DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

6 ta’ Frar 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 10(h) – Artikolu 12(4) – Esklużjonijiet speċifiċi għall-kuntratti ta’ servizzi – Servizzi ta’ difiża ċivili, ta’ protezzjoni ċivili u ta’ prevenzjoni ta’ perikolu – Organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru – Servizz ta’ trasport mediku ordinarju u ta’ emerġenza – Leġiżlazzjoni reġjonali li timponi b’mod prijoritarju l-użu ta’ sħubija bejn awtoritajiet kontraenti — Libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi – Limiti – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża C‑11/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

Azienda ULSS n. 6 Euganea

vs

Pia Opera Croce Verde Padova,

fil-preżenza ta’:

Azienda Ospedaliera di Padova,

Regione Veneto,

Croce Verde Servizi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, Preident tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Pia Opera Croce Verde Padova, minn A. Veronese u R. Colagrande, avvocati,

–        għall-Gvern Rumen, minn C.‑R. Canţăr u S.‑A. Purza, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, P. Ondrůšek u L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65 u rettifika fil-ĠU 2015 L 275, p. 68), moqri flimkien mal-premessa 28 ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-Artikolu 12(4) tal-imsemmija direttiva.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Azienda ULSS no6 Euganea (l-Aġenzija Unità Lokali Soċjali u tas-Saħħa Nru 6 Euganea, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AULSS Nru 6”) u, min-naħa l-oħra, Pia Opera Croce Verde Padova (l-Organizzazzjoni tal-Karità tas-Salib l-Aħdar ta’ Padova, l-Italja) (iktar ’il quddiem “Croce Verde”) dwar l-għoti tas-servizz ta’ trasport mediku ta’ pazjenti bl-ambulanza u fuq emodijaliżi mill-AULSS Nru 6 għall-Azienda Ospedaliera di Padova (l-Isptar ta’ Padova, l-Italja).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2014/24

3        Il-premessi 2, 5, 28, 31 u 33 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdu:

“(2)      L-akkwist pubbliku għandu rwol ċentrali fl-istrateġija Ewropa 2020, stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni [Ewropea] tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata “EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” […], bħala wieħed mill-istrumenti bbażati fuq is-suq li għandu jintuża sabiex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv filwaqt li jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi. Għal dak il-għan, ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku adottati skont id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19),] u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132),] għandhom jiġu riveduti u modernizzati sabiex tiżdied l-effiċjenza tan-nefqa pubblika, tiġi ffaċilitata b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tal-impriżi żgħar u medji (SMEs) fl-akkwist pubbliku u sabiex ix-xerrejja jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-akkwist pubbliku b’appoġġ għall-għanijiet soċjali komuni. Hemm bżonn ukoll li jiġu ċċarati ideat u kunċetti bażiċi sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex jiġu inkorporati ċerti aspetti relatati ta’ każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

[…]

(5)      Għandu jiġi mfakkar li xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. […]

[…]

(28)      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal ċerti servizzi ta’ emerġenza fejn dawn jitwettqu minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, minħabba li n-natura partikolari ta’ dawk l-organizzazzjonijiet hija diffiċli biex tiġi ppreservata jekk il-fornituri tas-servizzi jkollhom jintgħażlu skont il-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, l-esklużjoni m’għandhiex tiġi estiża lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ. Għalhekk għandu jiġi stabbilit b’mod espliċitu li s-servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi m’għandhomx jiġu esklużi. Għalhekk għandu jiġi stabbilit b’mod espliċitu li s-servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi m’għandhomx jiġu esklużi. F’dak il-kuntest huwa aktar meħtieġ li jiġi ċċarat li l-Grupp CPV [Common Procurement Vocabulary (vokabularju komuni għall-kuntratti pubbliċi)] 601 “Servizzi tat-Trasport bl-Art” ma jkoprix is-servizzi tal-ambulanzi, li jinsab fil-klassi CPV 8514. Għandu għalhekk jiġi ċċarat li servizzi, li huma koperti bil-kodiċi CPV 85143000-3, li jikkonsistu b’mod esklussiv fis-servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi għandu jkun soġġett għar-reġim speċjali stipulat għal servizzi soċjali u għal servizzi speċifiċi oħra (ir-reġim anqas strett”[)]. Konsegwentament, kuntratti mħallta għall-provvista tas-servizzi tal-ambulanzi b’mod ġenerali jkunu wkoll soġġetti għar-reġim anqas strett jekk il-valur tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi jkun ikbar mill-valur ta’ servizzi oħra tal-ambulanza.

[…]

(31)      Hemm inċertezza legali konsiderevoli dwar sa fejn il-kuntratti konklużi bejn entitajiet fis-settur pubbliku għandhom ikunu koperti bir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Il-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija interpretata b’mod differenti bejn l-Istati Membri u anki bejn l-awtoritajiet kontraenti. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat f’liema każijiet, il-kuntratti konklużi fi ħdan is-settur pubbliku mhumiex soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Din il-kjarifika għandha tkun iggwidata mill-prinċipji stabbiliti fil-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet fi ftehim huma awtoritajiet pubbliċi huma stess, fih innifsu ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist. Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku ma għandhiex itellef il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi biex iwettqu l-kompiti pubbliċi ta’ servizzi kkonferiti lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom li tinkludi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn.

