SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

8 ta’ Lulju 2020 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Sanzjoni pekunjarja amministrattiva imposta mill-BĊE fuq istituzzjoni ta’ kreditu – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 – Ksur kontinwu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji – Ksur b’negliġenza – Applikazzjoni retroattiva ta’ leġiżlazzjoni kriminali inqas severa – Assenza – Drittijiet tad-difiża – Ammont tas-sanzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑576/18,

Crédit agricole SA, stabbilita f’Montrouge (Franza), irrappreżentata minn A. Champsaur u A. Delors, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn C. Hernández Saseta, A. Pizzolla u D. Segoin, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-BĊE ECB/SSM/2018-FRCAG-75 tas-16 ta’ Lulju 2018 adottata skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), li timponi fuq ir-rikorrenti sanzjoni pekunjarja amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 4 300 000 minħabba ksur kontinwu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji previsti fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, V. Tomljenović, F. Schalin, P. Škvařilová-Pelzl u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Crédit agricole SA, hija istituzzjoni ta’ kreditu Franċiża suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

2        Fit-22 ta’ Diċembru 2016, l-unità investigattiva tal-BĊE bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet taħt l-Artikolu 126(1) u (2) tar-Regolament tal-BĊE (UE) Nru 468/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p. 1). Il-BĊE kkritika lir-rikorrenti talli kienet ikklassifikat strumenti kapitali bħala strumenti ta’ ekwità komuni tal-grad 1 tagħha (iktar ’il quddiem “CET 1”) mingħajr ma kisbet awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-awtorità kompetenti, bi ksur tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2).

3        Fit-18 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

4        Fit-2 ta’ Awwissu 2017, l-unità investigattiva tal-BĊE bagħtet lir-rikorrenti abbozz ta’ deċiżjoni sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

5        Fl-4 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti talbet lill-BĊE jestendi t-terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħha. Fis-7 ta’ Awwissu 2017, il-BĊE laqa’ parzjalment din it-talba u estenda l-imsemmi terminu sat-30 ta’ Awwissu 2017.

6        Fit-30 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni li kien ġie kkomunikat lilha.

7        Fis-16 ta’ Lulju 2018, il-BĊE adotta d-Deċiżjoni ECB/SSM/2018-FRCAG-75, adottata skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63), li timponi fuq ir-rikorrenti sanzjoni pekunjarja amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 4 300 000 minħabba ksur kontinwu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji previsti fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

8        Fl-ewwel lok, il-BĊE kkonstata l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur min-naħa tar-rikorrenti. Huwa qies li mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 kien jirriżulta li huwa biss wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-awtorità kompetenti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu jikklassifikaw l-istrumenti kapitali tagħhom bħala strumenti CET 1.

9        F’dan ir-rigward, il-BĊE ċaħad l-argument tar-rikorrenti fis-sens li l-azzjonijiet ordinarji kienu inklużi fil-lista ppubblikata mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 (iktar ’il quddiem il-“lista ppubblikata mill-ABE”). Huwa qies, essenzjalment, li l-preżenza ta’ strument f’din il-lista ma kinitx teżenta lil istituzzjoni ta’ kreditu milli tikseb awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-awtorità kompetenti skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013.

10      Il-BĊE rrileva li, fit-23 ta’ Ġunju 2015, fit-12 ta’ Novembru 2015 u fil-21 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti kienet ħarġet azzjonijiet ordinarji marbuta ma’ “klawżola ta’ lealtà” li kienet tagħti lill-azzjonisti dividend ikbar għal kull azzjoni miżmuma minnhom għal perijodu kontinwu ta’ minn tal-inqas sentejn. Il-BĊE akkuża lir-rikorrenti li, mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, hija kienet ikklassifikat dawn l-istrumenti kapitali fost l-istrumenti CET 1 tagħha fid-dikjarazzjonijiet trimestrali kkonsolidati tagħha dwar il-fondi proprji u r-rekwiżiti ta’ fondi proprji bejn it-tieni trimestru 2015 u t-tieni trimestru 2016 kif ukoll fil-pubblikazzjonijiet ta’ informazzjoni tagħha marbuta mat-tielet pilastru bejn it-30 ta’ Ġunju 2015 u t-30 ta’ Ġunju 2016.

11      Il-BĊE fakkar ukoll li, fit-18 ta’ April 2016, it-tim superviżorju konġunt kien informa lir-rikorrenti dwar l-obbligu tagħha li titlob u li tikseb awtorizzazzjoni mingħand il-BĊE qabel tikklassifika strumenti kapitali fost l-istrumenti CET 1 tagħha, u li sussegwentement ir-rikorrenti kienet ippreżentat, fit-30 ta’ Mejju u fit-22 ta’ Ġunju 2016, talbiet għal awtorizzazzjoni li kienu jikkonċernaw, rispettivament, minn naħa, l-azzjonijiet maħruġa fit-23 ta’ Ġunju u fit-12 ta’ Novembru 2015 u, min-naħa l-oħra, dawk maħruġa fil-21 ta’ Ġunju 2016. L-awtorizzazzjonijiet ingħataw mill-BĊE, rispettivament, fis-26 ta’ Lulju u fid-29 ta’ Awwissu 2016.

12      Minn dan il-BĊE kkonkluda li r-rikorrenti ma kinitx osservat l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 bejn it-30 ta’ Ġunju 2015 u t-30 ta’ Ġunju 2016, billi kienet ikklassifikat strumenti kapitali fost l-istrumenti CET 1 tagħha mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti, u li dan il-ksur kien twettaq, minn tal-inqas, b’negliġenza.

13      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE fakkar li, sussegwentement għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija minnu, huwa kien ġie informat mill-ABE li azzjonijiet ordinarji marbuta ma’ “klawżola ta’ lealtà” ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28(4) tar-Regolament Nru 575/2013 u ma setgħux jiġu kklassifikati bħala strumenti CET 1. Dan wassal lill-BĊE sabiex fl-1 ta’ Awwissu 2017 jitlob lir-rikorrenti tieħu miżuri adegwati sabiex tagħmel l-azzjonijiet ordinarji tagħha kompletament konformi mar-Regolament Nru 575/2013.

14      Fit-tieni lok, il-BĊE impona sanzjoni pekunjarja amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 4 300 000 fuq ir-rikorrenti minħabba l-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur. Huwa enfasizza li, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, huwa seta’ jimponi sanzjoni pekunjarja amministrattiva fil-każ ta’ ksur ta’ rekwiżit li jirriżulta minn atti rilevanti direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet kompetenti kienu awtorizzati jimponu sanzjonijiet pekunjarja amministrattivi fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Huwa żied li, skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, is-sanzjonijiet applikati kellhom ikunu “effettivi, proporzjonati u dissważivi”.

15      Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istrumenti kapitali inkwistjoni kienu jirrappreżentaw 67 punti bażi tal-proporzjon ta’ CET 1 tar-rikorrenti fit-30 ta’ Ġunju 2016 u li l-ksur tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 kien seħħ fl-okkażjoni ta’ ħames perijodi ta’ dikjarazzjonijiet trimestrali konsekuttivi u ta’ tliet pubblikazzjonijiet ta’ informazzjoni, taħt it-tielet pilastru, fl-2015 u fl-2016. Huwa qies li l-ksur kien twettaq, minn tal-inqas, b’negliġenza u rrileva li r-rikorrenti kienet baqgħet tikklassifika l-azzjonijiet ordinarji maħruġa minnha bħala strumenti CET 1 wara li kienet imwissija mit-tim superviżorju konġunt dwar l-obbligu li tikseb awtorizzazzjoni minn qabel mingħandu.

16      Bħala ċirkustanzi attenwanti, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li, wara li sarulu talbiet mir-rikorrenti, huwa kien awtorizzaha tikklassifika l-azzjonijiet ordinarji maħruġa minnha fost l-istrumenti CET 1 tagħha.

17      Il-BĊE jqis li sanzjoni pekunjarja amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 4 300 000, li jirrappreżenta, fil-fehma tiegħu, 0.0015 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tal-grupp li kienet tagħmel parti minnu r-rikorrenti, kienet tikkostitwixxi sanzjoni proporzjonata.

