SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

8 ta’ Mejju 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal – Ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz – Irtirar b’mod mhux volontarju – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi – Interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika”

Fil-Kawża T‑170/17,

RW, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn G. Berscheid u A.‑C. Simon, sussegwentement minn Berscheid u B. Mongin, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall‑annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Marzu 2017 li poġġiet lir‑rikorrent fuq leave fl-interess tas-servizz skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u, simultanjament, ġie rtirat b’mod mhux volontarju, skont il-ħames paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg (Relatur) u B. Berke, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll is-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5; rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 27 u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21), kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15; rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126).

2        L-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jifforma parti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, bit-titolu “Karriera ta’ l-uffiċjali”, jipprovdi li l-uffiċjali għandhom ikunu assenjati f’waħda mill-pożizzjonijiet li ġejjin: impjieg attiv, sekondar [kollokament], leave fuq raġunijiet personali, stat mhux attiv, leave għal servizz militari, leave tal-ġenituri jew leave minħabba l-familja, u leave fl-interess tas-servizz.

3        L-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jifforma parti mill-istess kapitolu, jipprovdi dan li ġej:

“Mhux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli, uffiċjal li għandu tal-anqas għaxar snin servizz jista’ jingħata l-leave, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra, fl-interessi tas-servizz għal ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda fi ħdan l-istituzzjonijiet.

In-numru totali ta’ uffiċjali li jiġu assenjati l-leave fl-interessi tas-servizz kull sena ma għandux ikun aktar minn 5 % tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha, li rtiraw matul is-sena ta’ qabel. In-numru totali kkalkulat b’dan il-mod għandu jkun allokat lil kull istituzzjoni skont in-numru rispettiv ta’ uffiċjali tagħha fil-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Ir-riżultat ta’ tali allokazzjoni għandu jitqarreb ‘il fuq sal-eqreb numru sħiħ li jkun imiss f’kull istituzzjoni.

It-tali leave ma għandux jikkostitwixxi miżura dixxiplinari.

It-tul ta’ żmien tal-leave għandu jikkorrispondi, bħala prinċipju, mal-perjodu sakemm l-uffiċjal jilħaq l-età pensjonabbli. Madankollu, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, l-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi li ttemm il-leave u terġa’ ddaħħal l-uffiċjal.

Meta l-uffiċjal li ġie assenjat il-leave fl-interessi tas-servizz jilħaq l-età pensjonabbli, huwa għandu jirtira awtomatikament.

Il-leave fl-interessi tas-servizz għandu jkun regolat permezz tar-regoli li ġejjin:

a) uffiċjal ieħor jista’ jinħatar għall-pożizzjoni okkupata mill-uffiċjal;

b) uffiċjal bil-leave fl-interessi tas-servizz ma għandux ikun intitolat għat-tlugħ fi skala ogħla jew għall-promozzjoni fil-grad.

Uffiċjal assenjat bil-leave b’dan il-mod għandu jirċievi allowance maħduma skont l-Anness IV.

Fuq talba tal-uffiċjal, l-allowance għandha tkun suġġetta għall-kontribuzzjonijiet magħmulin għall-iskema tal-pensjoni, ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dik l-allowance. F’tali każ, il-perjodu ta’ servizz bħala uffiċjal bil-leave fl-interessi tas-servizz għandu jiġi kkunsidrat għall-fini tal-kalkolu tas-snin ta’ servizz pensjonabbli fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Anness VIII.

L-allowance [ma] għandh[iex] tkun suġġetta għal koeffiċjent tal-korrezzjoni”.

4        L-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal jagħmel parti mill-Kapitolu 4 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Tmiem tas-Servizz”. Dan l-artikolu jipprovdi li t-tmiem definittiv tas-servizz jista’ jseħħ permezz ta’ riżenja, riżenja ta’ bilfors, irtirar fl-interess tas-servizz, tkeċċija fuq inkompetenza, tneħħija mill-post, irtirar, jew mewt.

5        L-inċiżi (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jifforma parti wkoll mill-Kapitolu 4, jipprovdu b’mod partikolari li, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tar-Regolamenti tal-Persunal (li jikkonċerna l-irtirar fl-interess tas-servizz għall-membri tal-persunal fi grad ogħla), uffiċjal għandu jirtira jew awtomatikament fl-aħħar ġurnata tax-xahar li fih jilħaq l-età ta’ 66 sena, jew fuq it-talba tiegħu stess fl-aħħar jum tax-xahar li għalih intefgħet it-talba fejn ikun laħaq l-età pensjonabbli.