Għandu jiġi żgurat li kull kooperazzjoni eżentata bejn l-awtoritajiet pubbliċi ma tirriżultax f’distorsjoni fil-kompetizzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi privati peress li hi tpoġġi lill-fornitur privat ta’ servizzi f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tagħha.

[…]

(33)      L-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li jipprovdu b’mod konġunt is-servizzi pubbliċi tagħhom permezz ta’ kooperazzjoni mingħajr ma jkunu obbligati jużaw kwalunkwe forma legali partikolari. Tali kooperazzjoni tista’ tkopri t-tipi kollha ta’ attivitajiet relatati mat-twettiq tas-servizzi u r-responsabbiltajiet li l-awtoritajiet parteċipanti jiġu assenjati jew jassumu, bħal kompiti obbligatorji jew voluntarji tal-awtoritjiet lokali jew reġjonali jew servizzi konferiti lil korpi speċifiċi permezz tal-liġi pubblika. Is-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet parteċipanti diversi mhux neċessarjament għandhom ikunu identiċi; jistgħu jkunu wkoll kumplimentari.

Kuntratti għall-provvista konġunta ta’ servizzi pubbliċi ma għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva dment li jkunu konklużi esklussivament bejn awtoritajiet kontraenti, li l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni tkun regolata biss minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku u li l-ebda fornitur tas-servizzi privat ma jitqiegħed f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tiegħu.

Sabiex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet, il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kunċett ta’ kooperazzjoni. Tali kooperazzjoni ma tirrikjedix li l-awtoritajiet parteċipanti kollha jassumu t-twettiq tal-obbligi kuntrattwali ewlenin, sakemm ikun hemm impenji għall-kontribuzzjoni lejn twettiq kooperattiv tas-servizz pubbliku inkwistjoni. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni, inkluż kwalunkwe trasferiment finanzjarju bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti, għandhom ikunu regolati biss b’kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku.”

4        Il-punt 4 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“organu rregolat mid-dritt pubbliku” f’dawn it-termini:

“korpi li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

a)      huma stabbiliti għall-għan speċifiku li jaqdu l-bżonnijiet fl-interess pubbliku, li ma għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali;

b)      għandhom personalità ġuridika; u

c)      huma ffinanzjati, fil-biċċa l-kbira, mill-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika; jew huma soġġetti għas-supervizzjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew korpi; jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati mil-liġi pubblika”.

5        Intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, il-Kapitolu I tal-imsemmija direttiva jinkludi Taqsima 3 li tistabbilixxi l-“[e]sklużjonijiet”, li fiha l-Artikoli 7 sa 12 tal-istess direttiva.

6        Intitolat “Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ servizzi”, l-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għal:

[…]

h)      id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli li huma pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li huma koperti mill-kodiċi CPV segwenti: 75250000-3 [servizzi ta’ tifi tan-nar u sokkors], 75251000-0 [servizzi ta’ nar], 75251100-1 [servizzi ta’ tifi tan-nar], 75251110-4 [servizzi ta’ prevenzjoni tan-nirien], 75251120-7 [servizzi ta’ tifi tan-nar fil-foresti], 75252000-7 [servizzi ta’ emerġenza/salvataġġ], 75222000-8 [servizzi ta’ protezzjoni ċivili], 98113100-9 [servizzi ta’ sikurezza nukleari] u 85143000-3 [servizzi tal-ambulanza] ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi;

[…]”

7        Intitolat “Kuntratti pubbliċi mogħtija bejn entitajiet fis-settur pubbliku”, l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)      l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;

b)      aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u

c)      ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

[…]

4.      Kuntratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)      il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiżgura li s-servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu huma mogħtija biex jiksbu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom;

b)      l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hi rregolata unikament minn konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku; u

c)      l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.

[…].”

8        Is-sistema inqas stretta msemmija fil-premessa 28 tal-imsemmija direttiva hija ddefinita fl-Artikoli 74 sa 77 ta’ din id-direttiva.

 Id-dritt Taljan

9        L-Artikolu 15 tal-legge n. 241 ‑ Nuove norme in materia di procedimento amministrativo e di diritto di accesso ai documenti amministrativi (il-Liġi Nru 241, li Tistabbilixxi Regoli Ġodda dwar il-Proċedura Amministrattiva u d-Dritt ta’ Aċċess għal Dokumenti Amministrattivi), tas-7 ta’ Awwissu 1990 (GURI Nru 192, tat-18 ta’ Awwissu 1990), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 241/1990”), li jirrigwarda “[f]tehimiet bejn amministrazzjonijiet pubbliċi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Anki f’każijiet li ma humiex previsti fl-Artikolu 14, l-amministrazzjonijiet pubbliċi dejjem għandhom il-fakoltà li jikkonkludu bejniethom ftehimiet dwar kooperazzjoni f’attivitajiet li huma ta’ interess komuni.”

