SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

25 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Żamma tal-isem tar-rikorrent fuq il-lista – Obbligu tal-Kunsill li jivverifika li d-deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz ittieħdet b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża T‑295/19,

Oleksandr Viktorovych Klymenko, residenti f’Moska (ir-Russja), irrappreżentat minn M. Phelippeau, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u P. Mahnič, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/354 tal-4 ta’ Marzu 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2019, L 64, p. 7, rettifika fil‑ĠU 2019, L. 86, p. 118), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/352 tal-4 ta’ Marzu 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2019, L 64, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2019, L. 86, p. 118), sa fejn isem ir-rikorrent inżamm fil-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, O. Spineanu‑Matei u R. Mastroianni (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża tidħol fil-kuntest ta’ kawżi marbuta mal-miżuri restrittivi adottati kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, wara r-repressjoni tal-manifestazzjonijiet tal-Pjazza tal-Indipendenza f’Kiev (l-Ukraina) fi Frar 2014.

2        Ir-rikorrent, Oleksandr Viktorovych Klymenko, okkupa l-funzjonijiet ta’ Ministru għad-Dħul u għat-Taxxi tal-Ukraina.

3        Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26, rettifiki fil-ĠU 2014, L 70, p. 35 u fil-ĠU 2014, L 350, p. 15). Fl-istess data, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014 tal‑5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1, rettifiki fil‑ĠU 2014, L 70, p. 36, fil‑ĠU 2014, L 294, p. 62, u fil‑ĠU 2014, L 350, p. 15).

4        Il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2014/119 jispeċifikaw kif ġej:

“(1)      Fl-20 ta’ Frar 2014, il-Kunsill ikkundanna f’termini l-aktar qawwija kull użu tal-vjolenza fl-Ukraina. Huwa appella għal tmiem immedjat tal-vjolenza fl-Ukraina, u għar-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa appella lill-Gvern tal-Ukraina sabiex jeżerċita trażżin massimu u lill-kapijiet tal-oppożizzjoni sabiex jiddisassoċjaw ruħhom minn dawk li jirrikorru għal azzjoni radikali, inkluża l-vjolenza.

Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-[I]stat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.”

5        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprovdi kif ġej:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.”

6        Il-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fl-Artikolu 1(3) sa (6) tad-Deċiżjoni 2014/119.

7        Konformement mad-Deċiżjoni 2014/119, ir-Regolament Nru 208/2014 jimponi l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u jiddefinixxi l-modalitajiet tagħhom f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-imsemmija deċiżjoni.

8        L-ismijiet tal-persuni koperti mid-Deċiżjoni 2014/119 u mir-Regolament Nru 208/2014 jidhru fil-lista li tinsab fl-Anness tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Anness I tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem il-“lista”), flimkien, b’mod partikolari, mad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-inklużjoni tagħhom. Inizjalment, isem ir-rikorrent ma kienx jidher fil-lista.

9        Id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 ġew emendati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK tal-14 ta’ April 2014 li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK (ĠU 2014, L 111, p. 91), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014 tal-14 ta’ April 2014 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 (ĠU 2014, L 111, p. 33) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ April 2014”).

10      Permezz tal-atti ta’ April 2014, isem ir-rikorrent ġie miżjud fil-lista inkwistjoni, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “ex-Ministru tad-Dħul u l-Ħlasijiet” u bid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet segwenti:

“Persuna soġġetta għal investigazzjoni fl-Ukraina għal involviment f’reati kriminali b’rabta mal-miżapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Ukrain u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑494/14, intiża, b’mod partikolari, għall-annullament tal-atti ta’ April 2014, sa fejn jikkonċernawh.

12      Fid-29 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/143 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 24, p. 16), u r-Regolament (UE) 2015/138, li jemenda r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 24, p. 1).

13      Id-Deċiżjoni 2015/143 speċifikat, b’effett mill-31 ta’ Jannar 2015, il-kriterji għall-inklużjoni tal-persuni koperti mill-iffriżar ta’ fondi. B’mod partikolari, l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 ġie ssostitwit bit-test li ġej:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

(a)      għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni; jew

(b)      għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż.”

14      Ir-Regolament 2015/138 emenda r-Regolament Nru 208/2014 konformement mad-Deċiżjoni 2015/143.

15      Fil-5 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/357, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2015”). Id-Deċiżjoni 2015/364, minn naħa, issostitwixxiet l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119, billi estendiet l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, fir-rigward tar-rikorrent, sas-6 ta’ Marzu 2016, u, min-naħa l-oħra, emendat l-Anness ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357 emenda, b’konsegwenza ta’ dan, l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014.

16      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2015, isem ir-rikorrent inżamm fil-lista, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “eks Ministru għad-Dħul u l-Ħlasijiet” u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ġdida segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi u għall-abbuż tal-uffiċċju bħala persuna b’kariga pubblika sabiex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti u li b’hekk ikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi Ukreni.”

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru T‑245/15, intiża, b’mod partikolari, għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2015, sa fejn kienu jikkonċernawh.

18      Fl-4 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/318, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2016, L 60, p. 76), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/311, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2016, L 60, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2016”).

19      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2016, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi ġiet estiża, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikorrent, sas-6 ta’ Marzu 2017, u dan mingħajr ma ġiet emendata d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Marzu 2015.

20      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ April 2016, ir-rikorrent adatta r-rikors fil-Kawża T‑245/15, konformement mal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jitlob ukoll l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2016, sa fejn kienu jikkonċernawh.

