Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fl‑14 ta’ Settembru 2023 (1)

Kawża C421/22

SIA Dobeles autobusu parks,

AS CATA,

SIA VTU Valmiera,

SIA Jelgavas autobusu parks,

SIA Jēkabpils autobusu parks

fil-preżenza ta’:

Iepirkumu uzraudzības birojs,

VSIA Autotransporta direkcija

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Regolament (KE) Nru 1370/2007  ‑ Servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank ‑ Kuntratt previst għal għaxar snin ‑ Obbligu ta’ servizz pubbliku ‑ Parametri ta’ kumpens ‑ Sejħa għall-offerti kompetittiva”






1.        Fil-kawża li tagħti lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, diversi operaturi ekonomiċi jikkontestaw l-ispeċifikazzjonijiet ta’ sejħa għall-offerti miftuħa għall-għoti ta’ kuntratt għall-provvista tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank. Fl-opinjoni tagħhom, l-ispeċifikazzjonijiet ma jipproteġuhomx b’mod adegwat kontra ż-żieda possibbli ta’ ċerti spejjeż (ta’ kombustibbli, ta’ pagi u ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali) fit-tul ta’ żmien ta’ għaxar snin tal-kuntratt.

2.        Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (2) jippermettix “skema ta’ kumpens” li bis-saħħa tagħha l-awtorità kompetenti ma tipproċedix għall-indiċjar perjodiku tal-prezz kuntrattwali, fir-rigward taż-żidiet fl-ispejjeż inerenti għall-forniment tas-servizz li huma ’l barra mill-kontroll tal-offerent rebbieħ.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kumpens li jikkorrispondi għall-obbligi tas-servizz pubbliku fis-settur tat-trasport (3), iżda ma indirizzatx espressament id-domanda li qiegħda ssirilha hawnhekk.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni. IrRegolament Nru 1370/2007

4.        Il-premessi 27 u 34 huma rilevanti.

5.        Skont l-Artikolu 1(1) (“Skop u kamp ta’ applikazzjoni”):

“1.      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku”.

6.        L-Artikolu 2a(2) (“Speċifikazzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku”), jindika:

“L-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-kumpens relatat tal-effett finanzjarju nett tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom:

a)      jilħqu l-objettivi tal-politika tat-trasport pubbliku b’mod kosteffettiv; u

b)      isostnu finanzjarjament il-forniment [is-sostenibbiltà finanzjarja tal-forniment] tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-politika tat-trasport pubbliku fuq perijodu twil”.

7.        Skont l-Artikolu 3(1) (“Kuntratti għal servizz pubbliku u regoli ġenerali”):

“Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku”.

8.        L-Artikolu 4(1) (“Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali”), jipprovdi:

“Il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom:

a)      jistabbilixxu biċ-ċar l-obbligi ta’ servizz pubbliku, definiti f’dan ir-Regolament u speċifikati skont l-Artikolu 2a tiegħu, li l-operatur ta’ servizz pubbliku għandu jikkonforma magħhom, u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;

b)      jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti:

i)      il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat; u

ii)      in-natura u l-firxa ta’ kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija b’mod li jevita l-kumpens żejjed.

[…]”

9.        Skont l-Artikolu 6(1) (“Kumpens għas-servizz pubbliku”):

“Il-kumpens kollu marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mal-Artikolu 4 […]”.

B.      Iddritt nazzjonali

10.      Huma applikabbli l-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 10 u l-paragrafu 1 tal-Artikolu 11 tas-Sabiedriskā transporta pakalpojumu likums (4); u l-paragrafu 1 tal-Artikolu 2, u l-Artikolu 56 tal-Ministru kabineta 2015.gada 28.jūlija noteikumi Nr. 435 “Kārtība, kādā nosaka un kompensē ar sabiedriskā transporta pakalpojumu sniegšanu saistītos zaudējumus un izdevumus un nosaka sabiedriskā transporta pakalpojuma tarifu” (5).

II.    Ilfatti, ittilwima u ddomandi preliminari

11.      Valsts SIA Autotransporta direkcija (iktar ’il quddiem, “l-awtorità kontraenti”) nediet sejħa għall-offerti miftuħa “għall-għoti tad-dritt li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport pubbliku permezz ta’ xarabanks fin-network ta’ rotot ta’ importanza reġjonali”. Fiha ġie mħabbar l-iffirmar ta’ kuntratt pubbliku ta’ għaxar snin ma’ fornituri tas-servizz tat-trasport pubbliku (6).

12.      SIA Dobeles autobusu parks (iktar ’il quddiem “Dobeles”) u operaturi ekonomiċi oħra (7) kkontestaw l-ispeċifikazzjonijiet għar-raġuni minħabba li, skont huma, dawn stabbilixxew mekkaniżmu ta’ kumpens għas-servizzi ta’ trasport pubbliku li jmur kontra l-liġi (8). Speċifikament, huma argumentaw li:

–      L-offerta tal-offerenti għandha tipprevedi l-prezz tas-servizz offrut għall-għaxar snin ta’ wara, mingħajr ma l-kuntratt (futur) ikun fih proċedura adegwata sabiex jiġi rrivedut.

–      L-unika reviżjoni tal-prezzijiet ikkontemplata tipprovdi għal indiċjar li huma jqisu bħala insuffiċjenti: din tilħaq biss tliet elementi (kombustibbli, remunerazzjoni tax-xogħol u kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali nazzjonali, f’każ ta’ emenda leġiżlattiva) meta jilħqu varjazzjonijiet ta’ iktar minn 5 % (għall-kombustibbli) jew 8 % (għall-ispejjeż tal-pagi). Jekk iż-żidiet f’dawn l-ispejjeż ma jaqbżux dawn il-limiti, dawn għandhom jitħallsu mill-fornitur tas-servizz.

–      L-indiċjar ma jkoprix l-ewwel erba’ snin tal-forniment tas-servizz u l-possibbiltà li jinkiseb kumpens għaż-żieda fl-ispejjeż matul l-aħħar tliet snin ma hijiex prevista.

13.      Fil‑11 ta’ Novembru 2019, l-Iepirkumu uzraudzības biroja Iesniegumu izskatīšanas komisija (il-Kummissjoni dwar l-Ilmenti tal-Uffiċċju ta’ Sorveljanza tal-Akkwist Pubbliku, il-Latvja) ċaħdet il-kontestazzjoni tar-rikorrenti.

14.      Kull wieħed mir-rikorrenti ppreżenta rikors taħt id-dritt proċedurali amministrattiv quddiem l-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), li ċaħdithom permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Mejju 2019. Fl-opinjoni ta’ dik il-qorti, skont ir-Regolament Nru 1370/2007 u l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tiegħu (9) l-Istat ma huwiex obbligat ikopri bis-sħiħ l-ispejjeż kollha tal-fornituri tas-servizz tat-trasport pubbliku.

15.      Xi rikorrenti appellaw mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) billi essenzjalment invokaw l-istess argumenti użati fil-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji preċedenti.

16.      Dik il-qorti, fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet fil-kawża, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2a(2), u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 […] jawtorizzaw skema ta’ kumpens li ma timponix fuq l-awtorità kompetenti l-obbligu li tagħti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku, permezz ta’ indiċjar regolari tal-prezz kuntrattwali (ammont tal-kumpens), kumpens sħiħ ta’ kull żieda tal-ispejjeż relatati mal-provvista ta’ servizz li huma ’l barra mill-kontroll tal-fornitur tas-servizzi, b’tali mod li din l-iskema ma teliminax totalment ir-riskju li f-fornitur ta’ servizzi jsofri telf li ma jistax jiġi kkumpensat?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

17.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Ġunju 2022.

