SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar ta’ data personali – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Direttiva 2002/58/KE – Artikoli 5, 6 u 9 kif ukoll Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Obbligu dwar iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni – Awtoritajiet nazzjonali – Aċċess għad-data – Assenza ta’ kontroll minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti – Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑203/15 u C‑698/15,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kammarrätten i Stockholm (qorti tal-appell amministrattiva ta’ Stokkolma, l-Isvezja) u mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tad-29 ta’ April 2015 u tad-9 ta’ Diċembru 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Mejju 2015 u fit-28 ta’ Diċembru 2015, fil-kawżi

Tele2 Sverige AB (C‑203/15)

vs

Post- och telestyrelsen,

u

Secretary of State for the Home Department (C‑698/15)

vs

Tom Watson,

Peter Brice,

Geoffrey Lewis,

fil-preżenza ta’:

Open Rights Group,

Privacy International,

The Law Society of England and Wales,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça, E. Juhász u M. Vilaras, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Levits, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin, F. Biltgen u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2016 li l-Kawża C‑698/15 tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Tele2 Sverige AB, minn M. Johansson u N. Torgerzon, advokater, kif ukoll minn E. Lagerlöf u S. Backman,

–        għal T. Watson, minn J. Welch u E. Norton, solicitors, I. Steele, advocate, B. Jaffey, barrister, kif ukoll minn D. Rose, QC,

–        għal P. Brice u G. Lewis, minn A. Suterwalla u R. de Mello, barristers, R. Drabble, QC, kif ukoll minn S. Luke, solicitor,

–        għal Open Rights Group u Privacy International, minn D. Carey, solicitor, kif ukoll minn R. Mehta u J. Simor, barristers,

–        għal The Law Society of England and Wales, minn T. Hickman, barrister, kif ukoll minn N. Turner,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson, N. Otte Widgren u L. Swedenborg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, L. Christie u V. Kaye, bħala aġenti, assistiti minn D. Beard, G. Facenna u J. Eadie, QC, kif ukoll minn S. Ford, barrister,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, S. Vanrie u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u M. Wolff, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u J. Kemper, bħala aġenti, assistiti minn M. Kottmann u U. Karpenstein, Rechtsänwalte,

–        għall-Gvern Estonjan, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon, L. Williams u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas, F.‑X. Bréchot u C. David, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn K. Kleanthous, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman, M. Gijzen u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer, K. Simonsson, H. Kranenborg, D. Nardi, P. Costa de Oliveira u J. Vondung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”)

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, fl-ewwel waħda, Tele2 Sverige AB u l-Post- och telestyrelsen (awtorità Svediża ta’ sorveljanza tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem il-“PTS”), dwar ordni maħruġa minn din tal-aħħar fil-konfront ta’ Tele2 Sverige sabiex iżżomm id-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati tagħha (Kawża C‑203/15), u, fit-tieni waħda, bejn, minn naħa, Tom Watson, Peter Brice u Geoffrey Lewis u, min-naħa l-oħra, is-Secretary of State for the Home Department (Ministru tal-intern, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq), dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 1 tad-Data Retention and Investigatory Powers Act 2014 (Liġi tal-2014 dwar iż-żamma tad-data u s-setgħat ta’ investigazzjoni, iktar ’il quddiem id-“DRIPA”) (Kawża C‑698/15).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2002/58

3        Il-premessi 2, 6, 7, 11, 21, 22, 26 u 30 tad-Direttiva 2002/58 jiddikjaraw:

“(2)      Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 [tagħha].

[...]

(6)      L-Internet qed jaqleb l-istrutturi tas-suq tradizzjonali billi jipprovdi infrastruttura komuni u globali għat-twassil ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fuq l-Internet jiftħu possibiltajiet ġodda għal min jużahom iżda ukoll riskji ġodda għal data personali u privatezza tagħhom.

(7)      Fil-każ ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi legali, regolatorji, u tekniċi għandhom jsiru sabiex ikunu protetti d-drittijiet u libertajiet fondamentali tal-persuni naturali u l-interessi leġittimi tal-persuni legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna awtomatizzata u l-ipproċessar tad-data li għandha x’taqsam ma’ l-abbonati u l-utenti.

[...]

(11)      Bħad-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, hekk kif interpretati mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali.

[...]

(21)      Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi pprevenut l-aċċess mhux awtorizzat ta’ komunikazzjonijiet sabiex titħares il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni, li tinkludi kemm il-kontenut kif ukoll kull data relatata ma’ din il-komunikazzjoni, permezz ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni u servizzi ta’ telekomunikazzjoni elettroniċi disponibbli pubblikament. Il-leġislazzjoni nazzjonali f’ċerti Stati Membri tipprojbixxi biss l-aċċess intenzjonali mhux awtorizzat għall-komunikazzjonijiet.

(22)      Il-projbizzjoni tal-ħażna tal-komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti jew mingħajr il-kunsens tagħhom mhix maħsuba li tipprojbixxi ħażna awtomatika, intermedja u temporanja ta’ din l-informazzjoni sa fejn dan isir għall-iskop uniku li titwettaq it-trasmissjoni fin-network tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u sakemm l-informazzjoni ma tinħażinx għal żmien itwal milli huwa meħtieġ għat-trasmissjoni u għall-iskopijiet tal-ġestjoni tat-traffiku, u li matul iż-żmien tal-ħażna tibqa’ garantita l-kunfidenzjalità. [...]

[...]

(26)      Id-data dwar l-abbonati li tiġi pproċessata fin-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet u tiġi trasmessa l-informazzjoni ikun fihom informazzjoni dwar il-ħajja privata ta’ persuni naturali u jikkonċernaw id-dritt għar-rispett tal-korrispondenza tagħhom jew jikkonċernaw l-interessi leġittimi ta’ persuni legali. Dawn id-data jistgħu jinħażnu biss sa fejn huma meħtieġa għall-provvista tas-servizz u għall-iskop tal-kontijiet u l-ħlas ta’ l-interkonnessjoni, u għal żmien limitat. Kull proċessar ulterjuri ta’ dawn id-data [...] jista jiġi permess biss jekk l-abbonat ikun qabel ma’ dan fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża u sħiħa mogħtija mill-provditur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament dwar it-tipi ta’ proċessar ulterjuri li bi ħsiebu jagħmel u dwar id-dritt ta’ l-abbonat li ma jagħtix jew li jirtira l-kunsens tiegħu/tagħha għal tali proċessar. [...]

[...]

(30)      Sistemi għall-provvista ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu diżinjati li jillimitaw l-ammont ta’ data personali meħtieġa għall-minimu strettament possibbli. [...]”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali.

3.      Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’ kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.”

5        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva [95/46] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [‘Qafas’]) [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)].

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(b)      ‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

(c)      ‘data dwar [il-lokalizzazzjoni]’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;

(d)       ‘komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[...]”

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Servizzi kkonċernati”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fil-Komunità, inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni.”

7        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Sigurtà ta’ pproċessar”, huwa fformulat b’dan il-mod:

“1.      Il-provditur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandu jieħu passi xierqa tekniċi u ta’ organizzazzjoni biex jissalvagwardja s-sigurtà tas-servizzi tiegħu, jekk meħtieġ flimkien mal-provditur tan-network ta’ komunikazzjoni pubblika fir-rigward tas-sigurtà tan-network. Filwaqt li tiġi kkunsidrata l-istat l-aktar avvanzat u l-ispiża ta’ l-implimentazzjoni tagħhom, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju ppreżentat.

1a.      Mingħajr ħsara għad-Direttiva [95/46], il-miżuri msemmija f’Paragrafu 1 għandhom għall-inqas:

–        jassiguraw li d-data personali tkun tista’ tiġi aċċessata biss minn persunal awtorizzat u għal raġunijiet awtorizzati legalment;

–        jipproteġu d-data personali maħżuna jew trażmessa mill-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf jew tibdil aċċidentali, u l-ħżin, l-ipproċessar, l-aċċess jew l-iżvelar mhux awtorizzati jew illegali; kif ukoll

–        jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ sigurtà fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

[...]”

8        Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”

9        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jipprovdi:

“1.      Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.      Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

3.      Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.

[...]

5.      L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.”

10      L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Data dwar [il-lokalizzazzjoni] li ma tkunx data dwar it-traffiku”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn id-data dwar [il-lokalizzazzjoni] li ma tkunx data dwar it-traffiku, relatata ma’ utenti jew abbonati ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, tista tiġi pproċessata, din id-data tista’ tiġi pproċessata biss fejn tkun ġiet magħmula anonima, jew bil-kunsens ta’ l-utenti jew ta’ l-abbonati sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għall-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud. Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-utenti jew abbonati, qabel ma jakkwista l-kunsens tagħhom, dwar it-tip ta’ data dwar [il-lokalizzazzjoni] li ma tkunx data dwar it-traffiku li ser tiġi pproċessata, dwar l-iskopijiet u ż-żmien ta’ l-ipproċessar u jekk id-data hix ser tiġi trasmessa lil xi terza persuna għall-iskop li jkunprovdut servizz bil-valur miżjud. [...]”

11      L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

[...]

1b.      Il-fornituri għandhom jistabbilixxu proċeduri interni biex iwieġbu talbiet għal aċċess għad-data personali tal-utenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adotatti skont il-paragrafu 1. Għandhom jipprovdu lill-awtorità nazzjonali kompetenti, meta din titlobha, b’informazzjoni dwar dawn il-proċeduri, in-numru ta’ talbiet li jkunu waslu għandhom, il-ġustifikazzjoni legali invokata u r-risposti tagħhom.

2.      Id-dispożizzjonijiet fil-Kaptilu III dwar rimedji ġudizzjarji, risponsabbilità u sanzjonijiet tad-Direttiva [95/46] għandhom jgħoddu fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u fir-rigward tad-drittijiet individwali derivati minn din id-Direttiva.

[...]”

 Id-Direttiva 95/46

12      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, huwa fformulat kif ġej:

“Bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv li dwaru tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28, qabel ma ssir referenza lill-awtorità ġudizjarja, Stati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kull persuna għal rimedju ġudizjarju għal kull ksur tad-drittijiet garantiti lilha bil-liġi nazzjonali li tkun tapplika għall-ipproċessar in kwistjoni.”

