu tkun ivvizzjata.

304    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

305    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni spjegat li Saint‑Gobain PAM tbigħ il-prodott previst, direttament, lil klijenti indipendenti, iżda wkoll, kif irrilevaw ir-rikorrenti, indirettament, permezz tal-intervent ta’ negozjanti relatati.

306    Madankollu, irriżulta li din iċ-ċirkustanza ma kellhiex effett fuq l-istabbiliment tal-ispejjeż ta’ produzzjoni, peress li, minn naħa, iż-żewġ tipi ta’ bejgħ jimplikaw prodotti li ġew immanifatturi mill-intrapriża kkunsidrata, u min-naħa l-oħra, li l-valur meħud inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-Kummissjoni jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ produzzjoni sostnuti minn din tal-aħħar, fil-kuntest tal-manifattura, indipendentement mit-tip ta’ bejgħ li jseħħ sussegwentement.

307    Għalhekk, kif indikat il-Kummissjoni, il-fatt li ċertu bejgħ kien twettaq permezz tal-intervent ta’ kumpanniji relatati ma għandu ebda effett fuq il-kalkolu tal-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ Saint‑Gobain PAM, u għalhekk, fuq l-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

308    Huwa minnu li, fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat li Saint‑Gobain PAM kienet qed tixtri ċerta materja prima mingħand intrapriżi relatati.

309    Madankollu, sabiex tkun tista’ tinkludi fil-kalkolu tagħha l-ispejjeż ta’ produzzjoni marbuta ma’ dawn it-tranżazzjonijiet, il-Kummissjoni vverifikat jekk dawn tal-aħħar setgħux jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjonijiet imwettqa f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

310    Fil-fatt, billi qabblet l-ispejjeż diretti fl-ispejjeż ta’ produzzjoni unitarji u fil-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lil partijiet mhux relatati fl-Unjoni, hija kkonstatat li Saint‑Gobain PAM kienet tinsab fl-istess firxa bħaż-żewġ produtturi l-oħra tal-kampjun li ma kinux xtraw il-materja prima tagħhom mingħand fornituri relatati.

311    Għalhekk, il-ħames parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq issitt parti talewwel motiv, prinċipalment relattiva għaddifferenza filprattiki attribwiti lillprodutturiesportaturi skont jekk kinux Indjani jew Ċiniżi

312    Fis-sitt parti, ir-rikorrenti jressqu diversi lmenti li wieħed minnhom huwa eżaminat hawnhekk, filwaqt li l-oħrajn se jkunu, minħabba l-għan tagħhom, eżaminati f’taqsimiet oħra ta’ din is-sentenza (ara l-punt 325 iktar ’il quddiem).

313    Fl-ilment eżaminat hawnhekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li ma tinftihemx il-konklużjoni sostnuta mill-Kummissjoni li ebda prattika ta’ dumping ma setgħet tiġi attribwita lill-produtturi‑esportaturi Indjani filwaqt li l-eżistenza ta’ tali prattika ġiet ikkonstatata għall-produtturi‑esportaturi Ċiniżi. Skont ir-rikorrenti, din il-konklużjoni hija inkompatibbli maż-żewġ elementi fattwali li ġejjin. L-ewwel nett, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Indjani kienu inqas mill-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi. It-tieni nett, peress li r-Repubblika tal-Indja kienet magħżula bħala pajjiż analogu, id-data użata mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-valur normali kienet l-istess għall-produtturi‑esportaturi Indjani u Ċiniżi.

314    Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

315    Sabiex tittieħed pożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, kif ifakkru r-rikorrenti, l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Indja kienu l-oġġett, b’mod parallelu għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ta’ investigazzjoni intiża sabiex tistabbilixxi l-eżistenza eventwali ta’ prattiki ta’ dumping (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

316    Fil-kuntest tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li abbażi tal-volum f’tunnellati, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienu bħala medja ogħla mill-prezzijiet oriġinarji mir-Repubblika tal-Indja.

317    Fl-istess waqt, peress li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma kinitx ikkunsidrata bħala pajjiż li għandu ekonomija tas-suq, il-valur normali użat sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix prattika ta’ dumping min-naħa tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi kien ikkalkulat abbażi ta’ data tar-Repubblika tal-Indja, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku (iktar ’il quddiem il-“metodu tal-pajjiż analogu”).

318    Issa, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi konkluż li prodott huwa oġġett ta’ dumping meta il-prezz tal-esportazzjoni tiegħu għall-Unjoni ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, kif stabbilit fil-pajjiż esportatur.

319    Skont ir-rikorrenti, peress li fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping mill-produtturi‑esportaturi Ċiniżi u Indjani, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt, li minn naħa, il-valur normali kien fiż-żewġ każijiet ibbażat fuq data Indjana, u min-naħa l-oħra l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi‑esportaturi Indjani kienu inqas minn dawk użati mill-produtturi‑esportaturi Ċiniżi, il-loġika korollarja kienet li l-produtturi‑esportaturi Indjani kellhom marġni ta’ dumping ogħla u li l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping tal-produtturi‑esportaturi ta’ dan il-pajjiż, ladarba waslet għal tali konklużjoni għal dak li jirrigwarda l-produtturi‑esportaturi Ċiniżi.

320    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-differenza bejn il-produtturi‑esportaturi Ċiniżi u Indjani kienet spjegata mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni.

321    Qabel kollox, minkejja li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li abbażi tal-volum f’tunnellati, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Indjani kienu fil-medja inqas mill-prezzijiet Ċiniżi, hija spjegat li dawn il-prezzijiet ma setgħux jitqabblu b’mod adegwat. Fil-fatt, kif indikat fid-dettall il-Kummissjoni, fil-premessa 179 tar-Regolament provviżorju, li għaliha tirreferi l-premessa 19 tar-Regolament ikkontestat, id-differenza fil-prezzijiet hija spjegata, fil-fehma tagħha, mill-fatt li l-produtturi‑esportaturi Indjani kienu jesportaw il-ħadid fondut griż, li peress li huwa iktar fraġli, kien jeħtieġ l-użu ta’ kwantità ikbar ta’ materja prima mill-prodotti tal-ħadid fondut duttili li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina sabiex jaslu għall-istess riżultat. Għal din ir-raġuni, il-prezzijiet Ċiniżi kienu jkunu ogħla kieku l-paragun twettaq abbażi tal-volum f’tunnellati. Mill-banda l-oħra, kien ikun differenti, kieku l-paragun twettaq abbażi tal-prodott, li jikkostitwixxi l-kriterju adegwat fir-rigward tal-bejgħ imqabbel.

322    Imbagħad, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 20 tar-Regolament ikkontestat, teżisti wkoll partikolarità tal-prezzijiet domestiċi tal-prodotti Indjani fuq livell fiskali, li kienet timplika ċerti aġġustamenti. Mill-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni, kien jirriżulta li l-VAT ma kinitx applikata għall-prezzijiet domestiċi Indjani użati, skont il-metodu tal-pajjiż analogu, sabiex jiġi stabbilit il-valur normali meħtieġ għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Din is-sitwazzjoni ħolqot diskrepanza bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi u l-prezzijiet domestiċi Indjani użati sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. Sabiex tkun tista’ tqabbel lil dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali billi inkludiet il-VAT, u għalhekk għolliet il-valur normali użat sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi.

323    Huwa fl-aħħar ta’ dan ir-raġunament li l-koerenza tiegħu ma kinitx ikkonstestata mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni waslet għal konklużjonijiet differenti għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping għall-produtturi‑esportaturi Ċiniżi u l-produtturi‑esportaturi Indjani.

324    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

325    Fis-sitt parti, ir-rikorrenti jqajmu żewġ ilmenti oħra li ser ikunu analizzati ma’ motivi oħra li magħhom huma relatati. Għalhekk, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kienet irrifjutat liċ-CCCME kull aċċess għall-informazzjoni neċessarja sabiex tivverifika l-analiżi li hija kienet wettqet. Dan l-ilment ser ikun analizzat fil-kuntest tat-tielet motiv. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiġbor data sabiex tevalwa l-indikaturi ta’ dannu għal kull Stat Membru u għal kull kategorija ta’ prodott, ħadid fondut griż jew ħadid fondut duttili. Dan l-ilment ser ikun eżaminat fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv.

326    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda għal dak li jirrigwarda l-ilment eżaminat iktar ’il fuq, filwaqt li jsir riferiment għall-analiżi li tirrigwardahom għaż-żewġ ilmenti relatati ma’ motivi oħra, u konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu.

 Fuq ittieni motiv relattiv għarrabta kawżali

327    Maqsum fi tliet partijiet, it-tieni motiv jirrigwarda l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha teżamina sa fejn id-dannu tal-industrija tal-Unjoni jirriżulta, jekk ikun il-każ, mill-importazzjonijiet kontenzjużi u mhux minn fatturi oħra.

–       Fuq lewwel parti tattieni motiv relattiva għallassenza ta’ simultanjetà bejn iż-żieda tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u ddegradazzjoni tassitwazzjoni talindustrija tal-Unjoni

328    Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti jikkontestaw ir-raġunament magħmul mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn, minn naħa, iż-żieda tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, u min-naħa l-oħra, id-degradazzjoni kkonstatata għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu kkunsidrat.

329    Din il-parti, li hija kkontestata mill-Kummissjoni, hija maqsuma f’erba’ lmenti.

330    Fl-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li sabiex tistabbilixxi r-rabta kawżali, il-Kummissjoni qabblet l-indikaturi ekonomiċi fil-bidu u fit-tmiem tal-perijodu kkunsidrat, filwaqt li hija kellha tanalizza x-xejriet osservati matul dan il-perijodu. Kieku adottat dan l-approċċ, kienet tkun tista’ tikkonstata li l-indikaturi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienu ddegradaw sa mill‑2014. Issa, mid-data pprovduta mill-Kummissjoni jirriżulta li, sa minn dan il-mument, l-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina naqsu. Skont ir-rikorrenti, tali tnaqqis huwa inkompatibbli mal-konklużjoni li l-imsemmija importazzjonijiet kienu kkontribwixxew għad-degradazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

331    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-indikaturi inklużi fit-tabella ta’ hawn taħt żviluppaw bil-mod segwenti matul il-perijodu kkunsidrat.

Indiċi (2013 = 100)

2013

2014

2015

Perijodu tal-investigazzjoni

Volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni (f’tunnellati)

100

97

90

89

Volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni (f’tunnellati)

100

103

96

96

Sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni (f’ %)

100

97

95

97

Volum tal-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (f’tunnellati)

100

124

120

116

Sehem mis-suq tal-Unjoni miżmum mill-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (f’ %)

100

125

126

126


332    Minn din it-tabella jirriżulta li, kif jindikaw ir-rikorrenti, il-volum tal-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina naqas, fl‑2015, meta mqabbel mal-livell li kien laħaq fl‑2014.

333    Madankollu, dan ma jfissirx li rabta kawżali hija eskluża bejn l-iżvilupp ta’ dawn l-importazzjonijiet u dak li kkaratterizza l-indikaturi li jirrigwardaw l-industrija tal-Unjoni.

334    Fil-fatt, it-tabella turi li t-tnaqqis imġarrab mill-imsemmija importazzjonijiet sa mill‑2014 huwa relattiv, peress li l-livell ta’ importazzjoni jibqa’ nettament ogħla minn dak milħuq fil-bidu tal-perijodu kkunsidrat (+16 %), b’tali mod li jidher artifiċjali li wieħed jitkellem fuq tnaqqis tal-importazzjonijiet jekk jittieħed inkunsiderazzjoni perijodu itwal.

335    Barra minn hekk, il-preżentazzjoni pprovduta mir-rikorrenti tinjora ż-żieda sinjifikattiva tal-importazzjonijiet inkwistjoni bejn is-snin 2013 u 2014 (+24 %). Issa, żieda ta’ dan il-kobor setgħet tixrob is-suq tal-Unjoni billi twassal għall-antiċipazzjoni ta’ ordnijiet mill-klijenti tal-Unjoni bil-konsegwenza li l-bejgħ jonqos, konsegwentement, b’mod partikolari fl‑2015, sena li matulha l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas (-10 % meta mqabbel mal-indiċi tat-tluq) filwaqt li l-importazzjonijiet kienu qed jonsqu wkoll, anki jekk dan tal-aħħar jibqa’ relattiv fir-rigward ta’ dak imġarrab mill-bejgħ tal-imsemmija industrija.

336    Fl-argument tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw, b’mod fundamentali, lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet speċifiċi eżaminati iktar ’il fuq, il-metodu li permezz tiegħu l-Kummissjoni bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq paragun bejn id-data li tikkaratterizza l-bidu u t-tmiem tal-perijodu kkunsidrat.

337    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, l-idea wara l-istabbiliment ta’ “perijodu kkunsidrat” hija li l-Kummissjoni tkun tista’ teżamina perijodu itwal minn dak kopert mill-investigazzjoni proprja, b’mod li tibbaża l-analiżi tagħha fuq xejriet reali u virtwali, li sabiex jiġu identifikati jeħtieġu żmien suffiċjentement twil (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 87).

338    Huwa preċiżament dan, li f’dan il-każ wassal lill-Kummissjoni tillimita l-analiżi tagħha għall-iżviluppi li seħħew matul sena jew tnejn, filwaqt li teżamina x-xejriet fuq perijodu itwal (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 145 (mhux ippubblikata)). Għalhekk, hija waslet għal konklużjoni li, b’kollox, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kienu żdiedu b’16 % bejn l‑2013 u t-tmiem tal-perijodu tal-investigazzjoni, filwaqt li l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien naqas bi 11 % u li s-sehem tas-suq ta’ din l-industrija kien naqas bi 3 % matul l-istess perijodu.

339    Fl-aħħar nett, peress li r-rikorrenti jikkontestaw il-possibbiltà li l-Kummissjoni tibbaża fuq il-bidu u t-tmiem tal-perijodu kkunsidrat, jikkontestaw għażla metodoloġika mwettqa minn din l-istituzzjoni.

340    Issa, dwar din it-tip ta’ kwistjoni, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, marġni diskrezzjonali wiesa’ li jimponi lill-parti rikorrenti, jekk hija trid tikkontesta b’suċċess l-azzjoni ta’ dawn tal-aħħar, li turi fir-rigward tagħhom, l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2007, Aluminiun Silicon Mill Products vs Il‑Kunsill, T‑107/04, EU:T:2007:85, punt 71).

341    F’dan il-każ, bilfors għandu jiġi kkonstatat li permezz tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti ma jipproduċux provi li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali żball, iżda pjuttost jipproponu interpretazzjoni alternattiva tal-iżvilupp tal-indikaturi ekonomiċi billi jinnotaw li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni jidhirlhom li hu artifiċjali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 172).

342    Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

343    Fit-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Kummissjoni ddikjarat, fil-premessa 174 tar-Regolament ikkontestat, minn naħa, li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kienu wasslu għal degradazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, li l-imsemmija importazzjonijiet kienu żviluppaw b’mod parallelu mal-produzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri żieda segwita minn tnaqqis.

344    Ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa diffiċli li jiġi segwit, peress li l-fatt li ż-żieda tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tkun konkominanti għaż-żieda tal-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u li t-tnaqqis tal-importazzjonijiet li segwa jkun konkominanti għal tnaqqis tal-volum tal-industrija tal-Unjoni juri pjuttost l-assenza ta’ rabta kawżali.

345    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kif jindikaw ir-rikorrenti, fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ddikjarat żvilupp parallelu tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

346    Din il-konstatazzjoni hija eżatta, peress li kif tindika t-tabella li tinsab fil-punt 331 iktar ’il fuq, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping żdiedu fl‑2014, minn indiċi ta’ 100 għall-indiċi ta’ 124, l-istess bħall-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, li żdied mill-indiċi ta’ 100 għall-indiċi ta’ 103. Fl‑2015, dawn l-indiċijiet naqsu t-tnejn, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping niżlu għal 120 u l-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni għall-indiċi ta’ 96.

347    Għalhekk, għandu jiġi meqjus il-kliem użat mill-Kummissjoni fil-premessa 174 kollha tar-Regolament ikkontestat sabiex jiġi ddeterminat kif waslet għall-konklużjoni li kienet teżisti rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-degradazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

348    Issa, abbażi tal-ispjegazzjonijiet kollha mogħtija mill-Kummissjoni fil-premessa 174 tar-Regolament ikkontestat, huwa possibbli li jinftiehem għaliex ikkunsidrat, fid-dawl taċ-ċifri inklużi fl-indikaturi ta’ dannu tal-industrija tal-Unjoni, li din tal-aħħar kienet iddegradat fl-istess waqt li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kienu żdiedu u li setgħet tiġi stabbilita rabta kawżali bejn dawn iż-żewġ fenomeni.

349    Fil-fatt, fil-premess 174 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni indikat li fil-perijodu kkunsidrat kollu, ix-xejra rreġistrata turi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-degradazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, osservata f’termini ta’ volumi u ishma tas-suq, u ż-żieda tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping matul dan il-perijodu.

350    Din il-konklużjoni kienet sostnuta miċ-ċifri pprovduti fit-tabella li tinsab fil-punt 331 iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping żdiedu matul il-perijodu kkunsidrat, mill-indiċi ta’ 100 għall-indiċi ta’ 116, filwaqt li l-indikaturi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ġarrbu tnaqqis globali, il-volum tal-produzzjoni mill-indiċi ta’ 100 għall-indiċi ta’ 96, dak tal-bejgħ mill-indiċi ta’ 100 għall-indiċi ta’ 89 u s-sehem tas-suq naqas mill-indiċi 100 għall-indiċi 97 fuq l-istess perijodu.

351    Għalhekk, ir-rikorrenti huma f’pożizzjoni li jsegwu r-raġunament tal-Kummissjoni u jifhmu r-raġunijiet li għalihom ikkonkludiet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li fi-perijodu kkunsidrat kollu, kien hemm koinċidenza, ratione temporis, bejn l-iżvilupp tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u l-indikaturi msemmija fil-punt 350 iktar ’il fuq.

352    Għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

353    Fit-tielet ilment tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li t-tnaqqis tal-konsum fl-Unjoni ma kisirx ir-rabta kawżali bejn iż-żieda tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-degradazzjoni tal-indikaturi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

354    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 191 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-konsum tal-prodott ikkonċernat kien naqas matul il-perijodu kkunsidrat.

