SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Lulju 2019(*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata illegalment minn Franza bejn l-1994 u l-2008 – Sussidji għall-investiment mogħtija mis-STIF-IDF – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern – Vantaġġ – Kumpens tal-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku – Artikolu 107(1) TFUE – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑738/17,

Syndicat Transport Île de France (STIF-IDF), stabbilit f’Pariġi (Franza), irrappreżentat minn B. Le Bret u C. Rydzynski, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, C. Georgieva-Kecsmar u M. T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1470 tat‑2 ta’ Frar 2017 dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.26763 2014/C (eks 2012/NN) implimentata minn Franza favur tal-impriżi ta’ trasport bix-xarabank fir-Reġjun ta’ Île-de-France (ĠU 2017, L 209, p. 24),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius u U. Öberg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża (1)

1        Ir-rikorrent, Syndicat Transport Île de France (STIF-IDF), huwa stabbiliment pubbliku ta’ natura amministrattiva, maħluq bl-ordonnance no 59‑151, du 7 janvier 1959, relative à l’organisation des transports de voyageurs dans la région parisienne (id-Digriet Nru 59‑151 tas‑7 ta’ Jannar 1959 dwar l-Organizzazzjoni tat-Trasport tal-Passiġġieri fir-Reġjun ta’ Pariġi, JORF tal‑10 ta’ Jannar 1959, p. 696), kif emendat.

2        Bħala awtorità li torganizza s-servizzi tat-trasport pubbliku regolari tal-persuni fit-territorju tar-Reġjun ta’ Île-de-France (Franza), ir-rikorrent jikkoordina u jiffinanzja s-servizzi tat-trasport pubbliku żgurati mir-Régie autonome des transports parisiens (il-Kumpannija Awtonoma tat-Trasport ta’ Pariġi (RATP)), is-Société nationale des chemins de fer français (il-Kumpannija Nazzjonali Franċiża għall-Ferroviji (SNCF)) u l-impriżi privati li jagħmlu parti min-netwerk tal-organisation professionnelle des transports d’Île-de-France (l-Organizzazzjoni Professjonali tat-Trasport ta’ Île-de-France (Optile)).

3        Permezz tad-deliberazzjoni 2006/1161, tat‑13 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrent implimenta żewġ tipi ta’ kuntratti suċċessivi, intiżi sabiex jiddefinixxu organizzazzjoni kuntrattwali ġdida għal-linji kollha tat-trasport pubbliku regolari fit-territorju tar-Reġjun ta’ Île-de-France. Il-kuntratti tat-tip 1 kienu konklużi għal perijodu massimu ta’ erba’ snin, mill‑2007 sal‑2010 jew l-2011, u l-kuntratti tat-tip 2 (iktar ’il quddiem iċ-“CT 2”) għall-perijodu li jifdal, sal‑31 ta’ Diċembru 2016.

4        Iċ-CT 2 kienu s-suġġett ta’ negozjati bilaterali bejn ir-rikorrent u l-impriżi privati li kienu jeżerċitaw attivitajiet ta’ trasport pubbliku regolari fit-territorju tar-Reġjun ta’ Île-de-France (iktar ’il quddiem il-“benefiċjarji finali”). Diversi CT 2 setgħu jiġu konklużi bejn r-rikorrent u l-istess impriża. Kull CT 2 kien jipprevedi, fl-Artikolu 53‑3 tiegħu, il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mir-rikorrent lill-impriża firmatarja, bħala kumpens tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li din tal-aħħar kienet suġġetta għalihom skont l-Artikolu 5‑2 taċ-CT 2.

5        Il-parti C2 tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa mir-rikorrent lill-benefiċjarji finali skont iċ-CT 2 kienet intiża sabiex tkopri l-oneri kollha tal-investiment sostnuti minn dawn tal-aħħar waqt l-eżekuzzjoni ta’ pjan ta’ investiment ivvalidat minn qabel mir-rikorrent.

