SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

14 ta’ Frar 2019 (*)

“Data personali – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data – Dritt ta’ aċċess għal din id-data – Regolament (KE) Nru 45/2001 – Rifjut ta’ aċċess – Rikors għal annullament – Ittra li tirreferi għal rifjut parzjali ta’ aċċess preċedenti mingħajr ma jgħaddi għal eżami mill-ġdid – Kunċett ta’ att kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE – Kunċett ta’ att purament konfermattiv – Applikabbiltà fir-rigward tal-aċċess għal data personali – Fatti ġodda u sostanzjali – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T-903/16,

RE, irrappreżentat minn S. Pappas, avocat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Kranenborg u D. Nardi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tan-nota tad-direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni, tal-12 ta’ Ottubru 2016, li tiċħad it-talba tar-rikorrent li titlob aċċess għal ċerta data tagħha personali,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise, R. da Silva Passos, K. Kowalik-Bańczyk (Relatur) u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, RE, jeżerċita l-funzjonijiet ta’ [kunfidenzjali](1) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp tal-Kummissjoni Ewropea.

2        Ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ investigazzjoni amministrattiva (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni amministrattiva”) implimentata mid-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tas-Sigurtà”). L-investigazzjoni kienet tirrigwarda l-parteċipazzjoni preżunta tar-rikorrent għal attivitajiet tas-servizzi sigrieti u, b’mod partikolari, l-aġir tiegħu matul kunflitt bejn żewġ Stati terzi, ir-rikorrent huwa ssuspettat li kien, f’dik l-okkażjoni, qrib wisq ta’ wieħed minn dawn l-Istati u kkomunikalha, mingħajr awtorizzazzjoni, ċerta informazzjoni kunfidenzjali.

3        Permezz ta’ posta elettronika tal-5 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrent talab lid-Direttorat tas-Sigurtà, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102), sabiex jipprovdilu l-informazzjoni kollha u d-data personali u professjonali dwaru miżmuma minn dan id-direttorat.

4        Permezz ta’ nota tal-25 ta’ Frar 2014, id-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà, wara li rrileva li ċerti dokumenti kienu diġà mogħtija lir-rikorrent fis-27 ta’ Novembru 2013, ċaħad l-aċċess għad-data personali tiegħu għar-raġuni li dik l-informazzjoni kienet koperta mill-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(1)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 45/2001.

5        Peress li kkunsidrat li dan ir-rifjut ta’ aċċess kien imur kontra l-Artikolu 13 u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 45/2001, ir-rikorrent adixxa, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ April 2014, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) bi lment abbażi tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 45/2001.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2016, il-KEPD ikkonkluda li, fid-dawl ta’ kif id-Direttorat tas-Sigurtà kien applika l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 45/2001, dan id-direttorat ma kienx ipproċessa b’mod korrett ċerta data personali tar-rikorrent.

7        Wara d-deċiżjoni tal-KEPD, id-Direttorat tas-Sigurtà eżamina mill-ġdid it-talba tar-rikorrent intiża għal aċċess għad-data personali tiegħu.

8        Wara dan l-eżami mill-ġdid, b’deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016”), id-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà laqa’ parzjalment it-talba tar-rikorrent li jagħtih aċċess għal ċerta data tiegħu personali u billi kkomunikalu, barra minn hekk, tmien dokumenti (Dokumenti Nri 44, 59 sa 62, 67, 69 u 71). Din id-deċiżjoni kienet tinkludi, fl-Anness, tabella li tidentifika 71 dokument fil-pussess tad-Direttorat tas-Sigurtà u li jiddeskrivu, għal kull wieħed minn dawn id-dokumenti, id-data, is-suġġett, it-tip ta’ data personali li kien fih, deskrizzjoni qasira tal-kontenut ta’ tali data, is-sors tagħhom kif ukoll għal 35 mill-71 dokument (Dokumenti Nri 1, 6 sa 9, 11, 12, 14 sa 16, 18, 20, 21, 27, 28, 31, 32, 35, 36, 41, 42, 45, 46, 48 sa 52, 54 sa 57, 66, 68 u 70), ir-raġuni jew ir-raġunijiet għaliex uħud mill-imsemmija data ma setgħetx tiġi żvelata skont l-Artikolu 20(1)(a) jew (c) tar-Regolament Nru 45/2001. Fost dawn id-dokumenti kienet tidher, bin-numru 57, “nota dwar ir-reklutaġġ [tar-rikorrent] bħala [kunfidenzjali] għad-[Direttorat Ġenerali tal-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp tal-Kummissjoni)” tat-23 ta’ Jannar 2012 (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 57”).

9        Permezz ta’ posta elettronika tad-29 ta’ April 2016 indirizzata lid-Direttorat tas-Sigurtà, ir-rikorrent ħa nota tat-tweġibiet mogħtija permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 u esprima x-xewqa tiegħu li aċċess għal “numru limitat ta’ dokumenti [fost dawk elenkati fit-tabella fl-anness ta’ din id-deċiżjoni]”. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrent talab ukoll li jiġi infurmat li l-investigazzjoni amministrattiva ngħalqet.

