SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

28 ta’ Marzu 2019 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-barraxa tal-azzar – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Koordinazzjoni tal-prezzijiet fiż-ŻEE kollha – Proċedura ‘ibrida’ matul perijodu mifrux – Preżunzjoni tal-innoċenza – Prinċipju ta’ imparzjalità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Prova tal-ksur – Ksur uniku u kontinwu – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Tul tal-ksur – Multa – Adattament eċċezzjonali tal-ammont bażiku – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑433/16,

Pometon SpA, stabbilita f’Maerne di Martellago (l-Italja), irrappreżentata minn E. Fabrizi, V. Veneziano u A. Molinaro, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi u B. Mongin, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 3121 final tal‑25 ta’ Mejju 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39792 – Barraxa tal-azzar),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz, I. S. Forrester, N. Półtorak u E. Perillo (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Pometon SpA, hija impriża Taljana speċjalizzata fit-trattament tal-metalli. Hija kienet attiva fis-suq tal-barraxa tal-azzar sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha biegħet il-fergħa ta’ attività tagħha f’dan is-settur lil wieħed mill-kompetituri tagħha, il-kumpannija Franċiża Winoa SA. F’din id-data, l-attività msemmija iktar ’il fuq tar-rikorrenti ġiet fil-fatt ittrasferita lill-kumpannija Pometon Abrasives Srl, miżmuma mill-grupp Winoa.

2        Il-barraxa tal-azzar (iktar ’il quddiem il-“barraxa”) hija magħmula minn partiċelli maħlula tal-azzar, li jkunu jew f’forma tonda (boċċi tal-azzar) jew angulari (naqal tal-azzar), li jintużaw prinċipalment fl-industriji tal-azzar, tal-karozzi, tal-metallurġija, tal-petrokimika u għall-qtugħ tal-ġebel. Din hija mmanifatturata minn residwi ta’ ruttam tal-azzar.

3        Permezz tad-Deċiżjoni tagħha C(2016) 3121 final tal‑25 ta’ Mejju 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39792 – Barraxa tal-azzar), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li, matul il-perijodu mit‑3 ta’ Ottubru 2003 sas‑16 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti pparteċipat, direttament jew permezz tar-rappreżentanti tagħha jew ir-rappreżentanti ta’ tnejn mis-sussidjarji tagħha, Pometon España SA u Pometon Deutschland GmbH, f’akkordju li kien jikkonsisti fi ftehimiet jew prattiki miftiehma ma’ erba’ impriżi oħra, jiġifieri l-grupp Amerikan Ervin Industries Inc. (iktar ’il quddiem “Ervin”), il-kumpannija Franċiża Winoa SA (iktar ’il quddiem “Winoa”) kif ukoll il-kumpanniji Ġermaniżi MTS GmbH u Würth GmbH, bl-għan ewlieni li jikkoordinaw il-prezzijiet tal-barraxa fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”) kollha. Ir-rikorrenti u ż-żewġ sussidjarji msemmija iktar ’il fuq isir riferiment għalihom flimkien, iktar ’il quddiem, bħala “Pometon”.

A.      Il-fażi tal-istruttorja u l-ftuħ tal-proċedura

4        Fit‑13 ta’ April 2010, Ervin talab immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, rettifika fil-ĠU 2016, C 144, p. 23).

5        Wara din it-talba, Ervin ta dikjarazzjonijiet orali u pproduċa provi dokumentali. Fil‑31 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni tatu immunità kundizzjonali bl-applikazzjoni tal-paragrafu 8(a) tal-imsemmi avviż.

6        Mill‑15 sas‑17 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni pproċediet għal spezzjonijiet mhux mistennija fil-postijiet tad-diversi produtturi tal-barraxa, li fosthom kien hemm Pometon. Barra minn hekk, hija indirizzat diversi talbiet għal informazzjoni lill-impriżi li, fil-fehma tagħha, kienu partijiet fl-akkordju.

7        Fis‑16 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament tagħha (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), fetħet il-proċedura istruttorja prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kontra Pometon u erba’ parteċipanti oħra fl-akkordju (Ervin, Winoa, MTS u Würth). Hija stabbilixxitilhom terminu biex jindikawlha bil-miktub jekk huma kinux lesti li jidħlu għal diskussjonijiet għal tranżazzjoni, konformement mal-Artikolu 10a(1) tar-Regolament Nru 773/2004.

B.      Il-proċedura ta’ tranżazzjoni u l-għażla ta’ Pometon li tirtira minn din il-proċedura

8        Il-ħames partijiet fl-akkordju allegat esprimew ir-rieda tagħhom li jidħlu għal diskussjonijiet għal tranżazzjoni. Minn Frar sa Diċembru 2013, għalhekk saru tliet ċikli ta’ laqgħat bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-partijiet fl-akkordju, li matulhom dawn il-partijiet ġew ippreżentati bis-sustanza tal-ilmenti kif ukoll bil-provi li jissostanzjawhom. Il-Kummissjoni kkomunikat lil kull parti fl-akkordju l-limiti tal-multi probabbli li jikkonċernawha.

9        F’Jannar 2014, l-impriżi kkonċernati ppreżentaw il-proposti tagħhom għal tranżazzjoni fit-terminu stabbilit, minbarra r-rikorrenti, li ddeċidiet li tirtira minn din il-proċedura. Għalhekk, fl‑10 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti tat lura lill-Kummissjoni s-CD-ROM li kienet ingħatatilha fil‑21 ta’ Frar 2013 fil-kuntest tal-proċedura ta’ tranżazzjoni.

10      Fit‑13 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil kull waħda mill-erba’ partijiet l-oħra fl-akkordju allegat u, fit‑2 ta’ April 2014, hija adottat id-Deċiżjoni ta’ tranżazzjoni C(2014) 2074 finali fil-konfront tagħhom, fuq il-bażi tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ tranżazzjoni”).

C.      L-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata skont il-proċedura ordinarja u l-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni

11      Fit‑3 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti, li wieġbet fis‑16 ta’ Frar 2015, wara li kellha aċċess għall-fajl. Ir-rikorrenti sussegwentement ipparteċipat f’seduta, li saret fis‑17 ta’ April 2015.

12      Fil‑25 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni adottat, fuq il-bażi tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjoni kkontestata. Id-diżpożittiv ta’ din id-deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

Artikolu 1

Pometon SpA kisret l-Artikolu 101(1) tat-Trattat u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu li jirrigwarda l-prezzijiet fis-settur tal-barraxa tal-azzar, fejn l-imsemmi ksur jikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-aġir tagħha fil-qasam tal-prezzijiet u jkopri ż-ŻEE kollha.

It-tul taż-żmien tal-ksur kien bejn it-3 ta’ Ottubru 2013 u s-16 ta’ Mejju 2007.

Artikolu 2

Għall-ksur intiż fl-Artikolu 1, il-multa imposta fuq Pometon SpA hija din li ġejja: EUR 6 197 000 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13      Essenzjalment, mid-deċiżjoni kkontestata kollha jirriżulta li Pometon kif ukoll il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, minn naħa, introduċew (l-ewwel parti tal-akkordju) metodu uniformi ta’ kalkolu li kien jippermettilhom jiksbu koordinazzjoni ikbar tal-prezz tal-barraxa, ibbażat fuq indizji tal-prezzijiet tar-ruttam (iktar ’il quddiem iż-“żieda fir-ruttam”; ara l-punti 132 u 136 iktar ’il quddiem). Min-naħa l-oħra, u b’mod parallel, huma qablu (it-tieni parti tal-akkordju) li jikkoordinaw l-aġir tagħhom fir-rigward tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-barraxa offruti fil-konfront ta’ klijenti individwali, billi ħadu l-impenn b’mod partikolari li ma jikkompetux bit-tnaqqis fil-prezz (premessi 32, 33, 37 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata; ara l-punt 173 iktar ’il quddiem).

14      Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset li dan kien ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Fil-fatt, l-arranġamenti antikompetittivi tal-parteċipanti mhux talli kienu kollha jirrigwardaw il-koordinazzjoni tal-prezzijiet u kienu jikkonċernaw l-istess prodotti, talli dawn seħħew skont l-istess modalitajiet matul il-perijodu kollu tal-ksur, mit‑3 ta’ Ottubru 2003 sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha r-rikorrenti biegħet l-attività tagħha fis-settur tal-barraxa lil Winoa. Fl-aħħar nett, l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur kif ukoll il-persuni li aġixxew f’isimhom kienu essenzjalment l-istess (premessi 107 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      B’mod definittiv, skont il-Kummissjoni, tali akkordju kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, b’effetti sinjifikattivi fuq l-iskambji tal-prodott inkwistjoni bejn l-Istati Membri u l-partijiet għall-Ftehim ŻEE (premessi 142 u 154 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fir-rigward tat-tul taż-żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, il-Kummissjoni ffissat il-bidu ta’ din il-parteċipazzjoni għat‑3 ta’ Ottubru 2003 u, billi bbażat fuq il-fatt li Pometon ma kinitx iddissoċjat ruħha formalment mill-imsemmi akkordju, hija qieset li l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordju kienet tkompliet sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha r-rikorrenti biegħet l-attività tagħha fis-settur tal-barraxa lil Winoa (premessi 160 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata; ara, ukoll, il-punt 1 iktar ’il fuq).

17      Fuq il-bażi tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti bl-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2; iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-kalkolu tal-multi”), il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multa ta’ Pometon għal 16 % tal-valur tal-bejgħ imwettaq mir-rikorrenti fis-swieq tal-pajjiżi taż-ŻEE matul is-sena 2006, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fil-ksur inkwistjoni, qabel ma biegħet l-attività tagħha relatata mal-barraxa lill-kompetitur Franċiż tagħha.

18      Dan il-perċentwali jikkorrispondi għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ rata bażika ta’ 15 %, li barra minn hekk żdiedet b’1 % biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika tal-ksur fiż-ŻEE kollha (premessi 214 sa 216 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-parti varjabbli tal-ammont bażiku tal-multa, sussegwentement, żdied b’somma addizzjonali fissa ta’ 16 % applikata bl-għan li l-impriżi jiġu skoraġġuti milli jikkonkludu ftehimiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet, konformement mal-punt 25 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Barra minn hekk, l-ammont bażiku tal-multa kkalkolat b’dan il-mod ma kien is-suġġett tal-ebda żieda għal ċirkustanzi aggravanti. Għall-kuntrarju, Pometon ibbenefikat minn tnaqqas minn dan l-ammont ta’ 10% abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti, talli pparteċipat, fuq skala iżgħar mill-impriżi l-oħra, fit-tieni parti tal-akkordju (premessa 225 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fl-aħħar nett, bl-applikazzjoni tal-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, dispożizzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tiċħad il-metodoloġija prevista mill-imsemmija linji gwida meta l-“karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari” jistgħu jiġġustifikaw dan, din l-istituzzjoni pproċediet għal adattament tal-ammont bażiku aġġustat tal-multa (premessi 228 sa 231 tad-deċiżjoni kkontestata), li jikkonsisti fi tnaqqis ta’ 60 %.

21      B’mod definittiv, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, wara dan il-kalkolu l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ammonta għal EUR 6 197 000 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

23      L-għeluq il-proċedura bil-miktub ġie nnotifikata lill-partijiet fil‑21 ta’ Frar 2017. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti ppreżentat talba mmotivata intiża għall-iffissar ta’ seduta, konformement mal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Marzu 2018, il-Qorti Ġenerali bagħtet il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż, konformement mal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura.

25      Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, li jilqa’ t-talba sussidjarja tar-rikorrenti intiża għall-adozzjoni ta’ miżura istruttorja, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 91(b), tal-Artikolu 92(1) u tal-Artikolu 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura, minn naħa, biex tipproduċi kopja tal-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni kif ukoll kopja tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant għal klemenza li jinsabu fid-dokumenti ID 5, ID 10, ID 136 u ID 643 tal-fajl amministrattiv u, min-naħa l-oħra, biex tipprovdi d-dħul mill-bejgħ totali, fl‑2009, tad-destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni li kien ittieħed inkunsiderazzjoni fl-imsemmija deċiżjoni.

26      Permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Mejju 2018, Pometon vs Il‑Kummissjoni (T‑433/16), il-Qorti Ġenerali, filwaqt li ddeċidiet dwar it-talbiet għal trattament kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni bl-eżekuzzjoni tad-digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018 imsemmi iktar ’il fuq, iddeċidiet li d-dokumenti ID 5, ID 10, ID 136 u ID 643, li fihom it-traskrizzjoni ta’ dikjarazzjonijiet orali tal-applikant għal klemenza, jistgħu jiġu kkonsultati mill-avukati tar-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra hija ċaħdet it-talba għal kunfidenzjalità fir-rigward, min-naħa, tad-dħul mill-bejgħ rispettiv, fl‑2009, ta’ erba’ impriżi destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni u, min-naħa l-oħra, id-data li tinsab fit-tabelli Nru 1 (premessa 90), Nru 3 (premessa 100) u Nru 4 (premessa 103) tal-imsemmija deċiżjoni.

27      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, minn naħa, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti tippreżenta s-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha dwar l-effett ta’ data mhux kunfidenzjali, imsemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq, fuq il-ħames motiv, li jirrigwarda l-adattament tal-ammont bażiku tal-multa skont il-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi. Hija kkonformat ruħha ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit. Min-naħa l-oħra, hija stiednet lill-partijiet iwieġbu oralment, matul is-seduta, għal ċertu numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub.

28      Barra minn hekk, matul is-seduta, il-Kummissjoni talbet biex tkun tista’ tippreżenta dokument li jikkonsisti f’tabella ta’ data relatata ma’ ħames impriżi partijiet fl-akkordju inkwistjoni, li hija ddikjarat li bbażat fuqhom biex tiddetermina, fid-dawl ta’ kull waħda minnhom, il-livell tal-adattament tal-ammont bażiku tal-multa skont il-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi. Hija talbet trattament kunfidenzjali ta’ din id-data fil-konfront tal-pubbliku.

29      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ddaħħal dan id-dokument fil-fajl, bla ħsara għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tiegħu, u ffissat terminu li jiskadi fit‑2 ta’ Lulju 2018 biex ir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmi dokument, konformement mal-Artikolu 85(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Wara li r-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit‑2 ta’ Lulju 2018, il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet f’din id-data.

30      Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Novembru 2018, il-President tat-Tielet Awla reġa’ fetaħ il-fażi orali tal-proċedura. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar data ġdida li kienet tinsab fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat‑2 ta’ Lulju 2018 u kkonformat ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2019, il-President tat-Tielet Awla għalaq il-fażi orali tal-proċedura.

31      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tafferma li hija pparteċipat fi ksur sas‑16 ta’ Mejju 2007 u timponilha multa minkejja l-preskrizzjoni;

–        iktar sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rimbors tal-ammonti li hija eventwalment ħallset fil-mori tal-kawża u ta’ kull spiża oħra li hija eventwalment ġarrbet b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni;

–        tadotta l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew, sussidjarjament, il-miżuri ta’ istruttorja li hija talbet;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tiċħad it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruttorja;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

33      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn ta’ dawn l-ewwel żewġ kapijiet ta’ talbiet. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità tal-proċedura, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn il-Kummissjoni attribwixxitilha aġir speċifiku sa mid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, u b’hekk ikkundizzjonat l-akkużi maħruġa iktar tard fil-konfront tagħha fid-deċiżjoni kkontestata.

34      It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja kif ukoll il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tar-regoli dwar l-oneru tal-prova, sa fejn il-Kummissjoni attribwixxitilha, fl-assenza ta’ provi, il-parteċipazzjoni f’akkordju li fih hija fir-realtà qatt ma kienet ħadet sehem.

35      It-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

36      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkontesta t-tul taż-żmien tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u tinvoka l-preskrizzjoni.

37      Fl-aħħar nett, insostenn tat-tielet kap ta’ talbiet, intiż għall-annullament jew għall-bidla tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, fir-rigward tal-adattament eċċezzjonali tal-ammont bażiku tal-multa li l-Kummissjoni wettqet bl-applikazzjoni tal-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi.

A.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ imparzjalità, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn il-Kummissjoni attribwixxiet, fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, aġir speċifiku lir-rikorrenti, u b’hekk ikkundizzjonat l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata

1.      L-argumenti tal-partijiet

38      Ir-rikorrenti tinnota li, minkejja li ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, hija tissemma diversi drabi fil-punt 4 ta’ din id-deċiżjoni (deskrizzjoni tal-avvenimenti), bħala impriża li, essenzjalment, ipparteċipat b’mod attiv fl-akkordju. Hija tenfasizza b’mod iktar partikolari s-siltiet li ġejjin tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, li fihom il-Kummissjoni għamlet riferiment espliċitu għall-aġir tagħha;

“26. Ervin, Winoa, Pometon, MTS u Würth żammew kuntatti frekwenti fuq bażi bilaterali, iżda wkoll multilaterali, li matulhom iddiskutew elementi prinċipali tal-prezz applikabbli għall-bejgħ kollu tagħhom ta’ barraxa tal-azzar fiż-ŻEE, jiġifieri ż-‘żieda fir-ruttam’ u s-suppliment tal-prezz għall-enerġija. Huma eżaminaw ukoll (prinċipalment matul kuntatti bilaterali) il-parametri tal-kompetizzjoni li kien possibbli li jħaddmu bejniethom għall-klijenti individwali. F’dan il-kuntest globali, il-partijiet ħadu impenn dwar aġir li jkopri ż-ŻEE.

[…]

28. F’Ottubru 2003, Winoa, Ervin u Pometon iltaqgħu […] biex jiftiehmu dwar metodu ta’ kalkolu uniformi għal ‘żieda fir-ruttam’ komuni li tiġi applikata minn dawn l-impriżi kollha […].

29. MTS u Würth […] ma pparteċipawx fl-istadji inizjali tal-proċessi meta ġie konkluż il-ftehim bejn Winoa, Ervin u Pometon.

[…]

31. Il-kuntatti ma’ Pometon tkomplew sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha Pometon biegħet l-attività tagħha tal-barraxa tal-azzar lil Winoa u ħarġet mis-suq.

[…]

38. Il-provi juru li l-kuntatti bejn Winoa, Ervin u Pometon żviluppaw f’aġir minn Ottubru 2003” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

39      Madankollu, ir-rikorrenti tqis li l-imsemmija referenzi la kienu indispensabbli u lanqas utli. B’mod partikolari, l-ewwel nett, hija tafferma li l-elementi msemmija fil-premessa 31 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni – li tistabbilixxi essenzjalment li hija pparteċipat fl-akkordju sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha biegħet l-attività tagħha lil Winoa u ħarġet mis-suq – ma kinux jinsabu fil-proposti għal tranżazzjoni tal-erba’ impriżi kkonċernati l-oħra. It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, fi proċedura ta’ tranżazzjoni, id-deċiżjoni finali għandha tkun tikkonċerna biss l-aġir tal-impriżi partijiet għat-tranżazzjoni kif ukoll is-sanzjonijiet deċiżi fil-konfront tagħhom.

40      Inċidentalment, din l-analiżi hija kkonfermata mill-paragun tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 4227 final tal‑25 ta’ Ġunju 2014, fil-Każ AT.39965 – Faqqiegħ, li tirrigwarda wkoll proċedura ta’ tranżazzjoni. Skont ir-rikorrenti, fid-deskrizzjoni tal-avvenimenti rilevanti, din id-deċiżjoni fil-fatt ma kien fiha l-ebda riferiment għall-impriża li ma kinitx aċċettat li tikkonkludi tranżazzjoni.

41      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-riferimenti, fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni għal aġir attribwit lir-rikorrenti juru mingħajr ekwivoku li, qabel biss ma din tal-aħħar kellha l-possibbiltà li tiddefendi ruħha, il-Kummissjoni kienet diġà ppreżumiet il-ħtija tagħha. Id-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant hija vvizzjata bi ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità tal-proċedura, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

42      Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-interpretazzjoni, mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), tal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza.

43      Dwar din id-dispożizzjoni, hija affermat b’mod partikolari li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni (ara l-punt 51 iktar ’il quddiem), il-Qorti EDB, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2014:0227JUD001710310), qieset li, meta, fi proċeduri kriminali li jinvolvu diversi persuni li ma jistgħux jiġu ġġudikati fl-istess ħin, huwa indispensabbli, sabiex tiġi evalwata l-ħtija tal-akkużati, li jiġi indikat, fl-ewwel sentenza, il-parteċipazzjoni fir-reat ta’ akkużat li sussegwentement jiġi ġġudikat fil-kuntest ta’ proċedura kriminali oħra li sseħħ matul perijodu mifrux matul perijodu mifrux, il-qorti kompetenti għandha tevita li tagħti iktar informazzjoni minn dik meħtieġa għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-akkużati li huma ġġudikati matul dak il-proċess (il-Qorti EDH, 27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2014:0227JUD001710310, punti 64 u 65).

44      Madankollu, skont ir-rikorrenti, dan l-istess kriterju għandu japplika meta l-Kummissjoni, bħal fil-każ ineżami, wara li tkun fetħet proċedura ta’ ksur fil-konfront ta’ ħames impriżi ssuspettati li pparteċipaw f’akkordju, tadotta, fl-ewwel lok, deċiżjoni ta’ tranżazzjoni fil-konfront ta’ erba’ minnhom u sussegwentement tieħu, fit-tieni lok, fil-konfront tal-ħames parti li sadanittant tkun irtirat mill-proċedura ta’ tranżazzjoni, deċiżjoni ta’ ksur fi tmiem proċedura ordinarja mwettqa fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 773/2004.

45      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li skontu l-isem tar-rikorrenti ssemma bi żball fil-pubblikazzjoni tal-verżjoni provviżorja tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, ir-rikorrenti tippreċiża li l-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza jirriżulta f’dan il-każ mill-fatt li, indipendentement mill-modalitajiet ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, Pometon kienet is-suġġett, fl-imsemmija deċiżjoni, ta’ akkużi preċiżi fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju inkwistjoni. Is-sostituzzjoni ta’ isem ir-rikorrenti, fil-verżjoni tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni ppubblikata, sussegwentement, fis‑6 ta’ Jannar 2015, bl-espressjoni “impriża oħra”, għaldaqstant ma hijiex ta’ natura li telimina l-ksur tal-imsemmi prinċipju fid-deċiżjoni kkontestata.

46      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

47      Qabel kollox, ir-riferimenti kkontestati mir-rikorrenti huma intiżi biex jistabbilixxu biss ir-responsabbiltà tal-erba’ impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju u barra minn hekk ma għandhom l-ebda effett fuq id-dmir tal-Kummissjoni li ttemm il-proċedura kontradittorja fil-konfront tar-rikorrenti, wara l-irtirar tagħha mill-proċedura ta’ tranżazzjoni.

48      Kwalunkwe soluzzjoni oħra, tkompli tafferma l-Kummissjoni, tiġi ttradotta, fil-pjan proċedurali kif ukoll f’dak sostanzjali tas-sanzjoni, f’tip ta’ “immunità minn multa” favur impriżi li jirtiraw minn proċedura ta’ tranżazzjoni li huma inizjalment kienu aċċettaw.

49      Is-sekwenza ta’ dawn iż-żewġ proċeduri, tkompli tippreċiża l-Kummissjoni, tikkostitwixxi ċertament proċedura kumplessa, imsejħa wkoll “ibrida”, minħabba li hija rregolata minn dispożizzjonijiet legali distinti, billi l-proċedura ta’ tranżazzjoni hija rregolata speċifikament mill-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 773/2004, filwaqt li l-proċedura kontradittorja ulterjuri hija rregolata minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-istess regolament, fejn ir-rikorrenti, barra minn hekk, qatt ma qajmet dubju dwar il-legalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, anki fil-kuntest ta’ proċedura ibrida, il-pożizzjoni ta’ impriża li ma kkonkludietx it-tranżazzjoni ma tistax tingħata vantaġġ proċedurali li jippermettilha tidderoga mir-regoli applikabbli.

50      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li hija xorta waħda osservat kif xieraq, fil-konfront tar-rikorrenti, il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u b’mod partikolari r-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti EDB fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2014:0227JUD001710310). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li, filwaqt li qagħdet attenta, hija indikat b’mod espress, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni kif ukoll fil-premessi 27 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-deskrizzjoni tal-avvenimenti li tinsab fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni ma kienet tippermetti li tinsilet l-ebda konklużjoni dwar il-ħtija ta’ Pometon fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju, billi din l-impriża kellha tkun ulterjorment is-suġġett ta’ proċedura kontradittorja għal konstatazzjoni ta’ ksur.

51      Finalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ineżami, il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza nkisirx, għandu jitqies, skont il-Kummissjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ Pometon, li, fil-każ ineżami, kienu ggarantiti matul il-proċedura ordinarja li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)      Il-kuntest ġuridiku tal-kawża ineżami fir-rigward tal-aspetti prominenti tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni tal-Kummissjoni

52      Qabel ma nittratta l-analiżi ta’ dan il-motiv, għandu jiġi ppreċiżat fil-qosor li r-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha biss fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni semmiet ċertu aġir tagħha fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, li madankollu hija ma kinitx destinatarja tagħha. Konsegwentement, hija bl-ebda mod ma tikkritika lill-Kummissjoni li ma osservatx, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-garanziji proċedurali kollha marbuta mad-drittijiet tad-difiża tagħha, bħal dawk previsti b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 773/2004.

53      B’hekk wara li ġie ppreċiżat l-għan ta’ dan il-motiv, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-partijiet ma jaqblux, b’mod partikolari, dwar il-portata tal-Artikolu 41(1) u tal-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”), b’mod partikolari, fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, meta mqabbla mal-interpretazzjoni li kull waħda minnhom tagħti tas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2014:0227JUD001710310), mogħtija mill-Qorti EDB dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kumplessa li tinvolvi diversi persuni li ma setgħux jiġu ġġudikati flimkien (ara l-punti 43 u 50 iktar ’il fuq). Dawn iż-żewġ artikoli tal-Karta huma fformulati kif ġej:

Artikolu 41

1. Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

[…]

Artikolu 48

1. Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2. Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

54      F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa importanti li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, għalkemm, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha fil-qasam tal-eliminazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u b’mod partikolari bħala awtorità pubblika li teżerċità funzjonijiet ta’ natura kriminali, hija xorta waħda hija obbligata tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea matul il-proċedura amministrattiva, fosthom id-dritt għal amministrazzjoni tajba rrikonoxxut fl-Artikolu 41 tal-Karta. B’mod partikolari, huwa dan l-artikolu tal-aħħar, u mhux l-Artikolu 47 tal-Karta, dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, li jirregola l-proċedura amministrattiva fir-rigward ta’ akkordji quddiem il-Kummissjoni (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 154).

55      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, fih innifsu, skont l-oriġini tiegħu, fil-qasam tad-dritt kriminali, u kif stabbilit bħalissa fid-dritt tal-Unjoni mill-Artikolu 48(1) tal-Karta, japplika wkoll, mutatis mutandis, għall-proċeduri amministrattivi relatati mal-osservanza tar-regoli Ewropej fil-qasam tal-kompetizzjoni, fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta magħhom (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punt 150; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, Eturas et, C‑74/14, EU:C:2016:42, punti 38 sa 40, u tat‑12 ta’ April 2013, CISAC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/08, EU:T:2013:188, punti 93 u 94).