21      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Ġunju 2016, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑494/14, EU:T:2016:360), meħud fuq il-bażi tal-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors imsemmi fil-punt 11 iktar ’il fuq, filwaqt li ddikjaratu manifestament fondat u filwaqt li annullat, għalhekk, l-atti ta’ April 2014, sa fejn kienu jikkonċernaw lir-rikorrent.

22      Fit-3 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/381, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2017, L 58, p. 34), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/374, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2017, L 58, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2017”).

23      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2017, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi kienet ġiet estiża sas-6 ta’ Marzu 2018, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-indikazzjoni tar-rikorrent kienet inbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Marzu 2015.

24      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent reġa’ adatta r-rikors fil-Kawża T‑245/15, sabiex jitlob ukoll l-annullament tal-atti ta’ Marzu 2017, sa fejn kienu jikkonċernawh.

25      Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Novembru 2017, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑245/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:792), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet kollha tar-rikorrent imsemmija fil-punti 17, 20 u 24 iktar ’il fuq.

26      Fit-5 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat bin-numru tal-Kawża C‑11/18 P, mis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2017, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑245/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:792).

27      Fil-5 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/333, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2018, L 63, p. 48), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/326, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2018, L 63, p. 5) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2018”).

28      Permezz tal-atti ta’ Marzu 2018, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi kienet ġiet estiża sas-6 ta’ Marzu 2019, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-indikazzjoni tar-rikorrent kienet inbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti ta’ Marzu 2015.

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2018, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru T‑274/18, intiż għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2018, sa fejn jikkonċernawh.

30      Bejn Diċembru 2018 u Frar 2019, il-Kunsill u r-rikorrent skambjaw diversi ittri dwar il-proroga possibbli tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward ta’ dan tal-aħħar. B’mod partikolari, il-Kunsill bagħat diversi ittri tal-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina (iktar ’il quddiem il-“BPG”) lir-rikorrent dwar il-proċeduri kriminali li dan tal-aħħar kien suġġett għalihom u li fuqhom huwa kien ibbaża ruħu sabiex jikkunsidra l-imsemmija estensjoni.

31      Fl-4 ta’ Marzu 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/354, li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2019, L 64, p. 7, rettifika fil‑ĠU 2019, L 86, p. 118), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/352, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2019, L 64, p. 5, rettifika fil‑ĠU 2019, L 86, p. 118) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”).

32      Permezz tal-atti kkontestati, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni ġiet estiża sas-6 ta’ Marzu 2020 u isem ir-rikorrent inżamm fil-lista, bl-istess motivazzjoni bħal dik imfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq, flimkien ma’ preċiżazzjoni fformulata kif ġej:

“L-informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill turi li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tas-Sur Klymenko ġew rispettati fil-proċedimenti kriminali li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill. Dan huwa muri b’mod partikolari mid-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti tal-5 ta’ Ottubru 2018 li tagħti permess biex issir investigazzjoni speċjali in absentia.

33      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Marzu 2019, il-Kunsill informa lir-rikorrent biż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Huwa rrisponda għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent magħmula fil-korrispondenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, tal-21 ta’ Jannar u tal-4 ta’ Frar 2019 u bagħatlu l-atti kkontestati. Barra minn hekk, huwa indikalu t-terminu sabiex jippreżenta osservazzjonijiet qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar l-eventwali żamma ta’ ismu fil-lista.

 Fatti li seħħew wara l-preżentazzjoni tar-rikors ineżami

34      Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑274/18, EU:T:2019:509), il-Qorti Ġenerali annullat l-atti ta’ Marzu 2018 sa fejn kienu jirrigwardaw lir-rikorrent.

35      Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Settembru 2019, Klymenko vs Il-Kunsill (C‑11/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:786), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat, minn naħa, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2017, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑245/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:792) (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, l-atti ta’ Marzu 2015, ta’ Marzu 2016 u ta’ Marzu 2017 sa fejn jikkonċernaw ir-rikorrent.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

37      Fid-29 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu.

38      Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fl-20 ta’ Settembru 2019, peress li r-rikorrent ma ppreżentax replika fit-terminu mogħti.

39      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kawża ġiet assenjata lill-Ħames Awla, li għaliha ġie assenjat Imħallef Relatur ġdid.

40      Fit-20 ta’ Novembru 2019, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, f’din il-kawża, rispettivament, mis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑274/18, EU:T:2019:509), u mis-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2019, Klymenko vs Il-Kunsill (C‑11/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:786). Il-partijiet irrispondew għal din il-miżura fit-terminu mogħti.

41      Skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fl-assenza ta’ talba għal seduta mressqa mill-partijiet f’terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ r-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti tal-proċess, iddeċidiet, fl-assenza ta’ tali talba, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

42      Ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati, sa fejn jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

43      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati fir-rigward tar-rikorrent, tordna ż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni 2019/354 sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/352.

 Id-dritt

44      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tielet wieħed, fuq nuqqas ta’ bażi legali, ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ evalwazzjoni u, il-ħames wieħed, fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà.