18      Fit-tielet lok, il-BĊE ddeċieda li jippubblika s-sanzjoni pekunjarja amministrattiva imposta, mingħajr anonimizzazzjoni tal-isem tar-rikorrenti, fuq is-sit internet tiegħu. Huwa qies li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti sabiex issostni li tali pubblikazzjoni kienet ser tippreġudika b’mod gravi r-reputazzjoni tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq kienu sempliċement ċirkustanzi ipotetiċi, vagi u ġeneriċi u għalhekk ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit li l-imsemmija pubblikazzjoni kienet ser tikkawżalha ħsara sproporzjonata fis-sens tal-Artikolu 132(1)(b) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti fetħet din il-kawża permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2018.

20      Wara bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid li kien assenjat lit-Tieni Awla, li lilha għalhekk ġiet assenjata din il-kawża.

21      Fuq proposta tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar iddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

22      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, fit-13 ta’ Diċembru 2019 għamlet numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Kull waħda mill-partijiet wieġbet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali u mbagħad ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġibiet tal-parti l-oħra.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Jannar 2020, il-President tat-Tieni Awla Estiża ddeċieda, wara li nstemgħu l-partijiet, li jgħaqqad din il-kawża mal-Kawżi T‑577/18 u T‑578/18 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta li nżammet fil-21 ta’ Jannar 2020. Matul din is-seduta, il-BĊE ntalab iwieġeb bil-miktub għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali u r-rikorrenti ntalbet tippreżenta osservazzjonijiet dwar din it-tweġiba. Il-partijiet onoraw dawn it-talbet fit-termini mogħtija.

25      Il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) għalqet il-fażi orali permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2020.

26      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

27      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

28      Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.

29      L-ewwel motiv huwa ppreżentat bħala li huwa bbażat fuq eċċess ta’ poter li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. It-tielet parti tikkonċerna l-proporzjonalità tas-sanzjoni pekunjarja amministrattiva imposta fuq ir-rikorrenti.

30      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti takkuża lill-BĊE bi ksur tad-dritt għal smigħ tagħha sa fejn ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq oġġezzjonijiet li ma ġewx speċifikati matul il-proċedura amministrattiva.

31      Kif ġie enfasizzat fil-punti 8 sa 18 iktar ’il fuq, il-BĊE, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel, ikkonstata l-eżistenza ta’ ksur min-naħa tar-rikorrenti, it-tieni, imponilha sanzjoni pekunjarja amministrattiva minħabba dan il-ksur u, it-tielet, ippreveda l-pubblikazzjoni ta’ din is-sanzjoni pekunjarja amministrattiva fuq is-sit internet tiegħu.

32      Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, għandha ssir distinzjoni bejn il-kritika magħmula mir-rikorrenti fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ ksur min-naħa tagħha u dik fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja amministrattiva.

 Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonstata ksur min-naħa tar-rikorrenti

33      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, meta kkonstata l-eżistenza ta’ ksur min-naħa tagħha, il-BĊE kiser l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv, hija tqis li l-BĊE kiser l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 billi qies li hija kienet wettqet ksur, minn tal-inqas, b’negliġenza. Fl-aħħar nett, permezz tat-tieni motiv tagħha, ippreżentat b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-konklużjoni tal-eżistenza ta’ ksur, fid-deċiżjoni kkontestata, hija bbażata fuq elementi li fir-rigward tagħhom hija ma kienx kellha l-possibbiltà tesprimi l-pożizzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva, bi ksur tad-dritt għal smigħ tagħha.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013

34      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, żewġ ilmenti.

35      Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE wettaq żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013, fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien tal-fatti invokati fil-konfront tagħha.

36      Permezz tat-tieni lment, ippreżentat fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-fatti li huma invokati fil-konfront tagħha ma għadhomx jikkostitwixxu ksur minħabba l-emenda introdotta fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 permezz tar-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2019, L 150, p. 1). Hija ssostni li din l-emenda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali peress li tista’ tiġi assimilata ma’ liġi kriminali inqas severa.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 fil-verżjoni applikabbli għaż-żmien tal-fatti invokati fil-konfront tar-rikorrenti

37      Fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE qies li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 kien jobbliga lir-rikorrenti tikseb awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-awtorità kompetenti qabel tikklassifika l-azzjonijiet ordinarji maħruġa minnha bħala strumenti CET 1, minkejja li din il-kategorija ta’ strumenti kapitali kienet inkluża fil-lista ppubblikata mill-ABE, b’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

38      Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 575/2013 jikkonċerna l-istrumenti CET 1. B’mod iktar partikolari, il-paragrafu 3 tiegħu jikkonċerna l-evalwazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti, tal-kwistjoni ta’ jekk l-istrumenti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikklassifikaw bħala strumenti CET 1 jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 28 jew, skont il-każ, tal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013. Din id-dispożizzjoni tipprevedi regoli partikolari għall-istrumenti kapitali.

39      B’hekk, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima, l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013, jipprovdi kif ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw jekk il-ħruġ ta’ strumenti [CET 1] jissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 28, jew fejn applikabbli, l-Artikolu 29. Rigward ħruġ wara t-28 ta’ Ġunju 2013, l-istituzzjonijiet għandhom jikklassifikaw l-istrumenti ta’ kapital bħala strumenti [CET 1] biss wara li jingħata permess mill-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu jikkonsultaw lill-ABE.

Għal strumenti ta’ kapital, bl-eċċezzjoni tal-għajnuna mill-Istat, li huma approvati bħala eliġibbli li jiġu kklassifikati bħala strumenti [CET 1] mill-awtorità kompetenti iżda fejn, fl-opinjoni tal-ABE, il-konformità mal-kriterji fl-Artikolu 28 jew, fejn applikabbli l-Artikolu 29, tkun materjalment kumplessa biex tiġi aċċertata, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jispjegaw ir-raġunament tagħhom lill-ABE.

Abbażi ta’ informazzjoni minn kull awtorità kompetenti, l-ABE għandha tistabbilixxi, iżżomm u tippubblika lista tal-forom kollha ta’ strumenti kapitali f’kull Stat Membru li jikkwalifikaw bħala strumenti [CET 1]. L-ABE għandha tistabbilixxi dik il-lista u tippubblikaha sat-28 ta’ Lulju 2013 għall-ewwel darba.

L-ABE tista’, wara l-proċess ta’ analiżi stabbilit fl-Artikolu 80 u, fejn ikun hemm evidenza sinifikanti li dawk l-istrumenti ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 28, jew fejn applikabbli l-Artikolu 29, tiddeċiedi li tneħħi strumenti kapitali ta’ għajnuna nonstatali maħruġa wara t-28 ta’ Ġunju 2013 mil-lista u tista’ tħabbar dan għal dak il-għan.”

40      L-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament Nru 575/2013, li għalihom jirreferi l-Artikolu 26(3) ta’ dan l-istess regolament, jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn strumenti CET 1. L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 575/2013 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-istrumenti kapitali maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu filwaqt li l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament jikkonċerna l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-istrumenti kapitali maħruġa minn impriżi mutwali, soċjetajiet kooperattivi, istituzzjonijiet ta’ tfaddil jew istituzzjonijiet simili.

41      Il-partijiet ma humiex jaqblu dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “permess mill-awtoritajiet kompetenti” li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013.

42      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-permess mill-awtoritajiet kompetenti jingħata skont il-kategorija ta’ strumenti kapitali u jintwera bl-inklużjoni tat-tip ta’ strumenti inkwistjoni fil-lista ppubblikata mill-ABE b’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013. Sa fejn l-azzjonijiet ordinarji kienu inklużi f’din il-lista meta hija kklassifikathom fost l-istrumenti CET 1 tagħha, hija tqis li l-BĊE ma kellux raġun iqis li hija kienet kisret l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013.

43      Għall-kuntrarju, il-BĊE jqis li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 jimplika li istituzzjoni ta’ kreditu għandha titlob awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-awtorità kompetenti qabel tikklassifika strument kapitali bħala strument CET 1, u dan anki meta l-istrument ikun inkluż fil-lista ppubblikata mill-ABE. Minn dan huwa jiddeduċi li kellu raġun iqis, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet kisret din id-dispożizzjoni meta kklassifikat l-azzjonijiet ordinarji maħruġa fi tliet okkażjonijiet fost l-istrumenti CET 1 tagħha mingħajr ma kisbet l-awtorizzazzjoni tiegħu minn qabel.