10      Fl-istess ħin, ir-rikorrent adixxa lill-KEPD bi lment ġdid fid-data tal-5 ta’ Lulju 2016, billi argumenta li d-Direttorat tas-Sigurtà għadu ma kkonformax ruħu, fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, għad-deċiżjoni tal-KEPD tat-26 ta’ Frar 2016 li ddeċieda dwar l-ilment preċedenti tiegħu.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-KEPD tal-25 ta’ Lulju 2016”), il-KEPD ikkunsidra li, fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, id-Direttorat tas-Sigurtà kien implimentat b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet li kien għamel fid-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta’ Frar 2016 u, għaldaqstant, ikkonkluda li ma kienx hemm ksur, permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, tal-Artikolu 13 jew l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 45/2001.

12      Fl-14 ta’ Settembru 2016, id-Direttorat tas-Sigurtà wieġeb għall-posta elettronika tar-rikorrent tad-29 ta’ April 2016. Peress li ġie adit b’talba għal aċċess għal dokumenti mressqa abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), id-Direttorat tas-Sigurtà stieden lir-rikorrent sabiex, abbażi tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, jikkjarifika t-talba tiegħu sabiex jidentifika d-dokumenti li ried jaċċessa. Barra minn hekk, informa lir-rikorrent li l-investigazzjoni amministrattiva kienet ingħalqet fil-31 ta’ Awwissu 2016.

13      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Settembru 2016 indirizzata lid-Direttorat tas-Sigurtà (iktar ’il quddiem it-“talba tal-21 ta’ Settembru 2016”), ir-rikorrent talab l-aċċess għal 42 minn 71 dokument identifikati fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 (Dokumenti Nri 1 sa 5, 8, 11, 13, 14, 19, 21 sa 30, 33, 34, 37 sa 43, 47 sa 53, 56 sa 58 u 63 sa 65) jew, għall-inqas, għal “informazzjoni” li tinsab f’dawn id-dokumenti billi applika, minn naħa, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45/2001 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001. F’din l-okkażjoni, ir-rikorrent qasam id-dokumenti u l-informazzjoni li għalihom huwa talab l-aċċess f’erba’ gruppi, magħżula mill-partijiet bħala l-gruppi A (Dokumenti Nri 2 sa 5, 13, 19, 22 sa 26, 29, 30, 33, 34, 37 sa 40, 43, 47, 53, 56, 58 u 63), B (Dokumenti Nri 8, 11, 41, 42, 48, 49 u 51), C (Dokumenti Nri 48, 49 u 51, diġà inklużi fil-grupp B) u D (Dokumenti Nri 1, 14, 21, 27, 28, 50, 52 u 57), u indika, għal kull wieħed minn dawn il-gruppi, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw, fil-fehma tiegħu, li tintlaqa’ t-talba tiegħu.

14      Fit-12 ta’ Ottubru 2016, id-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà wieġeb għat-talba tal-21 ta’ Settembru 2016 permezz ta’ nota (iktar ’il quddiem in-“nota kkontestata”) li kienet ifformulata kif ġej:

“1. Fit-[talba] tiegħek tal-21 [ta’ Settembru] 2016, tagħmel referenza għall-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45/2001 sabiex titlob l-aċċess għal ċertu numru ta’ dokumenti. [F’dan ir-rigward], nirreferi[k] għa[d-] deċiżjoni [tat-8 ta’ Marzu] 2016 […]

Barra minn hekk, jiena nirreferi[k] għad-deċiżjoni tal-[KEPD] tal-25 ta’ Lulju 2016, li tistabbilixxi b’mod ċar li l-KEPD ma għandha l-ebda indikazzjoni li d-Direttorat tas-Sigurtà kiser id-dritt ta’ aċċess għad-data personali tiegħek. Għaldaqstant, nikkunsidra li d-Direttorat tas-Sigurtà ttratta [korrettament] l-applikazzjoni tiegħek għall-aċċess għad-data personali tiegħek.

2. Fit-[talba] tiegħek [tal-21 ta’ Settembru 2016], inti ssemmi wkoll ir-Regolament Nru 1049/2001 […] u titlob aċċess għal dokumenti speċifiċi tal-fajl [tiegħek] imsemmija fit-[tabella annessa mad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016]. F’dan ir-rigward, nixtieq niġbidlek l-attenzjoni għall-fatt li d-dokumenti li kkomunikajt abbażi ta’ dan ir-regolament isiru aċċessibbli għal kwalunkwe persuna li titlobhom fil-futur u, għaldaqstant, isiru de facto pubbliċi, jekk ikun il-każ f’format redattamid-data personali tiegħek.

Jekk jogħġbok innota li, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-talba tiegħek għal aċċess għad-dokumenti għandha tiġi konkluża. Jekk [dik] it-talba ssir għal għanijiet personali, inti ġentilment mitlub tikkonferma billi tikkomunikalna l-indirizzi elettroniċi u postali personali tiegħek.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

16      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fl-istess jum fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent talab il-benefiċċju tal-anonimat. Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2017, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba.

17      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2017, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

18      Fit-22 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

19      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Ottubru 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tiġi eżaminata flimkien mal-mertu.

20      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottata abbażi tal-Artikolu 89(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet sabiex iwiġbuhom bil-miktub.