56      Minn dan isegwi li, fil-qafas attwali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-eliminazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-bażi tal-garanzija tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u proċedurali li impriża akkużata mill-Kummissjoni bi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE għandha tkun tista’ tibbenefika minnha, tinsab, minn naħa, fid-dmir ta’ din l-istituzzjoni li taġixxi, f’kull stadju ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, b’imparzjalità sħiħa (Artikolu 41 tal-Karta), u dan jinkludi wkoll l-obbligu li tosserva l-preżunzjoni tal-innoċenza tal-kumpanniji kkonċernati minn istruttorja li nfetħet fil-konfront tagħhom (Artikolu 48 tal-Karta), u min-naħa l-oħra, fid-dritt ta’ kull impriża destinatarja ta’ att vinkolanti adottat minn din l-istituzzjoni skont l-imsemmi Artikolu 101(1) TFUE, li tadixxi, għad-difiża tagħha, lill-qrati tal-Unjoni, lill-Qorti Ġenerali qabel kollox, fl-ewwel istanza, u sussegwentement, jekk ikun il-każ, lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

57      Wara li ngħataw dawn il-premessi ġenerali, hemm lok li jitfakkar, fir-rigward tar-regoli proċedurali rilevanti fil-każ ineżami, li skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedura fil-konfront ta’ ċerti impriżi sabiex tinvestiga “kull ksur suspettat” (ara l-Artikolu 105 TFUE), “hija toħroġ [..] dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet [jew tindirizza lill-partijiet talba ta’ manifestazzjoni ta’ interess li jieħdu sehem f’diskussjonijiet għal tranżazzjoni]”.

58      F’din it-tieni perspettiva, l-Artikolu 10a(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, “[w]ara li jibdew il-proċedimenti […], il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi skadenza li fiha l-partijiet jistgħu jindikaw li huma lesti li jidħlu għal diskussjonijiet għar-riżolviment [għat-tranżazzjoni] bil-ħsieb li possibilment ikunu introdotti s-sottomissjonijiet għar-riżolviment”.

59      F’dan ir-rigward, il-punt 11 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-proċeduri ta’ tranżazzjoni”) jippreċiża, barra minn hekk, li d-dikjarazzjonijiet bil-miktub tal-impriżi li wrew l-interess tagħhom li jieħdu sehem fl-imsemmija diskussjonijiet “ma [j]implika[w]x ammissjoni mill-partijiet li pparteċipaw fi ksur jew li kienu responsabbli għalih”.

60      B’kunsiderazzjoni ta’ dan, sabiex ikun jista’ jsir progress iktar konkret fin-negozjati previsti, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 773/2004 jipprevedi dan li ġej:

“Il-partijiet li jkunu qed jieħdu sehem fid-diskussjonijiet għar-riżolviment [għat-tranżazzjoni] jistgħu jiġu infurmati mill-Kummissjoni b’:

(a)      l-oġġezzjonijiet li tkun qed tipprevedi li tressaq kontrihom;

(b)      il-provi użati biex ikunu determinati l-oġġezzjonijiet previsti;

(c)      verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ kwalunkwe dokument speċifiku aċċessibbli elenkat fil-fajl tal-każ f’dak il-mument partikolari;

(d)      il-firxa tal-multi potenzjali.”

61      Fil-każ ineżami, mill-fajl jirriżulta li kull waħda mill-ħames impriżi partijiet fl-akkordju allegat dwar il-barraxa, inkluża Pometon, irċeviet, wara d-dikjarazzjoni bil-miktub tagħha, l-informazzjoni kollha prevista mill-Artikolu 10a(2) tar-Regolament Nru 773/2004 (ara l-punti 8 u 60 iktar ’il fuq).

62      Huwa f’dan il-kuntest ta’ liġi u ta’ fatt li għalhekk hemm lok li jiġi evalwat, fir-rigward tal-mertu, dan il-motiv.

b)      Fuq il-portata tad-dmir ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni u tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, b’mod partikolari fil-każ speċifiku ta’ proċedura ibrida matul perijodu mifrux

63      Sabiex jiġi evalwat, fl-ewwel lok, jekk il-Kummissjoni osservatx id-dmir tagħha ta’ imparzjalità fil-konfront ta’ Pometon, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura ta’ tranżazzjoni li għaliha, madankollu, din tal-aħħar kienet irrinunzjat, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni li adottat il-Kummissjoni fil-konfront tal-erba’ impriżi l-oħra partijiet fl-akkordju, mingħajr l-ebda dubju, waqqfet il-ksur li kienu ġew akkużati bih minn din l-istituzzjoni u, konsegwentement, waqqfet ukoll l-akkordju inkwistjoni kif ukoll l-effetti negattivi tiegħu fuq is-suq inkwistjoni, wara li erbgħa mill-ħames impriżi kkonċernati kienu fil-fatt ammettew il-koordinazzjoni tagħhom dwar il-prezzijiet tal-barraxa u wara li aċċettaw li jwaqqfu dan immedjatament.

64      Min-naħa l-oħra, din l-istess deċiżjoni ta’ tranżazzjoni ma waqqfitx l-azzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proċedura ta’ ksur miftuħa, fis‑16 ta’ Jannar 2013, fil-konfront ta’ Pometon (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), peress li din tal-aħħar kienet irrinunzjat li tkompli l-proċedura ta’ tranżazzjoni li hija kienet uriet inizjalment interess ċert għaliha u li l-istruttorja tal-kawża tagħha konsegwentement kellha tittawwal b’mod kontradittorju, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur li għalhekk saret ibrida. Fil-fatt, wara l-irtirar ta’ Pometon mill-proċedura ta’ tranżazzjoni, “il-proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-konfront [ta’ Pometon] [għadha] għaddejja” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tippreċiża n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ din id-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni.

65      F’dan il-kuntest, l-interpretazzjoni pproposta mir-rikorrenti, li skontha ir-riferimenti għal ċertu aġir tagħha li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni kisru d-dritt tagħha għall-preżunzjoni tal-innoċenza, u li dan iqajjem dubju dwar l-imparzjalità li kellha turi l-Kummissjoni fil-konfront tagħha, tmur oġġettivament kontra l-fatt li l-Kummissjoni, b’mod partikolari fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, eskludiet b’mod espliċitu, f’ dan l-istadju tal-proċedura, il-ħtija ta’ Pometon, preċiżament minħabba li l-istruttorja tal-fajl tagħha kellha tkompli b’mod kontradittorju, fuq il-bażi ta’ att ta’ akkuża speċifiku, jiġifieri d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni adottat effettivament fit‑3 ta’ Diċembru 2014.

66      B’mod partikolari, ir-riferiment għall-aġir ta’ Pometon li jinsab fil-premessa 38 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, li fiha l-Kummissjoni affermat li l-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha “juru li l-kuntatti bejn Winoa, Ervin [l-applikant għal klemenza] u Pometon żviluppaw f’aġir minn Ottubru 2003” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), ma jistax jikkontradixxi din il-konstatazzjoni.

67      Qabel kollox, dawn it-termini, fil-fatt, la jinvolvu xi klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti inkwistjoni u lanqas jippermettu li jiġi konkluż, oġġettivament, li l-Kummissjoni, fl-istadju tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, kienet diġà stabbilixxiet il-ħtija ta’ Pometon, peress li hija lanqas ma kienet tat prova, f’din il-parti introduttiva tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, tal-ħtija tal-erba’ partijiet l-oħra fl-akkordju, li huma l-uniċi destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni.

68      Sussegwentement, il-fatt li din l-istess deċiżjoni ta’ tranżazzjoni ssemmi, fil-punt segwenti ddedikat għall-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li dawn l-erba’ impriżi l-oħra huma kkritikati fuqhom (Legal Assessment), il-fatt li dawn tal-aħħar ammettew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur u b’hekk irrikonoxxew il-ħtija tagħhom ma jistax jittrasforma awtomatikament, de facto u de jure, ir-riferimenti għal ċertu aġir tar-rikorrenti li jinsabu fid-deskrizzjoni tal-avvenimenti f’tip ta’ “verdett moħbi” tal-Kummissjoni li jirrigwarda wkoll il-ħtija ta’ Pometon.

69      B’kunsiderazzjoni ta’ dan, matul ir-redazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tranżazzjoni adottata, bħal fil-każ ineżami, fil-kuntest ta’ proċedura li saret ibrida, id-delimitazzjoni bejn, minn naħa, l-espożizzjoni tal-fatti relatati mal-akkordju kollu kemm hu u, min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti attribwiti speċifikament lill-impriżi li ammettew il-ħtija tagħhom għandha tkun ċara u netta kemm jista’ jkun, preċiżament sabiex, fil-kuntest tal-istess fajl amministrattiv, fil-każ ineżami dak tal-akkordju dwar il-barraxa (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), is-sitwazzjoni legali definittiva tal-impriżi li laħqu kompromess ma tiġix assimilata ma’ dik tal-impriża li għamlet użu mid-dritt tagħha li tirtira mill-proċedura ta’ tranżazzjoni u li fil-konfront tagħha l-proċedura amministrattiva għadha għaddejja (ara l-punt 64 iktar ’il fuq).

70      Għal din ir-raġuni, huwa fl-ewwel lok l-obbligu fundamentali ta’ imparzjalità li l-Artikolu 41 tal-Karta jimponi fuq kull istituzzjoni tal-Unjoni, bħalma fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 154), li għandu jiggwida lill-Kummissjoni meta hija tfassal deċiżjoni ta’ tranżazzjoni fil-kuntest partikolari ta’ proċedura li saret ibrida fil-konfront ta’ impriża li rtirat minn din il-proċedura (ara l-punt 54 iktar ’il fuq).

71      Fil-fatt, l-impriża li finalment iddeċidiet li tirrinunzja għat-tranżazzjoni, madankollu, la tilfet id-dritt tagħha li tiġi ttrattata b’mod imparzjali u lanqas id-dritt tagħha għal preżunzjoni tal-innoċenza fir-rigward tal-ksur inkwistjoni, minkejja li hija se tkun formalment is-suġġett ta’ att ta’ akkuża biss mal-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jiftħu l-proċedura kontradittorja, liema proċedura, fil-każ inkwistjoni, ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit‑3 ta’ Diċembru 2014.

72      Għaldaqstant, l-osservanza tad-dmir ta’ imparzjalità stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta timplika li, fil-kuntest ta’ proċedura li saret ibrida, il-Kummissjoni tfassal u timmotiva d-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni bl-użu tal-prekawzjonijiet kollha neċessarji fl-abbozzar sabiex din id-deċiżjoni, minkejja li ma tkunx indirizzata lill-impriża li rtirat mill-proċedura ta’ tranżazzjoni, ma tippreġudikax il-garanziji proċedurali kollha li għandha tibbenefika minnhom din tal-aħħar fil-kuntest tal-proċedura kontradittorja ulterjuri. Ċertament, dawn il-prekawzjonijiet fl-abbozzar għandhom jinkoraġġixxu lill-Kummissjoni sabiex tevita sa fejn huwa possibbli li ssemmi fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni lill-impriża li ma laħqitx kompromess. Madankollu, dawn ma jistgħux jiġu tradotti fi projbizzjoni ta’ kull riferiment – dirett jew indirett – għaliha.

73      Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2014:0227JUD001710310) (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), ma tistax tiġġustifika l-argument tar-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni, skont id-dmir tagħha ta’ imparzjalità u tal-prinċipju tar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza, bħalma huma applikabbli għal proċedura amministrattiva intiża għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, kellha tevita li tirreferi għal ċertu aġir tagħha.

74      Fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2014:0227JUD001710310), il-Qorti EDB irrikonoxxiet li, fil-preżenza ta’ proċedura kriminali kumplessa li timplika diversi koakkużati, iż-żamma ta’ proċessi separati u matul perijodu mifrux madankollu hija konformi mal-prinċipju tar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza fid-dritt kriminali, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-qorti kkonċernata tagħti prova ta’ prekawzjoni ċerta fir-redazzjoni tal-ewwel żewġ deċiżjonijiet kriminali, li huma neċessarji u jseħħu matul perijodu mifrux preċiżament biex titwettaq aħjar il-proċedura fil-konfront ta’ numru sinjifikattiv ta’ koakkużati.

75      Madankollu, fil-każ ineżami, dan huwa dak li għamlet, mutatis mutandis, il-Kummissjoni fil-konfront tar-rikorrenti meta fasslet id-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni indirizzata lill-erba’ impriżi l-oħra kkonċernati mill-istess akkordju, bħalma jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 63 sa 68 iktar ’il fuq.

76      Barra minn hekk, mal-qari tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, il-pubbliku possibbilment interessat lanqas jista’ jiddeduċi oġġettivament minn riferimenti magħmula għal ċertu aġir ta’ Pometon fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni provviżorja (ara l-punt 45 iktar ’il fuq) il-ħtija definittiva ta’ din l-impriża, peress li l-imsemmija deċiżjoni tenfasizza, mingħajr ekwivoku possibbli, li hija esklużivament intiża għall-erba’ impriżi l-oħra li aċċettaw li jilħqu kompromess dwar il-ksur tagħhom u li l-fajl li jikkonċerna lil Pometon se jiġi ttrattat, ulterjorment, fi proċedura distinta u kontradittorja.

77      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jifdal biss li jiġi vverifikat, għall-finijiet ta’ eżawrjenza tal-analiżi ta’ dan il-motiv, jekk ir-riferimenti għall-isem u għal ċertu aġir tar-rikorrenti li jinsabu fid-“Deskrizzjoni tal-avvenimenti” tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni setgħux effettivament jitqiesu bħala neċessarji għal deskrizzjoni kemm jista’ jkun kompleta tal-fatti fl-oriġini tal-akkordju inkwistjoni.

78      F’din il-perspettiva, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-partijiet għall-istess akkordju, tali eżami ma għandux jitwettaq biss fir-rigward tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv li jikkonċerna lill-erba’ impriżi destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, iżda wkoll fil-kuntest iktar wiesa’ ta’ proċedura ta’ istruttorja li saret ibrida u li għaldaqstant, inevitabbilment, għandha tinkludi wkoll is-sitwazzjoni tar-rikorrenti bħala parti għall-ksur allegat inkwistjoni u li fil-konfront tiegħu l-Kummissjoni fil-fatt, fis‑16 ta’ Jannar 2013, adottat id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-istruttorja tal-akkordju dwar il-baraxxa (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

79      Fil-fatt, fid-dawl tal-kontinwità tal-azzjoni tal-Kummissjoni bejn il-proċedura ta’ tranżazzjoni segwita, fil-każ ineżami, fil-konfront tal-erba’ impriżi l-oħra u l-proċedura ordinarja li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-konfront tar-rikorrenti (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), ir-riferimenti kontenzjużi għal ċertu aġir ta’ din tal-aħħar, li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, jistgħu jirriżultaw oġġettivament utli għad-deskrizzjoni tal-oriġini tal-akkordju kollu kemm hu.

80      B’kunsiderazzjoni ta’ dan, sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni kkonformatx mal-obbligu tagħha ta’ imparzjalità matul il-proċedura ibrida kollha inkwistjoni, għandhom jittieħdu bħala bażi, bħalma għamlu wkoll inċidentalment il-partijiet, il-kriterji interpretattivi mogħtija mill-Qorti EDB fis-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2014:0227JUD001710310). Dawn il-kriterji, naturalment, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni hawn biss mutatis mutandis, minħabba l-fatt li, fil-kawża Karaman, dawn il-parametri huma marbuta ma’ proċedura li seħħet matul perijodu mifrux ta’ natura esklużivament kriminali (ara l-punt 74 iktar ’il fuq), u dan ma huwiex il-każ tal-proċedura amministrattiva ibrida segwita fil-każ ineżami.

81      Madankollu, l-ewwel nett, fir-rigward tal-prekawzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, għandu jiġi rrilevat, għal darba oħra, li r-riferimenti kkontestati mir-rikorrenti, li jinsabu esklużivament fil-punt 4 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, intitolat “Deskrizzjoni tal-avvenimenti”, ma jinkludu l-ebda klassifikazzjoni ġuridika fir-rigward tal-aġir ta’ din l-impriża.

82      Barra minn hekk, fil-punt 2 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, immedjatament wara l-enumerazzjoni, fil-punt 1, tal-erba’ impriżi destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, il-Kummissjoni indikat b’mod espliċitu lir-rikorrenti, fil-punt 2.25, fil-kwalità tagħha ta’ impriża li kienet is-suġġett tal-proċedura ta’ istruttorja miftuħa fil-konfront tal-parteċipanti fl-akkordju inkwistjoni, u mhux bħala parti għall-proċedura ta’ tranżazzjoni. F’dan ir-rigward, inċidentalment, sabiex jitneħħa kull riskju ta’ ambigwità, il-Kummissjoni tirrileva mill-ġdid li r-rikorrenti ma hijiex destinatarja tal-imsemmija deċiżjoni.

83      Barra minn hekk, bħalma diġà ġie rrilevat fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li hija tibbaża fuq il-punti ta’ fatt irrikonoxxuti mill-erba’ impriżi li aċċettaw li jilħqu kompromess u li r-riferimenti għall-aġir ta’ Pometon huma intiżi biex jistabbilixxu biss ir-responsabbiltà ta’ dawn l-erba’ impriżi fil-ksur, minħabba li l-proċedura fil-konfront ta’ Pometon għadha għaddejja.

84      Minn dan jirriżulta li l-imsemmija riferimenti għal Pometon ma jippermettux, oġġettivament, li l-Kummissjoni tiġi ssusspettata li ppreżumiet deliberatament il-ħtija u r-responsabbiltà ta’ din l-impriża fil-kuntest ta’ dan l-akkordju sa mill-istadju tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni intiża għall-erba’ impriżi l-oħra, li kienu partijiet fl-akkordju inkwistjoni.

85      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-riferimenti, fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, għall-aġir tar-rikorrenti kinux neċessarji biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tad-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, qabel kollox għandu jiġi miċħud il-paragun magħmul mir-rikorrenti mad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni tal-Kummissjoni fil-każ li wassal għad-deċiżjoni tagħha C(2014) 4227 final, li fih waħda mill-impriżi li pparteċipat fl-akkordju kienet irtirat ukoll mit-tranżazzjoni (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

86      Fil-fatt, id-data ċirkustanzjali ta’ dawn iż-żewġ każijiet ma hijiex identika. Fi kwalunwke każ, ir-rikorrenti ma tidentifikax xebh plawżibbli bejn l-akkordju fil-każ imsemmi iktar ’il fuq u dak inkwistjoni fil-każ ineżami.

87      B’kunsiderazzjoni ta’ dan, hemm lok, sussegwentement, li jitfakkar li t-termini tal-premessa 38 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, li skonthom ir-riferimenti għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, li jinsabu fil-premessi preċedenti, “juru li l-kuntatti bejn Winoa, Ervin u Pometon żviluppaw f’aġir minn Ottubru 2003” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u b’hekk jimmarkaw il-bidu tal-ksur, ma jfissrux li, f’dan l-istadju ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, il-Kummissjoni kienet diġà stabbilixxiet il-kundizzjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jagħtu prova li Pometon, bħall-erba’ impriżi l-oħra li ammettew il-ħtija tagħhom, kienet ħatja ta’ parteċipazzjoni fil-ksur inkwistjoni (ara l-punti 66 u 67 iktar ’il fuq).

88      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-premessa 37 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, dwar il-portata ġeografika tal-akkordju li jkopri, għall-ħames impriżi kkonċernati, iż-ŻEE kollha, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn il-Kummissjoni qieset l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, kien neċessarju li tiġi ppreċiżata l-portata territorjali tal-akkordju kollu kemm hu (ara l-punt 259 iktar ’il quddiem).

89      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 31 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, li tistabbilixxi li “[l]-kuntatti ma’ Pometon tkomplew sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha Pometon biegħet l-attività tagħha tal-barraxa lil Winoa u ħarġet mis-suq” inkwistjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma għandhiex l-għan li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni, iżda hija intiża biex tippreċiża l-iżvilupp maż-żmien tal-akkordju li l-erba’ impriżi destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni ammettew li pparteċipaw fih, fid-dawl, preċiżament, tal-akkwist, f’din id-data, tal-attività ta’ Pometon minn Winoa (premessi 32 sa 35 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni).

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ineżami, bħalma mfakkra fil-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq u fejn ir-rikorrenti ma kkontestatx il-legalità, din tal-aħħar ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni li kisret, billi indikat ċertu aġir tagħha fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, b’rabta ma’ dak tal-erba’ impriżi kkonċernati l-oħra, id-dmir fundamentali tagħha ta’ imparzjalità fl-ipproċessar ulterjuri tal-fajl tagħha dwar il-barraxa li għadu pendenti, u lanqas li kisret il-preżunzjoni tal-innoċenza tagħha, bħala impriża li għażlet li ma tkomplix il-proċedura ta’ tranżazzjoni filwaqt li l-erba’ impriżi kompetituri l-oħra kienu, għall-kuntrarju, aċċettawha.

91      Ir-rikorrenti ssostni madankollu li, fil-każ ineżami, il-ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza jirriżulta mill-fatt li ż-żewġ proċeduri relatati mal-akkordju dwar il-barraxa li hija kienet is-suġġett tagħhom, l-ewwel nett il-proċedura ta’ tranżazzjoni u sussegwentement dik kontradittorja, seħħew matul perijodu mifrux, u dan kellu jobbliga lill-Kummissjoni tħalli barra, fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, kwalunkwe riferiment għas-sitwazzjoni speċifika tagħha (ara l-punti 7, 10 u 11 iktar ’il fuq).

92      Ċertament, huwa evidenti li, fil-każ ineżami, il-fatt li erbgħa mill-ħames impriżi partijiet fl-akkordju inkwistjoni ammettew il-ħtija tagħhom huwa ċirkustanza li jista’ jkollha effett strett u inevitabbli fuq il-fatti relatati mal-parteċipazzjoni tal-ħames impriża ssuspettata li pparteċipat fl-istess akkordju, jiġifieri Pometon.

93      Madankollu, meta impriża tiddeċiedi, liberament, li tagħżel il-proċedura ibrida minflok ma tippreżenta proposta ta’ tranżazzjoni lill-Kummissjoni, hija ma tistax tistenna, billi tinvoka l-prinċipju tar-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li l-Kummissjoni bħala awtorità responsabbli mill-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni, tkun marbuta tinjora għalkollox, fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, ċerti fatti ammessi mill-impriżi l-oħra li laħqu kompromess u li, minkejja li jirreferu għal aġir tar-rikorrenti li ma komplietx il-proċedura ta’ tranżazzjoni, huma rilevanti biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ dan l-akkordju kollu kemm hu.

94      Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni intiż biex jafferma, f’dan ir-rigward, li t-teżi tar-rikorrenti tkun prattikament qiegħda tagħti lill-impriżi li jirtiraw minn proċedura ta’ tranżazzjoni tip ta’ “immunità minn multa” lanqas ma jista’ jintlaqa’.

95      Fil-fatt, il-punt ta’ dritt imqajjem f’dan ir-rigward mir-rikorrenti ma huwiex intiż biex jikkontesta s-setgħa tal-Kummissjoni li timponilha multa, iżda d-dmir ta’ imparzjalità li din l-istituzzjoni hija marbuta li tosserva fl-ipproċessar tal-fajl tagħha dwar il-barraxa u, konsegwentement, l-osservanza wkoll tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza fil-kuntest ta’ proċedura ibrida li sseħħ matul perijodu mifrux.

96      Madankollu, id-dritt ta’ kwalunkwe impriża li tirtira minn proċedura ta’ tranżazzjoni ma jistax jagħtiha wkoll id-dritt għal preżunzjoni tal-innoċenza inkontestabbli, jiġifieri preżunzjoni li ma tistax tinbidel permezz ta’ prova kuntrarja, prova li, fil-każ ineżami, għandha tiġi pprodotta mill-Kummissjoni preċiżament matul proċedura kontradittorja mal-impriża kkonċernata.

97      Konsegwentement, minkejja l-karattru ibridu tagħha u l-fatt li sseħħ matul perijodu mifrux, tali proċedura tippermetti madankollu, minn naħa, li l-Kummissjoni tissodisfa korrettament il-missjoni tagħha ta’ stħarriġ u ta’ repressjoni fil-konfront ta’ kull aġir li jista’ jxekkel, jirrestrinġi jew ifixkel il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq uniku (Artikolu 101(1) TFUE) u, min-naħa l-oħra, li l-impriżi kkonċernati jinvokaw bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħhom, fil-kuntest preċiżament ta’ konfrontazzjoni diretta u kontradittorja mal-Kummissjoni.

98      Inċidentalment, ir-rikorrenti ma ssostnix li tali medda ta’ żmien bejn proċedura waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ proċeduri, meta huma implimentati, tmur kontra, bħala tali, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti applikabbli f’dan il-qasam u lanqas, inċidentalment, kontra dawk tal-Artikolu 41 tal-Karta relatat mad-dmir ta’ imparzjalità tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Hija tqis, għall-kuntrarju, li, fil-każ ineżami, tali firxa matul il-perijodu bejn id-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni u d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika l-preżunzjoni tal-innoċenza li hija għandha tibbenefika minnha sakemm il-ħtija tagħha tkun ġiet legalment stabbilita.

99      Madankollu, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni li tinbeda proċedura kontradittorja fil-konfront ta’ impriża li rtirat minn proċedura ta’ tranżazzjoni ma timponix lill-Kummissjoni biex tittardja jew tissospendi l-adozzjoni ta’ miżuri “xierqa sabiex [i]waqqfu” l-akkordju inkwistjoni (Artikolu 105 TFUE), b’mod partikolari dawk relatati mal-impriżi l-oħra li ammettew ir-responsabbiltà tagħhom u li ssottomettew, għal dan l-għan, proposta definittiva ta’ tranżazzjoni. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tranżazzjoni meta l-kundizzjonijiet kollha tad-dritt jippermettu dan tissodisfa, fir-realtà, l-interess ġenerali u superjuri tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Fil-fatt, bħalma tindika wkoll il-premessa 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1348 tat‑3 ta’ Awwissu 2015 li jemenda r-Regolament Nru 773/2004 (ĠU 2015, L 208, p. 3), “[l]-interessi tal-konsumaturi biex jiġi żgurat li kartelli [akkordji] sigrieti jinkixfu u jkunu kkastigati huma akbar mill-interess li jiġu imposti multi […] fuq dawk l-impriżi li jippermettu lill-Kummissjoni biex tiskopri u tipprojbixxi dawn il-prattiki”.

100    Għalhekk, l-ewwel nett, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-każ ineżami ma tobbliga lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, fl-istess ħin tad-deċiżjoni ta’ ksur jew ta’ sanzjoni fil-konfront ta’ impriża li min-naħa l-oħra rtirat mill-proċedura ta’ tranżazzjoni, jew li lanqas biss aċċettat, mill-bidu nett, li tipparteċipa f’tali proċedura. F’dan il-kuntest, il-possibbiltà ta’ proċeduri matul perijodu mifrux tirriżulta b’mod espliċitu mill-punt 19 tal-Avviż dwar il-proċeduri ta’ tranżazzjoni, li jippreċiża dan li ġej:

“Jekk il-partijiet ikkonċernati jonqsu milli jippreżentaw sottomissjoni tar-riżolviment [tat-tranżazzjoni], il-proċediment li jwassal għad-deċiżjoni finali fil-każ tagħhom jimxi skond id-dispożizzjonijiet ġenerali, partikularment fl-Artikoli 10(2) u 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, minflok dawk li jirregolaw il-proċediment tar-riżolviment.”

101    It-tieni nett, u konsegwentement, anki fil-kuntest partikolari ta’ proċedura ibrida matul perijodu mifrux, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dan il-qasam jippermettu lill-Kummissjoni tissodisfa l-missjoni tagħha ta’ stħarriġ u ta’ repressjoni tal-akkordji b’mod effikaċi, sakemm madankollu hija tosserva bis-sħiħ id-dmir tagħha ta’ imparzjalità kif ukoll il-preżunzjoni tal-innoċenza fil-konfront tal-parti li rrinunzjat għat-tranżazzjoni u li għażlet li l-fajl tagħha jiġi ttrattat minn din l-istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja speċifika.