45      Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati t-tieni u r-raba’ motivi, meħuda flimkien, sa fejn dawn huma intiżi, b’mod partikolari, li jikkritikaw lill-Kunsill li ma vverifikax ir-rispett, mill-awtoritajiet Ukraini, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, li minnu jirriżulta żball ta’ evalwazzjoni mwettaq waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

46      Fil-kuntest ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrent, filwaqt li jibbaża ruħu fuq is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Azarov vs Il-Kunsill (C‑530/17 P, EU:C:2018:1031), isostni, b’mod partikolari, li l-Kunsill naqas milli jivverifika jekk id-deċiżjoni tal-BPG, li kien ibbaża ruħu fuqha sabiex iżomm il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu, kinitx ittieħdet b’osservanza tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

47      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill wettaq verifiki insuffiċjenti u li ċaħad b’mod arbitrarju l-osservazzjonijiet li huwa kien ippreżentalu dwar id-dokumenti differenti mibgħuta mill-BPG.

48      B’mod partikolari, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tal-imħallef istruttorju tal-qorti distrettwali ta’ Petchersk f’Kiev tal-5 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-5 ta’ Ottubru 2018”), li tawtorizza l-ftuħ ta’ investigazzjoni speċjali fil-kontumaċja fil-konfront tiegħu, ma ġietx adottata, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbiliti, b’mod partikolari, mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fil-fatt, minn naħa, din id-deċiżjoni ma setgħet tkun suġġetta għal ebda appell u, min-naħa l-oħra, ittieħdet bi ksur tar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Ukrain (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”). Ir-rikorrent jenfasizza li, minkejja l-fatt li huwa informa lill-Kunsill b’dan, dan ma wettaq ebda verifika fil-fond f’dan ir-rigward.

49      Barra minn hekk, ir-rikorrent iqis li t-tul tal-proċeduri allegati fil-konfront tiegħu fl-Ukraina ma huwiex raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, u li, anki wara d-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-5 ta’ Ottubru 2018, huwa evidenti li l-uniku għan imfittex mill-awtoritajiet Ukraini huwa li jiġġustifika ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.

50      Fil-fatt, sa mill-ftuħ tal-investigazzjoni preliminari, l-awtoritajiet inkarigati minnha, fl-assenza ta’ prova, kienu sempliċement idewmuha u ma ħadu ebda deċiżjoni li jirrinvijaw il-kawża quddiem qorti jew li jagħlqu l-proċedura, u b’hekk kisru l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

51      Il-Kunsill isostni, b’mod partikolari, li, kif jirriżulta mill-ittra tiegħu tal-5 ta’ Marzu 2019, huwa ħa inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrent, ivverifika l-fondatezza tagħhom u, fid-dawl tal-informazzjoni rċevuta mill-BPG, qies li kien hemm biżżejjed raġunijiet għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista. Fil-kuntest tal-iskambji tiegħu mar-rikorrent, il-Kunsill iqis li vverifika l-argumenti mqajma minnu billi għamel mistoqsijiet preċiżi u billi kiseb kjarifiki mingħand il-BPG. Barra minn hekk, ir-rikorrent eżerċita d-dritt tiegħu li jkun irrappreżentat minn avukat fl-Ukraina fil-proċeduri li jikkonċernawh u huwa uża b’mod utli d-drittijiet tiegħu, b’tali mod li r-rikorsi tiegħu xi drabi wasslu.

52      Mill-bqija, mill-korrispondenza li r-rikorrent bagħat lill-Kunsill ma jirriżultax li huwa invoka rimedji ta’ oppożizzjoni jew ta’ kontestazzjoni li kienu miftuħa lilu mill-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali fir-rigward ta’ ċerti sitwazzjonijiet proċedurali, bħas-sospensjoni tal-investigazzjonijiet jew il-fatt li dawn ma ntemmewx fit-terminu previst.

53      Barra minn hekk, il-Kunsill ifakkar li saru diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji fir-rigward tar-rikorrent. Dan jirrigwarda l-għoti tal-liċenzja ta’ żamma għad-dehra ġudizzjarja tiegħu mill-imħallef tal-investigazzjonijiet tal-qorti distrettwali ta’ Petchersk fi Kiev, tal-awtorizzazzjoni tal-1 ta’ Marzu 2017 sabiex tmexxi l-investigazzjoni dwar il-proċedura bir-referenza 42017000000000113 (iktar ’il quddiem il-“proċedura 113”) u tad-deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ investigazzjoni speċjali fil-kontumaċja fil-kuntest tal-proċedura bir-referenza 42014000000000521 (iktar ’il quddiem il-“proċedura 521”). Barra minn hekk, minn elementi oħra, bħal, pereżempju, in-notifika tat-21 ta’ April 2017 lill-avukati tar-rikorrent tat-tmiem tal-investigazzjoni ġudizzjarja li tagħtihom aċċess għall-fajl, jirriżulta li d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent ġew irrispettati fil-kuntest tal-proċeduri li jikkonċernawh.

54      Għalhekk, l-avukati tar-rikorrent kienu informati tajjeb bil-proċeduri pendenti, iżda jużaw il-fatt li dan ma huwiex fl-Ukraina sabiex jinvoka nuqqasijiet proċedurali u sabiex jevitaw li jidher quddiem il-qrati.

55      Definittivament, il-Kunsill iqis li huwa seta’ jivverifika li ċertu numru ta’ deċiżjonijiet meħuda matul it-tmexxija tal-proċeduri kriminali kienu ġew adottati b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

56      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq it-tul eċċessiv tal-investigazzjonijiet u fuq in-nuqqas ta’ inkriminazzjoni fir-rigward tiegħu, il-Kunsill josserva li huwa talab u kiseb kjarifiki dwar dan is-suġġett min-naħa tal-awtoritajiet Ukraini u li l-investigazzjonijiet li jikkonċernaw il-proċedura 113 u l-proċedura 521 ingħalqu rispettivament fl‑2017 u f’Ottubru 2018, u dan juri evoluzzjoni tal-proċedura.

