SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

1 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Steirisches Kürbiskernöl g. g. A GESCHÜTZTE GEOGRAFISCHE ANGABE – Raġuni assoluta għal rifjut – Trade mark li tinkludi badges, emblemi jew stemmi – Emblema ta’ waħda mill-oqsma ta’ azzjoni tal-Unjoni – Indikazzjonijiet ġeografiċi protetti – Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑700/20,

Gabriele Schmid, residenti f’Halbenrain (l-Awstrija), irrappreżentata minn A. Ginzburg, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf u M. Eberl, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark, stabbilita fi Graz (l-Awstrija), irrappreżentata minn I. Hödl, avukata,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑23 ta’ Settembru 2020 (Każ R 2186/2019‑4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn il-Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark u G. Schmid,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, K. Kowalik-Bańczyk u D. Petrlík (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Novembru 2020,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Jannar 2021,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Frar 2021,

wara s-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑8 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti, G. Schmid, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodott li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni jaqa’ fil-klassi 29 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondi għad-deskrizzjoni li ġejja: “Żejt taż-żerriegħa tal-qargħa ħamra, konformi mal-indikazzjoni ġeografika protetta ‘żejt taż-żerriegħa tal-qargħa ħamra Stirjana’”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2011/207 tat‑2 ta’ Novembru 2011. Din it-trade mark ġiet irreġistrata fid‑9 ta’ Frar 2012 taħt in-numru 010108454.

5        Fl‑1 ta’ Marzu 2018, l-intervenjenti, il-Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark (il-Kamra Reġjonali tal-Agrikoltura u tas-Silvikultura ta’ Steiermark, l-Awstrija), ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra l-imsemmija trade mark. Ir-raġunijiet għat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità invokati mill-intervenjenti huma dawk stipulati fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(h) sa (j) ta’ dan ir-regolament.

6        F’dak li jirrigwarda r-raġuni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità stipulata fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament, l-intervenjenti invokat is-simbolu tal-Unjoni Ewropea għall-“indikazzjonijiet ġeografiċi protetti” fil-verżjoni tiegħu bil-Ġermaniż (iktar ’il quddiem is-“simbolu IĠP”), imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40), u li huwa kif ġej:

Image not found

7        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2019, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni annullat it-trade mark ikkontestata.

8        Fis‑26 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Settembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad ir-rikors, billi qies li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament 2017/1001 u li, skont l-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament, din kellha tiġi annullata.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

11      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

12      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        fil-każ li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti, tibgħat il-kawża lura quddiem l-EUIPO;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tirrimborsalha l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti quddiem l-EUIPO u quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Id-dritt

13      Fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri t‑8 ta’ Lulju 2011, li hija determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, il-fatti tal-kawża huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs UASI, C‑192/03 P, EU:C:2004:587, punti 39 u 40, u sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Gugler France vs Gugler u EUIPO, C‑736/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:308, punt 3 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda r-regoli sostantivi, ir-riferimenti magħmula għall-Artikolu 7(1)(i) u għall-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001 mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u mill-partijiet, għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-Artikolu 7(1)(i) u għall-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom kontenut identiku għal dawk tar-Regolament 2017/1001 li għalihom kien sar riferiment.

15      Fil-punti 20 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 kien japplika għall-emblemi li jevokaw wieħed biss mill-oqsma ta’ azzjoni tal-Unjoni, u dan anki jekk l-emblema li tirrigwarda tali azzjoni tikkonċerna biss ċerti Stati Membri. Fil-punti 24 sa 26 ta’ din id-deċiżjoni, minn naħa, huwa qies li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012, l-Unjoni kienet eżerċitat il-kompetenza esklużiva tagħha sabiex tipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u li s-simbolu IĠP għalhekk kien ta’ interess pubbliku partikolari fis-sens tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009. Min-naħa l-oħra, huwa rrileva li s-sinjal tat-trade mark ikkontestata kien jinkludi dan is-simbolu fit-totalità tiegħu u li la d-dritt u lanqas l-obbligu li jintuża l-imsemmi simbolu ma kien jinkludi d-dritt li jiġi protett bħala element ta’ trade mark. Minn dan il-Bord tal-Appell iddeduċa, fil-punt 27 tal-imsemmija deċiżjoni, li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni u li, għaldaqstant, l-imsemmija trade mark kellha tiġi annullata.

