Kawżi magħquda C154/15, C307/15 u C308/15

Francisco Gutiérrez NaranjovsCajasur Banco SAU,

Ana María Palacios MartínezvsBanco Bilbao Vizcaya Argentaria SA (BBVA)

u

Banco Popular Español SAvsEmilio Irles LópezuTeresa Torres Andreu

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 1 de Granada kif ukoll mill-Audiencia Provincial de Alicante)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Self ipotekarju – Klawżoli inġusti – Artikolu 4(2) – Artikolu 6(1) – Dikjarazzjoni ta’ nullità – Limitazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-effetti ratione temporis tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ klawżola inġusta”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑21 ta’ Diċembru 2016

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Portata – Reviżjoni mill-qorti nazzjonali tal-kontenut ta’ klawżola inġusta – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, l-erbgħa u għoxrin premessa u Artikoli 6(1) u 7(1))

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Obbligu għall-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola f’kuntratt suġġett għall-evalwazzjoni tagħha

(Direttiva tal-Kunsill 93/13)

3.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Portata – Obbligu għall-qorti nazzjonali li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-imsemmija konstatazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 6(1))

4.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Portata – Ġurisprudenza nazzjonali li tippermetti l-limitazzjoni ratione temporis mill-qorti nazzjonali tal-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 3(1), 6(1) u 7(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 57, 60)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 58)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 59)

4.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, biss għall-ammonti mħallsa indebitament skont tali klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li kkonstatat ġudizzjarjament din in-natura inġusta.

Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur. Konsegwentement, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-effett li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien jinsab fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola. Għaldaqstant, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ ammonti li jirriżulta li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju li jikkorrispondi ma’ dawn l-istess ammonti. Fil-fatt, l-assenza ta’ tali effett restitutorju tista’ timmina l-effett dissważiv li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, irid jagħti lill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur.

Barra minn hekk, il-qafas fid-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13 ma jistax ibiddel il-portata u, konsegwentement, is-sustanza ta’ din il-protezzjoni u bih stess jimmina t-tisħiħ tal-effettività tal-imsemmija protezzjoni bl-adozzjoni ta’ regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti, li kienet ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, bħalma huwa indikat fl-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13. Konsegwentement, minkejja li huma l-Istati Membri, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom hija stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola f’kuntratt u l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li tali konstatazzjoni għandha tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li kien ikun fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi jingħata dritt għall-ħlas lura ta’ benefiċċji miksuba indebitament, għad-detriment tiegħu, mill-bejjiegħ jew fornitur abbażi tal-imsemmija klawżola inġusta.

F’dan il-kuntest, il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-drittijiet nazzjonali, li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, ma jistgħux jimminaw is-sustanza tad-dritt li l-konsumaturi jieħdu minn din id-dispożizzjoni li ma jkunux marbuta minn klawżola meqjusa inġusta.

Minn dan jirriżulta li ġurisprudenza nazzjonali dwar il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti legali li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, tiżgura protezzjoni limitata biss għall-konsumaturi. Tali protezzjoni tirriżulta, konsegwentement, inkompleta u insuffiċjenti u tikkostitwixxi mezz li la huwa adegwat u lanqas effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ dawn it-tipi ta’ klawżoli, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-qrati tar-rinviju huma marbuta bl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma għandhom ma japplikawx, fuq awtorità tagħhom stess, il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis li tirriżulta minn tali ġurisprudenza, sa fejn dan ma jidhirx li huwa kompatibbli ma’ dan id-dritt.

Konsegwentement, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni tan-natura inġusta, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, ta’ klawżola f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur, biss għall-ammonti mħallsa indebitament skont tali klawżola wara l-għoti tad-deċiżjoni li kkonstatat ġudizzjarjament din in-natura inġusta.

(ara l-punti 61‑63, 65, 66, 71, 73‑75 u d-dispożittiv)