Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

21 ta’ Settembru 2022 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Żona Ħielsa ta’ Madeira – Skema ta’ għajnuna implimentata mill-Portugall – Deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità tal-iskema mad-Deċiżjonijiet C(2007) 3037 final u C(2013) 4043 final, li tiddikjara din l-iskema inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tal-għajnuna mħallsa skont din l-iskema – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Għajnuna eżistenti fis-sens tal‑Artikolu 1(b)(i) u (ii) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Irkupru – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni – Preskrizzjoni – Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589”

Fil-Kawża T‑95/21,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn P. Barros da Costa, A. Soares de Freitas, L. Borrego, bħala aġenti, assistiti minn M. Gorjão-Henriques u A. Saavedra, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Barcew u G. Braga da Cruz, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Svenningsen (Relatur), President, C. Mac Eochaidh u T. Pynnä, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat id-digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (T‑95/21 R, mhux ippubblikat, EU:T:2021:383), li jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji mressqa mir-Repubblika Portugiża,

wara s-seduta tas‑17 ta’ Mejju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika Portugiża titlob l-annullament tal-Artikolu 1 kif ukoll tal-Artikoli 4 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2020) 8550 final tal‑4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) applikata mill-Portugall favur iż-Żona Ħielsa ta’ Madeira (ŻĦM) – Skema III (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        L-iskema taż-ŻĦM tieħu l-forma ta’ diversi vantaġġi fiskali mogħtija fl-ambitu tas-Centro Internacional de Negócios da Madeira (iċ-Ċentru Internazzjonali tal-Kummerċ ta’ Madeira, il-Portugall), tar-Registo Internacional de Navios da Madeira (ir-Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti ta’ Madeira) u taż-Zona Franca Industrial (iż-Żona Ħielsa Industrijali, iktar ’il quddiem iż-“ŻĦI”).

3        Din l-iskema ġiet inizjalment approvata fl‑1987 (iktar ’il quddiem “l-iskema I”) permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Mejju 1987 mogħtija fil-Każ N 204/86 (SG(87) D/6736) bħala għajnuna bi skop reġjonali kompatibbli. L-estensjoni tagħha ġiet imbagħad awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Jannar 1992 mogħtija fil-Każ E 13/91 (SG(92) D/1118), sussegwentement permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Frar 1995 mogħtija fil-Każ E 19/94 (SG(95) D/1287).

4        L-iskema li ġiet warajha (iktar ’il quddiem “l-iskema II”) ġiet awtorizzata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 mogħtija fil-Każ N 222A/01.

5        Abbażi tal-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-perijodu 2007–2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2007”), it-tielet skema (iktar ’il quddiem “l-iskema III”) ġiet awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2007 mogħtija fil-Każ N421/2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2007”), għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2007 sal‑31 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni awtorizzat din l-iskema bħala għajnuna għall-funzjonament kompatibbli intiża sabiex tippromwovi l-iżvilupp reġjonali u d-diversifikazzjoni tal-istruttura ekonomika ta’ Madeira (il-Portugall), bħala reġjun ultraperiferiku fis-sens tal-Artikolu 299(2) KE (li sar l-Artikolu 349 TFUE).

6        L-iskema III tieħu l-forma ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul applikabbli għall-persuni ġuridiċi (iktar ’il quddiem it-“TDPĠ”) fuq il-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira (3 % mill‑2007 sal‑2009, 4 % mill‑2010 sal‑2012 u 5 % mill‑2013 sal‑2020), ta’ eżenzjoni mit-taxxi muniċipali u lokali kif ukoll ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq it-trasferiment ta’ beni immobbli għall-ħolqien ta’ impriża fiż-ŻĦM, sa ammonti ta’ għajnuna massimi bbażati fuq il-limiti massimi tal-ammont taxxabbli applikabbli għall-ammont taxxabbli annwali tal-benefiċjarji. Dawn il-limiti massimi huma stabbiliti skont in-numru ta’ postijiet tax-xogħol miżmuma mill-benefiċjarju matul kull sena finanzjarja. F’ċerti ċirkustanzi, il-kumpanniji rreġistrati fiż-ŻĦI taż-ŻĦM jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis addizzjonali ta’ 50 % tat-TDPĠ.

7        L-aċċess għall-iskema III ġie ristrett għall-attivitajiet li kienu inklużi fil-lista inkluża fid-deċiżjoni tal‑2007. Barra minn hekk, l-attivitajiet kollha ta’ medjazzjoni finanzjarja u ta’ assigurazzjoni u l-attivitajiet anċillari finanzjarji u tal-assigurazzjoni kif ukoll l-attivitajiet kollha tat-tip “servizzi intragrupp” (ċentri ta’ koordinazzjoni, teżor u distribuzzjoni), bħala “servizzi pprovduti lil impriżi, prinċipalment”, ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema III.

8        Verżjoni emendata tal-iskema III ġiet awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Lulju 2013 mogħtija fil-Każ SA.34160 (2011/N) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2013”), għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sal‑31 ta’ Diċembru 2013. Din iżżomm l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti mill-iskema III, bla ħsara għal żieda ta’ 36.7 % tal-limiti massimi tal-ammont taxxabbli li għalih huwa applikabbli t-tnaqqis tat-TDPĠ.

9        Sussegwentement, l-estensjoni sat‑30 ta’ Ġunju 2014 tal-iskema III emendata ġiet awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑26 ta’ Novembru 2013 mogħtija fil-Każ SA.37668 (2013/N). L-estensjoni tal-imsemmija skema sal-aħħar tas-sena 2014 ġiet awtorizzata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Mejju 2014 mogħtija fil-Każ SA.38586 (2014/N).

10      Fit‑12 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni bdiet, abbażi tal-Artikolu 108(1) TFUE u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), eżerċizzju ta’ sorveljanza tal-iskema III għas-snin 2012 u 2013.

11      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Portugiża bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-iskema III (ĠU 2019, C 101, p. 7, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali”).

12      Din il-proċedura nfetħet minħabba d-dubji tal-Kummissjoni dwar, minn naħa, l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet fiskali fuq id-dħul li joriġina minn attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa fir-reġjun awtonomu ta’ Madeira (iktar ’il quddiem ir-“RAM”) u, min-naħa l-oħra, ir-rabta bejn l-ammont tal-għajnuna u l-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol effettivi f’Madeira.

13      Fi tmiem l-imsemmija proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li d-dispożittiv tagħha huwa fformulat kif ġej:

Artikolu 1

L-iskema ta’ għajnuna ‘Zona Franca da Madeira (Żona Ħielsa ta’ Madeira) (ŻĦM) – Skema III’ sa fejn din ġiet implimentata mill-Portugall bi ksur tad-Deċiżjoni [tal‑2007] u tad-Deċiżjoni [tal‑2013] ġiet applikata illegalment mill-Portugall bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], u hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxix għajnuna jekk, fil-mument meta ngħatat, hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/1588 applikabbli fid-data meta ngħatat l-għajnuna.

Artikolu 3

L-għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li, fid-data li fiha ngħatat, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 jew minn regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament […] 2015/1588, hija kompatibbli mas-suq intern sal-livelli massimi ta’ għajnuna applikabbli għal din it-tip ta’ għajnuna.

Artikolu 4

1. Il-Portugall għandu jipproċedi għall-irkupru mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna inkompatibbli mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1.

[...]

4. Il-Portugall għandu jħassar l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli sal-estent previst fl-Artikolu 1 u għandu jannulla l-ħlasijiet pendenti kollha relatati mal-għajnuna, b’effett mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 5

1. L-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema prevista fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2. Il-Portugall għandu jiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien tmien xhur mid-data tan-notifika tagħha.

[...]”

II.    Talbiet talpartijiet

14      Ir-Repubblika Portugiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikoli 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

III. Fiddritt

16      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Portugiża tinvoka seba’ motivi.

17      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn l-iskema III ma hijiex selettiva.

18      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni ma wrietx li l-iskema III kienet taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

19      Permezz tat-tielet motiv tagħha, imressaq sussidjarjament, ir-Repubblika Portugiża ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 108 TFUE u l-Artikoli 21 sa 23 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9) sa fejn l-iskema III għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”.

20      Permezz tar-raba’ motiv tagħha, imressaq ukoll sussidjarjament, ir-Repubblika Portugiża tinvoka żball ta’ liġi sa fejn l-iskema III ġiet applikata skont id-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 u l-Artikoli 107 u 108 TFUE.

21      Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt jew naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn ir-rekwiżiti tal-iskema fiskali u s-sorveljanza tagħhom imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali huma adatti sabiex jikkontrollaw l-iskema III.

22      Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt jew naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn hija wettqet kontrolli tal-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol.

23      Fl-aħħar nett, permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża tinvoka l-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, l-impossibbiltà għaliha li tikkonforma ruħha mal-obbligu ta’ rkupru li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata u kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589.

A.      Fuq listruttura u lmotivi tarrikors

24      Fid-dawl tal-motivi mressqa mir-Repubblika Portugiża u mfakkra fil-punti 16 sa 23 iktar ’il fuq kif ukoll tal-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fuq ir-rapport tas-seduta u mniżżla fil-proċess verbal tal-istess, dan ir-rikors għandu jinftiehem bħala li huwa kompost, essenzjalment, minn ħdax-il motiv.

25      L-ewwel u t-tieni motiv huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn l-iskema III, kif implimentata, ġiet ikklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

26      It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 108 TFUE u tal-Artikoli 21 sa 23 tar-Regolament 2015/1589, sa fejn l-iskema III, kif implimentata, ġiet ikklassifikata bħala “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament u mhux bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tal-imsemmi regolament.

27      Ir-raba’ sas-sitt motiv huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt kif ukoll fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni, sa fejn l-iskema III ġiet implimentata mir-Repubblika Portugiża skont id-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 kif ukoll skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE.

28      Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ittra li kienet intbagħtitilha fis‑6 ta’ April 2018 mir-Repubblika Portugiża.

29      It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ordnat lir-Repubblika Portugiża tirkupra l-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli.

30      Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq l-impossibbiltà għar-Repubblika Portugiża li tirkupra l-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli.

31      L-għaxar motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ approċċ restrittiv f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-“ħolqien-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-reġjun” u ta’ “attività effettivament u materjalment imwettqa fir-[RAM]”.

32      Il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2015/1589 minħabba l-preskrizzjoni ta’ ċerta għajnuna mħallsa skont l-iskema III.

B.      Fuq lewwel u ttieni motiv, ibbażati fuq ksur talArtikolu 107(1) TFUE, sa fejn liskema III, kif implimentata, ġiet ikklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”

33      Permezz tal-ewwel u tat-tieni motiv tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-Repubblika Portugiża tikkritika lill-Kummissjoni li kisret l-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn hija kklassifikat bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-iskema III, kif implimentata. F’dan ir-rigward, hija ssostni li din l-iskema ma tissodisfax tlieta mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet ta’ tali klassifikazzjoni.

34      Minn naħa u kuntrarjament għall-konstatazzjoni li saret fil-premessi 135 u 136 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iskema III ma hijiex ta’ natura selettiva, sa fejn hija tikkostitwixxi miżura ta’ natura ġenerali li tagħmel parti mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali Portugiża u għandha bħala għan ir-regolarizzazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li oġġettivament jistħoqqilhom li jirċievu trattament awtonomu.

35      F’dan ir-rigward, qabelxejn, ir-Repubblika Portugiża ssostni, billi tirreferi għas-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 1997, Tiercé Ladbroke vs Il-Kummissjoni (C‑353/95 P, EU:C:1997:596), li n-natura u l-istruttura tas-sistema jistgħu jiġġustifikaw trattament iddifferenzjat meta mqabbel ma’ leġiżlazzjoni ta’ portata ġenerali, jekk isir riferiment mhux biss għal elementi formali bħall-grad ta’ awtonomija tal-entità territorjali kkonċernata, iżda wkoll għall-eżistenza ta’ sitwazzjoni materjali differenti li tiġġustifika deroga mir-regoli ġenerali.