44      L-espressjoni “permess mill-awtoritajiet kompetenti” li tintuża fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 ma hijiex iddefinita minn dan ir-regolament u għalhekk huwa meħtieġ li tiġi interpretata.

45      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni legali tal-Unjoni ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħha iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-permess mill-awtorità kompetenti għandu jinkiseb mill-istituzzjoni ta’ kreditu qabel tikklassifika l-istrumenti kapitali tagħha bħala strumenti CET 1.

47      Għandu jiġi rrilevat li l-modalitajiet għall-manifestazzjoni ta’ dan il-permess mill-awtorità kompetenti ma jistgħux jiġu dedotti mill-formulazzjoni biss tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 sa fejn il-kelma “permess” tista’ tindika kemm awtorizzazzjoni minn qabel li tapplika għall-istrumenti kapitali fuq bażi individwali u kemm permess mogħti b’mod globali għal kategorija ta’ strumenti kapitali.

48      F’dan id-dawl u għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 575/2013 jirreferu b’mod espliċitu għall-kisba ta’ “awtorizzazzjoni [minn qabel]” mill-awtorità kompetenti ma jimplikax neċessarjament li l-użu tal-kelma “permess” fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 jirreferi għal mekkaniżmu differenti minn dak tal-awtorizzazzjoni minn qabel.

49      Fil-fatt, minn qari tad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 575/2013 li jirreferu għall-għoti ta’ “permess” jew ta’ “awtorizzazzjoni [minn qabel]” mill-awtorità kompetenti ma jirriżultax li l-modalitajiet għall-għoti tal-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti jvarjaw skont it-terminoloġija użata mill-imsemmija dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma għandhiex natura sistematika peress li verżjonijiet lingwistiċi oħra tar-Regolament Nru 575/2013 ma jirriproduċux neċessarjament l-istess distinzjoni bejn “accord” (“permess”) u “autorisation préalable” (“awtorizzazzjoni [minn qabel]”) li tinsab fil-verżjoni Franċiża ta’ dan ir-regolament.

50      Bl-istess mod, il-BĊE ma għandux raġun meta jsostni li l-kunċett ta’ “kategorija ta’ strumenti” ma jinsabx fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013. Fil-fatt, sa fejn it-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi għal “lista tal-forom kollha ta’ strumenti kapitali f’kull Stat Membru li jikkwalifikaw bħala strumenti [CET 1]”, ippubblikata mill-ABE, eżami tal-eliġibbiltà tal-istrumenti kapitali skont il-kategorija huwa previst fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li r-riferiment għall-“istrumenti ta’ kapital” fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jimplika neċessarjament eżami ta’ kull strument kapitali fuq bażi individwali.

51      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-interpretazzjoni kuntestwali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013, ir-rikorrenti tirreferi għat-tieni u għat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, it-tieni subparagrafu ta’ dan l-artikolu jikkonċerna eżami tal-eliġibbiltà ta’ forma ta’ strumenti kapitali mill-awtorità kompetenti mal-ABE, li jwassal għall-inklużjoni tal-imsemmija forma ta’ strumenti kapitali fil-lista ppubblikata mill-ABE fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu ta’ dan l-istess artikolu. Skont ir-rikorrenti, din il-pubblikazzjoni mill-ABE hija l-forma konkreta tal-permess mill-awtorità kompetenti previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013. Tali pubblikazzjoni għalhekk timplika li l-istrument jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 575/2013 u li huma l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati li għandhom jivverifikaw jekk l-istrument kapitali inkwistjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet individwali previsti f’dan l-artikolu, filwaqt li l-awtorità kompetenti tkun tista’ tikkontrolla, a posteriori, il-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni.

52      Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

53      Minn naħa, din l-interpretazzjoni hija inkompatibbli mad-differenza fin-natura tal-konsultazzjoni tal-ABE li tiddependi minn jekk hijiex ikkunsidrata fis-sens tal-ewwel jew tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013. Fil-fatt, filwaqt li fil-kuntest tal-ewwel subparagrafu l-imsemmija konsultazzjoni hija ppreżentata bħala sempliċi possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti sa fejn l-imsemmija awtoritajiet “jistgħu jikkonsultaw lill-ABE”, it-tieni subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni jimplika, għall-kuntrarju, konsultazzjoni sistematika tal-ABE mill-awtoritajiet kompetenti.

54      Min-naħa l-oħra, jekk jiġi segwit l-approċċ tar-rikorrenti, dan ikun jimplika li tkun biss l-osservanza tal-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 28 jew, skont il-każ, fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013 li tiġi kkontrollata mill-awtorità kompetenti qabel il-klassifikazzjoni ta’ strument kapitali bħala strument CET 1. Kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess, tkun l-istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha tivverifika jekk il-ħruġ ta’ strument kapitali huwiex konformi mal-kundizzjonijiet individwali previsti fl-Artikolu 28 jew, skont il-każ, fl-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament.

55      Għandu jiġi kkonstatat li tali limitazzjoni tal-kontroll mill-awtoritajiet kompetenti tkun kuntrarja għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013. Fil-fatt, minn dan tal-aħħar jirriżulta li huwa biss wara l-permess mill-awtoritajiet kompetenti li strument kapitali jista’ jiġi kklassifikat bħala strument CET 1 u li l-evalwazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet għandha tikkonċerna l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28 jew, skont il-każ, fl-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma ssir ebda distinzjoni skont jekk dawn il-kundizzjonijiet għandhomx portata ġenerali jew individwali.

56      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 għandu jiġi interpretat bħala li jikkonċerna żewġ proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjoni differenti. Minn naħa, deċiżjoni li tirriżulta mill-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ABE prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013, li tikkonċerna l-eliġibbiltà tal-forom ta’ strumenti kapitali u li timmaterjalizza permezz tal-inklużjoni tagħhom fil-lista ppubblikata mill-ABE, prevista fit-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, li għaliha l-konsultazzjoni tal-ABE hija biss sempliċi possibbiltà, intiża li jiġi vverifikat jekk strument kapitali jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 28 jew, skont il-każ, fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013, kemm jekk dawn il-kundizzjonijiet ikollhom portata ġenerali u kemm jekk ikollhom portata individwali.

57      Minn dan jirriżulta li, għalkemm l-inklużjoni ta’ strument kapitali fil-lista ppubblikata mill-ABE timplika li dan huwa bħala prinċipju eliġibbli għal klassifikazzjoni bħala strument CET 1, sa fejn jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 28 jew, skont il-każ, fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013, din l-inklużjoni ma tippermettix, waħedha, li istituzzjoni ta’ kreditu tikklassifika dan l-istrument kapitali fost l-istrumenti CET 1 tagħha. Qabel tagħmel dan hija għandha tikkomunika dan l-istrument lill-awtorità kompetenti sabiex din tivverifika b’mod konkret l-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet u, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet li għandhom portata individwali.

58      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-leġiżlatur, fl-okkażjoni tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 575/2013, li jittejbu l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-fondi proprji fis-sistema bankarja, imfakkra fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 575/2013 u mtennija fil-premessa 72 ta’ dan l-istess regolament. Il-premessa 72, b’mod partikolari, tenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jittejbu u jiġu armonizzati l-obbligi fil-qasam tal-fondi proprji applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tirreferi, f’dan ir-rigward, għal “sett ta’ kriterji stretti għall-istrumenti kapitali prinċipali”.

59      Għaldaqstant, huwa konformi mal-intenzjoni tal-leġiżlatur li tingħata preferenza lil interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 li tippermetti bl-aħjar mod possibbli lill-awtorità kompetenti tiżgura ruħha mill-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ta’ strument sabiex jiġi kklassifikat bħala fondi proprji tal-aħjar kwalità, jiġifieri fost l-istrumenti CET 1.

60      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kontroll tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28 jew, skont il-każ, fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 575/2013 jiġi żgurat aħjar permezz ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel milli permezz ta’ sistema fejn il-verifika tal-osservanza ta’ wħud minn dawn il-kundizzjonijiet tkun taqa’, inizjalment, fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu stess, filwaqt li l-kontroll tal-awtorità kompetenti jseħħ biss a posteriori, mingħajr ma jkun ta’ natura neċessarjament sistematika.

