SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

9 ta’ Ġunju 2009

Kawża F-12/08

Thierry Nardin

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Rifjut ta’ għoti – Kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal annullament – Illegalità tal-proċedura ta’ reklutaġġ – Natura ineffettiva – Talba għad-danni”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA li permezz tiegħu T. Nardin essenzjalment jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tat-2 ta’ April 2007, li tistabbilixxi d‑“drittijiet marbuta mad-dħul fil-kariga” tiegħu u li tirrifjutalu l‑benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni u, min-naħa l-oħra, il‑kundanna tal-Parlament għall-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni minn April 2007, kif ukoll għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 10 000 għad-danni morali allegatament subiti.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Parlament, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Suġġett – Kundizzjonijiet għall-għoti – Assenza ta’ residenza abitwali jew ta’ attività professjonali prinċipali fil-post ta’ assenjazzjoni qabel id-dħul fil-kariga – Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(a))

2.      Uffiċjali – Rikors – Motivi – Motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-proċedura ta’ reklutaġġ tal-persuna kkonċernata

1.      L-iskop tal-allowance tal-espatrijazzjoni, prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tal‑Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li tikkumpensa l-piżijiet u l‑iżvantaġġi speċifiċi li jirriżultaw mit-twettiq permanenti ta’ kariga f’pajjiż li fih l‑uffiċjal ma jkun stabbilixxa ebda rabta stabbli qabel id-dħul fil-kariga tiegħu. Meta, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabtiet, ikun meħtieġ li l-persuna kkonċernata tkun ħadmet, b’mod regolari, fil-pajjiż fejn ser tiġi assenjata mal‑Komunità fil-futur għat-totalità ta’ perijodu determinat, dan ifisser li servizzi professjonali mwettqa f’pajjiżi oħra u li jirriżultaw f’assenzi sporadiċi u tul ta’ żmien qasir waqt dan il-perijodu ma humiex biżżejjed sabiex l-eżistenza tal‑eżerċizzju tal-attività professjonali prinċipali ta’ uffiċjal fl-Istat tal‑assenjazzjoni titlef in-natura regolari tagħha.

(ara l-punti 32 u 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs Il-Parlament, 188/83, Ġabra p. 3465, punt 11

Il-Qorti tal-prim’Istanza: 14 ta’ Diċembru 1995, Diamantaras vs Il-Kummissjoni, T‑72/94, ĠabraSP p. I‑A‑285 u II‑865, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Uffiċjal ma jistax jinvoka l-illegalità tal-proċedura ta’ reklutaġġ tiegħu minn istituzzjoni Komunitarja sabiex jitlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ din l‑istitizzjoni li tistabbilixxi d-drittijiet marbuta mad-dħul fil-kariga tiegħu u li tirrifjutalu l-benefiċċju tal-allowance tal-espatrijazzjoni, peress li ma teżistix rabta kawżali suffiċjenti bejn il-proċedura ta’ reklutaġġ tal-persuna kkonċernata u d‑deċiżjoni kkontestata. Illegalitajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ reklutaġġ jistgħu eventwalment isostnu talbiet għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ reklutaġġ; madankollu, il-kwistjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi d-drittijiet tal‑uffiċjal meta jidħol fil-kariga hija distinta minn dik tal-legalità tal-proċedura ta’ reklutaġġ tal-persuna kkonċernata minn din l-istituzzjoni.

(ara l-punt 39)