6        L-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal fih dispożizzjonijiet tranżitorji applikabbli għall-uffiċjali.

7        L-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-uffiċjali li fl-1 ta’ Mejju 2004 jkollhom 20 sena ta’ servizz jew aktar għandhom ikunu intitolati għal pensjoni tal-irtirar meta jagħlqu s-60 sena.

L-uffiċjali li fl-1 ta’ Mejju 2014 ikollhom 35 sena jew aktar u li jkunu daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014 għandhom ikunu intitolati għal pensjoni tal-irtirar fl-età murija fit-tabella ta’ hawn taħt:

Età fl-1 ta’ Mejju 2014

Età pensjonabbli

60 sena u aktar

60 sena

59 sena

60 sena u xahrejn (2)

58 sena

60 sena u 4 xhur

[…]

[…]

35 sena

64 sena u 8 xhur

L-uffiċjali li fl-1 ta’ Mejju 2014 ikollhom anqas minn 35 sena għandhom ikunu intitolati għal pensjoni tal-irtirar fl-età ta’ 65 sena.

Madankollu, għall-uffiċjali li fl-1 ta’ Mejju 2014 ikollhom 45 sena jew aktar u li jkunu daħlu fis-servizz bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2013, l-età pensjonabbli għandha tkun ta’ 63 sena.

Għall-uffiċjali fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, l-età pensjonabbli li għandha tkun ikkunsidrata għar-referenzi kollha tal-età tal-pensjoni f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, għajr jekk ikun previst b’mod ieħor fir-Regolamenti tal-Persunal.”

8        L-Artikolu 23(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, b’mod partikolari, li l-uffiċjal fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014 għandu jirtira awtomatikament fl-aħħar jum tax-xahar li fih jagħlaq 65 sena.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Ir-rikorrent, RW, huwa ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa daħal fis-servizz fi ħdan din l-istituzzjoni fl-1 ta’ Ottubru 1982 u kien assenjat, b’effett mit-12 ta’ Diċembru 1999, mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Edukazzjoni u Kultura”. Huwa ġie promoss għall-grad AD 12 fl-1 ta’ Jannar 2010.

10      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2016, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Riżorsi Umani u Sigurtà” (iktar ’il quddiem id-“DĠ RU”) informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) li toħorġu bil-leave fl-interess tas-servizz skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal b’effett mill-1 ta’ April 2017.

11      Fl-14 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-ittra tal-1 ta’ Diċembru 2016 u talab li jinstema’.

12      Fit-13 ta’ Jannar 2017, inżammet laqgħa bejn ir-rikorrent u l-Kap tat-Taqsima “Tmexxija tal-karrieri u mobbiltà” tad-DĠ RU, fil-preżenza ta’ rappreżentant tal-persunal, ta’ membru tat-taqsima msemmija iktar ’il fuq u ta’ rappreżentant tad-DĠ “Edukazzjoni u kultura”.

13      Fi tmiem dik il-laqgħa, it-taqsima “Tmexxija tal-karrieri u mobbiltà” tad-DĠ RU bagħtet lill-Awtorità tal-Ħatra opinjoni favorevoli fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tar-rikorrent.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet, minn naħa, li tpoġġi lir-rikorrent fuq leave fl-interess tas-servizz, skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2017 u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li huwa kien diġà laħaq l-età pensjonabbli skont l-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li tirtirah b’mod mhux volontarju skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, fl-istess data.

15      Fl-20 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ippreżenta lment kontra d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni espliċita tal-Awtorità tal-Ħatra tas-26 ta’ Lulju 2017.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. B’att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrent ippreżenta wkoll talba għal miżura provviżorja, abbażi tal-Artikoli 278 u 279 TFUE, bil-għan li jikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura fil-kawża prinċipali ġiet sospiża.

17      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent talab li jingħata l-anonimità skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2017, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba.

18      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il‑Kummissjoni (T‑170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351), il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

19      Skont l-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura fil-kawża prinċipali kompliet wara l-adozzjoni, fis-26 ta’ Lulju 2017, tad-deċiżjoni espliċita tar-rifjut tal-ilment tar-rikorrent.

20      Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs RW (C‑442/17 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2018:6), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra d-digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il‑Kummissjoni (T‑170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351).