61      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma jdaħħlux inkwistjoni l-fondatezza ta’ din il-konklużjoni.

62      Dan jgħodd, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, għar-riferiment għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 li allegatament ingħatat preferenza mill-ABE jew mill-Autorité de contrôle prudentiel et de résolution (ACPR) (l-Awtorità ta’ Kontroll Prudenzjali ta’ Riżoluzzjoni, Franza). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti minn awtorità amministrattiva ma tistax torbot lill-qorti tal-Unjoni, li tibqa’ esklużivament kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 19 TUE (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, T‑712/15, EU:T:2017:900, punt 75).

63      Dan jgħodd ukoll, fit-tieni lok, għall-fatt li t-test tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 ġie sussegwentement emendat bir-Regolament 2019/876. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li, għalkemm mill-premessa 23 tar-Regolament 2019/876 jirriżulta li l-għan ta’ din l-emenda kien li tiġi introdotta proċedura ta’ approvazzjoni ġdida li tkun ċara u trasparenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ strumenti bħala strumenti CET 1, ebda indikazzjoni ma tista’ tiġi dedotta minn dan dwar it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni qabel l-emenda tagħha.

64      Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment, dwar, essenzjalment, l-applikazzjoni retroattiva tal-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013

65      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tenfasizza, essenzjalment, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 ġiet emendata permezz tal-punt 15 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/876 b’effett mis-27 ta’ Ġunju 2019. Hija tqis li, fid-dawl ta’ din il-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013, l-aġir tagħha ma għadx għandu n-natura ta’ ksur u li, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali inqas severa jimplika li din il-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 għandha tiġi applikata fil-konfront tagħha.

66      Il-BĊE jqis li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

67      Fir-rigward, b’mod preliminari, tal-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment sa fejn ġie ppreżentat fl-istadju tar-replika, għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprojbixxi, bħala prinċipju, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul l-istanza, tali projbizzjoni ma tapplikax meta dawn il-motivi jkunu bbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Sa fejn huwa bbażat fuq punt ta’ liġi li ħareġ matul il-proċedura, jiġifieri d-dħul fis-seħħ, fis-27 ta’ Ġunju 2019, tal-punt 15 tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/876, dan l-ilment huwa għalhekk ammissibbli.

68      Madankollu, tali lment ma huwiex ta’ natura, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

69      Huwa minnu li l-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali inqas severa jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C‑420/06, EU:C:2008:152, punt 59; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270, punti 67 sa 69, u tas-27 ta’ Ġunju 2017, NC vs Il‑Kummissjoni, T‑151/16, EU:T:2017:437, punti 53 u 54), li issa huwa inkluż fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

70      Skont l-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali:

“L-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m’għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.”

71      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali inqas severa jista’ jiġi invokat mhux biss fil-konfront ta’ deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet kriminali fis-sens strett tal-kelma iżda wkoll fil-konfront ta’ sanzjonijiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C‑45/06, EU:C:2007:154, punti 32 u 33; tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C‑420/06, EU:C:2008:152, punt 60; u tas-27 ta’ Ġunju 2017, NC vs Il‑Kummissjoni, T‑151/16, EU:T:2017:437, punt 54).

72      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali inqas severa, għalkemm jista’ jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni fl-eventwalità li emenda tal-qafas ġuridiku tkun seħħet wara l-fatti tal-każ iżda qabel id-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, NC vs Il‑Kummissjoni, T‑151/16, EU:T:2017:437, punt 63), ma jistax ikun rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità ta’ att li ġie adottat qabel l-imsemmija emenda tal-qafas ġuridiku peress li l-istituzzjoni konvenuta ma tistax tiġi akkużata li ma osservatx regoli legali li kienu ma għadhomx applikabbli.

73      Barra minn hekk, huwa biss fil-kuntest tal-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tas-setgħa tagħha li tibdel l-ammont tas-sanzjoni imposta, fl-eventwalità li l-Qorti Ġenerali jkollha tali kompetenza, b’applikazzjoni tal-Artikolu 261 TFUE, fil-konfront tas-sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-BĊE taħt l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, li evoluzzjoni fil-qafas ġuridiku wara d-deċiżjoni kkontestata tista’, eventwalment, tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, adita b’tali talba, il-Qorti Ġenerali jkollha tiddetermina jekk ikunx hemm lok, fid-data li fiha tadotta d-deċiżjoni tagħha, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-BĊE b’dik tagħha, b’tali mod li l-ammont tas-sanzjoni jkun adegwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Orange Polska vs Il‑Kummissjoni, T‑486/11, EU:T:2015:1002, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma saritilha ebda talba għal bidla tal-ammont tas-sanzjoni imposta, kif ir-rikorrenti kkonfermat espliċitament matul is-seduta.

75      Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud u, għalhekk, għandha tiġi miċħuda wkoll l-ewwel parti tal-ewwel motiv.

 Fuq l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013

76      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE qies li r-rikorrenti kienet wettqet ksur tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013, minn tal-inqas b’negliġenza fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013.

77      Ir-rikorrenti tqis li l-BĊE kiser l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 meta kkonstata l-eżistenza ta’ ksur imwettaq b’negliġenza peress li ma setax jitqies li hija kienet taf jew kien imissha kienet taf li l-aġir tagħha kien jikkostitwixxi ksur. Hija tfakkar, b’mod partikolari, li segwiet l-interpretazzjoni ppreferuta mill-ABE u mill-ACPR filwaqt li l-BĊE ma pprovda ebda linji gwida dwar l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 u filwaqt li kważi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha kienu adottaw l-istess interpretazzjoni. Hija tqis ukoll li sempliċi diverġenza fl-interpretazzjoni ma tikkostitwixxix nuqqas u li hija ma setgħetx tkun taf li l-aġir tagħha kien ta’ natura li jikkostitwixxi ksur.

78      Il-BĊE jsostni li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

79      Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, “[g]ħall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, meta istituzzjonijiet ta’ kreditu, kumpaniji holding finanzjarji, jew kumpaniji holding finanzjarji mħallta, b’mod intenzjonali jew, b’negliġenza, jiksru rekwiżit […] il-BĊE jista’ jimponi sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji”.

80      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tenfasizza, il-kunċett ta’ negliġenza jkopri azzjoni jew ommissjoni involontarja li permezz tagħha l-persuna responsabbli tonqos milli twettaq l-obbligu ta’ diliġenza tagħha (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 75). Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali negliġenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ukoll l-esperjenza professjonali u d-diliġenza tal-impriża kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C‑48/98, EU:C:1999:548, punt 56).

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, kellha taġixxi bi prudenza kbira fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 575/2013, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-portata tal-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

82      Barra minn hekk, għalkemm sas-sentenza preżenti l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 ma kienx is-suġġett ta’ interpretazzjoni mill-qorti tal-Unjoni, il-portata preċiża tal-obbligi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu setgħet tiġi dedotta minn analiżi b’attenzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kif juri r-raġunament magħmul fil-punti 53 sa 60 iktar ’il fuq.

83      Fil-fatt, tali analiżi kellha twassal lir-rikorrenti għall-konklużjoni li l-pubblikazzjoni magħmula mill-ABE skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 u l-permess mill-awtorità kompetenti msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni kienu jikkonċernaw żewġ kwistjonijiet li, għalkemm huma konnessi, huma kwistjonijiet distinti: minn naħa, l-eliġibbiltà ta’ strument kapitali sabiex jiġi kklassifikat bħala strument CET 1 u, min-naħa l-oħra, il-verifika konkreta tal-osservanza tal-kundizzjonijiet – b’mod partikolari ta’ portata individwali – elenkati fl-Artikolu 28 jew, skont il-każ, fl-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament.

84      Il-BĊE għalhekk kellu raġun meta kkonstata n-natura negliġenti tal-aġir tar-rikorrenti u kkonkluda li din kienet wettqet ksur skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013.

85      Din il-konklużjoni ma hijiex imdgħajfa mill-argument tar-rikorrenti fis-sens, essenzjalment, li hija kienet segwiet l-interpretazzjoni li tinsab fil-klawżola introduttorja tal-lista ppubblikata mill-ABE, li kienet timplika li hija ma kinitx meħtieġa titlob awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-awtorità kompetenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni fost l-istrumenti CET 1 tagħha ta’ kategorija ta’ strumenti li tinsab fl-imsemmija lista.