21      Il-partijiet ressqu dawn it-talbiet fit-termini imposti.

22      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2017.

23      B’miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottati abbażi tal-Artikolu 89(3)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet sabiex dawn jiġu mwieġba fis-seduta.

24      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tannulla n-nota kkontestata inkwantu din tiċħad it-talba tagħha ta’ aċċess għal ċerta data personali tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu s-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-dannu morali subit minnu minħabba r-rifjut tad-Direttorat tas-Sigurtà li jagħtih aċċess għad-data personali tiegħu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu s-somma ta’ EUR 30 000 bħala kumpens għad-dannu morali subit minnu minħabba l-ipproċessar u d-distribuzzjoni illegali tad-data personali tiegħu mid-Direttorat tas-Sigurtà;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, fin-nuqqas ta’ dan, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

26      Ir-rikorrent jitlob ukoll lill-Qorti Ġenerali, bħala miżura istruttorja, tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-Dokument Nru 57 skont l-Artikolu 91(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura jew, fin-nuqqas ta’ dan, l-Artikolu 104 ta’ dan ir-regolament.

27      Waqt is-seduta, ir-rikorrent irrinunzja mit-talbiet tiegħu għall-kumpens taż-żewġ danni morali li huwa jallega li sostna. Huwa xorta wkoll ippreċiża u llimita l-portata tat-talbiet għal annullament tiegħu billi indika li dawn ma kellhomx bħala suġġett li jikkontesta rifjut ta’ aċċess għad-data personali li tinsab f’dokumenti msemmija fir-rikors iżda mhux evokati fit-talba tal-21 ta’ Settembru 2016. Peress li l-Kummissjoni ma għamlitx osservazzjonijiet dwar din ir-rinunzja u fuq din il-kjarifika, dan il-fatt tniżżel fil-proċess verbali tas-seduta.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

28      Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk it-talbiet għal annullament huma ammissibbli u, jekk ikun il-każ, fit-tieni lok, jekk dawn it-talbiet huma fondati.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament

29      Il-Kummissjoni tqajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. L-ewwel nett, in-nota kkontestata ma ddeċidietx fuq id-dritt tar-rikorrent għal aċċess għad-data personali tiegħu. It-tieni nett, din in-nota tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, att purament konfermattiv. It-tielet nett, ir-rikorrent ma kellux interess ġuridiku reali kontra l-imsemmija nota.

–       Dwar is-suġġett tan-nota kkontestata u l-eżistenza ta’ rifjut ta’ aċċess għad-data personali

30      Il-Kummissjoni ssostni li t-talba tal-21 ta’ Settembru 2016 kienet tirrigwarda biss l-aċċess għal dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Minn dan isegwi li, fin-nota kkontestata, id-Direttorat tas-Sigurtà ma ddeċidiex fuq id-dritt tar-rikorrent għal aċċess għad-data personali tiegħu abbażi tar-Regolament Nru 45/2001.

31      Ir-rikorrent jikkontesta l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni. Huwa jsostni li t-talba tal-21 ta’ Settembru 2016 kienet tinkludi kemm talba għal aċċess għal dokumenti kif ukoll talba għal aċċess għal data personali.

32      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 45/2001 għandhom għanijiet differenti. L-ewwel wieħed huwa intiż li jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli fir-rigward tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-informazzjoni li fuqha jkunu bbażati d-deċiżjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, huwa intiż li jiffaċilita kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti kif ukoll li jippromwovi prattiċi amministrattivi tajbin. It-tieni huwa intiż sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, waqt l-ipproċessar tad-data personali (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager, C-28/08 P, EU:C:2010:378, punt 49). Minn dan isegwi li, b’mod kuntrarju għar-Regolament Nru 1049/2001, ir-Regolament Nru 45/2001 ma huwiex intiż li jiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, YS et, C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 47).

33      F’dan il-kuntest, id-drittijiet ta’ aċċess rispettivament previsti minn dawn iż-żewġ regolamenti ma għandhom la l-istess għan u lanqas l-istess benefiċjarji. Fil-fatt, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu l-għan li jippermetti lill-pubbliku, jiġifieri lil kull ċittadin u lil kull persuna fiżika jew ġuridika, li jkollhom aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet. L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45/2001 huwa intiż, min-naħa tiegħu, li jippermetti l-aċċess, biss minn persuni interessati, għad-data personali tagħhom, jiġifieri l-informazzjoni li jikkonċernhom bħala individwi identifikati jew identifikabbli, mingħajr ma jipprovdi li dawk il-persuni jistgħu, abbażi ta’ dan, ikollhom aċċess għal dokumenti li fihom l-imsemmija data. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Artikolu 13(ċ) tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi biss li l-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tikseb “komunikazzjoni f’forma intelliġibbli tad-data li qed tiġi pproċessata”.

34      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li n-nota kkontestata hija ta’ natura negattiva sa fejn din twieġeb għat-talba tal-21 ta’ Settembru 2016 u fejn huwa paċifiku li hija ma tat lir-rikorrent aċċess la għad-data personali tiegħu u lanqas għad-dokumenti li jkun fihom din id-data.