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-Gvern Ċiprijott, mill-Gvern Latvjan u mill-Kummissjoni Ewropea.

19.      Fit‑8 ta’ Ġunju 2023 saret seduta, li għaliha attendew Dobeles, l-awtorità kontraenti, il-Gvern Ċiprijott, il-Gvern Latvjan u l-Kummissjoni.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

1.      Illeġiżlazzjoni applikabbli

20.      Il-qorti tar-rinviju tqis li r-Regolament Nru 1370/2007 huwa applikabbli għall-kawża prinċipali, u titlob l-interpretazzjoni ta’ tliet dispożizzjonijiet tiegħu:

–      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1), li bis-saħħa tiegħu r-Regolament innifsu “jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku”.

–      L-Artikolu 2a(2), li jistabbilixxi l-għanijiet tal-“ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-kumpens relatat tal-effett finanzjarju nett tal-obbligi ta’ servizz pubbliku”.

–      L-Artikolu 3(2), li jirreferi għall-obbligi tat-tariffi stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali, “minkejja d-dritt ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jintegraw obbligi ta’ servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi f’kuntratti għal servizz pubbliku” (10).

21.      L-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 ser tiddependi, madankollu, fuq il-karatteristiċi tal-kuntratt li l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu huma s-suġġett tat-tilwima. Dan ir-regolament:

–      Meta jirreferi għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq, jipprovdi għal arranġamenti ta’ intervent fi skemi ġenerali ta’ kuntratti pubbliċi, bħal dawk irregolati mid-Direttiva 2014/24/UE (11) jew id-Direttiva 2014/25/UE (12).

–      Fih dispożizzjonijiet speċjali li jissostitwixxu jew jiżdiedu ma’ dawk ġenerali pprovduti mid-Direttiva 2014/24 jew mid-Direttiva 2014/25, skont jekk id-direttiva applikabbli tistabbilixxix regoli fl-oqsma rregolati mill-imsemmi regolament (13) jew le.

22.      Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kuntratti ta’ servizz pubbliku għandhom jingħataw, bħala prinċipju, skont ir-regoli stabbiliti f’dan ir-regolament.

23.      Madankollu, il-kuntratti ta’ servizzi jew il-kuntratti ta’ servizz pubbliku, kif iddefiniti fid-Direttivi 2014/24 u 2014/25, fir-rigward tas-servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew tram, ser jingħataw skont il-proċeduri stabbiliti f’dawn id-direttivi, meta dawn il-kuntratti ma jiħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz.

2.      Lobbligu ta’ servizz pubbliku u nnatura talkuntratt

24.      Minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza dwar dan il-punt, in-natura tal-kuntratt ikkontestat ġiet diskussa waqt is-seduta. Dobeles, l-awtorità kontraenti u l-Gvern Latvjan qablu li kien kuntratt ta’ servizz pubbliku, li fih l-offerent magħżul kien responsabbli biss għal xi riskji, u mhux kuntratt ta’ konċessjoni (14).

25.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiċċara jekk din l-opinjoni hijiex korretta. Biex tagħmel dan, għandha tqis, b’mod partikolari, it-trażmissjoni tar-riskju ta’ operat tas-servizzi li jingħataw.

26.      Il-partijiet kollha jaqblu wkoll dwar l-eżistenza ta’ obbligu ġenwin ta’ servizz pubbliku, li s-sodisfazzjon tiegħu huwa l-għan tal-kuntratt ikkontestat.

27.      Issa li dawn l-inċertezzi huma ċċarati, ser niffoka l-analiżi tiegħi fuq il-qafas ġuridiku offrut mir-Regolament Nru 1370/2007.

B.      Ilkumpens tasservizz pubbliku, korrispettiv talobbligu tasservizz pubbliku

28.      Ir-Regolament Nru 1370/2007 jipprovdi li “obbligu ta’ servizz pubbliku” “tfisser rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens” (15).

29.      Spjegajt f’post ieħor (16) li r-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi korrispettiv għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma ta’ piż għall-impriżi kkonċernati. Dan il-korrispettiv jieħu l-forma ta’ kumpens, jew l-għoti ta’ dritt esklużiv (17).

30.      Il-kunċett ta’ “kumpens ta’ servizz pubbliku” jorbot benefiċċju, b’mod partikolari finanzjarju, mal-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku li jinvolvi t-twettiq ta’ servizzi li ma għandhomx interess kummerċjali.

31.      B’hekk jiġi żgurat li l-obbligi ta’ servizz pubbliku, meta jkunu bi ħlas, ma jkunux għad-detriment ekonomiku tal-operaturi li għandhom iwettquhom u, finalment, għad-detriment tal-provvista nnifisha tas-servizz. F’dawn il-każijiet, kumpens, korrispettiv għal obbligu ta’ servizz pubbliku, “[…] għand[hom] jingħata[w] biex jiġi żgurat il-forniment ta’ servizzi li huma servizzi ta’ interess ġenerali fis-sens tat-tifsira tat-Trattat” (18).

32.      Ir-Regolament Nru 1370/2007 ma jipprovdix, b’mod definittiv, li l-ispiża dderivata mill-obbligi ta’ servizz pubbliku għandha tiġi mġarrba biss mill-operaturi tat-trasport: f’dan il-każ, huwa probabbli li ħadd ma jaċċetta li jipprovdi s-servizz, mingħajr interess kummerċjali fih innifsu.

1.      Lammont talkumpens

33.      Meta tikkalkula l-kumpens (jew tistabbilixxi l-mekkaniżmi u l-parametri biex tagħmel dan) (19), l-awtorità kompetenti għandha tfittex li dan kemm “[jilħaq] l-objettivi tal-politika tat-trasport pubbliku b’mod kosteffettiv” (20) kif ukoll li “[isostni] finanzjarjament il-forniment tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-politika tat-trasport pubbliku fuq perijodu twil” (21).

34.      Ir-Regolament Nru 1370/2007 ma jeżiġix li l-kumpens ikopri kompletament l-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. Permezz tar-riferiment li l-premessa 33 tiegħu tagħmel għas-sentenza Altmark, jiftakkar li, sabiex jiġi eskluż li kumpens għal servizz pubbliku jkun benefiċċju fis-sens tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat KE (attwalment l-Artikolu 107(1) TFUE), dan il-kumpens “ma jistax jeċċedi dak li hu meħtieġ biex ikunu koperti l-ispejjeż netti [totali jew parzjali] kkawżati mit-twettiq ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku” (22).

35.      Bl-istess mod, l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1370/2007 jeħtieġ li jiġu ddeterminati, kemm fil-kuntratti ta’ servizz pubbliku kif ukoll fir-regoli ġenerali, l-arranġamenti għall-allokazzjoni tal-ispejjeż konnessi mal-forniment tas-servizzi. Dan ir-rekwiżit jippreżumi li ma jkun hemm l-ebda obbligu tal-awtorità kompetenti li tikkumpensa l-ispejjeż kollha li jġarrab l-operatur bħala riżultat tat-teħid tal-obbligu ta’ servizz pubbliku.