6        Fis‑17 ta’ Ottubru 2008, tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat allegatament illegali kkostitwiti mill-miżuri ta’ appoġġ implimentati favur ċerti impriżi tat-trasport bix-xarabank, bejn l-1994 u l-2008, mir-Reġjun ta’ Île-de-France, fit-territorju tiegħu, u sussegwentement, mill‑2008, mir-rikorrent, f’dan l-istess territorju, b’mod partikolari f’għamla ta’ kontribuzzjonijiet C2 mogħtija fil-kuntest taċ-CT 2.

7        Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, C 141, p. 38), il-Kummissjoni stiednet lill-persuni kkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni.

8        Fit‑30 ta’ April 2014, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni. L-osservazzjonijiet kollha ppreżentati mill-partijiet ikkonċernati, fosthom ir-rikorrent, intbagħtu lir-Repubblika Franċiża, li ma għamlet l-ebda kumment.

9        Fil‑21 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni rċeviet nota konġunta min-naħa ta’ erbgħa mis-seba’ partijiet ikkonċernati, intiża sabiex tippreċiża l-pożizzjoni tagħhom wara d-deċiżjoni tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Andersen (C‑303/13 P, EU:C:2015:647). Fid‑9 ta’ Novembru 2016, ir-Reġjun ta’ Île-de-France kkompleta l-osservazzjonijiet tiegħu.

10      Fit‑2 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, u adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1470 dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.26763 2014/C (eks 2012/NN) implimentata minn Franza favur tal-impriżi ta’ trasport bix-xarabank fir-Reġjun ta’ Île-de-France (ĠU 2017, L 209, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

11      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li l-iskema ta’ għajnuna fformata mill-kontribuzzjonijiet C2, mogħtija mir-rikorrent sabiex jiġu koperti l-oneri tal-investiment imġarrba mill-benefiċjarji finali waqt l-eżekuzzjoni taċ-CT 2 (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna kontenzjuża”), kienet kompatibbli mas-suq intern. Hija, min-naħa l-oħra, ikkonkludiet li, sa fejn l-għajnuniet mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma ġewx innotifikati u kellhom jiġu kklassifikati bħala “għajnuniet ġodda”, l-imsemmija skema ġiet implimentata illegalment, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

12      L-Artikoli 3 u 4 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jinqraw kif ġej:

Artikolu 3

L-iskema ta’ għajnuna implimentata illegalment [mir-Repubblika Franċiża] f’għamla ta’ kontribuzzjonijiet C2 mogħtija mill-STIF fil-qafas tas-CT2, hija kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE, ippreżenta dan ir-rikors, intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

14      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata biss sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat il-kontribuzzjonijiet C2 mogħtija fil-kuntest taċ-CT 2 bħala “skema ta’ għajnuna implimentata illegalment”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiddikjara r-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

16      Il-Kummissjoni, mingħajr ma qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat fuq il-bażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talbet l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba l-assenza ta’ locus standi u ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent.

17      Ir-rikorrent jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni. Huwa jafferma li, minkejja li ma huwiex destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ammissibbli li huwa jippreżenta dan ir-rikors.

18      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha dritt li tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ ineżami, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal‑14 ta’ Settembru 2015, Brouillard vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑420/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:633, punt 18).

19      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis li, għall-finijiet tal-ekonomija tal-ġudizzju, hemm lok li tiġi eżaminata qabel kollox il-fondatezza tar-rikors, mingħajr deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq il-mertu

20      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni qieset, bi żball, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tissodisfa r-raba’ kriterju mill-kriterji stabbiliti fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415) (iktar ’il quddiem il-“kriterji ta’ Altmark”), u kienet taqa’, konsegwentement, taħt il-portata ta’ din id-dispożizzjoni. It-tieni motiv huwa meħud minn ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u jibbaża fuq l-allegazzjoni li skontha l-Kummissjoni ma tatx f’dettall suffiċjenti r-raġunijiet għaliex hija qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tissodisfa r-raba’ kriterju ta’ Altmark.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni għandhom l-għan li jiġi stabbilit ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u jeħtieġu, għalhekk, eżami distint, bħala tali, tal-evalwazzjoni tal-ineżattezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-istħarriġ jaqa’ taħt l-eżami tal-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tal‑15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, EU:C:2005:768, punt 26).