16      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur mill-Bord tal-Appell tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(i) ta’ dan ir-regolament.

17      Hija ssostni li l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark biss meta din tinkludi simbolu ta’ organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva li tista’ tqarraq bil-pubbliku fir-rigward tar-rabta li teżisti bejn, minn naħa, il-proprjetarju jew l-utent ta’ din it-trade mark u, min-naħa l-oħra, l-awtorità li għaliha jirreferi l-imsemmi simbolu. Madankollu, din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata f’dan ir-rigward.

18      L-EUIPO jqis li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda. L-ewwel, is-simbolu IĠP kien diġà ġie ddefinit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti fid-data li fiha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. It-tieni, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-klassifikazzjoni tas-simbolu IĠP bħala emblema li għandha interess pubbliku partikolari. It-tielet, l-għoti, taħt id-dritt tat-trade marks, ta’ protezzjoni lil simbolu tal-Unjoni bħas-simbolu IĠP imur kontra s-sistema ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ oriġini ġeografika stabbilita mill-Unjoni u ta’ natura li jdgħajfu l-funzjonament tajjeb tagħha.

19      Min-naħa tagħha, l-intervenjenti tqis li s-simbolu “IĠP” jippreżenta interess pubbliku partikolari u li ma jistax jiġi integrat fi trade mark tal-Unjoni, peress li tali integrazzjoni ma ġietx awtorizzata mill-awtorità kompetenti, jiġifieri l-Kummissjoni Ewropea. Hija ssostni wkoll li dan is-simbolu jiddomina t-trade mark ikkontestata, li l-konsumaturi ma jipperċepixxux dan is-simbolu bħala simbolu simili għal tikketta ta’ kwalità maħruġa mill-Unjoni u li l-pubbliku ser jara rabta bejn din it-trade mark u l-Unjoni, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija trade mark ingħatat mill-EUIPO.

20      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jinkludu badges, emblemi jew stemmi oħra minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 7(1)(h) tar-Regolament 2017/1001), jiġifieri minbarra dawk tal-Istati jew tal-organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi kkomunikati regolarment lill-Istati partijiet għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali ffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”).

21      Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, il-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tapplika meta, minn naħa, il-badge, l-emblema jew l-istemma inkwistjoni jkunu ta’ interess pubbliku partikolari u, min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti ma tkunx awtorizzat l-imsemmija reġistrazzjoni.

22      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jsegwi li dawn il-kundizzjonijiet huma kkompletati permezz tat-tielet kundizzjoni, peress li dawn il-kundizzjonijiet kollha huma kumulattivi. It-tielet kundizzjoni tirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 7(1)(h) ta’ dan ir-regolament.

23      Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-emblemi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali intergovernattivi kkomunikati regolarment lill-Istati partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi huma protetti biss meta, meħuda fit-totalità tagħha, it-trade mark li tinkludi tali emblema tissuġġerixxi, f’moħħ il-pubbliku, rabta bejn, minn naħa, il-proprjetarju jew l-utent tagħha u, min-naħa l-oħra, l-organizzazzjoni internazzjonali intergovernattiva inkwistjoni, kundizzjoni li tirriżulta direttament mill-Artikolu 6b(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2013, Kreyenberg vs UASI – Commission (MEMBER OF €e euro experts), T‑3/12, EU:T:2013:364, punt 38).

24      Issa, jekk il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 kienet tapplika anki meta din il-kundizzjoni tal-aħħar ma kinitx issodisfatta, hija kienet tkun ogħla minn dik li l-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament jagħti lill-emblemi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali kkomunikati regolarment lill-Istati partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2013, MEMBER OF €e euro experts, T‑3/12, EU:T:2013:364, punt 38).

25      Madankollu, xejn ma jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jagħti lill-badges, lill-emblemi jew lill-istemmi msemmija fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 protezzjoni ikbar milli għal dawk imsemmija fl-Artikolu 7(1)(h) tal-istess regolament, b’tali mod li l-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-ewwel dispożizzjoni ma tistax tkun ikbar minn dik tal-protezzjoni mogħtija mit-tieni dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, American Clothing Associates vs UASI u UASI vs American Clothing Associates, C‑202/08 P u C‑208/08 P, EU:C:2009:477, punt 80, u tal‑10 ta’ Lulju 2013, MEMBER OF €e euro experts, T‑3/12, EU:T:2013:364, punt 39).