21      Il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kawża prinċipali ngħalqet fid-9 ta’ Jannar 2018 permezz tal-preżentazzjoni tal-kontroreplika.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Frar 2018, ir-rikorrent għamel talba motivata, skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jinstema’ fil-kuntest tal-fażi orali tal-proċedura.

23      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2018.

24      Fi tmiem is-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jikkonsultaw ma’ xulxin sabiex jilħqu, sa fejn huwa possibbli, ftehim bonarju għat-tilwima, inkluż fuq l-ispejjeż tal-istanza. Il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ffissa lill-partijiet terminu li jiskadi fil-31 ta’ Jannar 2019 sabiex jinformaw lill-Qorti Ġenerali bir-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni u ddeċieda li jżomm miftuħa l-fażi orali tal-proċedura.

25      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2019, wara l-informazzjoni kkomunikata mill-partijiet lill-Qorti Ġenerali, permezz ta’ ittri tad-29 ta’ Jannar 2019, li tgħid li l-konsultazzjoni bil-għan ta’ ftehim bonarju għat-tilwima ma kinitx irnexxiet.

26      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata “li permezz tagħha [huwa] ġie rtirat b’mod mhux volontarju b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2017”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

28      Il-Kummissjoni tirrileva li t-talba għall-annullament, kif ifformulata fir-rikors promotur, ma tirrigwardax iż-żewġ suġġetti tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz u l-irtirar tar-rikorrent b’mod mhux volontarju, iżda biss it-tieni wieħed. Issa, dawn iż-żewġ suġġetti ma jistgħux jiġu mifrudin minn xulxin, b’mod li l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata jwassal għat-tibdil fis-sustanza tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza li skontha l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss jekk l-elementi li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ikunu jistgħu jinfirdu mill-bqija ta’ att, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal annullament ippreżentata f’dan il-każ mir-rikorrent jew, tal-inqas, tal-ewwel żewġ motivi mressqa insostenn tagħha.

29      Ir-rikorrent jikkontesta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

30      Preliminarjament, għandha tiġi vvalidata l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li ż-żewġ suġġetti tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-ħruġ fuq leave tar-rikorrent fl-interess tas-servizz u, simultanjament, l-irtirar tiegħu b’mod mhux volontarju, ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. Fil-fatt, mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta mingħajr ambigwità li l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz tal-uffiċjali kkonċernati ma jistax jiġi estiż lil hinn mill-“età pensjonabbli”, fejn din l-età hija stabbilita, għall-uffiċjali li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, permezz tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod li, jekk il-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz jikkonċerna lil uffiċjal li diġà laħaq “l-età pensjonabbli” msemmija iktar ’il fuq, dan l-uffiċjal ikollu, simultanjament, jiġi rtirat b’mod mhux volontarju. Din l-analiżi ġiet applikata fid-deċiżjoni kkontestata, li fil-kuntest tagħha r-rikorrent inħareġ fuq leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, ġie rtirat b’mod mhux volontarju (ara l-punt 14 iktar ’il fuq). Fil-fatt, ir-rikorrent kellu 63 sena fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni kkontestata u kien, għaldaqstant, qabeż “l-età pensjonabbli”, li fil-każ tiegħu kienet iffissata għal 60 sena skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Peress li, fid-data tal-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz, ir-rikorrent kien qabeż “l-età pensjonabbli”, huwa ġie, simultanjament, irtirat b’mod mhux volontarju skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

31      Peress li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar in-natura mhux separabbli taż-żewġ suġġetti tad-deċiżjoni kkontestata ġiet ivvalidata, għandu jiġi rrilevat li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li hija tressaq hija bbażata fuq il-premessa li t-talba għal annullament ifformulata fir-rikors tikkostitwixxi talba għal annullament parzjali sa fejn din tindirizza biss lit-tieni suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dak tal-irtirar b’mod mhux volontarju tar-rikorrent.

32      Issa, din il-premessa tal-argument tal-Kummissjoni hija żbaljata.

33      Ċertament, it-talbiet tar-rikorrent fihom il-frażi “li permezz tagħha r-rikorrent ġie rtirat b’mod mhux volontarju b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2017”. Madankollu, din il-frażi ma tistax tinftiehem bħala li tillimita s-suġġett tat-talba għal annullament għal dik dwar il-fatt li r-rikorrent ġie rtirat.