22      Minn dan isegwi li t-tieni motiv, sa fejn huwa intiż sabiex jikkonstata ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi eżaminat qabel l-ewwel motiv, li jirrigwarda l-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

23      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma tatx f’dettall suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tissodisfa r-raba’ kriterju ta’ Altmark.

24      B’mod partikolari, ir-rikorrent jafferma li l-analiżi tar-raba’ kriterju ta’ Altmark mill-Kummissjoni ma huwiex koerenti mal-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kumpens żejjed magħmul minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-eżami tagħha tat-tielet kriterju ta’ Altmark. Fil-fehma tiegħu, tali assenza ta’ kumpens żejjed timplika neċessarjament li l-kontribuzzjonijiet C2 jirrappreżentaw l-inqas spiża għall-awtorità u li r-raba’ kriterju ta’ Altmark huwa ssodisfatt.

25      Ir-rikorrent iqis, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma spjegatx kif il-kampjun ta’ impriżi magħżul għall-finijiet tal-analiżi komparattiva tal-ispejjeż ma kienx rappreżentattiv tal-impriżi mmexxija tajjeb fis-sens tal-ġurisprudenza li toriġina mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415). Fil-premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata, hija affermat, minkejja l-elementi li ġew mgħarrfa lilha, li “ma hemm xejn li jindika li l-kampjun magħżul mill-STIF huwa rappreżentattiv ta’ intrapriżi mmexxija kif suppost”.

26      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Hija tfakkar li l-erba’ kriterji ta’ Altmark huma distinti minn xulxin. Hija tqis, barra minn hekk, li d-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, l-analiżi relatata mar-raba’ kriterju ta’ Altmark huma mmotivati b’mod suffiċjenti.

27      Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, l-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

28      Iktar minn hekk, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha intiżi fl-Artikolu 107(1) TFUE jkunu issodisfatti. Għalhekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, din id-dispożizzjoni tippreżupponi b’mod partikolari l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lil impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, EasyPay u Finance Engineering, C‑185/14, EU:C:2015:716, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE intervent mill-Istat li huwa meqjus li jikkostitwixxi kumpens inkambju għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jgawdux, fil-fatt, minn vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent ma għandux għaldaqstant bħala effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi kompetituri (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, EasyPay u Finance Engineering, C‑185/14, EU:C:2015:716, punt 45 l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Madankollu, f’każ konkret, sabiex tali kumpens ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, il-kriterji ta’ Altmark għandhom ikunu ssodisfatti.

31      Għalhekk, l-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja trid tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbligi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar. Fit-tieni lok, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat il-kumpens iridu jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. Fit-tielet lok, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. Fir-raba’ lok, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja mmexxija tajjeb u adegwatament mogħnija sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi.

32      Minn dan jirriżulta li intervent mill-Istat li ma jissodisfax waħda jew iktar mill-kriterji elenkati fil-punt 31 iktar ’il fuq jista’ jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 94).

33      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jafferma r-rikorrent, il-Kummissjoni tat f’dettall suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tissodisfa r-raba’ kriterju ta’ Altmark. B’mod iktar partikolari, fil-premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar indikat li, minkejja li l-analiżi komparattiva tal-ispejjeż magħmula mir-rikorrent qabel il-konklużjoni taċ-CT 2 tibbaża fuq data numerika speċifikata u tirrifletti għarfien komprensiv tas-suq tat-trasport tal-passiġġieri, l-imsemmija analiżi kienet intiża sabiex tippreċiża l-varjabbli utli għan-negozjar tal-ispejjeż tal-operat, u mhux sabiex tiżgura li l-ispejjeż koperti mill-kontribuzzjoni C2 kienu jikkorrispondu għal dawk ta’ impriża medja mmexxija tajjeb u adegwatament mogħnija, fis-sens tal-ġurisprudenza li toriġina mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

34      Għall-kuntrarju ta’ dak li jallega r-rikorrent, dan ir-raġunament tal-Kummissjoni juri b’mod ċar il-motivi li hija bbażata fuqhom il-konklużjoni tagħha li skontha l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kinitx tissodisfa r-raba’ kriterju ta’ Altmark.