355    Madankollu, il-Kummissjoni enfasizzat, fl-istess premessa, li l-eżistenza ta’ dan it-tnaqqis u l-influwenza li dan tal-aħħar seta’ jkollu fuq l-iżvilupp tal-indikaturi ma setgħux jiksru r-rabta kawżali bejn iż-żieda tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

356    Sabiex tiġġustifika din il-pożizzjoni, il-Kummissjoni bbażat fuq tliet settijiet ta’ ċifri. Fl-ewwel lok, hija osservat li l-konsum tal-prodott ikkonċernat kien naqas bi 8 %. Fit-tieni lok, hija kkonstatat li l-volum tal-bejgħ kien naqas bi 11 % għall-industrija tal-Unjoni. Peress li t-tieni ċifra kienet ogħla minn tal-ewwel, hija kkunsidrat li t-tnaqqis tal-volum tal-bejgħ ma setax jiġi spjegat totalment mit-tnaqqis tal-konsum. Fit-tielet lok, hija nnotat li fl-istess żmien, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kienu żdiedu b’ 16 %. Fil-fehma tagħha, din iż-żieda tispjega d-differenza bejn it-tnaqqis tal-konsum u dak, iktar sinjifikattiv, li kien affettwa l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

357    Fl-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti ma pproduċewx provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li billi għamlet dan ir-raġunament, il-Kummissjoni kienet wettqet xi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, jidher li tali raġunament huwa konformi mal-ġurisprudenza (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 122 (mhux ippubblikata)).

358    Għalhekk, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

359    Fir-raba’ lment tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw li kif indikat il-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat, it-twaqqigħ tal-prezz li rriżulta mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping seta’ jnaqqas is-sehem tas-suq u l-benefiċċji tal-produtturi tal-Unjoni, peress li s-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied matul il-perijodu li matulu kif ġie stabbilit it-twaqqigħ tal-prezz, jiġifieri l-perijodu tal-investigazzjoni, mill-indiċi ta’ 95 għall-indiċi ta’ 97.

360    F’dan ir-rigward, jidher li sabiex tistabbilixxi r-rabta kawżali, il-Kummissjoni bbażat, minn naħa, fuq l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz (bejn 31.6 % u 39.2 %) stabbilit għall-perijodu tal-investigazzjoni, u min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li matul il-perijodu kkunsidrat, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni kien irreġistra tnaqqis ta’ 2.1 punti ta’ perċentwali filwaqt li dak tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kien żdied bi 5.6 punti ta’ perċentwali.

361    F’dan il-kuntest, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk il-Kummissjoni tistax tibbaża fuq twaqqigħ tal-prezz ikkonstatat għall-perijodu tal-investigazzjoni sabiex tistabbilixxi effett fuq l-industrija tal-Unjoni matul il-perijodu kkunsidrat kollu.

362    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-twaqqigħ tal-prezz huwa analizzat, skont l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping setax ikollhom effett, f’termini ta’ prezzijiet, fuq il-bejgħ tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni. Huwa jiġi stabbilit permezz tad-data pprovduta mill-produtturi‑esportaturi inklużi fil-kampjun, b’mod partikolari għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping tagħhom. Issa, din id-data hija kkalkulata abbażi tal-perijodu tal-investigazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet twettaq żball billi tikkalkula t-twaqqigħ tal-prezz abbażi ta’ data li tirrigwarda dan il-perijodu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni, T‑500/17, mhux ippubblikata, mingħajr appell, EU:T:2019:691, punt 51).

363    Imbagħad, għandu jiġi enfasizzat li teżisti relazzjoni bejn, minn naħa, id-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz, u b’mod iktar ġenerali, tal-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq il-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, u min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ rabta kawżali, skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni, T‑500/17, mhux ippubblikata, mingħajr appell, EU:T:2019:691, punt 32; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company “Kazchrome” u ENRC Marketing vs Il‑Kummissjoni, T‑107/08, EU:T:2011:704, punt 59).

364    Il-provi tal-eżistenza ta’ dannu, inkluż dawk relattivi għall-effett tal-importazzjonijiet ta’ dumping fuq il-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, huma fil-fatt, meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rabta kawżali, imsemmija fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-paragun magħmul mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku għandu jservi bħala bażi għall-analiżi tagħha relattiva għall-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni, T‑500/17, mhux ippubblikata, mingħajr appell, EU:T:2019:691, punt 57).

365    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ħadet inkunsiderazzjoni twaqqigħ tal-prezz ikkonstatat fuq il-perijodu tal-investigazzjoni sabiex tevalwa l-effetti tiegħu fuq id-degradazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, evalwata fuq perijodu itwal.

366    F’tali kuntest, il-fatt li matul is-sena tal-investigazzjoni, li matulha ġie stabbilit it-twaqqigħ tal-prezz, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied, filwaqt li kien naqas fl‑2014 u fl‑2015, u b’mod ġenerali, matul il-perijodu kkunsidrat, ma jistax jinvalida r-rabta kawżali stabbilita mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

367    Għal dawn ir-raġunijiet, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud.

368    Fil-ħames ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsotnu li l-Kummissjoni kellha tevalwa l-iżvilupp tal-ishma tas-suq u tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping filwaqt li tiddistingwi l-prodotti ta’ ħadid fondut duttili mill-prodotti ta’ ħadid fondut griż.

369    Peress li huwa strettament marbut mat-tieni lment tat-tieni parti tat-tieni motiv, dan ser jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ din tal-aħħar.

370    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda għal dak li jirrigwarda l-erba’ lmenti eżaminati hawn fuq, filwaqt li fir-rigward tal-ħames ilment isir riferiment għall-analiżi li tirrigwardah marbuta ma’ parti oħra.

–       Fuq ittieni parti tattieni motiv relattiva għan-neċessità li ssir analiżi tad-dannu għal kull segment

371    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tiddikjara b’mod ġenerali li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kienu kkawżaw id-dannu kkonstatat, iżda kellha tistabbilixxi, permezz ta’ analiżi ta’ kull segment, l-eżistenza ta’ rabta bejn dawn iż-żewġ elementi.

372    Il-Kummissjoni ssostni li din il-parti ma hijiex fondata, u barra minn hekk hija inammissibbli, għaliex l-argumenti esposti mir-rikorrenti ma humiex invokati legalment.

373    Fuq l-ammissibbiltà, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, sa fejn il-Kummissjoni ma evalwatx kif l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, konsistenti f’tip ta’ prodott wieħed (standard u kważi esklużivament tal-ħadid fondut duttili), setgħu jikkawżaw id-dannu kkonstatat peress li dan tal-aħħar kien jinkludi wkoll tipi ta’ prodotti oħra. Peress li huwa possibbli, minn naħa, li jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet ikkonċernati, u min-naħa l-oħra, li jinftiehem l-argument tar-rikorrenti, din il-parti għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

374    Fuq il-mertu, ir-rikorrenti jinvokaw is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill (T‑35/01, EU:T:2004:317), insostenn tal-argument tagħhom.

375    Fil-punt 127 tas-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill (T‑35/01, EU:T:2004:317), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill ma kienx kiser ir-Regolament bażiku billi wettaq analiżi ta’ kull segment tal-prodott ikkonċernat f’din il-kawża, jiġifieri tal-imwieżen elettroniċi, sabiex jevalwa d-diversi indikaturi ta’ dannu. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li analiżi ta’ kull segment ma kinitx eskluża mir-Regolament bażiku u li l-istituzzjonijiet setgħu jirrikorru għaliha, b’mod partikolari jekk ir-riżultati miksuba b’metodi oħra jirriżultaw inattendibbli għal raġuni jew oħra. F’din il-kawża, il-Kunsill kien indika, fil-premessa 83 tar-Regolament li kien ikkontestat, li l-metodu tal-kalkolu tal-prezzijiet medji ta’ bejgħ tal-imwieżen elettroniċi kollha f’daqqa kien bidel ir-riżultati minħabba “l-evoluzzjoni tat-tqassim tal-bejgħ (jiġifieri għall-bidliet sostanzjali fil-volum tal-bejgħ fis-segmenti differenti bejn l‑1995 u l-perijodu ta’ investigazzjoni)”.

376    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li fis-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, mingħajr appell, EU:T:2019:691), invokata mir-rikorrenti fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ġie deċiż li peress li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-prodott ikkunsidrat (jiġifieri, f’din il-kawża, ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid mingħajr ġonġituri jew tal-azzar) kien jaqa’ fi tliet segmenti differenti (petrol u gass, kostruzzjoni u produzzjoni tal-elettriku), hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni din is-segmentazzjoni fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu, u b’mod partikolari, fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-analiżi ta’ kull segment hija ġġustifikata, f’din il-kawża, mill-interkambjalità limitata tal-prodotti min-naħa tat-talba, mill-varjazzjoni tal-prezzijiet bejn is-segmenti, mill-fatt li l-ikbar produttur tal-Unjoni fil-kampjun kien jopera prinċipalment fis-settur tal-petrol u l-gass u l-importazzjonijiet tal-produtturi‑esportaturi fil-kampjun kienu jikkonċentraw fuq is-segment tal-kostruzzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali indikat li l-użu ta’ metodu ta’ paragun ibbażat fuq in-numri ta’ kontroll tal-prodotti (iktar ’il quddiem “PCN”) sabiex tiġi stabbilita korrispondenza bejn it-tipi ta’ prodotti, imsejjaħ “metodu PCN b’PCN”, seta’ jintuża jekk jaqa’ fil-kuntest ta’ analiżi li tieħu inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq.

377    Fis-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill (T‑35/01, EU:T:2004:317) u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, mingħajr appell, EU:T:2019:691), jirriżulta li analiżi ta’ kull segment tista’ tkun iġġustifikata meta l-prodotti previsti mill-investigazzjoni ma humiex interkambjabbli u meta segment wieħed jew iktar jistgħu jiġu affettwati iktar minn oħrajn mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

378    Mill-banda l-oħra, tali analiżi ta’ kull segment ma hijiex meħtieġa meta l-prodotti jkunu suffiċjentement interkambjabbli. F’dak il-każ, l-assenza ta’ delimitazzjoni ċara bejn il-prodotti jew is-segmenti (A, B u Ċ) u r-relazzjoni eżistenti bejniethom twassal sabiex il-bejgħ tal-prodotti A u Ċ mill-produtturi tal-Unjoni jista’, fost affarijiet oħra, inaqqas il-profitt mill-importazzjonijiet tal-prodott B lejn l-Unjoni. Għalhekk, minkejja li huma kkonċentrati fuq segment tas-suq (B), l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jista’ jkollhom impatt fuq l-industrija tal-Unjoni kollha.

379    Huwa biss fil-każ fejn ir-riżultati jirriżultaw inattendibbli, għal raġuni jew oħra, li analiżi ta’ kull segment tkun iġġustifikata fil-presenza ta’ prodotti interkambjabbli. F’dak il-każ, hija l-parti interessata li għandha tipproduċi provi konkreti li jsostnu d-dikjarazzjoni tagħha li prodotti differenti ma humiex suffiċjentement interkambjabbli jew li l-assenza ta’ analiżi ta’ kull segment fil-presenza ta’ prodotti suffiċjentement interkambjabbli twassal, f’dan il-każ, għal riżultati inattendibbli.

380    Dwar din il-kwistjoni tas-segmentazzjoni, ir-rikorrenti jressqu tliet ilmenti insostenn tal-argument tagħhom.

381    Fl-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għall-ilment li ta lok għall-ftuħ tal-investigazzjoni. F’dan l-ilment, il-produtturi tal-Unjoni kkonċernati indikaw li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kienu jirrigwardaw esklużivament prodotti standard u li s-sitwazzjoni kienet differenti fl-Unjoni, fejn il-produzzjoni kienet tinkludi b’mod ġenerali 90 % prodotti standard u 10 % prodotti mhux standard. Skont ir-rikorrenti, f’tali kuntest, analiżi ta’ kull segment biss setgħet tiżgura li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda l-prodotti tagħha mhux standard ma jkunx attribwit b’mod żbaljat għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

382    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prodotti standard huma ddefiniti, fl-ilment, bħala prodotti konformi mal-istandards EN 124 jew EN 1433. Fid-dawl ta’ dawn l-istandards, il-prodotti mhux standard jippreżentaw ftuħ iktar wiesa’ u għandhom karatteristiċi addizzjonali li suppost iżiedu l-valur tal-prodott: siġġillaġġ, sistema li tissakkar, privattiva, eċċ.

383    Madankollu, l-appartenenza ta’ prodotti għal firxiet differenti ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita, fiha nnifisha, l-assenza ta’ interkambjalità tagħhom u għalhekk l-opportunità li ssir analiżi ta’ kull segment, peress li prodotti li jappartjenu għal firxiet distinti jista’ jkollhom funzjonijiet identiċi jew jissodisfaw l-istess bżonnijiet (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1992, Sanyo Electric vs Il‑Kunsill, C‑177/87, EU:C:1992:111, punt 12).

384    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova dwar l-eventwali bżonnijiet speċifiċi u distinti tal-klijenti li tissodisfa kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ prodotti (standard u mhux standard).

385    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, fl-assenza ta’ provi pprodotti fis-sens kuntrarju mir-rikorrenti, l-assenza ta’ analiżi segmentata li tiddistingwi l-prodotti standard u l-prodotti mhux standard ma tmurx kontra, f’dan il-każ, ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza, b’tali mod li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

386    Fit-tieni lment, ir-rikorrenti jsostnu li sabiex jiġi evalwat id-dannu tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kellha tiddistingwi l-prodotti kkonċernati skont jekk kinux immanifatturati b’ħadid fondut duttili jew ħadid fondut griż. Dan l-argument huwa mressaq ukoll fil-kuntest tas-sitt parti tal-ewwel motiv u tal-ħames ilment tal-ewwel parti tat-tieni motiv.

387    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rabtiet bejn il-ħadid fondut duttili u l-ħadid fondut griż ġew analizzati waqt l-eżami mill-ġdid tal-ewwel miżuri antidumping meħuda fil-konfront ta’ importazzjonijiet imwettqa għal dan it-tip ta’ prodott mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

388    F’dan il-każ, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid kienet intiża sabiex tiddetermina jekk il-prodotti tal-ħadid fondut duttili kinux jidħlu, bħal dawk tal-ħadid fondut griż, fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-Regolament Nru 1212/2005, jiġifieri ċerti prodotti tal-ħadid fondut mhux malleabbli.

389    Fir-Regolament adottat fit-tmiem tal-eżami mill-ġdid, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 500/2009 tal‑11 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament Nru 1212/2005 (ĠU 2009, L 151, p. 6), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prodotti tal-ħadid fondut griż u l-prodotti tal-ħadid fondut duttili kienu jikkostitwixxu prodott wieħed għall-finijiet tal-proċedura antidumping, għax kienu jaqsmu l-istess karatteristiċi (fiżiċi, kimiċi u tekniċi), kienu intiżi għall-istess użu u kienu interkambjabbli.

390    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat li l-ħadid fondut griż u l-ħadid fondut duttili t-tnejn kienu ġejjin minn taħlita ta’ ħadid u karbonju, anki jekk setgħu jeżistu differenzi minimi bejniethom fuq livell ta’ struttura tal-materja prima u tal-materji miżjuda matul il-proċess ta’ manifattura. Hija żiedet li ċertament, il-ħadid tal-fondut duttili, għall-kuntrarju tal-ħadid fondut griż, kellu karatteristiċi tekniċi li jippermettulu jiflaħ stress ta’ ksur ikbar u, aktar importanti minn hekk, li jkun deformat b’mod aktar sinjifikattiv taħt saħħa kompressiva mingħajr ksur. Madankollu, din id-differenza hija kkumpensata minn karatteristiċi mekkaniċi jew tekniċi komparabbli, bħal-laminar, ir-reżistenza għall-użu u l-elastiċità. Barra minn hekk, mir-Regolament Nru 500/2009 jirriżulta li d-differenza fuq imsemmija taffettwa biss id-disinn rikjest tal-ikkastjar (pereżempju jekk hemmx bżonn ta’ apparat biex jintrabat), u mhux l-utilità tal-ikkastjar għall-għan previst, li huwa biex jgħatti jew jagħti aċċess għal sistemi tal-art jew taħt il-wiċċ. Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-konsumaturi kellhom il-perċezzjoni li ż-żewġ tipi ta’ kkastjar huma l-istess prodott li jintuża biex jgħatti toqob tal-ispezzjonar, jifilħu l-piż tat-traffiku, jipprovdu aċċess sigur u faċli għal netwerks taħt l-art jew biex jiġbru ilma tal-wiċċ (spralli) u li ż-żewġ tipi kienu jipprovdu soluzzjonijiet dejjiema fuq medda twila ta’ żmien.

391    F’dan il-każ għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jipprovdux provi li jikkontestaw dawn il-konstatazzjonijiet, iżda jallegaw li f’ċerti Stati Membri, teżisti “prijorità” jew “preferenza” għal tip jew ieħor ta’ ħadid fondut. Fil-fehma tagħhom, is-suq Ġermaniż kien għalhekk dominat mill-ħadid fondut griż u s-suq Franċiż mill-ħadid fondut duttili.

392    Peress li ma hijiex sostnuta minn provi konkreti, tali allegazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni. Fi kwalunwe każ, sempliċi prijorità ma tippermettix li tiġi stabbilita b’ċertezza assenza jew insuffiċjenza ta’ interkambjalità tal-prodotti, b’tali mod li t-tieni lment għandu jiġi miċħud.

393    Fit-tielet ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tevalwa d-dannu tal-industrija tal-Unjoni billi tiddistingwi l-Ewropa tal-Lvant mill-bqija tal-Unjoni, minħabba kundizzjonijiet kompetittivi inqas żviluppati f’dik il-parti tal-Unjoni.

394    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment ma huwiex suffiċjentement sostnut sabiex ikun debitament analizzat, peress li r-rikorrenti indikaw biss, mingħajr ma pproduċew xi spjegazzjoni speċifika, li l-Ewropa tal-Lvant u reġjuni oħra tal-Ewropa ma kellhomx l-istess kundizzjonijiet kompetittivi.