36.      Il-kumpens parzjali biss tal-ispejjeż marbuta mal-obbligu ta’ servizz pubbliku jinvolvi riskju għall-operatur. Meta dan il-kumpens ikun marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt mogħti direttament, l-awtorità kompetenti għandha tieħu dan inkunsiderazzjoni meta tikkalkula l-qligħ raġonevoli għall-operat tal-obbligu ta’ servizz pubbliku (23).

37.      Barra minn hekk, il-kumpens marbut ma’ obbligu ta’ servizz pubbliku fis-settur tat-trasport fuq l-art ma għandux ikun eċċessiv. L-evitar ta’ kumpens żejjed għandu raġuni doppja: minn naħa waħda, li jiġu evitati sussidji li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat; min-naħa l-oħra, li jirriżulta f’titjib fil-kwalità u l-effettività tas-servizz.

38.      Il-premessa 27 u l-punt 7 tal-anness (24) u, b’formulazzjoni iktar wiesgħa, l-Artikolu 2a(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 imsemmi qabel, introdott permezz tar-Regolament Nru 2016/2338, jirreferu għal dan l-għan imsemmi l-aħħar.

39.      Ir-Regolament 1370/2007 ma jagħtix linji gwida dwar kif għandha tiġi promossa l-ġestjoni effiċjenti tas-servizz tat-trasport permezz tal-kumpens (25): l-awtoritajiet kompetenti għandhom ċerta marġni ta’ azzjoni (26).

40.      Il-Kummissjoni twissi fil-Linji Gwida tagħha kontra skemi ta’ kumpens li “sempliċiment ikopru l-ispejjeż attwali kif iseħħu” (jiġifieri ex post), peress li “jipprovdu ftit inċentivi għal kumpanija ta’ trasport biex trażżan l-ispejjeż jew biex issir aktar effiċjenti maż-żmien” (27).

41.      Minn din il-perspettiva, l-għoti ta’ kumpens għal ammont inqas mill-ispejjeż netti tal-obbligu ta’ servizz pubbliku jista’ jservi sabiex jinkoraġġixxi l-ġestjoni effettiva mill-operatur tas-servizz pubbliku, filwaqt li dan jiġi inkoraġġut inaqqas l-ispejjeż li għandu kontroll fuqhom.

42.      Fix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 2016/2338, ġew ippreżentati emendi sabiex jipprojbixxu li kumpens “jaqbeż”, jew “jaqa’ taħt l-ammont meħtieġ biex ikopri l-impatt finanzjarju nett fuq il-kostijiet imġarrba u d-dħul iġġenerat fil-qadi tal-obbligi ta’ servizz pubbliku” (28). Dawn l-emendi ġew opposti b’mod espliċitu mill-Kunsill għaliex marru kontra l-linji gwida (29), peress li poġġew ir-riskju kollu fuq l-awtoritajiet kontraenti u ma ppermettewx l-introduzzjoni ta’ inċentivi għall-effiċjenza fil-ġestjoni tas-servizz (30).

2.      Kumpens adegwat?

43.      Fost l-artikoli tiegħu, ir-Regolament Nru 1370/2007 ma fih ebda artikolu li jsemmi b’mod litterali kumpens “adegwat”, “xieraq” jew “suffiċjenti” (31). Ir-referenza għal dawn it-termini tidher fil-preambolu u, indirettament, fl-anness.

44.      Fit-test adottat fl‑2007, il-premessa 27, wara li tfakkar li l-kumpens ma jistax ikun eċċessiv, tindika li “meta awtorità kompetenti tippjana li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku mingħajr sejħa kompetittiva għall-offerti, jeħtiġilha wkoll tirrispetta r-regoli dettaljati li jiżguraw li l-ammont tal-kumpens ikun xieraq […]”.

45.      Fil-parti operattiva tat-test, it-tħassib dwar kumpens insuffiċjenti jeżisti wkoll, minkejja l-fatt li, bħala tali, huwa tradott esklużivament f’referenza għall-anness, fir-rigward tal-impatt li l-osservanza tal-obbligu ta’ servizz pubbliku jista’ jkollha fuq attivitajiet oħra tal-operatur, jew fuq in-networks tiegħu (32).

46.      Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni jfakkru li kumpens “xieraq” huwa meħtieġ sabiex il-fondi proprji tal-operatur suġġett għall-obbligu tas-servizz pubbliku ma jonqsux fuq medda twila ta’ żmien u ma jkunx jista’ jissodisfa b’mod effiċjenti l-obbligi tiegħu taħt il-kuntratt, jew iżomm forniment ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ standard għoli (33).

47.      Il-Kummissjoni żżid li kumpens mhux xieraq joħloq ukoll riskju li jitnaqqas in-numru ta’ offerti mressqa għal sejħa għall-offerti għall-għoti ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku (34).

48.      Fil-proposta tagħha għal emenda tar-Regolament Nru 1370/2007, il-Kummissjoni għamlet espliċita l-importanza li tiġi żgurata l-vijabbiltà finanzjarja tat-trasport pubbliku (35).

49.      Dan it-tħassib jidher biss fit-test emendat bir-Regolament Nru 2016/2338. L-Artikolu 2a(2)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 jinsisti li l-kumpens għandu jkollu, fost l-għanijiet tiegħu, li “isostnu finanzjarjament il-forniment [is-sostenibbiltà finanzjarja tal-forniment] tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-politika tat-trasport pubbliku fuq perijodu twil”.

50.      Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 2016/2338 tassoċja s-sostenibbiltà finanzjarja u d-dmir li jingħata kumpens “kif xieraq” għat-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku mill-operaturi tas-servizzi.

51.      L-evalwazzjoni ta’ jekk il-kumpens huwiex adegwat, fis-sens indikat, tifforma parti mill-verifika ta’ proporzjonalità (36) li għandu jkollhom l-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għall-forniment tas-servizz tat-trasport tal-passiġġieri, skont l-Artikolu 2a(1) tar-Regolament Nru 1370/2007.

52.      Il-kumpens għandu, għalhekk, jippermetti lill-operatur inkarigat mill-obbligu ta’ servizz pubbliku jwettaq il-forniment b’suċċess. Għar-raġunijiet li pprovdejt qabel, dan ma jfissirx li l-ammont tiegħu jkun identiku għall-ispiża finanzjarja netta dderivata mill-konformità ma’ dak l-obbligu.

3.      Spejjeż (kunċetti) eliġibbli għal kumpens

53.      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kuntratti ta’ servizz pubbliku għandhom jipprevedu l-arranġamenti għall-allokazzjoni tal-ispejjeż konnessi mal-forniment tas-servizzi ta’ trasport (37).

54.      Fost dawn l-ispejjeż, dan il-paragrafu jelenka, mingħajr l-intenzjoni li jkun eżawrjenti, dawk tal-persunal, l-enerġija, il-ħlasijiet ta’ infrastruttura, il-manutenzjoni u t-tiswija tal-vetturi tat-trasport pubbliku, tar-rolling stock u tal-installazzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim tas-servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri, l-ispejjeż fissi u dħul adegwat fuq il-kapital.

55.      L-ewwel proposti tar-Regolament kienu jeħtieġu li l-operatur jassumi, bħala minimu, “l-ispiża tal-forniment tas-servizzi li jirreferi għalihom kuntratt ta’ servizz pubbliku, inklużi b’mod speċjali l-ispejjeż tal-persunal, l-enerġija u l-manutenzjoni u t-tiswija ta’ vetturi u rolling stock” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (38).

