KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-13 ta’ Lulju 2016 (1)

Kawżi magħquda C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15

Francisco Gutiérrez Naranjo

vs

Cajasur Banco S.A.U. (C‑154/15),

u

Ana María Palacios Martínez

vs

Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (C‑307/15),

u

Banco Popular Español SA

vs

Emilio Irles López,

Teresa Torres Andreu (C‑308/15)

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n° 1 de Granada (qorti tal-kummerċ nru 1 ta’ Granada, Spanja) (Kawża C‑154/15) u mill-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja) (Kawżi C‑307/15 u C‑308/15)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Klawżoli inġusti — Setgħat tal‑qorti nazzjonali — Dikjarazzjoni ta’ nullità — Effetti — Obbligu ta’ ħlas lura tal-ammonti miġbura abbażi ta’ klawżola ddikjarata inġusta — Nuqqas ta’ retroattività — Konformità mal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 93/13/KEE”





Werrej

I –   Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-Direttiva 93/13

B –   Id-dritt Spanjol

1.     Id-dispożizzjonijiet normattivi

2.     Il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema)

a)     Is-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013

b)     Is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2015 u tad-29 ta’ April 2015

II – Il-fatti, il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A –   Il-Kawża C‑154/15

B –   Il-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15

1.     Il-Kawża C‑307/15

2.     Il-Kawża C‑308/15

3.     Id-domandi preliminari fil-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –   Fuq it-talba għal proċedura mħaffa tal-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15

B –   Fuq l-iżvolġiment tal-proċedura bil-miktub u tal-proċedura orali

IV – Analiżi legali

A –   Fuq id-domandi preliminari, ikkunsidrati flimkien, fil-Kawża C‑154/15 u fuq l-ewwel domanda komuni fil-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15

1.     Fuq il-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-konsumaturi mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema) meta mqabbel ma’ dak mogħti mid-Direttiva 93/13

2.     Fuq il-portata tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13

a)     Interpretazzjoni litterali li ma tagħtix illuminazzjoni

b)     Ħarsa mill-ġdid lejn il-ġurisprudenza

c)     Applikazzjoni għal dan il-każ

B –   Fuq id-domandi preliminari l-oħra

V –   Konklużjoni


1.        Il-qrati Spanjoli kkontribwixxew b’mod sinjifikattiv fl-iżvilupp tal-ġurisprudenza dwar id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (2), billi ressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, diversi drabi, domandi preliminari li wasslu lil din tal-aħħar sabiex tippreċiża l-interpretazzjoni tagħha. Illum hija l-kwistjoni dwar il-klawżoli “ta’ rata minima” użati fil-kuntratti ta’ self konklużi mal-konsumaturi li tokkupa l-qrati Spanjoli, u inċidentalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll (3). Dawn il-klawżoli jipprovdu li l-istabbiliment bankarju li jagħti self ipotekarju b’rata varjabbli japplika limitu inqas mill-varjazzjoni tar-rata ta’ interessi b’tali mod li, anki jekk ir-rata ta’ interessi applikabbli hija inqas minn ċerta rata (jew “rata minima”), il-konsumatur ikompli jħallas interessi minimi, ekwivalenti għal din ir-rata.

2.        Dawn il-kawżi jqajmu kwistjoni ta’ prinċipju li ma tirrigwardax il-klawżoli “ta’ rata minima” fihom innifishom iżda l-effetti li għandhom jakkumpanjaw il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżoli. Il‑kuntest li fih tqum din il-kwistjoni huwa partikolari għaliex jirrigwarda serje ta’ sentenzi mogħtija mit-Tribunal Supremo (qorti suprema) li permezz tagħhom din tal-aħħar iddeċidiet li l-konsumaturi ma jistgħux jiksbu r-rimbors tal-ammonti mħallsa minnhom lill-organi finanzjarji abbażi ta’ klawżoli “ta’ rata minima” ħlief sa mid-data tal‑ewwel sentenza tagħha li kkonstatat in-nullità tal-imsemmija klawżoli minħabba n-natura inġusta tagħhom, jiġifieri sa mid-9 ta’ Mejju 2013.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva 93/13

3.        Mir-raba’ premessa tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li “hija r‑responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jiżguraw li l-kuntratti konklużi mal-konsumaturi ma jkunx fihom klawżoli inġusti”.

4.        It-tnax-il premessa tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi li, “kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; […] billi l-Istati Membri għandu jkollhom l‑għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat‑Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva”.

5.        Fis-sittax-il premessa tad-Direttiva 93/13, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreċiża li “l-istima, skond il-kriterji ġenerali magħżula, tal-karattru inġust ta’ klawżoli, […] għandha tiġi supplimentata billi ssir valutazzjoni globali tad-diversi interessi involuti; billi din tikkostitwixxi l-ħtieġa ta’ buona fede; billi, waqt li tkun qed issir stima ta’ buona fede, għandha titqies b’mod partikolari s-saħħa tal-posizzjonijiet tal-ftehim tal-partijiet […]; […] l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill‑bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha”.

6.        It-tmintax-il premessa tad-Direttiva 93/13 tiddikjara li “n-natura tal-merkanzija jew is-servizzi għandu jkollha influwenza fuq l-istima ta’ kemm ma jkunux ġusti klawżoli kuntrattwali”.

7.        L-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 teħtieġ li “l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il‑kunsumatur għandha tirbaħ”.

8.        Il-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tipprovdi li “l‑Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur u li jekk, madankollu, dawn il-klawżoli jintużaw, m’għandhomx jorbtu lill‑konsumatur, u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawk il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi li jibqa’ jeżisti mingħajr id‑disposizzjonijiet inġusti”.

9.        L-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi li “l‑awtoritajiet amministrattivi […] għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

10.      Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 93/13:

“1.      Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.      Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l‑konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal‑klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.”

11.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal‑merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad‑definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l‑oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

12.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 tiddikjara li “[f]il-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill‑konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it‑tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur”.

13.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż [ma’] konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil‑liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

14.      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jistabilixxi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l‑kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”.

15.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur”.

B –    Id-dritt Spanjol

1.      Id-dispożizzjonijiet normattivi

16.      Skont l-Artikolu 1303 tal-Kodiċi Ċivili, li jiddefinixxi l‑konsegwenzi li jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta’ nullità, “[m]eta obbligu jiġi ddikjarat null, il-kontraenti għandhom jirrestitwixxu reċiprokament l-affarijiet u l-prezz flimkien mal-interessi”.

17.      Skont l-Artikolu 83 tal-Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (liġi ġenerali għall-protezzjoni tal‑konsumaturi u tal-utenti u liġijiet oħra komplementari, iktar ’il quddiem il‑“LGDCU”) (4), “[i]l-klawżoli inġusti huma nulli ipso jure u huma kkunsidrati mhux miktuba. Għal dan l-għan, wara li tisma’ lill-partijiet, il-qorti tikkonstata n-nullità tal‑klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratt, iżda dan jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini jekk ikun jista’ jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

2.      Il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema)

a)      Is-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013

18.      Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013 (5), it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet, fil-kuntest ta’ kawża kollettiva mressqa minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi kontra tliet stabbilimenti bankarji, dwar in-natura inġusta ta’ klawżoli “ta’ rata minima”.

19.      It-Tribunal Supremo (qorti suprema) ikkonstatat li, ladarba ma setgħux jiġu sseparati mill-prezz jew mill-korrispettiv, il-klawżoli “ta’ rata minima” jagħmlu parti mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt, b’tali mod li, bħala prinċipju, ma huwiex possibbli li tiġi mistħarrġa n-natura inġusta tal‑kontenut tagħhom. Madankollu, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt, sabiex tiżgura lill‑konsumatur livell ogħla ta’ protezzjoni, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) ikkunsidrat li hija setgħet tipproċedi bl-analiżi tal-eventwali natura inġusta tal-klawżoli “ta’ rata minima” billi argumentat li s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (6) kienet tawtorizzaha teżerċita stħarriġ li ma huwiex limitat għas-sempliċi verifika ta’ jekk il‑klawżoli kinux ifformulati b’mod ċar. It-Tribunal Supremo (qorti suprema) irrikonoxxiet li l-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 93/13 tipprevedi biss stħarriġ tat-trasparenza formali tal‑klawżoli li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt. Madankollu, skont l-interpretazzjoni tagħha tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (7), hija ddeċidiet li, minbarra dan l-ewwel filtru ta’ trasparenza, il-qrati Spanjoli setgħu jissuġġettaw dawn il-klawżoli għal stħarriġ ieħor, li jirrikjedi iktar minn dak previst mid-Direttiva 93/13, ibbażat fuq l-Artikolu 80(1) tal-LGDCU (8). Skont it-Tribunal Supremo (qorti suprema), din id-dispożizzjoni tistabbilixxi t-tieni filtru ta’ trasparenza li jikkonsisti fl-eżami ta’ jekk il-konsumatur kienx jaf jew setax faċilment ikun jaf ir-responsabbiltà ekonomika u ġuridika li l-kuntratt ipoġġi fuqu. Minkejja li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li l-klawżoli “ta’ rata minima” kienu legali, peress li kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti legali ta’ trasparenza, u kienu konformi mal-ewwel stħarriġ ta’ trasparenza, hija ddeċidiet mod ieħor għal dak li jirrigwarda t-tieni stħarriġ (9). Konsegwentement, hija kklassifikat bħala “inġusti” l-klawżoli “ta’ rata minima”, ikkonstatat in-nullità tagħhom filwaqt li żammet il‑validità tal-kuntratti li fihom ġew inklużi u ordnat lit-tliet stabbilimenti bankarji partijiet fil-proċedura quddiemha sabiex jeliminaw dawn il-klawżoli mill-kuntratti eżistenti u sabiex ma jibqgħux jużawhom.