102    Fil-fatt, matul tali proċedura kontradittorja, l-impriża kkonċernata tista’, billi tinvoka b’mod partikolari l-prerogattivi kollha marbuta mad-drittijiet tad-difiża li huma rrikonoxxuti lilha mid-dritt tal-Unjoni, tikkontesta, minn naħa, il-provi kollha prodotti kontra tagħha mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tafferma, fl-istess ħin, l-argumenti kollha utli biex jiskaġunawha.

103    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kemm bil-prekawzjonijiet fl-abbozzar meħuda mill-Kummissjoni fl-istabbiliment tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni kif ukoll bil-kontenut sostanzjali tagħhom, ir-riferimenti kontenzjużi relatati mar-rikorrenti li jinsabu fl-imsemmija deċiżjoni ma jistgħux jitqiesu bħala l-indizju ta’ nuqqas ta’ imparzjalità ta’ din l-istituzzjoni fil-konfront tar-rikorrenti u, konsegwentement, ta’ nuqqas ta’ rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza tagħha fid-deċiżjoni kkontestata.

104    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, in-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni kif ukoll il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tar-regoli dwar l-oneru tal-prova, sa fejn il-Kummissjoni attribwixxiet lir-rikorrenti parteċipazzjoni fl-akkordju

105    Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel żewġ partijiet, ir-rikorrenti tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha f’kull wieħed miż-żewġ partijiet tal-akkordju allegat, relatati, l-ewwel wieħed, mal-metodu ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam u, it-tieni wieħed, mal-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali. Fil-kuntest tat-tielet parti, hija tafferma li ma pparteċipatx fil-ksur uniku u kontinwu allegat. Insostenn ta’ dawn it-tliet partijiet, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment l-insuffiċjenza ta’ provi li tibbaża fuqhom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, peress li skontha dawn il-provi ma humiex preċiżi, huma inkoerenti u kontradittorji.

106    Qabel ma tiġi eżaminata kull waħda mit-tliet partijiet ta’ dan il-motiv, għandhom jitfakkru, preliminarjament, ir-regoli relatati mal-oneru u mal-produzzjoni tal-prova.

1.      Osservazzjonijiet preliminari relatati mal-oneru u mal-produzzjoni tal-prova

107    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi b’mod espliċitu li “[l]-piż [l-oneru] tal-prova ta’ ksur [tal-Artikolu 101(1) jew tal-Artikolu 102 TFUE] ħa jpoġġi [jaqa’] fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur”. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li għandha turi, b’suffiċjenza fid-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, CISAC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/08, EU:T:2013:188, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Għaldaqstant, konformement mal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti meta tintalab tevalwa jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx b’suffiċjenza fid-dritt il-ħtija ta’ impriża fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, CISAC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/08, EU:T:2013:188, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Għalhekk, huwa neċessarju, f’dan il-kuntest, li l-Kummissjoni tipproduċi l-provi kollha preċiżi u konkordanti li jippermettu li jitqies li l-ksur u s-sanzjoni inkwistjoni ġew stabbiliti legalment, jiġifieri bl-osservanza tar-regoli tad-dritt applikabbli u b’mod partikolari tad-drittijiet tad-difiża, li hija ggarantita lil kull akkużat. Madankollu, ma huwiex neċessarju li kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokati mill-imsemmija istituzzjoni, evalwati globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Keramag Keramische Werke et, C‑613/13 P, EU:C:2017:49, punt 52, u tat‑12 ta’ April 2013, CISAC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/08, EU:T:2013:188, punti 96 u 97).

110    Fil-fatt, peress li l-projbizzjoni tal-parteċipazzjoni fi prattiki u ftehimiet antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li dawk li jwettqu ksur jistgħu jbatu huma magħrufa, huwa normali li l-attivitajiet kollużivi jseħħu dejjem iktar b’mod klandestin, li l-laqgħat bejn ir-rappreżentanti tal-impriżi jinżammu b’mod sigriet, l-iktar spiss f’terzi pajjiżi, u li d-dokumentazzjoni li tkun relatata titnaqqas kemm jista’ jkun, preċiżament bl-iskop li jiġu evitati l-iskoperta tal-akkordju u s-sanzjonijiet ġustament severi.

111    Għalhekk, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri xi dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn l-operaturi tal-kumpanniji kkonċernati, bħall-minuti ta’ laqgħa, dawn is-soltu jkunu miktuba f’mod frammentat u sporadiku, b’tali mod li spiss jirriżulta neċessarju li jiġu rrikostitwiti ċerti dettalji permezz ta’ deduzzjonijiet (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 55 u 56, u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Keramag Keramische Werke et, C‑613/13 P, EU:C:2017:49, punt 50).

112    Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha, fil-maġġoranza tal-każijiet, tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meqjusa kollha kemm huma, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Total Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punt 26, u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Keramag Keramische Werke et, C‑613/13 P, EU:C:2017:49, punt 51).

113    Fil-konfront ta’ tali prattiki antikompetittivi dejjem iktar inaċċessibbli, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tikkunsidra provi stabbiliti barra l-perijodu tal-ksur, jekk dawn il-provi jifformaw parti mis-sensiela ta’ indizji invokati minnha sabiex tagħti prova tal-imsemmi ksur. Għalhekk hija tista’ tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi fattwali li seħħew qabel aġir antikompetittiv sabiex tikkonferma l-kontenut ta’ element oġġettiv ta’ prova (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2012, Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑83/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:48, punt 188), jew anki ċirkustanzi li seħħew wara dan l-aġir (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 178).

114    Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, fuq provi dokumentali, huma l-impriżi kkonċernati li għandhom mhux biss jippreżentaw alternattiva plawżibbli għall-argument tal-Kummissjoni, iżda wkoll jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li l-provi użati minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni kkontestata huma insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur allegat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Inċidentalment, f’dak li jirrigwarda l-mezzi ta’ prova li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak ta’ amministrazzjoni libera tal-provi li minnu jirriżulta, minn naħa, li, ladarba l- prova tkun inkisbet b’mod regolari, l-ammissibbiltà tagħha ma tistax tiġi kkonstestata quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li l-uniku kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata s-saħħa probatorja tal-provi prodotti b’mod regolari jinsab fil-kredibbiltà tagħha (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 128).

116    Skont ir-regoli ġeneralment applikabbli fil-qasam tal-prova, il-kredibbiltà u, għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi tal-elaborazzjoni tiegħu, mid-destinatarju tiegħu u min-natura sensibbli u affidabbli tal-kontenut tiegħu.

117    Għalhekk, għandha tingħata importanza partikolari lid-dokumenti li ġew stabbiliti b’rabta immedjata mal-fatti jew minn xhud dirett ta’ dawn il-fatti. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tad-dokumenti b’rabta diretta ma’ laqgħat li matulhom ġew eżaminati l-ippjanar jew l-implementazzjoni tal-akkordju u li ġew stabbiliti manifestament mingħajr ma wieħed ikun jista’ jaħseb li dawn jistgħu jsiru magħrufa minn terzi mhux ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 207, u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, T‑762/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:738, punt 109).

118    F’din il-perspettiva, id-dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra implikati jistgħu jagħtu portata sinjifikattiva għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ akkordju. B’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ talba intiża għall-benefiċċju mill-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni (ara l-premessa 3 tar-Regolament Nru 2015/1348, iċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq) għandhom valur probatorju għoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, EU:T:2004:221, punti 205, 211 u 212, u tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punt 115). Fil-fatt, kull tentattiv minn applikant għal klemenza sabiex iwassal lill-Kummissjoni tagħmel żball jista’ jqajjem dubju dwar is-sinċerità u l-kompletezza tal-kooperazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, dan iqiegħdu f’riskju li jitlef il-benefiċċju ta’ din il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 138).

119    Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju li l-eżattezza tiegħu hija kkontestata minn diversi impriżi oħra akkużati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi ssostanzjata minn provi oħra, u dan billi l-grad ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 135, u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Keramag Keramische Werke et, C‑613/13 P, EU:C:2017:49, punt 28).

120    Finalment, għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-prova tal-ksur li l-Kummissjoni tallega, kull prova prodotta minn din l-istituzzjoni ma għandhiex neċessarjament tkun preċiża u tikkostitwixxi fiha nnifisha prova awtonoma tal-ksur, iżda jkun biżżejjed li l-qafas akkużatorju kollu kemm hu u s-sensiela ta’ indizji u ta’ provi prodotti mill-Kummissjoni, evalwati kollha kemm huma, jissodisfaw ir-rekwiżiti fundamentali relatati mal-prova tal-ħtija, b’tali mod li l-qorti tal-Unjoni eventwalment adita, sussegwentement, bl-istħarriġ tad-deċiżjoni ta’ ksur tkun tista’ tqis li din il-ħtija ngħatat prova tagħha legalment (ara l-punt 109 iktar ’il fuq).

2.      Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza allegata ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel parti tal-akkordju, relatata mal-metodu ta’ kalkolu taż-“żieda fir-ruttam”

a)      L-argumenti tal-partijiet

121    Ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li skontha hija pparteċipat fl-akkordju dwar il-metodu ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam hija ineżatta u ma tibbaża fuq l-ebda prova. Hija tallega li ż-żieda fir-ruttam ma setgħetx tiġi applikata awtomatikament, iżda li hija eżiġiet, minn naħa, skambju regolari ta’ komunikazzjonijiet bejn l-impriżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ laqgħat u ta’ kuntatti diversi, li kkostitwixxew l-essenza stess tal-akkordju.

122    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tafferma li ma kienx biżżejjed li kull produttur jikkonsulta l-indiċijiet tal-prezz tar-ruttam, jiġifieri l-indiċi CAEF 225 għall-Italja u l-indiċi Eurofer għall-pajjiżi l-oħra taż-ŻEE, u li huwa jikkalkola sussegwentement, b’mod awtonomu, l-ammont taż-żieda fir-ruttam bl-applikazzjoni tal-formula miftiehma preċedentement. Għall-kuntrarju, mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 40, 121, 124 u 125) jirriżulta li l-produtturi kellhom, biex jiddeterminaw iż-żieda fir-ruttam, jirċievu l-komunikazzjoni li Winoa kellha tibgħat kull xahar permezz ta’ posta elettronika lil kull parteċipant fl-akkordju (iktar ’il quddiem il-“folja tal-kalkolu”) jew, fin-nuqqas ta’ dan, jikkonsultaw is-sit internet ta’ Winoa, li fih din tal-aħħar, mix-xahar ta’ Mejju 2004, fil-fatt ippubblikat l-informazzjoni relatata maż-żieda fir-ruttam billi informat ukoll lill-partijiet l-oħra b’din il-pubblikazzjoni.

123    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fi kwalunkwe każ tafferma li hija qatt ma rċeviet mingħand Winoa l-folji ta’ kalkolu u lanqas il-komunikazzjoni relatata mal-pubblikazzjoni, fuq is-sit internet tagħha, taż-żieda fir-ruttam. Hija tikkontesta, barra minn hekk, li tali pubblikazzjoni setgħet tissostitwixxi t-trażmissjoni tal-folji ta’ kalkolu (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata).

124    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-parteċipazzjoni għal ċerti laqgħat, ir-rikorrenti tallega li, mis‑27 laqgħa li seħħew matul il-perijodu li spiċċa fis‑16 ta’ Mejju 2007, hija pparteċipat biss f’żewġ laqgħat mal-impriżi l-oħra kkonċernati – l-ewwel waħda fit‑28 ta’ Settembru 2004 u t-tieni waħda fid‑9 ta’ Ġunju 2005 (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

125    B’mod partikolari, ma saret l-ebda laqgħa fis‑16 ta’ Mejju 2007. Il-laqgħa ta’ Milan (l-Italja), imsemmija fil-premessi 52 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-realtà saret fis‑17 ta’ Mejju 2017, jiġifieri l-għada tad-data li fiha r-rikorrenti biegħet l-attività tagħha fis-settur tal-barraxa lil Winoa u għalhekk ħarġet definittivament mill-imsemmi suq (premessi 11, 129 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kuntatti l-oħra, ir-rikorrenti tafferma li mid-dokumenti invokati fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 48 sa 55) ma jirriżultax li l-kuntatti tagħha mal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju kienu ta’ natura li jipprovaw li hija kompliet tapplika, mill‑2004, iż-żieda fir-ruttam miftiehma f’Ottubru 2003.

127    Finalment, il-Kummissjoni żnaturat il-fatti u ma tatx prova li r-rikorrenti kienet implikata fil-kuntatti kollużivi.

128    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

1)      Fuq ir-rwol inizjali tar-rikorrenti fl-implementazzjoni, matul is-sena 2003, taż-żieda fir-ruttam

129    Ir-rikorrenti ma tqajjimx dubju dwar ir-responsabbiltà inizjali tagħha fl-ewwel parti tal-akkordju, u dan mit‑3 ta’ Ottubru 2003. Inċidentalment hija lanqas ikkontestat tali responsabbiltà fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Diċembru 2004 (premessi 114 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk huwa stabbilit li r-rikorrenti mhux talli kkonkludiet il-ftehim dwar il-metodu ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam, ma’ Winoa u Ervin, matul il-laqgħa tar-rappreżentanti ta’ dawn it-tliet impriżi, fit‑3 ta’ Ottubru 2003, f’restorant fuq il-Lago di Garda (l-Italja), talli hija kellha wkoll rwol sinjifikattiv, fl‑2003, fil-preparazzjoni ta’ din il-laqgħa u fl-għażla tas-sistema l-ġdida ta’ kalkolu uniformi.

130    Barra minn hekk, mill-annessi tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kienet involuta, wara l-konklużjoni tal-ftehim tat‑3 ta’ Ottubru 2003, fil-koordinazzjoni u fl-implementazzjoni effettiva tas-sistema l-ġdida ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam. Fil-fatt dan l-involviment huwa kkonfermat, qabel kollox, minn sensiela ta’ ittri elettroniċi li hija skambjat ma’ Winoa, f’Ottubru 2003 (premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata), u li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti kif ukoll mill-posta elettronika tal‑1 ta’ Diċembru 2003 tal-“general manager” ta’ Pometon Deutschland lid-direttur ġenerali tar-rikorrenti (premessa 46). Dan id-dokument, b’mod partikolari, juri b’mod ċar li r-rikorrenti talbet lis-sussidjarja Ġermaniża tagħha tapplika ż-żieda fir-ruttam, istruzzjoni li fil-fatt hija totalment koerenti mal-istrateġija tal-akkordju inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il-posta elettronika interna ta’ Winoa tad‑9 ta’ Diċembru 2003 turi li l-introduzzjoni tal-imsemmija żieda mis-sussidjarji Spanjoli ta’ Winoa u tar-rikorrenti kienet ukoll is-suġġett ta’ koordinazzjoni bejn dawn l-impriżi (premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata).

131    Lanqas dawn il-fatti ma huma kkontestati.

2)      Fuq l-applikazzjoni awtomatika taż-żieda fir-ruttam wara l-1 ta’ Frar 2004

132    Il-formula ta’ kalkolu uniformi taż-żieda fir-ruttam, kif miftiehma matul il-laqgħa tat‑3 ta’ Ottubru 2003 u applikata, skont il-Kummissjoni, mill-parteċipanti kollha fl-akkordju minn Frar 2004, hija deskritta fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata.

133    Din il-formula kienet tibbaża, minn naħa u għaż-ŻEE kollha, ħlief fir-rigward tas-suq Taljan, fuq l-indiċi Eurofer tal-prezz tar-ruttam. Dan l-indiċi ġie ppubblikat kull xahar, sat‑2 ta’ Marzu 2016, fuq is-sit tal-Eurofer, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ħadid u tal-Azzar. Dan kien ikkalkolat fuq il-bażi tal-prezz medju f’euro għal kull tunnellata mill-prezzijiet tal-offerta u tad-domanda miġbura mill-operaturi prinċipali tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja u tar-Renju Unit (premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata).

134    Min-naħa l-oħra, għall-Italja, fejn il-prezzijiet tar-ruttam kienu ogħla b’mod sinjifikattiv mill-parti l-kbira tal-pajjiżi Ewropej l-oħra, din il-formula kienet tibbaża fuq l-indiċi CAEF 225, jiġifieri indiċi nazzjonali, stabbilit mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Milan u ppubblikat fuq is-sit tal-Assofermet, l-assoċjazzjoni Taljana li tiġbor lill-impriżi attivi fis-settur tal-prodotti tal-industrija tal-azzar.

135    B’differenza mill-indiċi Eurofer, l-indiċi CAEF 225 ma kienx ippreżentat fil-forma ta’ valur fix-xahar uniku, jiġifieri indikatur uniku, iżda fil-forma ta’ firxa ta’ prezz minimu u massimu, ippubblikata kull ġimagħtejn mill-Assofermet (premessi 37 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata).

136    Madankollu, fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-kalkolu taż-żieda fir-ruttam kienet titwettaq, skont it-termini tal-ftehim, billi titnaqqas, bħala “kumpens”, iċ-ċifra 68 mill-indiċi Eurofer u ċ-ċifra 62 mill-indiċi CAEF 225. Biex jinkiseb il-prezz bażiku tal-barraxa applikabbli għall-klijenti, l-ammont miksub b’dan il-mod kien jiżdied mal-ispejjeż l-oħra, b’mod partikolari mal-prezz tax-xiri effettiv tar-ruttam.

137    Mingħajr ma tikkontesta fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha din il-modalità ta’ kalkolu, ir-rikorrenti ssostni, madankollu, li l-produtturi kkonċernati ma setgħux japplikaw iż-żieda fir-ruttam awtomatikament, fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ indiċijiet biss.

138    Skont ir-rikorrenti, biex tiġi applikata din iż-żieda, fil-fatt kien meħtieġ li kull produttur jirċievi, kull xahar, il-folja ta’ kalkolu, jiġifieri l-posta elettronika fix-xahar relatata maż-żieda fir-ruttam li Winoa kienet ħadet ir-responsabbiltà li tibgħat lill-parteċipanti fl-akkordju sa nofs l-2007, jew li huwa jikkonsulta, minn Mejju 2004, l-informazzjoni relatata maż-żieda fir-ruttam ippubblikata fuq is-sit internet ta’ Winoa.

139    B’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti affermat, matul is-seduta, li, b’mod partikolari fl-Italja, kien ikun wisq diffiċli li tiġi applikata ż-żieda fir-ruttam mingħajr ma wieħed ikun jista’ jibbaża fuq id-data li tinsab fil-folji ta’ kalkolu, minħabba li l-indiċi CAEF 225 kien jikkonsisti f’firxa ppubblikata kull ġimagħtejn, u dan kien jirrappreżenta konkretament, erba’ indikaturi fix-xahar (ara l-punt 135 iktar ’il fuq). Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat ukoll, f’dan ir-rigward, li t-trasformazzjoni ta’ dawn l-erba’ indikaturi f’ammont wieħed kienet issir minn Winoa, fil-folji ta’ kalkolu, li inċidentalment ma kinux isemmu biss dan l-ammont uniku iżda wkoll l-ammont reali taż-żieda fir-ruttam.

140    Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-parteċipazzjoni tagħha f’din l-ewwel parti tal-akkordju huma żbaljati u ma jibbażaw fuq l-ebda prova suffiċjenti, sa fejn hija la qatt irċeviet il-folji ta’ kalkolu fix-xahar, li skontha huma indispensabbli għall-implementazzjoni tal-ewwel parti tal-akkordju, u lanqas il-posta elettronika ta’ Winoa li tinforma lill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju bil-pubblikazzjoni, minn Mejju 2004, tal-informazzjoni relatata maż-żieda fir-ruttam fuq is-sit internet tagħha u tikkomunikalhom il-link għal dan is-sit (ara l-punt 122 iktar ’il fuq).

141    Dan l-argument tar-rikorrenti, ibbażat essenzjalment fuq in-natura imprattikabbli, saħansitra impossibbli, ta’ applikazzjoni awtomatika tal-ftehim dwar iż-żieda fir-ruttam, b’mod partikolari fl-Italja, madankollu ma jistax jintlaqa’.

142    Qabel kollox, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ftehim dwar iż-żieda fir-ruttam fl-Italja, għandu jiġi rrilevat li, peress li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li pparteċipat fit-tfassil u fl-implementazzjoni inizjali ta’ dan il-ftehim, ma huwiex probabbli li, fl-implementazzjoni effettiva ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni antikompetittiva, Pometon, li essenzjalment kienet waħda mill-arkitetti tal-akkordju, setgħet raġonevolment tirrinunzja, mingħajr ma tqajjem reazzjoni min-naħa tas-sħab tagħha fl-akkordju, għall-applikazzjoni ta’ din iż-żieda, għall-unika raġuni li hija ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti mingħand Winoa. Fil-fatt, din iż-żieda kienet tfasslet minn Pometon u qablu magħha l-impriżi l-oħra kkonċernati, preċiżament biex tiġi implimentata b’mod awtonomu u awtomatiku, minn kull parti fl-akkordju, inkluż fis-suq Taljan li huwa fl-ewwel lok dak ta’ Pometon.

143    F’dan ir-rigward, mill-provi dokumentali prodotti mill-Kummissjoni, bħall-posta elettronika tal‑5 ta’ Settembru 2003 tad-direttur ġenerali tar-rikorrenti lil Winoa, jirriżulta b’mod espliċitu li s-sistema taż-żieda fir-ruttam kienet fir-realtà maħsuba biex tiġi applikata awtomatikament u li l-indiċijiet li fuqhom kellha tibbaża din is-sistema inċidentalment intgħażlu preċiżament għal din ir-raġuni. Dan jikkonferma li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni fix-xahar lill-parteċipanti fl-akkordju ma kienx assolutament indispensabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni taż-żieda fir-ruttam.

144    Sussegwentement, fir-rigward tal-kalkolu, fil-veru sens tal-kelma, taż-żieda fir-ruttam fl-Italja, l-argument tar-rikorrenti li jissuġġerixxi li hija ftit li xejn setgħet tiddetermina l-ammont ta’ din iż-żieda minħabba li ma rċevietx il-folja ta’ kalkolu stabbilita minn Winoa (ara l-punt 139 iktar ’il fuq) ma jistax jibqa’ jintlaqa’. Fil-fatt, mill-iskambju ta’ ittri elettroniċi interni ta’ Winoa tal‑31 ta’ Mejju 2007 – invokata mir-rikorrenti, matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali – jirriżulta b’mod espress li, sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-indiċi CAEF 225 li għandu jitqies fil-kalkolu tal-imsemmija żieda, l-impjegati ta’ Winoa kienu sempliċement jiġbru, mingħand il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Milan, il-firxa stabbilita darbtejn fix-xahar minn dan il-korp u joħorġu l-medja ta’ dawn l-erba’ ammonti. Madankollu, ma huwa kkontestat bl-ebda mod li dan l-aġir ma varjax sa mill-ftehim tat‑3 ta’ Ottubru 2003 dwar is-sistema l-ġdida ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam inkwistjoni (ara l-punt 129 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi preżunt li l-partijiet l-oħra fl-akkordju ma setgħux, jekk kien il-każ, iwettqu l-operazzjoni msemmija iktar ’il fuq.

145    Fl-aħħar nett, mid-dokumenti invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, u prodotti mill-partijiet, jirriżulta li, qabel l-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam, Winoa diġà kienet tikkomunika, kull xahar, lir-rikorrenti folja ta’ kalkolu li ssemmi l-indiċi l-antik li kienet tibbaża fuqu dak iż-żmien iż-żieda fir-ruttam, kif ukoll l-ammont ta’ din tal-aħħar. Dan huwa kkonfermat, fil-fatt, minn naħa, mill-faks mibgħut mid-direttur ġenerali tar-rikorrenti lil Winoa fl‑14 ta’ Frar 2003 u, min-naħa l-oħra, minn ċertu numru ta’ dawn il-folji ta’ kalkolu mdaħħla fil-fajl tal-Kummissjoni. Madankollu, b’kunsiderazzjoni tal-involviment tar-rikorrenti fl-istabbiliment tas-sistema l-ġdida (ara l-punti 129 u 130 iktar ’il fuq), ftit li xejn huwa probabbli li Winoa waqfet, mill‑1 ta’ Frar 2004, tibgħat folji ta’ kalkolu lir-rikorrenti, minkejja l-ftehim li hija tkun responsabbli mill-avviżi fix-xahar relatati maż-żieda fir-ruttam maħsuba għall-parteċipanti fl-akkordju (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

146    Finalment, mill-provi kollha eżaminati fil-punti 141 sa 144 iktar ’il fuq jirriżulta li l-applikazzjoni awtomatika tal-ewwel parti tal-akkordju ma tistax titqiegħed f’dubju mis-sempliċi fatt li l-introduzzjoni tal-metodu ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam kienet akkumpanjata mill-implementazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni fix-xahar, saħansitra ta’ koordinazzjoni, żgurata minn Winoa.

147    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, wara li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’suffiċjenza fid-dritt li ż-żieda fir-ruttam kienet, fi kwalunkwe każ, awtomatikament applikabbli, l-assenza – invokata mir-rikorrenti – ta’ prova dokumentarji tat-trażmissjoni minn Winoa ta’ folji ta’ kalkolu lil Pometon matul il-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ma hijiex ta’ natura li tqajjem dubji dwar l-implikazzjoni ta’ din l-impriża fl-ewwel parti tal-akkordju, wara l-1 ta’ Frar 2004.

3)      Fuq il-kuntatti bejn ir-rikorrenti u l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, mill2004

148    Fid-dawl tal-mod awtomatiku taż-żieda fir-ruttam, l-argument tar-rikorrenti li skontu l-parteċipazzjoni f’laqgħat u f’kuntatti oħra kienet neċessarja għall-implementazzjoni tal-ewwel parti tal-akkordju minn Pometon, mill‑2004, lanqas ma jista’ validament jintlaqa’.

149    L-ewwel nett, fir-rigward taż-żamma ta’ laqgħat, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni mill-Kummissjoni, fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha, “[m]atul il-perijodu wara l-implementazzjoni tal-mudell uniformi għal ‘żieda fir-ruttam’, fil-Ħarifa 2003, u sar-reviżjoni taż-‘żieda fir-ruttam’ fis-Sajf 2007, il-kuntatti kienu inqas regolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u tafferma li l-Kummissjoni tindika li hija pparteċipat biss fi 2 mis‑27 laqgħa li seħħew matul il-perijodu inkwistjoni.

150    Madankollu, minħabba l-mod awtomatiku tas-sistema, u bil-preżunzjoni li l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, jew xi wħud minnhom, effettivament kellhom laqgħat, xi ftit jew wisq regolari, sabiex jiġi żgurat is-segwitu tal-applikazzjoni taż-żieda fir-ruttam, l-assenza ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal tali laqgħat ma tippermettix li jiġi dedott li hija waqfet tapplika l-imsemmija sistema.

151    It-tieni nett, fir-rigward ta’ kuntatti oħra, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jqajmu dubju dwar il-valur probatorju tal-provi li l-Kummissjoni pproduċiet f’dan ir-rigward biex tissostanzja l-konstatazzjonijiet tagħha relatati mal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-ewwel parti tal-akkordju.

152    Qabel kollox, il-Kummissjoni tirrileva ġustament li l-posta elettronika interna ta’ Winoa tal‑24 ta’ Marzu 2004, invokata fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata u li hija relatata ma’ konverżazzjoni mad-direttur ġenerali ta’ Pometon España, kellha preċiżament bħala għan is-segwitu tal-implementazzjoni taż-żieda fir-ruttam, u dan jikkonferma għalhekk il-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-ewwel parti. F’dan ir-rigward, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li skontu din id-diskussjoni kienet tirrigwarda b’mod iktar speċjali l-osservanza, minn Pometon, tal-ftehim dwar iż-żieda fir-ruttam fir-rigward ta’ wieħed mill-klijenti tagħha fi Spanja, il-kumpannija Acerinox, ma huwiex ta’ natura li jikkontradixxi din il-konstatazzjoni.