56.      Ir-Regolament Nru 1370/2007 ma jeħtieġx, min-naħa l-oħra, l-allokazzjoni ta’ spejjeż speċifiċi lil parti jew oħra; għalhekk, ma jeħtieġx il-kumpens ta’ spejjeż konkreti (39). L-awtorità kompetenti tgawdi flessibbiltà f’dan ir-rigward (40).

4.      Konklużjoni intermedja

57.      Kumpens għal servizz pubbliku skont ir-Regolament Nru 1370/2007 huwa wieħed li, minħabba l-ammont tiegħu, ma jagħtix vantaġġ finanzjarju li jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. Dan l-ammont għandu jirrifletti wkoll bilanċ bejn l-għanijiet ta’ ġestjoni effettiva tas-servizz tat-trasport u s-sostenibbiltà finanzjarja tal-provvista tiegħu fit-tul.

58.      Kumpens inqas mill-ispiża netta tat-twettiq tal-obbligu tas-servizz pubbliku ma jiksirx ir-Regolament Nru 1370/2007. It-trasferiment tar-riskji lill-fornitur tas-servizzi ma huwiex, fih innifsu, kuntrarju għal dan ir-regolament.

59.      L-awtorità kompetenti tgawdi marġni wiesa’ fid-deċiżjoni tal-elementi li tassoċja magħhom il-kumpens jew le u, għalhekk, fir-rigward ta’ liema riskji, speċifikament, jassumi l-operatur tas-servizz.

C.      Ilkumpens u ssejħiet għallofferti kompetittivi

60.      Waqt is-seduta, ġie diskuss x’impatt jista’ jkollha ċ-ċirkustanza li l-għoti tal-kuntratt ikun ippreċedut minn proċedura ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva (kif ġara f’din il-kawża).

61.      Sabiex jiġi implimentat obbligu ta’ servizz pubbliku, ir-Regolament Nru 1370/2007 jikkontempla żewġ tipi ta’ għodod legali: il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali (41). Dawk tal-ewwel għandhom jintgħażlu, fil-prinċipju, meta jkun mistenni kumpens (42). B’mod eċċezzjonali, għal obbligi relatati ma’ tariffi massimi, tista’ ssir impożizzjoni unilaterali permezz ta’ regoli ġenerali (43).

62.      L-awtoritajiet kontraenti, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007, għandhom il-possibbiltà li jirrikorru għal għotja diretta (lil operatur intern jew, taħt kundizzjonijiet, lil parti terza) jew għal proċedura ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva. Il-livell ta’ dettall tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1370/2007 dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-korrispettiv ivarja skont il-mod li bih titwettaq l-għotja.

63.      It-test fih xi linji gwida komuni. L-Artikolu 6, iddedikat għal “kumpens għas-servizz pubbliku” jipprovdi fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 1 tiegħu, li dan għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1370/2007 (44).

64.      Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens marbut ma’ obbligu ta’ servizz pubbliku, ir-Regolament Nru 1370/2007 jipprovdi biss meta dan tal-aħħar jiġi impost permezz ta’ regola ġenerali jew fil-qafas ta’ kuntratt li l-għoti tiegħu huwa dirett.

65.      Fi kliem ieħor, ma hemm ebda regoli speċifiċi fir-Regolament Nru 1370/2007 li huma applikabbli għall-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens meta l-kuntratt jingħata permezz ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva. Fil-fehma tiegħi, dan in-nuqqas huwa dovut għall-fatt li l-leġiżlatur kellu kunfidenza fl-adegwatezza kbira tal-proċeduri kompetittivi sabiex jiksbu, waħedhom, il-bilanċ bejn l-interessi konfliġġenti.

66.      F’dan it-tip ta’ sejħiet għall-offerti, l-awtoritajiet kontraenti huma liberi li jinkorporaw, jew le, fl-ispeċifikazzjonijiet sistemi ta’ reviżjoni tal-prezzijiet taħt formuli ta’ indiċjar jew simili. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja (45) fir-rigward tar-regoli nazzjonali li ma pprovdewx għar-reviżjoni perjodika tal-prezzijiet tal-kuntratti wara l-għoti, id-dritt tal-UE (46) ma jipprekludix dawn ir-regoli.

67.      Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni jenfasizzaw, fl-Artikolu 2.4.1. tagħhom kif “proċedura ta’ sejħa kompetittiva għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 5(3) [tar-Regolament Nru 1370/2007] se tnaqqas il-kumpens pubbliku li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom iħallsu lill-fornitur tas-servizz biex jiksbu l-livell ta’ servizz pubbliku impost fis-sejħa għall-offerti, u b’hekk tipprevjeni milli jkun hemm kumpens żejjed. F’każ bħal dan, ma hemm l-ebda bżonn li jiġu applikati r-regoli ddettaljati dwar il-kumpens stabbiliti fl-Anness”.

68.      Il-proċeduri kompetittivi għall-għoti tal-kuntratt huma kkonfigurati, f’dan ir-rigward, bħala sistemi xierqa sabiex jiġi attribwit is-servizz pubbliku, fl-aħjar kundizzjonijiet ta’ kwalità u prezz, lil operatur ekonomiku eliġibbli. F’dan il-kuntest, l-intervent tar-regolatur jirriżulta li huwa inqas meħtieġ.

69.      Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni jikkorroboraw din l-idea: l-interazzjoni tal-forzi kompetittivi tas-suq tagħmilha possibbli li jiġi ddeterminat il-kumpens imnaqqas sal-valur minimu (47), sabiex l-awtorità jew l-entità kontraenti jkunu jistgħu jagħżlu l-offerta li tinvolvi l-inqas spiża għall-komunità (jew l-offerta li tirrappreżenta l-iktar għażla effiċjenti, f’termini ta’ prezz u kwalità (48).

70.      Fir-Regolament Nru 1370/2007, il-konvinzjoni li l-proċedura kompetittiva tippermetti aġġustament awtomatiku tal-korrispettiv ma hijiex assoċjata biss mar-rekwiżit li l-kumpens ma jkunx eċċessiv. Is-sejħa għall-offerti kompetittiva hija ppreżentata, ukoll, bħala adattata sabiex jinkiseb kumpens adegwat bil-għan li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà finanzjarja fit-tul tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-politika tat-trasport pubbliku (49).

71.      Madankollu, dak li ntqal hawn fuq jiddependi fuq il-preżunzjoni li d-disinn tal-offerta jippermetti kompetizzjoni reali u effettiva, kemm mill-perspettiva tal-proċedura kif ukoll tal-kontenut tal-kuntratt:

–      Fir-rigward tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva, ir-Regolament Nru 1370/2007 ma fihx ħafna speċifikazzjonijiet (50). Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni huma favur l-applikazzjoni tar-regoli speċifiċi tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku (51).

–      Fir-rigward tal-kontenut tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1370/2007 jelenka r-riferimenti minimi li għandhom jiġu inklużi. Nifhem li, għal raġunijiet ta’ trasparenza, dawn għandhom jidhru fl-ispeċifikazzjonijiet.

72.      Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, l-operaturi jagħżlu jekk jipparteċipawx jew le fl-għotja; jekk jagħmlu dan, ikunu jistgħu jippreparaw l-offerta billi jinkludu fiha l-prezz tal-fatturi rilevanti kollha (52).