20.      Minħabba l-fatt li hija kkunsidrat li kienet applikat ex novo stħarriġ rinforzat tat-trasparenza tal-klawżoli kontenzjużi, it-Tribunal Supremo (qorti suprema), fuq talba tal-Ministeru Pubbliku, illimitat ratione temporis l-effetti tas-sentenza tagħha. B’hekk hija ddeċidiet li r‑retroattività setgħet tkun limitata skont il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ekwità u tal-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu u vverifikat il‑preżenza taż-żewġ kriterji rikjesti mill-Qorti tal-Ġustizzja meta tkun mistiedna tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenzi tagħha stess, jiġifieri l-bona fide tal-partijiet ikkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet ekonomiċi gravi (10). Konsegwentement għal din l-analiżi (11), hija ddeċidiet li l-konstatazzjoni ta’ nullità ma taffettwax la s-sitwazzjonijiet definittivament deċiżi b’deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru res judicata u lanqas il-ħlasijiet imwettqa qabel id-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013.

b)      Is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 2015 u tad-29 ta’ April 2015

21.      Fil-25 ta’ Marzu 2015 u fid-29 ta’ April 2015 (12), filwaqt li ddeċidiet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi individwali kontra wieħed mill‑istabbilimenti ta’ kreditu konvenuti fil-proċedura kollettiva li tat lok għas-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) ikkunsidrat li ċ-ċirkustanzi fattwali kienu identiċi għal dawk fl-oriġini tas-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013. Għalhekk hija kkonfermat in-natura inġusta ta’ klawżoli “ta’ rata minima”. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li kienet fil-preżenza tal-istess kunsiderazzjonijiet dwar iċ-ċertezza legali, il-bona fide u r-riskju ta’ diffikultajiet ekonomiċi gravi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija llimitat ratione temporis l‑effetti tas-sentenzi tagħha tal-25 ta’ Marzu 2015 u tad-29 ta’ April 2015, billi llimitat l-obbligu ta’ ħlas lura tal-ammonti mħallsa b’applikazzjoni ta’ klawżoli “ta’ rata minima” għal dawk imħallsa wara l-pubblikazzjoni tas-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013, data li fiha l‑bona fide tal-partijiet ikkonċernat ma baqgħetx teżisti.

II – Il-fatti, il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A –    Il-Kawża C‑154/15

22.      Francisco Gutiérrez Naranjo kkonkluda mal-bank Cajasur Banco S.A.U. kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi klawżola “ta’ rata minima”. F. Gutiérrez Naranjo ressaq quddiem il-Juzgado de lo Mercantil n°1 de Granada (qorti tal-kummerċ nru 1 ta’ Granada), minn naħa, kawża ta’ inibizzjoni fil-konfront ta’ din il-klawżola kuntrattwali għaliex hija klawżola inġusta u, min-naħa l-oħra, kawża għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa, wara l-iffirmar tal-kuntratt ta’ self, skont il-klawżola allegatament inġusta.

23.      Il-Juzgado de lo Mercantil n°1 de Granada (qorti tal-kummerċ nru 1 ta’ Granada) tfakkar is-sens tas-sentenza mogħtija mit-Tribunal Supremo (qorti suprema) fid-9 ta’ Mejju 2013 u tosserva applikazzjoni diverġenti, mill-qrati ordinarji Spanjoli, ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari dwar it-traspożizzjoni possibbli tagħha fil-kuntest ta’ kawża mhux kollettiva iżda individwali. Barra minn hekk, jekk jiġi kkunsidrat possibbli li ma jiġix awtorizzat il-ħlas lura tal-ammonti miġbura skont klawżola ddikjarata inġusta sa mill-konklużjoni tal-kuntratt li jinkludi l‑imsemmija klawżola, il-Juzgado de lo Mercantil n°1 de Granada (qorti tal-kummerċ nru 1 ta’ Granada) għandha dubju dwar minn meta għandu jibda l-ħlas lura inkwistjoni. Hija għandha dubju wkoll dwar il-kompatibbiltà ta’ tali limitazzjoni tal-effetti restitutorji tad-dikjarazzjoni ta’ nullità minħabba natura inġusta mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (13), minkejja li hija timmilita favur li tikkunsidra li l-limitazzjoni tal-effetti tan-nullità ma humiex komparabbli ma’ eventwali setgħa tal-qorti nazzjonali li tvarja l-kontenut ta’ klawżoli li ġie deċiż li huma inġusti.

24.      Ikkonfrontata b’hekk b’diffikultà marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Juzgado de lo Mercantil n°1 de Granada (qorti tal-kummerċ nru 1 ta’ Granada) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u, b’deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2015, li tagħmel lil din tal-aħħar id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-interpretazzjoni ta’ ‘ma jkunux jorbtu’ fl-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva [93/13] hija kompatibbli, f’tali każijiet, ma’ interpretazzjoni fis-sens li d-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżola ċċitata madankollu testendi l-effetti tagħha sakemm issir din id-dikjarazzjoni, u, għalhekk, li minkejja li tiġi ddikjarata n-nullità tagħha, huwa mifhum li l-effetti prodotti minnha matul il-perijodu li kienet fis-seħħ ma jiġux annullati jew ma jsirux ineffettivi?

2)      Deċiżjoni meħuda kontra l-użu ta’ klawżola partikolari (skont l‑Artikoli 6[(1)] u 7[(1)] [tad-Direttiva 93/13]) f’kawża individwali mressqa minn konsumatur fejn issir id-dikjarazzjoni ta’ nullità tagħha, hija kompatibbli ma’ limitazzjoni tal-effetti ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ nullità? Huwa possibbli (għall-qrati) li jibdlu ir-rimbors ta’ kwalunkwe somma mħallsa mill-konsumatur – li l-bejjiegħ jew fornitur huwa meħtieġ jirrimborsa – skont il-klawżola, li sussegwentement ġiet iddikjarata nulla ex tunc, minħabba nuqqas ta’ informazzjoni u/jew trasparenza?”

B –    Il-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15

1.      Il-Kawża C‑307/15

25.      Fit-28 ta’ Lulju 2006 Ana María Palacios Martínez ikkonkludiet kuntratt ta’ self ipotekarju mal-Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (iktar ’il quddiem “BBVA”) li kien jinkludi klawżola “ta’ rata minima”. Fis-6 ta’ Marzu 2014, A. M. Palacios Martínez ippreżentat rikors kontra BBVA intiż sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ din il-klawżola minħabba n-natura inġusta tagħha. Fit-3 ta’ Novembru 2014, il‑Juzgado de lo Mercantil n°1 de Alicante (qorti tal-kummerċ nru 1 ta’ Alicante) iddeċidiet li r-rikors ippreżentat ma kienx għad għandu skop (14), bla ħsara għall-ħlas lura lil A. M. Palacios Martínez tal-ammonti li BBVA kien ġabar skont l-imsemmija klawżola sa mid-9 ta’ Mejju 2013, skont kif ġie deċiż mit-Tribunal Supremo (qorti suprema) fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013.

26.      A. M. Palacios Martínez appellat minn din is-sentenza quddiem l‑Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante). Fil‑fehma tagħha, il-kundizzjonijiet tal-ħlas lura deċiżi fl-ewwel istanza ma humiex konformi la mal-Artikolu 1303 tal-Kodiċi Ċivili u lanqas mal-prinċipju, stabbilit mid-Direttiva 93/13, li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Peress li l-ammonti miġbura minn BBVA mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ma’ A. M. Palacios Martínez sad-data tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema) inġabru abbażi ta’ klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta, u peress li l-ħlas lura tal-imsemmija ammonti jibda biss mid-data tal-imsemmija sentenza, il-klawżola inġusta rabtet għalhekk parzjalment lill‑konsumatur, filwaqt li d-Direttiva 93/13 teħtieġ nuqqas ta’ natura vinkolanti assoluta u inkundizzjonata sabiex tiżgura protezzjoni sħiħa tal-konsumatur. Anki jekk jiġi preżunt li l-kriterji ta’ bona fide u tar‑riskji ta’ diffikultajiet ekonomiċi gravi huma rilevanti sabiex jiġu llimitati, quddiem il-qorti nazzjonali, l-effetti tal-ħlas lura tal-ammonti mħallsa skont klawżola ddikjarata inġusta, A. M. Palacios Martínez tikkontesta li l-bona fide tista’ tkun ritenuta għall-benefiċċju ta’ BBVA. Barra minn hekk, BBVA ma jkun inkorra ebda riskju gravi jekk dan tal‑aħħar għandu jkun ikkundannat iħallas lura l-ammonti li A. M. Palacios Martínez ħallsitu abbażi tal-klawżola “ta’ rata minima” ddikjarata inġusta. Jekk jeżisti riskju ekonomiku, dak ikun dak li inkorriet l-ekonomija tal-familja ta’ din il-konsumatriċi.

2.      Il-Kawża C‑308/15

27.      Fl-1 ta’ Ġunju 2001, Emilio Irles López u Teresa Torres Andreu kkonkludew mal-bank Banco Popular Español SA (15) kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi klawżola ta’ rata minima. F’Mejju u f’Ġunju 2007, il-Banco Popular Español ta l‑kunsens tiegħu għal żieda fil-kapital u kull żieda tat lok għal reviżjoni ta’ din il-klawżola “ta’ rata minima”.

28.      E. Irles López u T. Torres Andreu resqu quddiem il-Juzgado de lo Mercantil n° 3 de Alicante (qorti tal-kummerċ nru 3 ta’ Alicante) sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-klawżola “ta’ rata minima” inkluża fil-kuntratt tal-2001 u fl-atti ta’ novazzjoni ulterjuri. Minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza tagħha, din il-klawżola għandha, fl-opinjoni tagħhom, tkun ikkunsidrata li hija inġusta. Barra minn hekk, E. Irles López u T. Torres Andreu talbu li l-iskadenzi tagħhom jiġu kkalkolati mill-ġdid mingħajr l-applikazzjoni tal-klawżola kontenzjuża u li l-bank ikun ikkundannat iħallashom lura d-differenza sa mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt.