35      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma spjegatx kif il-kampjun ta’ impriżi magħżul għall-finijiet tal-analiżi komparattiva tal-ispejjeż ma kienx rappreżentattiv tal-impriżi mmexxija tajjeb fis-sens tal-ġurisprudenza li toriġina mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), għandu jiġi miċħud, peress li l-Kummissjoni kkonstatat, essenzjalment, fil-premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ebda element tal-fajl ma kien jippermettilha tikkonkludi li dan il-kampjun jissodisfa tali kriterju u peress li r-rikorrent ma ta l-ebda dettall dwar l-elementi li kellu jagħmel parti minnhom matul il-proċedura amministrattiva.

36      Fil-fatt, ir-rikorrent ikkuntenta ruħu li jafferma, fl-osservazzjonijiet tiegħu bi tweġiba għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fid-dawl tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, li l-analiżi komparattiva tal-ispejjeż twettqet fil-konfront ta’ “impriżi tal-provinċja li l-kuntratt tagħhom kien ingħata wara sejħa għal offerti”, u sussegwentement li jikklassifika lil dawn l-impriżi bħala “impriżi medji, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija”, mingħajr ma jagħti dettalji dwar l-elementi li setgħu jwasslu għal tali konklużjoni.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li għamlet biss analiżi sommarja tal-kwistjoni jekk il-kampjun ta’ impriżi magħżul mir-rikorrent għall-finijiet tal-analiżi komparattiva tal-ispejjeż ma kienx rappreżentattiv tal-impriżi mmexxija tajjeb fis-sens tal-ġurisprudenza li toriġina mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

38      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq l-allegata inkoerenza tar-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li t-tielet u r-raba’ kriterji ta’ Altmark għandhom ċerta rabta stretta sa fejn kull waħda minnhom teżiġi li jiġu ddeterminati l-ispejjeż u d-dħul u benefiċċji relatati mal-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 246).

39      Madankollu, l-eżistenza ta’ din ir-rabta stretta ma teskludix li l-erba’ kriterji ta’ Altmark jkunu distinti minn xulxin u għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament sabiex il-kumpens ma jaqax taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Abertis Telecom Terrestre u Telecom Castilla-La Mancha vs Il‑Kummissjoni, T‑37/15 u T‑38/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:743, punt 76).

40      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma analizzatx l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża fir-rigward tat-tielet kriterju ta’ Altmark. Fil-premessa 218 tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar ikkuntentat ruħha li tindika li, filwaqt li l-konformità tal-kontribuzzjonijiet C2 mal-ewwel kriterju ta’ Altmark ġiet stabbilita, il-konformità tagħhom mat-tieni, it-tielet u r-raba’ kriterju ta’ Altmark kienet għadha trid tiġi vvalutata u li, billi l-kriterji kienu kumulattivi, il-Kummissjoni llimitat ruħha li turi li r-raba’ kriterju ma kienx issodisfatt sabiex tikkonkludi li dawn il-kontribuzzjonijiet kienu jwasslu għal vantaġġ ekonomiku, qabel ma waslet, għalhekk, għal din il-konklużjoni fil-premessa 221 tad-deċiżjoni kkontestata.

41      Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrent relatati mal-evalwazzjoni allegatament kontradittorja li għamlet il-Kummissjoni, fir-rigward, minn naħa, tat-tielet kriterju ta’ Altmark u, min-naħa l-oħra, tar-raba’ kriterju ta’ Altmark, jibbażaw fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li dawn ma jistgħux jirnexxu.

42      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

43      It-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża fir-rigward tar-raba’ kriterju ta’ Altmark

44      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża fir-rigward tar-raba’ kriterju ta’ Altmark.