34      Fil-fatt, mill-kontenut tar-rikors jirriżulta li t-talba għal annullament tindirizza ż-żewġ suġġetti tad-deċiżjoni kkontestata, fejn ir-rikorrent kien identifika b’mod ċar ir-rabta li kienet teżisti, skont ir-raġunament segwit fid-deċiżjoni kkontestata, bejn il-ħruġ fuq leave tiegħu fl-interess tas-servizz u l-irtirar tiegħu b’mod mhux volontarju. F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment, b’mod partikolari, għall-punt 34 tar-rikors, fil-kuntest tal-ewwel motiv għall-annullament, li skontu, “F’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra adottat deċiżjoni għall-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz li jekwivali għall-irtirar tar-rikorrent b’mod mhux volontarju”.

35      Jeħtieġ ukoll li jsir riferiment għat-tieni motiv ta’ annullament, ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi, li fil-kuntest tiegħu r-rikorrent isostni essenzjalment li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ma japplikax għalih peress li huwa kien qabeż “l-età pensjonabbli” fis-sens tal-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, huwa ċar li, jekk dan il-motiv jiġi milqugħ mill-Qorti Ġenerali, dan iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha minħabba li din tkun nieqsa minn bażi legali u mhux biss għall-annullament parzjali tagħha sa fejn ir-rikorrent ġie rtirat b’mod mhux volontarju.

36      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minkejja l-frażi “li permezz tagħha r-rikorrent ġie rtirat b’mod mhux volontarju b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2017” li tinsab fit-talbiet tar-rikorrent, it-talba għall-annullament ifformulata fir-rikors hija diretta b’mod ċar għaż-żewġ suġġetti tad-deċiżjoni kkontestata, li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, dwar il-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz tar-rikorrent, u fl-istess ħin, dwar l-irtirar b’mod mhux volontarju tiegħu. Għaldaqstant, din ma hijiex talba għal annullament parzjali, hekk kif targumenta l-Kummissjoni. Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq iż-żamma tal-interess ġuridiku tar-rikorrent

37      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li s-sentenza li l-Qorti Ġenerali ser tagħti f’dan il-każ ma jkollha ebda effett fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent. Il-Kummissjoni spjegat li, minħabba s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ordnata mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, ir-rikorrent inżamm bħala uffiċjal fix-xogħol fi ħdan l-istituzzjoni “għall-massimu possibbli permess mir-Regolamenti tal-Persunal”, jiġifieri sal-1 ta’ Novembru 2018, data li fiha huwa kien laħaq l-età ta’ 65 sena u ġie rtirat b’mod mhux volontarju skont l-Artikolu 23(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Minħabba l-imsemmija sospensjoni, ir-rikorrent seta’ jevita l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz li huwa kien oppona għalih u jkompli jirċievi r-remunerazzjoni normali tiegħu, u finalment, kien jiġi rtirat b’mod mhux volontarju taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jiġu applikati kieku ma ġiet adottata ebda deċiżjoni fil-konfront tiegħu skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Abbażi ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-interess ġuridiku tar-rikorrent ma kienx għadu jeżisti.

38      Ir-rikorrent ikkontesta l-eċċezzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, matul il-proċeduri, l-interess ġuridiku tiegħu ntemm.

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal minn persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal ikun ammissibbli, li fih jintalab l-annullament ta’ att li jikkawżalha preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tal-istess Regolamenti tal-Persunal, din il-persuna għandu jkollha, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, interess ġuridiku, ċert u attwali, suffiċjentement ikkaratterizzat sabiex dan l-att jiġi annullat, peress li interess ġuridiku bħal dan jippreżupponi li t-talba tkun tista’, permezz tar-riżultat tagħha, tagħtiha benefiċċju. Bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà, l-interess ġuridiku tar-rikorrent għandu jiġi evalwat fil-mument tal-preżentata tar-rikors. Madankollu, biex persuna msemmija fir-Regolamenti tal-Persunal tkun tista’ tipproċedi b’rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, jeħtieġ li din jibqgħalha interess personali għall-annullament ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ interess ġuridiku attwali, ma jkunx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2018, Cocchi u Falcione vs Il‑Kummissjoni, T‑724/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2018:759, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-każ, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni ppreżentati fil-punt 37 iktar ’il fuq, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrent, jistgħu, effettivament, iwasslu biex wieħed jistaqsi dwar jekk, matul il-proċedura, spiċċax l-interess ġuridiku tar-rikorrent.