 Id-Direttiva 2006/24/KE

13      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temend[a] d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54), intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal data dwar it-traffiku u data dwar il-lok[alizzazzjoni] kemm dwar entitajiet ġuridiċi kif ukoll dwar persuni fiżiċi u għad-data relatata meħtieġa sabiex ikun identifikat l-abbonat jew l-utent reġistrat. Ma għandhiex tapplika għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluża informazzjoni konsultata bl-użu ta’ network ta’ komunikazzjoni elettronika.”

14      Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-obbligu li tinżamm id-data”:

“1.      B’deroga mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva [2002/58], l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data speċifikata fl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva tinżamm skond id-dispożizzjonijiet tagħha sa fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-proċess tal-forniment tas-servizzi ta’ komunikazzjoni konċernati.

2.       L-obbligu taż-żamma ta’ data previst fil-paragrafu 1 għandu jinkludi iż-żamma tad-data speċifikata fl-Artikolu 5 relatata ma’ tentattivi ta’ telefonati mingħajr suċċess fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata, u maħżuna (fir-rigward ta’ data dwar telefonati) jew reġistrata (fir-rigward ta’ data ta’ l-Internet) minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għal pubbliku jew ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat Membru konċernat fil-proċess tal-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjoni konċernati. Din id-Direttiva ma tesiġix iż-żamma ta’ data fir-rigward ta’ telefonati mhux konnessi.”

 Id-dritt Svediż

15      Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑203/15 jirriżulta li l-leġiżlatur Svediż, sabiex jittrasponi d-Direttiva 2006/24 fid-dritt nazzjonali, emenda l-lagen (2003:389) om elektronisk kommunikation [Liġi (2003:389) dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, iktar ’il quddiem il-“LEK”] u l-förordningen (2003:396) om elektronisk kommunikation [Regolament (2003:396) dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi]. Dawn iż-żewġ testi, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jinkludu regoli dwar iż-żamma ta’ data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll dwar l-aċċess għal din id-data mill-awtoritajiet nazzjonali.

16      Barra minn hekk, l-aċċess għall-imsemmija data huwa rregolat mil-lagen (2012:278) om inhämtning av uppgifter om elektronisk kommunikation i de brottsbekämpande myndigheternas underrättelseverksamhet [Liġi (2012:278) dwar il-komunikazzjoni ta’ data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi, iktar ’il quddiem il-“Liġi 2012:278”], kif ukoll mir-rättegångsbalken (kodiċi ta’ proċedura ġudizzjarja, iktar ’il quddiem ir-“RB”).

 Fuq l-obbligu li tinżamm data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi

17      Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑203/15, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16a tal-Kapitolu 6 tal-LEK, moqrija flimkien mal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 ta’ din il-liġi, jipprevedu obbligu għall-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jżommu d-data li ż-żamma tagħha kienet prevista mid-Direttiva 2006/24. Id-data kkonċernata minn dan l-obbligu hija data dwar l-abbonamenti u dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha meħtieġa sabiex jinstabu u jiġu identifikati s-sors u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni, sabiex jiġu ddeterminati d-data, il-ħin, it-tul u n-natura tagħha, sabiex jiġi identifikat l-apparat ta’ komunikazzjoni użat kif ukoll sabiex jiġi llokalizzat l-apparat mobbli użat meta tibda u meta tintemm il-komunikazzjoni. L-obbligu li tinżamm data jkopri d-data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest ta’ servizz ta’ telefonija, ta’ servizz ta’ telefonija permezz ta’ punt ta’ konnessjoni mobbli, ta’ sistema elettronika li żżomm il-messaġġi ta’ telefonati, ta’ servizz ta’ aċċess għall-internet kif ukoll ta’ servizz ta’ provvista ta’ kapaċitajiet ta’ aċċess għall-internet (mod ta’ konnessjoni). Dan l-obbligu jinkludi wkoll id-data dwar il-komunikazzjonijiet li ma jirnexxux. Madankollu, dan l-obbligu ma jkoprix il-kontenut tal-komunikazzjonijiet.

18      L-Artikoli 38 sa 43 tar-Regolament (2003:396) dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi jispeċifikaw il-kategoriji ta’ data li għandhom jinżammu. Fir-rigward tas-servizzi ta’ telefonija, għandha tinżamm b’mod partikolari d-data dwar it-telefonati u dwar in-numri tat-telefonati kif ukoll dwar id-dati u l-ħin li jistgħu jiġu segwiti tal-bidu u tat-tmiem tal-komunikazzjoni. Fir-rigward tas-servizzi ta’ telefonija permezz ta’ punt ta’ konnessjoni mobbli, huma imposti obbligi supplimentari bħalma hija, pereżempju, iż-żamma tad-data dwar il-lokalizzazzjoni tal-bidu u tat-tmiem tal-komunikazzjoni. Fir-rigward tas-servizzi ta’ telefonija li jużaw konnessjoni IP, għandha tinżamm, b’mod partikolari, minbarra d-data diġà msemmija, id-data dwar l-indirizzi IP ta’ min jagħmel it-telefonata u ta’ min jirċeviha. Fir-rigward tas-sistemi elettroniċi li jżommu l-messaġġi ta’ telefonati, għandha tinżamm, b’mod partikolari, id-data dwar in-numri ta’ min jagħmel it-telefonata u ta’ min jirċeviha, l-indirizzi IP jew kull indirizz ieħor ta’ servizz li jżomm il-messaġġi. Fir-rigward tas-servizzi ta’ aċċess għall-internet, għandha tinżamm, pereżempju, id-data dwar l-indirizzi IP tal-utenti kif ukoll id-dati u l-ħin li jistgħu jiġu segwiti tal-konnessjoni u tal-qtugħ tal-konnessjoni għas-servizzi ta’ aċċess għall-internet.

 Fuq il-perijodu taż-żamma tad-data

19      Konformement mal-Artikolu 16d tal-Kapitolu 6 tal-LEK, id-data msemmija fl-Artikolu 16 ta’ dan il-kapitolu għandha tinżamm mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data ta’ meta tintemm il-komunikazzjoni. Sussegwentement, din id-data għandha titħassar immedjatament, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16d tal-imsemmi kapitolu.

 Fuq l-aċċess għad-data miżmuma

20      L-aċċess, mill-awtoritajiet nazzjonali, għad-data miżmuma huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi 2012:278, tal-LEK u tar-RB.

–       Il-Liġi 2012:278

21      Fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni, il-pulizija nazzjonali, is-Säkerhetspolisen (pulizija tas-sigurtà, l-Isvezja) u t-Tullverket (amministrazzjoni doganali, l-Isvezja) jistgħu, fuq il-bażi tal-Artikolu 1 tal-Liġi 2012:278, fil-kundizzjonijiet previsti f’din il-liġi u mingħajr l-għarfien tal-fornitur ta’ netwerk elettroniku ta’ komunikazzjoni jew ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi awtorizzat skont il-LEK, jiġbru data dwar il-messaġġi mibgħuta f’netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, dwar l-apparat ta’ komunikazzjoni elettroniku li jinsab f’żona ġeografika partikolari kif ukoll dwar iż-żona jew iż-żoni ġeografiċi fejn jinsab jew fejn kien jinsab apparat ta’ komunikazzjoni elettronika.

22      Konformement mal-Artikoli 2 u 3 tal-Liġi 2012:278, id-data tista’, bħala prinċipju, tinġabar jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, il-miżura tkun partikolarment neċessarja sabiex tiġi evitata, prekluża jew ikkonstatata attività kriminali li timplika jew reat wieħed jew iktar issanzjonat permezz ta’ piena ta’ priġunerija ta’ minn tal-inqas sentejn, jew wieħed mill-atti elenkati fl-Artikolu 3 ta’ din il-liġi li jinkludu r-reati ssanzjonati b’piena ta’ priġunerija ta’ inqas minn sentejn. Ir-raġunijiet li jeżiġu din il-miżura għandhom jegħlbu l-kunsiderazzjonijiet marbuta mad-dannu jew mal-preġudizzju li din il-miżura timplika għal min ikun is-suġġett tagħha jew għal interess li jinsab f’kunflitt magħha. Konformement mal-Artikolu 5 tal-imsemmija liġi, it-tul tal-miżura ma jistax ikun ta’ iktar minn xahar.

23      Id-deċiżjoni li tittieħed tali miżura tinsab f’idejn id-direttur tal-awtorità kkonċernata jew f’idejn persuna ddelegata għal dan il-għan. Din id-deċiżjoni ma hijiex suġġetta għal kontroll minn qabel min-naħa ta’ awtorità ġudizzjarja jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti.

24      Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi 2012:278, is-Säkerhets och integritetsskyddsnämnden (kummissjoni tas-sigurtà u tal-protezzjoni tal-integrità, l-Isvezja) għandha tiġi informata b’kull deċiżjoni li tawtorizza l-ġbir ta’ data. Konformement mal-Artikolu 1 tal-lagen (2007:980) om tillsyn över viss brottsbekämpande verksamhet [Liġi (2007:980) dwar is-superviżjoni ta’ ċerti attivitajiet tal-infurzar tal-liġi], din l-awtorità għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi mill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi.

–       Il-LEK

25      Skont il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22 tal-Kapitolu 6 tal-LEK, kull fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jikkomunika d-data dwar abbonament fuq ordni mill-prosekutur pubbliku, mill-pulizija nazzjonali, mill-pulizija tas-sigurtà jew minn kull awtorità pubblika għall-infurzar tal-liġi oħra, jekk din id-data tkun marbuta ma’ ksur issuspettat. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑203/15, ma huwiex meħtieġ li jkun involut reat gravi.

–       Ir-RB

26      Ir-RB jirregola l-komunikazzjoni tad-data miżmuma lill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet preliminari. Konformement mal-Artikolu 19 tal-Kapitolu 27 tar-RB, it-“tqegħid taħt sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” mingħajr l-għarfien ta’ terzi huwa, bħala prinċipju, awtorizzat fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet preliminari li jikkonċernaw, b’mod partikolari, reati ssanzjonati permezz ta’ pieni ta’ priġnerija ta’ minn tal-inqas sitt xhur. Skont l-Artikolu 19 tal-Kapitolu 27, “tqegħid taħt sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” ifisser il-kisba ta’ data mingħajr l-għarfien ta’ terzi fir-rigward ta’ messaġġ mibgħut permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-apparat ta’ komunikazzjoni elettronika preżenti jew li kien preżenti f’żona ġeografika partikolari kif ukoll iż-żona jew iż-żoni ġeografiċi fejn jinsab jew fejn kien jinsab apparat ta’ komunikazzjoni elettroniku partikolari.