29.      Fl-10 ta’ Novembru 2014, il-Juzgado de lo Mercantil n° 3 de Alicante (qorti tal-kummerċ nru 3 ta’ Alicante) ikkonstatat in-nullità ipso jure, minħabba n-natura inġusta tagħha, tal-klawżola “ta’ rata minima” inkluża fl-atti kontenzjużi. Hija kkundannat ukoll lill-Banco Popular Español iħallas lura lil E. Irles López u lil T. Torres Andreu l‑ammonti ddikjarati indebitament miġbura abbażi ta’ din il-klawżola, flimkien mal-interessi, sa mid-data tal-konklużjoni tal‑kuntratt.

30.      Il-Banco Popular Español appella minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante). Quddiem din il-qorti tal-appell, il-Banco Popular Español ikkontesta n‑natura inġusta tal-klawżola “ta’ rata minima” inkluża fil-kuntratt tal‑2001 u emendata darbtejn fl-2007 u sostna li huwa kien ipprovda informazzjoni suffiċjenti lill-kokontraenti tiegħu. Fi kwalunkwe każ, il‑Banco Popular Español jargumenta l-fatt li l-qorti tal-ewwel istanza, billi kkundannatu jirrimborsa b’mod retroattiv l-ammonti allegatament miġbura indebitament, ma mxietx mal-ġurisprudenza stabbilita mit-Tribunal Supremo (qorti suprema) fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013. Konsegwentement is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2014 għandha tkun annullata.

3.      Id-domandi preliminari fil-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15

31.      L-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante) għandha dubji dwar il-portata tas-sanzjoni tal-klawżoli inġusti. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jeħtieġ biss li tali klawżoli ma jorbtux lill-konsumatur, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali. Il-kwistjoni tal-ħlas lura tal-ammonti mħallsa abbażi ta’ klawżoli ddikjarati inġusti ma hijiex armonizzata, a priori, minn din id-direttiva. Madankollu, il-qorti tar-rinviju f’dawn iż‑żewġ kawżi għandha dubju dwar jekk huwiex kontra l-effett utili, l-iskop dissważiv u l-protezzjoni sħiħa tal-konsumatur, li d-Direttiva 93/13 tippromwovi, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jiġi interpretat bħala li ma jobbligax ukoll lill-Istati Membri jorganizzaw il-kundizzjonijiet ta’ ħlas lura għall-konsumaturi li għalihom ikunu ġew applikati tali klawżoli. L‑imsemmija qorti, barra minn hekk, għandha dubju dwar jekk il-limitazzjoni tal-ħlas lura kif deċiża mit-Tribunal Supremo (qorti suprema) hijiex kuntrarja għall-projbizzjoni magħmula lill-qorti nazzjonali, mill-Qorti tal‑Ġustizzja, li tirrevedi jew li tvarja l-kontenut ta’ klawżoli ddikjarati inġusti. Peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tobbliga b’mod partikolari lill-qrati nazzjonali jisiltu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, mill-klassifikazzjoni ta’ klawżola bħala “inġusta” (16), il-kwistjoni hija jekk in-nuqqas ta’ natura vinkolanti ta’ klawżoli inġusti preskritta mid-Direttiva għandux jinftiehem b’mod assolut jew inkundizzjonat jew jekk, għall-kuntrarju, huwiex flessibbli. Fl-aħħar nett, jekk jiġi preżunt li l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li tillimita l-effetti retroattivi tas-sentenzi tagħha stess huma rilevanti f’sitwazzjoni bħal dik li għandha quddiemha t-Tribunal Supremo (qorti suprema), l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante) tiddubita li l-bona fide tal-banek, li jinsabu b’mod ċar f’pożizzjoni superjuri għal dik tal-konsumaturi, tista’ tkun ikkonstatata. Dwar ir-riskju ta’ diffikultajiet ekonomiċi gravi, il‑qorti tar-rinviju tiddubita li t‑Tribunal Supremo (qorti suprema) kienet realment fil-preżenza ta’ tali riskju, peress li hija bbażat ruħha biss fuq in-natura “magħrufa” tiegħu mingħajr ma stabbilixxiet ċirkustanzi kwalitattivi jew kwantitattivi preċiżi.

32.      B’hekk, quddiem diffikultà marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u, permezz ta’ deċiżjonijiet li waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ġunju 2015, li tagħmel lil din tal-aħħar id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-fatt li l-effetti ta’ ħlas lura li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni ta’ nullità minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola dwar rata ta’ interessi minima li ddaħħlet f’kuntratt ta’ self ma japplikawx retroattivament [m]id‑data ta’ konklużjoni tal-kuntratt iżda [minn] data sussegwenti huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ assenza ta’ natura vinkolanti [ta’ klawżoli inġusti] rikonoxxut fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13]?

2)      Il-kriterju ta’ bona fide tal-[partijiet i]kkonċernati li fuqu hija bbażata l‑limitazzjoni tal-effett retroattiv [tal-annullament ta’] klawżola inġusta, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi mill-Istati Membri kollha?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermativa, liema rekwiżiti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-bona fide tal‑[partijiet i]kkonċernati?

4)      Fi kwalunkwe każ, l-aġir tal-bejjiegħ jew fornitur fir-redazzjoni tal‑kuntratt, li ta lok għan-nuqqas ta’ trasparenza li kien fl-oriġini tan‑natura inġusta tal-klawżola, huwa konformi mal-bona fide tal‑[partijiet i]kkonċernati?

5)      Ir-riskju ta’ diffikultajiet serji li fuqu hija bbażata l-limitazzjoni tal‑effett retroattiv [tal-annullament] li jirriżulta minn klawżola inġusta, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi mill-Istati Membri kollha?

6)      Fil-każ ta’ risposta affermativa, liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni?

7)      Ir-riskju ta’ diffikultajiet serji, għandu jiġi evalwat billi jittieħed biss inkunsiderazzjoni dak ir-riskju li jista’ jirriżulta għall-bejjiegħ jew fornitur jew għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni d-dannu li jiġi kkawżat lill-konsumaturi minħabba n-nuqqas ta’ ħlas lura sħiħ tal‑ammonti mħallsa skont l-imsemmija klawżola dwar rata ta’ interessi minima?

[u għall-Kawża C‑308/15 biss]

8)      L-estensjoni awtomatika tal-istess limitazzjoni tal-effetti ta’ ħlas lura li jirriżultaw min-nullità ta’ klawżola dwar rata ta’ interessi minima ddikjarata fi ħdan proċedura mressqa minn assoċjazzjoni ta’ konsumaturi kontra [tliet] entitajiet finanzjarji, għal azzjonijiet individwali ta’ nullità ta’ klawżola dwar rata ta’ interessi minima, minħabba li hija inġusta, imressqa mill-klijenti-konsumaturi li kkonkludew kuntratt ta’ self ipotekarju ma’ varji entitajiet finanzjarji hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ assenza ta’ natura vinkolanti tal-klawżoli inġusti fir-rigward tal-konsumatur hekk kif irrikonoxxut fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13], u mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva rrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –    Fuq it-talba għal proċedura mħaffa tal-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15

33.      Fil-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15, il-qorti tar-rinviju talbet lill‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissottometti l-imsemmija kawżi għal proċedura mħaffa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja adottat fl-14 ta’ Awwissu 2015.

B –    Fuq l-iżvolġiment tal-proċedura bil-miktub u tal-proċedura orali

34.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2015, il-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. F’dawn il-kawżi, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn E. Irles López, minn BBVA, mill-Banco Popular Español, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Pollakk, mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

35.      Fil-Kawża C‑154/15, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil‑miktub minn F. Gutiérrez Naranjo, mill-Cajasur Banco, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni.

36.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2015, il-Kawżi C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

37.      Waqt is-seduta komuni għat-tliet kawżi hekk magħquda, li nżammet fis-26 ta’ April 20016, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali minn F. Gutiérrez Naranjo, minn A. M. Palacios Martínez, minn E. Irles López, mill-Cajasur Banco, mill-Banco Popular Español, minn BBVA, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni.

IV – Analiżi legali

38.      Id-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju essenzjalment iduru madwar tliet kwistjonijiet. Dawn huma, qabel xejn, id-determinazzjoni ta’ jekk il-limitazzjoni tal-effetti restitutorji tan-nullità li tirriżulta mill‑klassifikazzjoni ta’ klawżoli “ta’ rata minima” bħala inġusti hijiex konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. Barra minn hekk, l-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, jekk it-Tribunal Supremo (qorti suprema) applikatx b’mod korrett il-kriterji ta’ bona fide u tar-riskju ta’ diffikultajiet gravi fis-sens tas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013 RWE Vertrieb (17) u jekk, min-naħa l-oħra, ir-relazzjoni, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema), bejn is-soluzzjonijiet adottati fil-kuntest ta’ azzjonijiet kollettivi u dawk adottati fil-kuntest ta’ azzjonijiet individwali hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

39.      L-analiżi li ser nagħmel tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 93/13 għandha, madankollu, tkun suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utili lill-qrati tar-rinviju. Għalhekk, is-sustanza ta’ dawn il-konklużjonijiet ser tkun iddedikata għad-domandi magħmula fil-Kawża C‑154/15 u għall-ewwel domanda komuni fil‑Kawżi C‑307/15 u C‑308/15.