36      Issa, l-ispeċifiċità tat-territorju tar-RAM, irrikonoxxuta kemm mill-qafas ġuridiku u kostituzzjonali Portugiż kif ukoll mill-Kummissjoni fil-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, tiġġustifika trattament fiskali differenti minn dak tat-territorji Portugiżi l-oħra, sabiex jiġu kkoreġuti u attenwati d-diffikultajiet strutturali permanenti li jbatu minnhom l-impriżi li jwettqu l-attività ekonomika tagħhom f’dan ir-reġjun.

37      Sussegwentement, ir-Repubblika Portugiża tqis li l-fatt li l-miżura hija ġeografikament limitata għaż-ŻĦM ma jagħtihiex natura selettiva. Li kieku kellu jkun mod ieħor, ir-RAM u ż-ŻĦM jitpoġġew f’sitwazzjoni fiskalment żvantaġġuża meta mqabbla ma’ reġjuni oħra tal-Unjoni, u dan imur kontra l-għan ġenerali tat-Trattati u tal-politiki tal-Unjoni, li huma intiżi li jiffavorixxu r-reġjuni ultraperiferiċi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha tevita li tapplika kriterju li ma jippermettix li jintlaħaq dan l-għan.

38      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portugiża ssostni li, skont is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et (C‑428/06 sa C‑434/06, EU:C:2008:488, punt 144), u tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (T‑211/04 u T‑215/04, EU:T:2008:595, punt 115), il-qafas ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tas-selettività tal-iskema III għandu jkun it-territorju tar-RAM u mhux it-territorju Portugiż kollu.

39      Dan jirriżulta mill-fatt li r-RAM għandu, fil-livell kostituzzjonali, awtonomija istituzzjonali, proċedurali u ekonomika suffiċjenti b’paragun mal-awtoritajiet ċentrali Portugiżi. Din l-awtonomija, li tippermettilu jadatta s-sistema fiskali nazzjonali għall-karatteristiċi speċifiċi reġjonali tiegħu, mingħajr ma deċiżjoni min-naħa tiegħu li jnaqqas ir-rata ta’ tassazzjoni tiġi kkumpensata permezz ta’ għajnuna jew sussidji minn reġjuni oħra jew mill-gvern ċentrali, tiġġustifika li l-iskema III tiġi kkunsidrata li għandha applikazzjoni ġenerali fi ħdan din l-awtorità infrastatali.

40      Issa, billi ma ddeterminatx, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk ir-RAM jew iż-ŻĦM kellhiex awtonomija istituzzjonali, proċedurali u ekonomika suffiċjenti, il-Kummissjoni kisret mhux biss l-Artikolu 107(1) TFUE, iżda wkoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

41      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma wrietx li l-iskema III, kif implimentata, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

42      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża ssostni li, kuntrarjament għal dak li hija indikat fil-premessa 215 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha, skont il-ġurisprudenza, twettaq konkretament analiżi kwantitattiva u aġġornata tal-effetti tal-iskema III. Barra minn hekk, hija kellha turi l-eżistenza ta’ effetti sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ, fid-dawl tan-natura ultraperiferika u tal-portata ekonomika dgħajfa tar-RAM, li l-karatteristiċi speċifiċi tagħha huma rrikonoxxuti mill-Artikolu 349 TFUE.

43      Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi llimitat ruħha li tindika li l-kumpanniji rreġistrati fiż-ŻĦM kienu jwettqu attivitajiet miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali, minkejja li l-persuni kkonċernati sostnew il-kuntrarju matul il-proċedura amministrattiva, li din il-proċedura ma rrelevat ebda persuna kkonċernata li lmentat dwar l-implimentazzjoni tal-iskema III u li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iqis li l-attrattività dgħajfa tar-reġjuni ultraperiferiċi teskludi l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

44      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel u t-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

45      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta, fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, ikklassifikat bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-iskema III, kif implimentata.

46      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat” teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfatti. L-ewwel kundizzjoni hija dik li għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju. Ir-raba’, dan għandu joħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża tillimita ruħha li tikkontesta, minn naħa, in-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarji tal-iskema III, kif implimentata, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din l-iskema tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri kif ukoll toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

48      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura selettiva tal-vantaġġ, huwa stabbilit li miżuri nazzjonali li jagħtu vantaġġ fiskali li, għalkemm ma jinvolvux trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, ipoġġu lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra jistgħu jagħtu vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Din il-kundizzjoni timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li għalhekk ikunu suġġetti għal trattament iddifferenzjat li essenzjalment jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha, fl-ewwel lok, tidentifika s-sistema ta’ riferiment, jiġifieri l-iskema fiskali “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u, fit-tieni lok, turi li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ riferiment, sa fejn din tintroduċi distinzjonijiet bejn operaturi li jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex minn dan tal-aħħar, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, A‑Brauerei, C‑374/17, EU:C:2018:1024, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Għal dan il-għan, il-qafas ta’ riferiment ma għandux neċessarjament jiġi ddefinit fil-limiti tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li miżura li tagħti vantaġġ f’parti biss tat-territorju nazzjonali ma hijiex, minħabba dan il-fatt biss, selettiva. B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet strettament determinati, entità infrastatali jkollha status ta’ dritt u ta’ fatt li jagħmilha suffiċjentement awtonoma fil-konfront tal-gvern ċentrali ta’ Stat Membru sabiex, permezz tal-miżuri li hija tadotta, tkun din l-entità, u mhux il-gvern ċentrali, li għandha rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi, li jimplika li l-qafas ta’ riferiment jista’ jkun limitat għaż-żona ġeografika kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punti 57 sa 68, u tal‑11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et, C‑428/06 sa C‑434/06, EU:C:2008:488, punti 47 sa 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Fl-aħħar nett, miżura a priori selettiva ma tistax tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat” meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu juri li d-differenza magħmula bejn l-impriżi benefiċjarji li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-iskema legali inkwistjoni, f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli hija ġġustifikata, fis-sens li tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li taħtha jaqgħu dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan il-każ, mill-premessi 130 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Portugiża jirriżulta li l-iskema III għandha l-bażi legali tagħha prinċipalment fl-Estatuto dos Benefícios Fiscais (l-Istatut tal-Vantaġġi Fiskali), maħluq bid-Decreto-lei no 215/89 (id-Digriet-Liġi Nru 215/89) tal‑1 ta’ Lulju 1989 (Diário da República I, Serje I, Nru 149, tal‑1 ta’ Lulju 1989), u fid-Decreto-Lei no 500/80 que autoriza a criação de uma zona franca na Região Autónoma da Madeira (id-Digriet-Liġi Nru 500/80 li Jawtorizza l-Ħolqien ta’ Żona Ħielsa fir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira) tal‑20 ta’ Ottubru 1980 (Diário da República I, Serje I, Nru 243/1980, tal‑20 ta’ Ottubru 1980).

54      Barra minn hekk, il-premessi 10 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma humiex ikkontestati mir-Repubblika Portugiża, jippreċiżaw li l-iskema III tipprevedi vantaġġ fil-forma ta’ tnaqqis tat-TDPĠ, favur kumpanniji rreġistrati fiż-ŻĦM, li għandhom jeżerċitaw ċerti attivitajiet ekonomiċi elenkati b’mod eżawrjenti li jinsabu f’lista annessa mad-Deċiżjoni tal‑2007 u li minnha huma esklużi b’mod partikolari l-attivitajiet kollha ta’ intermedjazzjoni finanzjarja u ta’ assigurazzjoni u l-attivitajiet awżiljarji finanzjarji u tal-assigurazzjoni kif ukoll l-attivitajiet kollha tat-tip “servizzi intragrupp” (ċentri ta’ koordinazzjoni, teżorerija u distribuzzjoni).

55      Minn dan jirriżulta li mhux il-kumpanniji kollha, iżda biss uħud minnhom jistgħu jirreġistraw ruħhom fiż-ŻĦM u li huma biss dawn il-kumpanniji rreġistrati fiż-ŻĦM, bl-esklużjoni ta’ dawk stabbiliti f’partijiet oħra tar-RAM jew tat-territorju Portugiż, li jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-taxxa previst mill-iskema III.

56      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessi 134 u 135 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-vantaġġi fiskali previsti mill-iskema III kienu ta’ natura selettiva, peress li, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 iktar ’il fuq, din hija ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija skema, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li għalhekk jingħataw trattament iddifferenzjat li jista’ essenzjalment jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju.

57      F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tar-Repubblika Portugiża li l-Kummissjoni wettqet żball fid-definizzjoni tal-qafas ta’ riferiment użata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura selettiva tal-iskema III ma tistax tbiddel din il-konklużjoni.

58      Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-qafas ta’ riferiment sabiex tiġi eżaminata n-natura selettiva ta’ din l-iskema jista’ jkun dak tat-territorju tar-RAM, il-fatt, irrilevat mill-Kummissjoni, li l-impriżi rreġistrati fit-territorju tar-RAM iżda barra miż-ŻĦM ma jistgħux jibbenefikaw mill-imsemmija skema huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura selettiva ta’ din tal-aħħar u sabiex l-allegazzjoni tar-Repubblika Portugiża dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt titqies mingħajr bażi.

59      Bl-istess mod, ir-Repubblika Portugiża ma tistax tinvoka b’mod utli l-fatt li l-iskema III hija ġġustifikata min-natura jew mill-istruttura tas-sistema fiskali Portugiża, sa fejn din hija intiża sabiex tnaqqas l-iżvantaġġi permanenti li minnhom jbatu l-impriżi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fir-RAM.

60      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-għan imfittex mill-interventi tal-Istat ma huwiex biżżejjed sabiex dawn jiġu awtomatikament esklużi mill-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tiddistingwixxix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda tiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 27; ara, ukoll, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li sistema fiskali reġjonali hija maħsuba b’mod li tiżgura l-korrezzjoni ta’ żvantaġġi marbuta mal-insularità ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li kull vantaġġ fiskali mogħti f’dan il-kuntest huwa ġġustifikat min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali nazzjonali. Għalhekk, il-fatt li tittieħed azzjoni abbażi ta’ politika ta’ żvilupp reġjonali jew ta’ koeżjoni soċjali ma huwiex biżżejjed sabiex miżura adottata fil-kuntest ta’ din il-politika titqies li hija ġġustifikata minħabba dan il-fatt biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 82).

62      Issa, kemm fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll, quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika Portugiża llimitat ruħha għal dikjarazzjonijiet ta’ portata ġenerali dwar l-iżvantaġġi li r-RAM iġarrab u dwar in-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-istatus tiegħu ta’ reġjun ultraperiferiku rrikonoxxut mill-Artikolu 349 TFUE.

63      Għaldaqstant, ir-Repubblika Portugiża ma wrietx kif l-iskema III, b’mod partikolari sa fejn ma kinitx tibbenefika lill-kumpanniji stabbiliti fir-RAM, iżda mhux irreġistrati fiż-ŻĦM, kienet iġġustifikata min-natura jew mill-istruttura tas-sistema fiskali Portugiża.

64      Barra minn hekk u jekk jiġi preżunt li, permezz tal-argumenti tagħha, ir-Repubblika Portugiża qiegħda tipprova tistieden lill-Qorti Ġenerali, biss għal raġuni ta’ ekwità, tevita l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(1) TFUE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ previst fl-Artikolu 263 TFUE, ma tistax, bħall-Kummissjoni, tinjora r-regoli tat-Trattat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, EU:C:2000:537, punt 62).

65      Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fil-premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema III, kif implimentata, kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha.

66      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet relatati mal-eżistenza ta’ effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kif ukoll fuq il-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li hemm lok, mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, kif tallega r-Repubblika Portugiża, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 78), li għandu tal-inqas jiġi invokat mill-Kummissjoni fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 88).

67      F’dan ir-rigward, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ ċerti impriżi meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma influwenzati mill-għajnuna (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 79).