41      Madankollu, hekk kif semmiet il-Kummissjoni stess waqt is-seduta, kieku d-deċiżjoni kkontestata tibqa’ valida u ma tiġix annullata mill-qorti tal-Unjoni, din tkun tista’, eventwalment, isservi ta’ bażi sabiex il-Kummissjoni titlob mingħand ir-rikorrent id-differenza bejn is-somom imħallsa bħala salarju mħallas matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju 2017, li hija d-data li fiha daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni kkontestata, u l-1 ta’ Novembru 2018, li hija d-data li fiha r-rikorrent ġie rtirat b’mod mhux volontarju, u l-ammonti li dan tal-aħħar seta’ jistenna bħala l-pensjoni tiegħu kieku d-deċiżjoni kkontestata ġiet eżegwita immedjatament u ma kinitx is-suġġett ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

42      Minn dan jirriżulta li r-rikorrent, kif sostna wkoll waqt is-seduta, baqagħlu dejjem l-interess li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u t-tneħħija tagħha mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, bil-għan li jkollu ċ-ċertezza li l-Kummissjoni ma titolbux, fil-futur, id-differenza fl-ammonti msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq.

43      Din il-konklużjoni la titpoġġa indiskussjoni mill-affermazzjoni tal-Kummissjoni waqt is-seduta li skontha l-possibbiltà li tirkupra d-differenza fl-ammonti msemmija tkun kumplessa li ssir inkwantu r-rikorrent kien kompla jaħdem bħala uffiċjal fix-xogħol sa meta ġie rtirat b’mod mhux volontarju fl-1 ta’ Novembru 2018,  u lanqas mill-assigurazzjoni min-naħa tagħha, li ngħatat waqt is-seduta, li, fi kwalunkwe każ, hija ma hijiex ser titlob lir-rikorrent id-differenza fl-ammonti msemmija. Fil-fatt, dawn huma sempliċi affermazzjonijiet u assigurazzjonijiet tal-Kummissjoni li, mill-bqija, ma jaffettwawx il-fatt li ż-żamma tad-deċiżjoni kkontestata fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tikkostitwixxi sors ta’ inċertezza legali għar-rikorrent, li minnha jirriżulta l-interess tiegħu, dejjem attwali, li jara li din id-deċiżjoni tiġi annullata.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent għad għandu interess ġuridiku.

 Fuq il-mertu

45      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 47 u 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni wieħed fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi, f’dan il-każ tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, u t-tielet wieħed fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża. Fir-replika, ir-rikorrent indika li huwa rrinunzja għat-tielet motiv.

46      Peress li, fil-kuntest tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ l-ewwel nett li jiġi eżaminat dan il-motiv.

 Osservazzjonijiet preliminari

47      Ir-rikorrent, billi pproċeda b’interpretazzjoni partikolarment letterali u kuntestwali tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, isostni li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-uffiċjali li, bħalu, laħqu “l-età pensjonabbli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni moqrija flimkien mal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li l-leave fl-interess tas-servizz, pożizzjoni li l-uffiċjali kkonċernati jitpoġġew fiha skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jkollha ċertu tul. Issa, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal uffiċjali li, fid-data ta’ din l-applikazzjoni, laħqu “l-età pensjonabbli” twassal biex, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-imsemmija uffiċjali jinħarġu fuq leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, jiġu rtirati b’mod mhux volontarju, b’mod li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jiġi ddevjat u l-kundizzjonijiet, previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, li taħthom it-terminazzjoni definittiva tal-funzjonijiet ta’ uffiċjal tista’ sseħħ, ikunu evitati.  Ir-rikorrent jikkonkludi li l-Awtorità tal-Ħatra kisret f’dan il-każ il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u li, fuq din il-bażi, id-deċiżjoni kkontestata għandha tkun annullata.

48      Il-Kummissjoni, bil-fatt li tinvoka l-argumenti bbażati, b’mod partikolari, fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u r-ratio legis tiegħu, tikkontesta t-teżi tar-rikorrent u ssostni li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata għal uffiċjal li laħaq “l-età pensjonabbli” kif inhu l-każ tar-rikorrent.

49      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, hekk kif ġustament argumenta r-rikorrent, l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għal uffiċjal li laħaq “l-età pensjonabbli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni twassal biex huwa jinħareġ fuq leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, biex jiġi rtirat b’mod mhux volontarju skont il-ħames subparagrafu tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq. Din l-analiżi ġiet applikata fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rikorrent, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 30 iktar ’il fuq.