A –    Fuq id-domandi preliminari, ikkunsidrati flimkien, fil-Kawża C‑154/15 u fuq l-ewwel domanda komuni fil-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15

40.      Il-kwistjoni ta’ prinċipju li jiena semmejt fil-preambolu hija, essenzjalment, dik dwar jekk huwiex konformi mal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 93/13, li qorti suprema ta’ Stat Membru tiġi rrikonoxxuta, wara li tikklassifika bħala “inġusta” klawżola kuntrattwali inkluża f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur u wara li tikkonstata n-nullità ta’ din il-klawżola, is-setgħa li tillimita l-effetti ta’ din id‑dikjarazzjoni billi tagħti biss id-dritt għall-ħlas lura tal-ammonti indebitament imħallsa mill-konsumatur abbażi tal-klawżola inġusta sa mid-data tad-deċiżjoni mogħtija mill-imsemmija qorti li tikkonferma n‑natura inġusta tal-klawżola kkonċernata.

41.      Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, għandhom isiru numru ta’ analiżi preliminari. Fil-fatt, waħda mill-ewwel stadji ta’ raġunament hija li jiġi ddeterminat fuq liema livell kienet it-Tribunal Supremo (qorti suprema) meta tat is-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013. Hija ssostni li marret lil hinn mil-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-konsumatur mid‑Direttiva 93/13, li, filwaqt li tagħmel biss armonizzazzjoni minima fil‑qasam, tawtorizza effettivament lill-Istati Membru jipprovdu dispożizzjonijiet iktar stretti (18). Issa, li kieku dan kien il-każ, il‑limitazzjoni tal-effetti tan-nullità ma jistgħux ikunu eżaminati fid‑dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, peress li l-miżuri li joffru l-ikbar protezzjoni jaqgħu, min-natura tagħhom, f’qasam li ma huwiex armonizzat mid‑Direttiva.

42.      Għalhekk, sabiex nirrispondi għall-kwistjoni ta’ prinċipju li tirrigwarda, għal darba oħra, dak li għandha jew li tista’ tagħmel il‑qorti fil-preżenza ta’ klawżoli inġusti, għandu madankollu preliminarjament isir riferiment għal kunsiderazzjonijiet iktar sostanzjali relatati mat-twettiq ta’ klassifikazzjoni, mit-Tribunal Supremo (qorti suprema), tal-klawżoli “ta’ rata minima” bħala klawżoli “inġusti”. Dawn il-punt huwa iktar u iktar wieħed delikat fid-dawl tal-fatt li l-qrati li qegħdin jagħmlu d-domandi, f’dawn it‑tliet kawżi magħquda, l-ewwel nett, ma humiex il-qorti li għamlet din il-klassifikazzjoni u, it-tieni nett, ma jikkontestawx in-natura inġusta tal-klawżoli “ta’ rata minima” (19). F’dan ir-rigward, nippreċiża għalhekk, għal kull fini utili, li s-soluzzjoni għal din il-kwistjoni preliminari ma għandhiex tinftiehem bħala tentattiv ta’ twessigħ ta’ dibattitu preliminari iżda, għall-kuntrarju, bħala dak li huwa neċessarju u inevitabbli sabiex tingħata risposta utili lill-qrati tar-rinviju.

43.      Wara li ġie stabbilit li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) ma qabżitx il-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-konsumaturi mid‑Direttiva 93/13 u, b’hekk, wara li ġiet ivverifikata r-rilevanza tal‑interpretazzjoni mitluba, jibqagħli niddetermina l-portata tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

1.      Fuq il-livell ta’ protezzjoni mogħti lill-konsumaturi mill-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema) meta mqabbel ma’ dak mogħti mid-Direttiva 93/13

44.      Fl-oriġini ta’ dawn it-tliet kawżi hemm serje ta’ sentenzi mogħtija mit-Tribunal Supremo (qorti suprema). Fil-qosor u sa fejn jien fhimt b’mod korrett l-imsemmija sentenzi, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) iddeċidiet li l-klawżoli “ta’ rata minima” inklużi fil-kuntratti ta’ self kienu klawżoli dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt li l-istħarriġ tan-natura inġusta tagħhom abbażi tad-Direttiva 93/13 huwa bħala prinċipju eskluż, bil-kundizzjoni li dawn il-klawżoli jkunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem. It-Tribunal Supremo (qorti suprema) ikkunsidrat li l-klawżoli “ta’ rata minima” kienu jinftiehmu grammatikalment u għalhekk kienu jissodisfaw l-istħarriġ tat-trasparenza formali. Għall-kuntrarju, hija kkunsidrat li l-bejjiegħa jew fornituri li kienu inkludew dawn il-klawżoli fil-kuntratti kontenzjużi ma kinux ipprovdew informazzjoni suffiċjenti sabiex jikkjarifikaw is-sens reali tagħhom u li r-rekwiżit ta’ trasparenza materjali ma kienx issodisfatt. Hija kkonkludiet li l-imsemmija klawżoli kienu ta’ natura inġusta. Imbagħad, filwaqt li l-prinċipju, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, kellu jkun in‑nullità ab initio tal-klawżoli inġusti, it-Tribunal Supremo (qorti suprema), minħabba ċirkustanzi partikolari li hija kkunsidrat li kellha quddiemha, iddeċidiet li tagħti effett lid-dikjarazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli “ta’ rata minima” sa mid-data tal-pubblikazzjoni tal-ewwel sentenza mogħtija f’dan is-sens biss, jiġifieri sa mid-9 ta’ Mejju 2013.

45.      Jekk fhimt sewwa s-sentenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema), jidher li din tal-aħħar ikkunsidrat li, billi żiedet mal-istħarriġ tat-trasparenza ta’ klawżoli r-rekwiżit ta’ trasparenza materjali, hija marret lil hinn mil-livell ta’ protezzjoni mogħti mid-Direttiva 93/13. Hija, b’mod partikolari, iġġustifikat il-limitazzjoni tal-effetti restitutorji tad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżoli “ta’ rata minima” bin-natura ġdida tas-sentenza tagħha. Nammetti li m’iniex totalment konvint li dan huwa minnu, kif juri eżami ddettaljat tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja.

46.      B’hekk, fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (20), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija dwar jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem għandu jinftiehem bħala li jimponi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun grammatikalment ċara u li tinftiehem għall-konsumatur, iżda wkoll li r-raġunijiet ekonomiċi sottostanti l-applikazzjoni tal-klawżola kuntrattwali jkunu ċari u li jinftiehmu minn dan l-istess konsumatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan ir-rekwiżit ta’ formulazzjoni ċara u li tinftiehem kien jinsab ukoll fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 u fil-premessa għoxrin tagħha li tipprevedi li l-konsumatur għandu effettivament ikollu l-opportunità li jsir jaf il-klawżoli kollha tal-kuntratt (21). L-imsemmi rekwiżit, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “japplika fi kwalunkwe każ, inkluż meta klawżola tkun taqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u għaldaqstant tevita l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva” (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li r-rekwiżit ta’ trasparenza li jinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 “għandu l‑istess portata bħal dik intiża bl-Artikolu 5” (23). Issa, fir-rigward tal-Artikolu 5, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar il-portata tas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (24) fejn iddeċidiet li l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali, peress li huwa fuq din il-bażi li l-konsumatur jiddeċiedi li jintrabat kuntrattwalment mal-bejjiegħ jew fornitur (25). Għalhekk “[i]r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali impost mid-Direttiva 93/13 għaldaqstant ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali tagħhom” (26) u għandu jinftiehem b’mod estensiv, fid-dawl tas-sistema ta’ protezzjoni implementata mid‑Direttiva 93/13 li hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni (27).

47.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 93/13 għandu jinftiehem fis-sens li r-“rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun imfassla b’mod ċar u li jinftiehem għandu jinftiehem bħala li jimponi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur fuq livell grammatikali, iżda wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal‑mekkaniżmu […] b’mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt” (28). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ konkret li kellha quddiemha, “hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fir-rigward tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, fosthom il-pubbliċità u l-informazzjoni tagħhom ipprovduti mill-kreditur fil-kuntest tan‑negozjar ta’ kuntratt ta’ self, konsumatur medju, […] setax mhux biss isir jaf bid-differenza, ġeneralment osservata fis-suq tat-titoli mobbli, bejn ir-rata tal-kambju tal-bejgħ u r-rata tal-kambju tax-xiri ta’ munita barranija, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, li jistgħu jkunu sinjifikattivi għalih, tal‑applikazzjoni [tal-klawżola kontenzjuża] għall-kalkolu tal-ħlasijiet li huwa ser ikollu finalment iħallas u, għaldaqstant, l-ispiża totali tas-self li ħa” (29).

48.      Fis-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (30) mogħtija iktar tard, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistiedna tippreċiża sa fejn il-mod li bih kienu fformulati ċerti klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu u n-nuqqas li tissemma ċerta informazzjoni, kemm fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt kif ukoll matul l-eżekuzzjoni tiegħu, seta’ jwassal lill-qorti tar-rinviju tikkonkludi li ċerti klawżoli tal-imsemmi kuntratt kienu ta’ natura inġusta. Wara li fakkret il-kontenut tal‑premessa wieħed u għoxrin u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, il‑Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “[d]an l-obbligu ta’ formulazzjoni [ċara u li tinftiehem] huwa iktar u iktar importanti fid-dawl tal-fatt li qorti nazzjonali għandha tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola fformulata bi ksur tiegħu, anki meta din il-klawżola tista’ tkun analizzata bħala li taqa’ taħt l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-klawżoli previsti minn din id-dispożizzjoni, filwaqt li jaqgħu taħt il-qasam kopert minn din id-direttiva, jaħarbu mill‑evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tagħhom bil-każ biss li l-qorti nazzjonali tqis, wara eżami individwali ta’ kull każ, li huma ġew ifformulati mill-bejjiegħ jew mill-fornitur b’mod ċar u li jinftiehem” (31). Issa, minn ġurisprudenza ripetuta tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta (32) li għandha tingħata importanza fundamentali lill-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Barra minn hekk, “hija il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il‑konsumatur medju […] jistax jevalwa abbażi tal-modalitajiet tal‑kalkolu tal-interessi annwali li jiġu kkomunikati lilu, il-konsegwenzi ekonomiċi tal-applikazzjoni tagħhom fuq il-kalkolu tal-iskadenzi li dan il-konsumatur fl-aħħar mill-aħħar ikollu jżomm u, għalhekk, l‑ispiża totali tas-self tiegħu” (33). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “in-nuqqas li tissemma informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kreditu inkwistjoni kif ukoll dwar il-modalitajiet ta’ modifikazzjoni ta’ dawn il‑kundizzjonijiet matul il-kreditu huma elementi deċiżivi fil-kuntest tal‑analiżi minn qorti nazzjonali dwar jekk klawżola ta’ kuntratt ta’ self dwar l-ispejjeż tiegħu li fiha dawn ma jissemmewx hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva [93/13]” (34). Jekk il-qorti nazzjonali tikkunsidra li dan ma huwiex il-każ, hija għandha tevalwa n-natura inġusta tagħha (35).