68      Fir-rigward tal-kundizzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-għajnuna intiża li tillibera impriża minn spejjeż li hija normalment jkollha ssostni fl-ambitu tal-ġestjoni regolari tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha, inkluża l-għajnuna għall-funzjonament bħal dik mogħtija skont l-iskema III, toħloq, bħala prinċipju, distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 136, u tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 80).

69      Issa, billi fakkret essenzjalment il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq u billi kkonstatat, fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kumpanniji rreġistrati fiż-ŻĦM kienu jwettqu attivitajiet miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Barra minn hekk, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet suffiċjentement skont il-liġi li, f’dan il-każ ineżami, l-iskema III, kif implimentata, setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

70      L-elementi invokati mir-Repubblika Portugiża u mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq ma jistgħux iqiegħdu f’dubju din il-konklużjoni u lanqas jimponu fuq il-Kummissjoni obbligu ikbar ta’ motivazzjoni.

71      Fil-fatt, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni għandha tinqara fid-dawl, b’mod partikolari, tal-paragrafu 15 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, tal-preċiżazzjonijiet magħmula mir-Repubblika Portugiża stess fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha kif ukoll waqt is-seduta, li jipprovdu li l-iskema III ġiet redatta bl-intiża li tiġbed l-investiment barrani u tiżviluppa s-servizzi internazzjonali, jew ukoll tal-fatt li l-iskema III tinkludi ċ-Ċentru Internazzjonali tal-Kummerċ ta’ Madeira u r-Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti ta’ Madeira.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel u t-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

C.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 108 TFUE u tal-Artikoli 21 sa 23 tar-Regolament 2015/1589, sa fejn l-iskema III, kif implimentata, ġiet ikklassifikata bħala “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament u mhux bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tal-imsemmi regolament

73      Permezz tat-tielet motiv tagħha, ippreżentat sussidjarjament, ir-Repubblika Portugiża tikkritika lill-Kummissjoni li kisret l-Artikolu 108(1) TFUE u l-Artikoli 21 sa 23 tar-Regolament 2015/1589, meta kklassifikat l-iskema III, kif implimentata, bħala “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament u meta fetħet, minħabba f’hekk, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

74      Skont ir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni kellha, għall-kuntrarju, tikklassifika l-iskema III, kif implimentata, bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589, jiġifieri għajnuna implimentata qabel l-adeżjoni tagħha u li baqgħet applikabbli wara. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha, jekk meħtieġ, tiftaħ il-proċedura ta’ eżami kostanti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, prevista fl-Artikolu 108(1) TFUE.

75      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża ssostni li ż-ŻĦM inħolqot qabel ma hija daħlet, fl‑1 ta’ Jannar 1986, fil-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE), li l-iskema taż-ŻĦM ma kinitx suġġetta għal emendi sostanzjali minn din id-data ’l hawn u li l-emendi magħmula wasslu sabiex tiġi ristretta l-portata tal-iskema u jirriżultaw li huma konformi mal-verżjonijiet suċċessivi tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għal skop reġjonali. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-rekwiżit tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax‑xogħol, ir-Repubblika Portugiża tindika li dan ir-rekwiżit ġie inkluż taħt pressjoni mill-Kummissjoni u kontra l-konvinzjoni tal-awtoritajiet tagħha.

76      Ir-Repubblika Portugiża żżid li n-negozjati dwar l-adeżjoni tagħha taw lok għal rakkomandazzjoni magħmula lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jagħtu attenzjoni partikolari lill-politika ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali tar-RAM. Barra minn hekk, l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1985, L 302, p. 23) jinkludi riżerva espressa dwar iż-ŻĦM u ma pprovdiex emenda konkreta tad-Digriet Liġi Nru 500/80.

77      Il-Kummissjoni tqis li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

78      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, stabbilita mill-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-proċedura tvarja skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-“għajnuna eżistenti” tista’, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implimentata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha u tkun suġġetta għall-proċedura ta’ eżami kostanti prevista f’din l-istess dispożizzjoni, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprevedi li l-proġetti intiżi sabiex jistabbilixxu “għajnuna ġdida” jew sabiex jemendaw “għajnuna eżistenti” għandhom jiġu nnotifikati, fi żmien xieraq, lill-Kummissjoni u ma jistgħux jiġu implimentati qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali pożittiva adottata skont il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Mill-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589 jirriżulta li għandha titqies bħala “għajnuna ġdida” “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”.

80      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89), jikklassifika bħala alterazzjoni ta’ għajnuna eżistenti, għall-finijiet tal-imsemmi Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, kull bidla minbarra l-emendi ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jkunux ta’ natura li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern.

81      Sabiex tiġi evalwata n-natura sostanzjali tal-emendi magħmula għal għajnuna eżistenti, għandu jiġi eżaminat jekk dawn l-emendi ppreġudikawx l-elementi kostituttivi ta’ din l-iskema, bħaċ-ċirku tal-benefiċjarji, l-iskop tas-sostenn finanzjarju jew ukoll is-sors ta’ dan is-sostenn u l-ammont tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et, C‑492/17, EU:C:2018:1019, punti 60 sa 63, u tal‑14 ta’ April 2021, Verband Deutscher Alten- und Behindertenhilfe u CarePool Hannover vs Il-Kummissjoni, T‑69/18, EU:T:2021:189, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dan il-każ, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema taż-ŻĦM inizjali sarulha emendi li jirrigwardaw, fil-kuntest tal-iskema II, ir-rekwiżit tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ impjiegi, l-esklużjoni ta’ ċerti attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema, tnaqqis progressiv tal-għajnuna kif ukoll iż-żieda ta’ tnaqqis addizzjonali għall-impriżi stabbiliti fiż-ŻĦI. Hija indikat ukoll li l-iskema III kienet ipprevediet żieda tal-limiti massimi tal-ammont taxxabbli li għalihom kien japplika t-tnaqqis tat-taxxi.

83      Tali emendi huma, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Portugiża, ta’ natura sostanzjali, sa fejn dawn jirrigwardaw l-elementi kostituttivi tal-iskema taż-ŻĦM inizjali u, b’mod partikolari, iċ-ċirku tal-benefiċjarji tagħha kif ukoll l-ammonti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi vs Il-Kummissjoni, T‑462/13, EU:T:2015:902, punti 149 u 150).

84      Tali konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-allegazzjoni tar-Repubblika Portugiża li dawn l-emendi sempliċement jirrestrinġi l-portata tal-iskema taż-ŻĦM inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2019, Dilly’s Wellnesshotel, C‑585/17, EU:C:2019:969, punt 59). Minbarra l-fatt li din l-affermazzjoni hija kontradetta mill-emendi suċċessivi tal-iskema taż-ŻĦM inizjali li wasslu b’mod partikolari għaż-żieda tat-tnaqqis tat-taxxi u ż-żieda tal-limiti massimi tal-ammont taxxabbli, l-evalwazzjoni tan-natura sostanzjali ta’ emenda hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk din l-emenda twassalx għal estensjoni jew restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, hija rilevanti biss il-kwistjoni ta’ jekk l-emenda tistax taffettwa s-sustanza stess tal-iskema inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Verband Deutscher Alten- und Behindertenhilfe u CarePool Hannover vs Il-Kummissjoni, T‑69/18, EU:T:2021:189, punt 190 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan huwa l-każ fir-rigward tad-diversi emendi li saru permezz tal-iskemi II u III għall-iskema taż-ŻĦM inizjali.

85      Bl-istess mod, ir-Repubblika Portugiża ma tistax utilment tinvoka l-fatt li l-imsemmija emendi huma konformi mal-verżjonijiet suċċessivi tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għal skop reġjonali jew ukoll li għandhom jiġu evalwati billi debitament tittieħed inkunsiderazzjoni rakkomandazzjoni magħmula lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jagħtu attenzjoni partikolari lill-politika ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali tar-RAM. Fil-fatt, tali elementi ma humiex relatati mal-klassifikazzjoni legali tal-għajnuna inkwistjoni bħala “għajnuna ġdida” jew “għajnuna eżistenti”.

86      Huwa wkoll irrilevanti l-fatt allegat mir-Repubblika Portugiża, li ż-żieda tar-rekwiżit tal-ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol kienet saret minnha taħt pressjoni mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2002 mogħtija fil-Każ N222a/2002 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2002”) jirriżulta li dan ir-rekwiżit ġie inkluż mir-Repubblika Portugiża stess fl-abbozz tal-iskema II innotifikat lill-Kummissjoni fit‑12 ta’ Marzu 2002.

87      Għaldaqstant, u mingħajr ma hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-iskema taż-ŻĦM ġietx effettivament implimentata qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Portugiża mal-KEE jew ibbenefikatx minn riżerva espressa li tinsab fl-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, l-emendi magħmula lilha wara l‑1 ta’ Jannar 1986 mill-iskemi II u III jeskludu l-kwalifika ta’ “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589, kif il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata.

88      Konsegwentement, ir-Repubblika Portugiża ma tistax tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(1) TFUE u l-Artikoli 21 sa 23 tar-Regolament 2015/1589, billi kklassifikat l-iskema III, kif implimentata, bħala “għajnuna ġdida” minflok “għajnuna eżistenti” u billi ma fetħitx, jekk xieraq, il-proċedura ta’ eżami kostanti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D.      Fuq ir-raba’ sas-sitt motiv, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt kif ukoll fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni sa fejn l-iskema III ġiet implimentata mir-Repubblika Portugiża skont id-deċiżjonijiet tal2007 u tal2013 kif ukoll skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE

1.      Fuq is-suġġett tar-raba’ sas-sitt motiv

90      Permezz tar-raba’ sas-sitt motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt kif ukoll naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, sa fejn l-iskema III ġiet implimentata mir-Repubblika Portugiża skont id-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 kif ukoll skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE.

91      Skont ir-Repubblika Portugiża, din il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żbalji fi tliet aspetti.

92      L-ewwel, ir-Repubblika Portugiża tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ liġi, sa fejn din tal-aħħar interpretat id-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 bħala li jawtorizzaw il-ħlas tal-għajnuna prevista mill-iskema III biss fir-rigward tal-profitti tal-kumpanniji rreġistrati fiż-ŻĦM li jirriżultaw minn “attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira”, u mhux għall-attivitajiet kollha tagħhom stess imwettqa barra minn dan ir-reġjun (ir-raba’ motiv).

93      It-tieni, ir-Repubblika Portugiża tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ fatt u nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Portugiżi ma kinux implimentaw kontrolli fiskali aġġustati u effettivi sabiex jivverifikaw l-osservanza mill-benefiċjarji tal-kundizzjonijiet ta’ ħlas tal-għajnuna prevista mill-iskema III (il-ħames motiv).

94      It-tielet, ir-Repubblika Portugiża tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ fatt u li naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, sa fejn hija qieset li, fl-implimentazzjoni tal-iskema III, l-awtoritajiet Portugiżi kienu interpretaw b’mod żbaljat il-kundizzjoni taż-“żamma jew tal-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol” u wettqu kontrolli insuffiċjenti f’dan ir-rigward (is-sitt motiv).

95      Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 107 TFUE, ir-Repubblika Portugiża indikat, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta li stednitha tindika l-punti tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li jsostnu din l-allegazzjoni, li din id-dispożizzjoni kienet imsemmija fil-punt 121 tar-rikors, li jirriproduċi l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr madankollu ma jirreferi għalih, kif ukoll fit-titolu tar-raba’ motiv tagħha, mingħajr ma identifikat partijiet oħra tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li jsostnu din l-allegazzjoni.

96      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Portugiża ma tipprovdi ebda element intiż li jikkontesta l-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-iskema III, kif implimentata, li saret mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 107(3) TFUE fil-premessa 206 tad-deċiżjoni kkontestata.

97      Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-Repubblika Portugiża bbażata fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, jekk jitqies li din hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE, ma tissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

98      Konsegwentement, ir-raba’ sas-sitt motiv għandhom jinftiehmu fis-sens li huma intiżi, essenzjalment, sabiex jikkontestaw il-konstatazzjoni, li saret fil-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-iskema taż-ŻĦM, kif implimentata, tikser id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal‑2007 u tal‑2013 li awtorizzaw l-iskema III u hija għalhekk illegali”, fis-sens tal-Artikolu 108(3) TFUE.