153    Sussegwentement, l-ittri elettroniċi skambjati bejn Würth u Pometon, mis‑16 sat‑18 ta’ Novembru 2005, invokati fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, kien jirrigwardaw, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni, l-estensjoni tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ żieda fir-ruttam implikata għall-fornimenti tal-barraxa bejn il-membri tal-akkordju.

154    Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, dawn l-ittri elettroniċi jirreferu b’mod ċar għall-imsemmija sistema. B’mod partikolari, fil-posta elettronika tiegħu tas‑17 ta’ Novembru 2005, id-direttur ġenerali tar-rikorrenti indika lil Würth li, għall-iffissar tal-prezz tal-bejgħ tal-barraxa ta’ Pometon lil Würth, fl‑2006, “[is]-soluzzjoni tkun li tiġi applikata ż-żieda fir-ruttam fix-xahar bħalma huwa l-każ bħalissa fis-swieq” [traduzzjoni libera]. Għalhekk huwa kien qiegħed jirreferi b’mod espliċitu għall-fatt li l-imsemmija sistema kienet applikata mill-parteċipanti fl-akkordju, inkluż minn Pometon, fis-swieq inkwistjoni u għalhekk irrakkomanda li tiġi estiża għall-fornimenti bejn il-produtturi.

155    Finalment, l-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi bejn Pometon u l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju hija kkonfermata wkoll mill-posta elettronika interna ta’ Ervin, tal‑20 ta’ Marzu 2007, invokata fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, u li tgħid li r-rappreżentanti ta’ Winoa u ta’ Pometon stiednu lill-awtur ta’ din il-posta elettronika biex jipparteċipa f’laqgħa f’Milan, fis‑“16/17 ta’ Mejju” 2007, sabiex jiddiskutu l-applikazzjoni taż-żieda fir-ruttam (ara l-punt 301 iktar ’il quddiem).

156    It-tielet nett, ir-riferimenti, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 69, 95, 107, 108, 110, 113 u 143), għall-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’laqgħat jew f’kuntatti oħra bejn il-parteċipanti fl-akkordju ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-Kummissjoni nnifisha kkunsidrat li tali kuntatti kienu neċessarji għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-ewwel parti tal-akkordju, peress li dan imur kontra l-provi relatati mal-mod awtomatiku tas-sistema taż-żieda fir-ruttam.

157    Qabel kollox, ir-riferimenti msemmija fil-punt 156 iktar ’il fuq, invokati mir-rikorrenti, ma humiex marbuta biss ma’ kuntatti li jirrigwardaw speċifikament l-applikazzjoni tal-ewwel parti mill‑2004. Sussegwentement, peress li dawn jirrigwardaw l-ewwel parti, dawn ir-riferimenti ma jikkonfermaw bl-ebda mod in-neċessità ta’ tali kuntatti għall-finijiet tal-applikazzjoni taż-żieda fir-ruttam, iżda jsaħħu, permezz ta’ provi preċiżi u konkordanti, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mar-responsabbiltà tar-rikorrenti f’din l-ewwel parti tal-akkordju.

158    B’mod partikolari, il-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha “Pometon ipparteċipat f’arranġamenti kollużivi antikompetittivi li jikkonċernaw il-prezzijiet tal-barraxa billi pparteċipat f’diversi laqgħat u [f’]kuntatti oħra mal-kompetituri tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għandha tinftiehem, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, bħala li tinkludi l-kuntatti preparatorji, fl‑2003, bi tħejjija għal-laqgħa tat‑3 ta’ Ottubru 2003. Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tikkonċernax biss iż-żieda fir-ruttam, iżda iż-żewġ partijiet kollha tal-akkordju. L-istess japplika għall-premessi 107, 108, 110, 113 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward, finalment, tal-laqgħat tat‑28 ta’ Settembru 2004 u tad‑9 ta’ Ġunju 2005, dawn jissemmew biss, fil-premessa 69 ta’ din id-deċiżjoni, b’rabta mal-implementazzjoni tat-tieni parti tal-akkordju mir-rikorrenti, fil-Ġermanja (ara l-punti 215 sa 218 iktar ’il quddiem).

159    Għaldaqstant, fir-rigward tal-ewwel parti tal-akkordju, il-Kummissjoni tat prova tal-eżistenza, wara l-fażi inizjali tal-implementazzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ żieda fir-ruttam, ta’ ċertu numru ta’ kuntatti kollużivi bejn Pometon u partijiet oħra fl-akkordju (ara l-punti 153 sa 156 iktar ’il fuq), li, mingħajr ma kienu neċessarji biex jippermettu l-applikazzjoni tal-imsemmija sistema, kienu intiżi min-naħa l-oħra biex jiżguraw is-segwitu tal-applikazzjoni tagħha.

4)      Konklużjoni relatata mal-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel parti tal-akkordju

160    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-elementi mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li jitqies li l-Kummissjoni ma tatx prova, b’suffiċjenza fid-dritt, tar-responsabbiltà individwali tagħha fl-ewwel parti tal-akkordju, fid-dawl, fl-ewwel lok, tal-mod awtomatiku tal-applikazzjoni taż-żieda fir-ruttam (ara l-punt 148 iktar ’il fuq) u, fit-tieni lok, tal-fatt li l-kuntatti limitati iżda sinjifikattivi tar-rikorrenti mal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, invokati mill-Kummissjoni (ara l-punt 160 iktar ’il fuq), juru li hija mhux talli kienet fl-oriġini tal-introduzzjoni ta’ din is-sistema, fatt li hija ma kkontestatx, talli hija ħadet sehem ukoll fis-segwitu tal-applikazzjoni tagħha. Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel parti tal-akkordju hija stabbilita bis-sħiħ, bla ħsara għall-evalwazzjoni tat-tul taż-żmien ta’ din il-parteċipazzjoni, fejn din il-kwistjoni hija fil-fatt is-suġġett tal-kontestazzjoni li r-rikorrenti tressaq fil-kuntest tar-raba’ motiv ta’ dan ir-rikors (ara l-punti 289 sa 315 iktar ’il quddiem).

3.      Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza allegata ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fit-tieni parti tal-akkordju, li tikkonsisti f’koordinazzjoni relatata ma’ klijenti individwali

a)      L-argumenti tal-partijiet

161    Ir-rikorrenti tqis, f’dan ir-rigward, li r-rikostruzzjoni tal-fatti li tagħti lok għall-akkordju, suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, hija inkoerenti u tmur kontra l-provi prodotti mill-Kummissjoni nnifisha, b’mod partikolari kontra d-dikjarazzjonijiet tal-applikant għal klemenza, li semma laqgħat regolari mhux biss fil-Ġermanja, iżda wkoll fl-Italja, fejn, skont it-tieni waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet “il-kompetituri kienu jiltaqgħu […] tlieta sa erba’ darbiet fis-sena” [traduzzjoni libera].

162    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva, fl-ewwel lok, li l-ebda waħda mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant għal klemenza ma ssemmi lil Pometon fost l-impriżi li pparteċipaw fis-sistema globali ta’ koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali. Min-naħa l-oħra, dawn id-dikjarazzjonijiet isemmu kuntatti kollużivi frekwenti bejn il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, fir-rigward b’mod partikolari tal-azzjoni fis-suq tar-reġjuni prinċipali tal-bejgħ tal-barraxa fl-Ewropa, jiġifieri l-Ġermanja, l-Italja, Spanja, Franza u r-Renju Unit.

163    L-unika riferiment għal Pometon, mill-applikant għal klemenza, relatata mas-suq Ġermaniż kienet marbuta fir-realtà mal-aġir imputabbli lil Pometon Abrasives, kumpannija li tappartjeni lill-grupp Winoa, jew ma’ aġir mhux ikkonfermat minn provi dokumentali (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fir-rigward tas-suq Taljan, l-applikant għal klemenza ddikjara li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’żewġ laqgħat, fis‑6 ta’ Ġunju u fl‑4 ta’ Ottubru 2007, minkejja li, f’dawk id-dati, hija kienet diġà ċediet l-attività tagħha fis-settur tal-barraxa lil Winoa.

164    Fit-tieni lok, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku tas-suq Spanjol, ir-rikorrenti tenfasizza li l-kuntatti, “sal‑5 ta’ April 2004” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bejn Pometon u Winoa, invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu purament bilaterali u seħħew biss matul sitt xhur, bejn Ottubru 2003 u April 2004. Fir-rigward tal-posta elettronika interna ta’ Winoa tal‑15 ta’ Lulju 2005, invokata fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, din turi l-assenza ta’ kwalunkwe ftehim ta’ tqassim tal-klijentela.

165    Barra minn hekk, id-dokumenti tal-fajl jikkonfermaw l-assenza ta’ kwalunkwe koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali bejn Pometon u Winoa. Dan huwa l-każ tal-minuti ta’ laqgħa tat‑18 ta’ Mejju 2004, mehmuża ma’ posta elettronika interna ta’ Winoa, li jsemmu “diffikultajiet biex tiġi applikata [ż-żieda fir-ruttam] lil diversi klijenti minħabba l-kompetizzjoni ta’ Ilarduya u ta’ Pometon fuq il-prezz fiss” [traduzzjoni libera], u tal-posta elettronika interna ta’ Winoa tal‑15 ta’ Lulju 2005, iċċitata fil-premessi 67 u 131 tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-posta elettronika, fi kwalunkwe każ, ma ġiet segwita mill-ebda laqgħa ma’ Pometon.

166    Fit-tielet lok, fir-rigward tas-swieq ta’ Franza u l-Belġju, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni tinvoka, fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, posta elettronika interna ta’ Winoa tad‑19 ta’ Jannar 2004, relatata ma’ diskussjoni bejn MTS u Winoa, li fiha Winoa kienet qiegħda tissuspetta li Pometon tat stima baxxa tal-prezz tagħha lil klijent Franċiż. Għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, dan id-dokument jagħti prova li Pometon kienet meqjusa minn Winoa bħala kompetitur aggressiv. Inċidentalment dan huwa konformi mad-dikjarazzjonijiet tal-applikant għal klemenza, li ma jsemmu bl-ebda mod lil Pometon fir-rigward tal-“kuntatti ta’ kompetituri li jikkonċernaw lil Franza u l-Benelux” [traduzzjoni libera].

167    Fir-raba’ lok, fir-rigward tas-suq Ġermaniż, ir-rikorrenti tfakkar li, skont il-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Ġermanja kienet l-uniku pajjiż fejn il-kuntatti kienu organizzati b’mod strutturat. Madankollu, mill-erbatax‑il laqgħa multilaterali u l-għaxar laqgħat bilaterali li seħħew matul il-perijodu li matulu Pometon kienet għadha attiva fis-suq tal-barraxa (jiġifieri sas‑16 ta’ Mejju 2007), il-preżenza ta’ Pometon hija kkonfermata l-iktar l-iktar għal laqgħa multilaterali u għal laqgħa bilaterali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-valur probatorju tat-tieni dikjarazzjoni tal-applikant għal klemenza, iċċitata fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, in-noti tal-ispejjeż prodotti minn dan tal-aħħar ma jikkonċernawhiex. Fir-rigward tal-irċevuta tal-lukanda NodingerHof, fejn saret il-laqgħa tas‑16 ta’ Novembru 2006, din turi l-assenza tar-rappreżentanti ta’ Pometon mill-imsemmija laqgħa, inkwantu din l-irċevuta ma ssemmix l-ismijiet ta’ dawn tal-aħħar, iżda biss dawk tal-parteċipanti l-oħra. Finalment, in-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, fir-rigward tal-parteċipazzjoni allegata ta’ Pometon fil-laqgħat mal-kompetituri l-oħra, hija kkonfermat mill-fatt li dawn isemmu parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’laqgħa tat‑13 ta’ Novembru 2017, filwaqt li Pometon kien diġà ilha sitt xhur li ħarġet mis-suq.

168    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-provi dokumentali invokati mill-Kummissjoni biex tikkonferma l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tat‑28 ta’ Settembru 2004 u tad‑9 ta’ Ġunju 2005. Hija tallega b’mod partikolari li ma teżisti l-ebda prova dokumentali tat-temi eżaminati matul dawn il-laqgħat u li l-applikant għal klemenza f’dan ir-rigward ma jipprovdi l-ebda deskrizzjoni, lanqas sommarju.

169    Fil-ħames lok, fir-rigward tas-suq Taljan, ir-rikorrenti tirrileva qabel kollox li l-Kummissjoni ma tattribwixxilha l-ebda parteċipazzjoni f’laqgħat mal-kompetituri tagħha (ara l-punt 161 iktar ’il fuq in fine). Sussegwentement, hija ssostni li l-ħames dokumenti, iċċitati fil-premessi 75 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, li tibbaża fuqhom il-Kummissjoni ma jippermettux “li tiġi konkluża mingħajr l-ebda dubju raġonevoli” l-parteċipazzjoni tagħha fil-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali.

170    Fir-rigward b’mod partikolari tal-ħames dokument (premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata), li fih ittri elettroniċi skambjati fix-xahar ta’ Mejju 2008 bejn impjegat ta’ Pometon Abrasives, is-Sur T., u impjegat ta’ MTS, ir-rikorrenti tenfasizza li l-posta elettronika tat‑28 ta’ Mejju 2008 tas-Sur T. lil dan tal-aħħar, li tiddikjara li, “[b]ħalma tafu perfettament, il-politika ta’ [Pometon Abrasives] ma hijiex li tnaqqas il-prezzijiet, iżda għall-kuntrarju li żżidhom” [traduzzjoni libera], kienet tikkonċerna l-politika ta’ din il-kumpannija wara l-akkwist tagħha minn Winoa, u mhux dik tar-rikorrenti.

171    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha. Hija tippreċiża qabel kollox li hija stess irrikonoxxiet li r-rwol ta’ Pometon fit-tieni parti tal-akkordju kien minuri u tatha, għalhekk, tnaqqis ta’ 10 % mill-ammont tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti.

172    Madankollu, minkejja li r-rikorrenti kellha biss kuntatti kollużivi sporadiċi, ta’ natura bilaterali u li jikkonċernaw biss ċerti pajjiżi, il-kuntatti li ngħatat prova tagħhom kienu sinjifikattivi u juru l-eżistenza tal-akkordju u l-parteċipazzjoni ta’ Pometon fih.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

173    It-tieni parti tal-akkordju tirrigwarda l-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet kummerċjali pprattikati mill-parteċipanti fil-konfront ta’ ċerti klijenti individwali, sabiex tiġi ristretta l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet fir-rigward ta’ dawn il-klijenti. Essenzjalment, il-Kummissjoni tqis li l-parteċipanti fl-akkordju kienu jiddibattu, essenzjalment b’mod bilaterali, il-parametri kompetittivi li jikkonċernaw il-prezzijiet tal-bejgħ tal-barraxa li għandhom jintużaw fil-konfront tal-klijenti rispettivi tagħhom, filwaqt li l-kwalità, is-servizzi u l-kundizzjonijiet kummerċjali l-oħra kienu jibqgħu suġġetti għall-kompetizzjoni.

174    Għalhekk, fil-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata dan il-ġej:

“Il-provi li jinsabu fil-fajl, b’mod partikolari ċertu numru ta’ dokumenti ta’ spezzjoni kif ukoll dokumenti oħra prodotti mill-applikant għal klemenza, juru li Pometon ikkoordinat ukoll l-aġir tagħha mal-parteċipanti l-oħra fil-ksur fir-rigward tal-klijenti individwali. B’mod parallel għall-koordinazzjoni relatata maż-żieda fir-ruttam (ara pereżempju l-premessi 35, 45, 52, 61 u 77), il-parteċipanti ftiehmu fil-prinċipju li ma jisirqux il-klijenti stabbiliti ta’ xulxin, għall-inqas mhux permezz ta’ tnaqqis fil-prezz, li jikkoordinaw il-prezzijiet, inklużi ż-żidiet fil-prezz, u li japplikaw ħlas addizzjonali meta l-klijenti jkollhom diversi sorsi ta’ provvista (premessi 76, 78 u 79). Minkejja li l-forma u l-intensità ta’ dan l-aġir kien ivarja minn Stat Membru għall-ieħor, kien japplika l-istess prinċipju ġenerali: li ma jidħlux f’kompetizzjoni fuq il-prezzijiet fir-rigward tal-klijenti individwali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

1)      Osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata tat-tieni parti tat-tieni motiv

175    Għandu jiġi rrilevat preliminarjament li l-Kummissjoni tammetti, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 58 u 59), li, filwaqt li l-kuntatti bejn Ervin u Winoa li huma intiżi biex jikkoordinaw l-aġir tagħhom fil-konfront ta’ klijenti individwali kienu iktar frekwenti, ir-rikorrenti ħadet sehem biss b’mod sporadiku f’tali kuntatti, prinċipalment meta wieħed jew ieħor mill-parteċipanti ma kienx josserva jew kien issuspettat li ma osservax din it-tieni parti tal-akkordju.

176    Il-Kummissjoni tqis min-naħa l-oħra (premessi 225 u 226 tad-deċiżjoni kkontestata) li dan il-fatt la jeskludi l-parteċipazzjoni u lanqas ir-responsabbiltà ta’ Pometon fit-tieni parti tal-akkordju, fejn in-natura l-iktar limitata tal-parteċipazzjoni tagħha f’din il-parti tal-akkordju tista’, madankollu, tittieħed inkunsiderazzjoni skont ċirkustanzi attenwanti. Għalhekk, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti tnaqqis ta’ 10 % mill-ammont tal-multa, bħalma għamlet, inċidentalment, fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni (premessa 103), fil-konfront ta’ MTS u ta’ Würth, li wkoll kienu kkontribwixxew fi grad iktar baxx minn Winoa u Ervin fit-tieni parti tal-akkordju.

177    Ir-rikorrenti, madankollu, tikkontesta kwalunkwe responsabbiltà f’din it-tieni parti tal-akkordju.

178    F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà ta’ impriża fi ksur uniku u kontinwu meqjus kollu kemm hu, minkejja li din l-impriża pparteċipat biss f’parti waħda mill-aġir kollużiv, u, min-naħa l-oħra, il-portata tar-responsabbiltà individwali tagħha fil-ksur minħabba aġir proprju tagħha, u dan għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta biss konformement mal-prinċipju ta’ personalizzazzjoni tas-sanzjoni.

179    Fil-fatt, impriża li pparteċipat deliberatament fi ksur uniku u kontinwu permezz ta’ aġir proprju tagħha tista’ tinżamm responsabbli wkoll għal aġir implimentat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess akkordju għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur (ara l-punti 243 sa 249 iktar ’il quddiem).

180    Għaldaqstant, il-fatt li impriża ma tipparteċipax fl-elementi kollha ta’ akkordju jew li hija kellha rwol minuri f’ċerti aspetti li fihom hija kienet ipparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza, b’responsabbiltà tagħha, ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, peress li hemm bżonn li dawn l-elementi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss matul l-evalwazzjoni tal-gravità tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur inkwistjoni u, fejn xieraq, matul id-determinazzjoni tal-multa (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 86, u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 45).

181    F’dan ir-rigward, it-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi inċidentalment isemmi, fost iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jitqiesu fil-konfront ta’ impriża, il-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment imnaqqsa u li, matul il-perijodu li matulu hija aderixxiet mal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija effettivament evitat l-applikazzjoni tagħhom billi adottat, fis-suq inkwistjoni, aġir kompetittiv korrett.

182    Fil-każ ineżami, minn dan jirriżulta li l-parteċipazzjoni mnaqqsa ta’ Pometon fid-diversi laqgħat u fil-kuntatti oħra li seħħew dwar it-tieni parti tal-akkordju ma tistax teskludi r-responsabbiltà tagħha f’din it-tieni parti jekk il-Kummissjoni turi, konformement mal-kriterji ġudizzjarji mfakkra fil-punti 245 u 246 iktar ’il quddiem, li din l-impriża kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-ksur uniku u kontinwu kollu kemm hu, u dan se jiġi eżaminat fil-punti 252 sa 269 iktar ’il quddiem.

183    Għalhekk, il-fatt, inċidentalment mhux ikkontestat mill-Kummissjoni (ara l-punti 172 u 173 iktar ’il fuq), li r-rikorrenti la pparteċipat fis-sistema strutturata ta’ koordinazzjoni organizzata fil-forma ta’ laqgħat multilaterali madwar darbtejn fis-sena fil-Ġermanja (premessi 68 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata) u lanqas fil-laqgħat li kienu organizzati regolarment fl-Italja (ara l-punti 162 iktar ’il fuq kif ukoll 222 iktar ’il quddiem) ma jfissirx, neċessarjament, li hija ma pparteċipatx fil-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali.

184    Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din il-parti, hemm lok biss li tiġi eżaminata r-responsabbiltà individwali tar-rikorrenti fit-tieni parti tal-akkordju, billi jiġi vverifikat jekk il-provi invokati mill-Kummissjoni għandhomx valur probatorju suffiċjenti biex juru l-eżistenza ta’ aġir kollużiv relatat mal-koordinazzjoni tal-prezzijiet fil-konfront ta’ ċerti klijenti li hija imputat lil Pometon fid-deċiżjoni kkontestata.

2)      Eżami tal-provi relatati mal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fit-tieni parti tal-akkordju

185    Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li hemm provi tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fit-tieni parti tal-akkordju f’ħames Stati Membri biss tal-Unjoni, jiġifieri l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Italja.

186    Għaldaqstant hemm lok li jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-elementi kollha invokati mill-partijiet, il-konstatazzjonijiet relatati mal-aġir ta’ Pometon fil-kuntest tat-tieni parti tal-akkordju humiex issostanzjati b’suffiċjenza fid-dritt.

i)      Fuq is-suq Spanjol

187    Qabel kollox, fir-rigward tas-suq Spanjol, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq ċertu numru ta’ provi dokumentali li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ kuntatti bilaterali bejn Pometon u Winoa b’firxa, dwar l-imsemmi suq, bejn l-20 ta’ Frar 2003 u l-15 ta’ Lulju 2005. Qabel kollox, dawn jirrigwardaw ittri elettroniċi skambjati, fit‑22 ta’ Ottubru u fil‑21 ta’ Novembru 2003, bejn id-direttur ġenerali tar-rikorrenti u Winoa (premessi 61 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata); sussegwentement, sommarji ta’ laqgħat bilaterali u konverżazzjonijiet telefoniċi bejn Pometon u s-sussidjarja Spanjola ta’ Winoa, li seħħew bejn l-20 ta’ Frar 2003 u l-5 ta’ April 2004, u li ġew redatti minn impjegat ta’ Winoa li kien ipparteċipa fihom (premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata); fl-aħħar nett, dokument intern ta’ Winoa relatat ma’ laqgħa tat‑12 ta’ Frar 2004 mas-sussidjarja Spanjola ta’ Pometon f’Zaragoza (Spanja) (premessa 65) kif ukoll ittri elettroniċi interni ta’ Winoa skambjati fis‑17 u fit‑23 ta’ Marzu 2004 (premessa 66) u fil‑15 ta’ Lulju 2005 (premessa 67).

188    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-implikazzjoni diretta ta’ Pometon fil-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali, sa mill-bidu tal-akkordju, tirriżulta b’mod ċar mill-posta elettronika tat‑22 ta’ Ottubru 2003, imsemmija iktar ’il fuq, li ġiet iċċitata b’mod espliċitu fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata. F’din il-posta elettronika, id-direttur ġenerali tar-rikorrenti, filwaqt li rrefera għal tliet klijenti Spanjoli ta’ Pometon, kien essenzjalment qiegħed jikkritika lil Winoa li baxxiet il-prezzijiet tagħha filwaqt li Pometon kienet għolliet tagħha u għaldaqstant stieden lil Winoa biex tagħtih spjegazzjoni.

189    Fit-tieni lok, il-parteċipazzjoni ta’ Pometon fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet fil-konfront ta’ ċerti klijenti individwali, fi Spanja, hija kkonfermata b’mod partikolari minn ċertu numru ta’ kuntatti bejn din l-impriża u Winoa, saħansitra qabel, u sussegwentement wara, il-bidu tal-akkordju. Għalhekk, il-prezzijiet offruti fil-konfront ta’ ċerti klijenti individwali ġew diskussi f’laqgħat bilaterali li matulhom Pometon kienet irrappreżentata b’mod partikolari mill-“general manager” ta’ Pometon España, pereżempju fl‑20 ta’ Frar 2003, fit‑12 ta’ Frar jew fis‑16 ta’ Marzu 2004, bħalma jirriżulta mill-minuti tal-imsemmija laqgħat invokati fid-deċiżjoni kkontestata u mdaħħla fil-fajl. Din il-koordinazzjoni hija kkonfermata wkoll mir-rendikonti tal-konverżazzjonijiet telefoniċi, pereżempju fil‑15 u fl‑24 ta’ Marzu 2004, li matulhom ġiet ikkonfermata n-neċessità li jiġi osservat il-ftehim u ġie diskuss il-livell tal-prezz li għandu jiġi pprattikat fil-konfront ta’ klijenti partikolari.

190    Fit-tielet lok, il-posta elettronika interna ta’ Winoa tal‑15 ta’ Lulju 2005 (ara l-punti 165 u 187 iktar ’il fuq), invokata fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, tistabbilixxi li Pometon “għamlet offerti lil klijenti li kienu magħrufa bħala esklużivi ta’ TFM [sussidjarja ta’ Winoa fi Spanja]” u li, “matul il-laqgħa ma’ [Pometon], għandhom jifhmu li aħna ma nistgħux naċċettaw dan it-tip ta’ approċċ” [traduzzjoni libera]. Minn dan jirriżulta li Pometon kienet mill-inqas informata bi ftehim maħsub biex jinżammu l-klijenti esklużivi ta’ kull parteċipant (non poaching agreement), u li minħabba dan, skont Winoa, hija ma kienx messha avviċinat klijenti esklużivi tas-sussidjarja ta’ din l-impriża fi Spanja.

191    F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk il-laqgħa ma’ rappreżentant ta’ Pometon li kellha ssir il-ġimgħa ta’ wara fil-15 ta’ Lulju 2005 effettivament saritx jew le ma għandhiex effett fuq il-portata ta’ din il-prova li turi, fil-kuntest inkwistjoni u b’suffiċjenza fid-dritt, li Pometon kienet parti fl-akkordju, preċiżament minħabba li, fil-każ ta’ ċerti klijenti Spanjoli ta’ Winoa, din tal-aħħar, bħala parti hija wkoll f’dan l-akkordju, qieset li kien meħtieġ li tfakkar lil Pometon dwar l-osservanza tal-ftehimiet magħmula.

192    Skont il-ġurisprudenza rilevanti f’dan il-qasam (ara l-punt 115 iktar ’il fuq), il-provi eżaminati fil-punti 188 sa 191 iktar ’il fuq, li l-kontenut tagħhom jirreferi għal kuntatti bilaterali li b’mod ċar kellhom bħala għan il-koordinazzjoni tal-prezzijiet fil-konfront ta’ klijenti individwali, għandhom valur probatorju sinjifikattiv sa fejn dawn jirrigwardaw kemm skambji ta’ ittri elettroniċi bejn id-direttur ġenerali tar-rikorrenti, minn naħa, u Winoa, min-naħa l-oħra, kif ukoll dokumenti maħsuba għal użu intern, relatati mal-kontenut ta’ laqgħat jew ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi bejn impjegati ta’ Pometon u ta’ Winoa, u redatti minn xhud dirett (ara l-punt 117 iktar ’il fuq).