45      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

46      Għandu jitfakkar li, konformement mar-raba’ kriterju ta’ Altmark, meta, f’każ speċifiku, l-impriża li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku ma hijiex magħżula permezz ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kandidat kapaċi li jipprovdi tali servizzi bl-inqas spiża għall-awtorità, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż, li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 93).

47      Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni qieset li r-raba’ kriterju ta’ Altmark ma kienx issodisfatt. B’mod iktar partikolari, hija qieset fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet C2 imħallsa taħt l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża ma kienx ikkalkolat fuq il-bażi ta’ analiżi komparattiva tal-ispejjeż li impriża mmexxija tajjeb fis-sens tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), kienet iġġarrab sabiex tipprovdi servizzi identiċi.

48      Ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonkludiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-kampjun ta’ impriżi li huwa uża għall-finijiet tal-analiżi komparattiva tiegħu tal-ispejjeż kien rappreżentattiv tal-impriżi mmexxija tajjeb fis-sens tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415). Fil-fehma tiegħu, dan il-kampjun kien jinkludi, minbarra lill-operaturi tat-trasport li magħhom huwa kien ikkonkluda l-kuntratti tat-tip 1, impriżi tat-trasport pubbliku inkarigati minn kompiti komparabbli ta’ servizz pubbliku barra mit-territorju tar-Reġjun ta’ Île-de-France, mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja.

49      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kellha tqis li l-analiżi komparattiva tiegħu tal-ispejjeż kienet tippermetti li jiġi ggarantit li l-oneri relatati mal-investiment imġarrba mill-benefiċjarji finali kienu jikkorrispondu għal dawk ta’ impriża medja mmexxija tajjeb u adegwatament mogħnija fis-sens tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

50      Fit-tielet lok, ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-għodod u l-metodi li huwa uża qabel l-iffissar tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet C2, sabiex jivverifika li dan l-ammont ma kienx jaqbeż dak tal-oneri mġarrba minn impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija fis-sens tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

51      Fir-raba’ lok, ir-rikorrent jafferma li l-Kummissjoni ma tatx importanza suffiċjenti lill-kontrolli ex post li huwa wettaq tal-benefiċjarji finali. F’dan ir-rigward, huwa jippreċiża li ċ-CT 2 kienu jipprevedu sistema ta’ kontroll kostanti tal-oneri mġarrba mill-benefiċjarji finali, li kienet tippermetti li jiġu vverifikati l-eżistenza, il-firxa u l-konformità tal-vetturi li x-xiri tagħhom kien iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet C2 imħallsa taħt iċ-CT 2.

52      Il-ħames lok, ir-rikorrent jikkritika lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni studju tas-suq prodott matul il-proċedura amministrattiva (Anness A 7 tar-rikors), li minnu kien jirriżulta li l-ispiża kilometrika medja mġarrba mill-benefiċjarji finali kienet komparabbli ma’ dik tal-impriżi li kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom barra mit-territorju tar-Reġjun ta’ Île-de-France.

53      Il-Kummissjoni tafferma li ħadet inkunsiderazzjoni kif xieraq l-analiżi komparattiva tal-ispejjeż magħmula mir-rikorrent qabel il-konklużjoni taċ-CT 2. Hija tqis madankollu li l-ebda element tal-fajl ma kien jippermettilha tikkonkludi li l-kampjun miżmum mir-rikorrent kien rappreżentattiv tal-impriżi medji, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija fis-sens tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415). Barra minn hekk, hija tqis li l-valuri medji tal-prestazzjoni użati fil-kuntest ta’ din l-analiżi ma kinux jippermettu li ssir distinzjoni bejn l-oneri marbuta mal-operat tal-materjal u dawk b’rabta mal-investiment relatat ma’ dan l-istess materjal.

54      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-għodod metodoloġiċi użati mir-rikorrent qabel l-iffissar tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet C2, sabiex jitmexxew tajjeb in-negozjati taċ-CT 2, kif ukoll il-kontrolli ex post differenti li huwa wettaq sabiex jivverifika l-investimenti magħmula mill-benefiċjarji finali, ma humiex rilevanti jew, fi kwalunkwe każ, suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat, konformement mar-raba’ kriterju ta’ Altmark, jekk l-ammont tal-kumpens ġiex iffissat fuq il-bażi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku kienet tagħmel.