57      Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li, kuntrarjament għal dak li jallega r-rikorrent, huwa bbaża ruħu fuq bażi fattwali soda biżżejjed, sa fejn huwa pproduċa provi, minn naħa, tal-eżistenza ta’ proċeduri kriminali fir-rigward tar-rikorrent li jikkonċernaw miżapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat Ukrain u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq.

58      Fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija msemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq, il-Kunsill isostni, fl-aħħar nett, li mill-iskambji kollha mar-rikorrent jirriżulta li huwa vverifika mal-BPG l-argumenti mqajma fl-ittri tar-rikorrent billi għamel mistoqsijiet preċiżi u billi kiseb iktar kjarifiki.

59      Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, waqt l-istħarriġ ta’ miżuri restrittivi, il-qrati tal-Unjoni Ewropea għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-drittijiet tad-difiża, kif stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, C‑11/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:786, punti 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem ta’ persuna jiġi inkluż fil-lista ta’ persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun ibbażata fuq bażi fattwali solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma għandux ikun limitat għal evalwazzjoni tan-natura verosimili fuq livell astratt tar-raġunijiet invokati, iżda għandu jkopri l-kwistjoni ta’ jekk dawn ir-raġunijiet, jew, minn tal-inqas, raġuni minnhom meqjusa li hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex isservi ta’ bażi għall-imsemmija atti, humiex issostanzjati (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      L-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi, bħal dawk previsti mid-Deċiżjoni 2014/119 u mir-Regolament Nru 208/2014, kif emendati, meħuda kontra persuna li ġiet identifikata bħala responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lil Stat terz, huma bbażati, essenzjalment, fuq id-deċiżjoni ta’ awtorità tiegħu, kompetenti f’dan ir-rigward, li tibda u tmexxi proċedura ta’ investigazzjoni kriminali li tikkonċerna lil din il-persuna u li tirrigwarda ksur ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Barra minn hekk, għalkemm, skont il-kriterju ta’ inklużjoni, bħal dak imfakkar fil-punt 13 iktar ’il fuq, il-Kunsill jista’ jibbaża miżuri restrittivi fuq id-deċiżjoni ta’ Stat terz, l-obbligu, impost fuq din l-istituzzjoni, li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li huwa għandu jiżgura r-rispett tal-imsemmija drittijiet mill-awtoritajiet tal-Istat terz li adotta l-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Ir-rekwiżit ta’ verifika, mill-Kunsill, tal-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Istati terzi li fuqhom huwa għandu l-intenzjoni li jibbaża ruħu ttieħdu b’rispett tal-imsemmija drittijiet huwa intiż li jiżgura li l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi jseħħu biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida u, b’tali mod, sabiex jiġu protetti l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Għalhekk, il-Kunsill jista’ biss jikkunsidra li l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ tali miżuri hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida biss wara li jkun ivverifika huwa stess jekk id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġewx irrispettati waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Istat terz ikkonċernat li fuqha huwa għandu l-intenzjoni li jibbaża ruħu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-fatt li l-Istat terz jinsab fost l-Istati li aderixxew mal-KEDB jimplika stħarriġ, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB, li, skont l-Artikolu 6(3) TUE, jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali, tali ċirkustanza madankollu ma tistax trendi superfluwu ir-rekwiżit ta’ verifika mfakkar fil-punt 63 iktar ’il fuq. (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill huwa obbligat jindika, fl-espożizzjoni tar-raġunijiet dwar l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, anki jekk fil-qosor, ir-raġunijiet għaliex fil-fehma tiegħu d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuq il-bażi tagħha jkollu l-intenzjoni jibbaża ruħu kienet ġiet adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għalhekk, huwa l-Kunsill li għandu, sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, juri, fid-deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi, li huwa vverifika jekk id-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha huwa jibbaża dawn il-miżuri ġietx adottata b’rispett għal dawn id-drittijiet (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Fl-aħħar nett, meta jibbaża l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri restrittivi, bħal dawk f’dan il-każ, fuq id-deċiżjoni ta’ Stat terz li jagħti bidu u jitmexxa proċedura kriminali għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi min-naħa tal-persuna kkonċernata, il-Kunsill għandu, minn naħa, jiżgura ruħu li, fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat terz osservaw id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna li hija s-suġġett tal-proċedura kriminali inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, isemmi, fid-deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi, ir-raġunijiet għalfejn jikkunsidra li l-imsemmija deċiżjoni tal-Istat terz ġiet adottata fl-osservanza ta’ dawn id-drittijiet (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 47).

67      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji tal-ġurisprudenza li għandu jiġi stabbilit jekk il-Kunsill osservax dawn l-obbligi.

68      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li l-Kunsill semma, fl-atti kkontestati (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), ir-raġunijiet li għalihom huwa kien ikkunsidra li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukraini li jinbdew u li jitmexxew proċedura kriminali għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi fir-rigward tar-rikorrent kienet ġiet adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu madankollu jiġi vverifikat jekk kienx korrett li l-Kunsill ikkunsidra li l-imsemmija awtoritajiet kienu osservaw, fil-kuntest tal-proċeduri li fuqhom l-atti kkontestati huma bbażati, l-imsemmija drittijiet tar-rikorrent.