27      Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑203/15, ma tistax tinkiseb informazzjoni dwar il-kontenut ta’ messaġġ fuq il-bażi tal-Artikolu 19 tal-Kapitolu 27 tar-RB. Bħala prinċipju, it-tqegħid taħt sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ jiġi ordnat biss, skont l-Artikolu 20 tal-Kapitolu 27 tar-RB, meta jkun hemm indizji plawżibbli li jippermettu li jiġi ssuspettat li persuna hija l-awtur ta’ reat u meta l-miżura tkun partikolarment neċessarja għall-ħtiġijiet tal-investigazzjoni, li barra minn hekk għandha tkun tikkonċerna reat issanzjonat permezz ta’ piena ta’ priġunerija ta’ minn tal-inqas sentejn jew it-tentattiv, it-tħejjija jew il-kospirazzjoni kriminali bil-għan li jitwettaq tali reat. Konformement mal-Artikolu 21 tal-Kapitolu 27 tar-RB, il-prosekutur pubbliku għandu, ħlief fil-każ ta’ urġenza, jitlob lill-qorti kompetenti tawtorizza t-tqegħid taħt sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

 Fuq is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data miżmuma

28      Skont l-Artikolu 3a tal-Kapitolu 6 tal-LEK, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi suġġetti għall-obbligu li jżommu d-data għandhom jieħdu l-miżuri ta’ natura teknika u organizzattiva adegwati sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-data meta din tkun qiegħda tiġi pproċessata. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑203/15, id-dritt Svediż ma jipprevedix, madankollu, dispożizzjonijiet dwar il-post fejn għandha tinżamm id-data.

 Id-dritt tar-Renju Unit

 Id-DRIPA

29      L-Artikolu 1 tad-DRIPA, intitolat “Setgħat fil-qasam taż-żamma ta’ data dwar komunikazzjonijiet rilevanti, permezz ta’ garanziji”, jipprovdi:

“(1)      Il-[Ministru tal-intern] jista’, permezz ta’ att (l-‘att li jordna ż-żamma’), jeżiġi li operatur ta’ telekomunikazzjonijiet pubbliċi jżomm data rilevanti dwar komunikazzjonijiet jekk iqis li dan ir-rekwiżit huwa neċessarju u proporzjonat għal wieħed jew iktar mill-għanijiet previsti fil-punti (a) sa (h) tal-paragrafu 2 tat-taqsima 22 tar-Regulation of Investigatory Powers Act 2000 [Liġi tal-2000 li tirregola s-setgħat ta’ investigazzjoni] (għanijiet li fir-rigward tagħhom tista’ tinkiseb id-data dwar komunikazzjonijiet).

(2)      Att li jordna ż-żamma jista’:

(a)      jikkonċerna operatur partikolari jew kategorija sħiħa ta’ operaturi;

(b)      jimponi ż-żamma tad-data kollha jew ta’ kategorija sħiħa ta’ data;

(c)      jispeċifika l-perijodu jew il-perijodi li matulhom id-data għandha tinżamm;

(d)      jinkludi rekwiżiti jew restrizzjonijiet oħra fir-rigward taż-żamma tad-data;

(e)      jipprevedi dispożizzjonijiet differenti għal finijiet differenti;

(f)      jikkonċerna data, irrispettivament minn jekk tkunx teżisti jew le fid-data tal-adozzjoni jew tad-dħul fis-seħħ tal-att li jordna ż-żamma.

(3)      Il-[Ministru tal-intern] jista’, permezz ta’ regolamenti, jadotta dispożizzjonijiet addizzjonali dwar iż-żamma tad-data rilevanti dwar komunikazzjonijiet.

(4)      Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jikkonċernaw, b’mod partikolari:

(a)      ir-rekwiżiti meħtieġa qabel l-adozzjoni tal-att li jordna ż-żamma;

(b)      il-perijodu massimu li matulu d-data għandha tinżamm skont att li jordna ż-żamma;

(c)      il-kontenut, l-adozzjoni, id-dħul fis-seħħ, l-eżami mill-ġdid, l-emenda jew ir-revoka ta’ att li jordna ż-żamma;

(d)      l-integrità, is-sigurtà jew il-protezzjoni tad-data miżmuma skont dan l-artikolu, l-aċċess għal din id-data kif ukoll l-iżvelar jew il-qerda tagħha;

(e)      l-implementazzjoni tar-rekwiżiti jew tar-restrizzjonijiet rilevanti jew il-verifika tal-konformità ma’ dawn ir-rekwiżit jew restrizzjonijiet;

(f)      Kodiċi dwar il-prassi fir-rigward tar-rekwiżiti, tar-restrizzjonijiet jew tas-setgħat rilevanti;

(g)      ir-rimbors mill-[Ministru tal-intern] (taħt ċerti kundizzjonijiet jew le) tal-ispejjeż sostnuti mill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet pubbliċi sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti jew mar-restrizzjonijiet rilevanti;

(h)      il-fatt li d-[Data Retention (EC Directive) Regulations 2009 (Regolamenti tal-2009 dwar iż-żamma ta’ data fis-sens tad-Direttiva KE)] ma għadhomx fis-seħħ u t-tranżizzjoni lejn iż-żamma ta’ data skont dan l-artikolu.

(5)      Il-perijodu massimu previst skont l-Artikolu 4(b) ma jistax ikun ta’ iktar minn 12-il xahar mid-data speċifikata fir-rigward tad-data kkonċernata mir-regolamenti msemmija fil-paragrafu 3.

[...]”

30      L-Artikolu 2 tad-DRIPA jiddefinixxi l-espressjoni “data rilevanti dwar komunikazzjonijiet” bħala li tkopri d-“data rilevanti dwar komunikazzjonijiet tat-tip ta’ dawk imsemmija fl-Anness għar-Regolamenti tal-2009 dwar iż-żamma ta’ data fis-sens tad-Direttiva KE, bil-kundizzjoni li din id-data tiġi ġġenerata jew ipproċessata fir-Renju Unit minn operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet pubbliċi, fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet ikkonċernati”.

 Ir-RIPA

31      L-Artikolu 21 tal-Liġi tal-2000 li tirregola s-setgħat ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“RIPA”), li jinsab fil-Kapitolu II ta’ din il-liġi u li huwa intitolat “Kisba u żvelar ta’ data dwar komunikazzjonijiet”, jispeċifika, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“F’dan il-kapitolu, ‘data dwar komunikazzjonijiet’ tfisser kwalunkwe waħda mill-kunċetti segwenti:

(a)      kwalunkwe data dwar it-traffiku inkluża fi jew annessa ma’ komunikazzjoni (minn min jagħmilha jew minn ħaddieħor) għall-finijiet ta’ kwalunkwe servizz postali jew ta’ sistema ta’ telekomunikazzjoni li permezz tagħhom tintbagħat jew tista’ tintbagħat;

(b)      kwalunkwe informazzjoni li ma tinkludi ebda kontenut ta’ komunikazzjoni [bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni li taqa’ taħt il-punt (a)] u li tikkonċerna l-użu magħmul minn kwalunkwe persuna:

(i)      ta’ kwalunkwe servizz postali jew ta’ telekomunikazzjonijiet; jew

(ii)      fir-rigward tal-provvista jew tal-użu minn kwalunkwe persuna ta’ kwalunkwe servizz ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ kwalunkwe parti ta’ sistema ta’ telekomunikazzjoni;

(c)      kwalunkwe informazzjoni li ma taqax taħt il-punti (a) jew (b), li tinżamm jew tinkiseb, inkonnessjoni mal-persuni destinatarji tas-servizz, minn persuna li tipprovdi servizz postali jew servizz ta’ telekomunikazzjonijiet.”

32      Skont l-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑698/15, din id-data tinkludi d-“data dwar il-lokalizzazzjoni ta’ utent”, iżda mhux dik dwar il-kontenut ta’ komunikazzjoni.

33      Fir-rigward tal-aċċess għad-data miżmuma, l-Artikolu 22 tar-RIPA jipprovdi:

“(1)      Dan l-artikolu ma japplikax meta persuna responsabbli għall-finijiet ta’ dan il-kapitolu tqis li huwa meħtieġ, għar-raġunijiet li jaqgħu taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, li tinkiseb kwalunkwe data dwar komunikazzjoni.

(2)      Ikun meħtieġ għar-raġunijiet imsemmija f’dan il-paragrafu li tinkiseb id-data dwar komunikazzjonijiet jekk din id-data tkun meħtieġa:

(a)      fl-interess tas-sigurtà nazzjonali;

(b)      għall-finijiet tal-prevenzjoni jew tal-identifikazzjoni tal-kriminalità jew tal-prevenzjoni ta’ disturbi għall-ordni pubbliku;

(c)      fl-interess tal-benesseri ekonomiku tar-Renju Unit;

(d)      fl-interess tas-sigurtà pubblika;

(e)      għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika;

(f)      għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-bażi ta’ stima jew ta’ ġbir ta’ kwalunkwe taxxa, dazju, tariffa jew imposta oħra, kontribuzzjoni jew oneru dovut lill-amministrazzjoni pubblika;

(g)      għall-finijiet tal-prevenzjoni, fil-każ ta’ urġenza, ta’ mewt, ta’ leżjoni jew ta’ kwalunkwe dannu ieħor għas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika jew għall-finijiet tal-limitazzjoni ta’ kwalunkwe leżjoni jew ħsara għas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika;

(h)      għal kwalunkwe fini oħra (li ma taqax taħt il-punti a sa g) speċifikata f’ordni stabbilita mill-[Ministru tal-intern].