55      Fil-fatt, l-għodod metodoloġiċi użati mir-rikorrent kienu intiżi biss sabiex jiġu żgurati n-negozjati tajba taċ-CT 2 u jiġu kkontrollati l-ispejjeż effettivament imġarrba mill-benefiċjarji finali. B’mod iktar partikolari, ir-rikorrent jippreċiża, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-għodod metodoloġiċi użati qabel l-iffissar tal-ammont tal-parti C2 tal-kontribuzzjonijiet imħallsa kienu jippermettu t-twettiq ta’ analiżi tal-ispejjeż għal kull wieħed min-netwerks issussidjati, matul in-negozjati magħmula fil-kuntest taċ-CT 2. Huwa ma jistabbilixxix madankollu li dawn l-istess għodod kienu jippermettulu jiżgura li l-ammont tal-kumpens imħallas lill-imsemmija benefiċjarji jkun konformi mar-rekwiżiti previsti mir-raba’ kriterju ta’ Altmark. Fir-rigward tas-sistema ta’ kontroll ex post implimentata mir-rikorrent sabiex jiżgura l-produttività u l-kwalità tas-servizz ipprovdut mill-benefiċjarji finali, għandu jiġi kkonstatat li din ma hijiex rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk l-ammont tal-parti C2 tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn qabel ta’ dan il-kontroll kienx iffissat fuq il-bażi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku kienet tagħmel.

56      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat il-fatt li r-rikorrent ma jipproduċix provi oħra preċiżi b’mod suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li huwa għamel il-verifiki neċessarji sabiex jiżgura li l-impriżi ta’ referenza użati fil-kuntest tal-analiżi komparattiva tiegħu tal-ispejjeż setgħu jitqiesu bħala mmexxija tajjeb u adegwatament mogħnija fis-sens tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

57      Bħalma tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrent iqis, essenzjalment, li, sa fejn l-impriżi stabbiliti barra mit-territorju tar-Reġjun ta’ Île-de-France li huwa għażel għall-finijiet tal-analiżi komparattiva tiegħu tal-ispejjeż kienu suġġetti għal proċedura ta’ sejħa għal offerti konformi mar-rekwiżiti tal-loi no 93‑122, du 29 janvier 1993, relative à la prévention de la corruption et à la transparence de la vie économique et des procédures publiques (il-Liġi Nru 93‑122 tad‑29 ta’ Jannar 1993 dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u dwar it-Trasparenza tal-Ħajja Ekonomika u tal-Proċeduri Pubbliċi, JORF tat‑30 ta’ Jannar 1993, p. 1588, iktar ’il quddiem “il-Liġi Sapin”), dawn għandhom jitqiesu, qabel kollox, bħala impriżi mmexxija tajjeb fis-sens tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

58      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, ħlief fil-każ fejn l-għażla tal-impriża benefiċjarja ssir fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku, ir-raba’ kriterju ta’ Altmark jirrikjedi li l-parametri meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-kumpens għandhom ikunu bbażati fuq l-eżempju ta’ impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2015, Viasat Broadcasting UK vs Il‑Kummissjoni, T‑125/12, EU:T:2015:687, punt 82).

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tfittxija għal tali impriża hija intiża li tottimizza l-ammont tal-kumpens meqjus bħala neċessarju sabiex jitwettaq il-kompitu ta’ servizz pubbliku mogħti u sabiex jiġi evitat li l-ispejjeż għoljin ta’ impriża ineffiċjenti jittieħdu bħala referenza għall-kalkolu tal-ammont ta’ dan il-kumpens.