69      Fil-fatt, l-eżami tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li jaqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-atti kkontestati u jikkonsisti, f’dan il-każ, fil-verifika dwar jekk l-elementi invokati mill-Kunsill humiex stabbiliti u jekk humiex ta’ natura li juru l-verifika tar-rispett ta’ dawn id-drittijiet mill-awtoritajiet Ukraini, għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-motivazzjoni, li tirrigwarda formalità sostanzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 60 u 61) u tikkostitwixxi biss il-korollarju tal-obbligu tal-Kunsill li jiżgura, minn qabel, ir-rispett tal-imsemmija drittijiet.

70      Issa, ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ miżuri restrittivi ġodda adottati mill-atti kkontestati abbażi tal-kriterju ta’ inklużjoni msemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif ġie ppreċiżat fid-Deċiżjoni 2015/143, u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 208/2014, kif ġie ppreċiżat fir-Regolament 2015/138 (ara l-punti 13 u 14 iktar ’il fuq). Dan il-kriterju jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi tal-persuni identifikati bħala responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tal-Istat tal-Ukraina, inklużi l-persuni li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukraini.

71      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ibbaża ruħu, sabiex jiddeċiedi dwar iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista, fuq iċ-ċirkustanza li dan kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali min-naħa tal-awtoritajiet Ukraini għal reati li jikkostitwixxu miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi u marbuta ma’ abbuż ta’ kwalità, li kienet stabbilita bl-ittri tal-BPG li r-rikorrent kien irċieva kopja tagħhom (ara l-punt 30 iktar ’il fuq).

72      Iż-żamma tal-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrent kienet għalhekk ibbażata, bħal fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2019, Klymenko vs Il-Kunsill (C‑11/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:786), u għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑274/18, EU:T:2019:509), fuq id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ukraini li jinbdew u jitmexxew proċeduri ta’ investigazzjonijiet kriminali dwar reat ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat Ukrain.

73      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, billi emenda, permezz tal-atti kkontestati, l-Anness tad-Deċiżjoni 2014/119 u l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014, il-Kunsill żied taqsima ġdida, iddedikata kompletament għad-drittijiet tad-difiża u għad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jinqasam f’żewġ partijiet.

74      Fl-ewwel parti hemm sempliċi tfakkira, ta’ natura ġenerali, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. B’mod partikolari, qabelxejn, huma mfakkra d-diversi drittijiet proċedurali li tgawdi minnhom kull persuna ssuspettata jew akkużata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali skont l-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. Sussegwentement, minn naħa, jitfakkar li, skont l-Artikolu 306 ta’ dan l-istess kodiċi, kull ilment kontra deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet tal-investigatur jew tal-prosekutur għandu jiġi eżaminat mill-qorti istruttorja jew mill-qorti lokali, fil-preżenza tal-lanjant, tal-avukat tiegħu jew tar-rappreżentant legali tiegħu. Min-naħa l-oħra, huwa indikat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 309 tal-imsemmi kodiċi jispeċifika d-deċiżjonijiet tal-qorti istruttorja li jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors. Fl-aħħar nett, huwa ppreċiżat li ċertu numru ta’ miżuri investigattivi, bħall-qbid ta’ beni u l-miżuri ta’ detenzjoni, huma possibbli biss bla ħsara għal deċiżjoni tal-qorti istruttorja jew ta’ qorti.

75      It-tieni parti tat-taqsima tikkonċerna l-applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għal kull persuna inkluża fil-lista. Fir-rigward b’mod partikolari tar-rikorrent, huwa ppreċiżat li, skont l-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-Kunsill, id-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew irrispettati matul il-proċeduri kriminali li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom, kif jixhed, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-5 ta’ Ottubru 2018 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).

76      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fl-ittra tal-5 ta’ Marzu 2019 (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), il-Kunsill, minn naħa, illimita ruħu li jindika li l-ittri li joriġinaw mill-BPG kienu jistabbilixxu li r-rikorrent kompla jkun is-suġġett tal-proċedura 113 u tal-proċedura 521 għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, irrefera espliċitament biss għall-proċedura 521, filwaqt li ppreċiża li mid-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-5 ta’ Ottubru 2018 kien jirriżulta li dawn id-drittijiet kienu ġew irrispettati f’dan il-każ. Ir-rispett ta’ tali drittijiet jirriżulta mill-fatt li l-imsemmija deċiżjoni ttieħdet wara seduta pubblika bil-parteċipazzjoni tad-difiża. Barra minn hekk, permezz tagħha, ġie kkunsidrat li r-rikorrent kien persuna ssuspettata fl-imsemmija proċedura kriminali, li ismu kien inkluż f’“lista ta’ persuni rikjesti”, li l-akkuża kienet ipprovat suspetti raġonevoli u li kien hemm raġunijiet sabiex wieħed jemmen li huwa kien ħeba mill-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni preliminari.

77      Minn dan isegwi li, għalkemm fl-ittra tiegħu tal-5 ta’ Marzu 2019 (ara l-punt 33 iktar’ il fuq), il-Kunsill semma wkoll il-proċedura 113, il-proċedura 521 hija l-unika waħda li turi li effettivament ivverifikat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-Kunsill baqa’ ma weriex sa fejn id-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-5 ta’ Ottubru 2018, li hija att ta’ natura purament proċedurali, tixhed ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent matul il-proċedura 521. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 61 u 62 iktar’ il fuq, f’dan il-każ, il-Kunsill kien obbligat li jivverifika, qabel ma jiddeċiedi ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jekk id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina li tibda u tmexxi proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali dwar ir-reati inerenti għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi u l-abbuż ta’ poter imwettaq mid-detentur ta’ kariga pubblika kinitx ġiet adottata b’osservanza tal-imsemmija drittijiet tar-rikorrent.