10      Intitolat “Prinċipji komuni fil-qasam ta’ esklużjoni għall-konċessjonijiet, kuntratti pubbliċi u ftehimiet bejn organi pubbliċi u awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tas-settur pubbliku”, l-Artikolu 5 tad-decreto legislativo n. 50 ‑ Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50, Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), tat-18 ta’ April 2016 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 91, tad-19 ta’ April 2016, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), jipprevedi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“Kuntratt konkluż esklużivament bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew iktar ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi, meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)      il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet pubbliċi kontraenti parteċipanti bil-għan li jiġi żgurat it-twettiq tas-servizzi sabiex jinkisbu l-għanijiet li għandhom komuni;

b)      l-implimentazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni hija rregolata biss minn kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku; u

c)      l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet pubbliċi kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.”

11      L-Artikolu 17 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Esklużjonijiet speċifiċi għall-kuntratti u konċessjonijiet ta’ servizzi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi ma japplikawx għal kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet ta’ servizzi relatati ma’:

[…]

h)      id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli li huma pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li huma koperti mill-kodiċi CPV segwenti: 75250000-3 [servizzi ta’ tifi tan-nar u sokkors], 75251000-0 [servizzi ta’ nar], 75251100-1 [servizzi ta’ tifi tan-nar], 75251110-4 [servizzi ta’ prevenzjoni tan-nirien], 75251120-7 [servizzi ta’ tifi tan-nar fil-foresti], 75252000-7 [servizzi ta’ emerġenza/salvataġġ], 75222000-8 [servizzi ta’ protezzjoni ċivili], 98113100-9 [servizzi ta’ sikurezza nukleari] u 85143000-3 [servizzi tal-ambulanza] ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi;

[…]”

12      L-Artikolu 57(1), intitolat “Servizz ta’ trasport mediku ta’ emerġenza estrema u ta’ emerġenza” tad-decreto legislativo n. 117 ‑ Codice del Terzo settore (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 117 li Jistabbilixxi Kodiċi tat-Tielet Settur) tat-3 ta’ Lulju 2017 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 179, tat-2 ta’ Awwissu 2017) jipprovdi:

“Is-servizzi ta’ trasport ta’ emerġenza estrema u ta’ emerġenza bl-ambulanza jistgħu jingħataw bħala prijorità, permezz ta’ ftehim, lil organizzazzjonijiet ta’ volontarjat irreġistrati għal mill-inqas sitt xhur fir-reġistru nazzjonali uniku tat-tielet settur, li jagħmel parti minn netwerk assoċjattiv imsemmi fl-Artikolu 41(2) u awtorizzati skont il-leġiżlazzjoni reġjonali applikabbli, skont il-każ, meta, minħabba n-natura speċifika tas-servizzi, l-għoti dirett jiżgura l-eżekuzzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali fil-kuntest ta’ sistema li tikkontribwixxi effettivament għal għan soċjali u li għandha għanijiet ta’ solidarjetà, f’kundizzjonijiet ta’ effiċjenza ekonomika u ta’ adegwatezza, kif ukoll fl-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni.”

13      Il-legge regionale n. 26 – Disciplina del sistema regionale di trasporto sanitario di soccorso ed emergenz (il-Liġi Reġjonali ta’ Veneto Nru 26 li Tirregola s-Sistema Reġjonali ta’ Trasport Mediku ta’ Sokkors u ta’ Intervent ta’ Emerġenza), tas-27 ta’ Lulju 2012 (Bollettino Ufficiale della Regione del Veneto no61, tat-3 ta’ Awwissu 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 26/2012”), tistabbilixxi s-“sistema reġjonali tat-trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza”.

14      L-ewwel artikolu ta’ din il-liġi, intitolat “Għan u għanijiet”, jipprevedi:

“1.      Ir-reġjun tal-Veneto [(l-Italja)] jirregola s-sistema reġjonali tat-trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza billi jagħti lill-istabbilimenti tas-saħħa u lill-assoċjazzjonijiet awtorizzati u akkreditati l-possibbiltà li jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni tal-attivitajiet tat-trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza ta’ natura intrinsikament medika, fid-dawl tat-tqassim ġeografiku tagħhom, tal-istabbiliment tagħhom fin-nisġa soċjali u medika tal-Veneto, kif ukoll tal-valuri ta’ effettività u ta’ kwalità tas-servizz mogħti, fl-interess ġenerali u b’osservanza tal-prinċipji ta’ universalità, ta’ solidarjetà, ta’ ekonomija u ta’ adegwatezza.”

15      Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi, [‘]trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza[’] ifisser l-attività mwettqa permezz ta’ vetturi ta’ sokkors mill-persunal tas-saħħa jew persunal ieħor, responsabbli għal dan is-servizz, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet li ġejjin:

a)      is-servizzi tat-trasport ta’ emerġenza mwettqa permezz ta’ vetturi ta’ sokkors u amministrati minn ċentri operattivi ta’ koordinazzjoni tas-[Servizio urgenze ed emergenze mediche (servizz mediku ta’ emerġenza) (SUEM)];

b)      is-servizzi ta’ trasport previsti fil-kuntest tal-[livelli essenziali di assistenza (livelli essenzjali ta’ assistenza) (LEA)] imwettqa permezz ta’ vetturi ta’ sokkors;

c)      is-servizzi tat-trasport li fil-kuntest tagħhom il-kundizzjonijiet kliniċi tal-pazjent jeħtieġu esklużivament l-użu ta’ vettura ta’ sokkors u, matul il-vjaġġ, il-ħtieġa ta’ assistenza ta’ persunal mediku jew ta’ persunal ieħor imħarreġ għal dan il-għan, kif ukoll il-garanzija tal-kontinwità tal-kura.”

