Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2012 – ZZ vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-17/12)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas kumpens għad-dannu li r-rikorrent qiegħed jallega li ġarrab minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura għar-rikonoxximent tal-gravità tal-marda li kien isofri minnha.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla d-deċiżjoni, irrispettivament mill-forma tagħha, li permezz tagħha ġiet miċħuda, min-naħa tal-Kummissjoni, it-talba tat-23 ta’ Novembru 2010 mressqa mir-rikorrent quddiem l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni;

jannulla n-nota tal-24 ta’ Jannar 2011, li fuq il-lemin fin-naħa ta’ fuq għandha r-referenza “Ref Ares(2011)74616 - 24/0112011”, u li toriġina mill-Kummissjoni;

sa fejn ikun opportun, jannulla d-deċiżjoni, irrispettivament mill-forma tagħha, li permezz tagħha ġie miċħud l-ilment imressaq mir-rikorrent fil-konfront tan-nota tal-24 ta’ Jannar 2011;

sa fejn ikun opportun, jannulla n-nota tat-23 ta’ Settembru 2011, li fuq il-lemin fin-naħa ta’ fuq għandha r-referenza “Ref Ares(2011)1010393 - 23/09/2011”;

sa fejn ikun opportun, jikkonstata li l-proċedura mibdija fuq talba tiegħu għar-rikonoxximent tad-dritt tiegħu, taħt l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiġi rrimborsat 100 % għall-ispejjeż mediċi inkorsi minnu, damet għal iktar minn ħames snin;

sa fejn ikun meħtieġ, jiddikjara li t-tul tal-proċedura inkwistjoni mar lil hinn minn tul raġonevoli;

għaldaqstant, jikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tikkumpensa lir-rikorrent għad-dannu li huwa diġà ġarrab inġustament minħabba t-tul irraġonevoli tal-proċedura inkwistjoni, billi tagħtih is-somma ta’ EUR 10 000 jew kwalunkwe somma ikbar jew iżgħar li fil-fehma tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tkun ġusta u ekwa;

jikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallas lir-rikorrent, b’effett mill-jum ta’ wara dak li fih it-talba tat-23 ta’ Novembru 2010 wasslet għand il-Kummissjoni u sal-ħlas effettiv tas-somma ta’ EUR 10 000, l-interessi dovuti fuq din is-somma bir-rata ta’ 10 % fis-sena u b’kapitalizzazzjoni tal-interessi kull sena;

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.