193    Għaldaqstant, hija r-rikorrenti, konformement mal-ġurisprudenza (ara l-punt 114 iktar ’il fuq), li għandha mhux tippreżenta alternattiva plawżibbli għall-argument tal-Kummissjoni, iżda turi li l-provi dokumentali msemmija iktar ’il fuq huma insuffiċjenti.

194    Madankollu r-rikorrenti sempliċement tafferma, b’mod ġenerali, li l-kuntatti tagħha ma’ Winoa kienu jidħlu, fir-realtà, f’kuntest iktar kompetittiv, ikkaratterizzat minn kunflitti tensi u sistematiċi ma’ din l-impriża, minħabba l-fatt li Pometon kienet daħlet fis-suq Spanjol tal-barraxa biss ftit żmien qabel, filwaqt li Winoa kienet, għal żmien twil, l-operatur prinċipali f’dan l-istess suq.

195    Madankollu r-rikorrenti tinvoka l-minuti ta’ laqgħa interna ta’ Winoa, jiġifieri l-laqgħa tat‑18 ta’ Mejju 2004 (ara l-punt 165 iktar ’il fuq), li jsemmu “diffikultajiet biex tiġi applikata [ż-żieda fir-ruttam] lil ċertu numru ta’ klijenti minħabba l-kompetizzjoni ta’ Ilarduya u ta’ Pometon fuq il-prezz fiss” [traduzzjoni libera].

196    F’dan ir-rigward, madankollu għandu jiġi rrilevat li dan id-dokument jirrigwarda essenzjalment l-ewwel parti tal-akkordju. Ċertament, minn dan jirriżulta wkoll li, fil-konfront ta’ diversi klijenti ta’ Winoa fi Spanja, Pometon, ma applikatx it-tieni parti. Madankollu, mill-imsemmi dokument, li jsemmi biss il-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet ta’ Pometon fir-rigward ta’ “ċertu numru ta’ klijenti” [traduzzjoni libera] li joperaw fis-settur tal-industrija, ma jirriżulta bl-ebda mod li din l-impriża ma kinitx tosserva l-ftehim fil-konfront ta’ klijenti oħra ta’ Winoa fi Spanja. Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti ma kinitx tikkonforma dejjem mat-tieni parti tal-akkordju ma jippermettix li jiġi dedott li hija ma pparteċipatx fih.

197    Fi kwalunkwe każ, il-fatt, allegat mir-rikorrenti, li hija kienet attur ġdid fis-suq Spanjol u li hija konsegwentement kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni intensa ma’ Winoa, sal-punt li hija fittxet li tikkompeti magħha permezz tal-prezzijiet sabiex teħodilha xi klijenti sabiex tistabbilixxi ruħha fl-imsemmi suq, ma huwiex ta’ natura li jikkontradixxi l-provi, prodotti mill-Kummissjoni, tal-implikazzjoni tagħha, minkejja li fuq skala mnaqqsa, fit-tieni parti tal-akkordju fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

198    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti (ara l-punti 193 sa 197 iktar ’il fuq) intiż biex jikkontesta l-valur probatorju tal-provi tal-involviment tagħha fil-koordinazzjoni relatata ma’ ċerti klijenti individwali fi Spanja, kif prodotti mill-Kummissjoni u eżaminati fil-punti 187 sa 192 iktar ’il fuq, ma jistax jintlaqa’.

ii)    Fuq is-swieq ta’ Franza u l-Belġju

199    Fir-rigward tas-swieq ta’ Franza u l-Belġju, il-Kummissjoni tinvoka qabel kollox, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-posta elettronika tal‑21 ta’ Novembru 2003 ta’ Winoa lid-direttur ġenerali tar-rikorrenti, li ssemmi, bħala suġġett, “Spanja/il-Belġju” [traduzzjoni libera], u li fiha r-rappreżentant ta’ Winoa jirreferi għal klijent Belġjan li normalment kellu jiġi fornut mill-impriża tiegħu, filwaqt li jistieden lil Pometon biex ma żżidx il-fornimenti tagħha lil dan il-klijent. Ir-rikorrenti ma tikkontestax dawn il-provi.

200    Sussegwentement, fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq posta elettronika interna ta’ Winoa, tad‑19 ta’ Jannar 2004, relatata ma’ diskussjoni, tal‑15 ta’ Jannar 2004, bejn l-awtur tal-posta elettronika u l-persuna responsabbli mill-bejgħ ta’ MTS għal Franza u l-Belġju, li matulha din tal-aħħar kienet ikkonfermatlu li MTS ma kinitx tforni lil klijent Franċiż ta’ Winoa li kien kiseb prezz inferjuri minn kompetitur. F’din il-posta elettronika, l-impjegat ta’ Winoa minn dan iddeduċa li kellu “konsegwentement jara min-naħa ta’ Ervin jew [ta’ Pometon]” u li “[huwa kien] ixaqleb lejn [Pometon li hija] assolutament kapaċi” [traduzzjoni libera] tagħti tali tnaqqis fil-prezz.

201    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ispjegazzjoni tar-rikorrenti, li skontha dan id-dokument jagħti prova biss li hija kienet meqjusa minn Winoa bħala kompetitur aggressiv, ma tidhirx plawżibbli. Interpretazzjoni newtrali u oġġettiva ta’ din il-posta elettronika turi għall-kuntrarju li din tidħol fil-kuntest tas-segwitu tal-osservanza tat-tieni parti tal-akkordju. Fil-fatt minn dan it-test jirriżulta li Winoa u MTS kienu jqisu kemm lil Pometon kif ukoll lil Ervin bħala partijiet fil-ftehim biex ma jikkompetux permezz tal-prezzijiet fir-rigward ta’ ċerti klijenti individwali, u li Winoa, wara li vverifikat ma’ MTS li hija ma kinitx involuta, issuspettat f’Pometon li ma osservatx debitament dan l-impenn. Il-fatt li Winoa għalhekk issuspettat f’Pometon iktar milli f’Ervin fir-rigward ta’ dan il-klijent individwali ma jippermetti bl-ebda mod li jiġi dedott li Pometon ma pparteċipatx fit-tieni parti tal-akkordju.

202    F’dan il-kuntest, is-sempliċi fatt, invokat mir-rikorrenti (ara l-punt 166 iktar ’il fuq), li skontu d-dikjarazzjonijiet tal-applikant għal klemenza ma kinux isemmu lil Pometon fir-rigward tal-“kuntatti ta’ kompetituri li jikkonċernaw lil Franza u l-Benelux” [traduzzjoni libera], ma huwiex ta’ natura li jqajjem dubju dwar il-valur probatorju tad-dokumenti eżaminati fil-punti 199 sa 201 iktar ’il fuq u, għaldaqstant, dwar ir-responsabbiltà proprja ta’ Pometon fil-ksur fis-swieq ta’ Franza u l-Belġju. Fil-fatt, dawn id-dokumenti jikkostitwixxu indizji sinjifikattivi dwar l-eżistenza ta’ kuntatti kollużivi bejn Pometon u Winoa kif ukoll tal-konvinzjoni ta’ din tal-aħħar, u għall-inqas ta’ impriża oħra parti fl-akkordju, li Pometon ipparteċipat fil-koordinazzjoni fil-konfront ta’ klijenti individwali. F’dan il-kuntest, l-assenza ta’ riferiment għal Pometon mill-applikant għal klemenza ma tfissirx li din l-impriża ma kellhiex kuntatti kollużivi mal-partijiet l-oħra fl-akkordju fir-rigward ta’ Franza u l-Benelux, iżda tista’ tiġi spjegata sempliċement mill-parteċipazzjoni mnaqqsa ta’ Pometon fit-tieni parti tal-akkordju, inċidentalment ammessa b’mod espressu mill-Kummissjoni (ara l-punt 176 iktar ’il fuq).

203    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ssostanzjat b’suffiċjenza fid-dritt il-konstatazzjonijiet tagħha dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-koordinazzjoni relatata ma’ ċerti klijenti individwali fi Franza u fil-Belġju.

iii) Fuq is-suq Ġermaniż

204    Fir-rigward tas-suq Ġermaniż, l-uniku suq li fih, skont il-Kummissjoni, il-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali kienet organizzata b’mod strutturat (ara l-punti 161 u 167 iktar ’il fuq), din l-istituzzjoni tinvoka, b’mod partikolari, it-tieni dikjarazzjoni tal-applikant għal klemenza, li skontha Pometon kienet ipparteċipat fil-parti l-kbira tal-laqgħat multilaterali li saru madwar darbtejn fis-sena f’dan il-pajjiż (premessi 68 u 132 tad-deċiżjoni kkontestata). Biex tikkonferma din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi dokumentali tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fil-laqgħat multilaterali tat‑28 ta’ Settembru 2004 u tad‑9 ta’ Ġunju 2005 (premessi 69 sa 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq faks intern ta’ din l-impriża, bid-data tas‑16 ta’ Frar 2005, dwar klijent individwali u li jikkonferma wkoll l-implikazzjoni tagħha fit-tieni parti tal-akkordju (premessi 73 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

205    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti (ara l-punt 163 iktar ’il fuq) li skontu d-dikjarazzjonijiet tal-applikant għal klemenza, invokati fil-premessi 68 u 132 tad-deċiżjoni kkontestata, ma humiex kredibbli, minħabba li dawn jattribwixxulha, bi żball, aġir li fir-realtà huwa imputabbli lil Pometon Abrasives, kumpannija li kienet tagħmel parti mill-grupp Winoa.

206    Dwar dan l-argument, ir-rikorrenti tafferma li huwa bi żball ukoll li Ervin imputalha l-parteċipazzjoni f’laqgħa tat‑13 ta’ Novembru 2007, minħabba li, f’dik id-data, hija kien diġà ilha sitt xhur li ħarġet mis-suq.

207    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li Ervin semma’ lil Pometon minflok Pometon Abrasives, fir-rigward ta’ din il-laqgħa tat‑13 ta’ Novembru 2007, bl-ebda mod ma jista’ jaffettwa l-kredibbiltà ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet relatati mal-laqgħat ta’ qabel is‑16 ta’ Mejju 2007, li għalihom hemm lok li jiġi rrikonoxxut, konformement mal-ġurisprudenza (ara l-punt 118 iktar ’il fuq), valur probatorju għoli. Inċidentalment ma huwiex eskluż li r-riferiment imsemmi iktar ’il fuq għal Pometon mill-applikant għal klemenza pjuttost jirriżulta minn żball jew minn nuqqas ta’ attenzjoni ta’ dan tal-aħħar, peress li d-diretturi kummerċjali preċedenti tar-rikorrenti, is-Sur T. u s-Sur B., li spiss kienu jirrappreżentaw lil Pometon fil-laqgħat mal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, ġew impjegati, wara s-16 ta’ Mejju 2007, minn Pometon Abrasives.

208    Għalhekk, l-iżball imwettaq minn Ervin fir-rigward tal-laqgħa tat‑13 ta’ Novembru 2007 ma jippermettix li jitqajjem dubju dwar l-affidabbiltà tad-dikjarazzjoni tiegħu, iċċitata fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha r-rappreżentanti ta’ Pometon, is-Sur W. u s-Sur T., ipparteċipaw fil-parti l-kbira tal-laqgħat multilaterali li seħħew madwar darbtejn fis-sena. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ċċitata fil-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-preċiżjoni tagħha tippermetti li tiġi miċħuda kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa ta’ Ervin, meta huwa ddikjara li “kien beda jipparteċipa f’laqgħat regolari ma’ [Winoa], MTS, Würth u, meta kienet għadha impriża indipendenti qabel ma nxtrat minn [Winoa], ma’ Pometon, li matulhom kien ġie diskuss is-suq Ġermaniż” [traduzzjoni libera].

209    Madankollu, u fi kwalunkwe każ, peress li r-rikorrenti tikkontesta l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, dawn jistgħu jitqiesu bħala prova suffiċjenti tal-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħat mal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju biss jekk huma kkonfermati minn provi oħra.

210    Għaldaqstant, fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, jekk id-dikjarazzjonijiet ta’ Ervin, iċċitati fil-punt 208 iktar ’il fuq u kkontestati mir-rikorrenti, humiex imsaħħa minn provi oħra.

211    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 69), il-Kummissjoni tammetti b’mod impliċitu li hija kellha biss provi fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’żewġ laqgħat, waħda li saret fit‑28 ta’ Settembru 2004 u l-oħra fid‑9 ta’ Ġunju 2005 (ara l-punt 204 iktar ’il fuq), u ma tinvokax b’mod iddettaljat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’laqgħat oħra.

212    Madankollu, għandu jitfakkar li ma huwiex neċessarju li r-rikorrenti tkun ipparteċipat fis-sistema strutturata ta’ koordinazzjoni biex jitqies li hija kienet involuta fit-tieni parti tal-akkordju (ara l-punt 183 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-laqgħat, l-unika kwistjoni li għandha tiġi eżaminata tikkonsisti għalhekk fil-verifika ta’ jekk l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 69), li skontha r-rikorrenti pparteċipat fiż-żewġ laqgħat imsemmija iktar ’il fuq, hijiex issostanzjata biżżejjed. Jekk dan ikun il-każ, dawn l-indizji se jiġu eżaminati flimkien mal-provi l-oħra (ara l-punti 220 u 221 iktar ’il quddiem).

213    F’dan il-kuntest, l-argument tar-rikorrenti intiż biex jikkontesta provi oħra li ma jirrigwardawx l-aġir tagħha, iżda jissemmew fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata biex jikkonfermaw ċerti dikjarazzjonijiet ta’ Ervin, iċċitati fl-imsemmija premessa (ara l-punt 208 iktar ’il fuq), huwa ineffettiv. Fil-fatt, dawn il-provi, li ma għandhom l-ebda rabta mal-laqgħat tat‑28 ta’ Settembru 2004 u tad‑9 ta’ Ġunju 2005, huma invokati biss mill-Kummissjoni biex tikkonferma, b’mod ġenerali, li ġew organizzati laqgħat regolari fil-Ġermanja, fir-rigward tat-tieni parti tal-akkordju, u mhux biex turi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’tali laqgħat.

214    Għal din l-istess raġuni, il-fattura tal-lukanda prodotta mir-rikorrenti fl-anness għar-rikors u li tikkonferma, skont l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-risposta, il-parteċipazzjoni tal-“general manager” tas-sussidjarja Ġermaniża tar-rikorrenti fil-laqgħa multilaterali tas‑16 ta’ Novembru 2006, ma hijiex rilevanti. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni ma sostniet bl-ebda mod, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-imsemmija laqgħa, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq din il-fattura huwa ineffettiv ukoll. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li din il-fattura, parzjalment illeġibbli, ma tippermetti li tinsilet l-ebda konklużjoni ċerta dwar il-parteċipazzjoni jew in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħa tas‑16 ta’ Novembru 2006. Għaldaqstant, tali parteċipazzjoni fl-ebda każ ma tista’ titqies bħala stabbilita.

215    It-tieni nett, hemm lok li jiġu eżaminati l-provi invokati mill-Kummissjoni biex tikkonferma l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat tat‑28 ta’ Settembru 2004 u tad‑9 ta’ Ġunju 2005. Għall-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat, din hija posta elettronika ta’ MTS lil Würth, Pometon, Ervin u Winoa, bid-data tat‑13 ta’ Settembru 2004, li tindika li d-data tat‑28 ta’ Settembru 2004 kienet tajba għal kulħadd u li l-“general manager” ta’ Pometon Deutschland kien ikkonferma li ser ikun preżenti. It-tieni laqgħa hija kkonfermata minn posta elettronika tas‑16 ta’ Mejju 2005 ta’ Pometon lil Winoa, indirizzata f’kopja lil Würth u lil MTS, li tinformahom li “l-laqgħa li jmiss [kienet] se ssir fid‑9 ta’ Ġunju 2005, [f’lukanda] ġewwa Düsseldorf” [traduzzjoni libera].

216    Ir-rikorrenti tallega madankollu li ma teżisti l-ebda prova tat-temi eżaminati matul dawn iż-żewġ laqgħat, la fid-dikjarazzjoni tal-applikant għal klemenza u lanqas f’xi dokument ieħor. Barra minn hekk, hija tiċċita silta minn din id-dikjarazzjoni li fiha Ervin jindika li l-maġġoranza tal-laqgħat li jikkonċernaw il-koordinazzjoni relatata mal-klijenti saru fl-aħħar tas-sena (ġeneralment bejn l-aħħar tax-xahar ta’ Settembru u x-xahar ta’ Novembru) u fil-bidu tas-sena (bejn ix-xhur ta’ Jannar u ta’ Marzu), minħabba li l-parti l-kbira tal-klijenti kellhom kuntratti annwali li jiġġeddu fl-aħħar tas-sena. Il-laqgħat fil-bidu tas-sena ġeneralment kienu ffokati fuq il-kwistjoni ta’ jekk iż-żidiet fil-prezz kinux fil-fatt implimentati.

217    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-parteċipazzjoni tagħha fiż-żewġ laqgħat imsemmija iktar ’il fuq. Barra minn hekk, hija ma tippreċiżax x’kien, fil-fehma tagħha, is-suġġett ta’ dawn il-laqgħat, minbarra dak tal-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali. Barra minn hekk, mid-dikjarazzjoni tal-applikant għal klemenza invokata mir-rikorrenti, li tindika li l-maġġoranza tal-laqgħat antikompetittivi kienu jsiru fl-aħħar jew fil-bidu tas-sena, jirriżulta li xi wħud minn dawn il-laqgħat setgħu saru wkoll f’nofs is-sena.

218    F’dan il-kuntest, iż-żewġ dokumenti li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni (ara l-punt 215 iktar ’il fuq) jikkostitwixxu indizji suffiċjentement serji biex jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tal-applikant għal klemenza fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat antikompetittivi tat‑28 ta’ Settembru 2004 u tad‑9 ta’ Ġunju 2005.

219    It-tielet nett, l-implikazzjoni tar-rikorrenti fit-tieni parti tal-akkordju hija kkonfermata wkoll mill-faks tas‑16 ta’ Frar 2005 tal-“general manager” ta’ Pometon Deutschland lid-direttur ġenerali tar-rikorrenti, invokat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fil-premessi 73 u 74 (ara l-punt 204 iktar ’il fuq).

220    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li minn dan id-dokument, li inċidentalment ir-rikorrenti ma tikkontestax il-valur probatorju tiegħu, jirriżulta li Pometon ipparteċipat fit-tieni parti tal-akkordju, fil-Ġermanja. Fil-fatt, il-faks tas‑16 ta’ Frar 2005, relatat ma’ wieħed mill-klijenti ta’ Pometon fil-Ġermanja, kien jistabbilixxi li “Ervin ma żiedx il-prezzijiet tiegħu bħalma kien miftiehem”, li, “[k]ieku Ervin żied il-prezzijiet tiegħu kif previst, Ervin kien jiġi injorat b’teħid inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni tagħhom fil-paragun kwalitattiv” u li l-awtur tagħha “[j]qis li d-diskussjonijiet tagħna dwar il-protezzjoni spiċċaw” u li ma jridx “jistenna li nitlef iktar kwantitajiet oħra (bħal fir-Renju Unit)” [traduzzjoni libera], u spiċċa b’mistoqsija lid-destinatarju dwar l-opinjoni tiegħu dwar din il-kwistjoni. Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat‑3 ta’ Diċembru 2014, irrifjutata fil-premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, din is-silta ma tindikax li d-diskussjonijiet ma’ Ervin dwar dan il-klijent partikolari kienu spiċċaw, iżda turi, min-naħa l-oħra, li l-“general manager” tas-sussidjarja Ġermaniża ta’ Pometon talbet l-istruzzjonijiet tad-direttur ġenerali tar-rikorrenti dwar il-mod kif għandu jirreaġixxi għan-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim minn Ervin.

221    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ssostanzjat b’suffiċjenza fid-dritt il-konstatazzjonijiet tagħha dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-koordinazzjoni relatata ma’ ċerti klijenti individwali fil-Ġermanja.

iv)    Fuq is-suq Taljan

222    Fir-rigward tas-suq Taljan, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’laqgħat fl-Italja, anki bis-suppożizzjoni li dan huwa stabbilit, ma jippermettix li tiġi miċħuda r-responsabbiltà tagħha fit-tieni parti tal-akkordju, peress li din il-parteċipazzjoni ma kinitx indispensabbli għall-koordinazzjoni tal-prezzijiet fil-konfront ta’ klijenti individwali u li l-involviment ta’ Pometon f’tali koordinazzjoni, fl-Italja, hija barra minn hekk issostanzjata biżżejjed (ara l-punti 182 sa 184 iktar ’il fuq).

223    Madankollu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tafferma li, għalkemm l-applikant għal klemenza ma semmiex lir-rikorrenti fost il-parteċipanti f’laqgħat speċifiċi fl-Italja, huwa madankollu ddikjara li t-territorju Taljan kien is-suġġett ta’ qsim bejn Ervin, Winoa u Pometon, qabel is‑16 ta’ Mejju 2007.

224    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, dwar dan il-punt, essenzjalment fuq ħames provi dokumentali (premessi 75 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata).

225    Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk dawn il-provi dokumentali jikkostitwixxux indizji affidabbli li jistgħu jissostanzjaw l-implikazzjoni tar-rikorrenti fit-tieni parti tal-akkordju.

226    Qabel kollox, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, mill-iskambju intern ta’ ittri elettroniċi ta’ MTS tal‑5 ta’ Ottubru 2005, relatata mal-klijenti mitlufa minn din l-impriża fis-suq Taljan (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata) u li ssemmi l-assenza ta’ “problemi ma’ Pometon u Ervin”, jirriżulta li Pometon, Winoa u Ervin kienu indikati fiha – b’differenza mill-kompetituri l-oħra ċċitati u li ma kinux partijiet fl-akkordju – bħala “ħbieb” [traduzzjoni libera], li fil-konfront tagħhom kien “assolutament inaċċettabbli” [traduzzjoni libera] li titlef klijenti mingħajr ma tirreaġixxi. F’dawn l-ittri elettroniċi, għaldaqstant kien previst li jew issir diskussjoni mat-tliet impriżi msemmija iktar ’il fuq, jew li tintbagħtilhom “nota”, li tagħmlilhom xi kritika filwaqt li tirreferi għad-diskussjonijiet li saru matul l-aħħar vjaġġ fl-Italja tad-destinatarju ta’ waħda minn dawn l-ittri elettroniċi. Inċidentalment, minn dawn l-ittri elettroniċi jirriżulta li MTS kienet iktar tissuspetta li kienet Winoa li ma osservatx il-ftehim, u mhux Pometon jew Ervin, minħabba li stabbilixxiet: “[Winoa] tafu, u l-ebda problema ma’ Pometon u jew Er[v]in” [traduzzjoni libera].

227    Sussegwentement, il-posta elettronika interna ta’ Ervin, tal‑20 ta’ Marzu 2007, relatata ma’ klijent, Zanardi (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata), tindika b’mod espress li, fix-xahar preċedenti, “Pometon kienet serqet lil dan il-klijent” [traduzzjoni libera] u li kien miftiehem li huwa kellu jmur lura għand Ervin. Barra minn hekk, din il-posta elettronika tissuġġerixxi li Pometon kienet tidher li reġgħet lura għal-linja miftiehma wara li ġiet ikkuntattjata minn Ervin. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-argument tar-rikorrenti, din il-posta elettronika ma tindikax li r-rapporti bejn Pometon u Ervin kienu kompetittivi ħafna, iżda pjuttost tikkonferma li l-partijiet fl-akkordju kienu jikkontrollaw, bir-reqqa, l-osservanza tal-ftehim relatat mat-tqassim tal-klijenti.

228    Din l-osservanza hija kkonfermata, barra minn hekk, mill-posta elettronika interna ta’ Ervin tad‑19 ta’ April 2007 (premessi 52 u 77 tad-deċiżjoni kkontestata), minkejja li l-eżistenza tal-ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-prezzijiet ma jirriżultax b’mod espliċitu mill-imsemmija posta elettronika. Din il-posta elettronika ssemmi l-intenzjoni tal-awtur tagħha li jiddiskuti mar-rappreżentanti ta’ Winoa u ta’ Pometon, fil-laqgħa ta’ Milan prevista għas‑16 u għas‑17 ta’ Mejju 2007, dwar ċertu numru ta’ klijenti individwali.

229    Fir-rigward tal-posta elettronika interna ta’ Winoa tas‑26 ta’ April 2007 (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata), relatata ma’ laqgħa ma’ MTS fl-istess ġurnata li matulha l-impjegat ta’ Winoa, li pparteċipa fil-laqgħa, kien talab lil MTS biex ma tattakkax lil Pometon, jindika li Winoa riedet li l-ftehim jiġi osservat, inkluż fil-konfront ta’ Pometon. Ċertament, bħalma tallega r-rikorrenti, Winoa kienet qiegħda tipprepara biex tixtri l-attività ta’ Pometon fis-settur tal-barraxa għoxrin ġurnata wara u għalhekk kellha interess li din tal-aħħar iżżomm il-klijenti tagħha. Madankollu, skont l-informazzjoni fil-fajl, MTS ma kinitx tidher li kienet taf b’dan il-pjan ta’ akkwist (ara l-punt 302 iktar ’il quddiem). Għaldaqstant, il-fatt li MTS tippjana ma’ Winoa fir-rigward ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet, fil-konfront ta’ Pometon, jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv bejn dawn it-tliet impriżi.

230    Finalment, fir-rigward tal-ittri elettroniċi tas‑27 u t-28 ta’ Mejju 2008 skambjati bejn impjegat ta’ MTS u impjegat ta’ Pometon Abrasives, is-Sur T., li qabel kien direttur kummerċjali (Commercial Director Industry) mar-rikorrenti sas‑16 ta’ Mejju 2007 (premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-punt 207 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti tirrileva, ċertament, ġustament (ara l-punt 170 iktar ’il fuq), li hija fil-prinċipju ma hija kkonċernata bl-ebda mod mill-affermazzjoni ta’ dan l-impjegat, li skontha l-politika ta’ Pometon Abrasives u tal-grupp Winoa (li din il-kumpannija tappartjeni lilu) ma kinitx li tnaqqas il-prezzijiet, iżda li żżidhom.

231    Madankollu, dan l-iskambju ta’ ittri elettroniċi jirreferi b’mod espliċitu għall-applikazzjoni tal-ftehim fil-konfront ta’ ċerti klijenti Taljani jew Ġermaniżi, għal diversi snin, u għalhekk qabel il-ħruġ tar-rikorrenti mis-suq. Fil-posta elettronika inizjali tas‑27 ta’ Mejju 2008, MTS fil-fatt ikkritikat lill-Pometon Abrasives li ma osservatx il-ftehim fir-rigward ta’ klijent Ġermaniż, sussidjarja ta’ kumpannija Taljana, Riva Fire SpA, li “Pometon [kienet] tforni għal diversi snin” [traduzzjoni libera] lill-istabbiliment fl-Italja. Barra minn hekk, l-ittri elettroniċi tat‑28 ta’ Mejju 2008 jirreferu wkoll għall-provvista ta’ klijenti Taljani jew Ġermaniżi oħra.

232    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinvoka s-silta ta’ waħda minn dawn l-ittri elettroniċi tas-Sur T., li fihom dan tal-aħħar afferma li kien dejjem ipproteġa lill-klijenti ta’ MTS fil-Ġermanja, meta kien impjegat minn Pometon, billi indika: “[m]atul is-snin li għaddew, jien dejjem ipproteġejt lill-klijent tagħkom fil-Ġermanja minkejja li l-kumpannija omm fl-Italja kienet titlobni regolarment biex inforni lill-fabbrika fil-Ġermanja […] intom tafu kif jien dejjem osservajt b’mod strett il-ftehimiet tagħna” [traduzzjoni libera]. B’risposta għal din il-konstatazzjoni, MTS indikat f’diversi ittri elettroniċi bid-data wkoll tat‑28 ta’ Mejju 2008: “Aħna dejjem ipproteġejna lil Pom…”; “aħna ilna snin nipprovaw nipproteġu lil Pom […]”; “il-ftehim dejjem kien li l-kompetizzjoni hija aċċettabbli, iżda mhux fuq il-prezzijiet!” [traduzzjoni libera].

