Kawża C-357/16

“Gelvora” UAB

vs

Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prattiki kummerċjali żleali – Direttiva 2005/29/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kumpannija għall-irkupru ta’ dejn – Kreditu għall-konsum – Trasferiment ta’ dejn – Natura tar-relazzjoni ġuridika bejn il-kumpannija u d-debitur – Artikolu 2(c) – Kunċett ta’ ‘prodott’ – Miżuri ta’ rkupru implementati b’mod parallel għall-intervent tal-uffiċjal ġudizzjarju”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-20 ta’ Lulju 2017

Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29 – Kamp ta’ applikazzjoni – Dejn ta’ debitur inadempjenti fir-rigward ta’ kuntratt ta’ kreditu fuq il-konsum ittrasferit lil kumpannija għall-irkupru ta’ dejn – Relazzjoni ġuridika bejn din il-kumpannija u d-debitur inadempjenti – Inklużjoni – Kunċett ta’ prodott – Miżuri ta’ rkupru ta’ dejn implementati minn din il-kumpannija b’mod parallel għall-intervent tal-uffiċjal ġudizzjarju – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29, Artikolu 2(c))

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li r-relazzjoni ġuridika bejn kumpannija ta’ rkupru ta’ dejn u d-debitur inadempjenti ta’ kuntratt ta’ kreditu fuq il-konsum li d-dejn tiegħu għandu jiġi ttrasferit lil din il-kumpannija taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha. Il-prattiki adottati minn din il-kumpannija bil-għan li tipproċedi għall-irkupru tad-dejn tagħha jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “prodott” fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, hija mingħajr effett iċ-ċirkustanza li d-dejn ġie kkonfermat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u li din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lil uffiċjal ġudizzjarju sabiex tkun tista’ tiġi eżegwita.

Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-adozzjoni ta’ tali miżuri b’mod parallel għal proċedura uffiċjali ta’ eżekuzzjoni permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju tista’ twassal lid-debitur għal żball fir-rigward tan-natura tal-proċedura quddiemu, l-effettività tal-protezzjoni ggarantita lill-konsumatur permezz tad-direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tirrikjedi li l-kummerċjant, li jkun iddeċieda li jaġixxi b’mod awtonomu bil-għan li jirkupra d-dejn tiegħu, ikun suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-miżuri li jadotta b’inizjattiva tiegħu, b’mod parallel għal proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata.

(ara l-punti 30, 31 u d-dispożittiv)