395    Huwa minnu li r-rikorrenti jirrilevaw li fir-Regolament Nru 1212/2005, li wassal għall-adozzjoni tal-miżuri antidumping tal‑2005, il-Kummissjoni wettqet analiżi ta’ kull segment filwaqt li eskludiet żona ġeografika partikolari, f’dan il-każ Franza.

396    Madankollu, fil-premessa 73 tar-Regolament Nru 1212/2005, il-Kummissjoni ġġustifikat dan il-proċediment bil-fatt li l-penetrazzjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ma kinitx ugwali fis-suq tal-Unjoni. Fil-fatt, filwaqt li dawn l-importazzjonijiet kienu ppenetraw b’mod qawwi s-swieq ta’ erbatax-il Stat Membru, is-suq Franċiż kien għadu mhux fil-mira. B’mod parallelu, iż-żewġ produtturi Franċiżi fil-kampjun kellhom effett kbir fuq is-sitwazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni, peress li l-produzzjoni tagħhom u l-bejgħ tal-prodotti tal-ħadid fondut tagħhom fis-suq Franċiż kien jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 36 % tal-produzzjoni totali u tal-volum totali tal-bejgħ ta’ din l-industrija. F’dawn iċ-ċirkustanza partikolari, il-Kummissjoni qieset xieraq li tippreżenta, flimkien mal-analiżi tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni kollha, analiżi tax-xejriet ta’ ċerti indikaturi għas-suq tal-Unjoni li kien fil-mira tal-importazzjonijiet, jiġifieri dan is-suq mingħajr Franza.

397    Ir-rikorrenti ma wrewx li ċirkustanzi ta’ dan it-tip kienu jiġġustifikaw, f’dan il-każ, li jinftiehem b’mod separat id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Ewropa tal-Punent u lill-industrija tal-Ewropa tal-Lvant, b’tali mod li t-tielet ilment, u konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni motiv kollha għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittielet parti tattieni motiv relattiva għall-prezzijiet tal-importazzjonijiet u l-importanza tat-twaqqigħ tal-prezz

398    Fit-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jressqu żewġ ilmenti, li huma kkontestati mill-Kummissjoni.

399    Fl-ewwel ilment, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni affidabbli fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

400    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li fil-premessa 126 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ammettiet li l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ma kienx “kompletament affidabbli” sa fejn id-data kienet ibbażata fuq statistika tal-importazzjonijiet u l-komponenti dettaljati tat-tipi ta’ prodotti kkonċernati ma kinux magħrufa.

401    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li f’dan l-estratt, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li jindikaw ir-rikorrenti, ma rrikonoxxietx li l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ma kienx suffiċjentement affidabbli sabiex ikun jista’ jintuża, iżda sempliċement li l-kalkolu tal-prezz tal-importazzjonijiet ma kienx ta lok għal riżultat dettaljat daqs kemm xtaqet hi, mingħajr madankollu ma kkunsidrat li din id-data kienet nieqsa mill-affidabbiltà u mingħajr ma pprevediet li hija bl-ebda mod ma setgħet tintuża fl-iżvilupp tar-regolament ikkontestat.

402    Issa, il-fatt li l-iżvilupp tal-imsemmija prezzijiet ma huwiex “kompletament affidabbli” jirriżulta mill-fatt li d-data tal-Eurostat tikklassifika l-prodott ikkonċernat taħt kodiċi li jinkludu wkoll prodotti oħra u li għal din ir-raġuni, twettqu aġġustamenti ta’ din id-data, kif indikat fil-punti 158 sa 166 iktar ’il fuq.

403    Bi tweġiba għall-ewwel parti tal-ewwel motiv, ġie deċiż li l-Kummissjoni setgħet tibbaża fuq din id-data, kif aġġustata mill-ġdid, sabiex tiddetermina l-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, fl-assenza ta’ informazzjoni iktar preċiża, iktar reċenti u iktar affidabbli.

404    Fl-estensjoni ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet ukoll tuża din id-data sabiex tevalwa l-prezz tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u ssegwi l-iżvilupp tiegħu.

405    Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

406    Fit-tieni lment, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma kinitx evalwat suffiċjentement l-importanza tat-twaqqigħ tal-prezz fid-dawl tas-sehem tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni li għaliha ma kien ġie kkonstatat ebda twaqqigħ tal-prezz.

407    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fil-premessa 187 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni indikat li kienet stabbilixxiet li 62.2 % tal-bejgħ totali mwettaq fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kien waqqa’ l-prezz mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-produtturi‑esportaturi tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina inklużi fil-kampjun. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, hija bbażat fuq il-fatt li, minn naħa, it-tipi ta’ prodotti kollha importati kienu paragunabbli għat-tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, u min-naħa l-oħra, il-prezzijiet tat-tipi ta’ prodotti kollha importati kienu waqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tat-tipi paragunabbli mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Minn dawn l-elementi differenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienu jidhru biżżejjed l-effetti dannużi tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

408    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal din il-konklużjoni fid-dawl tal-proporzjon limitat li fir-rigward tiegħu kien ġie kkonstatat effettivament twaqqigħ tal-prezz – f’dan il-każ 62.6 % tal-bejgħ imwettaq mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Fil-fehma tagħhom, tali proporzjon huwa insuffiċjenti, għal żewġ raġunijiet. L-ewwel oġġezzjoni mqajma mir-rikorrenti hija li l-proporzjon tal-bejgħ li għalih ġie stabbilit twaqqigħ tal-prezz kien ugwali għal 26.9 % biss tal-bejgħ tal-Unjoni, peress li l-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni kien jirrappreżenta 43 % tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni. It-tieni oġġezzjoni mqajma mir-rikorrenti hija li dan il-proporzjon ta’ 62.6 % kien jimplika li ebda twaqqigħ tal-prezz ma kien ikkonstatat għall-parti rimanenti, mhux negliġibbli, ta’ dan il-bejgħ (iktar minn 37 %). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kellha teżamina, skont ir-rikorrenti, jekk setgħetx tiġi realment stabbilita rabta kawżali mad-dannu kkonstatat għall-industrija tal-Unjoni kollha. F’dan ir-rigward, huma jenfasizzaw li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien jippreżenta, meta mqabbel mal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, differenzi sinjifikattivi skont il-prodotti (ħadid fondut duttili jew ħadid fondut griż) u l-Istati Membri.

409    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kif ġie indikat fil-punt 290 iktar ’il fuq, fil-każ ta’ kummerċ ta’ daqs kbir, il-Kummissjoni hija awtorizzata mir-Regolament bażiku tibbaża l-investigazzjoni tagħha fuq numru ta’ partijiet partikolari billi tirrikorri għall-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni previst fl-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, mingħajr ma din il-possibbiltà jew il-metodi previsti f’din id-dispożizzjoni tqiegħdu inkwistjoni, f’dan il-każ, mir-rikorrenti, fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità.

410    F’dan il-każ, il-Kummissjoni użat, fir-rigward ta’ dan it-teħid ta’ kampjuni, kif indikat fil-punt 296 iktar ’il fuq, it-tieni metodu previst minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri għażla bbażata fuq l-“akbar” volumi (produzzjoni u bejgħ).

411    Għalhekk, skont ir-Regolament bażiku, għandu jiġi kkunsidrat li l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni kienet ibbażata fuq data li għandha tiġi kkunsidrata bħala rappreżentattiva, bil-konsegwenza li peress li ġie kkonstatat għall-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, it-twaqqigħ tal-prezzijiet għandu jitqies rappreżentattiv għall-industrija tal-Unjoni kollha.

412    Għalhekk, l-ewwel oġġezzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz għal 26.9 % tal-bejgħ tal-Unjoni biss, li twassal, essenzjalment, għall-kontestazzjoni tal-possibbiltà li l-Kummissjoni tibbaża fuq kampjuni rappreżentattivi, għandha tiġi miċħuda.

413    Fir-rigward tat-tieni oġġezzjoni magħmula mir-rikorrenti, dawn tal-aħħar jenfasizzaw, fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, li l-bejgħ li jikkorrispondi għal 37.4 % mhux meħud inkunsiderazzjoni ma kienx paragunabbli għall-importazzjonijiet tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, u għalhekk, ma kienx waqqa’ l-prezz.

414    Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, mingħajr appell, EU:T:2019:691), li tannulla r-regolament antidumping tal-Kummissjoni għar-raġuni b’mod partikolari li, fl-analiżi tagħha, din l-istituzzjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni 8 % tal-volum tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għall-finijiet tal-eżami tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, għax ma kienx jeżisti tip ta’ prodott importat korripondenti.

415    Skont ir-rikorrenti, l-istess konklużjoni hija imposta f’dan il-każ, fid-dawl tas-similaritajiet eżistenti bejn iż-żewġ kawżi, iktar u iktar meta l-perċentwali injorat mill-Kummissjoni f’dan il-każ huwa iktar sinjifikattiv (madwar 37 %) minn dak identifikat f’dak preċedenti (8 %). Fiż-żewġ kawżi, id-data kollha użata mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-prezzijiet ta’ bejgħ unitarji medji u l-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil xerrejja indipendenti hija bbażata fuq it-tipi kollha ta’ prodotti mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Bl-istess mod, il-Kummissjoni stabbilixxiet rabta speċifika, fiż-żewġ fajls, bejn l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Dejjem fuq l-istess linja, il-Kummissjoni identifikat relazzjoni, fiż-żewġ każijiet, bejn minn naħa, it-tnaqqis tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u min-naħa l-oħra, id-deterjorazzjoni tal-profittabbiltà tal-imsemmija industrija kif ukoll tal-ishma tas-suq tagħha. Fl-aħħar nett, f’dan il-każ, bħal fil-kawża preċedenti, il-Kummissjoni naqset milli tipprovdi motivazzjoni speċifika li tippermetti li jiġi eskluż li l-prodotti mhux meħuda inkunsiderazzjoni setgħu jipparteċipaw, f’sehem mhux negliġibbli, fit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

416    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fis-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, mingħajr appell, EU:T:2019:691), invokata mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’kuntest li fih l-Kummissjoni stess kienet irrilevat l-eżistenza ta’ segmenti distinti fi ħdan dak li kienu jikkostitwixxu l-prodotti kollha previsti mill-investigazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet kienet twettqet mill-Kummissjoni mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn is-segmenti hekk identifikati minnha. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li fl-analiżi tagħha, din l-istituzzjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni ċerti tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, li għalihom ma kienx jeżisti tip ta’ prodott importat korrispondenti. F’dan il-kuntest speċifiku, hija ddeċidiet, fil-punt 74 tal-imsemmija sentenza, li “fin-nuqqas ta’ motivazzjoni speċifika f’dan ir-rigward fir-regolament ikkontestat, ma jistax jiġi eskluż li s‑17‑il tip ta’ prodott inkwistjoni, li jirrappreżentaw 8 % tal-volum tal-bejgħ tal-imsemmija produtturi u forsi iktar fid-dawl tal-varjazzjoni tal-prezzijiet bejn is-segmenti, kienu pparteċipaw, f’sehem mhux negliġibbli, fit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun”.

417    Din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik ta’ dan il-każ, li fiha l-Kummissjoni ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ segmenti differenti fis-suq tal-prodott ikkonċernat u spjegat ampjament il-pożizzjoni li hija adottat dwar dan il-punt mingħajr ma r-rikorrenti setgħu jipproduċu provi li jinvalidaw jew jiddubitaw din l-evalwazzjoni.

418    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li t-tieni oġġezzjoni tagħhom hija sostnuta wkoll mill-konklużjonijiet mogħtija mill-Korp tal-Appell tal-WTO fit-tilwima “Ċina – Miżuri li jimponu dazji antidumping fuq it-tubi, mingħajr ġonġituri, tal-azzar li ma jissaddadx bi prestazzjoni għolja ‘HP-SSST’ mill-Ġappun” (WT/DS 454/AB/R u WT/DS 460/AB/R, rapport tal‑14 ta’ Ottubru 2015).

419    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, l-interpretazzjonijiet tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Antidumping”), li jinsabu fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU 1994, L 336, p. 3), adottati minn dan l-organu, ma jistgħux jorbtu lill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-validità tar-Regolament ikkontestat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C‑377/02, EU:C:2005:121, punt 54).

420    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li fir-rapport imsemmi fil-punt 418 iktar ’il fuq, il-Korp tal-Appell tal-WTO indika li sabiex tevalwa oġġettivament l-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet domestiċi, l-awtorità ta’ investigazzjoni għandha tadotta evalwazzjoni dinamika tal-iżvilupp u tax-xejriet tal-prezzijiet fir-relazzjoni bejn, minn naħa, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, u min-naħa l-oħra, dawk tal-prodott nazzjonali simili matul il-perijodu kopert mill-investigazzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti, inkluż, fil-każ fejn dan ikun opportun, is-sehem tas-suq relattiv għal kull tip ta’ prodott.

421    Madankollu, din id-dikjarazzjoni għandha titqiegħed fil-kuntest tagħha. F’dik il-kawża, kien ġie stabbilit li l-prodotti inkwistjoni, jiġifieri t-tubi, mingħajr ġonġituri, tal-azzar li ma jissaddadx bi prestazzjoni għolja (HP-SSST), kellhom jiġu distinti f’segmenti differenti tas-suq, korrispondenti għal firxiet ta’ prodotti differenti li s-sostitwibbiltà tagħhom ma kinitx ġiet stabbilita. Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni, l-awtorità tal-investigazzjoni Ċiniża kienet osservat li matul il-perijodu kopert mill-investigazzjoni, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u l-bejgħ domestiku kienu jikkonċentraw fuq segmenti differenti tas-suq tal-HP‑SSST. Fil-fatt, filwaqt li l-parti l-kbira tal-produzzjoni nazzjonali Ċiniża tal-HP‑SSST kienet tikkorrispondi għal prodotti ta’ kwalità A, is-sehem tas-suq miżmum mill-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ kwalità A oġġett ta’ dumping kienet ta’ 1.45 % fl‑2008 u ta’ 0 % wara din id-data.

422    Huwa f’dan il-kuntest speċifiku li l-Korp tal-Appell tal-WTO qieset li l-awtorità tal-investigazzjoni Ċiniża ma setgħetx tikkonstata biss, kif kienet għamlet, l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet għall-prodotti ta’ kwalità B u Ċ importati, iżda li hija kellha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni s-sehem tas-suq relattiv għal kull prodott, A, B u Ċ.

423    Is-sitwazzjoni hija differenti f’dan il-każ peress li, minkejja li ġie diviż f’kodiċi PCN mill-Kummissjoni għall-ħtiġijiet tal-paragun, il-prodott ikkonċernat jinkludi varjetà ta’ tipi ta’ prodotti li jibqgħu interkambjabbli.

424    Barra minn hekk, dan il-metodu kien ivvalidat mill-Korp tal-Appell tal-WTO fir-rapport tiegħu ċċitat fil-punt 418 iktar ’il fuq, peress li fil-punt 5.180, huwa indika li l-awtorità responsabbli mill-investigazzjoni ma kellhiex, skont l-Artikolu 3.2 tal-Ftehim Antidumping, tistabbilixxi l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz għal kull tip ta’ prodott previst mill-investigazzjoni jew għall-firxa kollha tal-merkanzija li kienet tikkostitwixxi l-prodott nazzjonali simili.

425    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz fil-firxa ta’ 31.6 % sa 39.2 %, fir-rigward ta’ 62.6 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, tidher li f’dan il-każ, hija suffiċjenti sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ twaqqigħ notevoli tal-prezz meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku.

426    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment għandu jiġi miċħud u għalhekk, it-tielet parti tat-tieni motiv kollha għandha tiġi miċħuda.

427    Peress li l-argumenti kollha mressqa fil-kuntest tat-tieni motiv ġew miċħuda, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet motiv relattiv għarrifjut ta’ komunikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni

428    Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunikalhom informazzjoni użata għad-determinazzjoni tad-dumping u tad-dannu. Din l-allegazzjoni saret ukoll fil-kuntest tas-sitt parti tal-ewwel motiv.

–       Fuq lammissibbilta tattielet motiv

429    Skont il-Kummissjoni, it-tielet motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli fir-rigward tar-rikorrenti kollha. Minn naħa, peress li ma hijiex parti interessata fis-sens tar-Regolament bażiku, iċ-CCCME ma tistax tinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali li jirriżultaw mill-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, peress li ma pparteċipawx fl-investigazzjoni billi ssottomettew osservazzjonijiet u talbu l-aċċess għall-fajl mhux kunfidenzjali, il-membri taċ-CCCME u l-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I ma setgħux jinvokaw ksur tad-drittijiet proċedurali li jirrigwarda n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tirrigwardahom.

430    Sabiex tiġi eżaminata din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandhom jiġu distinti tliet każijiet, li jiddependu fuq l-identità tal-entità jew tal-intrapriża li tinvoka l-motiv.

431    Għalhekk, l-ewwel każ li għandu jiġi eżaminat huwa dak li fih l-argument jitressaq miċ-CCCME f’isimha proprju.

432    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ċ-CCCME, sa fejn hija pparteċipat fl-investigazzjoni u talbet li hija stess ikun jista’ jkollha informazzjoni prevista fit-tielet motiv, għandha drittijiet proċedurali li tagħhom hija tista’ tfittex il-protezzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

433    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motv huwa ddikjarat ammissibbli sa fejn huwa invokat miċ-CCCME f’isimha proprju.

434    It-tieni każ li għandu jiġi eżaminat huwa dak li fih il-motiv huwa fformulat mill-membri taċ-CCCME u l-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I, li jikkontestaw ir-Regolament ikkontestat għar-raġuni li ma kinitx ġiet ikkomunikata lilhom informazzjoni essenzjali għad-difiża tal-interessi tagħhom.

435    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn iż-żewġ kategoriji huma komposti minn intrapriżi li ma stabbilixxewx li pparteċipaw fl-investigazzjoni jew ressqu talbiet intiżi sabiex tiġi kkomunikata lilhom l-informazzjoni inkwistjoni.