233    Fid-dawl tal-livell għoli ta’ responsabbiltà tas-Sur T., meta kien direttur kummerċjali tar-rikorrenti, il-kontenut ta’ dawn l-ittri elettroniċi jikkonferma b’mod affidabbli li l-politika ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet ta’ Pometon Abrasives kienet tkompli ma’ dik ta’ Pometon, u dan jikkonferma li din tal-aħħar kienet diġà involuta fil-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali, fl-Italja u fil-Ġermanja. F’dan il-kuntest, il-fatt li seta’ jkun hemm riservi maħruġa fi ħdan Pometon – bħalma jidher li jirriżulta mill-posta elettronika ċċitata iktar ’il fuq tas-Sur T. – ma huwiex ta’ natura li jeżenta lil din tal-aħħar mir-responsabbiltà tagħha.

234    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti intiż biex jikkontesta l-valur probatorju tal-provi tal-parteċipazzjoni tagħha fil-koordinazzjoni relatata ma’ ċerti klijenti individwali fl-Italja għandu jiġi miċħud.

v)      Konklużjonijiet relatati mal-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fit-tieni parti tal-akkordju

235    L-eżami tal-provi dokumentali invokati fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 187 sa 233 iktar ’il fuq) juri għalhekk li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sett ta’ provi suffiċjentement serji, iddettaljati, preċiżi u konkordanti biex tiġi kkonstatata l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-koordinazzjoni relatata ma’ ċerti klijenti individwali fil-ħames Stati Membri msemmija iktar ’il fuq (il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Italja).

4.      Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza allegata ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur uniku u kontinwu

a)      L-argumenti tal-partijiet

236    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessi 105 sa 109 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha hija pparteċipat, mal-erba’ impriżi l-oħra, fi ksur uniku u kontinwu, ikkostitwit miż-żewġ partijiet tal-akkordju.

237    Hija tafferma li, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li Pometon “kellha kuntatti ma’ parteċipanti differenti fil-ksur”, ma jippermetti bl-ebda mod li jiġi konkluż li “hija setgħet tipprevedi raġonevolment l-azzjonijiet kollha previsti u implimentati mill-parteċipanti l-oħra fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, ma hemm xejn li jista’ jagħti prova li matul il-kuntatti limitati u kważi esklużivament bilaterali tagħha, Pometon kienet taf bl-eżistenza tal-ksur uniku u kontinwu allegat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova.

238    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha f’koordinazzjoni relatata ma’ klijenti individwali fiż-ŻEE kollha.

239    Hija ssostni qabel kollox li l-Kummissjoni ma tatx prova tal-imsemmija parteċipazzjoni. Hija tirrileva f’dan ir-rigward li hija kienet tbigħ il-barraxa f’21 pajjiż taż-ŻEE. Madankollu, il-Kummissjoni, fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, timputalha parteċipazzjoni fit-tieni parti tal-akkordju f’ħames pajjiżi biss (il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Italja), u dan jikkonferma l-assenza totali ta’ kwalunkwe prova relatata mal-parteċipazzjoni tagħha f’kooperazzjoni ġenerali li tkopri ż-ŻEE kollha.

240    Inċidentalment, fl-imsemmija premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa 37 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, preċiżament biex tissostanzja l-affermazzjoni tagħha li skontha “[l]-ftehimiet relatati mal-klijenti individwali kienu jkopru ż-ŻEE kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali], mingħajr madankollu ma turi li r-rikorrenti kienet taf bil-portata ġeografika ta’ dawn il-ftehimiet.

241    Sussegwentement ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessi 133 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha hija kienet neċessarjament informata bil-fatt li t-tieni parti tal-akkordju kien ikopri ż-ŻEE kollha. Il-komunikazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u Pometon Deutschland, invokati mill-Kummissjoni, ma jkunux rilevanti, minħabba li dawn ikunu seħħew sena qabel il-bidu tal-akkordju allegat. B’mod anċillari, ir-rikorrenti tafferma li dawn iż-żewġ dokumenti juru li Pometon ċaħdet kwalunkwe talba għal laqgħa min-naħa ta’ MTS.

242    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

1)      Il-kunċett ġurisprudenzajli ta’ ksur uniku u kontinwu

243    Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101 TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, għalkemm element wieħed jew iktar ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom innifishom u meħuda waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, meta d-diversi azzjonijiet tal-impriżi kkonċernati jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni għandha dritt tattribwixxi r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

244    Fil-fatt, impriża tista’ tipparteċipa direttament f’parti biss tal-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, iżda tkun taf bl-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-ksib tal-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment ipprevediethom u lestiet ruħha sabiex tieħu r-riskju, iżda wkoll il-benefiċċji possibbli. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha dritt li tattribwixxi lil din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li joħloq dan il-ksur u, konsegwentement, ta’ dan tal-aħħar kollu kemm hu (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 43; ara wkoll, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il‑Kummissjoni, C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

245    Minn dan isegwi, qabel kollox, li biex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur uniku, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-ftehimiet u l-prattiki miftiehma inkwistjoni, filwaqt li jirrigwardaw oġġetti, servizzi jew territorji distinti, jidħlu fi pjan ġenerali implimentat deliberatament mill-impriżi kkonċernati, bl-għan tal-ilħuq ta’ għan antikompettiv uniku (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, T‑762/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:738, punt 168).

246    Madankollu, rabtiet ta’ komplementarjetà bejn ftehimiet jew prattiki miftiehma jikkostitwixxu indizji oġġettivi tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali. Tali rabtiet jeżistu, pereżempju, meta l-imsemmija ftehimiet jew l-imsemmija prattiki jkunu intiżi biex jaffaċċjaw konsegwenza waħda jew iktar tas-sitwazzjoni normali tal-kompetizzjoni u jikkontribwixxu, permezz tal-interazzjoni tagħhom, għall-ilħuq ta’ għan uniku antikompetittiv (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, T‑762/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:738, punt 169).

247    Il-Kummissjoni fi kwalunkwe każ għandha teżamina l-elementi fattwali kollha li jistgħu jistabbilixxu jew iqajmu dubju dwar pjan ġenerali (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, T‑762/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:738, punt 169; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, EU:T:2010:165, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal dan l-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut, inklużi l-metodi użati, u, b’mod korrelattiv, l-għan tal-aġir differenti inkwistjoni (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Gigaset vs Il‑Kummissjoni, T‑395/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:23, punt 103). Barra minn hekk, il-fatt li l-istess persuni kienu involuti fl-aġir antikompetittiv kollu għandu tendenza li juri l-komplementarjetà ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, T‑762/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:738, punt 197).

248    Sussegwentement, fir-rigward tal-element intenzjonali li jippermetti li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur uniku u kontinwu, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ tali ksur ma tfissirx neċessarjament li impriża li tipparteċipa fi kwalunkwe waħda mill-attivitajiet kollużivi tiegħu tista’ titqies li hija responsabbli minn dan il-ksur kollu. Barra minn hekk huwa meħtieġ li l-Kummissjoni turi qabel kollox li din l-impriża kienet taf bl-operazzjonijiet antikompetittivi kollha implimentati, fuq livell taż-ŻEE, mill-impriżi l-oħra partijiet fl-akkordju jew, fi kwalunkwe każ, li hija setgħet raġonevolment tipprevedi tali aġir. Fi kliem ieħor, is-sempliċi identiċità tas-suġġett bejn ftehim li fih ipparteċipat impriża u akkordju globali, ma huwiex biżżejjed biex din l-impriża tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju kollu kemm hu. Fil-fatt, l-Artikolu 101 TFUE japplika biss jekk ikun hemm intenzjoni komuni bejn il-partijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2014, Soliver vs Il‑Kummissjoni, T‑68/09, EU:T:2014:867, punt 62, u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, T‑762/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:738, punt 172).

249    Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-impriża li pparteċipat fi ksur b’aġir speċifiku tagħha stess kellha l-għan madankollu li tassoċja ruħha, permezz ta’ dan l-aġir, mal-għanijiet segwiti mill-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat mill-impriżi l-oħra sabiex jintlaħqu dawn l-istess għanijiet jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih, b’tali mod li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju ta’ tali parteċipazzjoni fil-perspettiva li tikseb, jekk ikun il-każ, benefiċċji sinjifikattivi, minkejja li illegali, minn tali parteċipazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 42).

2)      Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu li jinkludi ż-żewġ partijiet tal-akkordju

250    Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu meqjus fil-premessi 105 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward taż-żewġ partijiet tal-akkordju.

251    Ir-rikorrenti tikkontesta, min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni tagħha f’tali ksur, billi tafferma li l-Kummissjoni ma tatx prova li hija kienet taf bl-aġir kollu li jikkostitwixxi ksur intiż għall-ilħuq tal-għanijiet segwiti mill-parteċipanti l-oħra u li hija kellha l-għan li tassoċja ruħha magħhom.

252    Dan l-argument madankollu ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni ma għandhiex tagħti prova li din l-impriża kellha għarfien dirett ta’ kull aġir materjali previst jew implimentat mill-impriżi l-oħra kollha involuti fl-istess ksur. Ikun biżżejjed, bħalma tikkonferma l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 248 u 249 iktar ’il fuq, li hija turi li l-impriża inkwistjoni setgħet raġonevolment tipprevedi dan l-aġir u li hija kienet lesta li taċċetta l-vantaġġi iżda wkoll ir-riskji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Gigaset vs Il‑Kummissjoni, T‑395/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:23, punt 117).

253    Madankollu, mill-provi kollha eżaminati fil-kuntest tat-tieni motiv jirriżulta li, permezz tal-aġir kollużiv tagħha, ir-rikorrenti kkontribwixxiet b’mod intenzjonali għat-twettiq tal-pjan globali msemmi fil-punt 250 iktar ’il fuq, pjan intiż preċiżament biex jirrestrinġi l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet.

254    Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti kienet fl-oriġini tal-ftehim dwar is-sistema ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam, imfassla, inċidentalment, skont modalitajiet li jippermettu li tiġi applikata awtomatikament fiż-ŻEE kollha, u kkontribwixxiet b’mod attiv fl-implementazzjoni ta’ tali sistema (ara l-punti 129 u 130 iktar ’il fuq).

255    It-tieni nett, fir-rigward tal-koordinazzjoni relatata ma’ klijenti individwali, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni wriet li Pometon kienet involuta fil-kuntatti antikompetittivi intiżi biex titwettaq tali koordinazzjoni (ara l-punt 235 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-parteċipazzjoni relattivament dgħajfa ta’ din l-impriża fil-laqgħat multilaterali u fil-kuntatti l-oħra maħsuba biex jiġi diskuss jew eżaminat, mal-impriżi l-oħra kkonċernati, l-aġir antikompetittiv li jagħmel parti mill-akkordju kollu kemm hu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li hija ma setgħetx tkun taf bih jew li ma setgħetx tipprevedi x’kienu l-attivitajiet antikompetittivi tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li hija ma aderixxietx miegħu.

256    It-tielet nett, iż-żewġ partijiet tal-akkordju kienu jsegwu eżattament l-istess għan ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet, kienu jirrigwardaw prodotti identiċi u kienu implimentati mill-istess impriżi, bl-impetu, inċidentalment, tal-istess protagonisti. F’dan ir-rigward, mill-provi dokumentali jirriżulta li d-diretturi prinċipali ta’ Pometon, b’mod partikolari d-direttur ġenerali tagħha, kienu involuti direttament fiż-żewġ partijiet tal-akkordju u li, fil-kuntatti kollużivi li jikkonċernaw dan il-ftehim, ir-rikorrenti kienet ġeneralment irrappreżentata mill-istess maniġers. Din iċ-ċirkustanza tikkonferma inċidentalment, fil-kuntest ta’ din il-kawża, mhux biss il-komplementarjetà ta’ dawn iż-żewġ partijiet, iżda wkoll ir-rieda tar-rikorrenti li tikkontribwixxi fl-azzjonijiet kollha maħsuba għall-implementazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, EU:T:2013:259, punt 60).

257    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kellha bażi biex tikkonkludi li r-rikorrenti kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju jew setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju tiegħu.

3)      Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu li jkopri ż-ŻEE kollha

258    Ir-rikorrenti ma tqajjimx dubju dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu fuq livell taż-ŻEE, iżda hija tikkontesta r-responsabbiltà tagħha fi ksur li għandu tali portata ġeografika.

259    Fil-premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-portata ġeografika tal-akkordju permezz ta’ riferiment għall-premessa 37 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, li hija fformulata kif ġej: “Il-portata ġeografika tal-aġir kontenzjuż, fir-rigward tal-ħames partijiet, kienet topri ż-ŻEE kollha matul il-perijodu kollu kkonċernat [minn din id-deċiżjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

260    B’kunsiderazzjoni ta’ dan, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza (ara l-punt 245 iktar ’il fuq), fil-każ ta’ ksur uniku, il-fatt li impriża pparteċipat materjalment f’akkordju f’parti limitata biss taż-ŻEE kollha ma huwiex ta’ natura li jeskludi r-responsabbiltà tagħha f’dan l-akkordju bħala prattika antikompetittiva li tkopri dan it-territorju kollu.

261    Madankollu, sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu li jkopri ż-ŻEE kollha, hija l-Kummissjoni li kellha turi, konformement mal-ġurisprudenza (ara l-punti 248 u 249 iktar ’il fuq), li Pometon kienet informata bil-portata ġeografika tal-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet għalhekk lesta li taċċetta r-riskju tiegħu.

262    Madankollu, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti (ara l-punt 241 iktar ’il fuq), il-provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata jikkonfermaw li d-diretturi tagħha kienu jafu bis-sħiħ bil-portata ġeografika globali tal-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali.

263    Fil-fatt, fl-ewwel lok, fit-tweġiba tiegħu tas‑7 ta’ Ottubru 2002 għal faks tal-“general manager” ta’ Pometon Deutschland dwar ilmenti ta’ MTS relatati mat-tnaqqis fil-prezz mogħti mir-rikorrenti fil-konfront ta’ klijenti fil-Ġermanja (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata), id-direttur ġenerali ta’ din tal-aħħar jenfasizza, b’mod partikolari, li t-theddidiet ta’ ritaljazzjoni normalment ikunu “dinjija” [traduzzjoni libera]. Minkejja li dan id-dokument huwa preċedenti għall-perijodu ta’ ksur, dan jikkostitwixxi indizji li l-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali kellha, f’moħħ id-diretturi ta’ Pometon, portata ġeografika ġenerali. Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, tali indizju jista’, konformement mal-ġurisprudenza (ara l-punt 113 iktar ’il fuq), jittieħed inkunsiderazzjoni flimkien ma’ provi oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-portata ġeografika tal-akkordju. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ ittri elettroniċi ma jirrilevaw l-ebda rifjut ta’ Pometon li ssir laqgħa ma’ MTS, iżda pjuttost ir-rieda li tiġi posposta.

264    Fit-tieni lok, f’posta elettronika tal‑21 ta’ Novembru 2003, li tirrigwarda b’mod partikolari l-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali fil-Belġju (premessi 62 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 199 iktar ’il fuq), Winoa pproponiet lid-direttur ġenerali tar-rikorrenti biex jiddiskutu possibbiltajiet differenti dwar klijenti fl-“Iskandinavja u [fil‑]pajjiżi tal-Lvant” [traduzzjoni libera].

265    Għaldaqstant, minkejja li r-rikorrenti ma kinitx preżenti fis-swieq tat-territorju kollu taż-ŻEE u għalkemm il-parteċipazzjoni tagħha fil-koordinazzjoni relatata ma’ ċerti klijenti individwali ngħatat prova tagħha biss f’ħames Stat Membri, hija kienet neċessarjament taf li t-tieni parti tal-akkordju kienet testendi għal dan it-territorju kollu.

266    Minn dak kollu preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni tat prova, b’suffiċjenza fid-dritt, li r-rikorrenti kienet taf bis-sħiħ mhux biss il-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju (ara l-punt 257 iktar ’il fuq), iżda wkoll il-portata ġeografika tiegħu, u li hija għalhekk kellha l-għan li tipparteċipa fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni.

267    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kkonkludiet ġustament dwar ir-responsabbiltà tar-rikorrenti f’tali ksur, bla ħsara għall-evalwazzjoni tat-tul taż-żmien tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, fil-kuntest tar-raba’ motiv, u lanqas għall-gravità tar-responsabbiltà individwali tagħha, fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal bidla tal-multa imposta fuqha, konformement mal-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tal-piena.

268    It-tieni motiv għaldaqstant għandu jiġi miċħud għat-tliet partijiet tiegħu.

C.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

1.      L-argumenti tal-partijiet

269    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi kkunsidrat li l-ksur inkwistjoni kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata (premessi 142 sa 148) hija vvizzjata f’dan ir-rigward minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, minn nuqqas ta’ istruttorja u minn assenza manifesta ta’ loġika. Ir-rikorrenti tikkritika b’mod partikolari lill-Kummissjoni li ma pproċedietx għal analiżi, anki superfiċjali, tas-suq ikkonċernat mill-akkordju u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, konformement ma’ dak li teżiġi l-ġurisprudenza (ara l-punt 277 iktar ’il quddiem), in-natura tal-oġġetti affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq inkwistjoni.

270    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni lanqas ma tat prova tal-eżistenza ta’ effetti restrittivi tal-kompetizzjoni. Hija sempliċement tafferma, inċidentalment b’mod mhux issostanzjat, li “mill-fatti deskritti fil-punt 4.2.1.3 [relatat mal-formula ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam] jirriżulta li l-akkordju antikompetittiv kien implimentat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata).

271    Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tafferma li l-koordinazzjoni bejn il-kompetituri li pparteċipat fiha Pometon kellha bħala skop l-iffissar orizzontali ta’ prezzijiet, bħalma jirriżulta miċ-ċirkustanzi deskritti fil-premessi 145, 146 u 148 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tippreċiża f’dan ir-rigward li hija identifikat u ddeskriviet biżżejjed is-suq ikkonċernat u l-atturi tiegħu (punt 2 tad-deċiżjoni kkontestata), li hija żvelat b’mod estiż l-aġir ikkritikat lir-rikorrenti u li hija enfasizzat il-konsegwenzi ta’ dan l-aġir fuq il-prezz tal-bejgħ tal-barraxa (punt 5.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata).

272    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li hija setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li l-akkordju kien restrittiv minħabba l-għan, mingħajr ma kien neċessarju li tipproċedi għal analiżi ddettaljata tas-suq ikkonċernat.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

273    Għandu jitfakkar li, sabiex jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101 TFUE, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma għandu jkollhom “bħala għan jew riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

274    Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” għandu jiġi interpretat b’mod ristrett u jista’ jiġi applikat biss għal ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni, C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 103).

275    Madankollu, il-kriterju legali essenzjali sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim jimplikax restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” jinsab fil-konstatazzjoni li tali ftehim jirrappreżenta, fih innifsu, livell suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex jitqies li ma hemmx lok li jiġu mistħarrġa l-effetti tiegħu (sentenza tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni, C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 104; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 49 u 57).

276    Sabiex jiġi evalwat jekk ftehim jirrappreżentax livell suffiċjenti ta’ ħsara biex jitqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet tiegħu kif ukoll il-kuntest ekonomiku u legali tiegħu (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53; tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 27, u tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni, C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 105).

277    Ċertament, mill-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti (ara l-punt 269 iktar ’il fuq) jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, sabiex jiġi ddeterminat jekk ftehim għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandha tiġi analizzata n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 36; tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, u tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 21). Dan huwa, fil-prinċipju, il-każ meta l-ftehim jippreżenta karatteristiċi li jagħmluh atipiku jew kumpless (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2015:427, punti 90 u 91).

278    Madankollu, huwa preżunt li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet permezz ta’ kartelli, jista’ fil-prinċipju jitqies bħala li tant jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-prezz, il-kwantità jew il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi, li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, li jintwera li dan għandu effetti konkreti fuq is-suq. Barra minn hekk, l-esperjenza turi li tali aġir iwassal b’mod ġenerali għal tnaqqis tal-produzzjoni u għal żieda fil-prezzijiet li tirriżulta fi tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51; tas‑26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 19, u tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Philips u Philips France vs Il‑Kummissjoni, T‑762/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:738, punt 56).

279    Fir-rigward ta’ tali ftehimiet, li jikkostitwixxu ksur partikolarment gravi tal-kompetizzjoni, l-analiżi tal-kuntest ekonomiku u legali tal-prattika tista’, għaldaqstant, tkun limitata għal dak li jirriżulta strettament neċessarju sabiex jiġi konkluż li hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2017, FSL et vs Il‑Kummissjoni, C‑469/15 P, EU:C:2017:308, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

280    Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tikkritika fl-ewwel lok lill-Kummissjoni li qieset li l-akkordju inkwistjoni kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, mingħajr lanqas biss ma eżaminat in-natura tal-oġġetti affettwati u lanqas il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati (ara l-punt 269 iktar ’il fuq).

281    Dan l-argument madankollu ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 278 u 279 iktar ’il fuq u fid-dawl tal-karatteristiċi intrinsiċi tal-akkordju orizzontali inkwistjoni, li kien jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet u kien jikkostitwixxi għalhekk ksur partikolarment gravi tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni setgħet twettaq analiżi xierqa tal-kuntest ekonomiku u legali ta’ dan l-akkordju, mingħajr ma kien neċessarju li tiġi eżaminata, fid-dettall, in-natura tal-prodotti affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati. Fir-rigward tal-għan tal-ksur u tal-gravità tiegħu, dawn l-aspetti effettivament isiru sekondarji.

282    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet, ġustament, fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur kien restrittiv għall-kompetizzjoni minħabba l-għan, sa fejn ir-rikorrenti kienet involuta f’arranġamenti antikompetittivi orizzontali li jidħlu fi pjan ġenerali li kellu bħala għan uniku li jinfluwenza l-prezzijiet, permezz, minn naħa, tal-istabbiliment taż-żieda fir-ruttam u, min-naħa l-oħra, tal-koordinazzjoni tal-prezzijiet fil-konfront ta’ klijenti individwali.

283    Fir-rigward b’mod partikolari tal-ewwel parti tal-akkordju, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipanti fil-ksur inkwistjoni kienu jikkoordinaw l-aġir tagħhom sabiex jevitaw kwalunkwe inċertezza bejniethom fir-rigward ta’ element essenzjali tal-prezz, sa fejn ir-ruttam tal-metall kien jirrappreżenta 25 sa 45 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-barraxa filwaqt li s-suq tar-ruttam tal-metall kien ikkaratterizzat minn varjazzjonijiet sinjifikattivi fil-prezz tax-xiri kif ukoll minn differenzi kunsiderevoli fil-prezz bejn ċerti Stati Membri tal-Unjoni.

284    Għaldaqstant għandu jiġi rrilevat li, kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma invokat l-ebda argument konkret u lanqas ma sostniet li l-imsemmi akkordju kellu kumplessità partikolari jew ċerti karatteristiċi speċifiċi li jinvolvu li analiżi iktar fil-fond tal-kuntest ekonomiku u legali kien neċessarju sabiex jiġi ddeterminat, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 277 iktar ’il fuq, jekk tali akkordju kienx jidħol fost il-ftehimiet li jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni.

285    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-akkordju inkwistjoni kien jinvolvi fih innifsu livell suffiċjenti ta’ ħsara fil-konfront tal-kompetizzjoni, sa fejn dan kellu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet, għad-detriment tal-konsumaturi.

286    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma jistax jintlaqa’.

287    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni lment invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq l-assenza ta’ prova tal-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi (ara l-punt 270 iktar ’il fuq), jista’ jitqies biss bħala ineffettiv. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan antikompetittiv tal-akkordju, l-eżami tal-effetti tiegħu ma jistax, fi kwalunkwe ipoteżi, ikollu l-iċken effett fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur.

288    It-tielet motiv għaldaqstant għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

D.      Fuq ir-raba’ motiv, relatat mat-tul taż-żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur u mal-preskrizzjoni

1.      L-argumenti tal-partijiet

289    Sussidjarjament, ir-rikorrenti tikkontesta t-tul taż-żmien tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova li tikkonferma li din il-parteċipazzjoni tkompliet sas‑16 ta’ Mejju 2007, data li fiha saret il-laqgħa ta’ Milan, li tikkorrispondi skont il-Kummissjoni mal-“aħħar kuntatt bejn Pometon u l-parteċipanti l-oħra fil-ksur dwar iż-żieda fir-ruttam” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 55 u 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

290    Ir-rikorrenti tispjega, essenzjalment, li, fis‑16 ta’ Mejju 2007, ma saret l-ebda laqgħa “illegali” li hija pparteċipat fiha. It-tieni dikjarazzjoni tal-applikant għal klemenza ssemmi laqgħa waħda f’Milan, fis‑17 ta’ Mejju 2007, u din id-data hija kkonfermata minn żewġ ittri elettroniċi interni ta’ Ervin, tas‑17 ta’ Mejju 2007, li jagħtu rendikont tal-kontenut ta’ din il-laqgħa.

291    Fi kwalunkwe każ, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’tali laqgħa, fis‑16 ta’ Mejju 2007, ftit li xejn hija plawżibbli, sa fejn hija ma kellha l-ebda interess li tiltaqa’ mal-kompetituri tagħha biex tiddiskuti s-segwitu tal-akkordju fir-rigward taż-żieda fir-ruttam fl-istess ġurnata tal-firma tal-att ta’ trasferiment tal-attività tagħha relatata mal-barraxa. F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li huwa probabbli li tali laqgħa saret, li l-att ta’ trasferiment kien stabbilit fl-istess ġurnata f’uffiċċju notarili viċin dan il-post u li Ervin ma kinitx informata b’dan, jerġa’ jimponi lir-rikorrenti tagħti prova tal-ineżistenza ta’ din il-laqgħa, u dan jikkostitwixxi, b’mod definittiv, probatio diabolica.

292    Finalment, skont ir-rikorrenti, fin-nuqqas ta’ provi, tmiem il-perijodu ta’ ksur jikkoinċidi, l-iktar l-iktar, fir-rigward tagħha, mal-aħħar kuntatti kollużivi allegatament imputabbli lil Pometon, jiġifieri l-laqgħa tad‑9 ta’ Ġunju 2005, jew l-iktar tard mal-posta elettronika tat‑18 ta’ Novembru 2005 (ara l-punti 153, 154 u 215 iktar ’il fuq).

293    Ir-rikorrenti minn dan tiddeduċi, f’dan l-istadju, li, peress li għaddew iktar minn ħames snin bejn tmiem il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, fid‑9 ta’ Ġunju 2005, u l-komunikazzjoni, fil‑15 ta’ Ġunju 2015, tal-att interruttiv tal-preskrizzjoni, is-setgħa li timponi multa, mogħti lill-Kummissjoni, tkun preskritta, konformement mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

294    Qabel kollox, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni tatx prova, b’suffiċjenza fid-dritt, tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Viega vs Il‑Kummissjoni, T‑375/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:106, punt 36).

295    Madankollu, fl-assenza ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur kontinwu, il-Kummissjoni hija marbuta ssemmi fatti li ġraw f’perijodi suffiċjentement viċini, b’tali mod li jkun jista’ raġonevolment jiġi aċċettat li l-ksur kompla b’mod mhux interrott bejn żewġ dati speċifiċi (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, EU:T:2010:202, punt 88).