99      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi li “għajnuna ġdida” għandha tfisser “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”.

100    Minn dan jirriżulta li, meta rikorrent iqis li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ikkunsidrat li l-modalitajiet ta’ ħlas ta’ għajnuna individwali skont skema ta’ għajnuna awtorizzata minn qabel ma kinux konformi ma’ din l-awtorizzazzjoni minn qabel, l-argument ta’ din il-parti għandu jinftiehem bħala li jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tirrikonoxxi lill-imsemmija għajnuna l-klassifikazzjoni legali bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589, jiġifieri dik ta’ skemi ta’ għajnuna jew ta’ għajnuna individwali awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

101    Għaldaqstant, filwaqt li debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet magħmula mir-Repubblika Portugiża fuq ir-rapport tas-seduta, l-argument żviluppat minnha fil-kuntest tar-raba’ sas-sitt motiv tagħha għandu jinftiehem bħala li huwa intiż sabiex jikkontesta l-fatt li, fil-premessi 150 sa 180 u 228 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma assimilatx l-iskema III, kif implimentata, bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589, li l-kompatibbiltà tagħha kellha tiġi evalwata fl-ambitu tal-eżami kostanti tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, previst fl-Artikolu 108(1) TFUE, iżda kklassifikatha, fil-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala “għajnuna illegali” u, għaldaqstant, “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

2.      Fuq ilfondatezza tarraba’ sassitt motiv

102    Kif ġie rrilevat fil-punt 91 iktar ’il fuq, il-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li r-Repubblika Portugiża implimentat l-iskema III skont modalitajiet differenti minn dawk innotifikati minnha u awtorizzati permezz tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, hija vvizzjata bi żbalji fi tliet aspetti.

a)      Largumenti talpartijiet

103    L-ewwel, skont ir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kundizzjoni, prevista fid-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, li skontha t-tnaqqis tat-TDPĠ previst mill-iskema III jista’ jirrigwarda biss il-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet “effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira”.

104    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-attivitajiet imwettqa barra minn dan ir-reġjun minn kumpanniji rreġistrati fiż-ŻĦM ma jistgħux jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-TDPĠ.

105    Qabelxejn, filwaqt li tammetti li, skont id-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, il-vantaġġi fiskali previsti mill-iskema III jirrigwardaw “l-attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira” u li, matul in-negozjati ta’ din l-iskema, ir-Repubblika Portugiża effettivament impenjat ruħha sabiex tiżgura li t-tnaqqis tat-TDPĠ japplika għal dawn l-attivitajiet biss, hija ssostni li hija qatt ma ħbiet lill-Kummissjoni l-fatt li l-persuni taxxabbli li għandhom is-sede jew l-amministrazzjoni effettiva tagħhom fir-RAM kienu ntaxxati għad-dħul kollu tagħhom. Hija żżid li, f’għajnejn l-awtoritajiet Portugiżi, l-iskema taż-ŻĦM dejjem kellha l-għan li “tiġbed” l-investiment barrani u tiżviluppa s-servizzi internazzjonali, u mhux li tikkumpensa direttament spejjeż addizzjonali marbuta mas-sitwazzjoni tar-RAM jew ukoll li toħloq impjiegi. Issa, ma huwiex possibbli li l-interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 tiġi sseparata mill-pożizzjonijiet adottati mill-awtoritajiet Portugiżi fil-proċeduri amministrattivi li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet, li fihom huma pproponew li l-iskema taż-ŻĦM tiġi estiża lil hinn minn relazzjoni ta’ proporzjonalità stretta b’paragun mal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq l-impriżi attivi fir-RAM.

106    B’hekk, l-interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 għandha tkun iggwidata mis-sustanza ekonomika tal-iskema taż-ŻĦM, li hija riflessa essenzjalment fil-kontribuzzjoni ta’ din l-iskema għall-prodott gross domestiku (PGD) tar-RAM u, b’mod iktar modest, għall-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol jew għall-ġbir tad-dħul fiskali, fatt li dejjem kien magħruf mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża tindika li l-vantaġġi fiskali taż-ŻĦM huma manifestament inqas mill-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ultraperiferika tagħha.

107    Għaldaqstant, għar-Repubblika Portugiża, ir-rekwiżit li l-attivitajiet li jibbenefikaw mill-iskema III jkunu “effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira” ma jistax jimplika li l-impjiegi u l-attività ekonomika inkwistjoni għandhom neċessarjament iseħħu fil-limiti ta’ dan ir-reġjun.

108    Sussegwentement, ir-Repubblika Portugiża tqis li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ attivitajiet “effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira” għandha tkun konformi mar-“regoli” tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u b’mod partikolari mal-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar il-ġlieda kontra t-tnaqqis tal-ammont taxxabbli u t-trasferiment tal-profitti. Skont dawn tal-aħħar, ebda regolament ma jeżiġi l-eżistenza ta’ rabta definittiva ta’ dritt jew ta’ fatt bejn l-attività ekonomika reali eżerċitata fiż-żona ekonomika speċjali kkonċernata u l-profitti li għalihom jingħata vantaġġ fiskali.

109    Għaldaqstant, ir-Repubblika Portugiża tista’ tikkunsidra li attività tkun “effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira” jekk din tkun realment eżerċitata hemmhekk jew jekk l-impriża li teżerċitaha jkollha hemm sede, oqfsa u riżorsi proprji u adegwati, jew ċentru deċiżjonali effettiv u reali, mingħajr ma jkun jista’ jkun meħtieġ li l-impjegati kollha jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom hemmhekk b’mod permanenti jew li l-attività tkun limitata għat-territorju tagħha.

110    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portugiża ssostni li r-rekwiżit li l-kumpanniji rreġistrati fiż-ŻĦM jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis fiskali biss abbażi tal-attività li huma jwettqu fir-RAM iwassal lill-Kummissjoni sabiex timponi kundizzjonijiet addizzjonali mingħajr bażi suffiċjenti, b’mod partikolari fil-linji gwida tagħha dwar l-għajnuna bi skop reġjonali u l-komunikazzjonijiet tagħha dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi. Dan ir-rekwiżit iżid ukoll l-effetti negattivi li jirriżultaw mill-iskemi II u III u jista’ anki jwassal liż-ŻĦM għall-qerda tagħha, meta l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE għandha ssaħħaħ is-sostenn mogħti lil dan ir-reġjun.

111    Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit imur kontra l-ġurisprudenza kif ukoll il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni li jippermettu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett ta’ tixrid tal-għajnuna, jiġifieri l-fatt li għajnuna relatata mal-attivitajiet imwettqa barra minn reġjun tista’ tibbenefika b’mod sinjifikattiv lil dan ir-reġjun. Barra minn hekk, huwa f’dan is-sens li, fid-deċiżjoni tal‑2007, il-Kummissjoni ddikjarat li l-iskema III kienet tapplika mingħajr distinzjoni għall-impriżi residenti u mhux residenti fil-Portugall. L-imsemmi rekwiżit imur kontra wkoll il-prinċipji ta’ moviment liberu billi jillimita l-possibbiltà ta’ ħaddiem impjegat minn impriża li għandha liċenzja fiż-ŻĦM li jkun jista’ jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz kif ukoll dik tal-kumpannija kkonċernata li tipprovdi servizzi barra mir-RAM.

112    It-tieni, ir-Repubblika Portugiża ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ fatt u minn nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Portugiżi ma kinux implimentaw kontrolli fiskali aġġustati u effikaċi sabiex jivverifikaw l-osservanza mill-benefiċjarji tal-kundizzjonijiet ta’ ħlas tal-għajnuna previsti mill-iskema III.

113    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża tikkritika lill-Kummissjoni li qieset, fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontrolli li saru mill-awtoritajiet Portugiżi kienu ineffettivi, minn naħa, “f’dak li [kien] jirrigwarda l-kalkolu eżatt tal-postijiet tax-xogħol miżmuma għal kull benefiċjarju [tal-iskema III] u[, min-naħa l-oħra,] f’dak li [kien] jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-relazzjoni bejn il-postijiet tax-xogħol maħluqa u l-attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira”.

114    Insostenn ta’ dan l-argument, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-iskema fiskali Portugiża tipprevedi li l-benefiċċju tal-iskema III jkun akkumpanjat miż-żamma ta’ kontabbiltà separata għad-dħul iġġenerat miż-ŻĦM, minn obbligi fiskali anċillari kif ukoll minn mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll effettivi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013.

115    Ir-Repubblika Portugiża żżid li, fir-rigward tal-impriżi rreġistrati fiż‑ŻĦM, l-Awtorità tat-Taxxa u tal-Affarijiet Fiskali tar-RAM twettaq diversi kontrolli rigorużi u sistematiċi, b’mod partikolari billi tqabbel l-informazzjoni miksuba abbażi tal-obbligi fiskali anċillari u billi twettaq korrezzjonijiet għal ammonti kbar.

116    It-tielet, ir-Repubblika Portugiża ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ fatt u b’nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn il-Kummissjoni qieset li, fl-implimentazzjoni tal-iskema III, l-awtoritajiet Portugiżi kienu interpretaw b’mod żbaljat il-kundizzjoni taż-“żamma jew tal-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol” u wettqu kontrolli insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

117    Ir-Repubblika Portugiża tikkritika lill-Kummissjoni li qieset, essenzjalment, fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għall-finijiet tal-kalkolu eżatt tan-numru ta’ postijiet tax-xogħol maħluqa jew miżmuma għal kull benefiċjarju tal-iskema III, l-awtoritajiet Portugiżi kellhom jirrikorru għall-metodoloġija tad-definizzjoni tal-postijiet tax-xogħol f’“ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time” (FTE) u f’“unità ta’ xogħol annwali” (ALU).

118    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża ssostni li, fl-assenza ta’ kunċett uniformi fil-livell tal-Unjoni, huwa kull Stat Membru, skont il-leġiżlazzjoni tiegħu, li għandu jiddetermina l-portata li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “post tax-xogħol”. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Portugiżi setgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntratti għal żmien indeterminat, ta’ xogħol intermittenti, ta’ xogħol temporanju, ta’ teleworking u ta’ xogħol part-time. Fuq dan il-punt, hija żżid li saru diversi kontrolli adegwati u stretti li wasslu għal korrezzjonijiet fiskali sostanzjali sabiex tiġi vverifikata l-konformità tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-benefiċjarji tal-iskema III mal-kunċett ta’ “post tax-xogħol” fis-sens tad-dritt Portugiż.

119    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portugiża tenfasizza li, anki jekk jitqies li l-approċċ tal-Kummissjoni għandu jiġi segwit, l-awtoritajiet Portugiżi, fi kwalunkwe każ, wettqu kontrolli li fil-kuntest tagħhom in-numru ta’ ħaddiema ġie kkalkolat skont il-metodu “ALU”.

120    Il-Kummissjoni tqis li r-raba’ sas-sitt motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

121    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, l-“għajnuna eżistenti” tista’ tiġi implimentata regolarment sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha u tkun suġġetta għall-proċedura ta’ eżami kostanti prevista f’din l-istess dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprevedi li l-proġetti intiżi sabiex jistabbilixxu “għajnuna ġdida” jew sabiex jemendaw “għajnuna eżistenti” għandhom jiġu nnotifikati, fi żmien xieraq, lill-Kummissjoni u ma jistgħux jiġu implimentati qabel ma l-proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali adottata skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Minn din il-ġurisprudenza, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, jirriżulta li skema ta’ għajnuna awtorizzata, u għalhekk eżistenti, ma tibqax koperta mid-deċiżjoni li tkun awtorizzatha u, għaldaqstant, tikkostitwixxi “għajnuna ġdida”, meta l-Istat Membru kkonċernat iwettaq l-implimentazzjoni ta’ din l-iskema ta’ għajnuna li kienet ċertament awtorizzata mill-Kummissjoni, iżda skont modalitajiet sostanzjalment differenti minn dawk previsti fl-abbozz ta’ skema ta’ għajnuna nnotifikata minn dan l-Istat Membru u, minħabba f’hekk, sostanzjalment differenti minn dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ din l-iskema.