73.      L-ammont tal-kumpens ‑jew il-mekkaniżmu u l-parametri sabiex jiġi ddeterminat‑ ċertament jgħodd fost dawk l-elementi rilevanti. Jekk jiġi kkalkolat eċċessivament sottovalutat, jista’ jiskoraġġixxi lill-offerenti potenzjali jew jillimita n-numru ta’ offerenti, għad-detriment tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 (53).

74.      L-awtorità kontraenti għalhekk għandha tevita li tinkorpora fl-ispeċifikazzjonijiet parametri ta’ kumpens li, billi jagħmlu l-obbligu ta’ servizz pubbliku għall-fornituri potenzjali ta’ piż żejjed wisq, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, jiskoraġġixxuhom milli jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti. Meta dan iseħħ, il-proċedura ma sservix l-għan essenzjali tagħha li tagħmilha possibbli li tiġi magħżula l-iktar offerta vantaġġuża (bil-għan li jiġi mwettaq l-obbligu tas-servizz pubbliku).

75.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx żbilanċ bejn il-forniment jew le, u jekk dan huwiex iġġustifikat jew le, jeħtieġ li jiġi eżaminat kull każ fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1370/2007 permezz tal-kumpens.

D.      Applikazzjoni għallkawża

76.      Fid-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tirrifletti argumenti favur u kontra t-talba tar-rikorrenti. Fost dawk tal-ewwel, hija telenka dawn:

–      Il-mudell magħżul u l-istrumenti għall-applikazzjoni tiegħu jobbligaw lill-offerenti jieħdu riskju għoli wisq meta jistabbilixxu l-prezz tas-servizz, sal-punt li għandu jitqies li l-Istat, fil-fatt, jevadi l-obbligu li jikkumpensa b’mod adegwat l-ispejjeż marbuta mal-forniment tas-servizz tat-trasport pubbliku.

–      Ma huwiex possibbli li wieħed ibassar b’mod preċiż kemm ser ikunu l-prezzijiet tas-sorsi tal-enerġija (kombustibbli) u l-pagi medji fis-settur jew il-kontribuzzjonijiet li ser ikollhom jitħallsu lis-sigurtà soċjali nazzjonali 10 snin ’il quddiem. Fi skema ta’ kumpens fejn hemm biss il-possibbiltà li l-prezzijiet jiġu debitament ikkalkolati mill-ġdid f’intervalli ta’ diversi snin, u għal xi kunċetti biss, ikun hemm ir-riskju li ż-żieda fl-ispejjeż minħabba tbassir mhux preċiż twassal għal telf lill-operatur, inkluż fil-każ ta’ attività ekonomika effiċjenti.

77.      Fost l-argumenti kontra hemm, dejjem skont il-qorti tar-rinviju, dawn li ġejjin:

–      Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni jenfasizzaw l-ideat ta’ kwalità u effiċjenza fil-forniment tas-servizzi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom isibu mudell li jiggarantixxi servizz ta’ kwalità u li, fl-istess ħin, jimmotiva lill-fornituri tas-servizzi sabiex itejbu l-prestazzjoni tal-forniment tagħhom. Ir-regoli ta’ kumpens stabbiliti fir-Regolament Nru 1370/2007 jħallu ċertu marġni lill-awtoritajiet kompetenti.

–      L-avviż ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa huwa parti mill-implimentazzjoni tal-iżvilupp tas-servizzi tat-trasport pubbliku nazzjonali fil-Latvja. L-Istat iddeċieda li, meta jiġi ddisinjat in-network uniku ta’ rotot tax-xarabanks b’rekwiżiti uniformi ta’ kwalità, mill‑2021 ’il quddiem, il-kumpens għall-forniment ta’ dawn is-servizzi jkun ibbażat fuq mudell kuntrattwali li ser ikun ibbażat fuq id-differenza bejn il-prezz propost mit-trasportatur fil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa u d-dħul iġġenerat mis-servizz tat-trasport pubbliku (54).

–      L-offerenti ma humiex ipprojbiti milli jinkludu fil-kalkolu tal-prezz tal-offerta l-ispiża tar-riskju li jieħdu meta jistabbilixxu prezz speċifiku għal perijodu partikolari. Għalhekk, ma humiex qegħdin jintalbu jbassru b’mod preċiż l-ispejjeż li huma parti mill-prezz tal-offerta għall‑10 snin ta’ wara, iżda pjuttost qegħdin jiġu mħeġġa jikkunsidraw x’ikun il-prezz tal-offerta fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u tan-negozju li jinbidlu.

–      Madankollu, teżisti l-possibbiltà li dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar ir-riskju ma jeskludux kompletament li l-iskema ta’ kumpens proposta ma tkoprix it-telf kollu mġarrab mill-operatur fit-twettiq tal-kuntratt. Fil-kuntest ta’ sejħa għall-offerti, huwa possibbli li, bit-tama li jkunu l-offerenti rebbieħa, l-offerenti jistgħu joqogħdu lura milli joffru prezz kuntrattwali li jista’ jipprevjeni tali riskju. B’riżultat ta’ dan, jista’ jkun hemm il-biża’ li d-disponibbiltà jew il-kwalità tas-servizz ser jitnaqqsu.

78.      Min-naħa tiegħi, b’mod konformi ma’ dak li ntqal hawn fuq, naħseb li xejn ma jobbliga lill-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu, favur il-fornitur tas-servizz tat-trasport pubbliku, mekkaniżmi ta’ indiċjar tal-ispejjeż kollha li jservu sabiex jiġi aċċettat il-prezz kuntrattwali.

79.      Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1370/2007 ma jeżiġix li l-kuntratt ta’ forniment tas-servizzi jinkludi klawżoli ta’ indiċjar sħiħ, li jiffunzjonaw bħala “assigurazzjoni” kontra żidiet fl-ispejjeż tal-kombustibbli, il-pagi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. L-awtorità kontraenti tista’, fil-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, tikkontempla dan l-indiċjar f’termini parzjali, għal ċerti perijodi biss u għal meta ż-żidiet fl-ispejjeż jaqbżu ċertu ammont (55).

80.      Nirrepeti li ma hemm l-ebda obbligu li jiġi żgurat il-kumpens sħiħ għal kwalunkwe żieda fl-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizz. Konsegwentement, skema nazzjonali tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku tat-trasport mogħtija permezz ta’ sejħa għall-offerti miftuħa li, kuntrarjament għal dik li kienet fis-seħħ qabel fil-Latvja (56), ma teliminax kompletament ir-riskju ta’ telf għall-fornitur tas-servizz, hija kompatibbli mar-Regolament Nru 1370/2007.

81.      Ma jistax jiġi eskluż li, fil-qafas ta’ dan il-mudell, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ riskji lill-operatur. Madankollu, meta jitqies fl-astratt, il-mudell jikkonforma mar-Regolament Nru 1370/2007, li jippermetti kumpens li ma jkunx totali, bil-kundizzjoni li jservi bħala inċentiv għall-effiċjenza.

82.      Għad-domanda dwar jekk tali mudell jobbligax lill-offerenti jieħdu riskju għoli wisq meta jistabbilixxu l-prezz tas-servizz, għandha tingħata r-risposta, l-ewwel, li l-parteċipazzjoni fis-sejħa għall-offerti ma hijiex obbligatorja u l-kandidati għandhom jikkunsidraw jekk humiex interessati, jew le, li jipparteċipaw fiha (57).