79      F’din il-perspettiva, id-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-5 ta’ Ottubru 2018, li hija għalkollox inċidentali għall-proċedura 521, ma tistax tiġi identifikata, tal-inqas fuq livell formali, bħala li hija dik li tinbeda u li tmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni li tiġġustifika ż-żamma tal-miżuri restrittivi. Dan premess, huwa permissibbli li jiġi ammess li, minn perspettiva sostanzjali, peress li ġiet adottata minn qorti, din id-deċiżjoni ġiet realment meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kunsill bħala l-bażi fattwali li tiġġustifika ż-żamma tal-miżuri inkwistjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kunsill setax ġustament jikkunsidra li hija tixhed ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

80      Issa, kuntrarjament għal dak li jallega l-Kunsill, mid-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-5 ta’ Ottubru 2018 ma jirriżultax b’mod ċar li dawn id-drittijiet ġew iggarantiti lir-rikorrent f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, jekk huwa minnu, kif enfasizza l-Kunsill fl-ittra tal-5 ta’ Marzu 2019 (ara l-punt 33 iktar’ il fuq), li l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata wara seduta pubblika bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentant tad-difiża u li l-qorti istruttorja kkonkludiet li r-rikorrent kien persuna ssuspettata, li kien iskritt f’“lista ta’ persuni mfittxija”, li l-prosekutur kien wera suspett raġonevoli u li kienu jeżistu raġunijiet sabiex wieħed jaħseb li r-rikorrent kien ħeba mill-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni preliminari, xorta jibqa’ l-fatt li ma kienx jirriżulta mill-atti tal-proċess li l-Kunsill eżamina l-informazzjoni li r-rikorrent kien ikkomunikalu fl-ittri tiegħu tad-19 ta’ Diċembru 2018 u tal-4 ta’ Frar 2019.

81      Fil-fatt, ir-rikorrent kien sostna, permezz ta’ dokumenti insostenn, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għall-informazzjoni li l-BPG kien ipprovda lill-qorti istruttorja, ismu ma kienx inkluż fil-lista ta’ persuni mfittxija fuq livell internazzjonali stabbilita mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ persuni mfittxija minn Interpol”), it-tieni nett, li, waqt is-seduta quddiem l-imsemmija qorti, huwa ma kienx irrappreżentat mill-avukati li huwa kien ħatar, iżda minn avukat maħtur ex officio, li ma kinitx tiżgura difiża adegwata, u, it-tielet nett, minn naħa, li l-kundizzjonijiet biex jawtorizzaw il-proċedura fil-kontumaċja ma kinux issodisfatti f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-5 ta’ Ottubru 2018 kienet tikser id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ appell.

82      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-Kunsill ivverifika sa fejn deċiżjoni, bħal dik f’dan il-każ, li ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ appell, kienet konformi mal-Artikolu 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, espliċitament imsemmi fis-sezzjoni tal-atti kkontestati dwar id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara l-punt 74 iktar’ il fuq), li jipprovdi li l-persuna ssuspettata għandha d-dritt li “tikkontesta deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet tal-investigatur, tal-prosekutur u tal-imħallef inkwirenti”.

83      It-tieni nett, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-Kunsill ivverifika, minkejja l-informazzjoni pprovduta lilu mir-rikorrent, ir-raġunijiet li għalihom dan ma kienx irrappreżentat minn avukati maħtura minnu, iżda minn avukat maħtur ex officio.

84      B’mod partikolari, huwa minnu, kif ifakkar il-Kunsill, li, matul ix-xahar ta’ Jannar 2019, huwa rċieva, b’risposta għal talba indirizzata lill-awtoritajiet Ukraini u li tirrigwarda b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent kienx irrappreżentat minn avukat waqt is-seduta quddiem l-imħallef inkwirenti, l-ittra tal-BPG, tat-22 ta’ Jannar 2019, li fiha ġie indikat li d-difiża tar-rikorrent kienet ġiet żgurata minn avukat taċ-ċentru ta’ assistenza legali mingħajr ħlas imwettaq ex officio mill-qorti istruttorja. Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li r-rikorrent, fl-ittra tiegħu tal-4 ta’ Frar 2019, mibgħuta fit-terminu stabbilit mill-Kunsill b’risposta għall-ittra tiegħu tal-25 ta’ Jannar 2019, ilmenta dwar il-fatt li huwa ma kienx irrappreżentat mill-avukati li huwa kien innomina, u mhux minn nuqqas ta’ rappreżentanza legali, u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill illimita ruħu bir-risposta tal-BPG, li, barra minn hekk, irriproduċa biss parti kbira mid-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni realment tal-provi invokati mir-rikorrent fid-dawl tal-ħatra mill-imħallef inkwirenti ta’ avukat ex officio.

85      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tal-qorti istruttorja tal-5 ta’ Ottubru 2018 jirriżulta li dan kien informat bl-eżistenza ta’ avukat maħtur mir-rikorrent peress li jiddikjara li nnotifikah bl-opinjoni ġdida ta’ suspett stabbilit fit-6 ta’ Marzu 2018. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill, li f’każ ta’ kontestazzjoni għandu jistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, C‑11/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:786, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma ssodisfax, f’dan il-każ, l-obbligu tiegħu li jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent kienu ġew irrispettati fil-kuntest tal-proċedura 521.