123    B’hekk, skema ta’ għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589, bħal dik awtorizzata bid-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, li ġiet sostanzjalment emendata u implimentata bi ksur tal-kundizzjonijiet ta’ ħlas awtorizzati minn qabel mill-Kummissjoni ma tistax iktar titqies awtorizzata u, minħabba f’hekk, titlef, fit-totalità tagħha, il-klassifikazzjoni tagħha bħala skema ta’ għajnuna eżistenti (ara, b’analoġija, dwar il-ksur ta’ kundizzjoni espressament prevista minn deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tiżgura l-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑467/15 P, EU:C:2017:799, punti 47 u 54).

124    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-premessi 180, 211 u 228 kif ukoll fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħetx ġustament tikkonkludi li r-Repubblika Portugiża kienet implimentat l-iskema III bi ksur tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 u, konsegwentement, tqis li din l-iskema, kif implimentata, kienet sostanzjalment differenti minn dik awtorizzata minn dawn id-deċiżjonijiet u, minħabba f’hekk, kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida implimentata minn dan l-Istat Membru bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

125    Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat sussegwentement jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tikkunsidra, l-ewwel, li huma biss l-attivitajiet “effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira” li jagħtu dritt għall-għajnuna awtorizzata bid-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 (premessi 151 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni, li l-metodu ta’ kalkolu użat mill-awtoritajiet Portugiżi sabiex jiġu ddeterminati l-postijiet tax-xogħol maħluqa jew miżmuma minn kull benefiċjarju tal-iskema III ma kienx jippermetti li effettivament tiġi kkontrollata l-implimentazzjoni korretta ta’ din l-iskema (premessi 168 sa 178 tad-deċiżjoni kkontestata) u, it-tielet, li l-kontrolli fiskali li saru mill-awtoritajiet Portugiżi ma kinux jippermettu li jsir kontroll effettiv tal-implimentazzjoni korretta tal-imsemmija skema (premessi 165, 176 u 178 tad-deċiżjoni kkontestata).

1)      Fuq il-kundizzjoni dwar l-oriġini tal-profitti li għalihom japplika t-tnaqqis tat-TDPĠ

126    Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika Portugiża rrikonoxxiet espressament li “d-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 [kienu] jipprevedu li l-vantaġġi fiskali li jikkorrispondu għal tnaqqis tat-[TDPĠ] [kienu] japplikaw ‘għall-vantaġġi li jirriżultaw minn attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira’”.

127    Minn dan jirriżulta li r-Repubblika Portugiża tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li, minkejja l-formulazzjoni tal-iskema III kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, hija setgħet, mingħajr ma tikser dawn id-deċiżjonijiet, tapplika l-iskema III għal kumpanniji li kienu ċertament irreġistrati fiż-ŻĦM, iżda li l-attività tagħhom twettqet barra mir-RAM.

128    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali tagħhom, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Zinātnes parks, C‑347/20, EU:C:2022:59, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Portugiża, it-termini “attivitajiet effettivament u fiżikament imwettqa f’Madeira”, fis-sens abitwali tagħhom, ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jirreferu għal attivitajiet imwettqa barra mir-RAM, anki minn kumpanniji rreġistrati fiż-ŻĦM.

130    Tali konklużjoni hija kkorroborata mill-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u, b’mod partikolari, dik applikabbli għall-għajnuna bi skop reġjonali.

131    Qabelxejn, mid-deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-iskemi II u III jirriżulta li, matul il-proċeduri amministrattivi li wasslu għalihom, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Portugiżi dejjem qablu fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lit-termini “attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira”.

132    Fil-fatt, mid-deċiżjoni tal‑2002 jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-istess deċiżjoni, l-awtoritajiet Portugiżi indikaw li “l-vantaġġi fiskali huma limitati għall-attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira, u dan jippermetti li jiġu esklużi l-attivitajiet li jitwettqu barra minn Madeira”.

133    Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-premessa 226 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma hijiex ikkontestata mir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni “kienet talbet l-introduzzjoni fl-abbozz ta’ liġi nnotifikat mir-Repubblika Portugiża fit‑28 ta’ Ġunju 2006 ta’ dispożizzjoni espressa li permezz tagħha t-tnaqqis tat-taxxi jkun applikabbli biss għall-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet imwettqa f’Madeira u r-Repubblika Portugiża rrifjutat li tipproċedi b’din l-introduzzjoni [minħabba] li din id-dispożizzjoni ma kinitx neċessarja, sa fejn din ir-restrizzjoni kienet tirriżulta mill-bażi legali taż-ŻĦM”.

134    Sussegwentement, it-termini tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, jekk jitqies li dawn jistgħu jiġu kkunsidrati li huma ambigwi, għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mal-bażi legali rispettiva tagħhom, jiġifieri, l-Artikolu 87(3)(a) KE (li sar l-Artikolu 107(3)(a)  TFUE) u l-Artikolu 107(3)(a)  TFUE, rispettivament, kif ukoll mal-linji gwida tal‑2007.

135    Issa, id-derogi kollha mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, stipulat fl-Artikolu 107(1) TFUE, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Barra minn hekk, kif ġustament osservat il-Kummissjoni fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, il-linji gwida tal‑2007, u b’mod iktar partikolari l-paragrafi 6 u 76 tagħhom, jistipulaw li għajnuna għall-funzjonament tista’ tingħata eċċezzjonalment fir-reġjuni li jibbenefikaw mid-deroga tal-Artikolu 87(3)(a) KE, bħar-RAM li l-istatus tagħha ta’ reġjun ultraperiferiku huwa rrikonoxxut mill-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li din tkun iġġustifikata mill-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp reġjonali u min-natura tagħha u li l-livell tagħha jkun proporzjonali għall-iżvantaġġi li hija intiża li ttaffi.

137    Dan jimplika li huma biss l-attivitajiet affettwati mill-iżvantaġġi u għalhekk l-ispejjeż addizzjonali speċifiċi għal dawn ir-reġjuni li għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tali għajnuna għall-funzjonament.

138    B’hekk jistgħu jiġu esklużi mill-benefiċċju ta’ din l-istess għajnuna l-attivitajiet eżerċitati barra mill-imsemmija reġjuni li, minħabba f’hekk, ma humiex affettwati minn dawn l-ispejjeż addizzjonali, u dan anki jekk huma eżerċitati minn kumpanniji stabbiliti f’dawn l-istess reġjuni.

139    Fl-aħħar nett, kif ġustament indikat il-Kummissjoni fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema III, fid-deċiżjoni tal‑2007, twettqet abbażi tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti mill-impriżi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fir-RAM, u mhux barra minnu.

140    Fil-fatt, mill-paragrafi 44 sa 53 tad-deċiżjoni tal‑2007 jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq studju, ipprovdut mill-awtoritajiet Portugiżi, li jikkwantifika l-“ispejjeż sostnuti mis-settur privat fir‑[RAM]”. Barra minn hekk, l-ispejjeż addizzjonali meħuda inkunsiderazzjoni, jiġifieri b’mod partikolari l-ispejjeż tat-trasport, tal-istokk, tar-riżorsi umani, ta’ finanzjament jew ta’ kummerċjalizzazzjoni, huma dawk li għalihom huma esposti l-attivitajiet eżerċitati effettivament u materjalment fir-RAM, u mhux l-attivitajiet eżerċitati barra minn dan ir-reġjun minn kumpanniji rreġistrati f’dan ir-reġjun. Fl-aħħar nett, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, fil-paragrafu 48 tad-deċiżjoni tal‑2007, il-Kummissjoni qieset l-ispejjeż addizzjonali inkwistjoni bħala perċentwali tal-valur miżjud gross biss tas-settur privat jew tal-PGD tar-RAM biss.

141    Konsegwentement, minbarra li ma ssibx bażi fil-formulazzjoni u l-kuntest tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kliem “attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira”, sostnuta mir-Repubblika Portugiża, hija kuntrarja mhux biss għall-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 87(3)(a) KE u mill-Artikolu 107(3)(a) TFUE, li servew bħala bażi legali għad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, rispettivament, iżda wkoll għal-linji gwida tal‑2007.

142    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni tista’, kif issostni r-Repubblika Portugiża, tmur kontra kummentarju tal-Kumitat tal-Affarijiet Fiskali tal-OECD, kontra rapport tal-grupp Base EROSION and Profit shifting (BEPS) ta’ din l-organizzazzjoni u ta’ linji gwida ta’ forum ta’ din l-istess organizzazzjoni kif ukoll kontra l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma jistax ibiddel din il-konklużjoni.

143    Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni t-testi adottati fl-ambitu tal-OECD, hija bl-ebda mod ma tista’ tkun marbuta bihom, b’mod partikolari fl-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat FUE u, partikolarment, dawk dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Il-Lussemburgu u Amazon vs Il‑Kummissjoni, T‑816/17 u T‑318/18, taħt appell, EU:T:2021:252, punt 154, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża État Luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ persuni taxxabbli), C‑437/19, EU:C:2021:450, punt 67).

144    Bl-istess mod, huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 107 TFUE li l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata u mhux fid-dawl ta’ allegata prassi deċiżjonali preċedenti tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Greenpeace Energy vs Il-Kummissjoni, C‑640/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:752, punt 27, u s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il-Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 114).

145    Huwa wkoll irrilevanti l-fatt li l-awtoritajiet Portugiżi qatt ma ħbew lill-Kummissjoni l-fatt li l-kumpanniji li għandhom is-sede jew l-amministrazzjoni effettiva tagħhom fiż-ŻĦM kienu intaxxati hemm għad-dħul kollu tagħhom.

146    Fil-fatt, il-fatt li dawn il-kumpanniji huma ntaxxati fuq id-dħul kollu tagħhom mill-awtoritajiet fiskali tar-RAM bl-ebda mod ma jimplika li l-għajnuna għall-funzjonament mogħtija minn dan ir-reġjun lill-imsemmija kumpanniji għandha neċessarjament tkun ta’ benefiċċju għall-attivitajiet kollha tagħhom u ma tistax tiġi rriżervata għal parti identifikata ta’ dawn l-attivitajiet.

147    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kontroll tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat previst fl-Artikolu 108 TFUE u konformement mal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istat li jinnotifika u l-Kummissjoni għandhom jikkollaboraw in bona fide sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tegħleb id-diffikultajiet li hija tista’ tiltaqa’ magħhom waqt l-eżami ta’ proġett ta’ għajnuna nnotifikat fl-ambitu tal-proċedura tal-Artikolu 108(3) TFUE (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T‑73/98, EU:T:2001:94, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Dan jimplika, b’mod partikolari, għall-Istat ikkonċernat li jipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tkun tista’ twettaq il-kompitu tagħha u, b’mod partikolari, li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, hekk kif jirriżulta mill-premessi 6 u 16 tar-Regolament Nru 659/1999 (li saru l-premessi 6 u 16 tar-Regolament 2015/1589).

149    Issa, ir-Repubblika Portugiża ma turix li, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjonijiet tal‑2002, tal‑2007 jew tal‑2013, hija informat b’mod espress u inekwivoku lill-Kummissjoni bil-fatt li, minkejja l-formulazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-iskema II jew l-iskema III, dawn tal-aħħar kienu intiżi li japplikaw għall-kumpanniji kollha rreġistrati fiż-ŻĦM u għall-attivitajiet kollha tagħhom, inklużi dawk eżerċitati barra mir-RAM.

150    Għall-kuntrarju, mill-punti 132 u 133 iktar ’il fuq jirriżulta li, f’diversi okkażjonijiet, l-awtoritajiet Portugiżi indikaw lill-Kummissjoni li t-tnaqqis tat-TDPĠ kien limitat għall-“attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira”, li kien jeskludi l-attivitajiet eżerċitati barra minn dan ir-reġjun.