83.      It-tieni, kif spjegajt qabel, fuq il-bażi tal-informazzjoni xierqa, l-offerenti jfasslu l-offerta tagħhom fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, inkluża żieda futura fl-ispejjeż li jaffettwaw is-servizz u l-primjum tar-riskju korrispondenti. Huma għandhom jagħmlu tbassir, għal perijodu speċifiku, tal-ispejjeż li jaffettwaw il-prezz tas-servizz, inklużi dawk li ma jeżerċitaw l-ebda influwenza (’il fuq jew ’l isfel) fuq l-evoluzzjoni tagħhom.

84.      Inevitabbilment, din l-evalwazzjoni tal-ispejjeż futuri taqa’ wkoll fuq dawk li ż-żieda tagħhom ma tiddependix mill-operaturi, jiġifieri spejjeż li ma humiex marbuta direttament mal-“(in)effiċjenza operattiva tat-trasportatur” (58). Iżda, nirrepeti, ir-Regolament Nru 1370/2007 ma jeħtieġx il-kumpens ta’ spejjeż preċiżi. Jekk, bħala riżultat ta’ dawn iż-żidiet, il-kumpens ikun inqas mill-ispejjeż ikkalkulati mill-operatur, dan għandu jfittex li jiffranka fuq elementi oħra li għandu influwenza fuqhom.

85.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jipprekludux lill-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-klawżoli tal-ispeċifikazzjonijiet (u tal-kalkoli ekonomiċi li fuqhom huma bbażati), milli tevalwa l-effetti dissważivi possibbli tagħhom fil-qafas ġenerali tal-offerta (59). L-analiżi tagħha tista’ twassalha sabiex tiddeċiedi li l-kumpens tal-obbligu tas-servizz pubbliku, minħabba l-insuffiċjenza manifesta tiegħu, inaqqas id-disponibbiltà jew il-kwalità tas-servizz għal termini mhux raġonevoli jew jillimita b’mod artifiċjali n-numru ta’ offerenti.

86.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tissostitwixxi lill-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjonijiet tagħha dwar jekk il-kontenut tal-ispeċifikazzjonijiet ikkontestati fil-kawża kellux dawn in-nuqqasijiet u, għalhekk, ma kienx jippermetti li tintgħażel l-offerta l-iktar vantaġġuża. Kollox jidher li jindika li dan ma seħħx f’din il-kawża (fil-fatt, ipparteċipaw diversi offerenti li fformulaw l-offerti tagħhom b’mod liberu), iżda, ninsisti, din hija kwistjoni li l-qorti tar-rinviju biss hija fil-pożizzjoni li tiċċara.

V.      Konklużjoni

87.      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) kif ġej:

“Ir-Regolament Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016,

għandu jiġi interpretat fis-sens li

jippermetti li, fl-ispeċifikazzjonijiet għall-għoti, permezz ta’ proċedura kompetittiva miftuħa, ta’ kuntratt ta’ trasport tal-passiġġieri bix-xarabank, ma tiġix inkluża klawżola ta’ indiċjar regolari tal-ispejjeż kollha, inklużi dawk li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-imsemmi fornitur tas-servizzi, bħala korrispettiv għall-obbligu ta’ servizz pubbliku suġġett ta’ dan il-kuntratt”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1). Il-verżjoni fis-seħħ illum, applikabbli għal din il-kawża, hija dik li tirriżulta mir-Regolament (UE) Nru 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija (ĠU 2016, L 354, p. 22).


3      Reċentement, fis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, AS Lux Express Estonia (C‑614/20, EU:C:2022:641). Fir-rigward tal-preċedent immedjat tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas‑26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19), ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 1973, Nederlandse Spoorwegen (36/73, EU:C:1973:130), f’kawża dwar trasport bil-ferrovija; u dawk tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415; iktar ’il quddiem, “is-sentenza Altmark”), tas‑7 ta’ Mejju 2009, Antrop et (C‑504/07, EU:C:2009:290), u tat‑3 ta’ April 2014, CTP (C‑516/12 sa C‑518/12, EU:C:2014:220), fil-qasam tat-trasport bix-xarabank.


4      Il-Liġi dwar is-Servizzi tat-Trasport Pubbliku.


5      Id-Digriet tal-Kunsill tal-Ministri Nru 435 tat‑28 ta’ Lulju 2015 dwar il-Proċedura għad-Determinazzjoni u l-Kumpens tat-Telf u Spejjeż relatati mal-Forniment ta’ Servizzi ta’ Trasport Pubbliku u għall-Ipprezzar ta’ tali Servizzi.


6      L-avviż kellu bħala numru ta’ referenza AD 2019/7. Il-proċedura 2019/S 138‑340153 ġiet ippubblikata fis-suppliment għall-ĠU tad‑19 ta’ Lulju 2019 (ĠU 2019, S 138, p. 1).


7      AS CATA, SIA VTU Valmiera, SIA Jelgavas autobusu parks u SIA Jēkabpils autobusu parks (iktar ’il quddiem, flimkien ma’ Dobeles, “ir-rikorrenti”).


8      Waqt is-seduta, l-awtorità kontraenti spjegat li d-dħul tal-fornitur tas-servizz huwa magħmul minn żewġ elementi: a) l-ammont imħallas mill-vjaġġaturi meta jakkwistaw il-biljett tat-trasport u b) kumpens finanzjarju mħallas mill-Istat, li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tas-servizz propost mill-offerent rebbieħ fl-offerta tiegħu u dak miġbur mill-bejgħ tal-biljetti lill-vjaġġaturi.


9      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida interpretattivi li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (ĠU 2014, C 92, p. 1); iktar ’il quddiem, il-“Linji Gwida tal-Kummissjoni”. Dawn il-linji gwida ma għandhomx valur preskrittiv.


10      Fir-realtà, fid-dawl tal-fatti ta’ din il-kawża, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma huwiex rilevanti sabiex tiġi solvuta.


11      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65 u rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).


12      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).


13      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Rudigier (C‑518/17, EU:C:2018:757), punt 49.


14      L-awtorità kontraenti kkonfermat li d-Digriet tal-Kunsill tal-Ministri Nru 435 tat‑28 ta’ Lulju 2015, applikabbli hawn, huwa differenti minn dak li, fis-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2011, Norma-A u Dekom (C‑348/10, EU:C:2011:721), eżaminat il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi l-kwalifikazzjoni bħala “konċessjoni” tal-kuntratt inkwistjoni hemmhekk. F’dak il-każ, l-offerent magħżul ma ħax ir-riskju marbut mal-operat tas-servizzi kollu jew, mill-inqas, parti sinjifikattiva minnu.


15      L-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1370/2007.


16      Konklużjonijiet tal-kawża Lux Express Estonia (C‑614/20, EU:C:2022:180), punt 38.


17      L-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 1370/2007 jqis bħala tali d-“dritt li jintitola operatur ta’ servizz pubbliku biex iħaddem ċerti servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq rotta jew rettikolat partikolari jew f’żona partikolari, bl-esklużjoni ta’ tali operatur ieħor”.


