Kawża C-189/08

Zuid-Chemie BV

vs

Philippo’s Mineralenfabriek NV/SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi — Regolament Nru 44/2001 — Kunċett tal-‛post fejn l-avveniment dannuż ikun twettaq’”

Sommarju tas-sentenza

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 2 u 5(3))

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-kuntest ta’ kawża dwar id-dannu kkawżat lil impriża minħabba kunsinna ta’ prodott kimiku kkontaminat li renda inutilizzabbli l-fertilizzanti li l-impriża tipproduċi minn diversi tipi ta’ materja prima u mit-trasformazzjoni tal-imsemmi prodott, il-frażi “post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment dannuż] jkun twettaq” tirreferi għall-post fejn id-dannu inizjali seħħ minħabba l-użu normali tal-prodott għall-finijiet li għalihom huwa intiż.

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda mhux biss il-post tal-avveniment kawżali li huwa s-sors tad-dannu imma wkoll dak ta’ fejn id-dannu seħħ, bħalma hija l-fabbrika tal-impriża fejn hija ttrasformat prodott difettuż li kkawża lill-prodott ittrasformat dannu materjali li sofrietu l-impriża u li jmur lil hinn mid-dannu inerenti għall-prodott fih innifsu. F’dan ir-rigward, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu, li huwa differenti minn dak tal-avveniment kawżali, jippermetti li l-kawża titressaq quddiem il-qorti li tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex taqta’ l-kawża, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ prossimità tal-kawża u ta’ faċilità tal-amministrazzjoni tal-provi. Min-naħa l-oħra, l-għażla unika tal-post tal-avveniment kawżali jkollha bħala effett li twassal, f’numru sostanzjali ta’ każijiet, għal konfużjoni bejn il-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni pprovduti fl-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, b’mod illi din aħħar dispożizzjoni titlef b’hekk l-effettività tagħha.

(ara l-punti 23, 24, 29-32 u d-dispożittiv)