16      Skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012, li jikkonċerna l-“[l]ista reġjonali”:

“1.      Fi żmien 60 ġurnata mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-Kunsill Reġjonali għandu japprova lista reġjonali li fiha, fl-ewwel fażi, jiġu inklużi l-istabbilimenti tas-saħħa u assoċjazzjonijiet diġà awtorizzati li jwettqu l-attività ta’ trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza fit-territorju reġjonali matul tal-inqas ħames snin, f’isem [unità locali socio-sanitarie (Unitajiet Lokali Soċjali u tas-Saħħa) (ULSS)] li huma responsabbli fit-territorju, fuq il-bażi ta’ kuntratti u jew ta’ ftehimiet speċifiċi konklużi għal dan il-għan u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni indikati fil-[legge regionale n. 22 ‑ Autorizzazione e accreditamento delle strutture sanitarie, socio-sanitarie e sociali (il-Liġi Reġjonali Nru 22 dwar Awtorizzazzjoni u Akkreditament ta’ Stabbilimenti tas-Saħħa, Soċjali-Santarji u Soċjali), tas-16 ta’ Awwissu 2002 (Bollettino Ufficiale della Regione Veneto n. 82)] u fl-emendi suċċessivi tagħha, fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tas-servizzi.

2.      Minbarra l-persuni msemmija fil-paragrafu 1, huma inklużi fil-lista reġjonali prevista fl-istess paragrafu l-kumitati tas-Salib l-Aħmar Taljan (CRI), wara ftehim speċifiku konkluż mal-Kumitat Reġjonali tal-Veneto tal-istess organizzazzjoni, kif ukoll l-Istituti Pubblici di Assistenza e Beneficienza (l-Istituzzjonijiet Pubbliċi ta’ Assistenza u Benefiċenza) (IPAB) li jwettqu attivitajiet ta’ trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza, abbażi ta’ ftehim u dikjarazzjoni sostituttiva fir-rigward tas-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti mil-Liġi Reġjonali [Nru 22] u mill-emendi suċċessivi tagħha kif ukoll kundizzjonijiet indikati mill-Kunsill Reġjonali, skont l-Artikolu 3(2), bl-osservanza tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tas-servizzi.

3.      Il-lista reġjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi aġġornata kull sena, bl-inklużjoni ta’ stabbilimenti mediċi u assoċjazzjonijiet ġodda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u ta’ akkreditament previsti mil-Liġi Reġjonali[22] u l-emendi suċċessivi tagħha.

4.      Il-persuni mniżżla fil-lista reġjonali huma suġġetti għal verifiki perijodiċi, bil-għan li jiġi stabbilit li dawn il-kundizzjonijiet ikunu dejjem ssodisfatti.”

17      L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, dwar l-“[o]rganizzazzjoni tal-attività ta’ trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza”, jipprovdi:

“1.      L-attività ta’ trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza għandha ssir mill-[ULSS] kif ukoll mill-persuni mniżżla fil-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4.

2.      Ir-rapporti mal-[ULSS], kif ukoll il-modalitajiet li abbażi tagħhom il-persuni mniżżla fuq il-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4 jipparteċipaw fl-attività ta’ sokkors u ta’ emerġenza huma rregolati minn ftehimiet speċifiċi, konklużi fuq il-bażi ta’ mudell standard approvat mill-Kunsill Reġjonali u ppubblikati skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea fis-seħħ fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

3.      Il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jipprevedu sistema ta’ baġit iddefinita skont kriterji bbażati fuq l-applikazzjoni ta’ spejjeż standard stabbiliti mill-Kunsill Reġjonali u aġġornati kull tliet snin.

[…]

5.      Jekk l-attività ta’ trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza ma tkunx tista’ tiġi żgurata mill-persuni mniżżla fuq il-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4, l-[ULSS] jistgħu jinkarigaw it-twettiq tagħha lil persuni speċifiċi, bi ħlas, permezz ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea fis-seħħ fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li jissodisfaw ir-rekwiżiti li jippermettu li jiġu żgurati livelli adegwati ta’ kwalità u li jiġi vvalorizzat il-funzjoni soċjali tas-servizz.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Fl-2017, l-AULSS Nru 6 nediet sejħa għal offerti għall-għoti, abbażi tal-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, tal-kuntratt li jikkonċerna s-servizz ta’ trasport mediku ta’ pazjenti bl-ambulanza u fuq emodijaliżi għal perijodu ta’ ħames snin, b’sena supplimentari fakultattiva (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti kontenzjuża”). Il-valur annwali ta’ dan il-kuntratt kien stmat għal EUR 5 043 560, li jikkorrispondi, għall-perijodu ta’ ħames snin, għal EUR 25 217 800.