60      Fil-każ ineżami, minkejja li r-rikorrent jippreċiża li huwa bbaża l-analiżi komparattiva tiegħu tal-ispejjeż fuq il-valuri jew il-proporzjonijiet medji tal-impriżi li, lil hinn minn sempliċi parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti prevista mil-Liġi Sapin, rebħu kuntratti li oriġinaw minn din il-proċedura, huwa ma jipprovdix informazzjoni preċiża dwar il-modalitajiet ta’ din il-proċedura u jikkuntenta ruħu li jindika li din tal-aħħar tkun viċin, permezz tal-effetti tagħha u tal-għan tagħha, tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

61      B’mod iktar partikolari, ir-rikorrent jafferma li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti prevista mil-Liġi Sapin kellha “effetti pożittivi murija fit-tnaqqis tal-prezzijiet u l-kontroll tal-prezzijiet tad-[delegi ta’ servizz pubbliku] fis-setturi kkonċernati”. Madankollu, huwa ma jistabbilixxix preċiżament kif din il-proċedura u, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ selezzjoni użati f’dan il-kuntest kienu jippermettu grad ta’ sejħa għal offerti komparabbli għal dak li jikkaratterizza l-proċeduri ta’ sejħa għal offerti għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Huwa, barra minn hekk, ma jagħti l-ebda dettall dwar it-tnaqqis tal-prezzijiet allegat u ma jispjegax kif tali tnaqqis ippermettielu jiżgura li l-kuntratti mogħtija fi tmiem il-proċedura prevista mil-Liġi Sapin kienu eżegwiti mill-impriżi li rebħu dawn il-kuntratti b’inqas spiża għall-awtorità.

62      Ma’ dan jiżdied il-fatt li d-data meħuda inkunsiderazzjoni mir-rikorrent, jiġifieri, b’mod partikolari, dik relatata mal-ispiża kilometrika medja (Anness A 7 tar-rikors), ma tippermettix li ssir distinzjoni bejn l-oneri relatati mal-investiment, li huma l-uniċi rilevanti fil-kuntest ta’ paragun mal-ammont allokat taħt il-kontribuzzjoni C2, u oneri oħra imposti fuq l-impriżi magħżula sabiex titwettaq l-analiżi komparattiva tal-ispejjeż. Ir-rikorrent jippreċiża, inċidentalment, f’dan ir-rigward, li l-kuntratti tal-impriżi li kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom barra mit-territorju tar-Reġjun tal-Île-de-France li huwa analizza ma kinux jinkludu “bla dubju” l-oneri kollha rrelatati mal-investiment u, b’mod iktar partikolari, mal-akkwist tal-materjal fuq ir-roti.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset ġustament, fil-premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-analiżi komparattiva tal-ispejjeż tar-rikorrent kienet tirrigwarda essenzjalment il-varjabbli tal-operat, bħall-veloċità kummerċjali tax-xarabanks jew in-numru ta’ sigħat ta’ sewqan għal kull vettura, ċertament ta’ siwi għan-negozjati tal-ispejjeż tal-operat u għad-definizzjoni tal-kontribuzzjoni C1 (mogħtija wkoll fil-kuntest taċ-CT 2 u intiża preċiżament sabiex tikkumpensa l-oneri tal-operat imġarrba), iżda li ma kinux jippermettu li jiġi żgurat li l-oneri tal-investiment koperti mill-kontribuzzjoni C2 ikunu jikkorrispondu għal dawk ta’ impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija fis-sens tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415).

64      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-provi prodotti mir-rikorrent ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-raba’ kriterju ta’ Altmark hija vvizzjata minn żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni.

65      Il-kriterji stabbiliti mis-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415), peress li huma kumulattivi, kien ikun suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li wieħed biss minn dawn il-kriterji ma kienx issodisfatt sabiex tikkonkludi li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kienet tagħti lill-benefiċjarji finali vantaġġ ekonomiku u kienet tikkostitwixxi, konsegwentement, skema ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

66      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv, l-istess bħal dan ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

68      Fil-każ ineżami, peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk tal-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Is-Syndicat Transport Île de France (STIF-IDF) għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Pelikánová

Valančius

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2019.

Firem


Werrej 


Il-fatti li wasslu għall-kawża 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq l-evalwazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża fir-rigward tar-raba’ kriterju ta’ Altmark

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      It-titoli kollha ngħataw format ġdid skont it-tipografija stabbilita għal tliet livelli ta’ titoli.