35      Issa, meta deċiżjoni għandha natura negattiva, għandha tiġi evalwata abbażi tan-natura tat-talba li għaliha hija tikkostitwixxi tweġiba (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1972, Nordgetreide vs Il-Kummissjoni, 42/71, EU:C:1972:16, punt 5, u tal-24 ta’ Novembru 1992, Buckl et vs Il-Kummissjoni, C-15/91 u C-108/91, EU:C:1992:454, punt 22). Għalhekk, l-għan tan-nota kkontestata għandu jiġi evalwat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kontenut tat-talba tal-21 ta’ Settembru 2016.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li t-talba tal-21 ta’ Settembru 2016 għandha t-titolu “Data personali”.

37      Sussegwentement, it-talba tal-21 ta’ Settembru 2016 issemmi mhux biss ir-Regolament Nru 1049/2001, iżda wkoll ir-Regolament Nru 45/2001. Fil-fatt, minn naħa, din it-talba hija espressament imressqa fuq il-bażi doppja tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45/2001. Min-naħa l-oħra, din it-talba tinkludi, għal kull wieħed mill-erba’ gruppi ta’ dokumenti msemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq, argumentazzjoni fir-rigward tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet previsti mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 45/2001.

38      Fl-aħħar nett, kemm-il darba fit-talba tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrent jirreferi kemm għal dokumenti kif ukoll għall-“informazzjoni” li tinsab f’dawn id-dokumenti. Għalhekk, huwa jiddikjara li, qabel kollox u b’mod ġenerali, irid li jkollu aċċess għal ċerti dokumenti jew, tal-inqas, għall-informazzjoni li tinsab fihom. Barra minn hekk, ir-rikorrent itenni espressament din it-talba ta’ aċċess fir-rigward tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti tal-Grupp D. Barra minn hekk, fir-rigward tad-dokumenti tal-Grupp C, huwa jikkontesta l-fatt li l-komunikazzjoni ta’ tali dokumenti jew ta’ informazzjoni li tinsab fihom jista’ jippreġudika l-għodda u l-metodi ta’ investigazzjoni tad-Direttorat tas-Sigurtà. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isemmi l-informazzjoni trażmessa jew miġbura fid-dokumenti tal-Grupp A, billi jispeċifika li dawn id-dokumenti jikkonċernaw lilu personalment u direttament.

39      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidher li t-talba tal-21 ta’ Settembru 2016 kienet tinkludi, minbarra talba ta’ aċċess għal dokumenti, talba għal aċċess għad-data personali dwar ir-rikorrent li jinsabu f’dawn id-dokumenti.

40      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, fin-nota kkontestata, id-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà evoka “it-talba [tar-rikorrent] għall-aċċess tad-data personali [tiegħu]”. Huwa ppreċiża wkoll, abbażi tad-deċiżjoni tal-KEPD tal-25 ta’ Lulju 2016, li huwa qies li d-Direttorat tas-Sigurtà kien “[korrettament] itratta [din] it-talba”. B’hekk, id-Direttorat għas-Sigurtà stess għażel li jevoka fin-nota kkontestata mhux biss il-kwistjoni ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, iżda wkoll dik tal-aċċess għad-data personali li tinsab f’dawn id-dokumenti, u dan b’enfasi fuq in-nuqqas ta’ ksur, permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, tad-dritt tar-rikorrent ta’ aċċess għall-imsemmija data.

41      Barra minn hekk, la huwa stabbilit u lanqas allegat mill-Kummissjoni li d-Direttorat tas-Sigurtà, fi kwalunkwe ħin ieħor, wieġeb, bil-miktub jew bil-fomm, b’mod espliċitu jew impliċitu, għat-talba tal-21 ta’ Settembru 2016 bħala li hija kienet intiża għall-aċċess għal data personali.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni għandha titqies bħala li ddeċidiet fin-nota kkontestata fuq talba tar-rikorrent intiża għal aċċess għal ċerta data personali tiegħu. Minn dan isegwi li din in-nota, li ma tilqax din it-talba, għandha tiġi analizzata bħala rifjut ta’ aċċess għall-imsemmija data.

–       Fuq in-natura purament konfermattiva tan-nota kkontestata

43      Il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk tammetti li, fin-nota kkontestata, id-Direttorat tas-Sigurtà jkun ħa deċiżjoni dwar l-aċċess għal data personali, din in-nota hija, fi kwalunkwe każ, att purament konfermatorju tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrent fit-terminu tar-rikors kontenzjuż.

44      Ir-rikorrent jikkontesta l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni. Huwa jsostni li l-għeluq, fil-31 ta’ Awwissu 2016, ta’ investigazzjoni amministrattiva u t-tressiq fil-21 ta’ Settembru 2016, ta’ talba li titlob aċċess, f’format redatt, għad-data personali tiegħu kienu jikkostitwixxu fatti ġodda u sostanzjali li jobbligaw lid-Direttorat tas-Sigurtà biex jeżamina mill-ġdid il-fondatezza tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016.