50      Minn dan isegwi li l-kwistjoni li tqum hija dwar jekk l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistax jiġi applikat għal uffiċjali li, bħar-rikorrent, laħqu “l-età pensjonabbli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-fatt li din l-applikazzjoni twassal għall-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, biex jiġu rtirati b’mod mhux volontarju l-imsemmija uffiċjali. F’dan is-sens, għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, ħaġa li teħtieġ l-interpretazzjoni tiegħu.

 Fuq l-interpretazzjoni letterali

51      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz tal-uffiċjal ikkonċernat japplika, “[m]hux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli”. Kif tajjeb argumentat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-espressjoni “età pensjonabbli”, li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkorrispondi mal-espressjoni “età pensjonabbli” li tinsab fir-raba’ u fil-ħames paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, biex tiddetermina l-“età pensjonabbli” għal dak li jikkonċerna lill-uffiċjali li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, jeħtieġ, l-istess bħad-determinazzjoni tal-“età pensjonabbli”, li wieħed jirreferi għall-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippreċiża dan li ġej:

“Għall-uffiċjali fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, l-età pensjonabbli li għandha tkun ikkunsidrata għar-referenzi kollha tal-età tal-pensjoni f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, għajr jekk ikun previst b’mod ieħor fir-Regolamenti tal-Persunal”.

52      Il-kliem “dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq”, li jintużaw fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jirreferu għall-ewwel erba’ subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni, li jippreċiżaw l-età minn meta l-uffiċjali, li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, jistgħu jitolbu li jirtiraw filwaqt li jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar.

53      F’dak li jikkonċerna lill-uffiċjali li daħlu fis-servizz wara l-1 ta’ Jannar 2014, il-kliem “età pensjonabbli”, li jintużaw fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jirreferu għall-età tal-irtirar b’mod mhux volontarju prevista fl-inċiż (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija 66 sena, kif il-partijiet ikkonfermaw waqt is-seduta.

54      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprovdi informazzjoni fuq id-data li minnha din id-dispożizzjoni tista’ tkun applikata fil-konfront ta’ uffiċjal, jiġifieri, “[m]hux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli”. Barra minn hekk, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, f’dak li jikkonċerna lill-uffiċjali li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma teskludix li din tkun tista’ tiġi applikata għal uffiċjal li laħaq u, a fortiori, qabeż “l-età pensjonabbli”.

55      Dan premess, għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li t-tul ta’ żmien tal-leave fl-interess tas-servizz jikkorrispondi “bħala prinċipju” għall-perijodu li jkun għad fadal sakemm l-uffiċjal ikkonċernat jilħaq “l-età pensjonabbli”, iżda li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi, “f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali”, li ttemm il-leave u terġa’ ddaħħal l-uffiċjal għax-xogħol tiegħu.

56      Il-kliem “tul ta’ żmien tal-leave” u “perjodu sakemm l-uffiċjal jilħaq l-età pensjonabbli” li jinsabu fl-ewwel sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jikkorroboraw it-teżi tar-rikorrent li tgħid li l-leave fl-interess tas-servizz għandu jkollu ċertu tul. B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kliem “bħala prinċipju”, li jinsabu f’din is-sentenza, ma jippreġudikawx il-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn it-termini għandhom jinftiehmu fid-dawl tat-tieni sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprovdi li:

“Madankollu, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, l-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi li ttemm il-leave u terġa’ ddaħħal l-uffiċjal”.

57      Għaldaqstant jirriżulta li l-kliem “bħala prinċipju” ma jurux l-eżistenza ta’ deroga possibbli mill-prinċipju li skontu l-leave fl-interess tas-servizz għandu jkollu ċertu tul, iżda juru l-possibbiltà ta’ deroga mill-prinċipju li skontu l-leave fl-interess tas-servizz jispiċċa fid-data li fiha l-uffiċjal ikkonċernat jilħaq l-“età pensjonabbli”, peress li din id-deroga possibbli hija marbuta mal-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ “f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali”, tiddeċiedi li terġa’ ddaħħal lill-imsemmi uffiċjal fix-xogħol tiegħu, u ttemm għaldaqstant il-leave fl-interess tas-servizz.