18      Premessa 34 tar-Regolament Nruº1370/2007.


19      Ir-Regolament Nru 1370/2007 ma jindikax sistema ta’ kalkolu waħda jew oħra. Fil-kawża, id-dibattitu huwa dwar l-indiċjar tal-prezzijiet, iżda dan huwa biss wieħed mill-mudelli possibbli sabiex jiġi kkalkolat il-kumpens u, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex jiġu rribattuti l-effetti negattivi possibbli li jinvolvi t-twettiq tal-obbligu tas-servizz pubbliku għall-għoti tal-kuntratt.


20      L-Artikolu 2a(2)(a) tar-Regolament Nru 1370/2007. Skont l-anness, il-kumpens għandu jiġi mfassal b’mod li jippromwovi ġestjoni effiċjenti tas-servizz. Din l-indikazzjoni tista’ tinftiehem bħala espressjoni konkreta tal-għan tal-effiċjenza.


21      L-Artikolu 2a(2)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007. B’formulazzjoni iktar ċara, il-premessa 11 tar-Regolament 2016/2338.


22      Sentenza Altmark, punt 92 u d-dispożittiv.


23      Il-punt 6 tal-Anness tar-Regolament 1370/2007 jiddefinixxi qligħ raġonevoli bħala “rata ta’ dħul fuq il-kapital li hija normali għas-settur fi Stat Membru partikolari u li tieħu kont tar-riskju, jew in-nuqqas ta’ riskju, li jkun għamel l-operatur ta’ servizz pubbliku permezz ta’ l-intervent ta’ l-awtorità pubblika”.


24      Fir-rigward tal-obbligu tas-servizz pubbliku li jew ma jiġix ikkuntrattat, jew jiġi kkuntrattat, iżda mhux permezz ta’ offerti kompetittivi. Il-leġiżlatur huwa tal-konvinzjoni, li ser nirreferi għaliha iktar tard, li proċedura ta’ għoti miftuħa naturalment twassal għal kumpens mhux eċċessiv.


25      Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU 2012, C 8, p. 15), punti 40 u 41, issemmi, bħala eżempju, żewġ metodi: l-istabbiliment bil-quddiem ta’ livell ta’ kumpens fiss, li jantiċipa u jinkorpora l-kisbiet fl-effiċjenza li l-impriża tista’ tkun mistennija li tagħmel matul il-perijodu tal-att ta’ inkarigu; jew id-definizzjoni tal-miri ta’ effiċjenza fl-att ta’ inkarigu fejn il-livell ta’ kumpens ikun jiddependi fuq sa fejn dawn il-miri jkunu ġew issodisfatti. Proċeduri simili dehru fil-proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-intervent tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku fit-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija, bit-triq u fuq l-ilma intern (imressqa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE) (COM(2002) 107 final), Anness, punt 6.


26      L-awtoritajiet għandhom iżommu l-inċentivi f’livell raġonevoli, filwaqt li jevitaw li l-operatur iżomm vantaġġi ta’ effiċjenza sproporzjonati; u joqogħdu attenti li dawn l-inċentivi ma jaġixxux għad-detriment ta’ livell għoli ta’ kwalità tas-servizz. Dawn it-tfakkiriet huma elenkati fl-Artikolu 2.4.5 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni; jirriżultaw ukoll minn interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tar-Regolament Nru 1370/2007.


27      Linji Gwida tal-Kummissjoni, l-Artikolu 2.4.3.


28      Abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri ((COM(2013) 0028 — C7-0024/2013 — 2013/0028(COD)), Dokument A7-0034/2014, tas‑16 ta’ Jannar 2014, emendi 10 u 40.


29      Riflessa fid-Dokument 12777/15 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għad-Delegazzjonijiet.


30      Ara r-Rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Coreper, id-Dokument 13146/15 tal‑4 ta’ Diċembru 2015, linja 112; u d-Dokument 5159/16, add. 1 tal‑15 ta’ Jannar 2016, linja 112. Infakkar li lanqas ma rnexxiet proskrizzjoni diretta tal-kumpens “insuffiċjenti”, li ġiet proposta fix-xogħlijiet preparatorji tal-ewwel verżjoni tar-Regolament: ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ suċċess huma diversi, u ma humiex neċessarjament relatati mal-inċentiv għall-effiċjenza. Ara n-nota 31.


31      L-abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward ta’ l-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq u bil-ferrovija u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (13736/1/2006 — C6-0042/2007 — 2000/0212(COD)), Dokument A6-0131/2007 tal‑4 ta’ April 2007, emendi 6, 14 u 18, immodifika l-Pożizzjoni Komuni fis-sens li jintalab li l-kumpens ma jkunx eċċessiv u lanqas insuffiċjenti. Id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri kellhom fehmiet differenti kemm dwar jekk għandhomx jinkludu r-rekwiżit jew le (għal xi delegazzjoni, b’mod partikolari, il-prevenzjoni ta’ kumpens insuffiċjenti ma kienx l-għan tar-Regolament), kif ukoll dwar fejn u kif għandu jsir dan: ara r-Rapport mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Coreper, Dokument 7974/07 tat‑2 ta’ April 2007, dwar dawk l-emendi. Fl-aħħar nett, ma ġewx inklużi fit-test.


32      Anness, punt 3. Tingħata twissija kontra kemm il-kumpens eċċessiv kif ukoll in-“nuqqas ta’ kumpens”, u huwa mħeġġeġ li jitqiesu l-“effetti finanzjarji kwantifikabbli fuq ir-rettikolati kkonċernati ta’ l-operatur” meta jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett tal-obbligu tas-servizz pubbliku.


33      Linji Gwida tal-Kummissjoni, Artikolu 2.4.8.


34      Ibidem.


35      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri, COM(2013) 28 final, il-premessa 5 u l-Artikolu 2a(4). L-istudji u l-konsultazzjonijiet li appoġġjaw it-test kienu ffukati fuq it-trasport ferrovjarju, li huwa wkoll l-għan ewlieni tal-emenda għar-Regolament Nru 1370/2007. Madankollu, minħabba l-kliem tiegħu, il-portata tal-proposta f’dan ir-rigward hija ġenerali.


36      L-obbligu ta’ servizz pubbliku, bħala intervent fis-suq, għandu jikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif mifhum fid-dritt tal-Unjoni: għandu jkun iġġustifikat, ikun adattat sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq.


37      L-istess mandat jestendi għar-regoli ġenerali, li ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Dwar il-kunċett, ara n-nota 41.


38      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-intervent tal-Istati Membri rigward l-eżiġenzi tas-servizz pubbliku u l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri fuq il-ferroviji, it-toroq u l-passaġġ fuq l-ilma intern (COM(2000) 7 final), Artikolu 6(b); u proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-intervent tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku fit-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija, bit-triq u l-passaġġi fuq l-ilma intern (preżentata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE) (COM(2002) 107 final), Artikolu 6(b).


39      Dispożizzjoni li ma tippermettix flessibbiltà fid-distribuzzjoni tal-ispejjeż tista’ tkun imprattikabbli, kif wissa l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-Opinjoni tiegħu dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-intervent tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ rekwiżiti u għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku fit-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija, bit-triq u fuq l-ilma intern” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 2001, C 221, p. 31), punt 5.1.1.


40      Eżempju ieħor ta’ din il-flessibbiltà jidher fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2a(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, li jippermetti lill-awtorità kompetenti tiġbor is-servizzi li jkopru l-ispejjeż ma’ oħrajn li ma jkoprux spejjeż.


