Appell ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2020 minn Hermann Albers eK mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fil-5 ta’ Ottubru 2020 fil-Kawża T-597/18, Hermann Albers vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-656/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Hermann Albers eK (rappreżentant: S. Roling, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Land Niedersachsen

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment il-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2020, Hermann Albers vs Il-Kummissjoni (T-597/18, EU:T:2020:467).

tilqa’ fl-intier tagħhom it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, li permezz tagħhom tiġi ddikjarata n-nullità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 4385 final tat-12 ta’ Lulju 2018 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar il-miżura adottata mil-Land Niedersachsen skont l-Artikolu 7a tan-Niedersächsisches Nahverkehrsgesetz (il-Liġi dwar it-Trasport Lokali tal-Land Niedersächsen) [Każ SA.46538 (2017/NN)] 1 u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tifsira tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE fir-rigward tal-Artikolu 7a tan-Niedersächsischen Nahverkehrsgesetzes (NNVG) (il-Liġi dwar it-Trasport Lokali tal-Land Niedersächsischen). L-Artikolu 7a tan-NNVG jikkostitwixxi, kuntrarjament tal-fehma tal-Qorti Ġenerali, għajnuna ġdida li hija suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni.

Fir-rigward tal-Artikolu 107 TFUE, dak li huwa inkwistjoni ma huwiex sempliċement it-trasferiment domestiku ta’ riżorsi finanzjarji, peress li l-awtoritajiet ta’ trasport, fir-rwol doppju tagħhom bħala proprjetarji ta’ impriżi ta’ trasport pubbliku, jibbenefikaw direttament mill-għoti ta’ riżorsi u jużawhom b’mod selettiv b’dannu għas-settur privat permezz ta’ għoti dirett. Dan għaliex l-awtoritajiet ta’ trasport ikkontrollaw l-impriżi ta’ trasport pubbliku “bħallikieku kienu s-servizzi tagħhom stess”. L-għoti ta’ riżorsi lill-awtoritajiet ta’ trasport huwa inevitabbilment marbut ma’ vantaġġ, peress li f’dak il-perijodu l-użu tar-riżorsi għall-attivitajiet ekonomiċi ta’ impriżi muniċipali ta’ spiss ikun diġà ġie stabbilit. Dan joħloq distorsjoni tal-kompetizjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

Minbarra dan, minħabba l-fatt li l-Artikolu 7a tan-NNVG għandu n-natura ta’ għajnuna, iżda wkoll indipendentement minnu, kien hemm ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tinnotifika l-Artikolu 7a tan-NNVG lill-Kummissjoni Ewropea.

____________

1     ĠU 2018, C 292, p. 1.