49.      Huwa minnu li s-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kasler u Káslerné Rábai (36) u tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (37) ngħataw wara s-sentenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema) tad-9 ta’ Mejju 2013. Madankollu, dawn huma biss segwitu loġiku ta’ serje sħiħa ta’ sentenzi preċedenti, fosthom is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (38) li għaliha t-Tribunal Supremo (qorti suprema) għamlet riferiment qawwi fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013 u li diġà kienet tenfasizza r-relazzjoni bejn ir‑rekwiżit tat-trasparenza previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 u l‑importanza fundamentali tal-informazzjoni minn qabel il-konklużjoni tal-kuntratt sabiex ikun żgurat il-kunsens informat tal-konsumatur (39).

50.      Barra minn hekk, dejjem fis-sentenza RWE Vertrieb (40), jitfakkar li, “skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal‑Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal‑ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill‑qorti għal relazzjonijiet legali li nħolqu u ġew ikkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi mressqa kawża quddiem il-qrati kompetenti dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola jkunu ssodisfatti” (41). Is-sentenza RWE Vertrieb (42) waħedha diġà kienet iż-żerriegħa tas-sentenzi Kasler u Káslerné Rábai (43) u Bucura (44). Għalhekk, billi kklassifikat il-klawżoli “ta’ rata minima” bħala klawżoli inġusti minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti minn qabel, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) ma aġixxietx lil hinn mid-dritt tal-Unjoni, billi tat livell ta’ protezzjoni ogħla lill-konsumatur meta mqabbel ma’ dak mogħti mid-Direttiva 93/13, iżda, għall‑kuntrarju, applikat il-provvedimenti kontenuti f’din tal-aħħar (45).

51.      Wara li ġie stabbilit dan, ser nipproċedi issa bl-analiżi tal‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

2.      Fuq il-portata tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13

52.      Wara li ġie kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 93/13 ma huwiex nieqes minn ċerta ambigwità, jiena ser indur lejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex nidentifika l‑prinċipji ewlenin li jiggwidaw l-interpretazzjoni tagħha tad-Direttiva 93/13 b’mod ġenerali u tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva b’mod partikolari. Fl-aħħar nett jiena ser napplika l-konklużjonijiet intermedjarji li għamilt f’dan il-każ.

a)      Interpretazzjoni litterali li ma tagħtix illuminazzjoni

53.      Fil-preżenza ta’ klawżoli inġusti, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, minn naħa, li jipprovdu li dawn “kif previst fil‑liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur” [Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13] u, min-naħa l-oħra, “jiżguraw li, fl‑interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” [Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13].

54.      Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma marx iktar lil hinn fid-definizzjoni tas-sanzjoni ta’ klawżoli inġusti u, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet li fihom in-nuqqas ta’ effett vinkolanti tagħhom, meħtieġ skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi organizzat mill-Istati Membri. L-użu tal-preżent indikattiv (“ma jkunux jorbtu”) ma jindika xejn dwar l-eventwali intenzjoni tal‑imsemmi leġiżlatur li jagħti lin-nuqqas ta’ effett vinkolanti dimensjoni retroattiva (46). Dan l-istess leġiżlatur għażel b’mod ċar li ma jużax vokabularju legali iktar preċiż kif kien ikun, pereżempju, riferiment espliċitu għan-nullità, għall-annullament jew għar‑riżoluzzjoni. L-espressjoni użata hija għal kollox newtrali (47), kif diġà rrilevat l-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet tagħha mogħtija fil-Kawża Invitel (48).

55.      Din in-newtralità hija spjegata naturalment mir-riferiment espliċitu magħmul għal-liġijiet nazzjonali (49). Dan huwa suffiċjenti sabiex l-Istati Membri jibqgħalhom is-setgħa kollha sabiex jippreċiżaw, fil‑kundizzjonijiet li jixtiequ, in-nuqqas ta’ natura vinkolanti ta’ klawżoli inġusti? Sabiex tiġi kkjarifikata l-portata ta’ dan l-artikolu u peress li waħdu t-test tiegħu huwa insuffiċjenti għal dan il-għan, huwa neċessarju li nerġgħu nirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar id‑Direttiva 93/13 b’mod ġenerali u dwar l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva b’mod partikolari.

b)      Ħarsa mill-ġdid lejn il-ġurisprudenza

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, diversi drabi, il-funzjoni li għandha d-Direttiva 93/13 fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

57.      Ser infakkar biss li s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid‑Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur, għal dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu sabiex jaderixxi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (50). Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 hija dispożizzjoni imperattiva li hija intiża li tissostitwixxi l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti b’ekwilibriju reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (51). Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ripetut li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, b’hekk, għandha tirrimedja l-iżbilanċ bejn il‑konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur (52). B’hekk sabiex tiġi żgurata l‑protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss permezz ta’ intervent pożittiv li ma jkunx biss min-naħa tal-partijiet fil-kuntratt (53).

58.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma waqfitx tfakkar li d‑Direttiva 93/13 tikkostitwixxi, fl-integralità tagħha, miżura indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Unjoni u, b’mod partikolari, sabiex jogħlew il-livell u l-kwalità tal-ħajja f’din tal-aħħar (54). Huwa minħabba n-natura u l-portata tal-interess pubbliku li jikkostitwixxi l-bażi tal-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi li d‑Direttiva 93/13 teżiġi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu mezzi xierqa u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (55).

59.      Sabiex jiġu ddeterminati b’mod iktar preċiż il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mid-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jsir riferiment kemm għall-kliem tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll għall-għanijiet u għall-istruttura ġenerali ta’ din tal-aħħar (56). Għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1), il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat, “minn naħa, li l-ewwel parti tas-sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li tirrikonoxxi lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ awtonomija f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tas-sistemi legali applikabbli għall-klawżoli inġusti, jimponi madankollu espressament li jiġi previst li l-imsemmija klawżoli ‘ma jkunux jorbtu lill-konsumatur’” (57). Il-qrati nazzjonali għandhom għalhekk “jisiltu l‑konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnhom skont id-dritt nazzjonali, sabiex il-konsumatur ma jkunx marbut mill-imsemmija klawżoli” (58). Skont il-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja stess, “mill-formulazzjoni tal‑[…]Artikolu 6(1) [tad-Direttiva 93/13] jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom sempliċement ma japplikawx klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma tħallix [ma tipproduċix] effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur” (59).

60.      Il-klawżoli inġusti “ma jkunux jorbtu”, fis-sens tal‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, meta l-qorti nazzjonali ma tapplikahomx (60) minħabba n-natura dissważiva tal-“pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni” (61). Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, f’dan ir‑rigward, li klawżola inġusta ma tistax tkun irriveduta mill-qorti nazzjonali iżda għandha, għall-kuntrarju, ma tkunx applikata (62). L‑effettività tas-sanzjoni ta’ klawżoli inġusti hija għalhekk evalwata fir-rigward tal-għan li jitwaqqaf l-użu tagħha (63). Madankollu, dan l-għan għandu jiġi abbandunat meta l-konsumatur ikollu l-volontà espressa li jibqa’ marbut minn klawżola kuntrattwali minkejja n-natura inġusta tagħha (64).

61.      Il-Qorti tal-Ġustizzja waqfet hawnhekk fil-preċiżjoni tagħha dwar il-mod li bih in-nuqqas ta’ natura vinkolanti għandu jkun ipperċepit fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Probabbilment, ma huwiex il-kompitu tagħha li tagħmel dan preċiżament għaliex il-modalitajiet ta’ din l‑organizzazzjoni għandhom ikunu deċiżi mill-Istati Membri stess. Għalhekk huwa loġiku li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja donnha tipprevedi n-nullità ta’ klawżoli inġusti mhux bħala l-uniku mezz sabiex ikun issodisfatt ir-rekwiżit stabbilit mill‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 93/13, iżda bħala possibbiltà fost oħrajn. Dan huwa dak li jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tagħha tas-26 ta’ April 2012, Invitel (65) li permezz tagħha ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d‑dikjarazzjoni, minn qorti, tan-nullità ta’ klawżola inġusta tapplika fir‑rigward ta’ kull konsumatur li jkun ikkonkluda kuntratt ma’ bejjiegħ jew ma’ fornitur li juża din il-klawżola tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 (66) u li “l‑applikazzjoni ta’ sanzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta […] tiggarantixxi li dawn il-konsumaturi ma jkunux marbuta bl-imsemmija klawżola, mingħajr madankollu ma teskludi tipi oħra ta’ sanzjonijiet adegwati u effettivi previsti bil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali” (67). Il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet iddeċidiet, ftit ta’ żmien wara, li leġiżlazzjoni nazzjonali “li tkun tipprevedi li l-klawżoli ddikjarati inġusti huma nulli, tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13” (68).

c)      Applikazzjoni għal dan il-każ

62.      X’tagħlimiet joħorġu minn din il-ġurisprudenza abbondanti?

63.      Skont il-qari tiegħi ta’ din il-ġurisprudenza, ma jidhirlix li din il-ġurisprudenza tistabbilixxi relazzjoni sistematika jew awtomatika bejn l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva u n-nullità ta’ klawżoli inġusti. Fi kliem ieħor, in-nullità donnha ma tirrappreżentax, għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-unika soluzzjoni legali għar‑rekwiżit tan-nuqqas ta’ natura vinkolanti ta’ klawżoli inġusti. Dan huwa dak li jirriżulta minn formula oħra li wieħed isib, pereżempju, fis‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank fejn hija indikat li “l-qorti nazzjonali, [għandha tkun tista’] tislet il-konsegwenzi kollha tan-natura inġusta eventwali, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, tal-klawżola […] billi tipproċedi, jekk ikun meħtieġ, għall-annullament tagħha” (69).