45      Fl-ewwel lok, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza li tgħid li rikors dirett kontra att purament konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti huwa inammissibbli jekk ma ġiex ippreżentat fit-terminu stabbilit kontra tagħha (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2017, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-337/16 P, EU:C:2017:381, punt 51) għandu japplika għal deċiżjonijiet adottati minn istituzzjoni b’risposta għal talba għal aċċess għal data personali, imressqa abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 45/2001.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 13(ċ) tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi li “s-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jikseb, mingħajr tfixikil, f’kull żmien fi żmien tlett xhur minn meta l-kontrollur jirċievi t-talba u mingħajr ħlas: […] il-komunikazzjoni f’forma intelliġibbli tad-data li tkun qed tiġi pproċessata […]”. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, li tippermetti lill-persuna kkonċernata li taċċedi “f’kull żmien” għad-data personali tiegħu, li din il-persuna tiddisponi minn dritt ta’ aċċess kontinwu u permanenti għad-data.

47      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 45/2001 jistabbilixxi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt tas-suġġett tad-data għal aċċess għad-data personali, din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-istituzzjonijiet jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tal-istess regolament biss “fejn dik ir-restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa”. Minn dan jirriżulta li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1) ta’ regolament jistgħu jiġu applikati biss matul il-perijodu li matulu jibqgħu meħtieġa.

48      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-protezzjoni tad-data personali, li tirriżulta mill-obbligu espliċitu previst fl-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha importanza partikolari għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilita fl-Artikolu 7 tagħha (sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punt 53).

49      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ffavorixxiet interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea favur livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali. B’mod partikolari hija qieset il-fatt li, fil-qasam tal-ipproċessar tad-data personali, is-sitwazzjoni fattwali u legali tal-persuna kkonċernata hija, min-natura tagħha, għadha qed tiżviluppa, peress li s-sempliċi mogħdija taż-żmien tista’ trendi inutli, saħansitra illegali, ipproċessar li ma kienx sar qabel (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 92 u 93).

50      Minn dan isegwi li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 45/2001, persuna tista’, f’kull ħin, tippreżenta talba ġdida għal aċċess għal fir-rigward ta’ data personali li għaliha l-aċċess kien ġie preċedentement miċħud. Talba bħal din tobbliga lill-istituzzjoni kkonċernata teżamina jekk ir-rifjut għal aċċess preċedenti għadux iġġustifikat.

51      Għalhekk, eżami ġdid intiż sabiex jiġi vverifikat li rifjut ta’ aċċess għal data personali qabel adottat jibqa’ ġġustifikat fir-rigward tal-Artikoli 13 u 20 tar-Regolament Nru 45/2001 iwassal għall-adozzjoni ta’ att li ma huwiex purament konfermattiv tal-att preċedenti, iżda jikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

52      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ġiet adita mir-rikorrent fil-21 ta’ Settembru 2016 b’talba għal aċċess għad-data personali tiegħu li tinsab f’dokumenti differenti. Mill-punt 50 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kienet obbligata teżamina din it-talba. Kif ġie rrilevat fil-punt 42 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha titqies li tkun iddeċidiet fuq din it-talba u rrifjutat li tilqagħha fin-nota kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-prinċipju stabbilit fil-punt 51 iktar ’il fuq, din in-nota tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat indipendentement mill-fatt li preċedent rifjut parzjali ta’ aċċess għad-data kien diġà pprekluda lir-rikorrent fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax validament tibbaża ruħha fuq in-natura purament konfermattiva tan-nota kkontestata.

53      Fit-tieni lok, anki jekk wieħed jippreżumi li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 iktar ’il fuq tkun applikabbli f’dan il-każ, għandu jitfakkar li att jista’ jiġi kklassifikat bħala purament konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti biss jekk ma jinkludi ebda element ġdid meta mqabbel ma’ din tal-aħħar (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il-Kummissjoni, 23/80, EU:C:1980:284, punt 18, u tal-31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il-Kummissjoni, C-228/16 P, EU:C:2017:409, punt 33). Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali tista’ tiġġustifika t-tressiq ta’ talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti li saret definittiva (ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ukoll appell ippreżentat minn deċiżjoni li tirrifjuta li teżamina mill-ġdid deċiżjoni li saret definittiva ser ikun iddikjarat ammissibbli jekk jidher li jeżistu fatti ġodda u sostanzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 49). Fatti għandhom jiġu kklassifikati bħala “ġodda u sostanzjali” meta, minn naħa, la r-rikorrent u lanqas l-amministrazzjoni ma għandhom jew ma huma f’pożizzjoni li jkollhom konjizzjoni tal-fatt ikkonċernat fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni preċedenti u, min-naħa l-oħra, il-fatt ikkonċernat jista’ jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tar-rikorrent meta mqabbla ma’ dik li tat lok għad-deċiżjoni preċedenti li saret definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punti 50 u 51).

54      F’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali, ir-rikorrent jinvoka, b’mod partikolari, il-fatt li l-investigazzjoni amministrattiva ngħalqet fil-31 ta’ Awwissu 2016.