41      Iddefiniti, rispettivament, fl-ittri (i) u (l) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1370/2007. Il-kuntratt għal servizz pubbliku jirrifletti “ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku”. Ir-regola ġenerali tfisser “miżura li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi kollha tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri ta’ l-istess tip f’żona ġeografika partikolari”.


42      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1370/2007: “Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku”.


43      L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1370/2007: “Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jimmiraw li jistabbilixxu tariffi massimi għall-passiġġieri kollha jew għal ċerti kategoriji ta’ passiġġieri jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta’ regoli ġenerali […]”.


44      Skont dan l-artikolu, il-kuntratti ta’ servizz pubbliku, kif ukoll regoli ġenerali għandhom: “[…] b) jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti: i) il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat, u ii) in-natura u l-firxa ta’ kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija b’mod li jevita l-kumpens żejjed. […] c) jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż konnessi mal-forniment tas-servizzi […]”.


45      Sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264), punti 29 sa 31.


46      Dak iż-żmien kienet id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2011 tat‑30 ta’ Novembru 2011 (ĠU 2011, L 319, p. 43), kif ukoll il-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata. Attwalment, id-Direttiva 2014/24 fil-premessa 111 tagħha tirreferi għall-indiċjar bħala possibbiltà: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom, fil-kuntratti individwali stess, ikollhom il-possibbiltà li jipprovdu modifiki għall-kuntratt permezz ta’ klawsoli ta’ reviżjoni jew ta’ għażla, iżda dawn il-klawsoli ma għandhomx jagħtuhom diskrezzjoni illimitata […] Konsegwentement għandu jiġi ċċarat li klawsoli ta’ reviżjoni jew ta’ għażla abbozzati suffiċjentement b’mod ċar jistgħu pereżempju jipprovdu għal indiċizzazzjonijiet tal-prezzijiet […]”. Premessi b’kontenut simili jidhru fid-Direttivi 2014/23 u 2014/25.


47      L-Artikolu 2.4.2 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni. Sinjal ieħor li s-sejħa għall-offerti taġixxi bħala element ta’ determinazzjoni awtonoma tal-kumpens, permezz tal-logħba tal-provvista u d-domanda, jidher fl-Artikolu 2.4.3., fejn, fir-rigward tal-kunċett ta’ qligħ raġonevoli, il-Kummissjoni tirreferi għall-ipoteżi li teżisti “remunerazzjoni tas-suq ġeneralment aċċettata għal servizz partikolari”, peress li “dik ir-remunerazzjoni tas-suq tipprovdi l-aqwa punt ta’ riferiment għall-kumpens fin-nuqqas ta’ sejħa għall-offerti”.


48      Il-kriterju tal-“inqas spiża għall-komunità” ma jidhirx fir-Regolament Nru 1370/2007. Is-sentenza Altmark tużah fil-punt 93 tagħha, għalkemm mhux fid-dispożittiv tagħha. Skont il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, C 8, p. 4 (komunikazzjoni SGEIs)), dan għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tintgħażel l-offerta bl-iktar prezz baxx, jew dik li tikkorrispondi għall-aħjar relazzjoni kwalità-prezz. Għalkemm dawn il-linji gwida huma relatati mal-Artikolu 106 TFUE, ma nara l-ebda problema li dawn jiġu applikati, f’dan il-każ, għall-Artikolu 93 TFUE.


49      Nirreferi għall-premessa 11 tar-Regolament Nru 2016/2338: “Għall-kuntratti għal servizz pubbliku li ma jingħatawx abbażi ta’ proċedura ta’ offerti kompetittiva, jenħtieġ li t-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku mill-operaturi tas-servizz pubbliku jingħata kumpens kif xieraq […]”. Enfasi miżjuda.


50      Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-proċedura “għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni”. Il-premessa 9 talludi wkoll għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-proċedura tal-għoti għandha tirrispetta l-prinċipji tat-TFUE, kemm jekk imsemmija fit-test operattiv kif ukoll jekk le.


51      L-Artikolu 2.3.2.


52      Jistgħu wkoll, jekk iqisu li jkun xieraq, jadottaw miżuri sabiex jipproteġu lilhom innifishom kontra bidliet fis-suq (pereżempju, jagħmlu assigurazzjoni kontra żidiet futuri fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi li jridu jużaw).


53      Meta jiġi kkuntrattat l-obbligu ta’ servizz pubbliku, l-iżbilanċ eċċessiv, favur l-awtorità kontraenti, tal-obbligi kuntrattwali rispettivi jista’ jillimita l-kompetizzjoni, peress li, bħala regola, l-operaturi ekonomiċi ma humiex lesti jġarrbu telf.


54      Satiksmes ministrijas informatīvais ziņojums “Par reģionālās nozīmes sabiedriskā transporta pakalpojumu attīstību 2021.-2030.gadam” (Dokument ta’ informazzjoni tal-Ministeru għat-Trasport “Dwar l-iżvilupp tas-servizzi tat-trasport pubbliku ta’ importanza reġjonali għall-perijodu 2021‑2030”), disponibbli fuq http://tap.mk.gov.lv/mk/tap/?pid=40473219. L-ispeċifikazzjonijiet li huma s-suġġett tal-kawża ġew ippubblikati fl‑2019; waqt is-seduta, l-awtorità kontraenti u l-Gvern Latvjan spjegaw li diġà kien possibbli li jiġi applikat il-mudell ta’ finanzjament il-ġdid (deskritt f’dak id-dokument informattiv) għal kuntratti li kienu ser jiġu eżegwiti mill‑2021 ’il quddiem. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal‑2019 kinux irregolati mis-sistema l-ġdida jew minn dik preċedenti.


55      Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


56      Digriet tar-rinviju, punt 13: “Il-modifika hija relatata mal-fatt li, sa issa, il-fornituri tas-servizzi kienu joperaw bażikament taħt kundizzjonijiet mingħajr riskju, peress li l-Istat ikkumpensa l-ispejjeż kollha (żieda fil-prezzijiet, tnaqqis fid-domanda). Madankollu, sabiex jiġi ggarantit użu iktar effiċjenti tal-fondi pubbliċi, jeħtieġ li jiġi żgurat li huma fuq kollox il-fornituri tas-servizzi tat-trasport infushom li huma interessati li jiksbu għanijiet kummerċjali”. Kif indikajt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, hija l-qorti tar-rinviju li ser tiddeċiedi jekk ir-reviżjoni ġurisdizzjonali tal-ispeċifikazzjonijiet għandhiex issir fid-dawl tal-kriterji regolatorji fis-seħħ qabel jew wara s-sena 2021.


57      Waqt is-seduta, kemm Dobeles kif ukoll l-awtorità kontraenti u l-Gvern Latvjan ikkonfermaw il-parteċipazzjoni ta’ diversi offerenti (fosthom ir-rikorrenti) fil-proċedura ta’ għoti li l-ispeċifikazzjonijiet tagħha ġew ikkontestati.


58      Skont Dobeles, fil-punt 11 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.


59      Fir-realtà, għandha tkun l-awtorità kontraenti stess li, quddiem indikazzjonijiet bħan-nuqqas ta’ offerti, offerta waħda biss jew il-proposta ġenerali ta’ offerti li ma jikkorrispondux għall-previżjonijiet tagħha, ikollha tikkunsidra jekk il-kundizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet jirriżultawx bħala impossibbli li jitwettqu fil-prattika.