64.      Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma mlietx, b’mod awtorevoli, l‑impreċiżjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13. Hija ma marritx lil hinn minn din in-newtralità — u jista’ jkun li ma setgħetx tmur. Fil-fatt, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja llum tiddeċiedi li dan l-artikolu għandu jkun interpretat fis-sens li, fil-preżenza ta’ klawżola inġusta, il-qorti nazzjonali għandha tikkonstata n-nullità tal-imsemmija klawżoli u tagħti dritt korrelattiv ta’ ħlas lura in integrum, jiġifieri sa mill-mument tal‑konklużjoni tal-kuntratt, hija ċċaħħad minn kull effett utili r‑riferiment espliċitu magħmul minn din id-dispożizzjoni għal-liġijiet nazzjonali u għalhekk ikun diffiċli li taħrab il-kritika tal-armonizzazzjoni ġudizzjarja (70).

65.      Inkompli billi nirrileva li l-istat tal-liġi nazzjonali huwa kompletament ħafna ma’ dak li teħtieġ id-Direttiva 93/13. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta b’mod ċar li s-sanzjoni prinċipali, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, ta’ klawżoli inġusti, hija n-nullità, li tagħti dritt għal restitutio in integrum (71). Dan huwa l-livell massimu tas-sanzjoni ċivili li telimina l-effetti kollha tal-klawżola inġusta. Madankollu, dak li jqajjem problema fit-tliet kawżi ineżami, huwa l-fatt li l-qorti suprema rrikorriet għal metodu proċedurali li jippermettilha tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenzi tagħha. L-użu ta’ din il-possibbiltà kellu bħala riżultat, fir-rigward tas-sanzjoni ta’ klawżoli “ta’ rata minima”, is‑sitwazzjoni segwenti.

66.      Sa mid-9 ta’ Mejju 2013, il-klawżoli “ta’ rata minima” għandhom jisparixxu mill-ordinament ġuridiku Spanjol. Dawn għandhom ikunu eliminati mill-kuntratti eżistenti u l-bejjiegħa jew il-fornituri ma jistgħux jinkluduhom iktar f’kuntratti ġodda peress li kull bejjiegħ jew fornitur li jintroduċi dawn il-klawżoli wara din id-data ser ikun ikkundannat kemm sabiex jelimina l-imsemmija klawżoli kif ukoll sabiex jirrimborsa l-ammonti mħallsa abbażi tagħhom. Fi kliem ieħor, l-effetti kollha tan-nullità — is‑sanzjoni prinċipali — huma żgurati sa mid-9 ta’ Mejju 2013.

67.      Għal dak li jirrigwarda l-perijodu preċedenti, minkejja li l‑klawżoli “ta’ rata minima” huma ddikjarati inġusti, u għalhekk nulli, il‑bejjiegħa jew il-fornituri ma għandhomx l-obbligu li jħallsu lura l‑ammonti mħallsa abbażi tagħhom minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali li l-qorti suprema tikkunsidra li jeżistu, marbuta essenzjalment mad‑dimensjoni endemika tal-problema.

68.      Peress li d-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax la s-sanzjonijiet applikabbli fil-każ tar-rikonoxximent tan-natura inġusta ta’ klawżola (72), u lanqas il-kundizzjonijiet li fihom qorti suprema tiddeċiedi li tillimita l‑effetti tas-sentenzi tagħha, is-sitwazzjoni preżenti taqa’ fl-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu amministrati b’mod li fil-prattika jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill‑ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (73).

69.      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-prinċipju ta’ ekwivalenza, dan jeħtieġ li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika bl-istess mod għal azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq nuqqas ta’ osservanza tad-dritt nazzjonali li jkollhom suġġett u kawża simili (74). Bla ħsara għal verifiki eventwali ulterjuri mill‑qrati tar-rinviju, mill-proċess jirriżulta, u b’mod partikolari mill‑osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol, li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) ma tirriżervax il-possibbiltà li tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenzi tagħha għall-kawżi biss li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni u li hija diġà użat din il-possibbiltà f’kontroversji purament interni (75). Meħuda minn perspettiva oġġettiva, il-possibbiltà li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) tillimita ratione temporis l-effetti tas‑sentenzi tagħha ma hijiex, fil-fehma tiegħi, ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-konformità tagħha mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

70.      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ effettività, il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ripetut li kull każ fejn tqum il‑kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-post ta’ din id-dispożizzjoni (76) fil-proċedura kollha, l‑iżvolġiment tagħha u l‑partikolaritajiet tagħha quddiem id-diversi istanzi nazzjonali u li, minn din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li huma l-bażi tas-sistema legali nazzjonali, bħalma huwa, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ċertezza legali (77). Għalhekk, l-effett tal‑limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema) fuq l-effettività tad-Direttiva 93/13 għandu jkun, minn naħa, evalwat, fid-dawl tal-għan li hija trid tilħaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, min-naħa l-oħra, il-prinċipji tal-ordinament ġuridiku nazzjonali li wasslu għad-deċiżjoni li tillimita l-imsemmija effetti.

71.      Fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 93/13, kif tfakkar fl-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sanzjoni ta’ klawżoli inġusti skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 għandu jkollha effett dissważiv fir-rigward tal-bejjiegħ jew tal-fornitur u għandha tkun intiża sabiex tistabbilixxi mill-ġdid bilanċ reali bejn dan tal-aħħar u l‑konsumatur. Kif fakkart iktar ’il fuq, mid-9 ta’ Mejju 2013, il‑bejjiegħa jew il-fornituri ma għandhomx jużaw iktar il-klawżoli “ta’ rata minima” (78) u dawn il-klawżoli għandhom jisparixxu mill-kuntratti eżistenti. L-effett dissważiv huwa żgurat b’mod sħiħ għaliex kull bejjiegħ jew fornitur li, wara d-9 ta’ Mejju 2013, jintroduċi tali klawżoli fil-kuntratti tiegħu ser ikun ikkundannat jelimina l-imsemmija klawżoli kif ukoll iħallas lura l-ammonti mħallsa abbażi tagħhom. L-aġir tal-bejjiegħ jew tal-fornitur għandu għalhekk neċessarjament jinbidel sa mid-9 ta’ Mejju 2013 u l-effettività tad-Direttiva hija, pro futuro, żgurata b’mod sħiħ.

72.      Jibqa’ li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni qabel id-9 ta’ Mejju 2013. Il-klawżoli “ta’ rata minima” jibqgħu kkunsidrati inġusti u nulli iżda din in-nullità tieħu l-effetti kollha tagħha biss sa mid-data tas-sentenza tal-qorti suprema li tikkonstataha. Sabiex tiġġustifika tali posponiment fiż-żmien, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) ibbażat ruħha fuq serje ta’ argumenti (79), fosthom il-ħarsien taċ-ċertezza legali minħabba n-natura novatriċi tad-deċiżjoni tagħha — evalwazzjoni li madankollu jiena ma naqbilx magħha (80) — u minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali inkwistjoni. Dwar dan il-punt, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) insistiet b’mod partikolari fuq id-dimensjoni endemika tal-użu tal-klawżoli “ta’ rata minima” u mbagħad ibbilanċjat bejn, minn naħa, il-protezzjoni dovuta lill-konsumaturi b’mod partikolari skont id-Direttiva 93/13 u, min-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet makroekonomiċi tas-sistema bankarja ta’ Stat Membru diġà mdgħajfa.

73.      Bil-kundizzjoni li hija tibqa’ eċċezzjonali, tali linja donnha hija ammissibbli wkoll fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività. Il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà aċċettat li l-protezzjoni tal-konsumatur ma hijiex assoluta (81). Fuq kollox, ma jidhirx b’mod evidenti li, sabiex jintlaħaq mill-ġdid bilanċ bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, kien neċessarju, jew anki possibbli (82), li f’kull każ, jitħallas lura kull ammont imħallas abbażi ta’ klawżola “ta’ rata minima”. Sabiex jintlaħaq il-bilanċ tant imfittex mid-Direttiva, ma għandux ikun iffavorit il-konsumatur. Skont id-data tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ self, in-nuqqas ta’ effett kompletament retroattiv ma jkollux neċessarjament bħala riżultat li ma jiġix stabbilit mill-ġdid bilanċ. Din il-konstatazzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, ikkorroborata minn żewġ kunsiderazzjonijiet essenzjali fl-evalwazzjoni magħmula mit-Tribunal Supremo (qorti suprema), jiġifieri, l-ewwel nett, il‑konsumatur marbut b’kuntratt ta’ self li jinkludi klawżola “ta’ rata minima” seta’ faċilment itemm il-kuntratt tiegħu u jibdel l-istabbiliment bankarju u, it-tieni nett, l-applikazzjoni tal-klawżola “ta’ rata minima” ma għandhiex bħala konsegwenza tibdil sostanzjali tal-ammont mensili dovut mill-konsumaturi.