26      Għaldaqstant, il-protezzjoni mogħtija lill-badges, lill-emblemi jew lill-istemmi msemmija fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 hija maħsuba sabiex tapplika biss meta, meħuda fit-totalità tagħha, it-trade mark li tinkludi tali badge, emblema jew stemma tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jitqarraq dwar ir-rabta eżistenti bejn, minn naħa, il-proprjetarju tagħha jew l-utent tagħha u, min-naħa l-oħra, l-awtorità li tirreferi għaliha l-badge, l-emblema jew l-istemma inkwistjoni (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2013, MEMBER OF €e euro experts, T‑3/12, EU:T:2013:364, punti 40 u 77).

27      F’dan ir-rigward, ġie ppreċiżat li, fid-dawl tal-formulazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, din id-dispożizzjoni tipproteġi wkoll il-badges, l-emblemi jew l-istemmi li, filwaqt li ma jindikawx l-attivitajiet kollha tal-Unjoni, għandhom madankollu rabta speċjali ma’ waħda minn dawn l-attivitajiet. Fil-fatt, il-fatt li badge, emblema jew stemma tkun marbuta ma’ waħda mill-attivitajiet tal-Unjoni huwa biżżejjed sabiex jintwera li hemm interess pubbliku marbut mal-protezzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2013, MEMBER OF €e euro experts, T‑3/12, EU:T:2013:364, punt 44).

28      Minn dan jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 hija b’mod partikolari applikabbli meta t-trade mark inkwistjoni twassal lill-pubbliku sabiex jitqarraq dwar l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnha, li twasslu sabiex jemmen li huma ġejjin mill-awtorità li għaliha tirreferi l-badge, l-emblema jew l-istemma li tinkludi riproduzzjoni jew imitazzjoni tagħha. Tali protezzjoni tista’ tapplika wkoll meta l-pubbliku jkollu riskju li jemmen, minħabba l-preżenza ta’ din it-trade mark f’tali riproduzzjoni jew imitazzjoni ta’ badge, ta’ emblema jew ta’ stemma, li l-imsemmija prodotti jew servizzi jibbenefikaw mill-approvazzjoni jew mill-garanzija tal-awtorità li tirreferi għaliha din il-badge, din l-emblema jew din l-istemma jew li huma marbuta b’mod ieħor mal-imsemmija awtorità (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2013, MEMBER OF €e euro experts, T‑3/12, EU:T:2013:364, punti 78 u 97; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Welte-Wenu vs UASI – Commission (EUROPEAN DRIVESHAFT SERVICES), T‑413/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:12, punt 61).

29      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti invokati kontra d-deċiżjoni kkontestata.

30      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tiddikjara l-annullament tat-trade mark ikkontestata abbażi tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, billi kkonstata li ż-żewġ kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 21 iktar ’il fuq kienu ssodisfatti.

31      Minn naħa, huwa qies, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-simbolu IĠP kien ta’ interess pubbliku partikolari peress li kellu jitwaħħal fuq il-prodotti li jikkorrispondu għal indikazzjoni ġeografika protetta, fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax. Min-naħa l-oħra, fil-punt 25 ta’ din id-deċiżjoni, huwa rrileva li t-trade mark ikkontestata kienet tinkludi s-simbolu IĠP fit-totalità tiegħu u li r-rikorrenti ma kinitx uriet li l-Kummissjoni kienet awtorizzat tali użu ta’ dan is-simbolu skont id-dritt tat-trade marks, liema awtorizzazzjoni lanqas ma tirriżulta mir-Regolament Nru 1151/2012, fatt li lanqas ma huwa kkontestat mir-rikorrenti.

32      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma eżaminax it-tielet kundizzjoni li fid-dawl tagħha, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punti 26 sa 28 iktar ’il fuq, tista’ tiġi invokata r-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009.