19      Il-Croce Verde ikkontestat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Veneto, l-Italja) id-deċiżjoni tal-AULSS Nru 6 li tagħżel li tagħti kuntratt pubbliku minflok sħubija bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku. Fil-fatt, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-konklużjoni ta’ tali sħubija jkunu ssodisfatti, il-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 timponi li jiġi konkluż ftehim irregolat mill-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 5(6) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, mal-organu pubbliku awtorizzat, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, u saħansitra ta’ kuntratt pubbliku suġġett għas-sistema inqas stretta, kif previst fl-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva u fl-Artikolu 17(1)(h) tal-imsemmi kodiċi.

20      F’dan ir-rigward, il-Croce Verde issostni li hija ma hijiex sempliċi assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat li tagħmel il-volontarjat, iżda stabbiliment pubbliku mhux ekonomiku, b’mod iktar preċiż, IPAB. Fuq din il-bażi, hija ilha involuta iktar minn seklu fl-assistenza medika tal-abitanti tat-territorju ta’ Padova (l-Italja), billi tiżgura prinċipalment it-trasport, mingħajr skop ta’ lukru, ta’ feriti u morda. Barra minn hekk, hija ngħatat s-servizz ta’ emerġenza u ta’ emerġenza estrema medika tal-AULSS Nru 6 permezz ta’ ftehim konkluż fit-22 ta’ Diċembru 2017, skont il-Liġi Reġjonali Nru 26/2012. Barra minn hekk, wara sejħa għal offerti mnedija fl-2010, li kienet ġiet estiża darbtejn u li kienet skadiet fil-31 ta’ Marzu 2018, hija ngħatat ukoll is-servizz ta’ trasport ordinarju.

21      It-Tribunale amministrativo regionale del Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Veneto) madankollu kkunsidrat li l-Artikoli 10 u 74 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll l-Artikolu 17(1)(h) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi kienu jipprevedu li jingħata l-kuntratt tat-trasport bl-ambulanza mhux ta’ emerġenza permezz ta’ sejħa għal offerti.

22      Madankollu, peress li din il-qorti laqgħet il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-AULSS Nru 6 sabiex torganizza s-sejħa għal offerti kontenzjuża, din tal-aħħar appellat mis-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale del Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Veneto) dwar dan il-punt, quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

23      Il-qorti tar-rinviju, li ċaħdet l-appell prinċipali, għad trid tiddeċiedi dwar l-appell inċidentali li fil-kuntest tiegħu l-Croce Verde tirrepeti l-argument li hija kienet qajmet fl-ewwel istanza.

24      Il-qorti tar-rinviju tqis li għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn is-servizz ta’ għajnuna medika ta’ emerġenza estrema u, min-naħa l-oħra, is-servizz ta’ trasport bl-ambulanza. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 28 ta’ din tal-aħħar, kif ukoll l-Artikolu 17(1)(h) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jeskludu mir-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi s-servizz ta’ għajnuna medika ta’ emerġenza estrema, li jikkonsisti, għal organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, fit-trasport bl-ambulanza u fil-provvista tal-ewwel għajnuna lil pazjent f’sitwazzjoni ta’ emerġenza estrema. Min-naħa l-oħra, is-servizz ta’ trasport bl-ambulanza li ma jkunx ta’ natura ta’ emerġenza, huwa, min-naħa tiegħu, suġġett għas-“sistema inqas stretta” stabbilita mill-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24 peress li, bħal fil-kawża prinċipali, il-valur tiegħu huwa tal-inqas ekwivalenti għal-limitu ta’ EUR 750 000 previst mid-Direttiva 2014/24.

25      Dan premess, l-Artikolu 5 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 jipprevedi li, meta ma jsirx direttament mill-ULSS, it-trasport “ta’ sokkors u ta’ emerġenza” bl-ambulanza għandu jsir minn persuni mniżżla fuq il-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din il-liġi u li r-relazzjonijiet ma’ dawn l-ULSS kif ukoll il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi servizz huma rregolati minn ftehimiet ad hoc. Barra minn hekk, il-kuntratt dwar l-attività ta’ trasport mediku ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza jista’ jingħata biss wara sejħa pubblika għal offerti meta din l-attività ma tkunx tista’ tiġi żgurata mill-persuni mniżżla fuq l-imsemmija lista reġjonali.

26      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012, is-sistema tal-għoti tal-kuntratt dwar is-servizz ta’ “trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza” għandha bħala kamp ta’ applikazzjoni l-attività eżerċitata permezz ta’ vetturi ta’ sokkors minn, fost oħrajn, persunal tas-saħħa, li jikkonsisti b’mod partikolari f’“servizzi ta’ trasport previsti fil-kuntest tal-(LEA) imwettqa permezz ta’ vetturi ta’ sokkors” kif ukoll f’“servizzi ta’ trasport li fil-kuntest tagħhom il-kundizzjonijiet kliniċi tal-pazjent jeħtieġu esklużivament l-użu ta’ vettura ta’ sokkors u, matul il-vjaġġ, il-ħtieġa ta’ assistenza ta’ persunal mediku jew ta’ persunal ieħor imħarreġ għal dan il-għan, kif ukoll il-garanzija tal-kontinwità tal-kuraa”. Skont il-qorti tar-rinviju, l-attivitajiet koperti mill-imsemmija sistema huma għalhekk attivitajiet, speċjalment fil-każ tal-aħħar, li jidhru li ma jaqgħux taħt it-trasport ta’ emerġenza iżda taħt it-trasport ordinarju ta’ pazjenti.