151    Huwa għalhekk mingħajr twettieq ta’ żball ta’ liġi jew żieda ta’ kundizzjonijiet addizzjonali mad-deċiżjonijiet tagħha tal‑2007 u tal‑2013 li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi, fil-premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema III, kif implimentata, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-oriġini tal-profitti li għalihom it-tnaqqis tat-TDPĠ kien applikat, kienet kuntrarja għall-imsemmija deċiżjonijiet.

152    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-argument tar-Repubblika Portugiża li, billi interpretat il-kliem “attivitajiet effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira” bħala li ma jirreferux għall-attivitajiet eżerċitati barra minn dan ir-reġjun minn kumpanniji rreġistrati fiż-ŻĦM, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-effetti negattivi tal-iskemi II u III fuq ir-RAM kif ukoll l-effett ta’ tixrid tal-iskema III, kif implimentata, jew ukoll kisret il-prinċipji ta’ moviment liberu.

153    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegazzjoni bbażata fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-effetti negattivi tal-iskemi II u III fuq ir-RAM kif ukoll tal-effett ta’ tixrid tal-iskema III, kif implimentata, għandu jiġi rrilevat li, permezz tagħha, ir-Repubblika Portugiża ma tqegħidx f’dubju l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità tal-iskema III, kif implimentata, mad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 u, għaldaqstant, il-klassifikazzjoni legali ta’ din l-iskema bħala “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, mogħtija bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

154    Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Portugiża tqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema III li saret fl-okkażjoni tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, li saru definittivi u għalhekk ma jistgħux jiġu kkontestati fl-ambitu ta’ dan ir-rikors.

155    Barra minn hekk, Stat Membru ma jistax, fl-okkażjoni ta’ proċedura mibdija abbażi ta’ għajnuna ġdida mħallsa bi ksur ta’ deċiżjoni preliminari li tawtorizza skema ta’ għajnuna, jinvoka n-natura illegali tad-deċiżjoni li tiddikjara din l-iskema kompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, il-proċedura ta’ eżami kostanti tal-għajnuna eżistenti prevista fl-Artikolu 108(1) TFUE għandha preċiżament l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddiskutu l-possibbiltà li tiġi evalwata mill-ġdid il-kompatibbiltà tal-għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom dejjem il-possibbiltà li jinnotifikaw proġett ta’ għajnuna ġdid lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, anki għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, ħaġa li r-Repubblika Portugiża ma wettqitx.

156    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji ta’ libertà ta’ stabbiliment, ta’ moviment liberu tal-persuni, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ moviment liberu tal-kapital, din hija intiża wkoll sabiex tqiegħed f’dubju l-legalità tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 u hija, barra minn hekk, sostnuta biss mill-affermazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tipprojbixxi jew tillimita l-possibbiltà għal ħaddiem impjegat minn kumpannija rreġistrata fiż-ŻĦM milli jkun jista’ jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz u għall-kumpanniji kkonċernati milli jipprovdu servizzi lil hinn mir-RAM.

157    Tali allegazzjoni, li sempliċement tipprovdi parafrażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u ma hija sostnuta minn ebda argument addizzjonali, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

158    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kundizzjoni, prevista fid-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, li t-tnaqqis tat-TDPĠ previst mill-iskema III seta’ jirrigwarda biss il-benefiċċji li jirriżultaw minn attivitajiet “effettivament u materjalment imwettqa f’Madeira”.

2)      Fuq il-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM

159    Fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-applikazzjoni mir-Repubblika Portugiża tal-iskema III fir-rigward tal-kundizzjoni tal-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM kienet tikser id-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013.

160    Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, fil-premessi 168 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-kundizzjoni kienet kundizzjoni ta’ aċċess għall-iskema III u li, bħala parametru tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, hija kellha tkun ibbażata fuq metodi oġġettivi u verifikabbli bħal dawk tal-ALU u tal-FTE, użati fil-linji gwida tal‑2007 kif ukoll fir-regolamenti ta’ eżenzjoni skont kategoriji suċċessivi.

161    Fil-premessi 175 sa 176 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sussegwentement irrilevat li, għall-awtoritajiet Portugiżi, kien jikkostitwixxi “post tax-xogħol” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema III kull impjieg, ta’ liema natura ġuridika jkun, indipendentement min-numru ta’ sigħat, ta’ jiem u ta’ xhur ta’ xogħol attiv fis-sena, iddikjarat mill-benefiċjarji, mingħajr ma dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jivverifikaw il-ħin effettivament iddedikat mill-persuna li tokkupa l-post tax-xogħol għall-impjieg tagħha jew jaqilbu dan il-ħin għal FTE.

162    Permezz ta’ tali motivazzjoni, il-Kummissjoni wriet b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-konklużjoni li kienet waslet għaliha u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

163    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-konklużjoni, ir-Repubblika Portugiża essenzjalment tilmenta li l-Kummissjoni imponitilha, b’mod żbaljat, li tirrikorri għall-metodi FTE u ALU, bl-esklużjoni tal-kunċett ta’ “post tax-xogħol” fis-sens tad-dritt Portugiż, sabiex tivverifika li l-kundizzjoni dwar il-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM kienet issodisfatta.

164    Madankollu, dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

165    Għalkemm, ċertament, il-Kummissjoni setgħet tirrileva, fil-premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-metodi FTE u ALU kienu jikkostitwixxu metodi adegwati sabiex jiġi kkalkolat in-numru ta’ postijiet tax-xogħol, hija bl-ebda mod ma imponiet fuq l-awtoritajiet Portugiżi l-użu ta’ tali metodi, kif ikkonfermat waqt is-seduta, iżda llimitat ruħha li tikkritika lil dawn l-awtoritajiet, fil-premessa 176 ta’ din l-istess deċiżjoni, li ma żammewx metodu li jista’ jippermetti li jiġu vverifikati r-realtà u l-permanenza tal-postijiet tax-xogħol iddikjarati mill-benefiċjarji tal-iskema III, kif implimentata.

166    Issa, din il-kritika hija sostnuta b’mod suffiċjenti fid-dritt mill-premessi 28 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li, skont il-metodu użat mill-awtoritajiet Portugiżi, kien jikkostitwixxi post tax-xogħol għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema III kull impjieg, ta’ kwalunkwe natura ġuridika li jkun, indipendentement min-numru ta’ sigħat, ta’ jiem u ta’ xhur ta’ xogħol attiv fis-sena, iddikjarat mill-benefiċjarji, inklużi l-impjiegi part-time jew dawk tal-membri tal-bord amministrattiv li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’iktar minn kumpannija benefiċjarja waħda tal-iskema III.

167    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni għalhekk ma kisritx it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset, fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskema III, kif implimentata, kienet tikser il-kundizzjoni tal-ħolqien u taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

3)      Fuq l-effettività tal-kontrolli fiskali mwettqa għall-finijiet tal-verifika tal-applikazzjoni tajba tal-kundizzjonijiet dwar l-oriġini tal-profitti li għalihom japplika t-tnaqqis tal-IRPM u l-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM

168    Fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-kontrolli fiskali mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi fuq il-benefiċjarji tal-iskema III, kif implimentata, kif ukoll id-data miġbura fil-kuntest ta’ dawn il-kontrolli ma kinux jippermettu li jiġu kkontrollati b’mod effettiv il-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema dwar l-oriġini tal-profitti li għalihom kien japplika t-tnaqqis tat-TDPĠ u l-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

169    Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontrolli fiskali mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi kienu saru skont l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kundizzjoni dwar l-oriġini tal-profitti li għalihom kien japplika t-tnaqqis tat-TDPĠ adottat minn dawn l-awtoritajiet, li kien differenti minn dak issuġġerit fil-linji gwida tal‑2007 u fid-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013.

170    Fil-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet li l-awtoritajiet Portugiżi, abbażi tad-dikjarazzjonijiet ippreżentati mill-benefiċjarji tal-iskema III, ma kinux f’pożizzjoni li jivverifikaw ir-realtà jew il-permanenza tal-postijiet tax-xogħol iddikjarati, minħabba l-assenza ta’ metodu ta’ kalkolu komuni u oġġettiv applikabbli għar-relazzjonijiet kollha tax-xogħol.

171    Permezz ta’ tali motivazzjoni, il-Kummissjoni wriet b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-konklużjoni li kienet waslet għaliha u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

172    Fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-konklużjoni, għandu jiġi rrilevat, kif tfakkar fil-punti 168 sa 170 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni qieset li l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet fiskali ma kinux adattati għall-verifika tal-applikazzjoni tajba tal-kundizzjonijiet dwar l-oriġini tal-profitti li għalihom kien japplika t-tnaqqis tat-TDPĠ u għall-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM, previsti mill-iskema III. Din l-inadegwatezza tirriżulta essenzjalment mill-fatt li l-awtoritajiet Portugiżi jinterpretaw jew japplikaw dawn il-kundizzjonijiet bi ksur tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013.

173    Issa, peress li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 151 u 167 iktar ’il fuq, li l-kritika tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienet fondata, is-sempliċi fatt, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, li l-awtoritajiet fiskali Portugiżi jeżiġu ż-żamma ta’ kontabbiltà separata għad-dħul iġġenerat miż-ŻĦM, għandhom strumenti ta’ kontroll a priori kif ukoll a posteriori tal-persuni taxxabbli u b’mod partikolari tal-benefiċjarji tal-iskema III jew jipproċedu b’kontrolli numerużi u sistematiċi li, f’ċerti każijiet, wasslu għal korrezzjonijiet ta’ ammont sinjifikattiv ma jistax ikun suffiċjenti sabiex juri li dawn il-kontrolli fiskali jippermettu, b’mod definittiv, lil dawn l-awtoritajiet jiżguraw b’mod effettiv l-applikazzjoni tajba ta’ din l-iskema, sa fejn l-imsemmija awtoritajiet jinterpretaw jew japplikaw l-imsemmija skema bi ksur tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013.

174    Dan japplika, b’mod partikolari, għall-obbligu għall-kumpanniji stabbiliti fiż-ŻĦM li jżommu kontabbiltà separata għad-dħul iġġenerat miż-ŻĦM, peress li, kif ġie kkonstatat fil-punt 151 iktar ’il fuq, id-dħul iġġenerat miż-ŻĦM ma kienx ikkalkolat b’mod konformi mad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013.

175    Bl-istess mod, il-fatt li r-Repubblika Portugiża tipprevalixxi ruħha mill-eżempju ta’ kontroll fiskali mwettaq fil-konfront ta’ kumpannija rreġistrata fiż-ŻĦM u li ta lok għall-applikazzjoni tal-metodu ALU ma huwiex suffiċjenti sabiex iqiegħed f’dubju l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni, fl-assenza tal-possibbiltà li turi prassi u metodi kostanti u stabbiliti tal-awtoritajiet Portugiżi li jippermettulhom jikkontrollaw li, b’mod ġenerali, l-iskema III hija implimentata b’mod konformi mad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013.

176    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat, fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontrolli fiskali mwettqa mill-awtoritajiet Portugiżi fuq il-benefiċjarji tal-iskema III kif ukoll id-data miġbura fl-ambitu ta’ dawn il-kontrolli ma kinux jippermettu li tiġi kkontrollata b’mod effettiv l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-iskema III dwar l-oriġini tal-profitti li għalihom kien japplika t-tnaqqis tat-TDPĠ u l-ħolqien jew iż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-RAM.

177    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-iskema III, kif implimentata, ma kinitx tosserva diversi mill-kundizzjonijiet meħtieġa mid-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013.

178    Peress li din l-iskema ġiet implimentata bi ksur tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, sa fejn ġiet sostanzjalment emendata meta mqabbla mal-iskema awtorizzata mill-imsemmija deċiżjonijiet, il-Kummissjoni kienet korretta wkoll meta, fil-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li kien hemm għajnuna ġdida illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑467/15 P, EU:C:2017:799, punt 48).