436    Madankollu, mir-Regolament bażiku u b’mod partikolari mill-Artikolu 5(10) tiegħu jirriżulta li peress li l-istituzzjonijiet ma għandhomx kapaċità jidentifikaw l-intrapriżi kollha li jistgħu jkunu interessati fi proċedura antidumping u għalhekk jiddeterminaw lil min għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha huwa awtorizzat, huma l-partijiet interessati li għandhom juru u jindikaw l-interess tagħhom li jiġu informati u li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

437    Kif tindika l-ġurisprudenza, dawn il-partijiet għandhom iqiegħdu lill-istituzzjonijiet f’pożizzjoni li jevalwaw il-problemi li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta’ element fl-informazzjoni li tkun tqiegħdet għad-dispożizzjoni tagħhom, peress li dawn ma jistgħux jilmentaw, quddiem il-qorti tal-Unjoni, li informazzjoni ma tqegħditx għad-dispożizzjoni tagħhom, jekk matul l-investigazzjoni, huma ma ressqux quddiem l-istituzzjonijiet l-ebda talba dwar din l-informazzjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kummissjoni, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

438    Konsegwentement, it-tielet motiv ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli fir-rigward tal-membri taċ-CCCME u tal-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I peress li dawn l-intrapriżi jridu jiksbu l-annullament tar-Regolament ikkontestat għar-raġuni li ma kinitx ikkomunikata lilhom informazzjoni li kellha tkun.

439    Fl-aħħar nett, it-tielet u l-aħħar każ previst huwa dak li fih il-motiv huwa invokat mill-membri taċ-CCCME u l-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I billi jargumentaw li d-drittijiet tad-difiża ma kinux irrispettati fir-rigward taċ-CCCME.

440    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi illegalità suġġettiva min-natura tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2010, CNOP u CCG vs Il‑Kummissjoni, T‑23/09, EU:T:2010:452, punt 45), u konsegwentement huwa għandu jiġi invokat mill-persuna kkonċernata nnifisha mingħajr ma jista’ jiġi invokat minn parti oħra (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑62/08, EU:T:2010:268, punt 186).

441    Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li skont din il-ġurisprudenza, il-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I ma jistgħux jinvokaw quddiem il-qorti tal-Unjoni ksur tad-drittijiet proċedurali li kienu ngħataw liċ-CCCME matul investigazzjoni.

442    Skont ir-rikorrenti, id-dritt tal-Unjoni jippermetti madankollu, lill-membri ta’ assoċjazzjoni jinvokaw ksur tad-drittijiet proċedurali eżerċitati minnha jekk l-imsemmija assoċjazzjoni tkun aġixxiet għan-nom tagħhom quddiem il-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, peress li f’dan il-każ, dak li huma jitolbu, fl-aħħar mill-aħħar hija l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, li kienu ġew eżerċitati għan-nom tagħhom mill-assoċjazzjoni matul din il-fażi amministrattiva.

443    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà li assoċjazzjoni teżerċita d-drittijiet proċedurali ta’ wħud mill-membri tagħha matul il-proċedura antidumping kienet aċċettata mill-ġurisprudenza (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Zhejiang Jndia Pipeline Industry vs Il‑Kummissjoni, T‑228/17, EU:T:2019:619, punt 36).

444    Madankollu, din il-possibbiltà ġiet suġġetta minn din l-istess ġurisprudenza għall-kundizzjoni li matul l-investigazzjoni l-entità tkun uriet l-intenzjoni li taġixxi fil-kwalità ta’ rappreżentant ta’ wħud mill-membri tagħha, li tippreżumi li dawn tal-aħħar kienu għalhekk ġew identifikati u li hija tista’ tistabbilixxi li rċeviet mandat min-naħa tagħhom sabiex teżerċita dawn id-drittijiet proċedurali għan-nom tagħhom.

445    Madankollu, mill-fajl jirriżulta li f’dan il-każ, iċ-CCCME ma ppreżentatx ruħha bħala tali lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, iżda li għall-kuntrarju, hija aġixxiet, matulha kollha, bħala entità rappreżentattiva tal-industrija Ċiniża kkunsidrata fit-totalità tagħha.

446    Għalhekk, fl-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fil‑15 ta’ Settembru 2017, dwar ir-Regolament provviżorju, iċ-CCCME rrilevat dan li ġej:

“L-interess taċ-CCCME jikkorrispondi għall-interess tal-industrija Ċiniża tal-ħadid fondut kollha. Dan l-interess jista’, u dan ser ikun il-każ ħafna drabi, jikkoinċidi mal-interessi ta’ produtturi‑esportaturi Ċiniżi differenti tal-prodott ikkonċernat, iżda huwa distint u jmur lil hinn minn dawn l-interessi individwali. B’mod partikolari, il-membri taċ-CCCME ma humiex biss il-produtturi‑esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, iżda wkoll produtturi‑esportaturi Ċiniżi li ma kinux inklużi fil-kampjun u li għalhekk ser ikunu suġġetti għar-rata applikabbli għal ‘kumpanniji oħra li kkoperaw elenkati fl-Anness’ jew għal ‘kumpanniji l-oħra kollha’. Il-membri tagħha jinkludu wkoll kumpanniji li f’dan l-istadju ma jesportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea (‘UE’) iżda li jistgħu jagħmlu dan fil-futur. Il-parteċipazzjoni taċ-CCCME f’din l-investigazzjoni hija intiża sabiex tippreżerva l-interess kollettiv tal-membri tagħha u tal-industrija Ċiniża (esportatriċi) tal-ħadid fondut, u mhux tal-interessi individwali tal-membri tagħha. Dawn l-interessi individwali ser ikunu ssalvagwardjati mill-produtturi differenti (esportaturi) Ċiniżi nnifishom, li wħud minnhom jipparteċipaw individwalment f’din il-proċedura”.

447    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li huma ssodisfatti r-rekwiżiti previsti mill-ġurisprudenza sabiex il-membri tal-assoċjazzjoni jiġu permessi jaġixxu għall-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali li kienu eżerċitati miċ-CCCME matul il-fażi amministrattiva.

448    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti pproponew li jipproduċu l-mandati li kienu taw il-membri taċ-CCCME sabiex jippermettu u jitolbu lil din tissalvagwardja għan-nom tagħhom id-drittijiet proċedurali li huma setgħu jippretendu.

449    Madankollu, din l-offerta ta’ prova għandha tiġi kkunsidrata bħala ineffettiva f’dan l-istadju tal-proċedura, għaliex huwa waqt l-investigazzjoni li dawn il-mandati, jekk kienu jeżistu, kellhom jiġu ppreżentati sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tagħti lill-intrapriżi kkonċernati d-drittijiet proċedurali li huma setgħu jitolbu.

450    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li t-tielet motiv jista’ jiġi invokat miċ-CCCME f’isimha proprju bħala assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża kollha, filwaqt li tiċħad bħala inammissibbli l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dan il-motiv mill-membri taċ-CCCME u mill-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I.

–       Fuq irrabta bejn iddrittijiet taddifiża u lobbligu ta’ kunfidenzjalità

451    Fuq il-mertu, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

452    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju huwa ta’ importanza kbira fil-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antidumping (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

453    Skont l-imsemmi prinċipju, l-intrapriżi interessati għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva li jesprimu utilment l-opinjoni tagħhom, minn naħa, dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati, u min-naħa l-oħra, dwar il-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

454    F’dan il-kuntest, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaġixxu b’diliġenza billi jfittxu li jagħtu lill-intrapiżi kkonċernati l-indikazzjonijiet utli għad-difiża tal-interessi tagħhom filwaqt li jkollhom ċerta libertà sabiex jagħżlu, jekk ikun il-każ, ex officio, il-modalitajiet li jidhrilhom xierqa fid-dawl ta’ tali komunikazzjoni (sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il‑Kunsill, C‑49/88, EU:C:1991:276, punt 17 u tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 99; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punt 30).

455    Dawn il-prinċipji huma implimentati fir-Regolament bażiku, li jipprovdi sistema ta’ garanziji li għandha żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, tippermetti lill-partijiet interessati jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod utli, u min-naħa l-oħra, tippreżerva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 96).

456    Ir-regoli relattivi għal dawn iż-żewġ għanijiet huma eżaminati fil-punti li ġejjin.

457    Fir-rigward tal-ewwel għan, il-garanziji proċedurali li jiżguraw id-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet interessati huma ddefiniti, qabel kollox, fl-Artikolu 6(7) u imbagħad, fl-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 97).

458    Għalhekk, l-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku jipprovdi li fuq talba bil-miktub, il-partijiet interessati, inklużi l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, jistgħu jiksbu konjizzjoni tal-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunklwe parti interessata fl-investigazzjoni, bħala distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, sa fejn din l-informazzjoni tkun rilevanti għad-difiża tal-interessi tagħhom, ma tkunx kunfidenzjali u tkun użata fl-investigazzjoni (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 98).

459    Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku jidentifika żewġ mumenti għall-komunikazzjoni lill-partijiet interessati, inklużi l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, ta’ informazzjoni speċifika dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom jistgħu jiġu bbażati l-miżuri antidumping, jiġifieri minn naħa, wara l-istabbiliment ta’ miżuri provviżorju, u min-naħa l-oħra, qabel l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 99).

460    Fir-rigward tat-tieni għan, ir-Regolament bażiku jistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu segwiti għar-rispett tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 103).

461    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-prinċipju li l-informazzjoni kunfidenzjali għandha tiġi trattata bħala tali mill-awtoritajiet.

462    Din l-informazzjoni hija dik li għandha karattru kunfidenzjali min-natura jew għaliex kienet ikkunsidrata bħala tali mill-persuni jew mill-entitajiet li jkunu pprovdewha. Fl-ewwel kategorija taqa’ l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha ikun ta’ vantaġġ sinjifikattiv għal xi kompetitur jew ikollu effett sfavorevoli sinjifikattiv fuq il-persuna li pprovdiet l-informazzjoni jew għal dik li kisbitha mingħandha. Fir-rigward tat-tieni kategorija, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(5) tar-Regolament bażiku tipprojbixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-aġenti tagħhom jiżvelaw kwalunkwe informazzjoni pprovduta minn persuna jew entità li tkun talbet li din tiġi trattata b’mod kunfidenzjali mingħajr l-awtorizazzjoni speċifika ta’ din tal-aħħar.

463    Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 19(5) tar-Regolament bażiku, il-projbizzjoni tal-iżvelar tapplika wkoll għall-informazzjoni skambjata bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u għad-dokumenti interni tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri, bl-unika eċċezzjonijiet awtorizzati jkunu dawn espressament previsti fir-Regolament bażiku.

464    Għalhekk, wara li ġew preżentati ż-żewġ għanijiet imfittxija mir-Regolament, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni jinkludi indikazzjonijiet dwar il-mod kif jistgħu jiġu marbuta (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 105).

465    Ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament bażiku jenfasizzaw l-importanza marbuta mal-kunfidenzjalità. B’hekk, l-Artikolu 6(7) tal-imsemmi regolament, imfakkar fil-punt 458 iktar ’il fuq, jindika li n-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni pprovduta minn parti kkonċernata mill-investigazzjoni tipprekludi lill-partijiet interessati milli jiksbu konjizzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-informazzjoni finali għandha tingħata “filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali” (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 105).

466    Fis-sens l-ieħor, il-ġurisprudenza tispeċifika li l-importanza tar-rispett ta’ informazzjoni kunfidenzjali ma tistax tneħħi l-kontenut essenzjali tad-drittijiet tad-difiża (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punt 29).

467    Sabiex jorbot iż-żewġ għanijiet, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku jispeċifika li, meta tiġi kkomunikata informazzjoni kunfidenzjali, għandha tiġi pprovduta taqsira mhux kunfidenzjali mill-parti li titlob il-kunfidenzjalità, din it-taqsira għandha tkun suffiċjentement dettaljata sabiex tippermetti lill-partijiet interessati jifhmu b’mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni kkomunikata.

468    Bl-istess għan li jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża meta l-kunfidenzjalità tipprekludi l-iżvelar ta’ informazzjoni, l-Artikolu 19(4) tar-Regolament bażiku jimponi lill-istituzzjonijiet li jiżvelaw informazzjoni ġenerali, b’mod partikolari r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tar-Regolament.

469    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u dispożizzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk iċ-CCCME tqegħditx f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi mressqa mill-Kummissjoni, b’dan illi meta jirrikonċiljaw l-imperattivi ta’ kunfidenzjalità u d-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet interessati, l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom jevalwaw, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, is-sitwazzjoni partikolari tal-parti interessata, u b’mod partikolari, il-pożizzjoni li din l-parti interessata tokkupa fis-suq ikkunsidrat meta mqabbla ma’ dik tal-persuna li tkun ipprovdiet din l-informazzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 199).

470    F’dan l-eżami, it-tliet partijiet li jikkostitwixxu l-motiv ser jiġu eżaminati suċċessivament.

–       Fuq lewwel parti tattielet motiv relattiva għat-talba ta’ komunikazzjoni talkalkoli mressqa millKummissjoni

471    Fl-ewwel parti, iċ-CCCME tallega li l-Kummissjoni ma pprovdietx id-dettalji tal-kalkoli tal-valur normali, tal-marġnijiet ta’ dumping, tal-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-prezzijiet, tad-dannu u tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu. Skont iċ-CCCME, il-fatt li jkollhom il-kalkoli dettaljati tal-Kummissjoni u d-data użata għal dawn il-kalkoli huwa ta’ natura li jippermetti lill-partijiet interessati jipprovdu osservazzjonijiet iktar utli għad-difiża tagħhom. Fil-fatt, dawn il-partijiet jistgħu b’hekk jivverifikaw b’mod preċiż il-mod li bih il-Kummissjoni użat din id-data u jqabbluh mal-kalkoli tagħhom stess, li jippermettilhom jidentifikaw eventwali żbalji min-naħa tal-Kummissjoni li altrimenti ma jkunux rilevabbli.

472    Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-kalkoli mitluba miċ-CCCME jistgħu jikkostitwixxu fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku għall-partijiet interessati bħall-produtturi‑esportaturi, li jirriskjaw li jkunu suġġetti għall-miżuri antidumping inkwistjoni. Madankollu, hija tqies li ċ-CCCME ma tistax tiġi kkunsidrata bħala parti interessata fis-sens tar-Regolament bażiku, peress li din l-entità ma hijiex attiva bħala produttur jew negozjant tal-prodott ikkonċernat. Skont il-Kummissjoni, l-obbligu li tipprovdi informazzjoni huwa inqas estiż fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi milli fir-rigward tal-partijiet interessati, b’mod partikolari l-produtturi‑esportaturi.

473    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi ddeterminat jekk il-kalkoli li għalihom iċ-CCCME talbet l-aċċess jinkludux informazzjoni kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku, kif oġġezzjonat il-Kummissjoni matul l-investigazzjoni.

474    Fir-rigward tal-kalkoli tal-valur normali, il-Kummissjoni spjegat, fir-Regolament ikkontestat, li l-metodi ta’ kalkolu differenti kienu ntużaw skont il-każ previst. Għalhekk, l-ewwel każ sostnut huwa dak li fih it-tip ta’ prodott esportat kien identiku jew paragunabbli għal tip ta’ prodott immanifattur fis-suq Indjan, b’dan li r-Repubblika tal-Indja kienet magħżula bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq sabiex isservi ta’ riferiment fil-kalkolu tal-valur normali. F’dan il-każ, ġew applikati metodi differenti skont jekk it-tip ta’ prodott ikkonċernat kienx mibjugħ fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq Indjan. Fil-fatt, meta t-tip ta’ prodott kien mibjugħ fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq Indjan, li b’mod konkret kien jirrigwarda tip ta’ prodott mibjugħ minn produttur Indjan, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet tal-bejgħ użati matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Meta t-tip ta’ prodott inkwistjoni ma kienx mibjugħ fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq Indjan, li kien jirrigwarda t-tipi ta’ prodotti l-oħra kollha identiċi jew paragunabbli għat-tipi ta’ prodotti esportati, il-Kummissjoni reġgħet iddistingwiet bejn it-tip ta’ prodott mibjugħ “fi kwantià suffiċjenti” minn tal-inqas produttur Indjan wieħed, f’liema każ hija użat il-prezzijiet tal-bejgħ użati matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali (iktar ’il quddiem it-“tieni metodu”), jew it-tip ta’ prodott li ma kienx mibjugħ, iżda mmanifattur minn tal-inqas produttur Indjan wieħed, f’liema każ hija bniet il-valur normali abbażi tal-ispejjez ta’ manifattura, flimkien mal-ispejjeż BĠA u profitti marbuta mal-bejgħ domestiku mwettaq matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali minn dan il-produttur Indjan (iktar ’il quddiem it-“tielet metodu”). It-tieni każ huwa dak li fih it-tip ta’ prodott esportat ma kienx identiku jew paragunabbli għal tip ta’ prodott immanifattur fis-suq Indjan. F’dan il-każ, il-Kummissjoni użat valur normali bbażat fuq il-bejgħ tat-tipi ta’ prodotti kollha li jużaw l-istess materja prima (il-ħadid fondut duttili jew griż) magħmul mill-produtturi Indjani fis-suq domestiku fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

475    Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-kalkoli tal-valur normali li għalihom iċ-CCCME talbet aċċess jirrigwardaw il-prezzijiet tal-bejgħ kif ukoll l-ispejjeż ta’ manifattura, l-ispejjeż BĠA u l-profitti ta’ produtturi Indjani, maqsuma skont it-tip ta’ prodott.

476    Issa, elementi bħall-ispejjeż ta’ manifattura, l-ispejjeż BĠA jew il-profitti huma, f’dan il-każ, ta’ xorta kunfidenzjali min-natura fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku, peress li, kif inhu indikat f’din id-dispożizzjoni, l-għarfien ta’ dawn l-elementi minn terzi tista’, fit-twettiq ta’ kummerċ, tkun ta’ vantaġġ sinjifikattiv għal xi kompetitur jew ikollha effett sfavorevoli sinjifikattiv fuq il-persuna li tkun ipprovdiet l-informazzjoni (ara l-punt 462 iktar ’il fuq).