27      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi kklassifikat bħala “servizz ta’ trasport ordinarju” jew bħala “servizz ta’ trasport mediku ta’ sokkors”, u mhux bħala “servizz ta’ trasport mediku ta’ emerġenza estrema”. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 5 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-awtorità kontraenti tista’ tirrikorri għal sejħa għal offerti biss f’każ li ma jkunx possibbli li jsir għoti dirett tal-kuntratt permezz ta’ ftehim.

28      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 5 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012, meta din id-dispożizzjoni tiġi applikata għal servizzi oħra minbarra s-servizzi ta’ trasport mediku ta’ sokkors u ta’ emerġenza. Dan id-dubju jikkonċerna wkoll barra minn hekk il-każ li fih l-għoti dirett tal-kuntratt jikkostitwixxi l-implimentazzjoni ta’ sħubija bejn awtoritajiet kontraenti.

29      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 241/1990, l-organi pubbliċi jistgħu dejjem jużaw l-istrument tal-ftehim sabiex jikkonkludu bejniethom ftehimiet intiżi sabiex jistabbilixxu qafas għall-iżvolġiment permezz ta’ kooperazzjoni tal-attività ta’ interess komuni. Madankollu, tali kollaborazzjoni bejn organi pubbliċi ma tistax tikkontesta l-għan prinċipali tar-regoli tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri l-moviment liberu tas-servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha.

30      L-Artikolu 5(6) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jikkonferma l-esklużjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta l-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi jkunu ssodisfatti. Issa, dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-AULSS Nru 6 u l-Croce Verde għandhom għanijiet komuni sabiex jinvolvu persuni inklużi fil-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 u li jinkoraġġixxu l-volontarjat. Barra minn hekk, l-Croce Verde hija inkluża fl-imsemmija lista reġjonali fil-kwalità tagħha ta’ IPAB. Fl-aħħar nett, hija teżerċita parti minima mill-attività tagħha fis-suq tas-servizz ta’ trasport mediku ta’ sokkors u ta’ emerġenza.

31      Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 241/1990 u l-Artikolu 5(6) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi sempliċement jippreżentaw is-sħubija bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku bħala alternattiva oħra minbarra l-għoti ta’ kuntratt pubbliku u li ma jistgħux jimponuha bħala metodu b’mod prijoritarju. Il-ftehim bejn l-amministrazzjonijiet kontraenti huwa għalhekk għażla miftuħa għall-awtoritajiet kontraenti u jirrikjedi l-formazzjoni ta’ akkordju bilaterali bejn il-partijiet kontraenti. Minn dan isegwi li awtorità kontraenti tista’ tesprimi biss ir-rieda tagħha li tikkonkludi tali sħubija, mingħajr ma tkun tista’ ġġiegħel awtorità kontraenti oħra li tagħżel din l-għażla. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward li, f’dan il-każ, l-AULSS Nru 6 ma kellhiex l-intenzjoni li tuża din il-fakultà peress li hija ddeċidiet li tibda s-sejħa għal offerti kontenzjuża.

32      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 5 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 ma jistax jobbliga lill-awtorità kontraenti li timmotiva l-għażla tagħha li tagħti l-kuntratt li jirrigwarda s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali permezz ta’ sejħa għal offerti. Fil-fatt, tali rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa ġġustifikat biss fil-każ fejn l-awtorità kontraenti tkun biħsiebha tirrikorri għal għoti dirett, wara t-tmiem ta’ negozjati bilaterali, peress li tali approċċ ma jippermettix li jkun hemm elementi ta’ paragun intiżi sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament.

33      Għall-kuntrarju, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li huma l-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ reklamar, ta’ trasparenza, ta’ parteċipazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, permezz tal-paragun ta’ diversi offerti fid-dawl tal-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament.

34      Għalhekk, peress li d-dritt tal-Unjoni ma jikkwalifikax bħala interessi ġenerali differenti u konkomitanti, bħall-valorizzazzjoni tal-volontarjat, l-użu tal-għoti dirett tal-kuntratt permezz ta’ ftehim ma jistax jiġi ġġustifikat. Dan huwa l-każ f’din il-kawża peress li l-organizzazzjoni Croce Verde tallega li hija l-unika persuna awtorizzata fir-reġjun tal-Veneto li għandha l-kwalità ta’ stabbiliment pubbliku, li jeskludi kull kompetizzjoni u paragun bejn l-operaturi potenzjali kkonċernati mill-provvista tas-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, bħall-organizzazzjonijiet l-oħra ta’ volontarjat inklużi fil-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012, il-Croce Verde għandha d-dritt, bħala operatur ekonomiku, li tipparteċipa fis-sejħa għal offerti kontenzjuża u għalhekk tista’ ssostni f’dan il-kuntest in-natura vantaġġuża tal-offerta tagħha.