179    Konsegwentement, ir-raba’ sas-sitt motiv għandhom jiġu miċħuda bħala li huma infondati.

E.      Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ittra li kienet intbagħtitilha fis6 ta’ April 2018 mir-Repubblika Portugiża

180    Permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni injorat formalment u materjalment diversi argumenti intiżi sabiex jikkontestaw in-neċessità li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li r-Repubblika Portugiża sostniet f’ittra tas‑6 ta’ April 2018 indirizzata lill-Kummissjoni fl-ambitu tal-proċedura ta’ sorveljanza, ittra li barra minn hekk ma tissemmiex fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, fl-assenza ta’ din l-irregolarità fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, li ċaħditha minn dibattitu kontradittorju matul din il-proċedura, id-deċiżjoni kkontestata seta’ kellha kontenut differenti.

181    Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Portugiża ma tistax tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u, fi kwalunkwe każ, li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

182    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ittra tas‑6 ta’ April 2018, ikkontestata mill-Kummissjoni minħabba li din ma ġietx invokata mir-Repubblika Portugiża fl-ambitu tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq Stat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-obbligu li jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva, taħt piena li ma jkunx jista’ jagħmel dan iktar tard fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punti 89 sa 92).

183    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-ittra tas‑6 ta’ April 2018 ġiet indirizzata lill-Kummissjoni mir-Repubblika Portugiża. Għaldaqstant, din tal-aħħar ma tistax tinvoka b’mod utli l-fatt li n-nuqqas ta’ riferiment għaliha fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba.

184    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, permezz ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għandha tiftaħ proċedura intiża sabiex tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu stabbilit.

185    Issa, ir-Repubblika Portugiża, li hija l-awtriċi tal-ittra inkwistjoni, ma tistax tallega li hija ma kinitx taf bil-kontenut tagħha u li, minħabba n-nuqqas ta’ riferiment għaliha fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, hija ġiet prekluża milli ssostni b’mod utli l-argumenti tagħha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

186    Ir-Repubblika Portugiża lanqas ma tista’ tikkritika lill-Kummissjoni b’nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li, skont ir-Repubblika Portugiża, tqajmu fl-imsemmija ittra ssemmew, fil-premessi 64, 71 sa 73, 81 sa 88 u 220 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala argumenti ppreżentati mir-Repubblika Portugiża fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

187    Konsegwentement, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

F.      Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ordnat lir-Repubblika Portugiża tirkupra l-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mid-deċiżjoni kkontestata

188    Permezz tat-tmien motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li, billi ordnatilha tirkupra l-għajnuna mħallsa bi ksur tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba.

189    Dan il-ksur jirriżulta mill-fatt li l-iskema III, kif implimentata, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat jew, sussidjarjament, li din l-iskema tikkostitwixxi għajnuna eżistenti; li l-iskema taż-ŻĦM ġiet espressament u suċċessivament eżaminata u awtorizzata mill-Kummissjoni sa mill‑1987; li l-kundizzjonijiet tal-iskema III joriġinaw mill-iskema II; li dawn il-kundizzjonijiet, minbarra li ma humiex ċari, huma interpretati mill-Kummissjoni b’mod kuntrarju għat-test tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013 kif ukoll għall-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha; li l-Kummissjoni opponiet għall-implimentazzjoni tal-iskema III biss meta kien tard ħafna; li l-Kummissjoni qablet mal-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-iskemi II u III meta, fl‑2006, hija ma qegħditx f’dubju n-nuqqas ta’ utilità li fil-leġiżlazzjoni Portugiża tiġi inkluża preċiżazzjoni dwar il-kundizzjoni tal-oriġini tal-profitti. Bl-istess mod, it-tul ta’ 29 xahar tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jipprekludi wkoll kull rkupru tal-għajnuna kkonċernata.

190    Ir-Repubblika Portugiża ssostni wkoll li l-ġurisprudenza li tipprovdi li benefiċjarju ta’ “għajnuna individwali”, fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament 2015/1589, ma jistax ikollu aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti tagħha fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, li jikkonċerna “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) ta’ dan l-istess regolament, imqiegħda f’dubju għexieren ta’ snin wara l-ħolqien tagħha.

191    Ir-Repubblika Portugiża tindika wkoll li l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba huwa iktar u iktar evidenti peress li hija stess u l-mija u żewġ partijiet ikkonċernati li ħadu sehem fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali argumentaw favur l-għeluq tal-każ, il-Kummissjoni kienet sensittiva għall-importanza ekonomika, fiskali u soċjali taż-ŻĦM bħala reġjun ultraperiferiku li kellu jiġi ttrattat iktar favorevolment u l-awtoritajiet Portugiżi mhux biss saħħew il-kontrolli li jirrigwardaw iż-ŻĦM, iżda pproponew ukoll emendi għall-iskema III bil-ħsieb li l-każ jingħalaq.

192    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-irkupru tal-għajnuna jmur kontra l-kunċett tal-Istat tad-dritt.

193    Il-Kummissjoni tqis li t-tmien aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

194    Fir-rigward tal-obbligu impost mid-deċiżjoni kkontestata fuq ir-Repubblika Portugiża li tipproċedi għall-irkupru tal-għajnuna mħallsa skont l-iskema III bi ksur tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, għandu jitfakkar li t-tneħħija ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli, permezz tal-irkupru, hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà ta’ din l-għajnuna. Fil-fatt, l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jneħħi għajnuna kkunsidrata mill-Kummissjoni li hija inkompatibbli mas-suq intern huwa intiż sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti, u b’hekk itellef lill-benefiċjarju l-vantaġġ li huwa effettivament ibbenefika minnu meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (TNT en Castille-La Manche), C‑704/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:342, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

195    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni għandha dejjem tordna l-irkupru ta’ għajnuna li hija tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern, ħlief jekk tali rkupru jmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni, C‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punt 124).

196    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, Stat Membru, li l-awtoritajiet tiegħu taw, bħal f’dan il-każ, għajnuna bi ksur tar-regoli proċedurali previsti fl-Artikolu 108(3) TFUE, ma jistax, bħala prinċipju, jinvoka l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji sabiex jevadi l-obbligu li jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu li jirkupra l-għajnuna. Li tiġi ammessa tali possibbiltà jkun ifisser, fil-fatt, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 TFUE jiġu mċaħħda minn kull effett utli, sa fejn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu għalhekk jibbażaw ruħhom fuq l-aġir illegali tagħhom stess sabiex ifixklu l-effettività tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni skont dawn id-dispożizzjonijiet (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C‑465/09 P sa C‑470/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:372, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Barra minn hekk, meta għajnuna tiġi implimentata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’mod li tkun illegali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dan il-mument, aspettattivi leġittimi fir-regolarità tal-għoti tagħha, u din il-konstatazzjoni tapplika, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Portugiża, b’mod partikolari, għall-għajnuna mħallsa skont skema ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, EU:C:2005:774, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża ma wrietx li, fir-rigward tal-għajnuna mogħtija bi ksur tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, li, minħabba f’hekk, kienet tikser l-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni tatha, jew saħansitra tat lill-benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna, assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, iżda wkoll konformi mar-regoli applikabbli, ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi fil-ħsieb tagħhom, kif teżiġi l-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199    Tali konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-fatt li r-Repubblika Portugiża setgħet temmen li l-iskema III, kif implimentata, ma kinitx taqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew, sussidjarjament, kellha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament 2015/1589.

200    Fil-fatt, tali twemmin, anki jekk jitqies li huwa minnu, ma jistax ikun ekwivalenti għal assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti mogħtija mill-Kummissjoni.

201    Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” ta’ din l-iskema kien improbabbli ħafna fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iskemi taż-ŻĦM preċedenti. L-istess kien jgħodd għall-klassifikazzjoni bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) jew (ii) tar-Regolament 2015/1589, fid-dawl tad-differenzi sostanzjali eżistenti bejn l-iskema I u l-iskema III kif ukoll l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni tal-kundizzjoni dwar l-oriġini tal-profitti li għalihom kien japplika t-tnaqqis tat-TDPĠ, li toħroġ mingħajr ambigwità mill-iskambji li saru bejnha u l-awtoritajiet Portugiżi matul il-proċedura li wasslet għad-deċiżjonijiet tal‑2002 u tal‑2007, kif diġà rrilevat fil-punti 132 u 133 iktar ’il fuq.

202    Lanqas ma jista’ jkun ekwivalenti għal assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti pprovduti mill-Kummissjoni l-fatt, minn naħa, li r-Repubblika Portugiża u l-partijiet ikkonċernati numerużi ħafna li ħadu sehem fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma sostnewx, waqt din il-proċedura, l-istess interpretazzjoni bħal dik finalment adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jew, min-naħa l-oħra, li din l-istituzzjoni ma tatx segwitu għal proposti tal-awtoritajiet Portugiżi intiżi sabiex jemendaw l-iskema III bil-ħsieb li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tingħalaq.

203    Għaldaqstant, ebda ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jista’ jiġi kkonstatat, jekk jitqies li dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat mir-Repubblika Portugiża.

204    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-argumenti kontra l-obbligu ta’ rkupru abbażi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huma milqugħa biss f’ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali.

205    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jsir eżami ta’ serje ta’ elementi, b’mod partikolari l-assenza ta’ ċarezza tas-sistema legali applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni, C‑67/09 P, EU:C:2010:607, punt 77) jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni matul perijodu twil mingħajr ġustifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni, 223/85, EU:C:1987:502, punti 14 u 15, u tat‑22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punti 106 u 107).

206    Fir-rigward ta’ dan l-aħħar element, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata taġixxi fi żmien raġonevoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u li hija ma hijiex awtorizzata tipperpetwa stat ta’ nuqqas ta’ azzjoni matul il-fażi preliminari tal-investigazzjoni. Għandu jingħad ukoll li n-natura raġonevoli tat-tul ta’ żmien tal-proċedura għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, bħall-kumplessità tiegħu u l-aġir tal-partijiet (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punti 81 u 82).

207    Issa, f’dan il-każ, iż-żmien li għadda bejn id-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, minn naħa, u l-impenn, fit‑12 ta’ Marzu 2015, tal-eżerċizzju ta’ sorveljanza tal-iskema III, jew id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, fis‑6 ta’ Lulju 2018, min-naħa l-oħra, ma jistax jitqies li huwa irraġonevoli.

208    Fil-fatt, qabelxejn, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta b’termini speċifiċi, bħal dawk previsti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, dwar il-proċedura li tikkonċerna l-għajnuna nnotifikata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑20 ta’ Jannar 2021, KC vs Il-Kummissjoni, T‑580/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:14, punt 26).

209    Sussegwentement, fir-rigward tas-snin ta’ sorveljanza li jirrigwardaw għajnuna jew skemi ta’ għajnuna awtorizzati, bħal f’dan il-każ, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni kellha turi diliġenza partikolari, sa fejn il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

210    Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, dan jimplika, b’mod partikolari, li dawn l-Istati għandhom jiżguraw li ma jimplimentawx għajnuna jew skemi ta’ għajnuna bi ksur ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, b’mod partikolari meta l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ din l-għajnuna jew ta’ dawn l-iskemi ta’ għajnuna tkun inizjalment kondiviża mill-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, kif ġie kkonstatat fil-punti 132 u 133 iktar ’il fuq.

211    Fl-aħħar nett, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-proċedura preliminari għad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, magħmula fil-premessi 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ebda nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni matul perijodu twil u nieqes minn ġustifikazzjoni ma jista’ jiġi identifikat f’dan il-każ.

212    Fir-rigward tat-tul ta’ 29 xahar tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, dan lanqas ma jista’ jitqies li huwa irraġonevoli, fid-dawl, hekk kif jirriżulta mill-premessi 3 sa 9 u 96 tad-deċiżjoni kkontestata, tan-neċessità għall-Kummissjoni li tittratta t-talba tal-awtoritajiet Portugiżi dwar il-kunfidenzjalità tad-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura, li titlob diversi drabi lil dawn l-awtoritajiet il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni nieqsa kif ukoll li tittratta l-osservazzjonijiet ta’ numru kbir ħafna ta’ partijiet ikkonċernati li ħadu sehem fil-proċedura.