58      It-teżi tar-rikorrent li tgħid li l-leave fl-interess tas-servizz għandu jkun ta’ ċertu tul ta’ żmien hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li “[m]eta l-uffiċjal li ġie assenjat il-leave fl-interessi tas-servizz jilħaq l-età pensjonabbli, huwa għandu jirtira awtomatikament”. Minn dan il-kliem, u b’mod iktar speċifiku mill-użu tal-verb “jilħaq”, jirriżulta li l-irtirar b’mod mhux volontarju jippreżupponi li l-uffiċjal ikkonċernat isib ruħu f’pożizzjoni ta’ leave fl-interess tas-servizz fid-data li fiha jilħaq l-“età pensjonabbli” u li dan il-leave jkun ta’ ċertu tul ta’ żmien.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tikkorrobora t-teżi tar-rikorrent li tgħid li l-leave fl-interess tas-servizz għandu jkun ta’ ċertu tul, ħaġa li teskludi li dan il-ħruġ fuq leave jkun jista’ jseħħ fl-istess ħin mal-irtirar b’mod mhux volontarju. L-esklużjoni tal-possibbiltà li l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz ikun jista’ jseħħ fl-istess ħin ma’ meta l-uffiċjal ikkonċernat jiġi rtirat b’mod mhux volontarju tfisser, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 30 u 50 iktar ’il fuq, li d-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tistax tiġi applikata għal uffiċjali li, bħar-rikorrent, ikunu laħqu “l-età pensjonabbli”.

60      Għandu jiġi eżaminat jekk din il-konklużjoni tiġix ikkonfutata b’interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali

61      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jagħmel parti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Karriera ta’ l-uffiċjali”. Skont l-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinsab fl-istess kapitolu, l-uffiċjali jistgħu jiġu assenjati f’waħda mill-pożizzjonijiet li ġejjin: impjieg attiv, sekondar [kollokament], leave fuq raġunijiet personali, stat mhux attiv, leave għal servizz militari, leave tal-ġenituri jew leave minħabba l-familja, u leave fl-interess tas-servizz.

62      Min-naħa l-oħra, it-“tmiem tas-servizz” huwa rregolat mill-Kapitolu 4 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal li jinsab f’dan il-kapitolu jiddefinixxi l-każijiet ta’ tmiem definittiv tas-servizz bħala r-riżenja, ir-riżenja ta’ bilfors, l-irtirar fl-interess tas-servizz, it-tkeċċija fuq inkompetenza, it-tneħħija mill-post, l-irtirar u l-mewt.

63      Għaldaqstant jirriżulta li, filwaqt li l-leave fl-interess tas-servizz kien maħsub mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala li huwa “karriera [pożizzjoni]” li fiha l-uffiċjal jista’ jiġi assenjat matul il-karriera tiegħu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, it-teżi tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għal uffiċjal li laħaq “l-età pensjonabbli” u, għaldaqstant, għall-possibbiltà tal-ħruġ tiegħu fuq leave fl-interess tas-servizz simultanjament mal-irtirar b’mod mhux volontarju, twassal biex tittrasforma l-miżura inkwistjoni minn “karriera [pożizzjoni]” amministrattiva f’każ ta’ “tmiem tas-servizz”. Fil-fatt, kif irrileva l-Imħallef għal miżuri provviżorji, l-applikazzjoni li saret mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tammonta għal “irtirar b’mod mhux volontarju fl-interess tas-servizz” kontra r-rieda tal-persuna kkonċernata (digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il‑Kummissjoni, T‑170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351, punt 61).

64      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tpoġġija tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal fil-Kapitolu 2 tat-Titolu III ta’ dawn ir-regolamenti ma hijiex konċiljabbli mat-teżi msemmija iktar ’il fuq tal-Kummissjoni u, fi kwalunkwe każ, ma tinvalidax il-konklużjoni ppreżentata fil-punt 59 iktar ’il fuq.

 Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

65      Il-Kummissjoni ssostni li r-ratio legis tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal hija li tottimizza l-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-istituzzjonijiet. Din id-dispożizzjoni tippermetti ċerta flessibbiltà fil-ġestjoni tal-persunal viċin jew fil-punt tal-irtirar filwaqt li toffri lill-persuni kkonċernati kumpens raġonevoli. Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tat-test għall-uffiċjali li ma humiex fil-punt tal-irtirar. L-ottimizzazzjoni mixtieqa tippreżupponi l-iktar diskrezzjoni wiesgħa speċjalment meta, minn naħa, din issir b’osservanza tal-interessi tal-uffiċjal ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, il-miżura tkun diretta b’mod partikolari lejn l-uffiċjali qrib l-irtirar. Ikun paradoss li l-miżura ma tkunx applikabbli għall-uffiċjali li diġà laħqu l-età tal-irtirar tagħhom. Il-Kummissjoni ssostni għaldaqstant li l-interpretazzjoni restrittiva sostnuta mir-rikorrent iċċaħħad lill-miżura prevista mill-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal minn parti mill-effettività u mir-ratio tagħha.