86      F’dan ir-rigward, fil-punt 62 iktar ’il fuq diġà ġie enfasizzat li l-interpretazzjoni tal-ABE ma tistax tipprevali fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013.

87      Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, peress li waħda mill-funzjonijiet tal-ABE, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12), hija li “tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi lejn kultura superviżorja komuni”, l-interpretazzjoni tagħha tar-Regolament Nru 575/2013, b’mod partikolari meta dispożizzjoni tkun għadha ma ġietx interpretata mill-qorti tal-Unjoni, hija ta’ natura partikolarment rilevanti.

88      Bl-istess mod, huwa minnu li, ikkunsidrata waħedha, frażi fil-punt 4 tal-klawżola introduttorja tal-lista ppubblikata mill-ABE setgħet tagħti x’jinftiehem li fil-fehma tal-ABE l-inklużjoni ta’ strument kapitali fil-lista ppubbliakta minnha timplika li dan jista’ jiġi kklassifikat fost l-istrumenti CET 1, peress li huwa speċifikat li “[l-]inklużjoni ta’ strument fil-lista timplika li dan jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà tar-[Regolament Nru 575/2013] u li jista’ jiġi inkluż fl-[istrumenti CET 1] mill-istituzzjonijiet kollha tal-Istat Membru kkonċernat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

89      Madankollu, qari ta’ din il-klawżola fil-kuntest iktar ġenerali tagħha kien imissu wassal lir-rikorrenti sabiex tirrelativizza l-portata ta’ din il-frażi. Fil-fatt, din il-possibbiltà li l-istrumenti kapitali inklużi fil-lista ppubblikata mill-ABE jiġu kklassifikati fost l-istrumenti CET 1 ma hijiex ippreżentata minn din tal-aħħar bħala possibbiltà inkundizzjonata. Għall-kuntrarju, isir riferiment għall-ħtieġa li jiġu osservati r-regoli tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll għall-eventwali ħtieġa li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament Nru 575/2013. Għalkemm il-formulazzjoni tal-klawżola ma hijiex ċara ħafna, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-referenza għall-eventwali osservanza ta’ kundizzjonijiet oħra jew għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti kien imissha wasslet lir-rikorrenti sabiex ikollha dubju dwar il-portata preċiża tal-obbligi tagħha taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013.

90      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fit-18 ta’ April 2016, ir-rikorrenti rċeviet ittra elettronika bi kjarifika min-naħa tal-BĊE dwar il-portata tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013. F’din l-ittra l-BĊE indika li awtorizzazzjoni minn qabel kienet meħtieġa qabel il-klassifikazzjoni taż-żidied fil-kapital bħala strumenti CET 1 u speċifika l-lista ta’ dokumenti li kellhom jiġu pprovduti.

91      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-kontenut tal-ittra elettronika tal-BĊE tat-18 ta’ April 2016 kien inekwivoku fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 ippreferuta mill-BĊE.

92      Madankollu, minkejja din it-twissija, ir-rikorrenti baqgħat issegwi interpretazzjoni diverġenti u żbaljata tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013, billi kklassifikat, fit-30 ta’ Ġunju 2016, fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni tagħha fir-rigward tat-tielet pilastru u fid-dikjarazzjoni trimestrali kkonsolidata tagħha dwar il-fondi proprji u r-rekwiżiti ta’ fondi proprji, il-ħruġ 1 sa 3 tagħha fost l-istrumenti CET 1 tagħha, qabel ma l-BĊE kien ikkomunikalha l-awtorizzazzjoni tiegħu.

93      Ir-rikorrenti ssostni wkoll, essenzjalment, li n-nuqqas ta’ ċarezza tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 kien wassal lil ċerti awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lil diversi istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex isegwu l-istess interpretazzjoni bħal dik ippreferuta minnha, punt dan li jispjega l-emenda ta’ din id-dispożizzjoni permezz tar-Regolament 2019/876.

94      Madankollu, dan il-fatt, jekk jitqies li huwa minnu, ma jippermettix li tiġi stabbilita assenza ta’ negliġenza min-naħa tar-rikorrenti.

95      Fil-fatt, għalkemm tali elementi jistgħu jiżvelaw li ċerti operaturi kellhom diffikultajiet fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-prudenza u d-diliġenza li jistgħu jkunu mistennija minn istituzzjoni ta’ kreditu tad-daqs tar-rikorrenti kellhom iwassluha għal qari attentiv ta’ din id-dispożizzjoni, li kellu jippermettilha tegħleb l-imsemmija diffikultajiet ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-portata tal-obbligi tagħha.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ippreżentat b’mod sussidjarju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti

97      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-BĊE ma rrispettax id-dritt għal smigħ tagħha billi bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi li dwarhom ma kienx kellha l-opportunità ssostni l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura amministrattiva u tfakkar li, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE jista’ jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biss fuq l-oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ikkonċernati setgħu jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom, irrispettivament minn jekk dawn affettwax b’mod sfavorevoli jew le lill-imsemmija partijiet. F’dan ir-rigward, hija takkuża b’mod partikolari lill-BĊE li, għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata, ta l-interpretazzjoni tiegħu stess tar-rapport tal-ABE tat-23 ta’ Mejju 2017, irrefera għall-oġġezzjoni, mill-ABE, għall-“klawżola ta’ lealtà” li tinsab fl-azzjonijiet ordinarji tagħha u allega li hija kienet ikkomunikat informazzjoni żbaljata lis-suq fir-rigward tas-sitwazzjoni prudenzjali tagħha.

98      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-oġġezzjoni mqajma mill-ABE fir-rigward tal-“klawżola ta’ lealtà” u għall-allegata komunikazzjoni ta’ informazzjoni żbaljata lis-suq, ir-rikorrenti tqis li dawn kellhom impatt fuq l-ammont tas-sanzjoni li kienet imposta fuqha.

99      Il-BĊE jsostni li ebda wieħed mill-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li ma jissemmewx fl-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ sanzjoni iżda li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata ma seta’ jaffettwa b’mod sfavorevoli d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u lanqas ma kien deċiżiv għall-eżitu tal-proċedura.

100    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni (ara d-digriet tat-12 ta’ Mejju 2010, CPEM vs Il‑Kummissjoni, C‑350/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:267, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirrifletti dan il-prinċipju sa fejn jipprevedi li l-BĊE għandu jagħti lill-persuni li jkunu s-suġġett tal-proċedura l-possibbiltà li jinstemgħu u li l-BĊE għandu jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biss fuq l-oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ikkonċernati setgħu jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom.

102    Dan il-prinċipju huwa espress b’mod espliċitu kemm fl-Artikolu 31, intitolat “Id-dritt li wieħed jinstema’”, u kemm fl-Artikolu 126, intitolat “Drittijiet proċedurali”, tar-Regolament Qafas tal-MSU.

103    Skont il-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 31 tar-Regolament Qafas tal-MSU huwa intiż li japplika għal kull deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali “indirizzata lil parti li taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet ta’ dik il-parti”. Din id-dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà għal din il-parti li tagħmel osservazzjonijiet bil-miktub lill-BĊE dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali rilevanti għad-deċiżjoni ta’ superviżjoni prudenzjali tal-BĊE, qabel l-adozzjoni tagħha.

104    L-Artikolu 126 tar-Regolament Qafas tal-MSU, li jikkonċerna speċifikament id-deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet amministrattivi, li ma jkunux pagamenti perijodiċi ta’ penalità, jipprovdi kif ġej:

“1.      Malli titlesta investigazzjoni u qabel ma titħejja u tiġi ppreżentata proposta għal abbozz sħiħ ta’ deċiżjoni lill-Bord Superviżorju, l-unità investigattiva għandha tinnotifika lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata bil-miktub dwar il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni mwettqa u dwar kwalunkwe oġġezzjoni li tkun tqajmet kontrihom [kontriha].

2.      Fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-unità investigattiva għandha tinforma lill-entità taħt superviżjoni kkonċernata dwar id-dritt tagħha li tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub lill-unità investigattiva dwar ir-riżultati fattwali u l-oġġezzjonijiet li jkunu tqajmu kontra l-entità kif stipulat fl-istess notifika, inklużi d-dispożizzjonijiet individwali li allegatament inkisru, u għandha tiffissa limitu ta’ żmien raġonevoli sa meta għandha tirċievi dawk is-sottomissjonijiet. Il-BĊE m’għandux ikun obbligat li jikkunsidra sottomissjonijiet bil-miktub li jirċievi wara li jkun skada l-limitu ta’ żmien stabbilit mill-unità investigattiva.

