Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Slovakka

(Kawża C-342/21)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Noll-Ehlers, R. Lindenthal, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika Slovakka

Talbiet

Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, minħabba li qabżet b’mod sistemiku u kostanti l-valur ta’ limitu ta’ kuljum ta’ PM10 mill-2005 ’l quddiem fiż-żona SKBB01 Banskobystrický kraj (bl-esklużjoni tas-sena 2016) u fl-agglomerazzjoni SKKO0.1 Košice (bl-esklużjoni tas-snin 2009, 2015 u 2016), ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa 1 , ikkunsidrat flimkien mal-Anness XI tagħha,

tikkonstata li, minħabba li fil-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja ma pprevedietx miżuri adegwati sabiex il-perijodu li matulu jinqabżu l-limiti jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli fiż-żona SKBB01 Banskobystrický kraj, fl-agglomerazzjoni SKKO0.1 Košice u fiż-żona SKKO02 Košice kraj, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, ikkunsidrat flimkien mal-Anness XV tagħha,

tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva 2008/50 tistabbilixxi l-valur ta’ limitu għall-konċentrazzjoni ta’ kuljum ta’ PM10 (50 μg/m³). Il-valur ta’ limitu għall-konċentrazzjoni ma għandux jinqabeż iktar minn 35 darba f’sena kalendarja waħda. Ir-Repubblika Slovakka kisret b’mod sistemiku u kostanti l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50 fiż-żona Banskobystrický kraj u fl-agglomerazzjoni Košice, kif joħroġ mir-rapporti annwali dwar il-kwalità tal-arja ppreżentati mir-Repubblika Slovakka fuq il-bażi tal-Artikolu 27 tad-Direttiva.

Barra minn hekk, l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jipprevedi li, meta f’żoni jew f’agglomerazzjonijiet partikolari l-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ambjentali jaqbżu l-valuri ta’ limitu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tfassil ta’ pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għal dawn iż-żoni u għal dawn l-agglomerazzjonijiet, bil-għan li jintlaħaq il-valur ta’ limitu rilevanti previst fl-Anness XI. Fil-każ li jinqabżu l-valuri ta’ limitu li t-terminu previst sabiex jintlaħqu jkun diġà skada, il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għandhom jipprevedu miżuri adegwati sabiex il-perijodu li matulu jinqabżu jinżamm l-iqsar possibbli. Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tfassal pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja fil-każ li jinqabżu l-valuri ta’ limitu fiż-żona Banskobystrický kraj, fiż-żona Košice kraj u fl-agglomerazzjoni Košice li jipprevedu miżuri adegwati sabiex il-perijodu li matulhom jinqabżu dawn il-limiti jinżamm l-iqsar possibbli. Issa, in-nuqqas jirriżulta mis-sempliċi fatt li, fiż-żewġ żoni u fl-agglomerazzjoni, ir-Repubblika Slovakka kisret b’mod sistemiku u kostanti l-Artikolu 13(1) billi ppermettiet li jinqabeż il-valur ta’ limitu ta’ kuljum ta’ PM10. Il-ksur tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva jirriżulta wkoll min-nuqqas ta’ konformità tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, min-natura inkompleta tal-istrateġija dwar il-kwalità tal-arja, min-nuqqas ta’ miżuri supplimentari adegwati u min-nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni Slovakka.

____________

1     ĠU 2008, L 152, p. 1.