35      Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fil-każ fejn iż-żewġ partijiet ikkonċernati jkunu organi pubbliċi, il-premessa 28, l-Artikolu 10 u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva [2014/24] jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 flimkien mal-Artikoli 1, 2, 3, u 4 tal-Liġi Reġjonali tal-Veneto Nru 26/2012, abbażi tas-sħubija pubblika-pubblika, prevista fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24/UE u fl-Artikolu 5(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 50/2016 u fl-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 241/1990?

2)      Fil-każ fejn iż-żewġ partijiet ikkonċernati jkunu organi pubbliċi, il-premessa 28, l-Artikolu 10 u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva [2014/24] jipprekludu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Reġjonali tal-Veneto Nru [26/2012], abbażi tas-sħubija pubblika-pubblika prevista fl-Artikolu 12(4) [ta’ din id-direttiva], u fl-Artikolu 5(6) [tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi] u fl-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 241/1990, biss fis-sens li jobbligaw lill-awtorità kontraenti tipprovdi r-raġunijiet għall-għażla li tagħti s-servizz ordinarju tat-trasport mediku permezz ta’ sejħa għall-offerti, minflok ma tagħtih direttament permezz ta’ ftehim?”

 Fuq id-domandi preliminari

36      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli spazju għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

37      Hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża.

 Fuq l-ewwel domanda

38      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni reġjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-fatt li sħubija bejn entitajiet tas-settur pubbliku ma tippermettix li jiġi żgurat is-servizz ta’ trasport mediku ordinarju.

39      Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Irgita (C‑285/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Irgita”, EU:C:2019:829, punt 41), id-Direttiva 2014/24 għandha l-għan, kif tindika l-premessa 1 tagħha, li tikkoordina l-proċeduri nazzjonali tal-għoti ta’ kuntratti li jeċċedu ċertu ammont.

40      Mill-punt 43 tas-sentenza Irgita jirriżulta li l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, dwar operazzjonijiet interni, imsejħa wkoll “kuntratti in house”, li jillimita ruħu għalhekk sabiex jispeċifika l-kundizzjonijiet li awtorità kontraenti għandha tosserva meta tkun tixtieq tikkonkludi operazzjoni interna, għandu biss bħala effett li jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jeskludu tali operazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

41      Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma tistax iċċaħħad lill-Istati Membri mil-libertà li jipprivileġġaw metodu ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ provvista ta’ oġġetti għad-detriment tal-oħrajn. Fil-fatt, din il-libertà timplika għażla li ssir fi stadju qabel l-għoti ta’ kuntratt u li ma tistax, għaldaqstant, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 (sentenza Irgita, punt 44).

42      Il-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-bżonnijiet tagħhom tirriżulta wkoll mill-premessa 5 tad-Direttiva 2014/24, li tistabbilixxi li “xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva”, li tirrifletti, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja preċedenti għall-imsemmija direttiva (sentenza Irgita, punt 45).

43      Għalhekk, bħalma d-Direttiva 2014/24 ma tobbligax lill-Istati Membri jirrikorru għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, hija lanqas ma tista’ ġġegħelhom jirrikorru għal operazzjoni interna meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) ikunu ssodisfatti (sentenza Irgita, punt 46).

44      Barra minn hekk, bħalma rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 47 tas-sentenza Irgita, il-libertà b’hekk mogħtija lill-Istati Membri hija ħafna iktar evidenti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u ĠU 2018, L 82, p. 17), li jipprovdi:

“Din id-Direttiva tirrikonoxxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f’konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni. Dawk l-awtoritajiet huma ħielsa li jiddeċiedi kif l-aħjar imexxu l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi, biex jiġu żgurati b’mod partikolari livell għoli ta’ kwalità, sikurezza u affordabbiltà, trattament ugwali u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u ta’ drittijiet tal-utent fis-servizzi pubbliċi.

Dawk l-awtoritajiet jistgħu jagħżlu li jwettqu l-kompiti ta’ interess pubbliku tagħhom bir-riżorsi proprji tagħhom, jew f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra jew li jgħadduhom lil operaturi ekonomiċi.”

45      Il-libertà li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ ġestjoni li huma jqisu l-iktar xieraq għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew għall-provvista ta’ servizzi ma tistax madankollu tkun illimitata. Għall-kuntrarju, hija għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll il-prinċipji li jirriżultaw minn dan, bħalma huwa l-ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza (sentenza Irgita, punt 48).

46      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 50 tas-sentenza Irgita, li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jissuġġetta l-konklużjoni ta’ operazzjoni interna, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jkunx jippermetti li tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi mwettqa, l-aċċessibbiltà tagħhom jew il-kontinwità tagħhom, sakemm l-għażla espressa favur metodu ta’ provvista ta’ servizzi b’mod partikolari, u mwettqa fi stadju preċedenti għal dak tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, tkun tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza.

47      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-ewwel lok, il-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-bżonnijiet tagħhom, tawtorizzahom, mutatis mutandis, sabiex jissuġġettaw l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-impossibbiltà li tiġi konkluża sħubija bejn awtoritajiet kontraenti, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24.