[…]”

105    Kif kien hemm opportunità li jiġi enfasizzat fil-ġurisprudenza fir-rigward tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li s-sens tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 u għal dak tal-Artikolu 126 tar-Regolament Qafas tal-MSU, ir-rekwiżit marbut mad-drittijiet tad-difiża jkun osservat meta, minn naħa, il-partijiet tintbagħtilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tindika, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il‑Kummissjoni Ewropea tkun qiegħda tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ma tikkonstatax fil-konfront tal-persuni kkonċernati ksur differenti mill-oġġezzjonijiet li kienu ġew ikkomunikati lilhom matul il-proċedura amministrattiva u tkun ibbażata biss fuq fatti li dwarhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jispjegaw ruħhom (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 266 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċeduri li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni fir-rigward ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, din l-indikazzjoni tista’ tingħata b’mod sommarju u ma huwiex meħtieġ li d-deċiżjoni finali tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sa fejn din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju b’evalwazzjonijiet fattwali u legali ta’ natura purament provviżorja. Għalhekk, huma ammissibbli żidiet mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jitwettqu fid-dawl tat-tweġiba tal-partijiet, li l-argumenti tagħhom juru li kienu effettivament f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Il‑Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid argumenti fattwali jew legali insostenn tal-oġġezzjonijiet li tkun ifformulat (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 267 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-komunikazzjoni lill-persuni kkonċernati ta’ dikjarazzjoni addizzjonali tal-oġġezzjonijiet hija meħtieġa biss fil-każ li l-eżitu tal-verifiki jwassal lill-Kummissjoni sabiex tinvoka atti ġodda fil-konfront tal-impriżi jew sabiex temenda b’mod sostanzjali l-provi tal-ksur ikkontestat (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 268 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Fl-aħħar nett, dejjem skont il-ġurisprudenza applikabbli għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta jkun hemm possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mmexxija minnha setgħet twassal għal riżultat differenti. Sabiex impriża rikorrenti tistabbilixxi li seħħ tali ksur ma huwiex meħtieġ li tistabbilixxi b’mod suffiċjenti li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti iżda huwa meħtieġ li tistabbilixxi b’mod suffiċjenti li hija kienet tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha aħjar fl-assenza tal-irregolarità, pereżempju minħabba li kienet tkun tista’ tuża għad-difiża tagħha dokumenti li kienet ġiet irrifjutata aċċess għalihom fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 269 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    L-istess prinċipji japplikaw, b’analoġija, għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija mill-BĊE fil-konfront ta’ ksur ta’ rekwiżit li jirriżulta minn atti rilevanti direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013.

110    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-unika oġġezzjoni mqajma mill-BĊE fil-konfront tar-rikorrenti – jiġifieri l-klassifikazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ ċerti strumenti kapitali fost l-istrumenti CET 1 tagħha, bi ksur tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 – kienet ifformulata, b’mod ċar, sa mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet intbagħtitilha fit-22 ta’ Diċembru 2016.

111    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tesprimi ruħha dwar din l-oġġezzjoni, mhux biss fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-imsemmija dikjarazzjoni iżda wkoll fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni li l-BĊE bagħtilha fit-2 ta’ Awwissu 2017.

112    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li t-tliet elementi li l-preżenza tagħhom għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata qiegħda tiġi kkritikata mir-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu li huma oġġezzjonijiet ġodda.

113    Fil-fatt, l-ewwel, fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-BĊE, fil-punt 3.2.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, għar-rapport tal-ABE tat-23 ta’ Mejju 2017, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE semma dan ir-rapport sabiex jiġġustifika l-fondatezza tal-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013. Issa, din il-kwistjoni kienet diskussa b’mod estensiv mill-partijiet matul il-proċedura amministrattiva. B’mod iktar preċiż, għandu jiġi enfasizzat li dan ir-riferiment sar mill-BĊE bi tweġiba għall-argument tar-rikorrenti fis-sens li, f’dik l-istess data, l-ABE kienet irrilevat li l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 seta’ jagħti lok għal interpretazzjonijiet differenti.

114    It-tieni, fir-rigward tal-indikazzjoni, fil-punt 3.2.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ABE kienet qieset li l-klawżola ta’ lealtà li tinsab fl-azzjonijiet ordinarji tar-rikorrenti kienet tipprekludi l-klassifikazzjoni tagħhom bħala strumenti CET 1, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li din il-kwistjoni tikkonċerna l-konformità tal-azzjonijiet ordinarji tar-rikorrenti mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 575/2013 u li ma hijiex marbuta mal-oġġezzjoni mressqa mill-BĊE fil-konfront tar-rikorrenti, li tikkonċerna esklużivament il-ksur minn din tal-aħħar tal-Artikolu 26(3) ta’ dan l-istess regolament.

115    It-tielet, l-indikazzjoni mill-BĊE, fil-punt 3.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-osservanza tal-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013 ma kinitx ser twassal lir-rikorrenti “sabiex tiddikjara informazzjoni mhux korretta dwar is-sitwazzjoni prudenzjali tagħha lill-awtoritajiet kompetenti u lis-suq”, ma tistax titqies li hija oġġezzjoni ġdida fil-konfront tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-BĊE għamel dan il-kumment fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura negliġenti tal-aġir tar-rikorrenti, bi tweġiba għall-affermazzjoni tagħha, magħmula fl-osservazzjonijiet tagħha tat-30 ta’ Awwissu 2017, li hija kienet aġixxiet “bi prudenza u b’diliġenza, bil-għan li tiġi evitata kull komunikazzjoni żbaljata dwar is-sitwazzjoni reali tal-fondi proprji tagħha”.

116    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kritika mressqa mir-rikorrenti fis-sens li l-elementi msemmija fil-punti 114 u 115 iktar ’il fuq kellhom impatt fuq l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja li ġiet imposta fuqha, għandu jiġi rrilevat li din il-kwistjoni ma tikkonċernax il-legalità tal-konstatazzjoni ta’ ksur min-naħa tar-rikorrenti, iżda l-kwistjoni tal-ammont tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqha.

117    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna l-legalità tal-konstatazzjoni ta’ ksur fil-konfront tar-rikorrenti.

118    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur fil-konfront tagħha.

 Fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn timponi sanzjoni pekunjarja amministrattiva fuq ir-rikorrenti

119    Permezz tat-tieni lment tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja amministrattiva tmur kontra, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, hija tqis li s-sanzjoni pekunjarja li ġiet imposta fuqha tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fl-aħħar nett, u kif ġie rrilevat fil-punti 98 u 116 iktar ’il fuq, fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li ċerti elementi li dwarhom ma nstemgħetx kellhom impatt fuq l-ammont tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqha, b’tali mod li d-dritt għal smigħ tagħha ma ġiex irrispettat.

120    B’mod iktar partikolari, fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ma tikkontestax biss il-proporzjonalità fuq livell ta’ prinċipju stess tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni, iżda tikkontesta wkoll l-ammont tagħha. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, hija ssostni, b’mod partikolari, li dan l-ammont ma jirrappreżentax 0.0015 % tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp Crédit Agricole, kif huwa indikat fid-deċiżjoni kkontestata, iżda ammont għaxar darbiet ikbar. Hija takkuża wkoll lill-BĊE li ma osservax il-metodoloġija li huwa jallega, fl-atti tiegħu, li segwa għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-BĊE, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, sostna li ħa inkunsiderazzjoni d-daqs tal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni, meta tali raġuni ma kinitx tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tqis li l-BĊE jwettaq żball meta jirreferi, f’dan il-kuntest, għal evalwazzjoni tad-daqs tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu bbażata fuq l-ammont totali tal-assi kollha tagħhom taħt ġestjoni, minflok fuq id-dħul mill-bejgħ tagħhom, u ssostni li, fi kwalunkwe każ, dan il-fattur ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali sa fejn ma jissemmiex fid-deċiżjoni kkontestata. Hija żżid li l-assenza ta’ dan il-fattur fl-imsemmija deċiżjoni jikkostitwixxi insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità.