86      It-tielet nett, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax, minn naħa, liema hija l-informazzjoni li bbażat ruħha fuqha l-qorti istruttorja sabiex tikkunsidra li isem ir-rikorrent kien inkluż fil-lista tal-persuni mfittxija mill-Interpol u, min-naħa l-oħra, liema huma r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill ikkuntenta ruħu b’sempliċi affermazzjonijiet tal-BPG u tal-qorti istruttorja f’dan ir-rigward, minkejja d-dokumenti kollha li kien bagħatlu r-rikorrent li juru li ismu ma kienx inkluż fil-lista ta’ persuni mfittxija minn Interpol.

87      Barra minn hekk, dan l-aħħar aspett ma huwiex irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent, fid-dawl tal-Artikolu 297–4 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li jipprovdi li l-fatt li jiġi inkluż f’lista ta’ persuni mfittxija interstatali jew internazzjonali huwa wieħed miż-żewġ kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-prosekutur meta jitlob l-awtorizzazzjoni li jkun jista’ jipproċedi fil-kontumaċja.

88      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni tagħha tal-5 ta’ Ottubru 2018, il-qorti istruttorja tinvoka ż-żewġ kundizzjonijiet mingħajr madankollu ma tagħti deċiżjoni espliċita dwar dik li tirrigwarda l-inklużjoni tal-isem tal-persuna kkonċernata fil-lista. Fir-rigward tal-BPG, għandu jiġi kkonstatat li huwa sempliċement jindika, fl-ittra tiegħu tat-22 ta’ Jannar 2019, li, fil-5 ta’ Ġunju 2014, isem ir-rikorrent kien ġie inkluż f’lista internazzjonali ta’ persuni mfittxija u li l-informazzjoni korrispondenti kienet ġiet irreġistrata fil-fajl tas-Segretarjat Ġenerali tal-Interpol, iżda li sussegwentement din ġiet imblukkata sal-eżami tal-ilment minħabba kontestazzjonijiet imqajma mir-rikorrent.

89      Ir-raba’ nett, fir-rigward tar-rispett tad-dritt tar-rikorrent li jiġi deċiż f’terminu raġonevoli, mill-ittri tal-BPG ma jirriżultax liema hija r-raġuni li għaliha, fid-dawl tal-assenza estiża tar-rikorrent mit-territorju Ukrain, fatt li bih l-awtoritajiet Ukraini kienu ġew informati, tressqet talba fil-kontumaċja quddiem il-qorti istruttorja biss fid-9 ta’ Lulju 2018, jiġifieri iktar minn erba’ snin wara l-ftuħ tal-investigazzjoni preliminari.

90      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni li ssir fil-kontumaċja ġiet prodotta mill-BPG b’risposta għal domanda tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2019 u li, sal-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill la ġie informat mill-awtoritajiet Ukraini dwar l-istat ta’ progress tal-proċedura 521 fid-dawl tal-imsemmija deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni sabiex jipproċedi fil-kontumaċja, u lanqas ħa l-inizjattiva li jitlob informazzjoni lilhom f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, fl-ittra tal-22 ta’ Jannar 2019, il-BPG illimita ruħu li jindika li att ta’ akkuża kontra r-rikorrent kellu jintbagħat lill-qorti, ladarba d-difiża kienet familjari mal-elementi tal-proċedura kriminali pendenti.

91      Fir-rigward tal-argument li l-Kunsill jippretendi li jibbaża fuq l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji oħra meħuda fir-rigward tar-rikorrent (ara l-punt 53 iktar’ il fuq), għandu jiġi rrilevat, kif diġà sar fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill (T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 81), li dawn jidħlu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li ġġustifikaw l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-lista u huma biss inċidentali fir-rigward tagħhom, sa fejn dawn huma ta’ natura kawtelatorja jew proċedurali.

92      Issa, tali deċiżjonijiet, li l-iktar l-iktar jistgħu jservu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ bażi fattwali suffiċjentement solida, jiġifieri l-fatt li, konformement mal-kriterju ta’ inklużjoni, ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, reat ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi li jappartjenu lill-Istat Ukrain, ma humiex ontoloġikament suxxettibbli, waħedhom, li juru li d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina li tibda u tmexxi l-imsemmija proċeduri kriminali, li fuqha hija bbażata, essenzjalment, iż-żamma tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent, ittieħdet fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tiegħu.

93      Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrent ammetta li kellu aċċess, fil-21 ta’ April 2017, għall-fajl li kellu l-BPG fir-rigward tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li din hija kundizzjoni neċessarja, iżda ċertament mhux suffiċjenti, sabiex jiġi kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża tiegħu u d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġew irrispettati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 88).

94      Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ma jinvoka ebda dokument fil-proċess tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti kkontestati li minnu jirriżulta li huwa eżamina d-deċiżjonijiet tal-qrati Ukraini, invokati b’mod ġeneriku, u li minn dan seta’ jikkonkludi li d-drittijiet proċedurali tar-rikorrent kienu ġew irrispettati fis-sustanza tagħhom.

