Appell ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2021 minn Lietuvos geležinkeliai AB mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla Estiża) fit-18 ta’ Novembru 2020 fil-Kawża T-814/17, Lietuvos geležinkeliai vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-42/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Lietuvos geležinkeliai AB (rappreżentanti: W. Deselaers, K. Apel, P. Kirst, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Orlen Lietuva AB

Talbiet

tannulla s-sentenza taħt appell, fl-intier tagħha jew parzjalment, sa fejn is-sentenza ċaħdet l-azzjoni tal-appellanti għall-annullament kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 6544 finali tat-2 ta’ Ottubru 2017 fil-Każ AT.39813 – Ferrovija Baltika 1

tannulla id-Deċiżjoni, fl-intier tagħha jew parzjalment;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas iktar il-multa imposta fuq Lietuvos geležinkeliai; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha relatati ma’ dawn il-proċedimenti u l-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq erba’ aggravji.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat u bħala riżultat applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li permezz tagħha impriża dominanti għandha bżonn biss tagħti aċċess lill-infrastruttura jekk ir-rifjut x’aktarx jelimina kull kompetizzjoni fis-suq min-naħa tal-persuna li titlob l-aċċess, jekk tali rifjut ma jistax jiġi ġġustifikat oġġettivament, u jekk l-aċċess fih innifsu huwa indispensabbli biex iwettaq in-negozju ta’ dik il-persuna.

It-tieni nett, it-tneħħija ta’ binarju tal-ferrovija ta’ 19-il kilometru li jorbot lil Mažeikiai fil-majjistral tal-Litwanja mal-fruntiera tal-Latvja (il-“binarju”) “b’għaġla kbira u mingħajr ma l-ewwel ġew assigurati il-fondi meħtieġa” ma jikkostitwixxix abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-liġi meta kkwalifikat it-tneħħija tal-binarju bħala li jista’ jnaqqas il-kompetizzjoni.

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nfisha billi rriferiet għall-intenzjoni allegatament antikompetitiv tal-appellanti għall-iskop li tiddetermina jekk għandha tiġi imposta multa u għall-iskop li tevalwa l-livell tal-multa, minkejja li ġie kkonstatat li l-ksur allegat mhuwiex ibbażat fuq l-intenzjoni, l-istrateġija antikompetittiva jew il-mala fede tal-appellanti.

____________

1 Sunt tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ottubru 2017 dwar proċediment taħt l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Każ AT.39813 –Ferrovija Baltika) (innotifikata taħt id-dokument numru C(2017) 6544 (ĠU 2017, C 383, p. 7).