(4)      Bla ħsara għall-paragrafu 5, meta l-persuna responsabbli jidhrilha li operatur ta’ telekomunikazzjonijiet jew operatur postali għandu, jista’ jkollu jew jista’ jkun kapaċi li jkollu, fil-pussess tiegħu data, hija tista’ tordna lill-operatur ta’ telekomunikazzjonijiet jew lill-operatur postali

(a)      jikseb din id-data jekk ma tkunx diġà fil-pussess tiegħu, u

(b)      jiżvela, fi kwalunkwe każ, id-data kollha fil-pussess tiegħu jew li jkun kiseb sussegwentement.

(5)       Il-persuna responsabbli ma għandhiex tagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 3 u ma għandhiex tagħmel ordni skont il-paragrafu 4 ħlief fil-każ li tqis li l-kisba tad-data inkwistjoni li tirriżulta minn aġir awtorizzat jew ordnat bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ ordni hija proporzjonata għall-għan li għandu jintlaħaq permezz tal-kisba tad-data.”

34      Konformement mal-Artikolu 65 tar-RIPA, jistgħu jiġu ppreżentati lmenti quddiem l-Investigatory Powers Tribunal (tribunal responsabbli għas-setgħat ta’ investigazzjoni) jekk ikun hemm raġuni sabiex wieħed jaħseb li tkun inkisbet data b’mod li ma huwiex xieraq.

 Id-Data Retention Regulations 2014

35      Id-Data Retention Regulations 2014 (Regolamenti tal-2014 dwar iż-żamma ta’ data), adottati fuq il-bażi tad-DRIPA, huma maqsuma fi tliet partijiet, fejn it-tieni parti tinkludi l-Artikoli 2 sa 14 ta’ dawn ir-regolamenti. L-Artikolu 4, intitolat “Ordni dwar żamma”, jipprovdi:

“(1)       L-ordni dwar żamma għandha tispeċifika:

(a)      l-operatur pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet (jew id-deskrizzjoni tal-operaturi) li lilhom tkun indirizzata,

(b)      id-data dwar il-komunikazzjonijiet rilevanti li għandha tinżamm,

(c)      il-perijodu jew il-perijodi li matulhom għandha tinżamm id-data,

(d)      kwalunkwe rekwiżit ieħor jew restrizzjoni oħra inkonnessjoni maż-żamma tad-data.

(2)      Ordni dwar żamma ma tistax teżiġi li data tinżamm għal iktar minn 12-il xahar b’effett:

(a)      fil-każ ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar l-użu tas-servizzi, mill-jum tal-komunikazzjoni kkonċernata u

(b)      fil-każ ta’ data dwar l-abbonati, mill-jum li fih il-persuna kkonċernata ttemm is-servizz ta’ komunikazzjoni inkwistjoni jew mill-jum li fih id-data tinbidel (jekk din tkun preċedenti).

[...]”

36      Skont l-Artikolu 7 ta’ dawn ir-regolamenti, intitolat “Integrità u sigurtà tad-data”:

“(1)      Operatur pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet li jżomm data skont l-Artikolu 1 tad-[DRIPA] għandu:

(a)      jiżgura li d-data tkun tal-istess integrità u tkun suġġetta minn tal-inqas għall-istess livell ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni bħad-data tas-sistemi li minnhom toriġina,

(b)      jiżgura, permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati, li jkun biss il-persunal awtorizzat speċifikament li jista’ jkollu aċċess għad-data, u

(c)      jipproteġi, permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi adegwati, id-data kontra l-qerda illegali, it-telf jew il-ħsara ta’ natura inċidentali, jew kontra ż-żamma, l-ipproċessar, l-aċċess jew l-iżvelar illegali jew mhux awtorizzati.

(2)      Operatur pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet li jżomm data dwar il-komunikazzjonijiet skont l-Artikolu 1 tad-[DRIPA] għandu jeqred id-data jekk iż-żamma tad-data ma tibqax awtorizzata taħt dan l-artikolu u ma tkunx awtorizzata b’xi mod ieħor permezz tal-liġi.

(3)      Ir-rekwiżit previst fil-paragrafu 2 li d-data tinqered huwa rekwiżit li jikkonsisti fit-tħassir tad-data b’tali mod li l-aċċess għal din id-data jkun impossibbli.

(4)      Huwa suffiċjenti għall-operatur li jieħu miżuri sabiex it-tħassir tad-data jitwettaq kull xahar jew f’intervalli iqsar skont il-possibbiltajiet tal-operatur fil-prattika.”

37      L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolamenti, intitolat “Żvelar tad-data miżmuma”, jipprovdi:

“(1)      Operatur pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet għandu jimplementa sistemi ta’ sigurtà adegwati (li jinkludu miżuri tekniċi u organizzattivi) li jiddeterminaw l-aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet miżmuma skont l-Artikolu 1 tad-[DRIPA] sabiex jiġi evitat kwalunkwe żvelar li ma jkunx kopert mill-Artikolu 1(6)(a) tad-[DRIPA].

(2)      Operatur pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet li jżomm data skont l-Artikolu 1 tad-[DRIPA] għandu jżomm id-data b’mod li jkun jista’ jittrażmettiha, mingħajr dewmien mhux ġustifikat, bi tweġiba għal ordni.”

38      L-Artikolu 9 ta’ dawn l-istess regolamenti, intitolat “Kontroll mill-kummissarju responsabbli għall-informazzjoni”, jipprovdi:

“Il-kummissarju responsabbli għall-informazzjoni għandu jivverifika l-osservanza tar-rekwiżiti jew tar-restrizzjonijiet, previsti f’din il-parti, inkonnessjoni mal-integrità, mas-sigurtà u mal-qerda tad-data miżmuma skont l-Artikolu 1 [tad-DRIPA].”

 Il-kodiċi dwar il-prassi

39      L-Acquisition and Disclosure of Communications Data Code of Practice (kodiċi dwar il-prassi fir-rigward tal-kisba u tal-iżvelar ta’ data dwar il-komunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem il-“kodiċi dwar il-prassi”) jinkludi, fil-paragrafi 2.5 sa 2.9 u 2.36 sa 2.45, linji gwida dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-kisba ta’ data dwar il-komunikazzjonijiet. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑698/15, għandha tingħata attenzjoni partikolari, konformement mal-paragrafi 3.72 sa 3.77 ta’ dan il-kodiċi, fir-rigward tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità meta d-data dwar il-komunikazzjonijiet mitluba tkun tikkonċerna persuna li hija membru ta’ professjoni li tibbenefika minn informazzjoni protetta bis-sigriet professjonali jew minn informazzjoni kunfidenzjali minħabba raġuni oħra.

40      Skont il-paragrafi 3.78 sa 3.84 tal-imsemmi kodiċi, fil-każ partikolari ta’ talba li tikkonċerna data dwar il-komunikazzjonijiet, imressqa sabiex jiġi identifikat is-sors ta’ ġurnalisti, huwa meħtieġ digriet ġudizzjarju. Skont il-paragrafi 3.85 sa 3.87 ta’ dan l-istess kodiċi, fil-każ ta’ talba għal aċċess imressqa minn awtoritajiet lokali hija meħtieġa approvazzjoni ġudizzjarja. Għall-kuntrarju, l-ebda awtorizzazzjoni ġudizzjarja jew maħruġa minn entità indipendenti ma hija meħtieġa fir-rigward tal-aċċess għal data dwar il-komunikazzjonijiet protetti minn sigriet professjonali legali jew li tikkonċerna tobba, membri tal-Parlament jew ministri ta’ twemmin reliġjuż.

41      Il-paragrafu 7.1 tal-kodiċi dwar il-prassi jipprevedi li d-data dwar il-komunikazzjonijiet akkwistata jew miksuba bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tar-RIPA, kif ukoll l-estratti, is-sommarji u l-kopji ta’ din id-data għandhom jiġu pproċessati u maħżuna b’mod li jiżgura s-sigurtà tagħhom. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti previsti fid-Data Protection Act (Liġi dwar il-protezzjoni tad-data) għandhom jiġu osservati.

42      Konformement mal-paragrafu 7.18 tal-kodiċi dwar il-prassi, meta awtorità pubblika tar-Renju Unit tkun qiegħda tikkunsidra l-possibbiltà li tiżvela lil awtoritajiet barranin data dwar il-komunikazzjonijiet, hija għandha, b’mod partikolari, teżamina jekk din id-data hijiex ser tkun protetta b’mod adegwat. Madankollu, mill-paragrafu 7.22 ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li trasferiment ta’ data lejn pajjiż terz jista’ jseħħ meta dan it-trasferiment ikun meħtieġ għal raġunijiet marbuta ma’ interess pubbliku importanti, u dan anki meta l-pajjiż terz ma jiżgurax livell ta’ protezzjoni adegwat. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑698/15, il-Ministru tal-intern jista’ jistabbilixxi ċertifikat ta’ sigurtà nazzjonali li jeżonera ċerta data mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni.

43      Fil-paragrafu 8.1 tal-imsemmi kodiċi, huwa mfakkar li r-RIPA stabbilixxiet l-Interception of Communications Commissioner (kummissarju għall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet, ir-Renju Unit), li r-rwol tiegħu huwa, b’mod partikolari, li jissorvelja b’mod indipendenti l-eżerċizzju u l-implementazzjoni tas-setgħat u tad-dmirijiet stabbiliti fil-Kapitolu II tal-Parti I tar-RIPA. Kif jirriżulta mill-paragrafu 8.3 ta’ dan l-istess kodiċi, dan il-kummissarju huwa awtorizzat, meta jkun jista’ “jistabbilixxi li individwu ġie affettwat minn nuqqas intenzjonat jew minn nuqqas ta’ prudenza”, jinforma lil dan l-individwu li hemm suspett ta’ użu illegali ta’ kompetenzi.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C‑203/15

44      Fid-9 ta’ April 2014, Tele2 Sverige, fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi stabbilit fl-Isvezja, innotifikat lill-PTS li, b’konsegwenza tat-tħassir tad-Direttiva 2006/24 permezz tas-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Digital Rights”, EU:C:2014:238), hija ma kinitx ser tibqa’, b’effett mill-14 ta’ April 2014, iżżomm id-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, koperta mil-LEK, u li kienet ser tħassar id-data miżmuma sa dik id-data.

45      Fil-15 ta’ April 2014, ir-Rikspolisstyrelsen (direttorat ġenerali tal-pulizija nazzjonali, l-Isvezja) ressaq ilment quddiem il-PTS minħabba li Tele2 Sverige ma kinitx baqgħet tikkomunikalu d-data inkwistjoni.