66      Ċertament, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni billi tinvoka l-premessa 7 tar-Regolament Nru 1023/2013, l-għan tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa, fl-aħħar mill-aħħar, l-ottimizzazzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-istituzzjonijiet. Madankollu, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni stess, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li l-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz ikun, skont il-kliem użat mill-Kummissjoni, “ta’ protezzjoni suffiċjenti għad-drittijiet tal-uffiċjali kkonċernati”.

67      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-seba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal assenjat bil-leave fl-interess tas-servizz għandu jirċievi allowance maħduma skont l-Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal. Mill-paragrafu 1 tal-Artikolu uniku ta’ dan l-anness, moqri fid-dawl tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li din l-allowance mensili hija, matul l-ewwel tliet xhur li fiha tiġi applikata l-miżura, ugwali għas-salarju bażiku tal-uffiċjal ikkonċernat. Mir-raba’ sas-sitt xahar, din tkun tammonta għal 85 % tas-salarju bażiku u, sussegwentement u sal-irtirar b’mod mhux volontarju, għal 70 % tas-salarju bażiku.

68      Bħala dispożizzjoni, prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li ttaffi l-inkonvenjenti għall-uffiċjali kkonċernati minn ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz, jeħtieġ ukoll li wieħed jirreferi għat-tmien paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li, essenzjalment, jippermetti lill-uffiċjal ikkonċernat li jkompli jikkontribwixxi għall-iskema tal-pensjonijiet matul il-perijodu tal-ħruġ tiegħu fuq leave fl-interess tas-servizz, sabiex iżid l-ammont tal-pensjoni li huwa jibbenefika minnha matul l-irtirar tiegħu.

69      Għandu jiġi kkonstatat li, jekk ikun permess li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi applikat għal uffiċjal li laħaq “l-età pensjonabbli” u li, għaldaqstant, l-irtirar tiegħu b’mod mhux volontarju jkun fl-istess ħin mal-ħruġ tiegħu fuq leave fl-interess tas-servizz, l-imsemmi uffiċjal ma jieħu ebda benefiċċju mid-dispożizzjonijiet previsti mis-seba’ u mit-tmien paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu t-tul tal-leave fl-interess tas-servizz ma jkun xejn. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-bilanċ mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, bejn il-kunsiderazzjonijiet dwar il-ġestjoni ottimizzata tar-riżorsi umani tal-istituzzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet dwar il-protezzjoni suffiċjenti tal-interessi tal-uffiċjali kkonċernati, ikun imfixkel għad-detriment ta’ dawn l-aħħar kunsiderazzjonijiet.

70      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, f’każ ta’ rtirar b’mod mhux volontarju simultanjament mal-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz, l-Awtorità tal-Ħatra ma jkollhiex il-possibbiltà offruta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk mhux “f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali”, li ttemm il-leave fl-interess tas-servizz u li terġa’ ddaħħal lill-uffiċjal għal xogħlu. Minn dan isegwi li l-ipoteżi msemmija iktar ’il fuq hija inkonċiljabbli ma’ din id-dispożizzjoni inkwantu, minn naħa, hija twassal biex iċċaħħad awtomatikament lill-istituzzjonijiet, billi tneħħilhom kull setgħa diskrezzjonali tagħhom, minn għodda ta’ ġestjoni tal-persunal li tikkostitwixxi l-possibbiltà tad-dħul mill-ġdid fis-servizz tal-uffiċjal ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, hija ċċaħħad lill-imsemmi uffiċjal mill-possibbiltà ta’ tali dħul mill-ġdid.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ma tikkorroborax it-teżi tal-Kummissjoni, iżda tikkorrobora, min-naħa l-oħra, il-konklużjoni ppreżentata fil-punt 59 iktar ’il fuq.

72      Konsegwentement, skont l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata għal uffiċjali li, bħar-rikorrent, laħqu l-“età pensjonabbli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, bil-fatt li adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, kisret il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni u li d-deċiżjoni kkontestata, għandha, għaldaqstant, tkun annullata, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 47 u 52 tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq l-ispejjeż

73      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

74      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent, inkluż għal dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-2 ta’ Marzu 2017 li biha RW inħareġ fuq leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, ġie rtirat b’mod mhux volontarju, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk imġarrba minn RW, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Prek

Buttigieg

Berke

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Mejju 2019.

 

Firem      

 

*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.