74.      Fir-rigward tan-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji tal-ordinament ġuridiku nazzjonali li wasslu għad-deċiżjoni li jiġu limitati ratione temporis l-effetti tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema), iċ-ċertezza legali li tqajjem din tal-aħħar — inqas minħabba n-natura novatriċi tad-deċiżjoni tagħha, nerġa’ ngħid, milli minħabba l-varjetà ta’ sitwazzjonijiet legali potenzjalment affettwati li jistgħu jikkontestaw l-istabbiltà ta’ settur ekonomiku — hija preokkupazzjoni li tinsab ukoll fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

75.      Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, la l-effettività tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 u lanqas l-għanijiet li trid tilħaq din tal‑aħħar ma jidhru li huma affettwati mid-deċiżjoni tat-Tribunal Supremo (qorti suprema) li tillimita ratione temporis l-effetti tad‑dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżoli inġusti.

76.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, ma jipprekludix deċiżjoni ta’ qorti suprema li permezz tagħha din tal-aħħar tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżoli “ta’ rata minima”, tordna l-waqfien tal‑użu tagħhom u l-eliminazzjoni tagħhom mill-kuntratti eżistenti u tiddikjara n-nullità tagħhom filwaqt li tillimita, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, l-effetti, b’mod partikolari restitutorji, ta’ din in-nullità mid-data tal-ewwel sentenza tagħha mogħtija f’dan is-sens.

B –    Fuq id-domandi preliminari l-oħra

77.      Jiena nikkunsidra li r-risposta li nipproponi li l-Qorti tal‑Ġustizzja għandha tagħti għad-domandi magħmula fil-Kawża C‑154/15 u għall-ewwel domanda komuni għall-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15 hija suffiċjenti sabiex il-qrati tar-rinviju jkunu jistgħu jiddeċiedu l-kawżi prinċipali. Għalhekk, ma jidhirlix li huwa utili li nirrispondi għad-domandi l-oħra magħmula.

78.      Nixtieq, madankollu, nagħmel numru ta’ rimarki konklużivi sabiex inneħħi kull ambigwità, fid-dawl tal-kwistjonijiet sistematiċi ta’ dawn il-kawżi.

79.      Insostni li s-soluzzjoni proposta tapplika biss għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-imsemmija kawżi u li tali limitazzjoni, li tirriżulta minn qorti suprema, għandha tibqa’ eċċezzjonali.

80.      Barra minn hekk, is-soluzzjoni li jiena nipproponi bl-ebda mod ma għandha tagħti validità lill-argument li l-qrati nazzjonali jistgħu jew għandhom japplikaw il-kriterji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja stess meta din tintalab tillimita l-effetti tas-sentenzi tagħha. Il-modalitajiet li jorganizzaw il-kundizzjonijiet li fihom qorti suprema ta’ Stat Membru tista’ tillimita l-effetti tas-sentenzi tagħha jaqgħu, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fil-limiti tal‑prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. Din hija r-raġuni għaliex analiżi iktar profonda tal-kriterji ta’ bona fide u tar-riskji ta’ diffikultajiet gravi, fis-sens tal-ġurisprudenza RWE Vertrieb (83) li għaliha t-Tribunal Supremo (qorti suprema) irreferiet diversi drabi, ma jidhirlix li, fi kwalunkwe każ, hija effettiva. Għall-kuntrarju, huwa importanti li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ fundamentalment kompetenti, għall-finijiet tas-sovranità u tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, li tevalwa l-konformità mad-dritt tal‑Unjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fuq livell nazzjonali dwar il‑limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenzi tal-qrati supremi mogħtija fil-funzjoni tagħhom li jiddeċiedu dwar dritt komuni tad-dritt tal-Unjoni.

81.      Fl-aħħar nett, mill-formulazzjoni tat-tmien domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑308/15 jirriżulta li l-qorti tar-rinviju titlaq mill‑premessa li hemm obbligu li l-limitazzjoni tal-effetti restitutorji li jirriżultaw min-nullità ta’ klawżola “ta’ rata minima”, kif deċiża fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva quddiem it-Tribunal Supremo (qorti suprema), tiġi estiża għall-azzjonijiet individwali mibdija kontra bejjiegħa jew fornituri li ma kinux tressqu quddiem it-Tribunal Supremo (qorti suprema) f’din il-kawża kollettiva. Il-Gvern Spanjol, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll fis-seduta, iddikjara li tali regola li tawtorizza tali estensjoni awtomatika ma hijiex irrikonoxxuta fl-ordinament ġuridiku Spanjol (84). Għalkemm huwa minnu li l-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema) topera bħala tkomplija tal-ordinament ġuridiku Spanjol (85), dan huwa bla ħsara għall-possibbiltà ta’ kull qorti li jkollha quddiemha azzjoni għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola “ta’ rata minima” li tagħmel l-analiżi tagħha taċ-ċirkustanzi u li tevalwa jekk, fil-każ partikolari li jkollha quddiemha, dawn iċ‑ċirkustanzi humiex identiċi, li għandu jwassalha, jekk ikun il-każ, sabiex tapplika l-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema). F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tmien domanda preliminari magħmula fil‑kuntest tal-Kawża C‑308/15 ma titlobx kunsiderazzjonijiet addizzjonali min‑naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, peress li s‑soluzzjoni sostnuta mit-Tribunal Supremo (qorti suprema) ma jidhirlix li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tagħha, mill‑qrati ordinarji, hija ta’ natura li tippreżerva l-prinċipju ta’ ugwaljanza kif ukoll dak tal-ekonomija tal-ġudizzju.

V –    Konklużjoni

82.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Mercantil n°1 de Grenade (qorti tal-kummerċ nru 1 ta’ Granada) u mill-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante):

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, ma jipprekludix deċiżjoni ta’ qorti suprema li permezz tagħha din tal-aħħar tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżoli “ta’ rata minima”, tordna l-waqfien tal-użu tagħhom u l‑eliminazzjoni tagħhom minn kuntratti eżistenti u tiddikjara n-nullità tagħhom filwaqt li tillimita, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, l-effetti, b’mod partikolari restitutorji, ta’ din in-nullità mid-data tal-ewwel sentenza tagħha mogħtija f’dan is-sens.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.


3 – Kif juri l-influss tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari dwar din it-tema li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dan l-aħħar. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252) kif ukoll il‑Kawżi pendenti C‑349/15, C‑381/15, C‑431/15, C‑525/15, C‑554/14, C‑1/16 u C‑34/16.


4 – Kif emendata bir-Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el Texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (Digriet Leġiżlattiv 1/2007, li japprova t-test ta’ riformulazzjoni tal-Liġi ġenerali għall-protezzjoni tal‑konsumaturi u tal-utenti u liġijiet oħra kumplimentari), tas-26 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287, tat-30 ta’ Novembru 2007).


5 – Sentenza Nru 241/12 (ES:TS:2013:1916).


6 – (C‑484/08, EU:C:2010:309)


7 – (C‑484/08, EU:C:2010:309)


8 – Li jippreċiża l-kwalitajiet li għandu jkollha klawżola sabiex tkun ikkunsidrata trasparenti.


9 – Mill-proċess jirriżulta li dan it-tieni stħarriġ huwa ppreżentat bħala rekwiżit ġdid min-naħa tat-Tribunal Supremo (qorti suprema). Din tal-aħħar ikkunsidrat li, sabiex il-klawżoli “ta’ rata minima” jissodisfaw dan l-istħarriġ rinforzat, kien neċessarju li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-konsumatur kien jaf bis-simulazzjonijiet ta’ diversi xenarji marbuta mal-iżvilupp raġonevolment prevedibbli tar-rata ta’ interessi jew tal-informazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż meta mqabbla ma’ metodi ta’ self oħra proposti mill-istess stabbiliment. Ser nirreferi iktar tard fl-analiżi tiegħi għan-natura allegatament ġdida tal-pożizzjoni tat-Tribunal Supremo (qorti suprema).


10 – Dwar dawn iż-żewġ kriterji, it-Tribunal Supremo (qorti suprema) irreferiet għas‑sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180).


11 – It-Tribunal Supremo (qorti suprema) ikkunsidrat li (i) il-klawżoli “ta’ rata minima” kienu legali, (ii) l-inklużjoni tagħhom fil-kuntratti b’interessi varjabbli tissodisfa raġunijiet oġġettivi, (iii) ma humiex klawżoli mhux tas-soltu jew extravaganti, (iv) l‑użu tagħhom ilu ħafna aċċettat mis-suq, (v) in-natura inġusta tagħhom kienet ikkonstatata mhux minħabba natura intrinsikament illegali tal-effetti tagħhom iżda minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza tagħhom, (vi) in-nuqqas ta’ trasparenza tirriżulta minn nuqqas ta’ informazzjoni, (vii) il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet osservata, (viii) l-iskop tad-determinazzjoni tar-rata ta’ interessi minima tissodisfa l-bżonn ta’ effiċjenza minima tal-attiv tas-self ipotekarju u l-klawżoli kienu kkalkolati b’tali mod li ma kellhomx iwasslu għal bdil sinjifikattiv fl-ammonti dovuti, (viii) is‑surroga tal-kreditu hija possibbli skont il-liġi, b’tali mod li konsumatur mhux sodisfatt jista’ faċilment ibiddel l-istabbiliment ta’ kreditu u (ix) kien magħruf li r‑restitutio in integrum sa mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt kien ser iwassal għal taqlib ekonomiku gravi.


12 – Sentenzi Nru 139/2015 (ES:TS:2015:1280) u Nru 222/2015 (ES:TS:2015:2207) rispettivament.


13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349).