477    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat, li peress li kienu inklużi fil-verżjoni restrittiva tal-kwestjonarju mibgħut lill-Kummissjoni, dawn l-elementi kienu, bħall-prezzijiet, ikkomunikati mill-partijiet fl-investigazzjoni bħala kunfidenzjali, li jwassal għall-obbligu, tal-awtoritajiet li jkollhom konjizzjoni ta’ din l-informazzjoni, li jirrispettaw din il-kunfidenzjalità sabiex ma jkunx hemm ksur tal-Artikolu 19(1) u (5) tar-Regolament bażiku (ara l-punt 462 iktar ’il fuq).

478    L-istess konstatazzjoni hija imposta għall-kalkoli l-oħra mitluba miċ-CCCME.

479    Għalhekk, il-kalkoli tal-marġnijiet ta’ dumping, peress li jikkonsistu fi tqabbil tal-valur normali u tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, jirrigwardaw id-data ta’ natura kunfidenzjali tal-prodotturi Indjani u tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi li l-prezzijiet tagħhom huma mqabbla.

480    Bl-istess mod, il-kalkoli tad-dannu, inkluż, f’dan il-kuntest, il-kalkolu tal-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-prezzijiet, jinkludu data ta’ natura kunfidenzjali. Minn naħa, il-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, li jippermettu l-evalwazzjoni tal-effett tal-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodotti fis-suq tal-Unjoni, jirriżultaw minn tqabbil bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun u l-prezzijiet ta’ mudelli jew ta’ prodotti simili ta’ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Min-naħa l-oħra, id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni huwa evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, id-data ta’ natura kunfidenzjali tal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri d-data tal-prodotturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun relattiva għall-prezzijiet u għall-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet, għall-ispejjeż tal-ħaddiema, għall-istokkijiet, għall-profittabbilta, għal-likwidità, għall-investimenti u għall-profitt fuq l-investimenti u l-kapaċità li jżiedu l-kapital, hija miġbura u analizzata għal dak li jirrigwarda l-indikaturi mikroekonomiċi evalwati mill-Kummissjoni. L-istess japplika għad-data tal-produtturi tal-industrija tal-Unjoni relattiva għall-produzzjoni, għall-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, għall-użu tal-kapaċitajiet, għall-volum ta’ bejgħ, għas-sehem tas-suq, għat-tkabbir, għall-impjieg u għall-produttività, għal dak li jirrigwarda l-indikaturi makroekonomiċi evalwati mill-Kummissjoni.

481    Fl-aħħar nett, dejjem fl-istess sens, il-kalkoli tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu jirrigwardaw ukoll data ta’ natura kunfidenzjali, peress li min-naħa tagħhom dawn jirriżultaw, minn tqabbil bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-prezzijiet mhux dannużi korrispondenti użati mill-industrija tal-Unjoni.

482    Għalhekk, mill-analiżi magħmula iktar ’il fuq jirriżulta li l-kalkoli kollha mitluba miċ-CCCME huma ta’ xorta kunfidenzjali min-natura li jistħoqqilhom protezzjoni.

483    Madankollu, għandu jitfakkar li, meta informazzjoni ma tkunx tista’ tiġi kkomunikata minħabba n-natura kunfidenzjali tagħha, l-Artikolu 19(2) sa (4) tar-Regolament bażiku, minn naħa, jobbliga lill-partijiet ikkonċernati jipprovdu taqsira mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni kull meta dan ikun possibbli, u min-naħa l-oħra, jobbliga lill-Kummissjoni tiżvela informazzjoni ġenerali, b’mod partikolari r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tar-Regolament bażiku.

484    Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-informazzjoni li kienet ikkomunikata lilha, iċ-CCCME tqegħditx f’pożizzjoni, kif teħtieġ il-ġurisprudenza, li tipprovdi indikazzjonijiet utli għad-difiża tagħha.

485    F’dan l-eżami, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ aspetti, jiġifieri, informazzjoni li ċ-CCCME kellha b’mod konkret, u min-naħa l-oħra, il-kwalità li din tal-aħħar kellha matul l-investigazzjoni (ara l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 469 iktar ’il fuq). Dawn l-aspetti huma eżaminati iktar ’il quddiem.

486    Fuq l-ewwel minn dawn l-aspetti, għandu jiġi rrilevat li fir-rigward tal-kalkoli tal-valur normali, sabiex tipproteġi l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva tal-produtturi Indjani li kkoperaw, iżda wkoll tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkomunikat liċ-CCCME deskrizzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali applikat skont il-każijiet imsemmija fil-punt 474 iktar ’il fuq u xi indikazzjonijiet li jirrigwardaw ir-riżultat ta’ dawn il-kalkoli. Għalhekk, il-Kummissjoni informatha li dan ir-riżultat kien jinsab f’firxa ta’ bejn 3000 u 4000 renminbi yuan (CNY) u CNY8000 sa CNY 9000 skont it-tip ta’ prodott. Wara talba taċ-CCCME, il-Kummissjoni indikat ukoll, fil-punt 61 tal-konklużjonijiet finali tagħha u fil-premessa 67 tar-Regolament ikkontestat, li l-ammont tal-ispejjeż BĠA u l-profitti li kienu miżjuda fil-kuntest tat-tielet metodu kien jinkludi bejn 1 u 10 % tad-dħul mill-bejgħ għall-prodotti tal-ħadid fondut griż u bejn 10 u 20 % tad-dħul mill-bejgħ għall-prodotti tal-ħadid fondut duttili.

487    Għall-kalkoli tal-marġni ta’ dumping, iċ-CCCME kellha għarfien tal-metodoloġija użata mill-Kummissjoni, jiġifieri, kif inhu indikat fil-premessa 92 tar-Regolament provviżorju, li din tal-aħħar ikkalkulat il-marġni ta’ dumping tal-produtturi‑esportaturi inklużi fil-kampjun billi qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip ta’ prodott simili stabbilit fil-pajjiż analogu mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip tal-prodott ikkonċernat korrispondenti. Għalhekk, il-Kummissjoni kisbet marġni ta’ dumping għal kull tip ta’ prodott. Imbagħad, hija kkalkulat l-marġni ta’ dumping ta’ kull produttur‑esportatur inkluż fil-kampjun skont it-tipi ta’ prodotti mibjugħa minnu. Iċ-CCCME kienet informata bil-fatt li r-riżultat ta’ dawn il-kalkoli kien juri marġni ta’ dumping li jvarja bejn 15.5 % u 38.1 %.

488    Għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, iċ-CCCME kienet, kif inhu indikat fil-premessi 127 u 128 tar-Regolament provviżorju, informata bil-fatt li l-Kummissjoni kienet iddeterminat it-twaqqigħ tal-prezzijiet matul il-perijodu tal-investigazzjoni billi qabblet il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati ta’ kull tip ta’ prodott immanifattur mit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mitluba lil klijenti indipendenti fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal “livell tal-prezz mill-fabbrika”, u l-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott, immanifatturat għall-importazzjoni lejn l-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni mill-ħames produtturi‑esportaturi fil-kampjun tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina inklużi fil-kampjun, stabbiliti abbażi ta’ prezz “cost, insurance, freight” (iktar ’il quddiem “CIF”) u debitament aġġustat sabiex jieħu inkunsiderazzjoni dazji doganali ta’ 1.7 % għall-prodotti tal-ħadid fondut griż u ta’ 2.7 % għall-prodotti tal-ħadid fondut duttili. Il-Kummissjoni żiedet li t-tqabbil tal-prezzijiet kien twettaq tip b’tip, għal tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, wara l-applikazzjoni tal-aġġustamenti meħtieġa u tnaqqis ta’ ribassi u skontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil ingħata bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ tat-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perijodu tal-investigazzjoni u wrew marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezz li jvarjaw bejn 35.4 % u 42.7 %, li ġew aġġustati, sussegwentement, kif indikat fil-premessa 122 tar-Regolament ikkontestat.

489    Għall-kalkoli wara l-eżami tal-indikaturi mikroekonomiċi u makroekonomiċi, li jippermettu l-evalwazzjoni ta-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, iċ-CCCME kisbet iċ-ċifri globali għal kull indikatur u għal kull sena, riprodotti fil-premessi 137 sa 166 tar-Regolament provviżorju.

490    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu, iċ-CCCME kienet informata bil-fatt li, sabiex jiġi stabbilit il-profitt li seta’ jintlaħaq raġonevolment mill-industrija tal-Unjoni, fil-kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, il-Kummissjoni kienet eżaminat il-profitti magħmula mill-bejgħ lil klijenti indipendenti. Il-profitt fil-mira kien stabbilit provviżorjament għal 5.3 %, rata konformi mal-profitti magħmula fl‑2013 mill-bejgħ lil klijenti indipendenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni speċifikat li peress li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kienu żdiedu ħafna fl‑2014, qabel ma stabbilizzaw ruħhom, hija kienet ikkunsidrat li l-livell ta’ profitt fl‑2013 kien rappreżentattiv ta’ dak li seta’ raġonevolment ikun miksub f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fl-assenza ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Imbagħad, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu abbażi ta’ tqabbil bejn il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet minn produtturi‑esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, debitament aġġustat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż ta’ importazzjoni u dazji doganali, kif kien ġie stabbilit għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, u l-prezz mhux dannuż medju ponderat tal-prodott simili mibjugħ fis-suq tal-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Id-differenza eventwali li rriżultat minn dan it-tqabbil ġiet espressa f’perċentwali tal-valur medju ponderat CIF tal-importazzjoni. Ir-riżultat ta’ dawn il-kalkoli ta perċentwali ta’ bejn 70.7 % u 80.7 %.

491    Dwar it-tieni aspett li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk iċ-CCCME kinitx ikkomunikata l-informazzjoni li hija kellha bżonn sabiex teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, għandu jitfakkar li din l-entità ma hijiex produttur‑esportatur inkluż fil-kampjun. Għalhekk, hija ma tinstabx fis-sitwazzjoni tal-operaturi li d-data individwalizzata tagħhom, li huma stess ikkomunikaw lill-Kummissjoni, intużat minn din l-istituzzjoni fil-kalkoli tagħha, sabiex tagħmel il-konstatazzjonijiet meħtieġa mir-Regolament bażiku. Issa, huma lil dawn l-operaturi li l-Kummissjoni tipprovdi l-kalkoli magħmula, kull wieħed sa fejn tirrigwardah, li parti minnha tirrigwarda data tagħhom stess li ma tqajjimx problemi ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tagħhom u l-parti l-oħra tirrigwarda data ta’ natura kunfidenzjali ta’ produtturi Indjani jew tal-Unjoni. Fis-sitwazzjoni tagħhom, dawn l-ispjegazzjonijiet jippermettulhom jifhmu, flimkien mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, id-dazji imposti fuqhom, b’dan li dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu l-iktar dettaljati u preċiżi possibbli, sabiex jippermettulhom jikkontestaw, jekk ikun il-każ, l-għażliet magħmula mill-Kummissjoni.

492    Kif ġie indikat fil-punt 58 iktar ’il fuq, iċ-CCCME kienet gawdiet, matul l-investigazzjoni, mill-istatus ta’ parti interessata fis-sens tar-Regolmaent bażiku. Fil-kuntest tal-investigazzjoni, hija aġixxiet, skont il-preżentazzjoni li tat hija stess fil-bidu tal-proċedura, bħala assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-produtturi Ċiniżi kollha attivi fis-settur ikkonċernat fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, jiġifieri numru kunsiderevoli ta’ intrapriżi. F’dan ir-rigward, hija ma tistax tippretendi li tiġbor l-informazzjoni kollha li tirrigwarda ċerti produtturi‑esportaturi Ċiniżi mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, lanqas tista’ tippretendi li jkollha aċċess għad-data kunfidenzjali tal-produtturi Indjani u tal-Unjoni li d-deċiżjoni tagħhom li jikkoperaw fl-investigazzjoni tiddependi b’mod partikolari fuq il-garanziji ta’ kunfidenzjalità li jingħataw lilhom. Permess liċ-CCCME tikseb aċċess ta’ natura daqstant estiża bħal dak li titlob ma jikkorrispondix għar-rekwiżiti ta’ rispett tal-kunfidenzjalità li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont ir-Regolament bażiku.

493    Minn dan jirriżulta li f’dan il-każ, il-Kummissjoni tista’, kif għamlet, tikkomunika liċ-CCCME informazzjoni preċiża fil-qosor u fl-istess ħin f’forma aggregata, sabiex tirrispetta l-obbligi ta’ kunfidenzjalità, li tirrigwarda l-kalkoli li hija wettqet.

494    Mill-bqija, huwa wara kummenti magħmula miċ-CCCME li l-Kummissjoni bidlet il-metodu tagħha ta’ kalkolu tal-valur normali, b’mod partikolari it-tieni u t-tielet metodi, jiġifieri, rispettivament, dak li japplika meta t-tip ta’ prodott esportat huwa identiku jew paragunabbli għal tip ta’ prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq Indjan fi kwantitajiet żgħar u dak li japplika meta tip ta’ prodott ma jkunx mibjugħ, iżda mmanifattur tal-inqas minn produttur Indjan wieħed inkluż fil-kampjun. Finalment, il-Kummissjoni bniet il-valur normali abbażi tal-prezzijiet tal-bejgħ użati minn dawn il-vendituri (it-tieni metodu), kif inhu spjegat fil-premessa 66 tar-Regolament ikkontestat, u fuq l-ispejjeż ta’ manifattura, flimkien mal-ispejjeż BĠA kif ukoll il-profitti marbuta mal-bejgħ domestiku mwettaq matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali mill-produttur Indjan inkwistjoni (it-tielet metodu), kif inhu spjegat fil-premessa 67 tar-Regolament ikkontestat, pjuttost milli, kif għamlet preċedentement, abbażi tal-valur normali mibni fuq l-ispejjeż medji ta’ produzzjoni tal-prodott simili ta’ kull produttur Indjan. Iċ-CCCME setgħet ukoll tikkontesta l-kalkolu tal-valur normali skont dan it-tielet metodu, u b’mod iktar speċifiku, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż BĠA u tal-profitti ta’ produttur Indjan wieħed, anki jekk l-argument taċ-CCCME kien miċħud, kif inhu indikat fil-premessi 70 sa 72 tar-Regolament ikkontestat.

495    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet tirrifjuta b’mod validu liċ-CCCME li taġixxi bħala assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża, l-aċċess għad-dettalji tal-kalkoli tal-valur normali, tal-marġnijiet ta’ dumping, tal-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-prezzijiet, tad-dannu u tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu, li hija talbet matul l-investigazzjoni, li flimkien mal-informazzjoni li kienet ġiet ipprovduta lilha u li hija riprodotta fil-punti 486 sa 490 iktar ’il fuq, iċ-CCCME kellha, bħala assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża, fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kienet qed tikkunsidra tirrakkomanda l-istabbiliment ta’ miżuri definittivi u li, filwaqt li tippreżerva l-kunfidenzjalità tad-data inkwistjoni, il-Kummissjoni tatha l-possibbiltà li tippreżenta utilment l-opinjoni tagħha f’dan ir-rigward.

496    Iċ-CCCME tinvoka żewġ sentenzi kontra din il-pożizzjoni.

497    L-ewwel nett, iċ-CCCME tinvoka s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill (T‑424/13, EU:T:2016:378), li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tal-parti rikorrenti, billi rrifjutat li tikkomunikalha d-dettalji tal-kalkoli tal-valur normali, tip ta’ prodott b’tip ta’ prodott, kif ukoll ir-riżultat ta’ dawn il-kalkoli.

498    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatti tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill (T‑424/13, EU:T:2016:378), invokata miċ-CCCME huma differenti minn dawk tal-kawża inkwistjoni f’dan il-każ. Minn naħa, l-ewwel kawża kienet tirrigwarda produttur‑esportatur inkluż fil-kampjun, u mhux assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija kollha bħaċ-CCCME, li għar-raġunijiet indikati fil-punti 491 u 492 iktar ’il fuq, tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ tali produttur‑esportatur. Min-naħa l-oħra, l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali f’dik il-kawża seħħ, fi kwalunkwe każ, f’kuntest speċifiku, li fih l-produttur tal-pajjiż analogu li d-data tiegħu kienet inkluża f’dawn il-kalkoli kien awtorizza l-iżvelar tad-data tiegħu wara dawn il-kalkoli. Kif tirrileva l-Kummissjoni, fis-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kummissjoni (T‑424/13, EU:T:2016:378), il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkundannat rifjut li hija kienet ifformulat peress li l-operatur li minnu kienet irriżultat id-data kien aċċetta l-iżvelar tagħha, billi kkunsidrat li dak li kien aċċettat mill-operatur seta’ jiġi aċċettat mill-istituzzjoni. F’dan il-każ, tali ipoteżi ma tapplikax, peress li l-produtturi Indjani, b’mod partikolari, ma tawx il-kunsens tagħhom għal tali żvelar tad-data tagħhom.

499    It-tieni nett, iċ-CCCME invokat is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Enginerring vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372), li fiha l-Qorti Ġenerali, sabiex tiddikjara l-annullament tar-Regolament li kien ikkontestat, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet irrifjutat li tipprovdi informazzjoni dwar il-kalkolu tal-valur normali, b’mod partikolari s-sors tal-prezzijiet użati għall-prodott ikkonċernat kif ukoll il-fatturi li jaffettwaw it-tqabbil tal-prezzijiet.

500    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, mill-ġdid, id-differenzi eżistenzi bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill (T‑442/12, EU:T:2017:372). Fil-fatt, din tal-aħħar kienet tirrigwarda wkoll is-sitwazzjoni, differenti minn dik ta’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta industrija sħiħa, ta’ produttur‑esportatur previst mill-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-portata ta’ din is-sentenza lanqas ma kienet estiża għal dak li tippretendi ċ-CCCME. Qabel kollox, l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali kien jirrigwarda r-rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni speċifika li tirrigwarda l-kalkolu tal-valur normali, jiġifieri informazzjoni dwar id-differenza fil-prezz tal-aċidu tartariku DL (oġġett tal-investigazzjoni) u tal-aċidu tartariku L+ (prodott tal-pajjiż analogu), mingħajr ma kien hemm kwistjoni, fl-imsemmija sentenza, dwar il-komunikazzjoni tal-prezzijiet innifishom. Imbagħad, l-annullament kien iġġustifikat mill-fatt li r-rifjut, ifformulat mill-Kummissjoni, li tipprovdi din l-informazzjoni partikolari, ma kienx ibbażat fuq raġuni valida. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikat ir-rifjut tagħha matul il-proċedura amministrattiva. Quddiem il-Qorti Ġenerali, hija spjegat li, fl-aħħar mill-aħħar, kien għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità li l-informazzjoni mitluba ma kinitx ġiet ipprovduta. Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali tali spjegazzjoni ma tistax tingħata quddiemha għall-ewwel darba. Hija kellha tiġi esposta mill-parti rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. Għalhekk, mis-sentenza fuq imsemmija jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma eskludietx li kieku mmotivat debitament ir-rifjut ta’ komunikazzjoni tagħha fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kienet tkun tista’ tipprekludi l-aċċess tal-parti rikorrenti għall-informazzjoni inkwistjoni.