33      Fil-fatt, kif tirrileva r-rikorrenti, ebda parti mid-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-pubbliku jirriskjax li jemmen, minħabba l-preżenza fit-trade mark ikkontestata tar-riproduzzjoni tas-simbolu IĠP, li l-prodotti koperti minn din it-trade mark jibbenefikaw mill-approvazzjoni jew mill-garanzija tal-awtorità li għaliha tirreferi din l-emblema, jiġifieri l-Unjoni, jew li huma marbuta b’mod ieħor ma’ din tal-aħħar. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ma eżaminax, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk il-mod kif is-simbolu IĠP ġie integrat fit-trade mark ikkontestata kienx jirriskja li jwassal lil dan il-pubbliku sabiex jemmen li l-prodotti koperti minn din it-trade mark kienu jibbenefikaw mill-garanzija mill-Unjoni li dawn il-prodotti kellhom ċerta oriġini u proprjetajiet li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1151/2012 sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni skont l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

34      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostna l-EUIPO matul is-seduta, ma jistax jitqies li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell eżamina b’mod impliċitu jekk it-trade mark ikkontestata kinitx tissuġġerixxi, f’moħħ il-pubbliku, rabta bejn il-proprjetarju tagħha u l-Unjoni. Fil-fatt, billi llimita ruħu, fil-punti 19 u 25 ta’ din id-deċiżjoni, li jikkonstata li din it-trade mark kienet tinkludi s-simbolu IĠP fit-totalità tiegħu u, fil-punt 26 tal-imsemmija deċiżjoni, li jiddikjara li, anki jekk it-trade mark ikkontestata ma kinitx identika għas-simbolu IĠP, dan ma kienx ibiddel l-evalwazzjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma eżamina l-mod kif il-pubbliku kien ser jipperċepixxi dan is-simbolu bħala komponent tal-imsemmija trade mark, meħuda fit-totalità tagħha, u lanqas il-kwistjoni dwar jekk din il-perċezzjoni kinitx tirriskja li twassal lill-pubbliku sabiex jemmen li l-prodotti koperti minn tali trade mark kienu jibbenefikaw mill-garanzija tal-Unjoni.

35      B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta naqas milli jiddeċiedi fuq waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li hija suġġetta għalihom l-implimentazzjoni tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009.

36      L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-EUIPO u l-intervenjenti ma jikkonfutaw din il-konklużjoni.

37      L-ewwel, l-argument tal-EUIPO li s-simbolu IĠP kien diġà ġie ddefinit mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti fid-data li fiha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata jippermetti biss li jiġi stabbilit li dan is-simbolu joriġina mill-Unjoni.

38      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku bejn il-partijiet li s-simbolu IĠP huwa ta’ interess pubbliku partikolari fis-sens tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009. Issa, minkejja li din hija waħda mill-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni, din hija distinta u minn qabel għall-kundizzjoni dwar il-fatt li l-pubbliku jirriskja li jemmen li l-prodotti koperti minn trade mark li tinkludi tali simbolu jibbenefikaw mill-approvazzjoni jew mill-garanzija tal-Unjoni jew li huma marbuta b’mod ieħor ma’ din tal-aħħar.

39      It-tieni, għandu ċertament jiġi ammess li, kif isostni l-EUIPO, l-għoti, skont id-dritt tat-trade marks, ta’ protezzjoni lil simbolu tal-Unjoni bħas-simbolu IĠP huwa, bħala regola ġenerali, ta’ natura li jippreġudika s-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti stabbilita mill-Unjoni u li jdgħajjef il-funzjonament tajjeb tagħha. Fil-fatt, tali għoti jista’ jagħti lill-proprjetarju ta’ trade mark li tinkludi s-simbolu IĠP monopolju fuq l-użu tiegħu li jippermettilu jipprojbixxi l-użu tiegħu lil kull persuna oħra. Issa, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1151/2012, dan is-simbolu għandu jkun jista’ jintuża minn kull produttur għall-finijiet tal-ittikkettjar tal-prodotti tiegħu meta dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jaqgħu taħt indikazzjoni ġeografika protetta.

40      Xorta jibqa’ l-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009 tirrikjedi li jsir eżami konkret u globali tar-riskju msemmi fil-punt 38 iktar ’il fuq fid-dawl tat-trade mark ikkontestata, sa fejn l-elementi l-oħra ta’ din it-trade mark jista’ jkollhom bħala konsegwenza li, meħuda fit-totalità tagħha, din ma tkunx ta’ natura li tissuġġerixxi f’moħħ il-pubbliku rabta eżistenti bejn, minn naħa, il-proprjetarju tagħha jew l-utent tagħha u, min-naħa l-oħra, l-awtorità li tippossjedi jew tuża l-emblema li tagħmel parti minn din it-trade mark, lanqas ma hija tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jitqarraq f’dan ir-rigward (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2013, MEMBER OF €e euro experts, T‑3/12, EU:T:2013:364, punt 107).