121    Għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun f’pożizzjoni li teżamina l-kritika mressqa mir-rikorrenti, huwa meħtieġ li d-deċiżjoni kkontestata tispeċifika, b’mod suffiċjenti fid-dritt, ir-raġunijiet li wasslu għall-iffissar tas-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti f’ammont ta’ EUR 4 300 000, li jirrappreżenta 0.015 % tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp li minnu tagħmel parti.

122    Il-Qorti Ġenerali jqis li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata, preliminarjament, in-natura suffiċjentement motivata tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni imposta.

123    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-motiv ibbażat fuq nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-att li l-legalità tiegħu tkun qiegħda tiġi kkontestata jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni u li, għaldaqstant, jista’ jiġi invokat mill-partijiet f’kull stadju tal-proċedura (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, EU:T:2001:288, punt 125).

124    Barra minn hekk, dan l-obbligu, għall-qorti tal-Unjoni, li tirrileva ex officio motiv ta’ ordni pubbliku għandu jiġi eżerċitat fid-dawl tal-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 59 u 60). F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE, matul is-seduta, kellu l-opportunità jesprimi ruħu dwar in-natura suffiċjentement motivata jew le tad-deċiżjoni kkontestata.

125    B’hekk, matul is-seduta, il-BĊE sostna li d-deċiżjoni kkontestata kienet motivata b’mod suffiċjenti fid-dritt. Essenzjalment, huwa ddikjara li kien applika metodoloġija f’żewġ stadji għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni.

126    Fil-kuntest tal-ewwel stadju, huwa ddetermina l-ammont bażiku tas-sanzjoni applikabbli. Il-punt tat-tluq ta’ dan l-ammont bażiku kien evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, b’osservanza tal-effetti tal-ksur fuq is-sitwazzjoni prudenzjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata u l-aġir ta’ din l-istituzzjoni. Il-BĊE jenfasizza li dan l-element jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn f’din tal-aħħar isir riferiment għall-ammont totali tal-istrumenti li kienu s-suġġett ta’ klassifikazzjoni żbaljata. Bl-istess mod, in-natura illegali tal-aġir tal-istituzzjoni ta’ kreditu hija enfasizzata fid-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-BĊE insista fuq il-fatt li r-rikorrenti kien imissha kienet taf bl-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 575/2013. Ladarba kienet iddeterminata l-gravità tal-ksur, il-BĊE inkluda fil-kalkolu l-ammont totali tal-assi taħt ġestjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu. Huwa b’hekk li l-ammont bażiku ġie kkalkolat billi ttieħdu inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, il-gravità tal-ksur u l-ammont totali tal-assi taħt ġestjoni.

127    Fil-kuntest tat-tieni stadju, dan l-ammont bażiku ġie aġġustat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni eventwali ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti. F’dan il-każ, ir-rikorrenti bbenefikat minn ċirkustanza attenwanti.

128    Matul is-seduta, il-BĊE sostna wkoll li l-assenza, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ spjegazzjoni espliċita dwar il-metodoloġija li tippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont preċiż tas-sanzjoni kienet intiża li tħares in-natura dissważiva tal-imsemmija sanzjoni. Skont il-BĊE, għandu jiġi evitat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu jistgħu jipprevedu l-ammont tas-sanzjonijiet li jistgħu jingħataw għaliex dan jista’ jnaqqas l-inċentiv li jiġu osservati r-regoli prudenzjali. Huwa rrikonoxxa wkoll li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont totali tal-assi taħt ġestjoni tar-rikorrenti ma kienx jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, iżda qies li dan ma jikkostitwixxix insuffiċjenza ta’ motivazzjoni peress li huwa element purament oġġettiv.

129    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE huwa formalità essenzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż. F’dan id-dawl, il-motivazzjoni meħtieġa għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali, l-obbligu li jiġu motivati tali deċiżjonijiet huwa għalhekk intiż, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 146 sa 148 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 114 u 115, u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 44).

130    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati minnu fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150; tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 116, u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 45).

131    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. Fil-fatt, l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata permezz tal-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 149; tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 74; u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 46).

132    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-motivazzjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi imposti taħt l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-BĊE huwa intitolat jimponi sanzjoni pekunjarja amministrattiva li l-ammont massimu tagħha jista’ jikkorrispondi għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali totali tal-grupp li minnu tagħmel parti l-persuna ġuridika kkonċernata.

133    Minn dan jirriżulta li l-BĊE għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni pekunjarja. F’tali konfigurazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji jinsabu, b’mod partikolari, id-dritt tal-persuna kkonċernata li d-deċiżjoni inkwistjoni tkun motivata b’mod suffiċjenti fid-dritt. Huwa biss b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jkunu jistgħu jivverifikaw jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali kinux preżenti (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑405/07 P, EU:C:2008:613, punt 56).

134    Għaldaqstant, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-BĊE mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll fid-dawl tal-livell għoli ħafna tas-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi imposti, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu tali sanzjoni għandu importanza partikolari ħafna.

135    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni għandha tippermetti lill-Qorti Ġenerali tevalwa jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tivverifika jekk il-BĊE wettaqx evalwazzjoni ġusta tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1024/2013, li jenfasizza, minbarra n-natura proporzjonata tas-sanzjoni, l-effettività u n-natura dissważiva tagħha.

136    Issa, sabiex ikun jista’ jitwettaq tali stħarriġ, huwa meħtieġ li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata turi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-metodoloġija segwita mill-BĊE għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, EU:T:2006:270, punt 91) kif ukoll il-piż li huwa ta lill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni li huwa għamel ta’ dawn l-elementi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 61).

137    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq jirriżulta li l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement motivata ta’ deċiżjoni għandha titwettaq, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-deċiżjoni.

138    B’hekk, tqies li, meta deċiżjoni tal-BĊE kienet tagħmel parti minn estensjoni tal-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, l-ispjegazzjonijiet mogħtija fiha setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tan-natura suffiċjentement motivata tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 92). Barra minn hekk, dejjem fir-rigward tal-kuntest li tagħmel parti minnu tali deċiżjoni, ġie deċiż, f’diversi okkażjonijiet, li deċiżjoni li taqa’ f’linja ta’ prassi deċiżjonali kostanti setgħet tkun motivata b’mod sommarju, b’mod partikolari b’riferiment għal din il-prassi (sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 15, u tat-8 ta’ Novembru 2001, Silos, C‑228/99, EU:C:2001:599, punt 28). Bl-istess mod, il-pubblikazzjoni mill-istituzzjoni konvenuta tal-metodoloġija li jkollha l-intenzjoni ssegwi meta timplimenta s-setgħa deċiżjonali tagħha hija ta’ natura li tagħmel inqas oneruż l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tad-deċiżjonijiet individwali tagħha, sakemm hija tapplika l-imsemmija metodoloġija.

139    Madankollu, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata bħala estensjoni ta’ opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u ma hemm ebda prassi preċedenti tal-BĊE fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni pekunjarja amministrattiva skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1024/2013. Barra minn hekk, il-BĊE ma ppubblikax il-metodoloġija li għandu l-intenzjoni japplika għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjonijiet imposti taħt din id-dispożizzjoni.

140    Għaldaqstant, in-natura suffiċjentement motivata tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-motivi li jinsabu f’din id-deċiżjoni.

141    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk il-BĊE ssodisfax, f’dan il-każ, l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

142    Il-punt 4.1.2 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Ammont tas-sanzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex jiddetermina s-sanzjoni amministrattiva li għandha tiġi imposta, il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi segwenti:

4.1.2.1. Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-BĊE qiegħed jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali inkludiet b’mod żbaljat strumenti kapitali fl-istrumenti CET 1 tagħha f’ammont totali ta’ [EUR] 2 088 miljun, jiġifieri 67 punti bażiċi tal-proporzjon ta’ [CET 1] tal-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali, fuq bażi kkonsolidata, fit-30 ta’ Ġunju 2016. Il-fatt li l-parti l-kbira tal-istrumenti kapitali li ġew ikklassifikati bħala strument CET 1 b’mod żbaljat inħarġu wara d-distribuzzjoni ta’ dividendi fil-forma ta’ azzjonijiet lill-azzjonisti u kienu għalhekk identiċi għall-azzjonijiet ordinarji li ġġenerawhom qiegħed jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

4.1.2.2. Barra minn hekk, il-BĊE qiegħed jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur seħħ matul ħames perijodi ta’ dikjarazzjoni trimestrali konsekuttivi u matul tliet pubblikazzjonijiet ta’ informazzjoni taħt it-tielet pilastru fl-2015 u fl-2016.