46      Fid-29 ta’ April 2014, il-justitieminister (ministru tal-ġustizzja, l-Isvezja) ħatar relatur speċjali inkarigat li janalizza l-leġiżlazzjoni Svediża inkwistjoni fid-dawl tas-sentenza Digital Rights. F’rapport tat-13 ta’ Ġunju 2014, intitolat “Datalagring, EU-rätten och svensk rätt, n° Ds 2014:23” (Żamma ta’ data, dritt tal-Unjoni u dritt Svediż, iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-2014”), ir-relatur speċjali kkonkluda li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar iż-żamma ta’ data, kif prevista fl-Artikoli 16a sa 16f tal-LEK, la kienet kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u lanqas għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Ir-relatur speċjali enfasizza li s-sentenza Digital Rights ma setgħetx tiġi interpretata fis-sens li kienet iċċensurat il-prinċipju stess ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data. Fil-fehma tiegħu, is-sentenza Digital Rights lanqas ma kellha tinftiehem fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fiha sensiela ta’ kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti kollha sabiex leġiżlazzjoni tkun tista’ titqies li hija proporzjonata. Skont dan, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha sabiex tiġi ddeterminata l-konformità tal-leġiżlazzjoni Svediża mad-dritt tal-Unjoni, bħalma huma l-portata taż-żamma ta’ data fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għad-data, dwar il-perijodu taż-żamma tagħha, dwar il-protezzjoni tagħha kif ukoll dwar is-sigurtà tagħha.

47      Fuq din il-bażi, il-PTS, fid-19 ta’ Ġunju 2014, informat lil Tele2 Sverige li din kienet qiegħda tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba li ma kinitx qiegħda żżomm id-data koperta mil-LEK għal perijodu ta’ sitt xhur għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità. Permezz ta’ ordni tas-27 ta’ Ġunju 2014, il-PTS imbagħad ordnatha sabiex, sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Lulju 2014, tibda żżomm din id-data.

48      Peress li qieset li r-rapport tal-2014 kien ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza Digital Rights u li l-obbligu ta’ żamma ta’ data kien kuntrarju għad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, Tele2 Sverige ppreżentat rikors quddiem il-Förvaltningsrätten i Stockholm (qorti amministrattiva ta’ Stokkolma, l-Isvezja) kontra l-ordni tas-27 ta’ Ġunju 2014. Peress li dik il-qorti ċaħdet ir-rikors permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2014, Tele2 Sverige appellat minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

49      Skont il-qorti tar-rinviju, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Svediża mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Fil-fatt, filwaqt li din id-direttiva tistabbilixxi l-prinċipju li d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni għandha titħassar jew tiġi anonimizzata meta ma tkunx għadha meħtieġa għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni, l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva jintroduċi deroga minn dan il-prinċipju billi jawtorizza lill-Istati Membri, meta dan ikun iġġustifikat minn waħda mir-raġunijiet stabbiliti fih, jillimitaw dan l-obbligu li din id-data titħassar jew tiġi anonimizzata jew saħansitra jipprevedu ż-żamma ta’ data. B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-Unjoni jippermetti, f’ċerti sitwazzjonijiet, iż-żamma ta’ data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi.

50      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk obbligu ġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma ta’ data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex kompatibbli, fid-dawl tas-sentenza Digital Rights, mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-opinjonijiet diverġenti tal-partijiet f’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod inekwivoku l-kwistjoni ta’ jekk, kif tqis Tele2 Sverige, iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi hijiex fiha nnifisha inkompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jew jekk, kif jirriżulta mir-rapport tal-2014, il-kompatibbiltà ta’ tali żamma ta’ data għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għad-data, dwar il-protezzjoni tagħha u dwar is-sigurtà tagħha, kif ukoll dwar il-perijodu taż-żamma tagħha.

51      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Obbligu ġenerali ta’ żamma tal-informazzjoni, dwar il-persuni kollha, il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika kollha u li tirrigwarda d-data dwar it-traffiku kollha mingħajr ebda distinzjoni, limitazzjoni jew eċċezzjoni bl-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità [...] huwa kompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’kunsiderazzjoni tal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta?

2)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija negattiva, tali obbligu ta’ żamma jista’ madankollu jiġi rikonoxxut:

a)      jekk l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma huwa mfassal kif ippreċiżat [fil-punti 19 sa 36 tad-deċiżjoni tar-rinviju], u

b)      jekk ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà tad-data huma rregolati kif ippreċiżat [fil-punti 38 sa 43 tad-deċiżjoni tar-rinviju], u

c)      [jekk] id-data inkwistjoni kollha għandha tinżamm għal sitt xhur, ikkalkolati mill-ġurnata meta tieqaf il-komunikazzjoni, qabel titħassar, kif huwa espost [fil-punt 37 tad-deċiżjoni tar-rinviju]?”

 Il-Kawża C‑698/15

52      T. Watson, P. Brice u G. Lewis ippreżentaw, individwalment, quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queens’ Bench Division (Divisional Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-Queen’s Bench (awla diviżjonali), ir-Renju Unit], rikors ġudizzjarju intiż għall-istħarriġ tal-legalità tal-Artikolu 1 tad-DRIPA, fejn invokaw b’mod partikolari l-inkompatibbiltà ta’ dan l-artikolu mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 8 tal-KEDB.

53      Permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Lulju 2015, il-High Court of Justice (England & Wales), Queens’ Bench Division (Divisional Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-Queen’s Bench (awla diviżjonali)] ikkonstatat li s-sentenza Digital Rights kienet tistabbilixxi “rekwiżiti imperattivi tad-dritt tal-Unjoni” applikabbli għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam taż-żamma ta’ data dwar komunikazzjonijiet kif ukoll fil-qasam tal-aċċess għal tali data. Skont dik il-qorti, peress li f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Direttiva 2006/24 kienet inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, leġiżlazzjoni nazzjonali b’kontenut identiku għal dak ta’ din id-direttiva lanqas ma setgħet tkun kompatibbli ma’ dan il-prinċipju. Mil-loġika li fuqha hija bbażata s-sentenza Digital Rights jirriżulta, skont dik il-qorti, li leġiżlazzjoni li tistabbilixxi sistema ġġeneralizzata ta’ żamma ta’ data dwar komunikazzjonijiet tikser id-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, sakemm l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tkunx ikkompletata b’sistema ta’ aċċess għad-data, iddefinita mid-dritt nazzjonali, li tipprevedi garanziji suffiċjenti għall-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet. B’hekk, l-Artikolu 1 tad-DRIPA ma huwiex kompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta sa fejn ma jistabbilixxix regoli ċari u preċiżi dwar l-aċċess għal u dwar l-użu tad-data miżmuma u sa fejn ma jissuġġettax l-aċċess għal din id-data għal kontroll minn qabel imwettaq minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti.

54       Il-Ministru tal-intern appella minn dik is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili), ir-Renju Unit].

55      Dik il-qorti tosserva li l-Artikolu 1(1) tad-DRIPA jawtorizza lill-Ministru tal-intern jadotta, fl-assenza ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni minn qabel minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, sistema ġenerali li tobbliga lill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet pubbliċi jżommu d-data kollha li tikkonċerna kull servizz postali jew kull servizz ta’ telekomunikazzjonijiet għal perijodu massimu ta’ tnax-il xahar jekk iqis li tali rekwiżit huwa meħtieġ u proporzjonat sabiex jiġu segwiti l-għanijiet iddikjarati fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit. Minkejja li ma tinkludix il-kontenut ta’ komunikazzjoni, din id-data tista’ tkun ta’ natura partikolarment invadenti fil-ħajja privata tal-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni.

56      Fid-deċiżjoni tar-rinviju u fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Novembru 2015, mogħtija fil-kuntest tal-proċedura tal-appell u li permezz tagħha ddeċidiet li tressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tqis li r-regoli nazzjonali dwar iż-żamma ta’ data jaqgħu neċessarjament taħt l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u għandhom għalhekk josservaw ir-rekwiżiti li joħorġu mill-Karta. Madankollu, konformement mal-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma armonizzax ir-regoli dwar l-aċċess għad-data miżmuma.

57      Fir-rigward tal-impatt tas-sentenza Digital Rights fuq il-kwistjonijiet imqajma fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha l-kwistjoni tal-validità tad-Direttiva 2006/24 u mhux dik ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali. Fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rabta mill-qrib li teżisti bejn iż-żamma ta’ data u l-aċċess għal din id-data, kien indispensabbli li din id-direttiva tkun marbuta ma’ sensiela ta’ garanziji u li s-sentenza Digital Rights tanalizza, fl-eżami tal-legalità tas-sistema ta’ żamma ta’ data stabbilita permezz tal-imsemmija direttiva, ir-regoli dwar l-aċċess għal din id-data. Għaldaqstant, ma kinitx l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi, f’dik is-sentenza, rekwiżiti imperattivi li japplikaw għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-aċċess għad-data li ma jimplementawx id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kien, skont il-qorti tar-rinviju, marbut mill-qrib mal-għan segwit minn din l-istess direttiva. Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għanijiet segwita minnha u tal-kuntest tagħha.

58      Fir-rigward tal-ħtieġa li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, sitt qrati ta’ Stati Membri oħra, fosthom ħamsa tal-aħħar istanza, kienu annullaw leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi tas-sentenza Digital Rights. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula ma hijiex evidenti u hija meħtieġa sabiex jiġu deċiżi l-kawżi li għandha quddiemha dik il-qorti.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili)] iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Is-sentenza Digital Rights (inkluż, b’mod partikolari, il-punti 60 [sa] 62 tagħha) tistabbilixxi rekwiżiti imperattivi fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għar-regoli nazzjonali ta’ Stat Membru dwar l-aċċess għad-data miżmuma konformement mal-leġislazzjoni nazzjonali, sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta?

2)      Is-sentenza Digital Rights testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7 u/jew 8 tal-Karta lil hinn minn dak tal-Artikolu 8 tal-KEDB, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?”

 Fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

60      Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Frar 2016, Davis et (C‑698/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:70), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jilqa’ t-talba tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili)] sabiex il-Kawża C‑698/15 tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

61      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2016, il-Kawżi C‑203/15 u C‑698/15 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑203/15

62      Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑203/15, il-Kammarrätten i Stockholm (qorti tal-appell amministrattiva ta’ Stokkolma) qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha fir-rigward tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika.

63      L-oriġini ta’ din id-domanda tinsab, b’mod partikolari, fil-fatt li d-Direttiva 2006/24, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tittrasponi, ġiet iddikjarata invalida permezz tas-sentenza Digital Rights, filwaqt li l-partijiet ma humiex jaqblu dwar il-portata ta’ din is-sentenza u dwar l-impatt tagħha fuq din il-leġiżlazzjoni, sa fejn din tal-aħħar tirregola ż-żamma tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni kif ukoll l-aċċess għal din id-data mill-awtoritajiet nazzjonali.

64      Għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58

65      L-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja esprimew opinjonijiet diverġenti dwar il-kwistjoni ta’ jekk u sa fejn leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw iż-żamma tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni kif ukoll l-aċċess għal din id-data mill-awtoritajiet nazzjonali, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58. Fil-fatt, filwaqt li, b’mod partikolari, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Daniż, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Estonjan, l-Irlanda u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi esprimew il-fehma li tali domanda titlob risposta pożittiva, il-Gvern Ċek ippropona risposta negattiva għal din id-domanda filwaqt li osserva li l-uniku għan ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet huwa l-ġlieda kontra l-kriminalità. Min-naħa tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit sostna li huma biss il-leġiżlazzjonijiet dwar iż-żamma ta’ data li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u mhux dawk dwar l-aċċess għal din id-data mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġi.

66      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Kummissjoni, filwaqt li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑203/15, sostniet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fil-Kawża C‑698/15, hija sostniet li huma biss ir-regoli nazzjonali dwar iż-żamma ta’ data, u mhux dawk dwar l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għal din id-data, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Madankollu, skont il-Kummissjoni, dawn ir-regoli tal-aħħar għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola ż-żamma ta’ data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tikkostitwixxix indħil proporzjonat fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-istruttura ġenerali tagħha.

68      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2002/58 tipprevedi, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħtieġa sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

69      L-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “l-attivitajiet ta’ l-Istat” fl-oqsma msemmija, jiġifieri, b’mod partikolari, l-attivitajiet tal-Istat fil-qasam kriminali u fl-oqsma li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat, inkluż il-benessere ekonomiku tal-Istat meta jkunu involuti attivitajiet marbuta mas-sigurtà tal-Istat [ara, b’analoġija, fir-rigward tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 43, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 41].

70      Fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, dan jipprovdi li din id-direttiva tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku fuq in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni, inklużi n-netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-mezzi ta’ ġbir ta’ data u ta’ identifikazzjoni (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”). Għaldaqstant, l-imsemmija direttiva għandha titqies bħala li tirregola l-attivitajiet tal-fornituri ta’ tali servizzi.

71      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minnu, “miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva”. It-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva tidentifika, bħala eżempji ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati f’dan is-sens mill-Istati Membri, il-miżuri li “jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni”.

72      Huwa minnu li l-miżuri leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 huma marbuta ma’ attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati jew għall-awtoritajiet Statali, li ma humiex marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 51). Barra minn hekk, l-għanijiet li, skont din id-dispożizzjoni, tali miżuri għandhom jissodisfaw, f’dan il-każ il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża u tas-sigurtà pubblika kif ukoll l-implementazzjoni tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jikkoinċidu sostanzjalment mal-għanijiet segwiti mill-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva.

73      Madankollu, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2002/58, l-elementi msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma jawtorizzawx il-konklużjoni li l-miżuri leġiżlattivi previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għaliex dan inkella jċaħħad lil din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tippreżumi neċessarjament li l-miżuri nazzjonali msemmija fiha, bħalma huma dawk dwar iż-żamma ta’ data għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva, peress li din tal-aħħar tawtorizza espliċitament lill-Istati Membri sabiex jadottawhom biss b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minnha.

74      Barra minn hekk, il-miżuri leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirregolaw, għall-finijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, l-attività tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għaldaqstant, l-Artikolu 15(1), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li tali miżuri leġiżlattivi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva.

75      B’mod partikolari, taqa’ f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni miżura leġiżlattiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lil dawn il-fornituri jżommu d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni peress li tali attività timplika neċessarjament ipproċessar, minn dawn il-fornituri, ta’ data personali.

76      Taqa’ wkoll fl-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni miżura leġiżlattiva li, bħal fil-kawża prinċipali, tikkonċerna l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

77      Fil-fatt, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data dwar it-traffiku marbuta ma’ dawn il-komunikazzjonijiet, iggarantita fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, tapplika għall-miżuri meħuda minn kwalunkwe persuna oħra li ma tkunx l-utent, kemm jekk din tkun persuna jew entità privata u kemm jekk tkun entità Statali. Kif tikkonferma l-premessa 21 ta’ din id-direttiva, din hija intiża li tipprekludi “[kull] aċċess” mhux awtorizzat għall-komunikazzjonijiet, inkluż għal “kull data relatata ma’ din il-komunikazzjoni”, bil-għan li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, miżura leġiżlattiva li permezz tagħha Stat Membru jobbliga, fuq il-bażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-finijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, li jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali, fil-kundizzjonijiet previsti minn tali miżura, aċċess għad-data miżmuma mill-imsemmija fornituri, tikkonċerna l-ipproċessar ta’ data personali minn dawn tal-aħħar, ipproċessar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

79      Barra minn hekk, peress li ż-żamma ta’ data sseħħ biss għall-finijiet li, jekk ikun il-każ, id-data tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma ta’ data timplika, bħala prinċipju, neċessarjament l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet dwar l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

80      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 15(1b) tad-Direttiva 2002/58, li jipprovdi li l-fornituri għandhom jistabbilixxu, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati taħt l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, il-proċeduri interni li jippermettu li tingħata tweġiba għat-talbiet għal aċċess għad-data personali dwar l-utenti.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑203/15 u C‑698/15, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta

82      Għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/58, id-dispożizzjonijiet tagħha “jippartikularizzaw u jikkomplementaw” id-Direttiva 95/46. Kif tiddikjara l-premessa 2 tagħha, id-Direttiva 2002/58 hija intiża li tiggarantixxi, b’mod partikolari, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. F’dan ir-rigward, mid-dikjarazzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi [COM (2000) 385 final], li wasslet għad-Direttiva 2002/58, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li “jiżgura li livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali u tal-ħajja privata jibqa’ ggarantit fir-rigward tas-servizzi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, irrispettivament mit-teknoloġija użata”.

83      Għal dan il-għan, id-Direttiva 2002/58 tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 6 u 7 tagħha, li jipproteġu lill-utenti tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kontra l-perikoli għad-data personali u għall-ħajja privata li jirriżultaw minn teknoloġiji ġodda u mill-kapaċità dejjem tikber ta’ ħażna u ta’ pproċessar awtomatizzati ta’ data.

84      B’mod partikolari, l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll il-kunfidenzjalità tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom.

85      Il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet stabbilit permezz tad-Direttiva 2002/58 jimplika, inter alia, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tagħha, projbizzjoni, bħala prinċipju, għal kwalunkwe persuna oħra għajr l-utent li taħżen, mingħajr il-kunsens tal-utent, id-data dwar it-traffiku marbuta mal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Huma suġġetti għal eċċezzjonijiet biss il-persuni legalment awtorizzati konformement mal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva u l-ħażna teknika meħtieġa sabiex titwassal komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 47).

86      B’hekk, u kif jikkonfermaw il-premessi 22 u 26 tad-Direttiva 2002/58, l-ipproċessar u l-ħażna tad-data dwar it-traffiku huma awtorizzati biss, skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, sa fejn meħtieġ u għall-perijodu meħtieġ għall-ħruġ ta’ fattura fir-rigward tas-servizzi, għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom u għall-provvista ta’ servizzi b’valur miżjud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 47 u 48). Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ħruġ ta’ fattura fir-rigward tas-servizzi, tali pproċessar huwa awtorizzat biss sat-tmiem tal-perijodu li matulu l-fattura tista’ tiġi kkontestata legalment jew sat-tmiem tal-proċeduri mressqa sabiex jinkiseb il-ħlas tal-fattura. Ladarba jintemm dan il-perijodu, id-data li tkun ġiet ipproċessata u maħżuna għandha titħassar jew anonimizzata. Fir-rigward tad-data dwar il-lokalizzazzjoni li ma tkunx data dwar it-traffiku, l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li din id-data tista’ tiġi pproċessata biss taħt ċerti kundizzjonijiet u wara li tkun anonimizzata jew wara li jkun inkiseb il-kunsens tal-utenti jew tal-abbonati.

87      Il-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6 u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2002/58, li huma intiżi li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data marbuta magħhom, kif ukoll li jimminimizzaw ir-riskji ta’ abbuż, għandha barra minn hekk tiġi evalwata fid-dawl tal-premessa 30 ta’ din id-direttiva, li tiddikjara li s-“[s]istemi għall-provvista ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika għandhom ikunu diżinjati li jillimitaw l-ammont ta’ data personali meħtieġa għall-minimu strettament possibbli”.

88      Huwa minnu li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eċċezzjonijiet għall-obbligu fuq livell ta’ prinċipju, stabbilit fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tad-data personali kif ukoll għall-obbligi korrispondenti, imsemmija b’mod partikolari fl-Artikoli 6 u 9 tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 50).

89      Madankollu, sa fejn l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jillimitaw il-portata tal-obbligu fuq livell ta’ prinċipju li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom, dan l-artikolu għandu, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi interpretat b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Probst, C‑119/12, EU:C:2012:748, punt 23). Għaldaqstant, tali dispożizzjoni ma tistax tiġġustifika li d-deroga minn dan l-obbligu fuq livell ta’ prinċipju u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni li tinħażen din id-data, prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, issir ir-regola, għaliex kieku kien hekk din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiġi fil-parti l-kbira tagħha mċaħħda mill-portata tagħha.