55      Il-Kummissjoni toġġezzjona li, fit-talba tagħha tal-21 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrent illimita ruħu sabiex jirringrazzja lid-Direttorat tas-Sigurtà talli informah, fl-14 ta’ Settembru 2016, bl-għeluq tal-investigazzjoni amministrattiva u li ma sostniex, f’din l-okkażjoni, li tali għeluq kien jikkostitwixxi fatt ġdid u sostanzjali li jiġġustifika l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 45/2001, u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu li jistabbilixxi dritt ta’ aċċess “mingħajr restrizzjoni”, ma timponi lill-persuna kkonċernata li għandha timmotiva jew jiġġustifika t-talba tagħha ta’ aċċess għad-data personali tagħha. Minn dan isegwi li, fil-qasam tal-aċċess għad-data personali, rikorrent jista’ jinvoka, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-eżistenza, fid-data tal-att ikkontestat, ta’ fatti ġodda u sostanzjali li jiġġustifikaw eżami mill-ġdid minkejja li naqas milli jsemmihom fit-talba tiegħu.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi u filwaqt li l-Kummissjoni diġà kienet taf l-għeluq tal-investigazzjoni amministrattiva meta hija ġiet adita bit-talba tal-21 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrent jista’ validatament jinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali l-għeluq ta’ investigazzjoni amministrattiva sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fatt ġdid u sostanzjali.

58      Issa, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan l-avveniment seħħ wara d-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, b’tali mod li jippreżenta natura ġdida fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq.

59      Min-naħa l-oħra, dan l-avveniment huwa wkoll ta’ natura sostanzjali, fis-sens ta’ din l-istess ġurisprudenza. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, biex jirrifjuta lir-rikorrent, fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, l-aċċess għal uħud mid-data personali tiegħu, id-Direttorat għas-Sigurtà invoka, skont id-data inkwistjoni, minn naħa, l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament Nru 45/2001, li huwa li “tissalvagwardja... il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali”, u, min-naħa l-oħra, l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 20(1)(ċ) tal-istess regolament, li huwa intiż, b’mod partikolari, “tissalvagwardja...il-protezzjoni […] id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”. Fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament Nru 45/2001, id-Direttorat ta’ Sigurtà indika li l-iżvelar tad-data inkwistjoni juri l-għodda u l-metodi ta’ investigazzjoni tiegħu. Fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 20(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, huwa ppreċiża li l-iżvelar tad-data inkwistjoni jippreġudika d-drittijiet ta’ persuni oħra suġġetti għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom, jiġifieri x-xhieda u l-informaturi jinstemgħu fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva. B’hekk, jidher li r-raġunijiet li fuqhom kien ibbażat ir-rifjut parzjali ta’ aċċess prekluż lir-rikorrenti fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 kienu marbuta, għall-inqas indirettament, mal-investigazzjoni amministrattiva li tirrigwarda lir-rikorrent. Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li l-għeluq ta’ din l-investigazzjoni biddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tar-rikorrent.

60      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid, minn naħa, li ma tipperikolax l-għodda u l-metodi ta’ investigazzjoni użati mid-Direttorat tas-Sigurtà u, min-naħa l-oħra, li tipproteġi xhieda u informaturi li jippersisti wara l-għeluq tal-investigazzjoni amministrattiva. Fil-fatt, din l-argumentazzjoni hija intiża li tissuġġetta kompletament l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament għall-fondatezza tar-rifjut ta’ aċċess ġdid prekluż lir-rikorrent. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-għeluq tal-investigazzjoni amministrattiva kien jikkostitwixxi fatt ġdid u sostanzjali li jiġġustifika l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-avveniment jista’ jkollu impatt fuq l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(1)(a) u (c) tar-Regolament Nru 45/2001, bla ħsara għall-possibbiltà jew le li tipprekludi lir-rikorrent, fit-tmiem tal-eżami mill-ġdid, rifjut ta’ aċċess ġdid ibbażat, jekk ikun il-każ, fuq l-istess eċċezzjonijiet.

61      Minn dan isegwi li l-għeluq tal-investigazzjoni amministrattiva kien jikkostitwixxi fatt ġdid u sostanzjali, ta’ natura li jiġġustifika eżami mill-ġdid tad-dritt tar-rikorrent għal aċċess għad-data personali tiegħu.

62      Dan l-eżami huwa wisq iktar iġġustifikat f’dan il-każ li r-rikorrent kien ħalla jgħaddi terminu raġonevoli qabel ma adixxa lid-Direttorat tas-Sigurtà b’talba ġdida għal aċċess għad-data personali tiegħu. Fil-fatt, it-talba tal-21 ta’ Settembru 2016 tressqet iktar minn sitt xhur wara r-rifjut parzjali ta’ aċċess prekluż lir-rikorrenti fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata, fi kwalunkwe każ, li ssostni li n-nota kkontestata tikkostitwixxi att purament konfermatorju tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016.

–       Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrent

64      Il-Kummissjoni tqis li, sa fejn ir-rikorrent diġà kellu aċċess sħiħ jew parzjali għad-data personali tiegħu, u b’mod partikolari għal dawk kollha li jinsabu fid-dokumenti tal-grupp A, u fejn qed ifittex aċċess għal dokumenti, ma għandu l-ebda interess ġuridiku kontra n-nota kkontestata.

65      Jekk ir-rikorrent ma jikkontestax speċifikament l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub kollha tiegħu li huwa jqis li qed jiċċaħħad b’mod żbaljat, permezz tan-nota kkontestata, mill-aċċess għad-data personali tiegħu.