41      F’dan ir-rigward, l-istanzi deċiżjonali tal-EUIPO ma għandhomx jeżaminaw biss jekk l-emblema kkonċernata hijiex riprodotta totalment jew parzjalment fit-trade mark li magħha hija integrata. Huma għandhom jevalwaw ukoll jekk, b’mod partikolari, fir-rigward tad-dimensjoni tagħha u tal-pożizzjoni tagħha fi ħdan tali trade mark, din l-emblema hijiex perċepibbli bħala tali mill-pubbliku, jekk tippreżentax konfigurazzjoni sempliċi jew kumplessa ta’ kuluri jew ta’ forom, jekk hijiex ikkompletata minn elementi oħra, ta’ natura verbali jew figurattiva, li jnaqqsu jew jibdlu l-perċezzjoni ta’ din l-istess emblema mill-pubbliku jew jekk l-elementi l-oħra tat-trade mark inkwistjoni jiddominawx l-impressjoni globali prodotta minnha.

42      Huwa biss fi tmiem dan l-eżami li jista’ jiġi kkunsidrat, fil-każ fejn il-pubbliku jkun jagħmel rabta bejn, minn naħa, il-proprjetarju jew l-utent tat-trade mark ikkonċernata u, min-naħa l-oħra, l-awtorità li żżomm jew tuża l-emblema li tagħmel parti minn din it-trade mark jew li l-pubbliku jkun imqarraq f’dan ir-rigward, li hemm riskju ta’ preġudizzju għas-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti stabbilita mill-Unjoni.

43      It-tielet, kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti, ir-rifjut li tiġi rreġistrata trade mark li tinkludi s-simbolu IĠP, abbażi tal-Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistax jirriżulta mis-sempliċi ċirkustanza li l-awtorità kompetenti ma awtorizzatx tali użu. Fil-fatt, l-assenza ta’ tali awtorizzazzjoni hija biss waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-protezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

44      Ir-raba’, fir-rigward tal-argumenti tal-intervenjenti li s-simbolu IĠP jiddomina t-trade mark ikkontestata, il-konsumaturi ma jipperċepixxux dan is-simbolu bħala simbolu simili għal tikketta ta’ kwalità maħruġa mill-Unjoni u l-pubbliku ser jara rabta bejn din it-trade mark u l-Unjoni, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija trade mark ingħatat mill-EUIPO, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-perċezzjoni tal-istess trade mark mill-pubbliku. Issa, tali eżami ma twettaqx fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, tali argumenti ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjoni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta ma wettaqx tali evalwazzjoni.

45      F’dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, iċ-ċirkustanza, jekk titqies li hija minnha, li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Nru 1151/2012 sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni skont l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ma għandhiex effett fuq dan l-eżami. Minn naħa, tali ċirkustanza tfisser biss li, konformement mal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1151/2012, l-operatur li jikkummerċjalizza dawn il-prodotti jista’ juża l-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni, mingħajr madankollu ma dan jagħtih id-dritt li juża tali indikazzjoni bħala trade mark. Min-naħa l-oħra, il-prodotti inkwistjoni jistgħu jieqfu milli jissodisfaw l-imsemmija kundizzjonijiet fil-futur. Issa, anki f’dan il-każ, it-trade mark ikkonċernata tkompli tinkludi s-simbolu IĠP u, jekk ikun il-każ, tista’ tqarraq bil-pubbliku dwar l-oriġini jew il-proprjetajiet tal-prodotti indikati minnha.

46      Minn dak kollu preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

47      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. F’dan il-każ, l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu u r-rikorrenti talbet biss il-kundanna għall-ispejjeż tal-EUIPO f’dawn il-proċeduri. Konsegwentement, hemm lok li l-EUIPO jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, l-ispejjeż kollha sostnuti mir-rikorrenti f’dawn il-proċeduri. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati, fir-rigward tagħha, l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat23 ta’ Settembru 2020 (Każ R 2186/20194) hija annullata.

2)      L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Gabriele Schmid.

3)      Il-Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Kornezov

Kowalik-Bańczyk

Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Diċembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.