Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fil-25 ta’ April 2017 – Alexander Mölk vs Valentina Mölk

(Kawża C-214/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Alexander Mölk

Konvenuta: Valentina Mölk

Domandi preliminari

1.    Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment tal-2007 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur tirregola wkoll it-talba ta’ debitur intiża, minħabba bidla li taffettwa d-dħul tiegħu, għat-tnaqqis ta’ ħlas ta’ manteniment impost fuqu permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata meta l-ammont tal-manteniment li għandu jitħallas kien ġie stabbilit mill-qorti, fuq it-talba tal-kreditur u skont l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment tal-2007, konformement mal-liġi tal-Istat li fih id-debitur għandu r-residenza abitwali tiegħu mhux mibdula?

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

2.    L-Artikolu 4(3) tal- Protokoll ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment tal-2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kreditur għandu “jadixxi” wkoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur għandu r-residenza abitwali tiegħu meta, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mid-debitur quddiem din l-awtorità, il-kreditur jidher, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment 1 , u jitlob li t-talba tiġi miċħuda fil-mertu?

____________

1 ĠU L 7, p. 1.