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn dik il-persuna jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżumi li l-annullament ta’ dan l-att jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bir-riżultat tiegħu, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C-519/07 P, EU:C:2009:556, punt 63, u tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55).

67      F’dan il-każ, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 42 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata li rrifjutat li, permezz tan-nota kkontestata, tagħti lir-rikorrent aċċess għad-data personali kollha msemmija fit-talba tal-21 ta’ Settembru 2016.

68      Ċertament, huwa minnu li r-rikorrent diġà kellu aċċess għal ċerta data personali tiegħu. Fil-fatt, fit-tabella annessa mad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni kkomunikatlu ċerta data li għaliha hija ma invokat l-ebda eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet previsti mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 45/2001. Dan huwa l-każ, minn naħa, ta’ data personali kollha identifikata mill-Kummissjoni fid-dokumenti tal-Grupp A, minbarra d-Dokument Nru 56, u, min-naħa l-oħra, parti mid-data personali identifikata mill-Kummissjoni fid-dokumenti tal-gruppi B, C u D kif ukoll tad-Dokument Nru 56.

69      Madankollu, diġà ġie rrilevat fil-punt 46 iktar ’il fuq li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 45/2001, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt ta’ aċċess kontinwu u permanenti għad-data personali tagħha. Dan id-dritt jippermettilha, b’mod partikolari, li tressaq talba għal aċċess għal data personali, inkluż fil-każ fejn hija kienet diġà seta’ jkollha aċċess sħiħ jew parzjali għal din id-data, sabiex, pereżempju, tiżgura li d-data personali kollha miżmuma minn istituzzjoni effettivament ġiet identifikata u mbagħad ikkomunikata jew li wieħed ikun jaf jekk id-data inkwistjoni hija dejjem ipproċessata mill-istituzzjoni u, jekk ikun il-każ, jekk din ġiet emendata jew le.

70      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li r-rikorrent ma jistax, permezz ta’ talba għal aċċess għad-data personali tiegħu, jaċċedi għad-dokumenti li jinkludu din id-data, din iċ-ċirkustanza hija, fiha nnifisha, mingħajr effett fuq l-interess tar-rikorrent li jaċċedi għall-imsemmija data nnifisha.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tan-nota kkontestata, li tirrifjuta lir-rikorrent l-aċċess għad-data kollha personali li tinsab fid-dokumenti msemmija fit-talba tal-21 ta’ Settembru 2016, jista’ jkollu konsegwenzi legali għar-rikorrent u jagħti benefiċċju lil dan tal-aħħar.

72      Minn dan isegwi li t-talbiet għal annullament huma ammissibbli u li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-fondatezza tat-talbiet għal annullament

73      Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, ir-rikorrent isostni li n-nota kkontestata ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE. Fil-fatt, din in-nota tillimita ruħha li tirreferi għad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 u ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom ma jkunx jista’ jkollu aċċess għad-data personali tiegħu. Fir-rigward tad-data personali li tinsab fid-dokumenti tal-Grupp A, id-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 ma kinitx motivata, b’tali mod li n-nota kkontestata hija wkoll ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Fir-rigward tad-data personali li tinsab fid-dokumenti tal-gruppi B, Ċ u D tan-nota kkontestata ma tispjegax b’liema mod l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(1)(a) u (c), tar-Regolament Nru 45/2001 u preklużi fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 tibqa’ ġġustifikata wara l-għeluq tal-investigazzjoni amministrattiva u minkejja li d-Direttorat tas-Sigurtà kien adit b’talba ġdida intiża sabiex tikseb aċċess, f’format redatt, għall-imsemmija data.

74      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumentazzjoni tar-rikorrent. Hija ssostni, minn naħa, li l-ebda motivazzjoni speċifika ma hija meħtieġa fir-rigward tad-data personali li tidher fid-dokumenti ta’ grupp A, li r-rikorrent kien diġà kellu aċċess għaliha, u, min-naħa l-oħra, li dan tal-aħħar kien ġie informat suffiċjentement, fit-tabella annessa mad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, għaliex xi data personali li tidher f’dokumenti tal-gruppi B, C u D ma kinitx ġiet żvelata lilu.

75      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jkopru din il-kwistjoni (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63, u tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C-341/06 P et C-342/06 P, EU:C:2008:375, punt 88).

76      Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 45/2001 li, meta eċċezzjoni jew limitazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) tal-istess regolament hija invokata kontra l-persuna kkonċernata, din tal-aħħar għandha tiġi infurmata dwar ir-raġunijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni jew limitazzjoni.

77      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li n-nota kkontestata — li t-termini tagħha huma riprodotti fil-punt 14 iktar ’il fuq — hija, fiha nnifisha, prattikament nieqsa minn kull motivazzjoni fil-fatt u fid-dritt. Fil-fatt, din in-nota ma fiha ebda motivazzjoni speċifika. Hija ma tispeċifikax għal liema raġunijiet ir-rikorrent ma jistax jkun awtorizzat jaċċessa d-data personali msemmija fit-talba tal-21 ta’ Settembru 2016. Fil-fatt, in-nota kkontestata tillimita ruħha li tirreferi għad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 kif ukoll għad-deċiżjoni tal-KEPD tal-25 ta’ Lulju 2016 li jikkonkludu li ma hemmx ksur tad-dritt tar-rikorrent għal aċċess għad-data personali tiegħu. F’din in-nota, huwa sempliċement iddikjarat, fid-dawl tal-konklużjoni li wasal għaliha l-KEPD u mingħajr spjegazzjoni oħra, li t-talba ta’ aċċess ġiet “ittrattata [korrettament]”.