296    Fil-każ ineżami, u fl-ewwel lok, mill-eżami tat-tieni motiv magħmul mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Kummissjoni tat prova b’suffiċjenza fid-dritt li r-rikorrenti ħadet sehem f’ċertu numru ta’ laqgħat u f’kuntatti kollużivi oħra li jinfirxu mill-inqas bejn it-3 ta’ Awwissu 2003, data tal-ftehim dwar iż-żieda fir-ruttam (ara l-punt 129 iktar ’il fuq), u l-iskambju ta’ ittri elettroniċi mis‑16 sat‑18 ta’ Novembru 2005 bejn Würth u Pometon (ara l-punt 153 iktar ’il fuq).

297    Barra minn hekk, din l-istituzzjoni stabbilixxiet ukoll li r-rikorrenti kienet involuta fil-preparazzjoni tal-laqgħa ta’ Milan, prevista għas‑16 u għas‑17 ta’ Mejju 2007.

298    Ċertament, fir-rigward tal-kwistjoni jekk ir-rikorrenti pparteċipatx f’din il-laqgħa ta’ Milan, għandu jiġi rrilevat li hija tafferma ġustament li l-Kummissjoni taqleb l-oneru tal-prova billi sempliċement issostni li huwa probabbli li l-ewwel laqgħa – li pparteċipat fiha r-rikorrenti – saret fis‑16 ta’ Mejju 2007 biex jiġi diskuss is-segwitu tal-akkordju u din ġiet segwita minn laqgħa oħra fis‑17 ta’ Mejju 2007.

299    F’dan ir-rigward, il-prossimità, invokata mill-Kummissjoni, tal-post ta’ din il-laqgħa u ta’ dak fejn jinsab l-uffiċċju notarili li quddiemu ġie stabbilit l-att ta’ trasferiment lil Winoa tal-fergħa ta’ attività ta’ Pometon fis-settur tal-barraxa fis‑16 ta’ Mejju 2007 ma tistax tikkostitwixxi indizju suffiċjentement serju u affidabbli taż-żamma ta’ laqgħa antikompetittiva fl-istess ġurnata. Min-naħa l-oħra, it-tieni dikjarazzjoni tal-applikant għal klemenza ssemmi laqgħa waħda f’Milan, fis‑17 ta’ Mejju 2007. Madankollu, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi preżunt li r-rikorrenti ħadet sehem f’laqgħa antikompetittiva fil-ġurnata ta’ qabel.

300    Madankollu, indipendentement mill-preżenza tar-rikorrenti f’tali laqgħa li saret fis‑16 ta’ Mejju 2007, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju inkwistjoni, qabel it-trasferiment tal-attività tagħha fis-settur tal-barraxa lil Winoa, fis‑16 ta’ Mejju 2007, hija ssostanzjata, fid-deċiżjoni kkontestata, minn sensiela ta’ indizji suffiċjentement preċiżi, serji u konkordanti, li jippermettu li jiġi stabbilit li Pometon kienet involuta direttament fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni matul il-perijodu ta’ qabel dan it-trasferiment.

301    B’mod partikolari, mill-posta elettronika interna ta’ Ervin, tal‑20 ta’ Marzu 2007, invokata fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata – mhux ikkontestata mir-rikorrenti u li tindika li r-rappreżentanti ta’ Winoa u ta’ Pometon kienu talbu lill-awtur tal-imsemmija posta elettronika biex jassisti f’laqgħa li kellha ssir f’Milan fis‑16 u fis‑17 ta’ Mejju 2007 sabiex tiġi diskussa l-applikazzjoni tal-formula ta’ kalkolu taż-żieda fir-ruttam (ara l-punt 155 iktar ’il fuq) –, jirriżulta li Pometon kellha sehem attiv fil-konvokazzjoni u fil-programmazzjoni ta’ din il-laqgħa.

302    Barra minn hekk, il-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ Pometon f’din il-laqgħa ma kien iqajjem l-ebda dubju f’moħħ il-parteċipanti l-oħra huwa msaħħaħ mill-posta elettronika interna ta’ Ervin tad‑19 ta’ April 2007 (ara l-punt 228 iktar ’il fuq). Inċidentalment, il-posta elettronika interna ta’ Ervin tas‑17 ta’ Mejju 2007 (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata) tidher li tindika li l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju ma kinux informati, qabel il-laqgħa ta’ Milan, bit-trasferiment tal-fergħa ta’ attività kkonċernata minn Pometon lil Winoa. Fil-fatt minn din il-posta elettronika jirriżulta li l-awtur tagħha, impjegat ta’ Ervin preżenti matul din il-laqgħa tas‑17 ta’ Mejju 2007, kien sorpriż bl-attitudni riżervata matul din il-laqgħa tas-Sur B., li kien wieħed mir-rappreżentanti tar-rikorrenti, qabel ma ġie impjegat minn Winoa wara t-trasferiment msemmija iktar ’il fuq, fis‑16 ta’ Mejju 2007.

303    Finalment, il-kontenut tal-ittri elettroniċi interni ta’ Ervin tal‑20 ta’ Marzu u tad‑19 ta’ April 2007 (ara l-punti 227 u 228 iktar ’il fuq) u ta’ dik ta’ Winoa tas‑26 ta’ April 2007 (ara l-punt 229 iktar ’il fuq) jagħti prova li, mill-inqas għal matul il-perijodu ta’ xahrejn qabel il-ħruġ tagħha mis-suq tal-barraxa, Pometon mhux talli kellha rwol attiv fir-rigward tal-ewwel parti tal-akkordju, talli kienet involuta wkoll fit-tieni parti tiegħu.

304    Fit-tieni lok, peress li l-Kummissjoni għalhekk tat prova kif xieraq li r-rikorrenti kienet involuta direttament f’kuntatti kollużivi relatati maż-żewġ partijiet tal-akkordju bejn it-3 ta’ Ottubru 2003 u t-18 ta’ Novembru 2005 (ara l-punt 296 iktar ’il fuq) kif ukoll matul ix-xahrejn ta’ qabel il-ħruġ tagħha mis-suq fis‑16 ta’ Mejju 2007 (ara l-punti 297 sa 303 iktar ’il fuq), għandu jiġi eżaminat jekk l-assenza ta’ prova ta’ kuntatti antikompetittivi matul perijodu ta’ madwar sittax‑il xahar, mit‑18 ta’ Novembru 2005 sax-xahar ta’ Marzu 2007, tindikax li r-rikorrenti effettivament interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul dan il-perijodu, bħalma tissuġġerixxi hija (ara l-punt 292 iktar ’il fuq), qabel ma kompliet u ma rrepetiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-istess ksur ftit xhur qabel ma ħarġet mis-suq tal-barraxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, T‑18/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:487, punt 97).

305    Il-kwistjoni dwar jekk il-perijodu bejn żewġ manifestazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur huwiex twil biżżejjed jew le sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tħaddim tal-akkordju inkwistjoni (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, EU:T:2010:202, punt 89; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il‑Kummissjoni, T‑382/06, EU:T:2011:112, punt 51).

306    B’mod partikolari, huwa f’dan il-kuntest u fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali tal-indizji kollha disponibbli li hemm lok li jiġi evalwat konkretament jekk dan il-perijodu kienx twil biżżejjed sabiex jippermetti lill-partijiet l-oħra fl-akkordju jifhmu l-intenzjoni tal-impriża kkonċernata li tinterrompi l-parteċipazzjoni tagħha, fejn tali fehim ikun determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk din l-impriża kellhiex l-intenzjoni li titbiegħed mill-ftehim illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punti 62 u 63).

307    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illegali, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tkun irrapportata lill-entitajiet amministrattivi kompetenti, għandha l-effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tiegħu. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li b’hekk huwa tali li jinvolvi responsabbiltà tal-impriża kkonċernata fil-kuntest ta’ ftehim wieħed. Barra minn hekk, il-fatt li impriża ma tatx segwitu għar-riżultati ta’ laqgħa li jkollha għan antikompetittiv ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi r-responsabbiltà tal-fatt tal-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju, sakemm hija ma tkunx pubblikament tbiegħdet mill-kontenut tiegħu (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Duravit et vs Il‑Kummissjoni, C‑609/13 P, EU:C:2017:46, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

308    Fil-każ ineżami, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-akkordju inkwistjoni, l-assenza ta’ kuntatti kollużivi bejn ir-rikorrenti u l-partijiet l-oħra fl-akkordju, anki matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq ta’ madwar sittax‑il xahar, ma tippermettix li jitqies li hija kienet interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Fil-fatt, dan l-akkordju kien ikkaratterizzat, minn naħa, mill-applikazzjoni awtomatika taż-żieda fir-ruttam (ara l-punt 147 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, mir-rabtiet stretti bejn iż-żewġ partijiet tal-akkordju (ara l-punti 228, 256 u 303 iktar ’il fuq) kif ukoll mill-assenza, lil hinn mis-suq Ġermaniż, ta’ organizzazzjoni strutturata ta’ kuntatti bejn il-parteċipanti għall-implementazzjoni tal-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali, peress li saru kuntatti iżolati biss f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil (ara l-punt 222 iktar ’il fuq).

309    Madankollu, fil-kuntest ta’ tali ksur uniku u kontinwu, ir-rikorrenti ma tinvoka l-ebda element li jippermetti li jiġi preżunt li kuntatti kollużivi kienu madankollu indispensabbli biex tkompli l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, mingħajr interruzzjoni, matul il-perijodu bejn id-9 ta’ Ġunju 2005 u x-xahar ta’ Marzu 2007. B’mod partikolari, hija ma tirreferi għall-ebda ċirkustanza li affettwat il-funzjonament tal-akkordju bħalma jirriżulta mill-provi prodotti mill-Kummissjoni u kienet teħtieġ, matul dan il-perijodu, li jsiru kuntatti mal-partijiet l-oħra fl-akkordju sabiex terġa’ tidħol fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, EU:T:2013:259, punt 65).

310    Għaldaqstant, fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dan l-akkordju (ara l-punt 308 iktar ’il fuq), l-assenza possibbli ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’laqgħat jew f’kuntatti kollużivi oħra matul il-perijodu ta’ sittax‑il xahar imsemmi iktar ’il fuq ma setgħetx tiġi interpretata mill-parteċipanti l-oħra bħala tbegħid mill-akkordju li Pometon kienet fl-oriġini tal-istabbiliment tas-sistema taż-żieda fir-ruttam u kienet ikkontribwixxiet b’mod attiv fl-implementazzjoni tagħha (ara l-punti 129 u 130 iktar ’il fuq).

311    Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti kellha rwol attiv fil-preparazzjoni tal-laqgħa ta’ Milan u ma ħabbritx minn qabel lill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju t-trasferiment lil Winoa tal-fergħa ta’ attività tagħha fis-settur tal-barraxa jikkonferma l-kontinwità tal-aġir illegali ta’ Pometon u ta’ Winoa. Din il-kontinwità inċidentalment hija kkonfermata mill-posta elettronika tas-Sur T. tat‑28 ta’ Mejju 2008 (ara l-punt 231 iktar ’il fuq).

312    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, minkejja li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju ma hijiex issostanzjata minn provi dokumentali diretti li jkopru t-tul taż-żmien kollu tal-ksur, bejn it-3 ta’ Ottubru u s-16 ta’ Mejju 2007, il-parteċipazzjoni tagħha tkompli tirriżulta b’mod ċar mill-eżami globali tal-provi kollha prodotti mill-Kummissjoni, li jsaħħu lil xulxin u li jippermettu għalhekk li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-perijodu kollu kkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Keramag Keramische Werke et, C‑613/13 P, EU:C:2017:49, punt 55).

313    Għaldaqstant, fl-assenza tal-iċken indizju ta’ tbegħid tal-parti kkonċernata fil-konfront tal-akkordju, il-Kummissjoni tat prova b’suffiċjenza fid-dritt li Pometon ma kinitx interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni, minkejja li, għal perijodu ta’ madwar sittax‑il xahar, hija ma kellhiex prova diretta ta’ kuntatti kollużivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 481).

314    Konsegwentement, peress li Pometon ipparteċipat fl-akkordju sas‑16 ta’ Mejju 2007, u peress li l-Kummissjoni pproċediet għal spezzjonijiet fil-postijiet tagħha mix-xahar ta’ Ġunju 2010 u fetħet il-proċedura b’mod partikolari fil-konfront tagħha fis‑16 ta’ Jannar 2013 (ara l-punti 6 u 7 iktar ’il fuq), is-setgħa ta’ din l-istituzzjoni li timponilha multa ma kinitx preskritta matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li saret fit-termini legali ffissati mill-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003.

315    Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

316    Għalhekk, wara li l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-assenza ta’ bażi tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv intiżi biex jikkontestaw l-aġir li jikkostitwixxi ksur imputat lil Pometon u l-parteċipazzjoni tagħha, mit‑3 ta’ Ottubru 2003 sas‑16 ta’ Mejju 2007, fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni, hemm lok li jiġu miċħuda l-ewwel u t-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti, sa fejn dawn huma intiżi biex jinkiseb l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

E.      Fuq l-adattament tal-ammont bażiku tal-multa skont il-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi

1.      L-argumenti tal-partijiet

317    B’mod ulterjorment sussidjarju, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-multa jew il-bidla tagħha, billi tafferma li l-livell tal-adattament tal-ammont bażiku tal-multa, skont il-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, ma huwiex immotivat biżżejjed u li ma dan ma huwiex konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

318    F’dan il-kuntest, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, inkluża t-tabella prodotta matul is-seduta, huma kompletament ġodda u ma jippermettux li jingħata rimedju għall-insuffiċjenza inizjali ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, il-produzzjoni tal-imsemmija tabella matul is-seduta tkun tardiva u għalhekk din tkun inammissibbli.

319    Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha tat‑2 ta’ Lulju 2018 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti invokat l-ineżattezza tar-rata tal-bejgħ speċifiku ta’ Pometon fil-livell dinji, fl‑2006, imsemmija fit-tabella msemmija iktar ’il fuq u meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni biex tiffissa l-livell tal-adattament fil-konfront tagħha. Din ir-rata ma kinitx ta’ 21 % iżda ta’ 31 %.

320    Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni li l-motivi spjegati fil-premessi 228 u 229 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 345 u 346 iktar ’il quddiem) jippermettu li jinftiehmu tajjeb il-kriterji li hija applikat biex takkalkola l-adattament tal-ammont bażiku tal-multa. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li hija tat lir-rikorrenti tnaqqis eċċezzjonali, analogu għal dak mogħti lill-erba’ impriżi l-oħra kkonċernati mid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, sabiex tiddefinixxi livell ta’ multa proporzjonali għar-responsabbiltà individwali ta’ Pometon, fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju meta mqabbla ma’ dik tal-impriżi l-oħra msemmija iktar ’il fuq, u sabiex tiżgura, barra minn hekk, l-effett dissważiv tal-multa.

321    Fir-risposta, il-Kummissjoni spjegat li, sabiex tiddetermina l-livell tal-adattament fil-konfront tar-rikorrenti, hija ħadet inkunsiderazzjoni koeffiċjent ta’ tnaqqis ta’ 21 % li jikkorrispondi għar-rabta bejn l-ammont tad-dħul mill-bejgħ ta’ Pometon relatat mal-bejgħ tal-barraxa u dak tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha, fl‑2006. Madankollu, hija aġġustat din ir-rata ’l fuq billi tat lir-rikorrenti tnaqqis supplimentari ta’ 39 %, minħabba ż-żmien iqsar tal-parteċipazzjoni ta’ Pometon fl-akkordju, id-daqs relattivament żgħir tagħha u minħabba li hija ma kellhiex portafoll ta’ prodotti ddiversifikat ħafna. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ammettiet li r-rata tal-bejgħ speċifiku ta’ Pometon fiż-ŻEE, fl‑2006, fir-realtà kienet ta’ 23.7 % u affermat li d-differenza, fir-rigward tar-rata ta’ 21 % li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni, kienet ikkumpensata mill-aġġustament.

322    Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet ibbażat ruħha fuq ir-rabta bejn il-valur tal-bejgħ speċifiku fil-livell dinji u d-dħul mill-bejgħ totali ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati, bħalma jindikaw, fil-qosor iżda b’mod komplet, il-premessi 228 u 229 tad-deċiżjoni kkontestata, u mhux fuq ir-rata tal-imsemmi bejgħ fiż-ŻEE.

323    Fir-rigward b’mod partikolari tal-proporzjon tal-bejgħ speċifiku globali ta’ Pometon, il-Kummissjoni – fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar l-ineżattezza, allegata mir-rikorrenti (ara l-punt 319 iktar ’il fuq), tar-rata ta’ 21 % imsemmija f’dan ir-rigward fit-tabella prodotta matul is-seduta – affermat, bl-użu ta’ dokumenti ta’ sostenn, li hija kienet ibbażat ruħha fuq iċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti bi tweġiba għat-talbiet tagħha għal informazzjoni matul il-proċedura amministrattiva.

324    Barra minn hekk il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll, matul is-seduta, li, sabiex tiggarantixxi l-ugwaljanza fit-trattament u tosserva l-ekwità, hija kienet aġġustat ir-rata tal-bejgħ speċifiku fil-livell dinji imsemmi iktar ’il fuq, għal kull waħda mill-partijiet fl-akkordju, b’mod li ma jiffavorixxix b’mod eċċessiv lill-impriżi li l-bejgħ speċifiku tagħhom kellu effett partikolarment għoli fuq id-dħul mill-bejgħ fil-livell dinji. Dan l-aġġustament twettaq fuq il-bażi tat-tliet kriterji li jmiss, imsemmija fit-tabella prodotta matul is-seduta, fejn din it-tabella tiġbor ukoll id-data relatata mar-rikorrenti.

325    L-iktar kriterju sinjifikattiv kien dak tad-diversifikazzjoni tal-bejgħ. Ir-rikorrenti għalhekk kisbet l-iktar tnaqqis supplimentari sinjifikattiv (39 %), prinċipalment minħabba li l-bejgħ tagħha kien iddiversifikat ħafna, filwaqt li Ervin, Winoa u MTS għall-kuntrarju kienu s-suġġett ta’ penalizzazzjoni (rispettivament ta’ 13 %, ta’ 8 % u ta’ 4 %) minħabba l-konċentrazzjoni tal-portafolli tagħhom (88 % għal Ervin, 83 % għal Winoa u 94 % għal MTS). Iż-żewġ kriterji l-oħra kienu d-daqs tal-impriża u r-rwol “limitat” jew “mhux limitat” tagħha fil-ksur.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)      Fuq l-ammissibbiltà tat-tabella prodotta matul is-seduta u t-talba għal kunfidenzjalità tal-Kummissjoni

326    Peress li r-rikorrenti qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fil-konfront tat-tabella prodotta mill-Kummissjoni matul is-seduta, qabel kollox hemm lok li tiġi eżaminata tali eċċezzjoni.

327    F’dan ir-rigward u fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, “[f]’każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali […], bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard”.

328    Madankollu, fil-kuntest partikolari ta’ din il-kawża, il-produzzjoni tal-imsemmi dokument mill-Kummissjoni, matul is-seduta, tidħol fl-estensjoni tal-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali u fih informazzjoni neċessarja biex tippermettilha tidentifika u tevalwa l-kriterji applikati minn din l-istituzzjoni fil-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti (ara l-punti 366 u 376 iktar ’il quddiem), u din tal-aħħar inċidentalment ġiet mistiedna tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-data li tinsab fl-imsemmija tabella. Il-produzzjoni ta’ dan id-dokument fl-istadju tas-seduta għaldaqstant tidher iġġustifikata fis-sens tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

329    Fit-tieni lok, għandha tiġi miċħuda t-talba għal kunfidenzjalità, ippreżentata oralment mill-Kummissjoni matul is-seduta, fir-rigward ta’ ċerta data li tinsab fit-tabella msemmija iktar ’il fuq u li l-Kummissjoni tiġġustifika bis-sempliċi raġuni li, ikkonsultati f’dan ir-rigward minnha stess, l-impriżi kkonċernati kienu qiesu li din id-data kellha żżomm natura kunfidenzjali.

330    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew, informazzjoni li kienet sigrieta jew kunfidenzjali, iżda li ilha ħames snin jew iktar, għandha, minħabba li għadda ż-żmien, titqies, fil-prinċipju, bħala storika u li tilfet, għalhekk, in-natura sigrieta jew kunfidenzjali tagħha sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura turi li, minkejja li hija antika, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑162/15 P, EU:C:2017:205, punt 64).

331    Fil-każ ineżami, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-data li tinsab fit-tabella msemmija iktar ’il fuq ma għadx għandha natura kunfidenzjali. Qabel kollox fir-rigward tal-valur tal-bejgħ speċifiku globali ta’ kull waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni fl‑2009, il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda argument li jippermetti li jiġi preżunt li, minkejja n-natura tagħha li issa saret storika, tali data għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Sussegwentement, l-aġġustamenti differenti magħmula mill-Kummissjoni biex tiddetermina l-livell tal-adattamenti tal-ammont bażiku tal-multi impost fuq l-imsemmija impriżi ma jintrabtu bl-ebda mod mal-politiki kummerċjali tagħhom u ma jistgħux, minħabba din in-natura, ikunu ta’ natura kunfidenzjali. Finalment, id-data l-oħra riprodotta fit-tabella inkwistjoni diġà ġiet iddikjarata bħala mhux kunfidenzjali fid-digriet tal‑4 ta’ Mejju 2018, Pometon vs Il‑Kummissjoni (T‑433/16), iċċitat fil-punt 26 iktar ’il fuq.

332    Għaldaqstant, minn naħa, il-produzzjoni tat-tabella inkwistjoni, minkejja li tardiva, għandha titqies bħala ammissibbli u, min-naħa l-oħra, ma hemm xejn li jiġġustifika li titħalla barra, minn din is-sentenza u fil-konfront tal-pubbliku, ċerta data li tinsab fiha.

b)      Fuq it-talba għall-annullament tal-ammont tal-multa minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

333    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma mmotivatx, b’suffiċjenza fid-dritt, l-adattament tal-ammont bażiku tal-multa li hija wettqet skont il-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi.

1)      Osservazzjonijiet preliminari dwar il-ġurisprudenza relatata mal-motivazzjoni tal-multi

334    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tal-multi li l-Kummissjoni hija marbuta li tosserva fil-kuntest ta’ proċedura ordinarja jew ta’ proċedura ta’ tranżazzjoni li tikkonċerna akkordju partikolari jistgħu jiġu ttrasposti wkoll fil-każ ta’ proċedura ibrida, anki meta din il-proċedura sseħħ matul perijodu mifrux (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 47).

335    Fil-fatt, minkejja li din il-proċedura ta’ tranżazzjoni u dik ordinarja ta’ ksur huma żewġ proċeduri distinti, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan speċifiku tagħhom, dawn huma rregolati, it-tnejn li huma, mid-deċiżjoni inizjali ta’ ftuħ tal-istruttorja tal-akkordju adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) u jissodisfaw ukoll l-istess għan ta’ interess ġenerali, li huwa li tintemm il-prattika antikompetittiva inkwistjoni, għall-benefiċċju tal-konsumaturi kkonċernati mis-suq korrispondenti.

336    Fit-tieni lok, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE għandha b’mod partikolari tippermetti lill-impriżi li huma destinatarji jidentifikaw u jifhmu l-kriterji effettivament ikkunsidrati mill-Kummissjoni għall-iffissar tal-multa kif ukoll jivverifikaw jekk dawn il-kriterji ġewx applikati konformement mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

337    B’kunsiderazzjoni ta’ dan, fir-rigward b’mod iktar speċjali tal-adattament eċċezzjonali tal-ammont bażiku tal-multa, għandu jitfakkar li, skont il-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, “il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix mal-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi spjegata fl-linji gwida” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

338    Konsegwentement, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma timxix mal-metodoloġija ġenerali spjegata fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, il-motivazzjoni dwar l-ammont ta’ tali sanzjoni għandha tkun saħansitra iktar speċifika peress li l-punt 37 tal-imsemmija linji gwida jagħmel biss riferiment vag għall-“karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari” u għalhekk iħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Kummissjoni biex tagħmel, bħal f’din il-kawża, adattament eċċezzjonali tal-ammonti bażiċi tal-multi tal-impriżi kkonċernati (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

339    Huwa preċiżament f’tali ċirkustanzi li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att legalment vinkolanti, li minn issa ’l quddiem jikkorrispondi għad-dritt fundamentali stabbilit mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, ikopri l-portata ġuridika kollha proprja għal rekwiżit legali intiż biex jiżgura l-ħarsien tad-dritt ta’ kull persuna għal amministrazzjoni tajba min-naħa tal-istituzzjonijiet, tal-organi jew tal-korpi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14).

340    Madankollu, sabiex tiddetermina l-livell tal-adattament eċċezzjonali tal-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni hija marbuta, fil-prinċipju, tapplika l-istess kriterji u l-istess metodu ta’ kalkolu fil-konfront tal-partijiet kollha fl-akkordju u tevalwa għal kull waħda minnhom, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-elementi li hija tibbaża ruħha fuqhom.

341    Għaldaqstant, fil-każ ta’ proċedura ibrida bħal fil-każ ineżami, id-dmir ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni jinkludi t-totalità tal-elementi rilevanti meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-impriża li rrifjutat it-tranżazzjoni kinitx tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli jew le għal dik tal-kompetituri tagħha li huma d-destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni u jekk trattament ugwali jew inugwali potenzjali tal-imsemmija sitwazzjonijiet kienx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 49).

342    Fil-każ ineżami, għalhekk hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermettix li jiġu mifhuma, b’suffiċjenza fid-dritt, il-metodu ta’ kalkolu u l-kriterji applikati mill-Kummissjoni għall-iffissar tal-livell tal-adattament imwettaq fil-konfront tar-rikorrenti u li tiġi evalwata għalhekk il-proporzjonalità ta’ dan l-adattament eċċezzjonali u l-konformità tiegħu mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

343    Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2014, Donau Chemie vs Il‑Kummissjoni, T‑406/09, EU:T:2014:254, punt 238). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li, f’dan ir-rigward, hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 105, u tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punt 161).

344    Minn dan jirriżulta li, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ma tistax tiddiskrimina bejn il-partijiet li pparteċipaw fl-istess akkordju fir-rigward tal-elementi u l-metodi ta’ kalkolu li ma humiex affettwati mill-partikolaritajiet inerenti għall-proċedura ta’ tranżazzjoni, bħall-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ 10 % għat-tranżazzjoni konformement mal-punt 32 tal-Avviż dwar il-proċeduri ta’ tranżazzjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

2)      Fuq il-motivazzjoni tal-adattament eċċezzjonali tal-ammont tal-multa fid-deċiżjoni kkontestata

345    Fil-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Adattament tal-ammont bażiku aġġustat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni qabel kollox fakkret li, fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni (premessa 104), hija kienet adattat, għall-impriżi kollha li aċċettaw it-tranżazzjoni, l-ammonti bażiċi rispettivi, għar-raġunijiet li jmiss. L-ewwel nett, l-ammonti bażiċi aġġustati kienu qabżu l-limitu massimu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali ffissat mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. It-tieni nett, għal kull waħda minn dawn l-impriżi, “il-valur tal-bejgħ ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kien jirrappreżenta parti sinjifikattiva mid-dħul mill-bejgħ totali tagħha. It-tielet nett, kienu jeżistu differenzi fir-rigward tal-parteċipazzjoni individwali fil-ksur ta’ kull waħda mill-impriżi li għażlu t-tranżazzjoni.

346    Sussegwentement, fil-premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat essenzjalment li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami u b’kunsiderazzjoni tan-neċessità li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kien xieraq li tagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha u li tapplika, anki fil-konfront ta’ Pometon, il-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, għar-raġunijiet li jmiss. L-ewwel nett, l-ammont bażiku tal-multa, aġġustat skont iċ-ċirkustanzi attenwanti, qabeż il-limitu massimu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali, iffissat mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. It-tieni nett, kienu jeżistu differenzi bejn il-parteċipazzjoni individwali ta’ Pometon fil-ksur u dik tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju. It-tielet nett, il-multa kellha tkun iffissata f’livell proporzjonali għall-ksur imwettaq minn Pometon u tkun suffiċjentement dissważiva.