501    Abbażi tal-preċedenti, għandu jiġi konkluż li ċ-CCCME ma jistax ikollha aċċess, bħala assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża, għall-kalkoli dettaljati tal-valur normali, tal-marġnijiet ta’ dumping, tal-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-prezzijiet, tad-dannu u tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu, għaliex dawn jirrigwardaw informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali. Miċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jirriżulta li l-informazzjoni li din l-entità kisbet tirrigwarda l-elementi fattwali u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kienet qed tikkunsidra l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi li ppermettewlha tiddefendi utilment l-interessi tagħha bħala assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża.

502    Matul l-investigazzjoni, iċ-CCCME talbet sabiex l-avukati tagħha jkunu jistgħu jaċċedu għall-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq sabiex tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità marbuta ma’ din id-data.

503    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali modalità ma hijiex prevista mir-Regolament bażiku, peress li, kif inhu indikat fil-punti 467 u 468 iktar ’il fuq, dan jorganizza b’mod preċiż dak li għandhom jagħmlu l-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati li għandhom informazzjoni, meta din tal-aħħar ikollha natura kunfidenzjali. Peress li l-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati osservaw ir-rekwiżiti imposti fuqhom f’dan il-kuntest, ma hemmx lok li tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta tali aċċess.

504    Għalhekk l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittieni parti tattielet motiv relattiva għattalba ta’ komunikazzjoni talkalkoli f’forma aggregata

505    Fit-tieni parti, li hija ta’ natura sussidjarja meta mqabbla mal-ewwel, iċ-CCCME tiddikjara li kellha tal-inqas tiġi pprovduta l-kalkoli msemmija fl-ewwel parti f’forma aggregata, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda, minn naħa, il-kalkoli tal-valur normali tal-effetti tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-prezzijiet u tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu, u min-naħa l-oħra, il-valutazzjonijiet relattivi għall-indikaturi makroekonomiċi.

506    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tiġi miċħuda.

507    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-preżentazzjoni ta’ data kunfidenzjali f’forma aggregata ma tippermettix neċessarjament it-tneħħija tan-natura kunfidenzjali tagħha. Dan japplika, f’dan il-każ, b’mod partikolari, għall-kalkoli tal-valur normali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni targumenta, ġustament, li peress li għal ċerti tipi ta’ prodott, hija kienet użat id-data ta’ produttur Indjan wieħed, u li għal oħrajn, id-data kienet tirrigwarda l-iktar l-iktar żewġ jew tliet produtturi Indjani, l-aggregazzjoni tad-data ma setgħetx tiżgura suffiċjentement l-impossibbiltà li tiġi identifikata d-data individwali ta’ dawn il-produtturi. Dan japplika wkoll għal dak li jirrigwarda l-valutazzjonijiet relattivi għall-indikaturi makroekonomiċi, imwettqa mil-lanjanti għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-produtturi rimanenti. F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-produzzjoni meqjusa tal-produtturi kkonċernati tal-Unjoni, li fuqha kienet ibbażat il-Kummissjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-konsum, kienet ġustament ġiet ikkunsidrata bħala kunfidenzjali, peress li bħala bażi hija kellha l-għarfien tas-suq li kellhom il-lanjanti. Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li, billi llimitat ruħha għaċ-ċifra tal-produzzjoni totali, il-Kummissjoni kienet aġixxiet skont ir-Regolament bażiku (senenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, CHEMK u KF vs Il‑Kunsill, T‑190/08, EU:T:2011:618, punt 231).

508    It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li kif argumentat il-Kummissjoni, il-kalkoli magħmula għall-ħtiġijiet tal-investigazzjoni u tad-determinazzjoni meħtieġa mir-Regolament bażiku ma wassluhiex sabiex ikollha, fil-każijiet kollha, riżultati aggregati għall-produtturi kkonċernati kollha.

509    Għalhekk, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 24 tar-Regolament ikkontestat, li l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz f’forma aggregata mitluba miċ-CCCME ma kinux jeżistu, għaliex it-twaqqigħ tal-prezz kien ġie kkalkulat, biss, għal kull tip ta’ prodott u għal kull produttur‑esportatur. Għalhekk, kull produttur‑esportatur Ċiniż inkluż fil-kampjun irċieva l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz għal kull tip ta’ prodott li huwa kien jesporta.

510    Huwa minnu li, l-Kummissjoni tista’ tkun marbuta tipprovdi dokument sabiex tiżgura d-drittijiet tad-difiża ta’ parti (ara b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2019, Izuzquiza u Semsrott vs Frontex, T‑31/18, EU:T:2019:815, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

511    Madankollu, dan l-obbligu ma jistax jinftiehem bħala obbligu, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni tipprovdi dokumenti, għal parti bħaċ-CCCME, jiġifieri assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża, sabiex tippermetti lil din tal-aħħar ikollha l-informazzjoni kollha li abbażi tagħha huma previsti l-miżuri ta’ difiża kummerċjali, taħt piena li tissuġġetta lill-Kummissjoni għal rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk previsti mir-Regolament bażiku għal dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni tar-rispett tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni bil-għan li tippreżerva d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati.

512    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-volum ta’ informazzjoni mitlub miċ-CCCME, f’dan il-każ, huwa tali li l-Kummissjoni tista’ tiġi mxekkla fl-attività u fl-investigazzjoni tagħha jekk hija tipprovdi din l-informazzjoni kollha f’forma maħsuba għall-ħtiġijiet ta’ tali entità biss. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istadji differenti ta’ proċedura antidumping huma marbuta ma’ termini stretti. B’hekk, l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku jimponi termini globali ta’ ħmistax-il xahar għall-investigazzjonijiet. L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li d-dazji provviżorji huma imposti mhux iktar tard minn disa’ xhur mill-ftuħ tal-proċedura, u skont l-Artikolu 9(4) proposta intiża sabiex timponi dazji definittivi għandha tiġi ppreżentata mhux iktar tard minn xahar qabel l-iskadenza tad-dazji provviżorji.

513    Għalhekk, l-argument imressaq miċ-CCCME insostenn tat-tieni parti ma jippermettix modifika tal-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ewwel parti li tipprovdi li ċ-CCCME kellha, f’dan il-każ, elementi fattwali u kunsiderezzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni pprevediet l-adozzjoni ta’ miżuri definittivi, u għalhekk din l-entità setgħet tiddefendi utilment l-interessi tagħha ta’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża.

514    It-tieni parti tat-tielet motiv għandha għalhekk tiġi miċħuda.

–       Fuq ittielet parti tattielet motiv relattiva għal informazzjoni oħra mitluba miċCCCME

515    Fit-tielet parti, ikkontestata mill-Kummissjoni, iċ-CCCME telenka tliet tipi ta’ informazzjoni li hija tikkunsidra importanti u li għalihom il-Kummissjoni rrifjutat illegalment li tagħtiha aċċess.

516    Fl-ewwel ilment tagħha, iċ-CCCME tallega li l-Kummissjoni ma kkomunikatilhiex informazzjoni oħra minbarra dik dwar il-karatteristiċi li jinsabu fil-PCN, għal dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ produtturi Indjani u tal-Unjoni li kienu mqabbla mal-prodotti importati. Iċ-CCCME tallega li din is-sitwazzjoni pprekludietha milli tiddetermina jekk kinux meħtieġa aġġustamenti sabiex tiżgura l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Dan l-argument huwa mressaq ukoll mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv.

517    Insostenn ta’ dan l-ilment iċ-CCCME tinvoka r-rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO fit-tilwima “Il-Komunitajiet Ewropej – Miżuri antidumping definittivi dwar ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina” (WT/DS 397/AB/RW, rapport tat‑18 ta’ Jannar 2016).

518    F’din il-kawża, il-Korp tal-Appell tal-WTO ddikjara li “[f’]investigazzjoni antidumping li tinvolvi produttur ta’ pajjiż analogu, l-esporaturi oġġett tal-investigazzjoni [għandhom] jiġu informati dwar ‘prodotti speċifiċi li fir-rigward tagħhom [kien] ġie ddeterminat il-valur normali’, inkella ma [jkunux] ‘f’pożizzjoni li jitolbu l-aġġustamenti li huma [kienu] jqisu neċessarji’”. Fl-imsemmija kawża, il-pożizzjoni tal-Korp tal-Appell kienet ibbażata fuq il-fatt li f’din it-tip ta’ investigazzjoni, l-informazzjoni li tirrigwarda l-valur normali kien miksub mingħand sors terz, jiġifieri l-produttur tal-pajjiż analogu. Peress li l-esportaturi oġġett tal-investigazzjoni ma għandhomx aċċess għal din l-informazzjoni, huma ma jistgħux ikunu jafu jekk jistgħux jitolbu aġġustamenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi li jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet bejn il-prodotti esportati u l-prodotti mibjugħa fis-suq intern mill-produtturi tal-pajjiż analogu. Għal dawn il-produtturi, ma huwiex suffiċjenti li jiġu kkomunikati, skont il-Korp tal-Appell, il-“gruppi ta’ prodotti” li servew bħala bażi tat-tqabbil tat-tranżazzjonijiet, billi jiġu żvelati l-PCN. Għandhom jiġu pprovduti l-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-karatteristiċi tal-prodotti tal-produtturi tal-pajjiż analogu użati għall-finijiet tat-tqabbil tal-prezzijiet.

519    F’dan ir-rigward, kif inhu mfakkar fil-punt 419 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza, l-interpretazzjonijiet tal-Ftehim Antidumping adottati minn dan il-korp ma jistgħux jorbtu lill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-validità tar-Regolament ikkontestat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C‑377/02, EU:C:2005:121, punt 54).

520    Jibqa’ l-fatt li l-l-interpretezzjoni invokata miċ-CCCME ma tistax tintuża f’dan il-każ sabiex tingħata tweġiba għall-kwistjonijiet imqajma.

521    Fil-fatt, il-kawża ċċitata miċ-CCCME tirrigwarda produtturi‑esportaturi li d-data tagħhom ittieħdet inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkulat il-marġni ta’ dumping. Fir-rapport iċċitat miċ-CCCME, il-Korp tal-Appell tal-WTO jindika, sabiex jiġġustifika l-komunikazzjoni tal-informazzjoni relattiva għall-mudelli ta’ prodotti fil-każ fejn ġie applikat il-metodu tal-pajjiż analogu, li f’investigazzjoni antidumping “ordinarja”, il-valur normali huwa normalment iddeterminat abbażi tal-bejgħ tal-esportatur ikkunsidrat fis-suq intern. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, jista’ jiġi mistenni li l-esportatur oġġett tal-investigazzjoni kellu l-għarfien meħtieġ tal-prodotti tiegħu stess użati sabiex jiġu stabbiliti kemm il-prezz tal-esportazzjoni kif ukoll il-valur normali.

522    Għalhekk, produttur‑esportatur li d-data tiegħu hija eżaminata mill-Kummissjoni sabiex tikkalkula l-marġni ta’ dumping, jekk jiġi kkomunikat il-karatteristiċi tal-prodotti tal-pajjiż analogu, ikun f’pożizzjoni li jivverifika, billi jkollu għarfien tal-parametri kollha, il-komparabbiltà ta’ dawn l-aħħar prodotti mal-prodotti li huwa stess esporta fl-Unjoni.

523    Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti f’dan il-każ, peress li hija ċ-CCCME, li taġixxi bħala assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-industrija Ċiniża kollha, kif diġà ġie indikat fil-punti 445 u 446 iktar ’il fuq, li talbet l-aċċess għall-informazzjoni li tirrigwarda l-karatteristiċi tal-prodotti.

524    Li kieku ġiet żvelata lilha l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti, ma kinitx tippermettilha tqabbel utilment il-prodotti inkwistjoni, peress li hija ma għandhiex, fil-prinċipju, mudelli ta’ prodotti mqiegħda fis-suq mill-produtturi‑esportaturi Ċiniżi tal-kampjun li ġew imqabbla mal-prodotti Indjani.

525    Għalhekk, ma huwiex stabbilit li l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti tal-pajjiż analogu kien jippermetti liċ-CCCME tiżgura aħjar id-drittijiet tad-difiża tagħha.

526    Fi kwalunkwe każ, kif indikat il-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, din l-informazzjoni hija ta’ natura kunfidenzjali. Għalhekk, għall-istess kunsiderazzjonijiet invokati b’mod partikolari fil-punt 501 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li assoċjazzjoni li tirrappreżenta industrija sħiħa, bħaċ-CCCME, għandha fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom huma previsti l-miżuri u li għalhekk, tista’ targumenta utilment l-opinjoni tagħha, peress li għandha it-tipi ta’ prodotti (PCN) imqabbla għall-kalkoli meħtieġa mir-Regolament bażiku.

527    L-istess konklużjoni tapplika għall-komunikazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodotti tal-industrija tal-Unjoni, li l-prezzijiet tagħhom huma mqabbla ma’ dawk tal-prodotti Ċiniżi sabiex jiġi kkalkulat it-twaqqigħ tal-prezz, b’tali mod li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

528    Fit-tieni lment tagħha, iċ-CCCME tqis li l-Kummissjoni kellha tipprovdilha l-kalkoli li jirrigwardaw il-volum tal-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mir-Repubblika tal-Indja u mill-pajjiżi terzi oħra kif ukoll id-dokumenti sors.

529    F’dan ir-rigward, mill-fajl jirriżulta li ċ-CCCME kienet ġiet infurmata, matul il-proċedura antidumping, bil-metodu ta’ kalkolu tal-volum tal-importazzjonijiet użat mill-Kummissjoni. Hija kienet taf, b’mod partikolari, il-perċentwali rrikonoxxuti, għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mir-Repubblika tal-Indja u mill-pajjiżi terzi oħra, fis-subkodiċi l-antiki preċedenti għall-wasla, fl‑2014, tal-kodiċi ġenerali NM ex 7325 10 00, l-ammont stabbilit imnaqqas mill-kodiċi NM ex 7325 99 10 sabiex jinkisbu l-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mir-Repubblika tal-Indja u mill-pajjiżi terzi, kif ukoll il-perċentwali mnaqqas mit-total tal-importazzjonijiet sabiex jiġu esklużi l-ispralli tal-kanali. Barra minn hekk, peress li d-data użata sabiex jiġu stabbiliti dawn l-importazzjonijiet kienet estratta mill-istatistiċi pprovduti mill-Eurostat, li huma disponibbli fid-database pubblika Comext, iċ-CCCME kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni kollha utli sabiex tirriproduċi l-kalkoli tal-Kummissjoni li hija talbet il-komunikazzjoni tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi konkluż ksur tar-Regolament bażiku, min-naħa tal-Kummissjoni, dwar dan il-punt.

530    Huwa minnu li fil-punt 207 tas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill (T‑424/13, EU:T:2016:378), invokata miċ-CCCME, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ksur tad-drittijiet tad-difiża, billi indikat li l-kisba tal-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni kienet tirrappreżenta, f’din il-kawża, għall-parti rikorrenti, gwadann sostanzjali ta’ informazzjoni li kien ta’ natura li jippermettilha tippreżenta osservazzjonijiet iktar rilevanti minn dawk li hija kienet diġà ppreżentat.

531    Madankollu, il-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill (T‑424/13, EU:T:2016:378), hija differenti minn din il-kawża fir-rigward ta’ żewġ punti importanti.

532    Qabel kollox, il-livell ta’ għarfien li kellha l-parti rikorrenti kien ħafna inqas minn dak li jista’ jiġi kkonstatat f’dan il-każ. Għalhekk, fis-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill (T‑424/13, EU:T:2016:378), il-parti rikorrenti ma kellhiex għarfien ġenerali tal-metodu użat għall-kalkolu tal-valur normali tat-tipi ta’ prodotti mingħajr korrispondenza. Ma kinitx taf liema suq u liema prezzijiet ta’ riferiment kienet użat il-Kummissjoni sabiex tikkalkula l-valur tas-suq tal-aġġustament tal-valur normali ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti, meħtieġ minħabba d-differenzi ta’ karatteristiċi fiżiċi bejn dawn it-tipi ta’ prodotti u t-tipi ta’ prodotti korrispondenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali osservat li kieku l-parti rikorrenti kellha fil-pussess tagħha l-kalkoli tal-valur normali, tip ta’ prodott b’tip ta’ prodott, hija kienet tkun f’pożizzjoni li tqabbel ir-riżultati tal-Kummissjoni mar-riżultati tagħha stess miksuba abbażi ta’ metodu ieħor. Dawn iċ-ċirkustanzi huma differenti mill-kawża tagħna, li fiha l-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni kien magħruf miċ-CCCME, kif indikat fil-punt 529 iktar ’il fuq.

533    Imbagħad, it-terminu li kellhom il-partijiet sabiex iwettqu l-kalkoli tagħhom kien ukoll differenti ħafna fir-rigward tan-numru ta’ dokumenti li kellhom jiġu trattati. Fis-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill (T‑424/13, EU:T:2016:378), il-parti rikorrenti kellha terminu limitat ħafna (sebat ijiem) sabiex tirriproduċi l-kalkoli tal-Kummissjoni, li kienu voluminużi, għax kienu jirrigwardaw 1645 tip ta’ prodott. F’din il-kawża, il-kalkoli li kellhom isiru kienu iktar limitati u ċ-CCCME rċeviet l-informazzjoni meħtieġa, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-importazzjonijiet użat, mhux iktar tard mill-adozzjoni tar-Regolament provviżorju, li jirreferi għall-ilment, li fih ċerti valutazzjonijiet huma speċifikati u li għalih iċ-CCCME diġà kellha aċċess.