78      Madankollu, motivazzjoni b’riferiment tista’, f’ċerti każijiet, tiġi aċċettata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Il-Parlament vs Gaspari, C‑316/97 P, EU:C:1998:558, punt 27). B’mod partikolari, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi motivazzjoni b’riferiment għal deċiżjoni preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2016, Zuffa vs EUIPO (ULTIMATE FIGHTING CHAMPIONSHIP), T-590/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:295, punt 43, u tal-5 ta’ Frar 2018, Edeka-Handelsgesellschaft Hessenring vs Il-Kummissjoni, T-611/15, EU:T:2018:63, punti 32 sa 38).

79      Għaldaqstant hemm lok li jiġi evalwat jekk ir-riferiment għad-Deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 u d-Deċiżjoni tal-KEPD tal-25 ta’ Lulju 2016 jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tan-nota kkontestata.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, fir-rigward tad-data personali inkluża fid-dokumenti tal-Grupp A (bl-eċċezzjoni tad-Dokument Nru 56), it-tabella annessa mad-Deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, li laqgħet kompletament it-talba għal aċċess — għall-inqas f’dak li jirrigwarda d-data personali identifikata mill-Kummissjoni fid-dokumenti inkwistjoni —, ma kienet tinkludi ebda raġuni ta’ rifjut għal aċċess. Konsegwentement, ir-riferiment għad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 ma jistax jikkostitwixxi motivazzjoni tar-rifjut ta’ aċċess għad-data personali kollha li tinsab fid-dokumenti tal-Grupp A mqajma, għall-ewwel darba, lir-rikorrent fin-nota kkontestata.

81      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-data personali inkluża fid-dokumenti tal-gruppi B, Ċ u D, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 52 u 61 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet obbligata teżamina jekk ir-rifjut ta’ aċċess prekluż lir-rikorrent fid-Deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 baqa’ ġġustifikat. Għal dan il-għan, hija kellha l-obbligu li tivverifika, b’mod partikolari, għad-data personali kollha inkwistjoni, li l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(1)(a) u (c), tar-Regolament Nru 45/2001 u prekluża fid-Deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 baqgħet iġġustifikata fir-rigward ta’ bidla eventwali tas-sitwazzjoni ta’ liġi jew ta’ fatt. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li l-investigazzjoni amministrattiva sa dak iż-żmien kienet ngħalqet u li terminu ta’ iktar minn sitt xhur kien għadda.

82      Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li n-nota kkontestata ma fiha l-ebda element ta’ motivazzjoni dwar eżami mill-ġdid konkret u ddettaljat tad-dritt tar-rikorrent għal aċċess għad-data personali tiegħu. Lanqas ma jkun fiha elementi ta’ motivazzjoni dwar l-impatt possibbli taċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi riferiment għad-Deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016 u d-Deċiżjoni tal-KEPD tal-25 ta’ Lulju 2016 ma jistax, evidentement, jikkostitwixxi motivazzjoni adegwata u suffiċjenti, rifjut ġdid meħud wara eżami mill-ġdid li ma jistax, bħala definizzjoni, ikun ibbażat esklużivament fuq raġunijiet esposti f’deċiżjonijiet preċedenti għal dan l-eżami mill-ġdid. Konsegwentement, ir-riferiment għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ma jissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda r-rifjut għal aċċess għad-data personali li tinsab f’dokumenti tal-gruppi B, Ċ u D preklużi, għal darba oħra, għar-rikorrent fin-nota kkontestata.

83      Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni għandu jintlaqa’.

84      Għaldaqstant, in-nota kkontestata, billi tiċħad it-talba tar-rikorrent li jaċċedi għal ċerta data personali tiegħu, għandha tiġi annullata.

 Dwar il-miżura istruttorja mitluba mir-rikorrent

85      Ir-rikorrent jitlob li jiġi ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi d-Dokument Nru 57.

86      Madankollu, il-miżura istruttorja mitluba hija marbuta mat-talbiet għal kumpens, hekk kif ir-rikorrent irrikonoxxa waqt is-seduta. Sa fejn dan tal-aħħar ikun irtira l-imsemmija talbiet, u fejn ittieħdet nota ta’ dan l-irtirar (punt 27 iktar ’il fuq), il-produzzjoni tad-Dokument Nru 57 ma huwa ta’ ebda utilità f’din il-kawża.

87      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għal miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrent.

 Fuq l-ispejjeż

88      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

89      Peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tat-talbiet essenzjali tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent u mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rinunzja parzjali ta’ dan tal-aħħar tat-talbiet tiegħu għad-danni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      In-nota tad-Direttur tad-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, tat-12 ta’ Ottubru 2016, li tiċħad it-talba tal-21 ta’ Settembru 2016 ta’ RE li jitlob aċċess għal ċerta data personali tiegħu, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

 

      Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Frar 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 Informazzjoni kunfidenzjali moħbija.