Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju) fit-23 ta' Diċembru 2011 - Martin y Paz Diffusion SA vs David Depuydt, Fabriek van Maroquinerie Gauquie SA

(Kawża C-661/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Martin y Paz Diffusion SA

Konvenuti: David Depuydt, Fabriek van Maroquinerie Gauquie SA

Domandi preliminari

1.1.    L-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 8(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks  għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt esklużiv mogħti mit-trade mark irreġistrata ma jistax iktar jiġi invokat b'mod definittiv mill-proprjetarju tiegħu fir-rigward ta' terz, għall-prodotti kollha koperti matul ir-reġistrazzjoni:

-    meta, għal perijodu twil, il-propjetarju qasam l-użu ta' din it-trade mark ma' dan it-terz fil-kuntest ta' forma ta' koproprjetà għal parti mill-prodotti koperti?

-    meta, meta sar dan il-qsim, huwa ta lil dan it-terz il-kunsens irrevokabbli tiegħu sabiex dan jagħmel użu minn din it-trade mark għal dawn il-prodotti?

1.2.    L-imsemmija artikoli għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni ta' regola nazzjonali, bħal dik li skontha l-proprjetarju ta' dritt ma jistax jeżerċita dan id-dritt b'mod ħazin jew abbużiv, tista' twassal għal projbizzjoni definittiva tal-eżerċizzju ta' dan id-dritt esklużiv għal parti mill-prodotti koperti, jew fis-sens li din l-applikazzjoni għandha tkun limitata sabiex tissanzjona b'mod ieħor l-imsemmi użu ħażin jew abbużiv tad-dritt?

2.1.    L-Artikolu 5(1), u l-Artikolu 8(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-propjetarju ta' trade mark irreġistrata jtemm l-impenn tiegħu lejn terz li ma jużax din it-trade mark għal ċerti prodotti, u għaldaqstant għandu fi ħsiebu li jerġa jibda jużaha, il-qorti nazzjonali tista' xorta waħda b'mod definittiv tipprojbixxi dan il-bidu mill-ġdid ta' użu għar-raġuni li dan jikkostitwixxi kompetizzjoni żleali minħabba li minn dan jirriżulta għall-proprjetarju vantaġġ mislut mir-reklamar imwettaq qabel fir-rigward tat-trade mark mill-imsemmi terz u konfużjoni possibbli f'moħħ il-klijentela, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha tadotta sanzjoni differenti li ma tipprojbixxix b'mod definittiv dan il-bidu mill-ġdid ta' użu mill-propjetarju?

2.2.    L-imsemmija artikoli għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni definittiva ta' użu mill-proprjetarju hija ġġustifikata meta t-terz, matul bosta snin, investa sabiex il-pubbliku jsir jaf bil-prodotti li fir-rigward tagħhom huwa ġie awtorizzat mill-proprjetarju sabiex juża t-trade mark?

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92.