213    F’dan is-sens, il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata hija manifestament differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni (223/85, EU:C:1987:502), li r-Repubblika Portugiża ma tistax tinvoka b’mod validu.

214    Għaldaqstant, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni taċ-ċertezza legali.

215    Il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 212 jippermettu wkoll li jiġi eskluż kull ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

216    Barra minn hekk, sa fejn ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna kkonċernata impost fuqha mid-deċiżjoni kkontestata jmur kontra l-prinċipju ta’ Stat tad-dritt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din l-allegazzjoni hija inammissibbli skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, fin-nuqqas ta’ sostenn minn kull argument ieħor.

217    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tmien aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondat.

G.      Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq l-impossibbiltà għar-Repubblika Portugiża li tirkupra l-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mid-deċiżjoni kkontestata

218    Permezz tad-disa’ motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża tinvoka l-impossibbiltà li tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna kkonċernata, għar-raġuni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma tippermettilhiex tiddetermina l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati “mingħajr diffikultà eċċessiva”.

219    L-awtoritajiet Portugiżi ma humiex f’pożizzjoni li jiddeterminaw, f’dak li jirrigwarda l-aħħar deċennju, jekk il-kumpanniji li bbenefikaw mill-iskema III kinux effettivament ikkonformaw ruħhom maż-żewġ kundizzjonijiet kontenzjużi msemmija fid-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013. Din id-diffikultà hija msaħħa min-neċessità li jiġi vverifikat jekk dawn il-kumpanniji kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw minn regolament de minimis (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata) jew minn regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kellha tikkalkola l-effetti tat-taxxa fuq l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata jew tal-inqas għandha tindika l-ammont gross tal-irkupru mitlub. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portugiża żżid li numru ta’ deċiżjonijiet ta’ rkupru jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ insolvenza.

220    Il-Kummissjoni ssostni li d-disa’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

221    Fir-rigward tal-impossibbiltà għar-Repubblika Portugiża li tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tistax tadotta, taħt piena ta’ invalidità, ordni ta’ rkupru li l-eżekuzzjoni tagħha tkun, sa mill-adozzjoni tagħha, b’mod oġġettiv u assolut, impossibbli li titwettaq (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

222    Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinvoka l-prinċipju li “ħadd ma jista’ jkun obbligat iwettaq dak li huwa impossibbli”, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Madankollu, f’dan il-kuntest, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ impossibbiltà assoluta ma hijiex issodisfatta meta l-Istat Membru konvenut sempliċement jinvoka diffikultajiet legali, politiċi jew prattiċi u li jkunu attribwibbli għall-azzjoni jew l-ommissjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali, li huwa jista’ jaffaċċja sabiex jimplimenta d-deċiżjoni kkonċernata, mingħajr ma jipproponi lill-Kummissjoni metodi alternattivi ta’ implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni li jippermettu li jingħelbu dawn id-diffikultajiet, b’mod partikolari permezz ta’ rkupru parzjali ta’ din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 91 u 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    Barra minn hekk, allegati problemi interni li jistgħu jiltaqgħu magħhom fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, diffikultajiet ta’ natura amministrattiva u prattika li n-numru kbir ta’ benefiċjarji tal-għajnuna joħloq ma jippermettux li jitqies li l-irkupru jkun teknikament impossibbli li jsir (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (Għajnuna għall-produtturi agrikoli), C‑11/20, mhux ippubblikata, EU:C:2021:380, punt 44).

225    Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża sempliċement tinvoka l-kumplessità tal-proċedura ta’ rkupru tal-għajnuna kkonċernata u tad-diffikultajiet ta’ natura politika, ġuridika u prattika, mingħajr ma tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi l-impossibbiltà oġġettiva u assoluta, sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tipproċedi bl-irkupru tagħha.

226    B’mod partikolari, ir-Repubblika Portugiża la turi r-realtà tad-diffikultajiet li hija tinvoka u lanqas l-assenza ta’ modalitajiet alternattivi ta’ rkupru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 96).

227    Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ma tipprovdi ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi li l-awtoritajiet Portugiżi pprovaw jikkollaboraw in bona fide mal-Kummissjoni sabiex jegħlbu dawn id-diffikultajiet prevedibbli fl-osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (TNT en Castille-La Manche), C‑704/19, mhux ippubblikata, EU:C:2021:342, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

228    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża ma tistax validament tinvoka l-fatt li l-Kummissjoni ma ppermettitilhiex tiddetermina “mingħajr diffikultajiet eċċessivi” l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, pereżempju billi tipproċedi bil-kalkolu tal-effetti tat-taxxa fuq l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata jew, tal-inqas, billi tindikalha l-ammont gross tal-irkupru mitlub.

229    Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, għandha tistabbilixxi l-ammont eżatt li għandu jitħallas lura (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑441/06, EU:C:2007:616, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Marzu 2013, Rousse Industry vs Il-Kummissjoni, T‑489/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:144, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-obbligu għal Stat Membru li jikkalkola l-ammont preċiż tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata jaqa’ fil-kuntest iktar wiesa’ tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jorbot reċiprokament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2013, Rousse Industry vs Il-Kummissjoni, T‑489/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:144, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

230    B’hekk, huwa suffiċjenti li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tagħha li jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑441/06, EU:C:2007:616, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

231    Issa, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Portugiża, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 213 kif ukoll fl-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovdiet l-indikazzjonijiet neċessarji, iżda wkoll suffiċjenti li jippermettu lill-awtoritajiet Portugiżi jiddeterminaw, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, l-ammonti li għandhom jitħallsu lura.

232    Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża lanqas ma tista’ tikkritika lill-Kummissjoni li ma stednithiex, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, tikkonstata l-aspettattivi leġittimi li jistgħu jostakolaw l-irkupru tal-għajnuna kkonċernata. Fil-fatt, anki fl-assenza ta’ tali stedina, l-obbligu ta’ kooperazzjoni in bona fide impost fuq l-awtoritajiet Portugiżi kien jorbothom li jressqu, fuq inizjattiva tagħhom stess, dawn id-diffikultajiet għall-għarfien tal-Kummissjoni, ħaġa li huma ma jressqux prova li għamlu.

233    Għaldaqstant, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

H.      Fuq lgħaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ approċċ restrittiv f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-“ħolqien [jew] taż-żamma tal-postijiet tax-xogħol fir-reġjun” u tal-“attività effettivament u materjalment imwettqa fir-[RAM]”

234    Permezz tal-għaxar motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta adottat approċċ restrittiv u retroattiv tal-kunċetti tal-“attività effettivament u materjalment eżerċitata f’Madeira” u tal-“ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol”, fid-dawl tal-effetti devastanti fuq ir-RAM ta’ dan l-approċċ u tal-assenza ta’ prassi deċiżjonali preċedenti f’dan is-sens. Ma’ dan il-ksur jiżdied ksur tal-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

235    Il-Kummissjoni tqis li l-għaxar aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

236    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-interpretazzjoni allegatament restrittiva adottata mill-Kummissjoni taż-żewġ kundizzjonijiet tal-“attività effettivament u materjalment eżerċitata f’Madeira” u tal-“ħolqien jew taż-żamma ta’ postijiet tax-xogħol”, dan l-argument huwa essenzjalment identiku għal dak li jinsab fir-raba’ sas-sitt motivi, diġà miċħud fil-punt 179 iktar ’il fuq u għalhekk għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet.

237    Jekk jitqies li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Portugiża tilmenta li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta imponiet l-irkupru tal-għajnuna mħallsa skont l-iskema III, kif implimentata, huwa biżżejjed li jitfakkar li t-tneħħija ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha, b’tali mod li l-irkupru ta’ din l-għajnuna, bil-ħsieb li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti, ma jistax, bħala prinċipju, jitqies li huwa miżura sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

238    Issa, ebda element invokat mir-Repubblika Portugiża ma jippermetti li jiġi stabbilit li, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi injorat dan il-prinċipju ta’ rkupru tal-għajnuna illegali ddikjarata inkompatibbli.

239    Għall-kuntrarju, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, l-obbligu ta’ rkupru ma jirrigwardax l-għajnuna individwali kollha mħallsa skont l-iskema III, iżda biss dik li kienet tħallset bi ksur tad-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, u dan sakemm il-benefiċjarji tagħha ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti f’regolament de minimis jew regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, kif jirriżulta mill-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

240    Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli tista’ twassal għall-falliment ta’ kumpanniji li jkunu illegalment ibbenefikaw minnha ma jistax jaffettwa n-natura mandatorja ta’ dan l-irkupru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑37/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:90, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

241    Barra minn hekk, sa fejn ir-Repubblika Portugiża tinvoka, permezz tal-istess argumenti, ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet.

242    Konsegwentement, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

I.      Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2015/1589 minħabba l-preskrizzjoni ta’ ċerta għajnuna mħallsa skont l-iskema III

243    Permezz tal-ħdax-il motiv tagħha, ir-Repubblika Portugiża ssostni li, fid-dawl tad-data tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, li ġiet innotifikata lilha fid‑9 ta’ Lulju 2018, l-għajnuna mħallsa sad‑9 ta’ Lulju 2008 hija preskritta skont l-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589.

244    Il-Kummissjoni tqis li l-ħdax-il motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

245    Fir-rigward tal-preskrizzjoni ta’ ċerta għajnuna mħallsa skont l-iskema III, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament 2015/1589, fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin jibda jiddekorri fil-jum li fih l-għajnuna illegali effettivament tingħata lill-benefiċjarju tagħha u mhux fil-jum tal-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna (ara d-digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2017, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑369/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:955, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

246    Skont din l-istess dispożizzjoni, kull miżura meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ għajnuna illegali tinterrompi dan it-terminu ta’ preskrizzjoni. Dan ikun, b’mod partikolari, il-każ meta l-Kummissjoni tibgħat ittri lill-Istati Membri li permezz tagħhom hija tinformahom li miżura tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punti 83 u 84) jew titlobhom jinnotifikaw miżura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2017, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑369/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:955, punt 42) jew ukoll titlobhom jipprovduha b’informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Département du Loiret vs Il-Kummissjoni, T‑369/00, EU:T:2003:114, punti 81 u 82).

247    Issa, f’dan il-każ, mill-premessi 1 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Portugiża, fit‑12 ta’ Marzu 2015, talba għal informazzjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iskema III, kif implimentata, kinitx tosserva d-deċiżjonijiet tal‑2007 u tal‑2013, qabel ma informatha, fis‑6 ta’ Lulju 2018, bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

248    Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-għajnuna individwali li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha mir-Repubblika Portugiża hija dik imħallsa skont l-iskema III, li ġiet inizjalment innotifikata fit‑28 ta’ Ġunju 2006, u sussegwentement awtorizzata fis‑27 ta’ Ġunju 2007 qabel ma ġiet implimentata minn dan l-Istat Membru, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst mill-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589 ma setax jiddekorri qabel dawn id-dati u ġie interrott fit‑12 ta’ Marzu 2015, jiġifieri inqas minn għaxar snin wara l-imsemmija dati.

249    Konsegwentement, ir-Repubblika Portugiża tiżbalja meta ssostni li l-għajnuna inkwistjoni mogħtija sad‑9 ta’ Lulju 2008 hija preskritta.

250    Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi fatt li ċerta għajnuna individwali mħallsa skont l-skema ta’ għajnuna, li deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkonstata n-natura illegali u inkompatibbli tagħha, hija preskritta ma jistax iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom l-obbligu ta’ rkupru immedjat u effettiv tal-imsemmija għajnuna li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull benefiċjarju ta’ skema ta’ għajnuna, jekk kull benefiċjarju għandux effettivament iħallas lura l-imsemmija għajnuna (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 22).

251    Għaldaqstant, il-ħdax-il motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

252    Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma huwa neċessarju li jintlaqgħu, lil hinn minn dak li diġà ntlaqa’, it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-Repubblika Portugiża.

IV.    Dwar lispejjeż

253    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

254    Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri proviżorji.

Svenningsen

Mac Eochaidh

Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Settembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.