95      Barra minn hekk, il-Kunsill lanqas ma jispjega kif l-eżistenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tippermetti li jitqies li l-protezzjoni tad-drittijiet inkwistjoni ġiet iggarantita, filwaqt li, kif sostna r-rikorrent fl-ittri mibgħuta lill-Kunsill, il-proċedura 521, li kienet infetħet f’April 2014 u kienet tirrigwarda fatti allegatament imwettqa bejn l-2011 u l-2014, kienet għadha fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari u l-kawża inkwistjoni ma kinitx ġiet sottomessa lil qorti Ukrain fuq il-mertu, iżda l-iktar l-iktar kienet tressqet biss għal kwistjonijiet proċedurali.

96      Issa, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi l-parametru li fid-dawl tiegħu l-Kunsill jevalwa r-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust, pubbliku u fi żmien raġonevoli, minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, bħal dawk previsti mill-Artikolu 6, it-tifsira u l-portata tagħhom huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk li tagħtihom il-KEDB.

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi interpretat l-Artikolu 6 tal-KEDB, minn naħa, il-Qorti EDB irrilevat li l-għan tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli kien, b’mod partikolari, li jipproteġi lill-persuna akkużata mid-dewmien eċċessiv tal-proċedura u li jiġi evitat li hija tibqa’ għal żmien twil fl-inċertezza tad-destin tagħha kif ukoll id-dewmien li jikkomprometti l-effettività u l-kredibbiltà tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara l-Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 2015, Rutkowski et vs Il-Polonja, CE:ECHR:2015:0707JUD007228710, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, il-Qorti EDB ikkunsidrat li l-ksur ta’ dan il-prinċipju seta’ jiġi kkonstatat b’mod partikolari meta l-fażi istruttorja ta’ proċeduri kriminali tkun ikkaratterizzata minn ċertu numru ta’ fażijiet ta’ inattività imputabbli lill-awtoritajiet kompetenti għal din l-istruttorja. (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 6 ta’ Jannar 2004, Rouille vs Franza, CE:ECHR:2004:0106JUD005026899, punti 29 sa 31; 27 ta’ Settembru 2007, Reiner et vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2007:0927JUD000150502, punti 57 sa 59; u 12 ta’ Jannar 2012, Borisenko vs L-Ukraina, CE:ECHR:2012:0112JUD002572502, punti 58 sa 62).

99      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta persuna tkun is-suġġett ta’ miżuri restrittivi għal diversi snin, u dan minħabba l-eżistenza, essenzjalment, tal-istess investigazzjoni preliminari mwettqa mill-BPG, il-Kunsill huwa obbligat li japprofondixxi l-kwistjoni tal-eventwali ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ din il-persuna mill-awtoritajiet Ukraini.(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2019, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T‑290/17, EU:T:2019:37, punt 132).

100    Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kunsill kellu minn tal-inqas jindika r-raġunijiet li għalihom, minkejja l-argumenti tar-rikorrent riprodotti fil-punt 95 iktar ’il fuq, huwa seta’ jqis li d-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem l-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina, li huwa, evidentement, dritt fundamentali, kien ġie rrispettat f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-kawża tiegħu kinitx instemgħet f’terminu raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 87).

101    Għalhekk ma jistax jiġi konkluż, fid-dawl tal-atti tal-proċess, li l-elementi li l-Kunsill kellu għad-dispożizzjoni tiegħu waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati ppermettewlu jivverifika jekk id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina kinitx ittieħdet b’osservanza tad-drittijiet tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li l-kawża tiegħu tinstema’ f’terminu raġonevoli.

102    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-ġurisprudenza li tgħid li, fil-każ ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi bħal dik li tikkonċerna lir-rikorrent, huwa l-kompitu tal-Kunsill jew tal-qorti tal-Unjoni li jivverifikaw il-fondatezza mhux tal-investigazzjonijiet li l-persuna kkonċernata minn dawn il-miżuri kienet is-suġġett tagħhom fl-Ukraina, iżda biss tad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fir-rigward tad-dokument jew dokumenti li fuqhom kienet ibbażata din id-deċiżjoni, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kunsill ma huwiex obbligat li jivverifika jekk id-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha jrid jibbaża l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ttieħdet fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ma huwiex stabbilit li l-Kunsill, qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, żgura ruħu mir-rispett mill-amministrazzjoni ġudizzjarja Ukraina, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li huwa bbaża ruħu fuqhom. Minn dan isegwi li, billi ddeċieda li jżomm isem ir-rikorrent fil-lista, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra mqajma minn dan tal-aħħar.

105    Fir-rigward tat-talba mressqa sussidjarjament mill-Kunsill (ara t-tielet inċiż tal-punt 43 iktar ’il fuq), intiż, essenzjalment, għaż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni 2019/354 sal-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata ta’ appell u, fil-każ fejn jiġi ppreżentat appell, sad-deċiżjoni dwar dan, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni 2019/354 ipproduċiet effetti biss sas-6 ta’ Marzu 2020. Konsegwentement, l-annullament tagħha permezz ta’ din is-sentenza ma għandux konsegwenza fuq il-perijodu sussegwenti għal din id-data, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni taż-żamma tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Klymenko vs Il-Kunsill, T‑274/18, EU:T:2019:509, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ispejjeż

106    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/354 tal-4 ta’ Marzu 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/352 tal-4 ta’ Marzu 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huma annullati sa fejn l-isem ta’ Oleksandr Viktorovych Klymenko nżamm fil-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Spielmann

Spineanu-Matei

Mastroianni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Ġunju 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.