14 – Il-Juzgado de lo Mercantil n°1 de Alicante (qorti tal-kummerċ nru 1 ta’ Alicante) iddeċidiet li, peress li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) kienet iddikjarat nulla klawżola identika fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Mejju 2013, il-konstatazzjoni tan‑nullità tal-klawżola inkwistjoni fil-kawża pendenti quddiemha kienet inutili fid‑dawl tal-fatt li BBVA kien wieħed mit-tliet stabbilimenti finanzjarji partijiet fil-proċedura quddiem it-Tribunal Supremo (qorti suprema).


15 – Banco Popular ma kienx fost it-tliet organi ta’ kreditu partijiet fil-proċedura quddiem it-Tribunal Supremo (qorti suprema) li tat lok għas-sentenza tad-9 ta’ Mejju 2013.


16 – L-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante) hawnhekk tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenzi tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242) u tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340).


17 – (C‑92/11, EU:C:2013:180).


18 – Ara l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13. Ninnota madankollu li dan l-artikolu jagħmel riferiment għall-possibbiltà li l-Istati Membri jżommu jew jipprovdu “dispożizzjonijiet” iktar stretti u nistaqsi sa fejn is-sentenza ta’ qorti nazzjonali, anki jekk tkun qorti suprema, tista’ titqies li hija “dispożizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13. Nirrileva wkoll li d‑Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur (ĠU 2011 L 304, p. 64) introduċiet Artikolu 8a ġdid fid-Direttiva 93/13 li jobbliga lill-Istati Membri sabiex, meta jadottaw dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, jinformaw dwarhom lill-Kummissjoni.


19 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ma waqfitx tfakkar li l-ġurisdizzjoni tagħha “tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ‘klawżola inġusta […] u wkoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [93/13], fid-dawl tal-fatt li hija l-imsemmija qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont ċirkustanzi proprji għall-każ ineżami” [sentenzi tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 48). Fl-istess sens, ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 45), tat-23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 28) kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 46)]. Peress li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) ibbażat ir-raġunament tagħha b’mod partikolari fuq l‑Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, kien ikun ideali, fid-dawl tal-kooperazzjoni ġudizzjarja li hija karatteristika tal-ordinament ġuridiku Ewropew, li kieku dik il-qorti ressqet quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja mhux biss il-problema dwar l-istħarriġ tat-trasparenza tal‑klawżoli li jistabbilixxu s-suġġett essenzjali tal-kuntratti iżda wkoll dik dwar il‑konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-possibbiltà li tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza fondatriċi tagħha fil-qasam.


20 – (C‑26/13, EU:C:2014:282)


21 – Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 67).


22 – Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 68).


23 – Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 69).


24 – (C‑92/11, EU:C:2013:180).


25 – Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 70).


26 – Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 71).


27 – Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 72).


28 – Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 75).


29 – Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 74).


30 – (C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447).


31 – Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 50).


32 – Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 51).


33 – Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 56).


34 – Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 61).


35 – Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 62).


36 – (C‑26/13, EU:C:2014:282).


37 – (C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447).


38 – (C‑92/11, EU:C:2013:180).


39 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punti 43 u 44). Minn dik is-sentenza ’l quddiem, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem tat attenzjoni partikolari lil-livell ta’ informazzjoni tal-konsumatur. Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25). Barra minn hekk, wieħed ma jistax jiddikjara li tirriżulta xi ambigwità mis-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C484/08, EU:C:2010:309). Huwa minnu li f’din tal-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlazzjoni Spanjoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l‑adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il-merkanzija pprovduti, min-naħa l-oħra, kienet tippermetti li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak stabbilit mid-Direttiva 93/13. F’dan il-każ, din il-leġiżlazzjoni kienet tawtorizza tali stħarriġ anki meta dawn il-klawżoli jkunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem [ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309, punti 24 u 42)].


40 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013 (C‑92/11, EU:C:2013:180).


41 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013 (C‑92/11, EU:C:2013:180).


43 – Sentenza tat-30 ta’ April 2014 (C‑26/13, EU:C:2014:282).


44 – Sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015 (C‑348/14, EU:C:2015:447).


45 – Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta b’mod ċar li klawżola dwar is-suġġett prinċipali ta’ kuntratt, meta din ma tissodisfax ir-rekwiżiti li tkun ċara u li tkun tinftiehem, tista’ tkun l-oġġett ta’ evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.


46 – Il-premessa wieħed u għoxrin tad-Direttiva 93/13 donnha tqiegħed ukoll dan in‑nuqqas ta’ effett vinkolanti fil-futur (“ma għandhomx jorbtu”).


47 – Paragun malajr tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi disponibbli lanqas ma jagħmel l-affarijiet iktar ċari. B’hekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li l-klawżoli inġusti, fil-lingwa Spanjola, “no vincularán”, fil-lingwa Ġermaniża, “unverbindlich sind”, fil-lingwa Ingliża, “shall […] not be binding”; fil-lingwa Taljana, “non vincolano” u fil-lingwa Portugiża, “não vinculem”.


48 – (C‑472/10, EU:C:2011:806, punt 48).


49 – Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50 – Ara, fost ġurisprudenza abbondanti, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C 385/14, EU:C:2016:252, punt 22) u d-digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑539/14, EU:C:2015:508, punt 24). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawżi magħquda Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:15, nota ta’ qiegħ il-paġna 21).


51 – Ara, fost ġurisprudenza abbondanti, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 34) u d-digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑539/14, EU:C:2015:508, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52 – Ara d-digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑539/14, EU:C:2015:508, punt 27).


53 – Ara, fost ġurisprudenza abbondanti, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


55 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 68 li jiċċita l-Artikolu 7 tad‑Direttiva 93/13).


56 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 62).


58 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 63) kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 41) u Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 49). Ara wkoll id-digriet tat-3 ta’ April 2014, Sebestyén (C‑342/13, EU:C:2014:1857, punt 35) u tas-17 ta’ Marzu 2016, Ibercaja Banco (C‑613/15, EU:C:2016:195, punt 35).


59 – Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 65). Enfasi magħmula minni.


60 – Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 41) u Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punti 49 u 57) kif ukoll tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 98).


61 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 58) kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punt 31).


62 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 69 u 70).


63 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 78) u tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punti 21 u 39).


64 – Ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Banif Plus Bank (C‑312/14, EU:C:2015:794, punt 27) u tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 25).


65 – (C‑472/10, Ġabra, EU:C:2012:242).


66 – Sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 39).


67 – Sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, EU:C:2012:242, punt 40).


68 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 43).


69 – (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21, punt 41). Enfasi magħmula minni. Ara wkoll id-digriet tas-17 ta’ Marzu 2016, Ibercaja Banco (C‑613/15, EU:C:2016:195, punt 37).


70 – Għandu jitfakkar ukoll li r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad‑Direttiva 93/13 [COM(2000) 248 finali tas-27 ta’ April 2000] diġà jinnota li “minħabba d-diversità tat-tradizzjonijiet legali eżistenti, [l‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13] kienet integrata b’mod differenti (is‑sanzjonijiet ċivili jvarjaw bejn l-ineżistenza, in-nullità, l-annullabbiltà, l‑ineffikaċità jew l-inapplikabbiltà ta’ tali klawżoli inġusti). […] Barra minn hekk id-deċiżjoni ġudizzjarja li tikkunsidra klawżola bħala inġusta għandu jkollha effett sa mill-konklużjoni tal-kuntratt (ex tunc). Huwa wkoll diffiċli li jiġi evalwat sa fejn is-sistemi nazzjonali differenti jwasslu għal tali riżultati, iżda l-biża’ hija li mhux dejjem huwa l-każ” (p. 19 u 20). Din il-problema diġà tressqet għall-attenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Madankollu, nirrimarka li d-Direttiva 93/13 ġiet emendata fl-aħħar lok bid-Direttiva 2011/83 u li ebda emendi ma saru fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 93/13.


71 – Ara l-qari flimkien tal-Artikolu 1303 tal-Kodiċi Ċivili u tal-Artikolu 83 tal-LGDCU.


72 – Ara fl-aħħar lok, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 31).


73 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 38), tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 46), tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 26), tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 50), tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 29) u Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 42), tal-5 ta’ Diċembru 2013, Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 30), tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, 46), tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 50), tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 40), tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 32), kif ukoll tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 48).


74 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 47).


75 – Ara l-punt 95 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol fil-Kawżi C‑307/15 u C‑308/15.


76 – Dan il-każ, inqas minn dispożizzjoni, jirrigwarda iktar prattika ġudizzjarja li fir‑realtà ma hijiex ikkodifikata. Fil-fatt, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal‑Ġustizzja magħmula waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-Gvern Spanjol iddikjara li t-Tribunal Supremo (qorti suprema) tibbaża l-prerogattiva li tillimita l‑effetti ta’ ħlas lura tan-nullità fuq l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 1303 tal‑Kodiċi Ċivili.


77 – Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 49), tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 33), tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 53), tat-30 ta’ Mejju 2013, Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 32), tal-5 ta’ Diċembru 2013, Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 34), tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 51), tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 52), tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punti 43 u 44), tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 34) kif ukoll tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 50).


78 – Tal-inqas, ovvjament, sabiex tiżgura li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill‑konsumatur.


79 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80 – Ara l-punti 44 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81 – Ara s-sentenza Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615).


82 – Fil-fatt, il-prinċipju ta’ restitutio in integrum jista’, fil-mument tal‑implementazzjoni tiegħu, imur kontra r-regoli dwar il-preskrizzjoni tad-debiti.


83 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013 (C‑92/11, EU:C:2013:180).


84 – Għalhekk in-nuqqas ta’ regola ċara identifikabbli ma tirrendix possibbli analiżi tat‑tip ta’ dik li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet fil-kuntest tas-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba (C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 32 et seq).


85 – Skont l-Artikolu 1(6) tal-Kodiċi Ċivili.