534    Għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

535    Fit-tielet ilment, iċ-CCCME tikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li taqsam, għal kull indikatur makroekonomiku użat sabiex tistabbilixxi d-dannu mġarrab mill-Unjoni, iċ-ċifri miġbura f’żewġ kategoriji skont jekk humiex ibbażati fuq data reali jew fuq valutazzjonijiet, sabiex jiġu kkomunikati lilha dawn l-aħħar valutazzjonijiet f’forma aggregata.

536    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li matul l-investigazzjoni, iċ-CCCME kellha aċċess, għal kull indikatur makroekonomiku sostnut mill-Kummissjoni, għaċ-ċifri aggregati, għal kull sena, li jirrigwardaw l-industrija tal-Unjoni kollha. Dawn iċ-ċifri aggregati, kif inhu indikat fit-tieni parti tal-ewwel motiv, jirriżultaw minn ġabra ta’ data pprovduta mil-lanjanti u l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u minn valutazzjonijiet imwettqa mil-lanjanti għal dak li jirrigwarda l-produtturi rimanenti.

537    Iċ-CCCME qieset li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew miksura mir-rifjut tal-Kummissjoni, li tiddistingwi fiċ-ċifri miksuba, minn naħa, dawk ġejjin minn data reali, u min-naħa l-oħra, dawk li jirriżultaw minn valutazzjonijiet.

538    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kif tindika l-Kummissjoni, hija ma waslitx sabiex twettaq din id-distinzjoni meta evalwat id-dannu tal-Unjoni, peress li dan tal-aħħar kien evalwat għall-industrija kollha tal-Unjoni. Madankollu, kif ġie indikat fil-punt 510 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ tkun marbuta tipprovdi dokument meta jkun inkwistjoni r-rekwiżit li jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping u għandha, skont il-ġurisprudenza, f’kull mod kompatibbli mal-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-kummerċ, tikkomunika indikazzjonijiet utli għad-difiża tal-interessi tal-partijiet interessati, billi tagħżel, jekk ikun il-każ, ex officio, il-modalitajiet xierqa ta’ tali komunikazzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punt 30).

539    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-data reali tal-produtturi inklużi fil-kampjun u tal-lanjanti l-oħra, minn naħa, u l-valutazzjonijiet imwettqa għall-produtturi rimanenti, min-naħa l-oħra, anki aggregati, għandhom natura kunfidenzjali.

540    F’dan is-sens, kif indikat fil-punt 507 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, CHEMK u KF vs Il‑Kunsill (T‑190/08, EU:T:2011:618, punt 231), li l-produzzjoni kkunsidrata tal-prodotti kkonċernati tal-Unjoni, li fuqha bbażat il-Kummissjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-konsum, kienet ġiet ġustament ikkunsidrata bħala kunfidenjzali, peress li kienet ibbażata fuq l-għarfien tas-suq li kellhom il-lanjanti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset li, billi pprovdiet biss iċ-ċifra tal-produzzjoni totali, il-Kummissjoni kienet aġixxiet b’konformità mar-Regolament bażiku.

541    Fir-rigward, bħal f’dan il-każ, ta’ talba li tirrigwarda data sensittiva fuq il-livell kummerċjali ta’ parti mill-industrija tal-Unjoni, li saret minn assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-produtturi‑esportaturi Ċiniżi kollha attivi fis-settur kif ukoll dawk li, fil-futur, ser jesportaw il-prodotti inkwistjoni lejn l-Unjoni, kif ġie indikat fil-punti 445 u 446 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-għarfien, minn din l-assoċjazzjoni, taċ-ċifri aggregati li jirrigwardaw l-industrija tal-Unjoni kollha għal kull indikatur makroekonomiku sostnut mill-Kummissjoni huwa suffiċjenti sabiex jippermettilha tiddefendi l-interessi tagħha.

542    Għalhekk it-tielet parti għandha tiġi miċħuda, u għaldaqstant, it-tielet motiv kollu għandu jiġi miċħud.

 Fuq irraba’ motiv relattiv għallkomparabbiltà talprezzijiet użati għallkalkolu talmarġni ta’ dumping u lanaliżi tad-dannu

543    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq tliet partijiet, li huma kkontestati mill-Kummissjoni.

–       Fuq lewwel parti tarraba’ motiv relattiva għallmetodu PCN b’PCN

544    Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti jikkontestaw is-simplifikazzjoni li twettqet mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni, fir-rigward tal-karatteristiċi assoċjati mal-PCN użati għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping u għall-analiżi tad-dannu.

545    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-PCN huma kodiċi użati fl-investigazzjonijiet antidumping sabiex tiġi stabbilita korrispondenza bejn it-tipi ta’ prodotti. Matul l-investigazzjoni, l-intrapriżi kkuntattjati huma mistiedna jikklassifikaw il-prodotti tagħhom f’kategoriji li jikkorrispondu għal dawn il-kodiċi. Ma’ dawn tal-aħħar jiġu marbuta karatteristiċi intiżi sabiex jiddeskrivu l-prodotti kkonċernati.

546    F’dan il-każ, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni eskludiet kodiċi li jirrigwardaw ċerti karatteristiċi li minkejja li oriġinarjament kienu marbuta magħhom, dehrilha li ma kinux rilevanti. Għalhekk, il-PCN ikkomunikat lill-prodotturi Indjani sabiex jikklassifikaw il-prodotti tagħhom kien jinkludi, fil-bidu, ħmistax-il karatteristika. Matul l-investigazzjoni, inżammu biss xi wħud għall-ħtiġijiet tat-tqabbil: karatteristika waħda (materja prima) għall-każijiet fejn il-prodott inkwisjotni la kien immanifatturat u lanqas mibjugħ minn produttur Indjan inkluż fil-kampjun u tliet karatteristiċi (materja prima, indiċi tat-tagħbija u t-tip ta’ prodott) fil-każijiet l-oħra.

547    Skont il-Kummissjoni, il-prattika konsistenti fl-esklużjoni ta’ xi karatteristiċi għall-finijiet tat-tqabbil hija normali meta t-tipi ta’ prodotti jkunu kumplessi, għaliex din tippermetti li tinstab ċerta korrispondenza bejn tipi ta’ prodotti li altrimenti, ma jkunux jistgħu jitqabblu.

548    Fl-argument tagħhom ir-rikorrenti jifformulaw, fil-konfront ta’ dan l-approċċ, żewġ ilmenti, li huma kkontestati mill-Kummissjoni.

549    Fl-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-ħmistax-il karatteristika inizjalment marbuta mal-PCN rilevanti kienu importanti u kellhom jinżammu matul l-investigazzjoni kollha mingħajr ma l-Kummissjoni tista’ twettaq is-simplifikazzjoni li ssemmiet fil-punt 546 iktar ’il fuq.

550    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li meta l-prodott ikkonċernat ikun jinkludi firxa wiesgħa ta’ oġġetti li jippreżentaw differenzi kunsiderevoli fir-rigward tal-karatteristiċi u l-prezzijiet tagħhom, jista’ jirriżulta indispensabbli li dawn jingħaqdu f’kategoriji ftit jew wisq omoġeniċi (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Sun Sang Kong Yuen Shoes Factory vs Il‑Kunsill, T‑409/06, EU:T:2010:69, punt 172; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2015, Einhell Germany et vs Il‑Kummissjoni, T‑73/12, EU:T:2015:865, punt 76).

551    Skont il-ġurisprudenza, din l-operazzjoni għandha l-għan li tippermetti tqabbil ġust bejn prodotti paragunabbli u li jiġi evitat kalkolu żbaljat, minn naħa, tal-marġni ta’ dumping, u min-naħa l-oħra, tad-dannu minħabba tqabbil inadegwat (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Sun Sang Kong Yuen Shoes Factory vs Il‑Kunsill, T‑409/06, EU:T:2010:69, punt 172).

552    Jekk iridu jikkontestaw utilment l-approċċ użat mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti għandhom juru li l-kodifikazzjoni proposta minn din l-istituzzjoni hija manifestament mhux xierqa (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Sun Sang Kong Yuen Shoes Factory vs Il‑Kunsill, T‑409/06, EU:T:2010:69, punt 180).

553    Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pprovdew ebda prova li turi b’mod konkret kif din il-kodifikazzjoni wasslet għal kategoriji ta’ prodotti manifestament mhux xierqa.

554    Fl-assenza ta’ tali provi, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti wrew in-natura manifestament mhux xierqa tal-kodifikazzjoni użata mill-Kummissjoni, u konsegwentement, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

555    Fit-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma żammitx l-istess karatteristiċi marbuta mal-PCN, minn naħa, għad-determinazzjoni tad-dumping, u min-naħa l-oħra, għall-analiżi tad-dannu.

556    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kif ġie indikat fil-punti 550 u 551 iktar ’il fuq, in-nomenklatura PCN hija użata sabiex tidentifika t-tipi ta’ karatteristiċi li fil-kategorija kkostitwitha mill-prodott ikkonċernat, tippermetti tqabbil tal-prezzijiet u l-valuri fil-kuntest tal-investigazzjoni.

557    Kif tindika l-Kummissjoni, l-użu ta’ din in-nomenklatura f’kuntest li jimplika pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq għandu l-konsegwenza li l-karatteristiċi li jirriżultaw minn din in-nomenklatura ma humiex neċessarjament identiċi fir-rigward tal-analiżi tad-dannu jew tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping.

558    Għall-analiżi tad-dannu, il-prodotti mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina huma mqabbla ma’ dawk il-prodotti fl-Unjoni. Peress li l-għan huwa li jiġi eżaminat l-effett tal-importazzjoni ta’ dawk tal-ewwel fuq il-prezzijiet ta’ dawk tat-tieni, għandha teżisti, sabiex jitwettaq dan it-tqabbil, korrispondenza bejn it-tipi effettivament imqabbla.

559    Fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dumping, it-tqabbil jirrigwarda l-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi‑esportaturi fis-suq domestiku tagħhom u dawk tal-prodotti esportati lejn l-Unjoni minn dawn l-istess produtturi‑esportaturi. Sabiex issir din id-determinazzjoni f’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma kinitx ikkunsidrata bħala pajjiż li għandu karatteristiċi ta’ ekonomija tas-suq. Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, din iċ-ċirkustanza tirrendi impossibbli l-użu, għall-finijiet tat-tqabbil, tal-prezzijiet użati fis-suq domestiku Ċiniż.

560    Huwa f’dan il-kuntest li seħħ il-bini tal-valur normali. Sabiex tibni dan il-valur normali, il-Kummissjoni tfittex il-pajjiż li, minn fost dawk li għandhom l-elementi ta’ ekonomija tas-suq, jinsab l-eqreb, fuq il-livell ekonomiku, tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. F’dan il-każ, il-pajjiż li ntgħażel kien ir-Repubblika tal-Indja.

561    Sabiex twettaq it-tqabbil deskritt iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha għalhekk tidentfika l-prodotti li jinsabu l-eqreb, fir-rigward tal-karatteristiċi marbuta mal-PCN, għal dawk esportati mill-produtturi‑esportaturi Ċiniżi lejn l-Unjoni. Sabiex iwettqu din l-identifikazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni jeskludu progressivament il-karatteristiċi li ma jippermettux li tinstab korrispondenza bejn il-prodotti kkonċernati, sakemm jiġu identifikati dawk li jippermettu tqabbil.

562    F’tali kuntest, id-differenza bejn il-PCN użati fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dumping u fil-kuntest tal-analiżi tad-dannu tista’ tiġi spjegata minn dik eżistenti bejn il-prodotti li għandhom jitqabblu, sabiex jitwettqu l-kalkoli neċessarji f’dawn iż-żewġ kuntesti.

563    Għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni lment għandu jiġi miċħud, għax ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni ma żammitx l-istess karatteristiċi marbuta mal-PCN, minn naħa, għad-determinazzjoni tad-dumping, u min-naħa l-oħra, għall-analiżi tad-dannu.

564    Peress li ż-żewġ ilmenti ġew miċħuda, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda kollha.

–       Fuq ittieni parti tarraba’ motiv relattiva għallassenza ta’ informazzjoni dwar ilkaratteristiċi talprodotti mqabbla

565    Fit-tieni parti, ir-rikorrenti jiddikjaraw li anki jekk żvelat il-PCN użati, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar il-mudelli ta’ prodotti oġġett tat-tqabbil, bil-konsegwenza li huma kienu preklużi milli jiddeterminaw jekk kinux neċessarji aġġustamenti sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-prezzijiet.

566    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-membri taċ-CCCME u l-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I ma stabbilixxewx li pparteċipaw fl-investigazzjoni jew li ressqu talba lill-Kummissjoni sabiex tiġi kkomunikata lilhom l-informazzjoni inkwistjoni.

567    Għalhekk peress li ma qegħdux lill-Kummissjoni f’pożizzjoni li tevalwa l-problemi li seta’ jkollhom fl-assenza ta’ dawn l-elementi fl-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom, il-membri taċ-CCCME u l-persuni ġuridiċi l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I ma jistgħux jinvokaw b’mod ammissibbli t-tieni parti tar-raba’ motiv insostenn tar-rikors tagħhom, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 437 iktar ’il fuq.

568    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ din il-parti, sa fejn hija invokata miċ-CCCME, għandu jiġi rrilevat li l-istess argument, imressaq minn din l-entità fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv, ġie miċħud fil-punti 519 sa 527 iktar ’il fuq.

569    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittielet pari tarraba’ motiv relattiva għallaġġustament firrigward talispejjeż talproduzzjoni talħadid fondut duttili

570    Fil-kuntest tat-tielet parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha twettaq aġġustament tal-prezzijiet Indjani sabiex tiżgura l-komparabbiltà mal-prezzijiet Ċiniżi. In-nuqqas ta’ speċjalizzazzjoni tal-produtturi Indjani fil-manifattura ta’ prodotti tal-ħadid fondut duttili kellu impatt fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha. Dawn l-ispejjeż kienu nettament ogħla minn dawk sostnuti mill-produtturi‑esportaturi Ċiniżi, minħabba n-nuqqas ta’ ekonomiji ta’ skala u ta’ ħiliet tal-produtturi Indjani.

571    Ir-rikorrenti jressqu, f’dan il-kuntest, żewġ ilmenti li huma kkontestati mill-Kummissjoni.

572    Fl-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li t-talba għal aġġustament ma tistax tiġi miċħuda għar-raġuni, ikkontestata mill-Kummissjoni, li din kienet żgurata min-natura rappreżentattiva tal-bejgħ Indjan.

573    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kif indikat fil-premessa 89 tar-Reoglament ikkontestat, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-bejgħ domestiku ta’ prodotti tal-ħadid fondut duttili minn produttur Indjan wieħed inkluż fil-kampjun li jimmanifattura tali prodotti, u li l-prezzijiet tagħhom kienu inklużi, kienx rappreżentattiv fis-sens tar-Regolament bażiku, jiġifieri jekk, skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, kienx jirrappreżenta tal-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ fl-Unjoni, jekk dan il-bejgħ kienx sar b’telf u jekk kienx jirrappreżenta tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

574    Għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-rikorrenti, dawn il-verifiki jippermettu li jiġi kkunsidrat li peress li dan il-bejgħ domestiku ta’ prodotti tal-ħadid fondut duttili kien jirrappreżenta tal-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ fl-Unjoni, il-produttur Indjan li ntużat id-data tiegħu kellu ċerta ħila u kellu ċerta kapaċità ta’ produzzjoni, li jmur kontra l-oġġezzjoni ta’ nuqqas ta’ ħila u ekonomiji ta’ skala tal-industrija Indjana għall-produzzjoni tal-ħadid fondut duttili minħabba l-kwantità żgħira mmanifatturata.

575    Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

576    Fit-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw li kien impossibbli li jagħmlu talba għal aġġustament, mingħajr ma jkollhom aċċess għad-data relattiva għall-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produtturi Indjani, u lanqas għal ġabra fil-qosor ta’ din l-informazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni marret kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punti 77 u 78), li tipprojbixxi li persuna li titlob aġġustament tiġi imposta oneru ta’ prova rraġonevoli.

577    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, għandu jsir tqabbil ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, f’forma ta’ aġġustamenti, id-differenzi kkonstatati fil-fatturi li jintalbu u jintwera li dawn jaffettwaw il-prezzijiet, u għalhekk, il-komparabbiltà tagħhom.

578    Skont il-ġurisprudenza, hija l-parti li tressaq it-talba li għandha tistabbilixxi li l-aġġustament mitlub huwa neċessarju sabiex jirrendi komparabbli l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fid-dawl tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

579    Għalhekk, huma r-rikorrenti li skont din il-ġurisprudenza għandhom jistabbilixxu, f’dan il-każ, in-neċessità ta’ aġġustament.

580    Huwa minnu li mill-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti u msemmija fil-punt 576 iktar ’il fuq, jista’ jiġi dedott li persuna li titlob aġġustament skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u li għandha tistabbilixxi n-neċessità tal-aġġustament mitlub, ma għandhiex taffaċċja oneru tal-prova rraġonevoli u li huma l-istitutzzjonijiet li għandhom jindikawlha liema informazzjoni hija neċessarja.

581    Madankollu, f’dan il-każ, abbażi tal-għarfien tagħhom tas-settur, tal-inqas tas-settur Ċiniż, ir-rikorrenti setgħu jibbażaw it-talba tagħhom billi jindikaw il-mudelli ta’ manifattura u l-proporzjonijiet tal-produzzjoni li ma jwasslux għal spiża tal-produzzjoni unitarja eċċessiva.

582    Madankollu, fl-iskambji tagħha mal-Kummissjoni, iċ-CCCME osservat biss li l-produtturi Indjani kienu jipproduċu, b’mod ġenerali, volum limitat ta’ ħadid fondut duttili, filwaqt li minn din is-sitwazzjoni ddeduċiet li l-ispejjeż tal-produzzjoni unitarja tagħhom kellhom ikunu eċċessivi u għalhekk il-prezzijiet tagħhom ma setgħux ikunu rappreżentattivi.