[4.1.2.3.] Fir-rigward tal-gravità tal-ksur imwettaq mill-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali, il-BĊE jqis li l-ksur twettaq minn tal-inqas b’negliġenza. B’mod partikolari, in-natura illegali tal-aġir sanzjonabbli hija stabbilita miċ-ċirkustanzi deskritti fit-Taqsima 3.3. L-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali kellha biżżejjed żmien sabiex tadatta l-operazzjonijiet tagħha għar-rekwiżiti regolamentari tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u kien imwissija mill-BĊE (mit-tim superviżorju konġunt) dwar il-ħtieġa li tikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-BĊE qabel tikklassifika l-istrumenti kapitali bħala strumenti [CET 1]. Madankollu, minkejja li kienet taf b’dawn ir-rekwiżiti, l-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali baqgħet tikklassifika l-istrumenti mingħajr ma kellha l-awtorizzazzjoni meħtieġa.

4.1.2.4. Il-BĊE qiegħed jieħu inkunsiderazzjoni wkoll, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li wara li saret talba mill-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali, il-BĊE ta l-awtorizzazzjoni tiegħu għall-klassifikazzjoni tal-azzjonijiet maħruġa bħala strumenti CET 1 […]

Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq, inklużi l-argumenti mqajma mill-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jiggwida lill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ sanzjoni tiegħu, is-sanzjoni amministrattiva hija ffissata bħala EUR 4 300 000, ammont li jirrappreżenta madwar 0.0015 % tad-dħul mill-bejgħ annwali totali tas-sena finanzjarja 2017 tal-grupp suġġett għas-superviżjoni prudenzjali li minnu tagħmel parti l-entità suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali u li jiggarantixxi effett dissważiv kredibbli u effettiv sabiex jiġi evitat li tali ksur jitwettaq fil-futur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

143    Fil-punt 4.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE żied li “is-sanzjoni amministrattiva imposta ma [kinitx taqbeż] l-10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali totali tal-grupp suġġett għas-superviżjoni prudenzjali li minnu [kienet] tagħmel parti [ir-rikorrenti], għas-sena finanzjarja li tippreċedi d-data tad-deċiżjoni [kkontestata]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

144    Għandu jiġi kkonstatat li din is-silta tad-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix preċiżazzjonijiet dwar il-metodoloġija applikata mill-BĊE sabiex jiddetermina l-ammont tas-sanzjoni imposta, iżda sempliċement tidentifika numru ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-gravità tal-ksur, dwar it-tul tiegħu, dwar il-gravità tal-ksur li bih hija akkużata r-rikorrenti kif ukoll dwar l-assigurazzjoni li kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni ċirkustanza attenwanti.

145    Kif inhuma fformulati, il-punti 4.1.2.1 sa 4.1.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata la jippermettu lir-rikorrenti tifhem il-metodoloġija ppreferuta mill-BĊE u lanqas ma jippermettu lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tas-sanzjoni imposta.

146    Il-fatt li l-BĊE speċifika, fir-risposta tiegħu u mbagħad matul is-seduta, il-metodoloġija applikata minnu f’dan il-każ ma jistax jirrimedja din l-insuffiċjenza peress li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 131 iktar ’il fuq, huwa ma setax jirregolarizza motivazzjoni insuffiċjenti billi jikkomunika l-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet intitolata li tkun taf il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tas-sanzjoni li kienet ġiet imposta fuqha, mingħajr ma tkun obbligata li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex issir tafu.

147    Barra minn hekk, il-punti 4.1.2.1 sa 4.1.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata ma jipprovdux l-informazzjoni minima li setgħet tippermetti li jinftiehmu u li jiġu vverifikati r-rilevanza u l-piż tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-BĊE fid-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni.

148    Għalkemm, fil-punt 4.1.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-gravità tal-ksur, il-BĊE jenfasizza li l-istrumenti kapitali kklassifikati mingħajr awtorizzazzjoni kienu jirrappreżentaw 67 punti bażiċi tal-proporzjon ta’ CET 1 tar-rikorrenti, huwa ma jipprovdix spjegazzjoni addizzjonali dwar il-livell tal-gravità ta’ tali nuqqas mill-perspettiva tal-osservanza tal-obbligi prudenzjali tar-rikorrenti.

149    Fl-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE jenfasizza l-fatt li l-parti l-kbira tal-istrumenti kapitali kklassifikati b’mod żbaljat inħarġu wara d-distribuzzjoni ta’ dividendi fil-forma ta’ azzjonijiet lill-azzjonisti u jenfasizza li dan huwa element li ttieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Madankollu, f’dan ir-rigward ukoll, ebda spjegazzjoni ma hija mogħtija fir-rigward tal-impatti ta’ din il-konstatazzjoni fuq id-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti.

150    Fl-aħħar nett, filwaqt li, fil-punt 4.1.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE jiżgura li ħa inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt li fl-aħħar mill-aħħar kien awtorizza lir-rikorrenti tikklassifika l-istrumenti inkwistjoni fost l-istrumenti CET 1 tagħha, ma tingħata ebda indikazzjoni fir-rigward tal-piż li l-BĊE ta lil dan l-element fid-determinazzjoni tal-ammont finali tas-sanzjoni.

151    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE semma biss id-daqs tal-grupp li minnu tagħmel parti r-rikorrenti, u mhux id-daqs tar-rikorrenti, meta l-ksur kien attribwit biss lil din tal-aħħar.

152    Għandu jiġi kkonstatat li, billi ma indikax, fid-deċiżjoni kkontestata, id-daqs tal-istituzzjoni ta’ kreditu li kienet l-awtriċi tal-ksur inkwistjoni, il-BĊE naqas milli jsemmi element li, skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu stess quddiem il-Qorti Ġenerali, kien partikolarment rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni.

153    Fil-fatt, l-assenza ta’ indikazzjoni tad-daqs tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar l-evalwazzjoni mill-BĊE tal-kriterji ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u ta’ dissważjoni li jinsabu fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1024/2013.

154    Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-BĊE sostna li huwa kien ħa inkunsiderazzjoni d-daqs tal-istituzzjoni kkonċernata meta ddetermina l-ammont tas-sanzjoni fil-forma tal-ammont totali ta’ assi taħt ġestjoni tagħha. Madankollu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 131 iktar ’il fuq u għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punt 146 iktar ’il fuq, spjegazzjoni mogħtija f’dan l-istadju ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza, min-naħa tal-BĊE, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

155    Barra minn hekk, il-fatt, enfasizzat mill-BĊE matul is-seduta, li dan huwa allegatament element “oġġettiv” ma jistax jeżentah milli jispeċifika dan il-fattur fid-deċiżjoni kkontestata, jekk xejn sabiex jispjega b’liema mod u skont liema piż ittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni imposta fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni.

156    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti hija vvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u għandha, għaldaqstant, tiġi annullata, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ilmenti l-oħra mqajma f’dan ir-rigward.

157    Peress li l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja amministrattiva tista’ tiġi sseparata mill-bqija tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar għandha tiġi annullata biss sa fejn timponi sanzjoni pekunjarja amministrattiva fuq ir-rikorrenti fl-ammont ta’ EUR 4 300 000.

 Fuq l-ispejjeż

158    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

159    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet parzjalment u rebħet parzjalment peress li d-deċiżjoni kkontestata hija annullata sa fejn timponilha sanzjoni pekunjarja amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 4 300 000. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tkun qiegħda ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ECB/SSM/2018-FRCAG-75 tas-16 ta’ Lulju 2018 hija annullata sa fejn timponi fuq Crédit agricole SA sanzjoni pekunjarja amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 4 300 000.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Crédit agricole hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

4)      Il-BĊE huwa kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Papasavvas

Tomljenović

Schalin

Škvařilová-Pelzl

 

Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2020.

Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon


Werrej


Fuq l-ispejjeż



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.