48      Skont din id-dispożizzjoni, sħubija bejn awtoritajiet kontraenti tista’ tiġi konkluża biss jekk il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi li huma għandhom jiżguraw il-provvista tagħhom jitwettqu sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għandhom komuni bejniethom, sakemm l-implimentazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni ssegwi biss kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku, u sakemm l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq kompetittiv inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, għalkemm il-Croce Verde tikkostitwixxi IPAB, ma huwiex ċert jekk din tikkostitwixxix “organu rregolat mid-dritt pubbliku” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24.

50      Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li l-Artikolu 5(2) u (3) tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 huwa effettivament ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti peress li, skont din id-dispożizzjoni, ir-relazzjonijiet bejn l-ULSS u l-persuni inklużi fil-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din il-liġi u li jipparteċipaw fl-attività ta’ sokkors u ta’ emerġenza, iridu jkunu rregolati minn ftehimiet speċifiċi, konklużi fuq il-bażi ta’ mudell standard approvat mill-Kunsill Reġjonali.

51      Fit-tieni lok, il-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-bżonnijiet tagħhom, tawtorizzahom, fil-kuntest ta’ servizzi ta’ difiża ċivili, ta’ protezzjoni ċivili u ta’ prevenzjoni tar-riskji, li jagħtu prijorità għall-għoti ta’ kuntratt, ma’ organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, suġġett għas-sistema inqas stretta, iddefinita fl-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(h) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-esklużjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li dan jipprevedi tkopri l-assistenza ta’ pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza f’vettura ta’ sokkors permezz ta’ tekniku mediku/paramediku koperta mill-kodiċi CPV 75252000–7 (servizzi ta’ sokkors) kif ukoll it-trasport bl-ambulanza kkwalifikat, kopert bil-kodiċi CPV 85143000–3 (servizzi tal-ambulanza), sa fejn, fir-rigward tat-trasport bl-ambulanza kkwalifikat, dan effettivament jitwettaq minn persunal imħarreġ fl-ewwel għajnuna u jkun jirreferi għal pazjent li għalih jeżisti riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa tiegħu matul dan it-trasport (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Falck Rettungsdienste et Falck, C‑465/17, EU:C:2019:234, punt 51). Il-benefiċċju ta’ din l-esklużjoni jippreżumi, barra minn hekk, li s-servizz tal-ambulanza jiġi pprovdut minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li sitwazzjoni ta’ emerġenza hija kkaratterizzata (digriet tal-20 ta’ Ġunju 2019, Italy Emergenza u Associazione volontaria di Pubblica Assistenza “Croce Verde”, C‑424/18, EU:C:2019:528, punt 28).

53      Fl-aħħar nett, fiż-żewġ każijiet imsemmija fil-punti 47 u 51 ta’ dan id-digriet, huma l-Istati Membri li, fl-eżerċizzju tal-libertà tagħhom ta’ għażla tal-mod ta’ kif jiġu pprovduti servizzi, li permezz tagħhom l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-bżonnijiet tagħhom, għandhom jiżguraw li jiġu osservati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza (sentenza Irgita, punt 48).

54      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni reġjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-fatt li sħubija bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku ma tippermettix li jiġi żgurat is-servizz ta’ trasport mediku ordinarju, sakemm l-għażla espressa favur metodu ta’ provvista ta’ servizzi b’mod partikolari, u mwettqa fi stadju qabel dak tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza.

 Fuq it-tieni domanda

55      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni reġjonali li timponi fuq l-awtorità kontraenti li tagħti motivazzjoni għall-għażla tagħha li tagħti l-kuntratt dwar is-servizz ta’ trasport mediku ordinarju permezz ta’ sejħa għal offerti minflok ma tagħtiha direttament permezz ta’ ftehim konkluż ma’ awtorità kontraenti oħra.

56      Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, la l-Artikolu 10(h) u lanqas l-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva ma jipprekludu leġiżlazzjoni reġjonali li tipprevedi l-għoti ta’ kuntratt pubbliku biss fuq bażi sussidjarja u ta’ deroga.

57      Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24, ma jistax jipprekludi leġiżlazzjoni reġjonali li timponi fuq l-awtorità kontraenti li turi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex issodisfatti.

58      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni reġjonali li timponi fuq l-awtorità kontraenti li tagħti motivazzjoni għall-għażla tagħha li tagħti l-kuntratt dwar is-servizz ta’ trasport mediku ordinarju permezz ta’ sejħa għal offerti minflok milli tagħtiha direttament permezz ta’ ftehim konkluż ma’ awtorità kontraenti oħra.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni reġjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-fatt li sħubija bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku ma tippermettix li jiġi żgurat is-servizz ta’ trasport mediku ordinarju, sakemm l-għażla espressa favur metodu ta’ provvista ta’ servizzi b’mod partikolari, u mwettqa fi stadju qabel dak tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza.

2)      L-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni reġjonali li timponi fuq l-awtorità kontraenti li tagħti motivazzjoni għall-għażla tagħha li tagħti l-kuntratt dwar is-servizz ta’ trasport mediku ordinarju permezz ta’ sejħa għal offerti minflok milli tagħtiha direttament permezz ta’ ftehim konkluż ma’ awtorità kontraenti oħra.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.