583    F’tali kuntest, immarkat ukoll mill-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkonċernata, ma kienx inadegwat min-naħa tal-Kummissjoni li teħtieġ liċ-CCCME turi, fl-ewwel lok, li t-talba kellha ċerta kredibbiltà u ma tibbażax biss fuq suppożizzjonijiet ġenerali.

584    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni lment għandu jiġi miċħud, u konsegwentement, it-tielet parti tar-raba’ motiv kollha għandha tiġi miċħuda.

585    Minn dan jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ilħames motiv relattiv għallaġġustament imwettaq firrigward talVAT

586    Permezz tal-ħames motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw l-aġġustament imwettaq mill-Kummissjoni lill-valur normali fir-rigward tal-VAT.

587    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li sabiex tiddetermina jekk kienx jeżisti dumping, il-Kummissjoni qabblet il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Fil-prinċipju, il-valur normali huwa kkalkulat abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew li għandhom jitħallsu, waqt tranżazzjonijiet kummerċjali normali, fil-pajjiż esportatur, jiġifieri r-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Madankollu, peress li dan il-pajjiż ma kienx ikkunsidrat bħala pajjiż li għandu ekonomija tas-suq, il-valur normali ġie kkalkulat, f’dan il-każ, abbażi tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku fl-Indja, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

588    Mill-premessi 79 sa 81 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqet aġġustament fir-rigward tal-VAT, sabiex tiżgura l-komparabbiltà bejn il-prezz tal-esportazzjoni li titlaq mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-valur normali Indjan, billi bbażat fuq l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni, peress li r-rata tal-VAT fuq l-esportazzjoni fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienet ta’ 17 % li 5 % minnhom kienu rimborsati, il-Kummissjoni sostniet prezz tal-esportazzjoni li jinkludi rata tal-VAT ta’ 12 %. Fir-rigward tal-valur normali, peress li l-prezzijiet Indjani kienu jeskludu l-VAT, il-Kummissjoni riedet tapplikalhom il-VAT Ċiniża ta’ 17 % waqt li tnaqqas 5 % minn dan il-perċentwali, fid-dawl tal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku.

589    Il-ħamis motiv huwa maqsum f’żewġ ilmenti li huma kkontestati mill-Kummissjoni.

590    Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku ma jippermettix li jsir l-aġġustament deskritt. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija tawtorizza aġġustament biss meta l-ispejjeż tal-valur normali ma jinġabrux jew jiġu rimborsati waqt l-esportazzjonijiet. Madankollu, f’dan il-każ ma jeżistux “taxxi indiretti li jiġu mħallsa fuq il-prodott” mibjugħ fl-Indja u lanqas “taxxi indiretti li jiġu mħallsa fuq il-prodott” mibjugħ fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Fil-fatt, l-aġġustament tal-Kummissjoni kien intiż sabiex jikkoreġi sitwazzjoni li fiha jeżistu biss taxxi indiretti fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn l-Unjoni, li ma humiex rimborsati. Iżda t-test tal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku ma jippermettix li jsir aġġustament sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni.

591    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, it-tqabbil bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali għandu jkun xieraq. F’dan ir-rigward, it-tqabbil isir, fl-istess stadju kummerċjali, għall-bejgħ imwettaq fl-eqreb dati possibbli u billi tingħata debita kunsiderazzjoni lil differenzi oħra li jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet.

592    Fil-każijiet fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ma jistgħux jitqabblu b’dan il-mod, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’kull każ, taħt forma ta’ aġġustamenti, id-differenzi kkonstatati fil-fatturi pretiżi u murija li jaffettwaw il-prezzijiet, u għalhekk, il-komparabbiltà tagħhom.

593    Meta jitwettaq, l-aġġustament għandu l-għan li jistabbilixxi mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ta’ prodott. Għalhekk, din is-simetrija tikkostitwixxi element ewlieni, korrispondenti għan-neċessità li tiġi stabbilita l-komparabbiltà tal-prezzijiet fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2011, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill, T‑423/09, EU:T:2011:764, punti 42 u 43).

594    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku jelenka l-fatturi li fir-rigward tagħhom jistgħu jsiru aġġustamenti, fosthom it-tassazzjoni tal-importazzjoni u t-taxxi indiretti. Għalhekk, l-Artikolu 2(10(b) tal-imsemmi regolament jipprovdi li “[g]ħandu jsir aġġustament għall-valur normali għal ammont li jikkorrispondi għal kwalunkwe ħlas fuq l-importazzjoni jew taxxi indiretti li jiġu mħallsa fuq il-prodott simili u fuq materjali fiżikament inkorporati fih, meta maħsuba għal konsum fil-pajjiż ta’ esportazzjoni u mhux miġbura jew mogħtija lura fir-rigward tal-prodott esportat lill-Unjoni”.

595    L-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku jispeċifika li jista’ jsir ukoll aġġustament fir-rigward ta’ differenzi f’fatturi oħra mhux previsti fl-Artikolu 2(10)(a) sa (j), jekk jiġi ppruvat li dawn id-differenzi jaffettwaw il-komparabbiltà fil-prezzijiet kif meħtieġ taħt dan il-paragrafu, u b’mod partikolari jekk ix-xerrejja konsistentement iħallsu prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenza f’tali fatturi.

596    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet fil-qasam antidumping japplika għall-fatti li jiġġustifikaw in-natura xierqa tal-metodu tat-tqabbil applikat, peress li l-kunċett ta’ ekwità għandu jkun ikkonkretizzat mill-istituzzjonijiet każ b’każ fid-dawl tal-kuntest ekonomiku rilevanti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2011, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill, T‑423/09, EU:T:2011:764, punt 41).

597    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku ma jipprevedix espressament l-aġġustament tal-valur normali tal-pajjiż analogu sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-VAT fuq l-esportazzjoni fil-pajjiż li minnu joriġinaw l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Minkejja li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi applikat din id-dispożizzjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, dan l-iżball ma kellu ebda influwenza determinanti fir-rigward tar-riżultat tal-evalwazzjoni tagħha tal-każ sottomess lilha, peress li l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel tali aġġustament bil-għan li tistabbilixxi mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat u li tiżgura tqabbil xieraq bejn dawn iż-żewġ valuri.

598    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-għażla magħmula, f’dan il-każ, mill-Kummissjoni li tqabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni “VAT inkluża” ma tistax tiġi eskluża, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha għal dak li jirrigwarda l-metodu tat-tqabbil applikat.

599    Fis-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2011, Dasiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill (T‑423/09, EU:T:2011:764), il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet in-natura xierqa ta’ tali metodu ta’ tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ta’ ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Għalhekk, ġie deċiż li kien mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kunsill kien ikkunsidra li, f’dak il-każ, it-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta’ “VAT inkluża” kien jikkostitwixxi metodu ta’ tqabbil xieraq, peress li l-imsemmi tqabbil kien sar, f’osservanza tar-rekwiżiti ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, fl-istess stadju kummerċjali, għall-bejgħ simultanju kemm domestiku kif ukoll għall-esportazzjoni, li kollu kien suġġett għall-applikazzjoni ta’ rata tal-VAT ta’ 17 %.

600    Issa, f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni għandha dritt issostni prezz tal-esportazzjoni li jinkludi l-VAT, peress li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina tapplika VAT fuq l-esportazzjoni ta’ 17 %, li 5 % minnhom jiġu rimborsati, huwa ġġustifikat li hija tagħmel aġġustament tal-valur normali billi żżid il-VAT b’rata “netta” ta’ 12 %, bil-għan li tistabbilixxi mill-ġdid simetrija bejn dawn iż-żewġ valuri.

601    Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

602    Permezz tat-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-aġġustament inkwistjoni ma jistax isir meta l-Kummissjoni użat il-metodu tal-pajjiż analogu. Fil-fatt, dan il-metodu huwa intiż sabiex jevita t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, peress li dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq. Issa, ladarba s-sistema ta’ rimbors tal-VAT kienet ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala distorsjoni mifruxa fl-ekonomija Ċiniża, li tipprekludi l-pajjiż milli jingħata l-istatus ta’ ekonomija tas-suq, din kellha tkun preċiżament element li din l-istituzzjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni. Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti jsostnu li d-distorsjoni tas-sistema tal-VAT kienet diġà ġiet rimedjata bl-applikazzjoni tal-metodu tal-pajjiż analogu.

603    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiż li, bħar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ma għandux ekonomija tas-suq, il-valur normali, huwa fil-prinċipju, iddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur mibni f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Indja.

604    Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku huwa intiż sabiex jiġi evitat li jittieħdu inkunsiderazzjoni prezzijiet u spejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

605    Madankollu, dan ma jfissirx li l-valur normali hekk iddeterminat ma jista’ jkun l-oġġett ta’ ebda aġġustament. Fil-fatt, fir-Regolament bażiku, xejn ma jindika li l-Artikolu 2(7)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi deroga ġenerali għar-rekwiżit li jsiru aġġustamenti abbażi tal-Artikolu 2(10) tal-istess regolament, għall-finijiet ta’ komparabbiltà.

606    Għalhekk, f’każ bħal dan inkwistjoni, fejn l-istituzzjonijiet jiddeterminaw il-valur normali b’applikazzjoni tal-metodu tal-pajjiż analogu, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, taħt il-forma ta’ aġġustamenti, id-differenzi kkonstatati fil-fatturi pretiżi u murija li jaffettwaw il-prezzijiet, u għalhekk, il-komparabblità tagħhom.

607    Madankollu, fil-każ fejn jiġu previsti aġġustamenti tal-valur normali, huwa neċessarju li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jkun interpretat fid-dawl u fil-kuntest tal-Artikolu 2(7)(a) tal-istess regolament. Issa, sabiex din l-aħħar dispożizzjoni ma tiċċaħħadx mill-effett utli tagħha, l-aġġustamenti mwettqa ma għandhomx idaħħlu mill-ġdid, fl-analiżi tal-istituzzjonijiet, elementi marbuta mal-parametri li f’dan il-pajjiż, f’dan il-każ ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq (ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il‑Kunsill, C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2016:928, punt 102).

608    F’dan il-każ, l-applikazzjoni għall-valur normali tar-rata tal-VAT applikabbli fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma twassalx għall-introduzzjoni jew għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ element ta’ distorsjoni tas-sistema Ċiniża fil-kalkolu tal-valur normali ddeterminat abbażi tal-metodu tal-pajjiż analogu.

609    Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, fit-testi prodotti mir-rikorrenti, li s-sistema tal-VAT Ċiniża toħloq distorsjonijiet, dan unikament, kif tindika, minħabba l-mod li bih ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kienet tapplika l-VAT fuq l-esportazzjoni, billi tipprovdi r-rimbors ta’ din il-VAT għal ċerti prodotti u mhux għal oħrajn.

610    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tieni lment għandu jiġi miċħud, u għalhekk, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq issitt motiv relattiv għallispejjeż BĠA kif ukoll għallprofitti

611    Fis-sitt motiv, ir-rikorrenti jsostnu li sabiex tistabbilixxi l-valur normali tat-tipi ta’ prodotti li ma kinux mibjugħa mit-tliet produtturi Indjani inklużi fil-kampjun, iżda manifatturati minn tal-inqas wieħed minnhom, il-Kummissjoni ma setgħetx tuża l-ispejjeż BĠA kif ukoll il-profitti marbuta mal-bejgħ domestiku magħmul matul tranżazzjonijiet kummerċjali mwettqa minn dan il-produttur.

612    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, kif għamlet fil-premessa 71 tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-kumpanniji li jibbenefikaw mill-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

613    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija tispeċifika li peress li r-rikorrenti jfittxu li jinvokaw motiv ġdid, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, dan il-motiv għandu jiġi kkunsidrat inammissibbli, għax ġie ppreżentat biss fl-istadju tar-replika.

614    F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tippreżentax b’mod korrett l-argument imressaq mir-rikorrenti. Fil-fatt, dawn isostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, dispożizzjoni li tindika kif għandu jiġi kkalkulat il-valur normali f’każ ta’ applikazzjoni tal-metodu tal-pajjiż analogu. Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku jeskludi għalhekk li l-Kummissjoni tista’ tibbaża fuq l-Artikolu 2(6) tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-ispejjeż BĠA u tal-profitti, għax din id-dispożizzjoni tapplika biss f’każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiż li għandu ekonomija tas-suq jew għall-kumpanniji ta’ pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq li fir-rigward tagħhom ġie deċiż li jistgħu jibbenefikaw mit-trattament ta’ ekonomija tas-suq b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Issa, dan l-argument tressaq fl-istadju tar-rikors u għalhekk, huwa ammissibbli.

615    Imbagħad, għandu jitfakkar li kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 67 tar-Regolament ikkontestat, meta tip ta’ prodott ma kienx mibjugħ mit-tliet produtturi Indjani inklużi fil-kampjun, iżda kien immanifatturat minn wieħed minnhom, hija użat valur mibni fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali. Dan il-valur ġie mibni abbażi tal-ispejjeż tal-manifattura ta’ dan il-produttur Indjan, flimkien mal-ispejjeż BĠA kif ukoll il-profitti marbuta mal-bejgħ domestiku magħmula matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali mwettqa minn dan il-produttur.

616    Skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, “[l-]ammonti għall-[ispejjeż BĠA] u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali relattivi għall-produzzjoni u l-bejgħ, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew produttur taħt investigazzjoni”. Imbagħad, metodi oħra huma elenkati f’din id-dispożizzjoni, fil-każ li dawn l-ammonti ma jkunux jistgħu jiġu hekk iddeterminati.

617    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-Kummissjoni setgħet issostni l-ispejjeż BĠA kif ukoll il-profitti tal-uniku produttur Indjan li kien jimmanifattura t-tipi ta’ prodotti inkwistjoni skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, li kieku dan kien applikabbli. Huma jsostnu li, f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn il-valur normali huwa, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, iddeterminat skont il-metodu tal-pajjiż analogu, il-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-artikolu ma humiex applikabbli.

618    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kif jargumentaw ir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħhom, mill-ġurisprudenza jirriżulta li skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, b’deroga mir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 tal-istess artikolu, il-valur normali huwa, fil-prinċipju, iddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur stabbilit f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 66).

619    Għalhekk, mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, jirriżulta li d-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodotti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, hija limitata għal każijiet individwali speċifiċi, mhux preżenti f’dan il-każ, li fihom il-produtturi kkonċernati, kull wieħed għal dak li jirrigwardah, ippreżentaw rikors debitament dokumentat skont il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Changzhou Hailong Electronics & Light Fixtures u Zhejiang Yankon vs Il‑Kunsill, T‑255/01, EU:T:2003:282, punt 40).

620    L-għan huwa li jiġi evitat t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 66).

621    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx titlaq mill-provvedimenti tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku sabiex tikkalkula l-valur normali, jiġifieri li hija għandha, skont din id-dispożizzjoni, tiddetermina l-valur normali “fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn tali pajjiż terz għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew, fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew pagabbli fl-Unjoni għal prodott simili, adegwatament aġġustat jekk meħtieġ biex jinkludi marġni ta’ profitt raġonevoli”.

622    Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi rrilevat li, apparti s-sors tal-prezzijiet jew tal-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti, li jikkorrispondi għall-pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq magħżula mill-Kummissjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Indja, u l-ordni tal-preżentazzjoni tal-metodi stabbiliti, li l-Kummissjoni għandha tosserva kif tfakkar il-ġurisprudenza (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punti 24 sa 26), l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku ma jagħtix indikazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-prezz jew tal-valur normali mibni fil-pajjiż analogu, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż BĠA u l-profitti.

623    F’dan il-kuntest, ma huwiex eskluż li l-Kummissjoni tista’ tieħu ċerti elementi metodoloġiċi kontenuti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, bil-kundizzjoni li ma jkunux manifestament inadegwati u ma jkollhomx l-effett li jintroduċu mill-ġdid parametri tal-pajjiż oriġinali li ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq.

624    F’dan il-każ, l-ispejjeż BĠA u l-profitti sostnuti fil-kalkolu tal-valur normali mibni għal tip ta’ prodott tal-ħadid fondut duttili u żewġ tipi ta’ prodotti tal-ħadid fondut griż, huma dawk tal-uniku produttur Indjan li kien jimmanifattura l-prodotti inkwistjoni u li, konsegwentement, l-ispejjeż tal-manifattura tiegħu ġew sostnuti.

625    Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-Kummissjoni fil-qasam antidumping, ma jistax jiġi kkunsidrat li kien manifestament inadegwat min-naħa tagħha li mal-ispiża tal-manifattura ta’ dan il-produttur iżżid l-ispejjeż BĠA kif ukoll il-profitti marbutin ma’ dan il-bejgħ. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż BĠA u l-profitti ta’ dan il-produttur Indjan biss ma kellux l-effett li jintroduċi mill-ġdid parametri tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina li ma kinux ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq.

626    Għalhekk, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittalba għal miżura ta’ organizzazzjoni talproċedura

627    Għall-finijiet tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tordna, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-produzzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni li kienet diġà ntalbet lil din l-istituzzjoni matul l-investigazzjoni, jiġifieri l-kalkoli u d-data sors li jirrigwardaw il-volum ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, id-dannu u l-marġni ta’ dumping tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi u Indjani.

628    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont il-ġurisprudenza, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-utilità ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2015, Deutsche Börse vs Il‑Kummissjoni, T‑175/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:148, punt 417 u l-ġurisprudenza ċċitata).

629    F’dan il-każ, l-elementi inklużi fil-fajl huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, peress li setgħet tiddeċiedi utilment abbażi tat-talbiet, tal-motivi u tal-argumenti mressqa matul l-istanza u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet.

630    Minn dan isegwi li t-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni għandha tiġi miċħuda, kif ukoll ir-rikors kollu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà jew l-effikaċja tal-ilmenti kollha kkontestati mill-Kummissjoni li ġew miċħuda fil-mertu.

 Fuq lispejjeż

631    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products u l-partijiet rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness I huma kkundannati għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑19 ta’ Mejju 2021.

Ir-Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulun


Werrej



*      Lingwa tal-proċedura: l-Ingliż.


1      Il-lista tal-partijiet rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.


2      Il-lista tal-partijiet intervenjenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.