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tipprevedi li l-miżuri leġiżlattivi msemmija fiha u li jidderogaw mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom għandu jkollhom l-għan li “tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika” , jew għandhom isegwu wieħed mill-għanijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, li għalih tirreferi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 53). Tali lista ta’ għanijiet hija ta’ natura eżawrjenti, kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li l-miżuri leġiżlattivi għandhom ikunu ġġustifikati permezz ta’ “[waħda mir-]raġunijiet stabbiliti” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw tali miżuri għal finijiet oħra għajr dawk elenkati f’din l-aħħar dispożizzjoni.

91      Barra minn hekk, it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tipprovdi li “[l-]miżuri kollha msemmija [fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva] għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni], inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) [UE]”, li fosthom jinsabu l-prinċipji ġenerali u d-drittijiet fundamentali li issa jinsabu ggarantiti permezz tal-Karta. L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 95/46, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 68; tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 68, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 38).

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jżommu d-data dwar it-traffiku bil-għan li, jekk ikun il-każ, jingħata aċċess għaliha lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqajjem kwistjonijiet dwar l-osservanza mhux biss tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, li jissemmew espliċitament fid-domandi preliminari, iżda wkoll dwar il-libertà ta’ espressjoni ggarantita fl-Artikolu 11 tal-Karta (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punti 25 u 70).

93      B’hekk, l-importanza kemm tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantit fl-Artikolu 8 tagħha, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni fid-dawl tal-importanza partikolari li għandha din il-libertà fi kwalunkwe soċjetà demokratika. Dan id-dritt fundamentali, iggarantit fl-Artikolu 11 tal-Karta, jikkostitwixxi wieħed mill-fundamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika, u huwa parti mill-valuri li fuqhom, konformement mal-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, EU:C:2003:333, punt 79, u tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 31).

94      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom. B’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jiġu introdotti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u ta’ libertajiet fil-każ biss li dawn il-limitazzjonijiet ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew jekk ikunu meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 50).

95      Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżura li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku relatata magħhom meta din il-miżura tkun “neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika”, fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni. Min-naħa tagħha, il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tispeċifika li miżura ta’ din in-natura għandha tkun “strettament” proporzjonata għall-għan segwit. Fir-rigward, b’mod partikolari, taż-żamma ta’ data, it-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva teżiġi li din għandha ssir biss “għal perjodu limitat” u meta tkun “iġġustifikat[a]” minn wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) ta’ din l-istess direttiva.

96      L-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata fil-livell tal-Unjoni teżiġi li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet għal din il-protezzjoni għandhom jitwettqu fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 56; tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 77; Digital Rights, punt 52, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 92).

97      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-Kawża C‑203/15, tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi osservat li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha fir-rigward tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika, u li l-istess leġiżlazzjoni tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu din id-data b’mod sistematiku u kontinwu, u dan mingħajr ebda eċċezzjoni. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kategoriji ta’ data koperti minn din il-leġiżlazzjoni jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk li ż-żamma tagħhom kienet prevista mid-Direttiva 2006/24.

98      Id-data li għalhekk għandha tinżamm mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tippermetti li jinstabu u li jiġu identifikati s-sors u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni, li jiġu ddeterminati d-data, il-ħin, it-tul u t-tip ta’ komunikazzjoni, l-apparat ta’ komunikazzjoni tal-utenti, kif ukoll li jiġi llokalizzat l-apparat ta’ komunikazzjoni mobbli. Fost din id-data jinstabu, b’mod partikolari, l-isem u l-indirizz tal-abbonat jew tal-utent irreġistrat, in-numru tat-telefon ta’ min jagħmel it-telefonata u n-numru ta’ min jirċeviha kif ukoll indirizz IP għas-servizzi tal-internet. Din id-data tippermetti, b’mod partikolari, li tkun magħrufa l-persuna li magħha abbonat jew utent irreġistrat ikkomunika u b’liema mezz, kif ukoll li jiġu ddeterminati l-ħin tal-komunikazzjoni u l-post minn fejn seħħet. Barra minn hekk, din id-data tippermetti li tkun magħrufa l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet tal-abbonat jew tal-utent irreġistrat ma’ ċerti persuni matul perijodu partikolari (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punt 26).

99      Meħuda flimkien, dawn id-diversi elementi ta’ data jistgħu jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħalma huma l-użanzi tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ soġġorn permanenti jew temporanji, il-vjaġġi ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punt 27). B’mod partikolari, din id-data tipprovdi l-mezzi sabiex jiġi stabbilit, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 253, 254 u 257 sa 259 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-profil tal-persuni kkonċernati, informazzjoni li hija daqstant ieħor sensittiva fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata bħalma huwa l-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet.

100    L-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Aritkoli 7 u 8 tal-Karta li timplika tali leġiżlazzjoni huwa ta’ portata wiesgħa ħafna u għandu jitqies li huwa partikolarment gravi. Il-fatt li ż-żamma tad-data titwettaq mingħajr ma jiġu informati l-utenti tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ joħloq, f’moħħ il-persuni kkonċernati, is-sensazzjoni li l-ħajja privata tagħhom hija s-suġġett ta’ sorveljanza kostanti (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punt 37).

101    Għalkemm tali leġiżlazzjoni ma tawtorizzax iż-żamma tal-kontenut ta’ komunikazzjoni, u, għaldaqstant, ma hijiex ta’ natura li tippreġudika l-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punt 39), iż-żamma tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni xorta waħda jista’ jkollha effett fuq l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika u, għaldaqstant, fuq l-eżerċizzju mill-utenti ta’ dawn il-mezzi tal-libertà ta’ espressjoni tagħhom, iggarantita fl-Artikolu 11 tal-Karta (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punt 28).

102    Fid-dawl tal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali inkwistjoni li tikkostitwixxi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, iż-żamma tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, hija biss il-ġlieda kontra l-kriminalità gravi li tista’ tiġġustifika tali miżura (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punt 60).

103    Barra minn hekk, għalkemm l-effettività tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, b’mod partikolari kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, tista’ tiddependi b’mod kunsiderevoli mill-użu tat-tekniki moderni ta’ investigazzjoni, tali għan ta’ interess ġenerali, fundamentali kemm huwa fundamentali, ma jistax jiġġustifika, waħdu, li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni titqies li hija neċessarja għall-finijiet tal-imsemmija ġlieda (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punt 51).

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li tali leġiżlazzjoni għandha l-effett, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha deskritti fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, li ż-żamma tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni hija r-regola, filwaqt li s-sistema stabbilita permezz tad-Direttiva 2002/58 teżiġi li din iż-żamma ta’ data tkun l-eċċezzjoni.

105    Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tkopri b’mod ġeneralizzat l-abbonati u l-utenti rreġistrati kollha u li tkopri l-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika kollha kif ukoll id-data kollha dwar it-traffiku, ma tipprevedi ebda distinzjoni, limitazzjoni jew eċċezzjoni skont l-għan segwit. Tali leġiżlazzjoni tikkonċerna b’mod globali l-persuni kollha li jużaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma dawn il-persuni jinstabu, lanqas b’mod indirett, f’sitwazzjoni li tista’ twassal għal prosekuzzjoni kriminali. Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni tapplika anki għal persuni li fir-rigward tagħhom ma jeżisti l-ebda indizju ta’ natura li jagħti x’jifhem li l-aġir tagħhom jista’ jkun marbut, anki jekk b’mod indirett jew distanti, ma’ reati kriminali gravi. Barra minn hekk, hija ma tipprevedi ebda eċċezzjoni, b’tali mod li tapplika anki għal persuni li l-komunikazzjonijiet tagħhom huma suġġetti, skont id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali, għas-sigriet professjonali (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punti 57 u 58).

106    Tali leġiżlazzjoni ma teħtieġ ebda rabta bejn id-data li ż-żamma tagħha hija prevista u theddida għas-sigurtà pubblika. B’mod partikolari, hija ma hijiex limitata għal żamma li tkopri jew data marbuta ma’ perijodu temporali u/jew ma’ żona ġeografika u/jew ma’ grupp ta’ persuni li jistgħu jkunu involuti, b’xi mod jew ieħor, f’reat gravi, jew data dwar persuni li jistgħu, għal raġunijiet oħra, jikkontribwixxu, permezz taż-żamma tad-data tagħhom, għall-ġlieda kontra l-kriminalità (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punt 59).

107    Għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u ma tistax titqies li hija ġġustifikata, f’soċjetà demokratika, kif jeżiġi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta.

108    Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta, ma jipprekludix li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tippermetti, b’mod preventiv, iż-żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, bil-kundizzjoni li ż-żamma tad-data tkun, fir-rigward tal-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni koperti, tal-persuni kkonċernati kif ukoll tal-perijodu taż-żamma, limitata għal dak li jkun strettament neċessarju.

109    Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha, fl-ewwel lok, tipprevedi regoli ċari u preċiżi dwar il-portata u l-applikazzjoni ta’ tali miżura ta’ żamma ta’ data u għandha timponi rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettulhom jipproteġu b’mod effikaċi d-data personali tagħhom kontra r-riskji ta’ abbuż. B’mod partikolari, hija għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura ta’ żamma ta’ data, b’mod preventiv, filwaqt li b’hekk tiggarantixxi li tali miżura tkun limitata għal dak li jkun strettament neċessarju (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet materjali li għandha tissodisfa leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità, iż-żamma, b’mod preventiv, ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, sabiex jiġi ggarantit li din tkun limitata għal dak li jkun strettament neċessarju, għandu jiġi osservat li, għalkemm dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jvarjaw skont il-miżuri meħuda għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni tal-kriminalità gravi, iż-żamma ta’ data għandha xorta waħda tissodisfa, f’kull każ, kriterji oġġettivi, li jistabbilixxu rabta bejn id-data li għandha tinżamm u l-għan segwit. B’mod partikolari, tali kundizzjonijiet għandhom ikunu, fil-prattika, ta’ natura li jiddefinixxu effettivament il-limiti tal-portata tal-miżura u, għalhekk, il-pubbliku kkonċernat.