347    Għalhekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tat lir-rikorrenti, skont il-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, tnaqqis speċifiku, bħalma kienet għamlet fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni fil-konfront tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju, minħabba li, għal Pometon bħal għall-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, l-ammont bażiku aġġustat tal-multa kien jaqbeż il-limitu massimu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża kkonċernata.

348    Għaldaqstant, il-Kummissjoni mmotivat b’mod ċar l-użu ta’ tali adattament eċċezzjonali bin-neċessità li tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza, il-livell ta’ responsabbiltà individwali differenti ta’ kull waħda mill-partijiet fil-parteċipazzjoni fl-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il‑Kummissjoni, T‑211/08, EU:T:2011:289, punt 75).

349    Min-naħa l-oħra, il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jagħtu l-ebda indikazzjoni suffiċjentement preċiża dwar il-metodu ta’ kalkolu użat u l-elementi ta’ evalwazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni biex tiġi ddifferenzjata r-rata ta’ tnaqqis mogħtija lir-rikorrenti minn dawk applikati għall-partijiet l-oħra fl-akkordju skont ir-responsabbiltà proprja ta’ kull impriża. Fil-fatt, fil-premessa 229 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni essenzjalment irreferiet, f’termini ġenerali, għall-eżistenza ta’ differenzi bejn il-parteċipazzjoni individwali ta’ Pometon u dik ta’ parteċipanti oħra fl-akkordju kif ukoll għall-ħtieġa li tiġi ffissata multa li tkun proporzjonali għall-ksur imwettaq minn din l-impriża u li tkun għalhekk suffiċjentement dissważiva.

350    L-unika indikazzjoni konkreta li tirriżulta, f’dan ir-rigward, mill-premessi 228 u 229 tad-deċiżjoni kkontestata tirriżulta mill-fatt li, għall-impriżi li huma s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, il-Kummissjoni semmiet, fost ir-raġunijiet li jiġġustifikaw tali adattament eċċezzjonali, il-fatt li l-valur tal-bejgħ speċifiku kien jirrappreżenta parti sinjifikattiva mid-dħul mill-bejgħ totali ta’ kull waħda minnhom. Għall-kuntrarju, dan il-fattur ma jissemma bl-ebda mod fost ir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tnaqqis mogħti lir-rikorrenti.

351    Madankollu, is-sempliċi assenza ta’ riferiment għal dan il-fattur, fir-rigward tar-rikorrenti, ma jippermettix li tiġi mifhuma d-differenza bejn ir-rata ta’ tnaqqis mogħtija lilha u dawk li bbenefikaw minnhom il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju.

352    Fil-fatt, la l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas dak tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni ma jindikaw li l-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment, bħalma ppreċiżat hija matul is-seduta, fuq ir-rabta bejn il-valur tal-bejgħ speċifiku ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fil-livell dinji u d-dħul mill-bejgħ totali tagħha matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

353    F’dan ir-rigward, ir-redazzjoni tal-premessa 228 tad-deċiżjoni kkontestata, li tistabbilixxi li l-“valur tal-bejgħ ta’ prodotti li jaqgħu taħt l-akkordju kien jirrappreżenta parti kbira [tad-]dħul mill-bejgħ totali [tad-destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-punt 345 iktar ’il fuq), hija, mill-inqas, formulazzjoni ambigwa.

354    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe spjegazzjoni, tali redazzjoni tidher li tirreferi, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, għall-valur tal-bejgħ speċifiku ta’ kull waħda mill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni fuq livell taż-ŻEE, li tikkorrispondi għall-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-akkordju. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet fl-ebda mument ma jsemmu l-valur tal-bejgħ speċifiku tal-impriżi kkonċernati fil-livell dinji, u dan ma jirriflettix inċidentalment il-parteċipazzjoni individwali tagħhom fl-akkordju, bħalma jissemma fil-premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 346 iktar ’il fuq).

355    Madankollu, il-fatt, invokat mill-Kummissjoni matul is-seduta, li, sabiex tistabbilixxi proporzjon b’rabta mad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriżi kkonċernati, hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll, għall-finijiet ta’ koerenza, il-bejgħ speċifiku globali tagħhom, iktar milli fiż-ŻEE, ma jirriżulta bl-ebda mod mid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, fil-kuntest deskritt fil-punti 353 u 354 iktar ’il fuq, ir-riferiment magħmul fil-premessa 228 tal-imsemmija deċiżjoni (ara l-punt 345 iktar ’il fuq) għad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq mill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi mifhum li din l-istituzzjoni bbażat ruħha fuq ir-rata tal-bejgħ speċifiku globali ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi.

356    Barra minn hekk, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni nnifisha ammettiet li, fir-rigward tar-rikorrenti, ir-rata korretta fil-konfront tagħha kienet ta’ 23.7 %, u mhux ta’ 21 %, u dan kien jikkorrispondi tassew għar-rabta bejn il-bejgħ speċifiku ta’ Pometon fiż-ŻEE (premessa 210 tad-deċiżjoni kkontestata) u d-dħul mill-bejgħ totali tagħha fl‑2006. Kien biss matul is-seduta li hija ppreċiżat li fir-realtà hija kienet ibbażat ruħha fuq ir-rabta bejn il-valur tal-bejgħ speċifiku fil-livell dinji ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati, matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, u d-dħul mill-bejgħ totali tagħha (ara l-punti 321 u 322 iktar ’il fuq).

357    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva, ġustament ukoll, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tippermetti li jiġi identifikat il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni biex tiffissa l-livell tal-adattamenti u li jiġi evalwat għalhekk, fid-dawl ta’ dan il-metodu, jekk it-tnaqqis mogħti lilha kienx konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

358    Fil-fatt, ma hemm xejn fl-imsemmija deċiżjoni li jippermetti li jiġi mifhum li, minkejja l-assenza ta’ riferiment għal dan il-fattur, il-proporzjon bejn il-bejgħ speċifiku globali u d-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża kkonċernata ttieħed inkunsiderazzjoni, bħalma ppreċiżat il-Kummissjoni matul is-seduta (ara l-punt 375 iktar ’il quddiem), fil-kalkolu tal-livell tal-adattament mogħti lir-rikorrenti, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-multa. B’mod partikolari, la minn din id-deċiżjoni u lanqas inċidentalment mid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni ma jirriżulta li, għall-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan il-proporzjon u aġġustatu billi applikatlu, skont il-każ, tnaqqis supplimentari jew penalizzazzjoni, bħalma spjegat quddiem il-Qorti Ġenerali.

359    Finalment, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżulta bl-ebda mod li, sabiex ma tiffavorixxix b’mod eċċessiv lill-impriżi li l-attivitajiet tagħhom kienu kkonċentrati, il-Kummissjoni aġġustat il-proporzjon imsemmi iktar ’il fuq abbażi ta’ tliet kriterji msemmija fit-tabella li hija pproduċiet matul is-seduta, relatati mad-diversifikazzjoni tal-bejgħ tar-rikorrenti, mad-“daqs żgħir” tagħha u mar-“rwol limitat” tagħha fit-tieni parti tal-akkordju.

360    Fil-fatt, dan il-kriterju tal-aħħar biss, relatat mar-responsabbiltà individwali tar-rikorrenti fil-ksur, meta mqabbla ma’ dawk tal-partijiet l-oħra fl-akkordju, jissemma fil-premessa 228 tad-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, l-ebda wieħed mill-elementi ta’ evalwazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-adattament eċċezzjonali mwettaq fil-konfront tar-rikorrenti sabiex tiżgura l-proporzjonalità tal-multa imposta fuqha, meta mqabbla ma’ dawk imposti fuq l-impriżi l-oħra, ma jirriżulta mill-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

361    Konsegwentement, minn dak li ntqal jirriżulta li l-premessi 228 u 229 tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jiġi evalwat, fuq il-bażi tal-motivazzjoni li fihom, jekk ir-rikorrenti kinitx tinsab, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu u tal-kriterji li applikat il-Kummissjoni, f’sitwazzjoni komparabbli jew distanti minn dik tal-impriżi kkonċernati l-oħra u jekk din l-istituzzjoni rriżervatilhiex trattament ugwali jew differenti.

362    Madankollu, peress li l-motivazzjoni, fil-prinċipju, għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess żmien tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi rregolarizzata bl-ispjegazzjonijiet relatati mal-metodu ta’ kalkolu użat u mal-kriterji applikati fil-każ ineżami mill-Kummissjoni, ipprovduti minn din tal-aħħar matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

363    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-rata ta’ tnaqqis eċċezzjonali mogħti lir-rikorrenti skont il-punt 37 tal-linji gwida.

364    Għalhekk hemm lok li jintlaqa’ t-tielet kap tat-talbiet sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tal-ammont tal-multa u, konsegwentement, li jiġi annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

c)      Fuq it-talba għal bidla tal-ammont tal-multa

365    Għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali madankollu ma hijiex imċaħħda mis-setgħa tagħha li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, ladarba r-rikorrenti talbet ukoll il-bidla tal-ammont tal-multa.

366    Fil-fatt, wara l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-informazzjoni li tirriżulta mit-tabella dwar l-adattamenti rispettivi tal-ammonti bażiċi tal-multi mwettqa mill-Kummissjoni, skont il-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, fil-konfront tar-rikorrenti u tal-erba’ impriżi destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, il-Qorti Ġenerali hija f’pożizzjoni li tkun taf il-metodu ta’ kalkolu u l-kriterji applikati minn din l-istituzzjoni, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, u, li tevalwa, konsegwentement, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, in-natura xierqa tagħhom (ara l-punti 376 u 377 iktar ’il quddiem).

367    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi, għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din is-sanzjoni, l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, awtur tal-att li fih kien iffissat inizjalment dan l-ammont, bl-esklużjoni, madankollu, ta’ kwalunkwe modifika tal-elementi li jikkostitwixxu l-ksur legalment ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li biha hija adita l-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 75 sa 77).

368    Konsegwentement, il-qorti tal-Unjoni tista’ tibdel l-att ikkontestat, inċidentalment anki fl-assenza ta’ annullament, sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta, fejn l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni jinkludi t-trasferiment definittiv lil din tal-aħħar tas-setgħa li timponi sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 692 u 693; tas‑26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑679/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:606, punt 104, u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 74).

369    Fil-każ ineżami, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija għalhekk il-Qorti Ġenerali – fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni, kif ikkonfermati fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel erba’ motivi invokati insostenn ta’ dan ir-rikors – li għandha tiddetermina l-ammont xieraq tal-adattament eċċezzjonali tal-ammont bażiku tal-multa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑679/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:606, punt 104, u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il‑Kummissjoni, T‑211/08, EU:T:2011:289, punt 75).

370    Dan l-eżerċizzju jinvolvi, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti kif ukoll tat-tul tiegħu, b’osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, hija marbuta mir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata), li din l-istituzzjoni inċidentalment kienet diġà ġustament eskludiet hija stess fid-deċiżjoni kkontestata skont il-punt 37 ta’ dawn il-linji gwida (ara l-punt 348 iktar ’il fuq), u lanqas mill-metodu ta’ kalkolu applikat minn din l-istituzzjoni fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni.

371    Minn dan jirriżulta li, fi ħdan il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża kkonċernata matul is-sena kummerċjali preċedenti, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija limitata biss mill-kriterji relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur, stabbiliti fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jagħti marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-awtorità kompetenti, bla ħsara, naturalment, għall-osservanza tal-prinċipji mfakkra fil-punt 370 iktar ’il fuq.

372    B’kunsiderazzjoni ta’ dan, fil-kuntest tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tispjega b’mod iddettaljat il-fatturi li hija tieħu inkunsiderazzjoni meta tiffissa l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il‑Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 52).

373    Għaldaqstant, fir-rigward tal-kriterju relatat mat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li din il-kundizzjoni diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni kif xieraq, skont il-punt 24 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, matul l-iffissar mill-Kummissjoni tal-ammont bażiku tal-multa, li mhux ikkontestat mir-rikorrenti, fejn kull sena supplimentari ta’ parteċipazzjoni fil-ksur ġiet għalhekk riflessa, għal kull waħda mill-partijiet fl-akkordju, f’żieda ta’ 100 % ta’ dan l-ammont bażiku.

374    Sussegwentement, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju legali tal-gravità tal-ksur (ara l-punt 371 iktar ’il fuq), hija ġurisprudenza stabbilita li l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 266, u tal‑15 ta’ Lulju 2015, SLM u Ori Martin vs Il‑Kummissjoni, T‑389/10 u T‑419/10, EU:T:2015:513, punt 436).

375    Madankollu, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina l-livell ta’ adattament tal-ammont bażiku tal-multa li jkun proporzjonat, fir-rigward tal-kriterji li hija tqis adegwati, għall-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti u li jkun ukoll suffiċjentement dissważiv.

376    Madankollu, fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, qabel kollox ir-responsabbiltà individwali ta’ Pometon fil-parteċipazzjoni fl-akkordju inkwistjoni, sussegwentement, il-kapaċità ta’ din l-impriża li tippreġudika, bl-aġir tagħha li jikkostitwixxi ksur, il-kompetizzjoni fis-suq tal-barraxa u, finalment, id-daqs tagħha, filwaqt li tqabbel, għal kull wieħed minn dawn il-fatturi differenti, ir-responsabbiltà u s-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti ma’ dawk tal-partijiet l-oħra fl-akkordju.

377    Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, il-fatturi msemmija iktar ’il fuq – filwaqt li inċidentalment jirkbu parzjalment lil dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni (ara l-punt 325 iktar ’il fuq) – jippermettu li l-gravità tal-ksur imputabbli lil kull waħda mill-partijiet fl-akkordju tiġi identifikata aħjar minn kif meqjus b’mod definittiv mill-Kummissjoni, jiġifieri r-rabta bejn il-valur tal-bejgħ speċifiku tal-impriża kkonċernata fil-livell dinji u d-dħul mill-bejgħ totali tagħha matul is-sena ta’ referenza, anki meta din ir-rabta ġiet aġġustata mill-Kummissjoni sabiex ma “tiffavorixxix b’mod eċċessiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] lill-impriżi li l-konċentrazzjoni tagħhom tal-bejgħ fil-livell dinji kienet partikolarment għolja (ara l-punti 322 u 323 iktar ’il fuq).

378    Għalhekk, l-ewwel nett, fir-rigward tal-fattur relatat mar-responsabbiltà individwali ta’ Pometon fil-parteċipazzjoni fl-akkordju inkwistjoni, huwa stabbilit li r-rikorrenti kellha rwol sinjifikattiv fl-ewwel parti tal-akkordju, b’mod partikolari fit-tfassil u l-implementazzjoni taż-żieda fir-ruttam, li kienet tapplika b’mod awtomatiku, u dan il-Qorti Ġenerali kkonstatatu fil-punti 129, 130 u 160 iktar ’il fuq.

379    Madankollu, il-parteċipazzjoni ta’ Pometon fit-tieni parti tal-akkordju kienet biss sporadika, bħalma inċidentalment irrikonoxxiet ukoll il-Kummissjoni u bħalma ġie rrilevat fil-punt 175 iktar ’il fuq.

380    Permezz tan-natura okkażjonali ta’ din il-parteċipazzjoni, l-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti huwa distint ukoll minn dak ta’ Ervin u ta’ Winoa, li lilhom il-Kummissjoni kienet imputatilhom, fil-premessa 36 tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, kuntatti antikompetittivi “iktar frekwenti minn dawk li jimplikaw lit-tliet partijiet l-oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fl-akkordju, fir-rigward preċiżament tal-koordinazzjoni relatata ma’ klijenti individwali. Barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet magħmula f’din l-istess premessa fil-konfront tad-destinatarji l-oħra tal-imsemmija deċiżjoni jippermettu wkoll li jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-koordinazzjoni relatata mal-klijenti individwali kienet komparabbli għal dik ta’ MTS, li lilha l-Kummissjoni wkoll imputatilha kuntatti okkażjonali biss, iżda li madankollu din kienet superjuri għal dik ta’ Würth, fejn il-Kummissjoni għandha ferm inqas provi tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar f’kuntatti antikompetittivi.

381    Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, għall-kuntrarju tal-erba’ parteċipanti l-oħra fl-akkordju, ir-rikorrenti ma kienet involuta bl-ebda mod fil-ftehim relatat maż-żieda fl-ispiża tal-enerġija, u dan min-naħa l-oħra ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti fuq id-destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, bħalma jirriżulta mill-premessi 51 u 52 tal-imsemmija deċiżjoni.

382    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, fil-każ ineżami, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti, b’differenza minn Ervin u Winoa, iżda bħal MTS u Würth, kellha globalment rwol iktar limitat fl-akkordju, bħalma rrilevat inċidentalment il-Kummissjoni fit-tabella li hija pproduċiet matul is-seduta.

383    It-tieni nett, fir-rigward tal-fattur relatat mal-effett konkret tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Pometon fuq il-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet u, korrelattivament, għall-profitt magħmul minn din l-impriża permezz tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-ksur tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ speċifiku tagħha fiż-ŻEE, li kien jammonta għal EUR 23 686 000, meta mqabbel ma’ dak ta’ Ervin (EUR 13 974 000), ta’ Winoa (EUR 101 470 000), ta’ MTS (EUR 20 978 000) u ta’ Würth (EUR 3 603 000), matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi fil-ksur.

384    Fil-fatt, peress li l-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni jkopri ż-ŻEE kollha (ara l-punti 265 u 266 iktar ’il fuq), il-valur tal-bejgħ speċifiku tal-impriża kkonċernata f’dan it-territorju jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-bejgħ imwettaq minn din l-impriża fis-suq rilevanti kkonċernat mill-ksur, u jirrifletti għalhekk il-piż ekonomiku ta’ din l-impriża fil-ksur u d-dannu li hija kkawżat lill-kompetizzjoni b’mod iktar xieraq mill-valur tal-bejgħ speċifiku tagħha fil-livell dinji, li jiġbor ukoll il-bejgħ bla rabta diretta mal-ksur.

385    Għaldaqstant, sa fejn ir-rata tal-bejgħ speċifiku globali ta’ Pometon fl‑2009, meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, ma tikkostitwixxix element rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterji kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 376 iktar ’il fuq), ma hemmx lok li tiġi vverifikata l-eżattezza – ikkontestata mir-rikorrenti – tar-rata ta’ 21 % imsemmija f’dan ir-rigward fit-tabella prodotta mill-Kummissjoni u li din l-istituzzjoni bbażat ruħha fuqha fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 319 u 323 iktar ’il fuq).

386    Fil-każ ineżami, il-paragun tal-valur tal-bejgħ speċifiku fiż-ŻEE ta’ kull waħda mill-ħames impriżi partijiet fl-akkordju, imsemmi fil-punt 383 iktar ’il fuq, juri li, jekk wieħed jibbaża ruħu fuq dan il-kriterju, il-piż ta’ Pometon fil-ksur jidher erba’ darbiet inqas sinjifikattiv minn dak ta’ Winoa, iżda li huwa relattivament viċin għal dak ta’ MTS u ferm superjuri għal dawk ta’ Ervin u ta’ Würth.

387    Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-fattur, iġġustifikat bis-sħiħ fir-rigward tal-ewwel parti tal-akkordju, li fih ir-rikorrenti kellha rwol sinjifikattiv, għandu jiġi aġġustat sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din tal-aħħar implimentat it-tieni parti biss b’mod sporadiku u għaldaqstant kellha rwol iktar limitat fl-akkordju minn Ervin jew Winoa, bħalma ġie rrilevat diġà fil-punt 382 iktar ’il fuq.

388    It-tielet nett, għall-finijiet ta’ ekwità, u filwaqt li jiġi żgurat madankollu li jiġi ggarantit l-effett dissważiv li għandha tiżgura multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-daqs rispettiv tal-impriżi kkonċernati, rifless mid-dħul mill-bejgħ totali tagħhom, li jikkostitwixxi, konformement mal-ġurisprudenza, indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika relatata ma’ kull waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:631, punt 17).

389    Madankollu, peress li r-rikorrenti ħarġet mis-suq tal-barraxa f’Mejju 2007, billi biegħet l-attività tagħha f’dan is-settur lil Winoa, għandu jiġi pparagunat id-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti fl‑2006 ma’ dak tal-partijiet l-oħra fl-akkordju fl‑2009, sa fejn id-dħul mill-bejgħ totali ta’ kull waħda minn dawn il-ħames impriżi, matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, jirrifletti b’mod xieraq is-sitwazzjoni ekonomika tagħha matul il-perijodu li matulu twettaq il-ksur.

390    Fil-każ ineżami, mid-data prodotta mill-Kummissjoni wara miżura ta’ istruttorja (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), kif ukoll mit-tabella prodotta minn din l-istituzzjoni matul is-seduta, jirriżulta li d-dħul mill-bejgħ ta’ Pometon fl‑2006 (EUR 99 890 000) ma kienx jilħaq it-terz ta’ dak ta’ Winoa (EUR 311 138 000), iżda kien ferm superjuri għal dawk ta’ Ervin (EUR 70 590 766), ta’ MTS (EUR 25 082 293) u ta’ Würth (EUR 11 760 787) fl‑2009.

391    Ir-raba’ nett, l-ibbilanċjar, fir-rigward ta’ dawn id-diversi fatturi, tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma’ dawk tad-destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni turi qabel kollox li, filwaqt li Ervin u Winoa, li r-rwol tagħhom fl-akkordju kien sinjifikattiv, kisbu tnaqqis eċċezzjonali ta’ 75 %, MTS u Würth, li, bħar-rikorrenti, kellhom rwol limitat fl-akkordju, min-naħa tagħhom kisbu rispettivament tnaqqis ta’ 90 % u ta’ 67 %, fejn id-daqs tat-tnaqqis mogħti lil MTS jista’ b’mod partikolari jiġi spjegat mill-konċentrazzjoni tal-attività tagħha, kif ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni (ara l-punti 322 u 377 iktar ’il fuq). Inċidentalment, mit-tabella prodotta mill-Kummissjoni jirriżulta li t-tliet impriżi li bejgħ tagħhom ftit li xejn kien iddiversifikat, jiġifieri MTS, Ervin u Winoa, kisbu, għalhekk, tnaqqis nettament iktar sinjifikattiv minn Pometon u Würth, li l-attività tagħhom kienet iddiversifikata.

392    Madankollu, sa fejn id-diversi rati ta’ adattament imsemmija iktar ’il fuq, iffissati mill-Kummissjoni fil-konfront tal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni dominanti, fil-metodu ta’ kalkolu tal-Kummissjoni, tar-rata tal-bejgħ speċifiku fil-livell dinji tal-impriża kkonċernata, il-livell ta’ dawn l-adattamenti ma huwiex rilevanti fil-każ ineżami u għalhekk ma jistax ikun element ta’ referenza għall-finijiet tal-iffissar mill-Qorti Ġenerali tal-ammont tal-adattament fil-konfront tar-rikorrenti fuq il-bażi tal-kriterji li hija qieset (ara l-punti 376 u 377 iktar ’il fuq).

393    Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi spjegati fil-punti 378 sa 392 iktar ’il fuq, tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami msemmija iktar ’il fuq billi Pometon tingħata rata ta’ tnaqqis eċċezzjonali ta’ 75 % fuq l-ammont bażiku tal-multa aġġustat abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), bħalma ġiet iffissata fid-deċiżjoni kkontestata.

394    Għal dawn il-motivi kollha, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa ffissat għal EUR 3 873 375.

395    Fl-aħħar nett, ir-rikors għandu jiġi miċħud għar-raba’ kap tat-talbiet tiegħu, peress li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tindirizza ordnijiet lill-Kummissjoni.

396    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li hemm lok, l-ewwel nett, li jiġi annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni nett, li jiġi ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 3 873 375 u, it-tielet nett, li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

IV.    Fuq l-ispejjeż

397    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fir-rigward ta’ waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

398    Fil-każ ineżami, peress li kull parti tilfet parzjalment fir-rigward tat-talbiet tagħha, kull waħda minnhom għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3121 final tal25 ta’ Mejju 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39792 – Barraxa tal-azzar), huwa annullat.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Pometon SpA huwa ffissat għal EUR 3 873 375.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Forrester

Półtorak

 

      Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Marzu 2019.

Firem

Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Il-fażi tal-istruttorja u l-ftuħ tal-proċedura

B. Il-proċedura ta’ tranżazzjoni u l-għażla ta’ Pometon li tirtira minn din il-proċedura

C. L-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata skont il-proċedura ordinarja u l-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ imparzjalità, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn il-Kummissjoni attribwixxiet, fid-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni, aġir speċifiku lir-rikorrenti, u b’hekk ikkundizzjonat l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a) Il-kuntest ġuridiku tal-kawża ineżami fir-rigward tal-aspetti prominenti tad-deċiżjoni ta’ tranżazzjoni tal-Kummissjoni

b) Fuq il-portata tad-dmir ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni u tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, b’mod partikolari fil-każ speċifiku ta’ proċedura ibrida matul perijodu mifrux

B. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, in-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni kif ukoll il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tar-regoli dwar l-oneru tal-prova, sa fejn il-Kummissjoni attribwixxiet lir-rikorrenti parteċipazzjoni fl-akkordju

1. Osservazzjonijiet preliminari relatati mal-oneru u mal-produzzjoni tal-prova

2. Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza allegata ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel parti tal-akkordju, relatata mal-metodu ta’ kalkolu taż-“żieda fir-ruttam”

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

1) Fuq ir-rwol inizjali tar-rikorrenti fl-implementazzjoni, matul is-sena 2003, taż-żieda fir-ruttam

2) Fuq l-applikazzjoni awtomatika taż-żieda fir-ruttam wara l-1 ta’ Frar 2004

3) Fuq il-kuntatti bejn ir-rikorrenti u l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, mill2004

4) Konklużjoni relatata mal-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel parti tal-akkordju

3. Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza allegata ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fit-tieni parti tal-akkordju, li tikkonsisti f’koordinazzjoni relatata ma’ klijenti individwali

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

1) Osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata tat-tieni parti tat-tieni motiv

2) Eżami tal-provi relatati mal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fit-tieni parti tal-akkordju

i) Fuq is-suq Spanjol

ii) Fuq is-swieq ta’ Franza u l-Belġju

iii) Fuq is-suq Ġermaniż

iv) Fuq is-suq Taljan

v) Konklużjonijiet relatati mal-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fit-tieni parti tal-akkordju

4. Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza allegata ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur uniku u kontinwu

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

1) Il-kunċett ġurisprudenzajli ta’ ksur uniku u kontinwu

2) Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu li jinkludi ż-żewġ partijiet tal-akkordju

3) Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu li jkopri ż-ŻEE kollha

C. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

D. Fuq ir-raba’ motiv, relatat mat-tul taż-żmien tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur u mal-preskrizzjoni

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

E. Fuq l-adattament tal-ammont bażiku tal-multa skont il-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a) Fuq l-ammissibbiltà tat-tabella prodotta matul is-seduta u t-talba għal kunfidenzjalità tal-Kummissjoni

b) Fuq it-talba għall-annullament tal-ammont tal-multa minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

1) Osservazzjonijiet preliminari dwar il-ġurisprudenza relatata mal-motivazzjoni tal-multi

2) Fuq il-motivazzjoni tal-adattament eċċezzjonali tal-ammont tal-multa fid-deċiżjoni kkontestata

c) Fuq it-talba għal bidla tal-ammont tal-multa

IV. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.