111    Fir-rigward tad-definizzjoni tal-limiti ta’ tali miżura fil-konfront tal-pubbliku u tas-sitwazzjonijiet potenzjalment ikkonċernati, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi kopert pubbliku li d-data dwaru jista’ jkollha rabta, minn tal-inqas indiretta, ma’ atti ta’ kriminalità gravi, tista’ tikkontribwixxi b’mod jew ieħor għall-ġlieda kontra l-kriminalità gravi jew tista’ tevita riskju gravi għas-sigurtà pubblika. Tali definizzjoni tal-limiti tista’ tiġi żgurata permezz ta’ kriterju ġeografiku meta l-awtoritajiet nazzjonali jqisu, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li, f’żona ġeografika waħda jew iktar, jeżisti riskju għoli ta’ preparazzjoni jew ta’ twettiq ta’ tali atti.

112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑203/15 hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha fir-rigward tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika.

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑203/15 u fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑698/15

113    Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-Kammarrätten i Stockholm (qorti tal-appell amministrattiva ta’ Stokkolma) għamlet it-tieni domanda fil-Kawża C‑203/15 fil-każ biss li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda fl-imsemmija kawża. Madankollu, din it-tieni domanda hija indipendenti min-natura ġġeneralizzata jew immirata ta’ żamma ta’ data, fis-sens tal-punti 108 sa 111 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, it-tieni domanda fil-Kawża C‑203/15 għandha tingħata risposta flimkien mal-ewwel domanda fil-Kawża C‑698/15, li saret indipendentement mill-portata tal-obbligu ta’ żamma ta’ data li huwa impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

114    Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑203/15 u tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑698/15, il-qrati tar-rinviju qegħdin essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma, mingħajr ma tillimita dan l-aċċess għall-finijiet biss tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, mingħajr ma tissuġġetta l-imsemmi aċċess għal kontroll minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, u mingħajr ma teżiġi li d-data inkwistjoni tinżamm fit-territorju tal-Unjoni.

115    Fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għandu jitfakkar li, sa fejn, kif ikkonstatat fil-punti 90 u 102 ta’ din is-sentenza, il-lista tal-għanijiet li tinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 hija ta’ natura eżawrjenti, l-aċċess għad-data miżmuma għandu effettivament u strettament jissodisfa wieħed minn dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, peress li l-għan segwit minn din il-leġiżlazzjoni għandu jkun marbut mal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali li jimplika dan l-aċċess, minn dan isegwi li, fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, hija biss il-ġlieda kontra l-kriminalità gravi li tista’ tiġġustifika tali aċċess għad-data miżmuma.

116    Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-kundizzjonijiet li fihom il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti aċċess għad-data miżmuma għandha tiżgura, konformement ma’ dak li ġie kkonstatat fil-punti 95 u 96 ta’ din is-sentenza, li tali aċċess iseħħ biss fil-limiti ta’ dak li jkun strettament neċessarju.

117    Barra minn hekk, peress li l-miżuri leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandhom ikunu, konformement mal-premessa 11 ta’ din id-direttiva, “suġġetti għal salvagwardji adegwati”, tali miżura għandha, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jindikaw f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti aċċess għad-data. Bl-istess mod, miżura ta’ din in-natura għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern.

118    Sabiex jiġi ggarantit li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun limitat għal dak li jkun strettament neċessarju, huwa ċertament id-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jagħtu tali aċċess. Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tistax teżiġi sempliċement li l-aċċess għandu jissodisfa wieħed mill-għanijiet previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, lanqas jekk dan l-għan ikun il-ġlieda kontra l-kriminalità gravi. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet materjali u proċedurali li jirregolaw l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punt 61).

119    B’hekk, u peress li aċċess ġenerali għad-data miżmuma kollha, indipendentement minn kwalunkwe rabta, minn tal-inqas indiretta, mal-għan segwit, ma jistax jitqies li huwa limitat għal dak li jkun strettament neċessarju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw aċċess għad-data tal-abbonati jew tal-utenti rreġistrati. F’dan ir-rigward, inkonnessjoni mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, bħala prinċipju jista’ jingħata biss aċċess għad-data ta’ persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, li qegħdin iwettqu jew li wettqu reat gravi jew inkella li huma implikati b’xi mod jew ieħor f’tali reat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti EDB tal-4 ta’ Diċembru 2015, Zakharov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2015:1204JUD004714306, § 260). Madankollu, f’sitwazzjonijiet partikolari, bħalma huma dawk li fihom interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża jew tas-sigurtà pubblika jkunu mhedda minn attivitajiet ta’ terroriżmu, l-aċċess għad-data ta’ persuni oħra jista’ jingħata wkoll meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li din id-data tista’, f’każ partikolari, tagħti kontribuzzjoni effettiva għall-ġlieda kontra tali attivitajiet.

120    Sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun, bħala prinċipju, ħlief f’każijiet urġenti debitament iġġustifikati, suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba mmotivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punt 62; ara wkoll, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB, is-sentenza tal-Qorti EDB tat-12 ta’ Jannar 2016, Szabó u Vissy vs L‑Ungerija, CE:ECHR:2016:0112JUD003713814, punti 77 u 80).

121    Bl-istess mod, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jingħataw aċċess għad-data miżmuma jinformaw b’dan lill-persuni kkonċernati, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali applikabbli, hekk kif din il-komunikazzjoni ma tkunx ta’ natura li tista’ tikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa minn dawn l-awtoritajiet. Fil-fatt, din l-informazzjoni hija effettivament meħtieġa sabiex dawn il-persuni jkunu jistgħu jeżerċitaw, b’mod partikolari, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju, previst espliċitament fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer, C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 52, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 95).

122    Fir-rigward tar-regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma jippermettix lill-Istati Membri jidderogaw mill-Artikolu 4(1) kif ukoll mill-Artikolu 4(1a) ta’ din id-direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jeżiġu li dawn il-fornituri għandhom jieħdu l-miżuri ta’ natura teknika u organizzattiva adegwati sabiex tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tad-data miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess illegali għal din id-data. Fid-dawl tal-kwantità tad-data miżmuma, tan-natura sensittiva ta’ din id-data kif ukoll tar-riskju ta’ aċċess illegali għaliha, il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom, sabiex jiżguraw l-integrità sħiħa u l-kunfidenzjalità sħiħa tal-imsemmija data, jiggarantixxu livell partikolarment għoli ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri tekniki u organizzattivi adegwati. B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi ż-żamma fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll il-qerda irrimedjabbli tad-data meta jintemm il-perijodu taż-żamma tagħha (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 2006/24, is-sentenza Digital Rights, punti 66 sa 68).

123    Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-kontroll, minn awtorità indipendenti, tal-osservanza tal-livell ta’ protezzjoni ggarantit mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, fejn tali kontroll huwa espliċitament meħtieġ mill-Artikolu 8(3) tal-Karta u jikkostitwixxi, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, element essenzjali tal-osservanza tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-persuni li d-data personali dwarhom tkun inżammet ikunu mċaħħda mid-dritt, iggarantit fl-Artikolu 8(1) u (3) tal-Karta, li jressqu quddiem l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll talba għall-finijiet tal-protezzjoni tad-data tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Digital Rights, punt 68, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 41 u 58).

124    Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw jekk u sa fejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali josservawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta, kif speċifikati fil-punti 115 sa 123 ta’ din is-sentenza, kemm fir-rigward tal-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma u kemm fir-rigward tal-protezzjoni u tal-livell ta’ sigurtà ta’ din id-data.

125    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda fil-Kawża C‑203/15 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑698/15 hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma, mingħajr ma tillimita, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità, dan l-aċċess għall-finijiet biss tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, mingħajr ma tissuġġetta l-imsemmi aċċess għal kontroll minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, u mingħajr ma teżiġi li d-data inkwistjoni tinżamm fit-territorju tal-Unjoni.

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑698/15

126    Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑698/15, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili)] qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fis-sentenza Digital Rights, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretatx l-Artikoli 7 u/jew 8 tal-Karta f’sens li jmur lil hinn minn dak mogħti lill-Artikolu 8 tal-KEDB mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

127    Preliminarjament, għandu jitfakkar li għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali, l-imsemmija konvenzjoni ma tikkostitwixxix, sa fejn l-Unjoni ma hijiex parti fiha, strument legali formalment integrat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    B’hekk, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58, li hija inkwistjoni fil-kawża ineżami, għandha titwettaq fid-dawl biss tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 52 tal-Karta jindikaw li l-Artikolu 52(3) tagħha huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn il-Karta u l-KEDB, “mingħajr ma dan jaffetwa b’mod negattiv l-awtonomija tal-liġi tal-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea” (sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47). B’mod partikolari, kif tipprevedi espliċitament it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tagħha ma tipprekludix lid-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar estiża minn dik mogħtija mill-KEDB. Ma’ dan għandu jitqies fl-aħħar nett il-fatt li l-Artikolu 8 tal-Karta jikkonċerna dritt fundamentali li huwa distint minn dak sanċit fl-Artikolu 7 tagħha, li ma għandux ekwivalenti fil-KEDB.

130    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġustifikazzjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 41; tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 42, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, EU:C:2014:101, C‑470/12, punt 29).

131    F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet espressi b’mod partikolari fil-punti 128 u 129 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni ta’ jekk il-protezzjoni mogħtija mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tmurx lil hinn minn dik iggarantita mill-Artikolu 8 tal-KEDB ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58, moqrija fid-dawl tal-Karta, li hija inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑698/15.

132    B’hekk, ma jidhirx li risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑698/15 tista’ tipprovdi elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni, fid-dawl ta’ dan id-dritt, tal-imsemmija tilwima.

133    Minn dan isegwi li t-tieni domanda fil-Kawża C‑698/15 hija inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

134    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li għandhom jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha fir-rigward tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika.

2)      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11, kif ukoll tal-Artikolu 52(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma, mingħajr ma tillimita, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità, dan l-aċċess għall-finijiet biss tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, mingħajr ma tissuġġetta l-imsemmi aċċess għal kontroll minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, u mingħajr ma teżiġi li d-data inkwistjoni tinżamm fit-territorju tal-Unjoni.


3)      It-tieni domanda magħmula mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili), ir-Renju Unit] hija inammissibbli.

Firem


* Lingwi tal-kawża: l-Isvediż u l-Ingliż.